Language of document : ECLI:EU:C:2019:1130

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Artikolu 10(2) – Informazzjoni li għandha tissemma’ fil-kuntratti ta’ kreditu –Rata ta’ imposta perċentwali fis-sena – Assenza ta’ indikazzjoni ta’ perċentwali preċiża ta’ din ir-rata – Rata espressa permezz ta’ firxa ta’ bejn 21.5 % u 22.4 %”

Fil-Kawża C‑290/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Trnave (il-Qorti Reġjonali ta’ Trnava, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ April 2019, fil-proċedura

RN

vs

Home Credit Slovakia a.s.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, L. Bay Larsen u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66 u rettifiki ĠU 2010 L 199 p. 40 u ĠU 2011 L 234 p.46), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE, tal-14 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 296, p. 35) (iktar ’il quddiem id- “Direttiva 2008/48”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn RN, konsumatur, u Home Credit Slovakia a.s. (iktar ’il quddiem “Home Credit”), dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsum konkluż mill-konsumatur ma’ din il-kumpannija ta’ kreditu, li fil-kuntest tiegħu rata ta’ imposta perċentwali fis-sena (iktar ’il quddiem ir-“RIPS”) ma hijiex stabbilita b’riferiment għal rata unika.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 9, 19 u 31 tad-Direttiva 2008/48 huma redatti kif ġej:

“(9)      Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. […]

[…]

(19)      Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. Biex ikunu żgurati trasparenza u komparabbiltà ta’ offerti bl-aktar mod sħiħ possibbli, tali informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tinkludi r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena applikabbli għall-kreditu, u maħduma madwar il-Komunità kollha bl-istess mod. Billi f’dan l-istadju r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena tista’ tiġi indikata biss b’eżempju, tali eżempju għandu jkun rappreżentattiv. Għalhekk, dan għandu jikkorrispondi, per eżempju, għall-medja tat-tul ta’ żmien u l-ammont totali ta’ kreditu mogħti għat-tip ta’ ftehim ta’ kreditu taħt konsiderazzjoni u, jekk applikabbli, għall-merkanzija mixtrija. Meta jkun qed jiġi ddeterminat l-eżempju rappreżentattiv, il-frekwenza ta’ ċerti tipi ta’ ftehim ta’ kreditu f’suq partikolari għandha tiġi kkunsidrata wkoll. Għal dak li jirrigwarda r-rata tas-self, il-frekwenza tal-pagamenti bin-nifs u l-kapitalizzazzjoni ta’ l-interessi, il-kredituri għandhom jużaw il-metodu ta’ kalkolu konvenzjonali tagħhom għall-kreditu tal-konsumatur konċernat.

[…]

(31)      Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva 2008/48 jippreċiża li din għandha bħala għan li jiġu armonizzati ċerti aspetti tar-regolamenti tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehimiet li jkopru kreditu għall-konsumaturi.

5        L-Artikolu 3(i) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(i)      ‘rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS]’ tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2)”.

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/48 jirrigwarda l-informazzjoni standard li għandha tiġi inkluża fir-reklamar dwar il-ftehim ta’ kreditu. Dan jipprevedi li kull reklamar li jirrigwarda dawn il-ftehimiet, li jindika rata ta’ interess jew kwalunkwe ċifra relatat mal-ispiża tal-kreditu lill-konsumatur għandu jinkludi informazzjoni standard, imsemmija b’mod ċar, konċiż u prominenti permezz ta’ eżempju rappreżentattiv. Fost din l-informazzjoni tinsab, b’mod partikolari, ir-RIPS.

7        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(g) tiegħu:

“2. Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(g)      ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew”.

8        Skont l-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kalkolu tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS]”:

“1.      Ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS], li tekwavali, fuq bażi annwali, għall-valur preżenti ta’ l-impenji kollha (ġbid ta’ kreditu, radd lura u imposti), futuri jew eżistenti, miftehma bejn il-kreditur u l-konsumatur, għandha tiġi kkalkolata skond il-formola matematika mniżżla fil-Parti I ta’ l-Anness I.

