Language of document : ECLI:EU:C:2019:1139

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2019 (1)

Kawża C714/18 P

ACTC GmbH

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea ‘tigha’ – Oppożizzjoni magħmula mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea ‘TAIGA’ – Ċaħda parzjali tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni – Artikolu 8(1)(b) – Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni – Evalwazzjoni tax-xebh fuq livell kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt – Artikolu  4 2(2) – Prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Prova tal-użu ‘għal parti tal-prodotti jew servizzi’ – Identifikazzjoni ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippronunzja ruħha fuq il-portata tal-kunċett ta’ “parti tal-prodotti jew servizzi” li għalih jirreferi l-Artikolu 42(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (2), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 (3), li jirregola l-prova dwar l-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni ppreżentata mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark.

2.        Għalkemm dan il-kunċett ġie interpretat mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sa mis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (4), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma kellhiex l-okkażjoni biex tikkonferma l-prinċipji mislutin mill-Qorti Ġenerali u li fuqhom tistrieħ is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, ACTC vs EUIPO – Taiga (tigha) (5), li hija s-suġġett ta’ dan l-appell (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), ippreżentat minn ACTC GmbH.

3.        Dan l-appell joffri, għaldaqstant, l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina komponent essenzjali tal-analiżi dwar l-eżistenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-portata materjali ta’ dan l-użu, skont is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (6), li kienet tirrigwarda l-portata territorjali tal-użu msemmi. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippronunzja ruħha fuq il-kriterju li jeħtieġ li jintuża sabiex tiddefinixxi subkategorija ta’ prodotti u/jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom ikun sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea.

4.        Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-kwistjonijiet ta’ liġi prinċipali ġodda li jqumu f’dan il-każ, jiġifieri dawk imqajma mill-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll mit-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell, li jirrigwarda l-evalwazzjoni tax-xebh, fuq livell kunċettwali, tas-sinjali li huma f’kunflitt.

II.    Il-kuntest ġuridiku

5.        L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jipprovdi li:

“1.      Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

6.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat b’dan il-mod:

“Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark [tal-Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, […] it-trade mark [tal-Unjoni] għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu”.

7.        L-Artikolu 42(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fuq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni] preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark [tal-Unjoni] preċedenti [fl-Unjoni Ewropea] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m[a hijiex] tintuża, sakemm it-trade mark [tal-Unjoni] preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

8.        Il-fatti tal-kawża ġew esposti fid-dettall fis-sentenza appellata, b’mod partikolari, fil-punti 1 sa 10 tagħha, li għalihom ser nagħmel riferiment f’dan ir-rigward. Il-fatti essenzjali u neċessarji sabiex jinftiehmu dawn il-konklużjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

9.        Din il-kawża toriġina mill-oppożizzjoni mressqa minn Taiga AB, proprjetarja tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea “TAIGA” (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”), għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “tigha” (iktar ’il quddiem it-“trade mark mitluba”), mitluba minn ACTC, għall-prodotti li jaqgħu, fost l-oħrajn, taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice (7) u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja:

“Ħwejjeġ; ħwejjeġ għal barra; ħwejjeġ ta’ taħt; prodotti għall-ilbies fis-saqajn, xedd tar-ras (kpiepel) u kpiepel; żraben u bwiez tax-xogħol; fradal tax-xogħol; ingwanti; ċinturini u peduni”.

10.      Din l-oppożizzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

11.      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2015, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Taiga appellat kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri għall-prodotti inkwistjoni kollha, inklużi fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u ċaħad, konsegwentement, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tikkonċerna lil dawn il-prodotti.

12.      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-użu tat-trade mark preċedenti kien ġie pprovat, b’mod partikolari, għal ċerti prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice (ħwejjeġ; ħwejjeġ għal barra; ħwejjeġ ta’ taħt; xedd tar-ras (kpiepel) u kpiepel; fradal tax-xogħol; ingwanti; ċinturini u peduni).

13.      Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, wara li kkonstata li t-territorju rilevanti kien dak tal-Unjoni Ewropea, u li l-konsumaturi juru livell ta’ attenzjoni għoli meta jixtru l-prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark preċedenti u livell ta’ attenzjoni medju għal dak li jikkonċerna prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni (ħwejjeġ, xedd tas-saqajn, xedd ir-ras u basktijiet), il-Bord tal-Appell ikkunsidra, b’mod partikolari, li l-prodotti inkwistjoni, inklużi fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, kienu identiċi jew simili għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, li s-sinjali f’kunflitt kienu jinxtiebhu ħafna fuq livell viżwali, identiċi fuq livell fonetiku, talinqas għall-konsumaturi anglofoni, u li dawn is-sinjali ma setgħu ikunu assoċjati ma’ ebda kunċett għall-parti l-kbira mill-pubbliku rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ikkonstata, għal dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

14.      Fit-13 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti invokat, essenzjalment, żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament.

15.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors kollu kemm hu.

