Language of document : ECLI:EU:C:2019:1140

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 528/2012 – Artikolu 3(1)(a) u (ċ) – Kunċett ta’ ‘prodott bijoċidali’ – Kunċett ta’ ‘sustanza attiva’ – Prodott batterjali li fih l-ispeċi Bacillus ferment – Mod ta’ azzjoni li ma huwiex sempliċement azzjoni fiżika jew mekkanika – Mod ta’ azzjoni indirett – Perijodu li fih jaġixxi l-prodott”

Fil-Kawża C‑592/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

Darie BV

vs

Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Darie BV, minn H. Lamon u J. A. M. Jonkhout, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, inizjalment minn G. Hesse, sussegwentement minn J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn J. T. Kaasin u T. Skjeie, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek u R. Lindenthal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 280, p. 57).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Darie BV, kumpannija kummerċjali attiva fis-suq tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti ta’ manutenzjoni, ta’ tindif u ta’ ħasil, u l-iStaatssecretaris van Infrastructuur en Milieu  (is-Segretarju tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ordnalha twaqqaf it-tqegħid fis-suq ta’ prodott li s-Segretarju tal-Istat ikklassifika bħala “prodott bijoċidali” u li ma kienx ġie awtorizzat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 528/2012

3        Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 528/2012 hija fformulata kif ġej:

“Ir-regoli dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali ġewwa l-Komunità ġew mid-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3)]. Hemm il-ħtieġa li dawk ir-regoli jiġu adattati fid-dawl tal-esperjenza u b’mod partikolari r-rapport dwar l-ewwel seba’ snin tal-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva mressaq mill-Kummissjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li janalizza l-problemi fir-rigward ta’ dik id-Direttiva u d-dgħufijiet tagħha.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u suġġett”, jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-għan tiegħu hu li jkunu salvagwardjati s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. […]

2.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għal:

(a)      l-istabbiliment fil-livell tal-Unjoni ta’ lista ta’ sustanzi attivi li jistgħu jintużaw fil-prodotti bijoċidali;

(b)      l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali;

[…]”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti bijoċidali u oġġetti ttrattati. Lista tat-tipi tal-prodotti bijoċidali koperti b’dan ir-Regolament u d-deskrizzjonijiet tagħhom hija stabbilita fl-Anness V.”

6        L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)      ‘prodott bijoċidali’ tfisser

–        kwalunkwe sustanza jew taħlita, fl-għamla li jiġu fornuti lill-utent, li jikkonsistu minn, li fihom jew li jiġġeneraw sustanza attiva waħda jew aktar, bl-intenzjoni li jeqirdu, jimpedixxu, jrendu mhux dannuż, jipprevjenu l-azzjoni ta’, jew li jeżerċitaw b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuq kwalunkwe organiżmu ta’ ħsara bi kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika;

–        kwalunkwe sustanza jew taħlita, iġġenerata minn sustanzi jew taħlitiet li huma stess ma jaqgħux taħt l-ewwel inċiż, li huma maħsubin biex jintużaw bl-intenzjoni li jeqirdu, jimpedixxu, jrendu mhux dannuż, jipprevjenu l-azzjoni ta’, jew li jeżerċitaw b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuq kwalunkwe organiżmu ta’ ħsara bi kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika.

Oġġett ittrattat li għandu funzjoni bijoċidali primarja għandu jitqies bħala prodott bijoċidali.

[…]

(c)      ‘sustanza attiva’ tfisser sustanza jew mikroorganiżmu li jaġixxu fuq jew kontra organiżmi ta’ ħsara;

[…]

(g)      ‘organiżmu ta’ ħsara’ tfisser organiżmu, inklużi aġenti patoġeniċi, li għandu preżenza mhux mixtieqa jew effett detrimentali fuq il-bnedmin, l-attivitajiet tagħhom jew il-prodotti li jużaw jew jipproduċu, jew fuq l-annimali jew l-ambjent;

[…]”

7        L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 528/2012 jipprovdi:

“Il-prodotti bijoċidali ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw sakemm ma jkunux awtorizzati skont dan ir-Regolament.”

8        L-Anness V ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tipi ta’ prodotti bijoċidali u d-deskrizzjonijiet tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)”, jikklassifika dawn il-prodotti f’erba’ gruppi, jiġifieri d-diżinfettanti, il-prodotti preżervattivi, il-prodotti għall-kontroll tal-infestazzjonijiet u l-prodotti bijoċidali l-oħra. Dan l-anness jispeċifika, minn naħa, li d-diżinfettanti ma jinkludux il-prodotti tat-tindif li ma humiex intiżi li jkollhom effett bijoċidali u, min-naħa l-oħra, li l-prodotti preżervattivi, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, jinkludu biss prodotti intiżi li jipprevjenu l-iżvilupp ta’ mikrobi u ta’ alka.