2.      Għall-fini tal-kalkolu tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS], l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur għandha tiġi determinata, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe imposta pagabbli mill-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe impenn min-naħa tiegħu stabbilit fil-ftehim ta’ kreditu u imposti barra mill-prezz tax-xiri li, għal xiri ta’ merkanzija u servizzi, hu obbligat iħallas irrispettivament minn jekk it-transazzjoni issirx permezz ta’ flus kontanti jew permezz ta’ kreditu.

L-ispejjeż biex jinżamm kont li jirreġistra kemm transazzjonijiet ta’ ħlas u kif ukoll ta’ ġbid ta’ kreditu, l-ispejjeż ta’ l-użu ta’ mezz ta’ ħlas kemm għal transazzjonijiet ta’ ħlas u kif ukoll għal ġbid ta’ kreditu, u spejjeż oħrajn relatati ma’ transazzjonijiet ta’ ħlas għandhom jiġu inklużi fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur sakemm il-ftuħ tal-kont ma jkunx obbligatorju u l-ispejjeż tal-kont ikunu ntwerew b’mod ċar u separatament fil-ftehim ta’ kreditu jew fi kwalunkwe ftehim ieħor konkluż mal-konsumatur.

3.      Il-kalkolu tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS] għandu jkun ibbażat fuq l-assunzjoni bażika li l-ftehim ta’ kreditu għandu jibqa’ validu għall-perijodu miftiehem u l-kreditur u l-konsumatur ser jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt it-termini u sad-dati speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu.

4.      Fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu li jkollhom klawżoli li jippermettu varjazzjonijiet fir-rata tas-self u, fejn ikun applikabbli, l-imposti fir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS] iżda li ma jistgħux jiġu kkwantifikati fil-ħin tal-kalkolu, ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS] għandha tiġi kkalkolata fuq l-assunzjoni li r-rata tas-self u imposti oħrajn jibqgħu fissi b’relazzjoni mal-livell inizjali u jibqgħu applikabbli sa tmiem il-ftehim ta’ kreditu.

5.      Fejn meħtieġ, l-assunzjonijiet addizzjonali mniżżlin fl-Anness I jistgħu jiġu użati fil-kalkolu tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS].

Jekk l-assunzjonijiet li jidhru f’dan l-Artikolu u fil-Parti II ta’ l-Anness I mhumiex biżżejjed biex tiġi kalkolata r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS]b’mod uniformi jew m’għadhomx adatti għas-sitwazzjoni kummerċjali fis-suq, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-assunzjonijiet addizzjonali meħtieġa għall-kalkolu tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena, jew timmodifika dawk eżistenti. […]”

9        L-Anness I tad-Direttiva 2008/48 jistabbilixxi, fil-Parti I tiegħu, l-ekwazzjoni bażika li tesprimi r-RIPS. Huwa ppreċiżat li r-riżultat tal-kalkolu ta’ din l-ekwazzjoni huwa espress bi preċiżjoni tal-inqas għal deċimali. Jekk il-figura fil-punt deċimali li ssegwi hija ikbar minn jew ugwali għal 5, iċ-ċifra f’dan il-post deċimali għandha tiżdied b’wieħed.

10      Il-Parti II ta’ dan l-Anness I tesponi assunzjonijiet miżjuda għall-finijiet tal-kalkolu tar-RIPS, hekk kif ifformulati:

“(a)      Jekk ftehim ta’ kreditu jagħti lill-konsumatur libertà fil-ġbid ta’ kreditu, l-ammont totali ta’ kreditu għandu jitqies li jkun miġbud immedjatament u interament;

(b)      Jekk ftehim ta’ kreditu jagħti lill-konsumatur il-libertà ta’ ġbid ta’ kreditu in ġenerali iżda jinponi, fost il-modi differenti ta’ ġbid ta’ self, limitu fir-rigward ta’ l-ammont u l-perijodu ta’ żmien, l-ammont ta’ kreditu għandu jitqies bħala li nġibed fl-aktar data bikrija prevista fil-ftehim u skond dawk il-limiti ta’ ġbid ta’ kreditu;