V.      It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Permezz tal-appell tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, li tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, li tannulla din is-sentenza u li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

17.      L-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-imsemmi appell u biex tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

18.      Taiga titlob, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell u li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, inklużi dawk li hija sofriet.

VI.    Evalwazzjoni

19.      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji.

20.      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippronunzja ruħha dwar ir-regoli u l-prinċipji applikabbli għad-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti fil-kuntest tat-turija ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti (8).

21.      It-tieni aggravju huwa, min-naħa tiegħu, ibbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, fejn l-appellanti tikkritika l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks li huma f’kunflitt u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-modalitajiet tal-eżami li jirrigwarda x-xebh kunċettwali tas-sinjali li huma f’kunflitt.

A.      Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009

1.      Is-sentenza appellata

22.      Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet li l-provi tal-użu mressqa minn Taiga ma kinux jippermettu li jiġi pprovat użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għall-kategorija ta’ “ħwejjeġ”, meħuda fit-totalità tagħha, li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. L-appellanti kkritikat b’mod partikolari lill-Bord tal-Appell li ma kkonstatax l-eżistenza ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, li kienet tirreferi biss għal ħwejjeġ għal barra li jipproteġu kontra l-maltemp (9).

23.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti tal-appellanti fil-punti 23 sa 37 tas-sentenza appellata. Din fakkret, qabel kollox, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 15 u 42 tar-Regolament Nru 207/2009. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali fakkret il-prinċipji li hija siltet mill-ġurisprudenza tagħha stess, minn naħa, fil-punti 29 sa 31 tas-sentenza appellata, fir-rigward tar-ratio legis tal-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, u min-naħa l-oħra, fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-kriterji li jeħtieġ li jintużaw biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

24.      Għall-finijiet tal-analiżi, jidhirli li huwa utli li jiġu riprodotti l-imsemmija punti:

“29      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009 li jippermettu li trade mark preċedenti titqies li hija rreġistrata għal dik il-parti biss mill-prodotti u servizzi li għaliha tkun ġiet stabbilita il-prova dwar l-użu ġenwin tat-trade mark jikkostitwixxu, min-naħa, limitazzjoni fuq id-drittijiet li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jakkwista bir-reġistrazzjoni tagħha, b’mod li dawn ma jistgħux ikunu interpretati b’mod li jwassal għal limitazzjoni mhux ġustifikata tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti, b’mod partikolari fl-eventwalità fejn il-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata din it-trade mark jikkostitwixxu kategorija ddefinita b’mod suffiċjentement limitat u, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu rrikonċiljati mal-interess leġittimu tal-imsemmi proprjetarju li jkun jista’, fil-futur, jespandi s-sensiela ta’ prodotti jew servizzi, fil-limiti tat-termini li jiddeskrivu l-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark tkun ġiet irreġistrata, filwaqt li jibbenefika mill-protezzjoni li r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark tagħtih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punti 51 u 53)).

30      Jekk trade mark ġiet irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi suffiċjentement wiesgħa li fiha jistgħu jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew servizzi twassal biss għall-protezzjoni, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ta’ dik jew dawk is-sottokategoriji li għalihom jappartjenu l-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ġiet effettivament użata. Min-naħa l-oħra, jekk trade mark ġiet irreġistrata għal prodotti jew servizzi ddefiniti b’mod tant preċiż u ċirkoskritt li mhuwiex possibbli li jsiru suddiviżjonijiet sinjifikattivi fil-kategorija kkonċernata, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għall-imsemmija prodotti jew servizzi tkopri neċessarjament din il-kategorija kollha għall-finijiet tal-oppożizzjoni– (sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punt 45) u tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR) ((10)) (T-256/04, EU:T:2007:46, punt 23)).

31      Fil-fatt, għalkemm il-kunċett ta’ użu parzjali huwa intiż sabiex trade marks li ma jkunx sar użu minnhom għal kategorija ta’ prodotti partikolari ma jiġux reżi indisponibbli, huwa m’għandux, madankollu, ikollu l-effet li jċaħħad lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti minn kull protezzjoni għal prodotti li, mingħajr mhuma rigorożament identiċi għal dawk li huwa kien kapaċi jipprova l-użu ġenwin tagħhom, mhumiex essenzjalment differenti minn dawn ta’ l-aħħar, u jaqgħu fl-istess grupp li ma jistax jiġi diviż jekk mhux b’mod arbitrarju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fil-prattika huwa impossibbli għall-proprjetarju ta’ trade mark li jġib il-prova tal-użu tagħha għall-varjazzjonijiet kollha immaġinabbli tal-prodotti kkonċernati mir-reġistrazzjoni. Konsegwentement, il-kunċett ta’ ‘parti mill-prodotti jew servizzi’ ma jistax jiġi estiż għal kull varjazzjoni kummerċjali ta’ prodotti jew servizzi analogi, imma biss għall-prodotti jew servizzi suffiċjentement differenti biex ikunu jistgħu jikkostitwixxu kategoriji jew sottokategoriji koerenti (sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punt 46) u tas-6 ta’ Marzu 2014, Anapurna vs UASI – Annapurna (ANNAPURNA) (T‑71/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:105, punt 63).