 Id-Direttiva 98/8

9        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/8, intitolat “Id-definizzjonijiet”, li tħassret u li ġiet issostitwita bir-Regolament Nru 528/2012, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      Prodotti bijoċidali

Is-sustanzi attivi u t-tħejjijiet li jkun fihom sustanza attiva jew aktar, esibiti fil-għamla li fiha jkunu forniti lill-utent, maħsuba sabiex jeqirdu, igerrxu, jirrendu bla ħsara, jipprevjienu l-azzjoni, jew jeżerċitaw xorta oħra kontroll effettiv fuq kull organiżmu ta’ perikolu b’mezzi kimiċi jew bioloġiċi.

[…]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004

10      Fil-premessa 21 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 49), huwa indikat li “wieħed iżomm quddiem għajnejh li hemm leġislazzjoni orizzontali oħra applikabbli għal surfactants ta’ diterġenti”, leġiżlazzjoni li tinkludi d-Direttiva 98/8.

11      Il-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “diterġent” għall-finijiet tal-imsemmi regolament.

 Id-dritt Olandiż

12      L-Artikolu 1 tal-Wet gewasbeschermingsmiddelen en biociden (il-Liġi dwar il-Prodotti tas-Saħħa tal-Pjanti u Bijoċidi, iktar ’il quddiem il-“Wgb”), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din il-liġi u tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tagħha għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[…]

Prodotti bijoċidali: il-prodotti bijoċidali msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament [Nru 528/2012];

[…]”

13      Skont l-Artikolu 43 tal-Wgb, intitolat “Ksur tar-Regolament”:

“1.      Huwa pprojbit it-twettiq ta’ att li jmur kontra l-Artikolu 17(1), (5) u (6) […] tar-Regolament [Nru 528/2012] jew ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tagħhom.

[…]”

14      L-Artikolu 86 tal-Wgb, intitolat “Miżuri amministrattivi ta’ infurzar”, jipprevedi:

“Il-Ministru huwa awtorizzat jimponi ordni permezz ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar sabiex jiżgura l-osservanza tar-regoli stabbiliti fi jew bis-saħħa ta’ din il-liġi u tal-Artikolu 5:20 tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Kodiċi Amministrattiv) sa fejn ikun involut l-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-uffiċjali indikati taħt l-Artikolu 82.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2017, is-Segretarju tal-Istat, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 43 u 86 tal-Wgb u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 528/2012, ordna lil Darie, suġġett għal pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 1 000 fil-ġimgħa sa massimu ta’ EUR 25 000, sabiex twaqqaf it-tqegħid fis-suq ta’ Pure Air, prodott li huwa kklassifika bħala “prodott bijoċidali” u li ma kienx ġie awtorizzat mill-awtorità kompetenti, jiġifieri mill-College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden (il-Korp li Jawtorizza l-Prodotti tas-Saħħa tal-Pjanti u Bijoċidi, il-Pajjiżi l-Baxxi).

16      Darie ppreżentat ilment kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat filwaqt li sostniet li dan kien wettaq żball meta kklassifika Pure Air bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2017, is-Segretarju tal-Istat ċaħad dan l-ilment.

18      Darie ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn ikkontestat il-klassifikazzjoni ta’ Pure Aire bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. Skont din il-kumpannija, Pure Air għandu effett probijotiku u mhux bijoċidali, sa fejn l-ispeċi batterjali Bacillus ferment li tinsab f’dan il-prodott tiġġenera enzimi li jassorbu u jiddiġerixxu kwalunkwe residwi organiċi li kienu jintużaw bħala ikel mill-mikroorganiżmi, b’tali mod li, fuq il-wiċċ ittrattat bl-imsemmi prodott, ma jistax ikun hemm bijotopi li fihom jistgħu jiżviluppaw mikroorganiżmi bħall-moffa.