(ċ)      Jekk ftehim ta’ kreditu jipprovdi modi differenti għall-ġbid ta’ kreditu b’imposti jew rati tas-self differenti, l-ammont totali ta’ kreditu għandu jitqies bħala li ġie miġbud fl-ogħla imposta u rata ta’ teħid ta’ self applikata għall-mekkaniżmu għall-ġbid ta’ kreditu l-iktar komuni għal dan it-tip ta’ ftehim ta’ kreditu.

[…]

(f)      Fil-każ ta’ ftehimiet ta’ kreditu, ħlief overdrafts u krediti bla skandenza kif imsemmi fl-assunzjonijiet stipulati fil-punti (d) u (e):

[…]

(ii)      jekk id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu mhix magħrufa, id-data tal-bidu tal-ġbid għandha tkun meqjusa bħala d-data li tirriżulta fl-inqas intervall bejn dik id-data u d-data tal-ewwel ħlas li għandu jsir mill-konsumatur.

[…]”

 Id-dritt Slovakk

11      Iż-zákon č. 129/2010 Z. z. o spotrebiteľských úveroch a o iných úveroch a pôžičkách pre spotrebiteľov a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 129/2010 dwar il-Krediti għall-Konsum u l-Krediti u Self Mogħti għall-Konsumaturi u li Temenda Ċerti Liġijiet Oħra), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, hija intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Slovakk id-Direttiva 2008/48.

12      L-Artikolu 9(2)(d) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jindika:

[…]

(j)      ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; is-suppożizzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

13      L-Artikolu 11(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Il-kreditu għall-konsum mogħti huwa meqjus eżenti minn interessi u spejjeż jekk:

[…]

(b)      il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum ma jinkludix l-elementi meħtieġa fl-Artikolu 9(2)(a) sa (k), (r) u (y),

[…]

(d)      il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum ma jindikax korrettament ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [RIPS] għad-detriment tal-konsumatur.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Fl-4 ta’ Marzu 2013, RN u Home Credit ikkonkludew ftehim ta’ kreditu għall-konsum ta’ ammont ta’ EUR 3 359.14. Il-kuntratt kien isemmi l-ammont tal-pagamenti mensili (EUR 89.02), ir-rata ta’ interessi (19.62 %) u r-RIPS (li tinsab bejn 21.5 % u 22.4 %). Il-kuntratt kien jippreċiża wkoll li r-RIPS kienet tiddependi fuq id-data li fiha l-fondi jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ RN u li kien ser jiġi kkomunikat lilha wara din id-data.

15      Barra minn hekk, il-kuntratt kien jispeċifika l-iskadenzi ta’ rimbors tas-self u kien jistabbilixxi li l-ewwel ħlas kellu jsir mix-xahar ta’ wara d-data ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi, li l-iskadenzi l-oħra kienu ffissati għall-15 il-jum ta’ kull xahar kalendarju u li s-self kien rimborsabbli f’60 pagament mensili.

16      Fit-2 ta’ Lulju 2017, Home Credit informa lil RN li dan tal-aħħar kien irrimborsa s-self kollu kemm hu, jiġifieri s-somma ta’ EUR 5 291.24.

17      RN madankollu ressqet azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut kontra Home Credit, minħabba li l-kreditu kellu jiġi kkunsidrat bħala mingħajr interessi u lanqas spejjeż, peress li r-RIPS kienet ġiet iffissata fil-ftehim mhux b’rata unika, iżda b’medda li tirreferi għal rata minima u għal rata massima. Għalhekk, billi qieset li kellu jħallas biss l-ammont tas-self f’kapital, jiġifieri EUR 3 359.14, RN talbet ir-rimbors, abbażi ta’ arrikkiment indebitu, tas-somma ta’ EUR 1 932.10.