19      Il-qorti tar-rinviju tindika li t-tikketta ta’ Pure Air tiddeskrivi dan il-prodott bħala likwidu kkonċentrat bijodegradabbli li jitbexxex, li fih probijotiċi u li jinkludi b’mod partikolari l-ispeċi batterjali Bacillus ferment, u li għandu jintuża “sabiex tiġi żgurata l-assenza ta’ moffa” u sabiex “jitneħħew u jitwaqqfu rwejjaħ mhux pjaċevoli”, billi tingħata mikroflora b’saħħitha u sigura fuq l-uċuħ imbexxa. L-istruzzjonijiet għall-użu ta’ Pure Air jispeċifikaw, minn naħa, li, qabel jitbexxex dan il-prodott fuq l-uċuħ li għandhom jiġu ttrattati, kien meħtieġ li titneħħa l-moffa “sabiex ikun hemm bidu ġdid” u, min-naħa l-oħra, li “sabiex ma tiġix lura l-moffa, huwa meħtieġ li t-tbexxix ta’ [Pure Air] isir darba kull tlieta jew erba’ ġimgħat, skont l-umdità li jkun hemm fil-kamra”.

20      Il-qorti tar-rinviju żżid li, fit-22 ta’ Marzu 2017, is-sit internet ta’ Darie kien juri informazzjoni fis-sens li “[i]l-prodotti ta’ tindif probijotiċi jiffunzjonaw bħal tekniki ta’ tindif konvenzjonali. Dawn il-prodotti jneħħu l-ħmieġ viżibbli. Madankollu, hemm differenza importanti. Patoġeni potenzjali bħal moffa u batterji dannużi jisparixxu. L-għadd ta’ batterji u moffa ħżiena huwa mnaqqas sew bit-tneħħija tal-bażi nutrittiva tagħhom. Barra minn hekk, il-prodott huwa sigur u sostenibbli. Il-bażi tikkonsisti f’batterji tajbin u f’ilma, u għalhekk il-prodott huwa l-iktar prodott li jirrispetta l-ambjent li wieħed jista’ jsib fis-suq professjonali”.

21      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-azzjoni ta’ Pure Air kif invokata minn Darie, jiġifieri li ma jiġux miġġielda l-organiżmi ta’ ħsara iżda pjuttost il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi, taqax taħt il-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘prodotti bijoċidali’ li jinsab fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi wkoll għal prodotti kkostitwiti minn wieħed jew iktar speċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra, fid-dawl tal-fatt li dawn, minħabba l-mod ta’ azzjoni speċifika tagħhom, ma għandhomx effett dirett fuq l-organiżmu dannuż li għalih huma maħsuba iżda fuq il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat possibbli għal dan l-organiżmu dannuż u, skont il-każ, liema rekwiżiti għandhom għalhekk jiġu imposti fuq tali effett?

2)      Fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti jekk iċ-ċirkustanzi li fihom tali prodott jiġi applikat ma għandhomx preżenza ta’ organiżmi dannużi, u jekk dan huwa l-każ, liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi evalwat li dan huwa l-każ?

3)      Fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti f’liema terminu jseħħ dan l-effett?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

23      Darie ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda għaliex il-qorti tar-rinviju għandha l-elementi kollha li jippermettulha, mingħajr ma jkun meħtieġ li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, tikkonstata li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex prodott bijoċidali. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Marzu 2012, Söll (C‑420/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Söll”, EU:C:2012:111), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat risposta għall-ewwel domanda.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinita minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Issa, f’dan il-każ, quddiem il-qorti tar-rinviju hija pendenti tilwima li tikkonċerna, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-prodott Pure Air bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. Peress li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “prodott bijoċidali” u ta’ “sustanza attiva” fis-sens ta’ dan ir-regolament, u peress li hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula, ma hemm ebda dubju li l-imsemmija domandi huma rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imfakkra fil-punt preċedenti, huma ssodisfatti.

27      Għalhekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri prodotti li fihom waħda jew iktar speċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra li, minħabba l-mod ta’ azzjoni speċifika tagħhom, ma għandhomx effett dirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom huma maħsuba iżda fuq il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara u, skont il-każ, liema kundizzjonijiet għandha tissodisfa azzjoni ta’ dan it-tip.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, peress li r-Regolament Nru 528/2012 ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 98/8, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tgħodd ukoll għal dan ir-regolament fejn id-dispożizzjonijiet taż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 26; tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 31; u tal-15 ta’ Novembru 2018, Kuhn, C‑308/17, EU:C:2018:911, punt 31).