18      Din it-talba ma ntlaqgħetx mill-qorti tal-ewwel istanza. Din ikkunsidrat b’mod partikolari li s-self mogħti lil RN minn Home Credit kien kreditu għall-konsum, li l-ftehim tiegħu kien jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa fl-Artikolu 9(2) tal-Liġi Nru 129/2010. Hija ddeċidiet ukoll li l-ftehim ma kellux isemmi espressament ir-RIPS b’riferiment għal rata unika u li jkun sproporzjonat li min isellef jiġi ppenalizzat billi jiddikjara li s-self huwa meqjus mingħajr interessi u lanqas spejjeż għas-sempliċi raġuni li l-RIPS hija espressa minn rata li tkun tinsab f’firxa ta’ żewġ valuri (minimu-massimu).

19      Peress li RN ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tistaqsi jekk l-iffissar tar-RIPS permezz ta’ tali firxa huwiex kuntrarju għad-Direttiva 2008/48.

20      Din il-qorti tesponi li Home Credit sostna li l-ftehim ta’ kreditu kien ġie konkluż permezz tat-telefon u li r-rikorrent kellu 35 jum sabiex jaċċetta jew jirrifjuta l-offerta ta’ ftehim ta’ kreditu. Għal din ir-raġuni, Home Credit ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti indikazzjoni preċiża dwar id-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi, li minnha kienet tiddependi r-RIPS.

21      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li dan l-argument ftit li xejn jidher konvinċenti fir-rigward tal-każijiet imsemmija fil-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48, b’mod partikolari dawk previsti fil-punti (a), (c) jew (f) ta’ din il-parti. In-nuqqas ta’ konjizzjoni tad-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi ma jeżentax lil min isellef milli jsemmi r-RIPS b’riferiment għal perċentwali preċiż, espress permezz ta’ valur wieħed.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Trnave (il-Qorti Reġjonali ta’ Trnave) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 10[(2)](g) tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li jissodisfa r-rekwiżit previst fl-imsemmi artikolu, ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi li jindika r-[RIPS] mhux permezz ta’ perċentwali speċifiku, iżda permezz ta’ medda ta’ bejn żewġ valuri (minimu-massimu)?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fi ftehim ta’ kreditu għall-konsum, ir-RIPS tkun espressa mhux b’rata unika, iżda b’medda li tirreferi għal rata minima u għal rata massima.

24      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-indikazzjoni tar-RIPS fil-forma ta’ firxa ta’ żewġ valuri ma hijiex konformi mal-formulazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48, b’mod partikolari tal-Artikoli 3 u 19, u lanqas l-istruttura tagħha. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-RIPS għandha tiġi espressa f’perċentwali, b’riferiment għal ċifra preċiża.

25      Għalhekk, minn naħa, l-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2008/48, li jiddefinixxi r-RIPS fis-sens li tikkorrispondi għall-“ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu”, jimponi li tiġi ffissata perċentwali preċiża.

26      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Anness I, Parti I, tagħha, jirriżulta li r-RIPS hija kkalkolata skont il-formula matematika li tinsab fl-imsemmi anness u għandha tirrifletti, għal deċimali qrib, l-impenji kollha eżistenti jew futuri, miftiehma minn min isellef u l-konsumatur. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(5) jindika li r-RIPS għandha tiġi kkalkolata b’mod uniformi. Kif osserva ġustament il-Gvern Slovakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-osservanza tal-imsemmija preskrizzjonijiet tista’ twassal biss għal riżultat preċiż, espress għal deċimali qrib.

27      Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-għan imfittex mid-Direttiva 2008/48 u mill-funzjoni ssodisfatta mir-RIPS fis-sistema stabbilita minnha.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/48 kienet adottata bil-għan doppju li tiżgura lill-konsumaturi tal-Unjoni Ewropea livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u li tiffaċilita l-ħolqien ta’ suq intern ta’ kreditu għall-konsum (sentenza tas-5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C-331/18, EU:C:2019:665, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-premessa 19 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġi ggarantit li l-konsumatur jirċievi, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, informazzjoni adegwata, b’mod partikolari dwar ir-RIPS fl-Unjoni kollha, li tippermettilu li jqabbel dawn ir-rati.