30      Fil-punt 31 tas-sentenza Söll, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 kellu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-prodotti li jaġixxu biss b’mod indirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom ikunu maħsuba, meta dawn il-prodotti jkun fihom sustanza attiva waħda jew iktar li timplika azzjoni, kimika jew bijoloġika, li tagħmel parti integrali minn katina ta’ kawżalità li l-għan tagħha jkun li jiġi prodott effett inibitorju għall-imsemmija organiżmi.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, fil-punt 24 tas-sentenza Söll, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 kien isawwar id-definizzjoni ta’ prodotti bijoċidali madwar tliet elementi kumulattivi. Dawn kienu marbuta mal-preżenza, fil-prodott, ta’ “sustanza attiva”, mal-fatt li dan il-prodott ikun intiż li jintlaħqu ċerti għanijiet u mal-mod ta’ azzjoni kimika jew bijoloġika tiegħu. Il-konklużjoni misluta mil-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 31 ta’ din is-sentenza kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq analiżi tat-tieni element ta’ din id-definizzjoni, moqri fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

32      Issa, l-analiżi komparattiva tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 u tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 turi li dan l-element huwa fformulat b’mod identiku fiż-żewġ dispożizzjoni, fis-sens li l-klassifikazzjoni bħala “prodott bijoċidali” hija, b’mod partikolari, suġġetta għall-fatt li l-prodotti inkwistjoni jkollhom l-“intenzjoni li jeqirdu, jimpedixxu, jrendu mhux dannuż, jipprevjenu l-azzjoni ta’, jew li jeżerċitaw b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuq kwalunkwe organiżmu ta’ ħsara bi kwalunkwe mezz”.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza Söll, fis-sens li huma koperti mill-kunċett ta’ “prodott bijoċidali” mhux biss l-effett diretti iżda wkoll l-effetti indiretti ta’ prodott, għadha għalhekk applikabbli għall-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012.

34      Tali interpretazzjoni hija koerenti wkoll mal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sustanza attiva”, li minnha jista’ jkun ikkostitwit prodott bijoċidali, bħala “sustanza jew mikroorganiżmu li jaġixxu fuq jew kontra organiżmi ta’ ħsara”. Iż-żewġ partijiet alternattivi ta’ dan il-kunċett, jiġifieri azzjoni “fuq” l-organiżmi ta’ ħsara u azzjoni “kontra” dawn l-organiżmi, jikkonfermaw li tali kunċett ma jinkludix biss l-azzjonijiet diretti fuq l-organiżmi ta’ ħsara, iżda wkoll l-azzjonijiet indiretti kontra dawn l-organiżmi, bil-kundizzjoni li l-effetti tagħhom jagħmlu parti integrali minn katina ta’ kawżalità li l-għan tagħha huwa li tipprodoċi effetti inibitorju għall-imsemmija organiżmi.

35      Mill-banda l-oħra, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-mod ta’ azzjoni ta’ prodott bijoċidali, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, b’differenza mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8, ma jillimitax dan il-mod ta’ azzjoni għal “azzjoni kimika jew bijoloġika”, iżda jestendih għal “kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika”.

36      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tagħha, dan ir-regolament ma inkludiex il-proposta tal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “prodott bijoċidali” jiġi limitat espliċitament għall-effetti bijoloġiċi u kimiċi, kif kien jipprevedi l-Artikolu 3(1)(a) tal-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2009 għal regolament dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (KUMM(2009) 267 finali).

37      L-estensjoni tad-definizzjoni tal-mod ta’ azzjoni ta’ prodott bijoċidali, introdotta permezz tar-Regolament Nru 528/2012, hija koerenti mal-għan, imfakkar fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, li r-regoli tad-Direttiva 98/8 jiġu adattati “fid-dawl tal-esperjenza” miksuba u li jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni ikbar tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent.

38      Minn dan isegwi li l-fatt li prodott ikollu effett probijotiku, u mhux kimiku, ma jipprekludix, fih innifsu, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala “prodott bijoċidali” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. Għall-kuntrarju, sakemm l-effett probijotiku ta’ prodott jirriżulta minn “kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fiha jkunu ssodisfatti, dan il-prodott jaqa’, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri prodotti li fihom waħda jew iktar speċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra li, minħabba l-mod ta’ azzjoni speċifika tagħhom, ma jaġixxux, bħala prinċipju, b’mod dirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom huma maħsuba iżda fuq il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti jinvolvu azzjoni li ma hijiex azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika u li tagħmel parti integrali minn katina ta’ kawżalità li l-għan tagħha jkun li tipproduċi effett inibitorju għall-imsemmija organiżmi.

 Fuq it-tieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li prodott ma għandux jiġi applikat fuq il-wiċċ li għandu jiġi ttrattat qabel ma jiġu eliminati l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu jinsabu fuq dan il-wiċċ għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, liema huwa l-kriterju li fid-dawl tiegħu għandu jiġi evalwat jekk il-wiċċ li għandu jiġi ttrattat huwiex effettivament ħieles minn dawn l-organiżmi wara l-imsemmija eliminazzjoni.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-gradazzjoni tal-għanijiet tal-prodotti bijoċidali mwettqa fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 telenka l-għanijiet tal-prodotti bijoċidali. Dawn l-għanijiet ivarjaw mill-qerda tal-organiżmi ta’ ħsara sal-prevenzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Söll, punt 28). Barra minn hekk, l-Anness V ta’ dan ir-regolament, li jinkludi l-lista tal-prodotti bijoċidali koperti mill-imsemmi regolament, jinkludi f’din il-lista prodotti b’azzjoni preventiva li ġeneralment jintużaw f’kuntesti fejn ma jkunx hemm organiżmi ta’ ħsara.

42      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, għandu jinftiehem b’mod wiesa’ u jkopri, b’mod partikolari, prodotti ta’ prevenzjoni. Din l-interpretazzjoni wiesgħa hija kkorroborata mill-għan stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jiġi żgurat “livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent”.

43      Issa, dan l-għan ma jistax jintlaħaq kompletament jekk prodotti li fihom “sustanzi attivi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012, ma jiġux ikklassifikati bħala “prodotti bijoċidali” minħabba li għandhom effett sempliċement preventiv fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom huma maħsuba u ma jiġux suġġetti għar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u dwar l-użu ta’ tali prodotti stabbiliti permezz ta’ dan ir-regolament.

44      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 27 tas-sentenza Söll, hija l-preżenza stess tas-sustanza attiva bħala tali li tista’ tippreżenta riskju għall-ambjent, irrispettivament minn jekk din is-sustanza taġixxix b’mod dirett jew indirett fuq l-organiżmi li għalihom tkun maħsuba.

45      Fit-tieni lok, il-qerda tal-organiżmi ta’ ħsara ma hijiex meħtieġa mill-kunċett ta’ “sustanza attiva”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012. Fil-fatt, meta l-ispeċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra ta’ prodott jipprekludi l-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom ikun maħsub, billi jeliminaw il-bażi nutrittiva tagħhom, huma jaġixxu, bħala sustanza attiva, kontra dawn l-organiżmi b’mod preventiv.

46      B’hekk, il-fatt li l-organiżmi ta’ ħsara inkwistjoni jkunu ġew eliminati minn qabel permezz ta’ azzjoni differenti minn dik prodotta mis-sustanza inkwistjoni, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jdaħħalx inkwistjoni l-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza, li taġixxi fuq il-ħolqien ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara, bħala “sustanza attiva”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012.

47      Fit-tielet lok, l-eventwali effett ta’ tindif ta’ prodott li jkun fih waħda jew iktar speċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra li, minħabba l-mod ta’ azzjoni speċifika tagħhom ma jaġixxux b’mod dirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara iżda fuq il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara, ma jistax jeskludi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “prodott bijoċidali”.

48      Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tagħha, il-prodotti ta’ tindif ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 528/2012. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 648/2004, prodott jista’ jiġi kklassifikat kemm bħala “deterġent”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, u kemm bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012.

49      Għaldaqstant, huma biss il-karatteristiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 528/2012 li huma rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala “prodott bijoċidali”.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li prodott ma għandux jiġi applikat fuq il-wiċċ li għandu jiġi ttrattat qabel ma jiġu eliminati l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom ikun maħsub u li jkunu jinsabu fuq dan il-wiċċ ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

51      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li fih prodott jaġixxi għandu impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

52      F’dan ir-rigward, mill-analiżi mwettqa fil-kuntest tat-tieni domanda jirriżulta li huma biss l-elementi li jagħmlu parti mill-kunċetti ta’ “prodott bijoċidali” u ta’ “sustanza attiva”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 528/2012, li huma rilevanti sabiex prodott jiġi kklassifikat bħala “prodott bijoċidali”. Issa, il-perijodu li fih prodott jaġixxi ma huwiex wieħed minn dawn l-elementi.

53      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li fih prodott jaġixxi ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri prodotti li fihom waħda jew iktar speċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra li, minħabba l-mod ta’ azzjoni speċifika tagħhom, ma jaġixxux, bħala prinċipju, b’mod dirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom huma maħsuba iżda fuq il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti jinvolvu azzjoni li ma hijiex azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika u li tagħmel parti integrali minn katina ta’ kawżalità li l-għan tagħha jkun li tipproduċi effett inibitorju għall-imsemmija organiżmi.

2)      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li prodott ma għandux jiġi applikat fuq il-wiċċ li għandu jiġi ttrattat qabel ma jiġu eliminati l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom ikun maħsub u li jkunu jinsabu fuq dan il-wiċċ ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

3)      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li fih prodott jaġixxi ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.