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizza li, għal konsumatur, ir-RIPS għandha importanza essenzjali inkwantu spiża globali tal-kreditu, ippreżentat fil-forma ta’ rata kkalkolata skont formula matematika unika. Fil-fatt, din ir-rata tippermetti lill-konsumatur li jevalwa, mill-perspettiva ekonomika, il-portata tal-impenn li tinvolvi l-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C-377/14, EU:C:2016:283, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C-42/15, EU:C:2016:842, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C-448/17, EU:C:2018:745, punt 64).

30      F’din il-perspettiva, l-obbligu ta’ informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, li bis-saħħa tiegħu l-ftehim ta’ kreditu jsemmi, b’mod ċar u konċiż, ir-RIPS, jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, b’mod partikolari, dak ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi.

31      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm kien permess li jiġi previst, fi ftehim ta’ kreditu, li r-RIPS setgħet tiġi espressa b’riferiment mhux għal rata unika, iżda għal medda li tirreferi għal rata minima u għal rata massima, il-kriterju ta’ ċarezza u ta’ konċiżjoni stabbilit fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma huwiex issodisfatt. Issa, dan il-kriterju huwa essenzjali sabiex il-konsumatur ikun jista’, kif tiddikjara l-premessa 31 ta’ din id-direttiva, ikun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-ftehim ta’ kreditu. Fil-fatt, l-użu ta’ tali medda jista’ mhux biss jagħmel iktar diffiċli l-evalwazzjoni tal-ispiża totali tal-kreditu, iżda jista’ jqarraq bil-konsumatur dwar il-portata reali tal-impenn tiegħu.

32      Għandu jingħad ukoll li hija irrilevanti f’dan ir-rigward iċ-ċirkustanza, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, li ċerta informazzjoni, b’mod partikolari d-data tal-ħlas tal-kreditu jew ukoll id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, ma hijiex magħrufa mill-persuna li ssellef meta din tippreżenta lill-konsumatur offerta tal-ftehim ta’ kreditu.

33      Fil-fatt, id-Direttiva 2008/48 tipprevedi, fil-Parti II tal-Anness I tagħha, ipoteżijiet addizzjonali intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kalkolu tar-RIPS fil-każ fejn ċerti elementi ma jkunux magħrufa jew meta ma jkunx possibbli, għal raġunijiet oħra, li jiġu ddeterminati.

34      B’hekk, meta d-data tal-ħlas tal-kreditu ma tkunx magħrufa, il-persuna li ssellef għandha ipoteżijiet addizzjonali previsti, b’mod partikolari, fl-Anness I, Parti II (a) sa (ċ) tad-Direttiva 2008/48 sabiex tiġi kkalkolata ir-RIPS b’mod preċiż. Bl-istess mod, meta d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ma tkunx magħrufa, il-parti II (f) punt (ii) tal-Anness I ta’ din id-direttiva tipprevedi li d-data tal-imposta inizjali titqies li tkun dik li tikkorrispondi għall-iqsar intervall bejn din id-data u d-data tal-ewwel ħlas li għandu jagħmel il-konsumatur.

35      Għaldaqstant, minħabba, b’mod partikolari, l-imsemmija ipoteżijiet intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kalkolu tar-RIPS b’mod uniformi, ma jistax jiġi allegat li l-iffissar tar-RIPS espress b’rata unika ma huwiex possibbli jew huwa eċċessivament diffiċli, meta tali elementi ma jkunux magħrufa b’ċertezza.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fi ftehim ta’ kreditu għall-konsum, ir-RIPS tkun espressa mhux b’rata unika, iżda b’medda li tirreferi għal rata minima u għal rata massima.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE tal-14 ta’ Novembru 2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fi ftehim ta’ kreditu għall-konsum, ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena tkun espressa mhux b’rata unika, iżda b’medda li tirreferi għal rata minima u għal rata massima.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.