32      Fir-rigward tal-punt dwar jekk xi prodotti jifformawx parti minn sottokategorija koerenti li tista’ tiġi kkunsidrata b’mod awtonomu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta l-konsumatur ifittex qabel xejn prodott jew servizz li jista’ jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu, l-għan jew l-użu intenzjonat tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni isir essenzjali fl-orjentazzjoni tal-għażla tiegħu. Għaldaqstant, peress li dan jiġi applikat mill-konsumaturi qabel kull akkwist, il-kriterju tal-għan jew tal-użu intenzjonat huwa kriterju primordjali biex tiġi ddefinita sottokategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Min-naħa l-oħra, in-natura tal-prodotti inkwistjoni kif ukoll il-karatteristiċi tagħhom ma humiex, bħala tali, rilevanti biex jiġu ddefiniti s-sottokategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2016, August Storck vs EUIPO – Chiquita Brands (Fruitfuls) (T‑367/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:615, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata (11)))”.

25.      Huwa fi tmiem din it-tfakkira tar-regoli tad-dritt u tal-prinċipji ġurisprudenzjali applikabbli li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 33 sa 36 tas-sentenza appellata, jekk il-provi pprovduti minn Taiga kinux jippermettu effettivament li tiġi stabbilita sottokategorija awtonoma ta’ prodotti li jiġbru biss il-ħwejjeġ għal barra li jipproteġu kontra l-maltemp.

26.      Għall-ewwel, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-oġġetti kkonċernati mill-provi tal-użu prodotti minn Taiga għandhom “l-istess użu, peress li huma intiżi li jkopru l-ġisem tal-bniedem, li jaħbuh, li jlibbsuh u li jipproteġuh kontra l-elementi” u “ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jitqiesu bħala “essenzjalment differenti” fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 tas-sentenza appellata (12).

27.      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-karatteristiċi partikolari li għandhom dawn il-prodotti huma, fil-prinċipju, mingħajr effett, peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 tas-sentenza appellata, huma irrilevanti għad-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti (13).

28.      Fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet għaldaqstant l-imsemmi motiv.

2.      Analiżi

29.      Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, l-appellanti tikkritika l-punt 34 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-oġġetti inklużi fil-provi tal-użu prodotti minn Taiga, kellhom l-istess użu, peress li huma intiżi li “jkopru l-ġisem tal-bniedem, li jaħbuh, li jlibbsuh u li jipproteġuh kontra l-elementi”.

30.      L-appellanti ssostni li din l-analiżi hija vvizzjata b’żewġ żbalji ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali injorat regoli u prinċipji li stabbilixxiet hija stess fis-sentenzi tagħha Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR).

31.      Dan l-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

32.      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat l-evalwazzjoni tagħha mhux fuq il-prodotti li għalihom kienet ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti, iżda biss fuq il-prodotti indikati fil-provi tal-użu prodotti minn Taiga. Fil-fehma tagħha, il-kwistjoni li kellha tirrispondi għaliha l-Qorti Ġenerali hija dik dwar jekk it-trade mark preċedenti kinitx irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti suffiċjentement wiesgħa biex, taħtha, ikunu jistgħu jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, b’mod li l-użu jikkonċerna biss prodotti speċifiċi li jaqgħu taħt kategorija iktar wiesgħa.

33.      Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-prodotti huma intiżi għal ħafna użi, jiġifieri, biex ikopru, jaħbu, jlibbsu jew jipproteġu l-ġisem tal-bniedem, li huma intiżi wkoll għal pubbliku differenti u, fl-aħħar nett, li jinbiegħu fi ħwienet ukoll differenti, b’mod li l-imsemmija prodotti huma distinti mill-prodotti tal-ħwejjeġ koperti mit-trade mark mitluba.

34.      Infakkar, preliminarjament, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-punt dwar jekk l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ġiex effettivament ipprovat għal sottokategorija ta’ prodotti distinta mill-kategorija ġenerika tal-ħwejjeġ li jaqgħu taħt il-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Hija l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti u tal-provi li, fil-prinċipju u skont ġurisprudenza stabbilita, għandha kompetenza biex tagħmilhom il-Qorti Ġenerali biss (14).

35.      Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-prinċipji u r-regoli tad-dritt użati mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “parti tal-prodotti jew servizzi” imsemmi fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jtendi li jippreċiża l-portata materjali tal-użu, ħaġa li tikkostitwixxi komponent essenzjali għall-finijiet tal-analiżi tal-eżistenza ta’ użu serju tat-trade mark.

36.      Għalkemm l-appellanti ma tressaq ebda kritika fir-rigward tal-ġurisprudenza użata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), fil-fehma tiegħu huwa indispensabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-termini tal-imsemmija ġurisprudenza sabiex mhux biss tiddeċiedi dwar l-ilmenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell, iżda wkoll biex tikkonferma jew tannulla ġurisprudenza li fuqha l-Qorti Ġenerali ilha tibbaża ruħha għal diversi snin.

a)      Ir-regoli u prinċipji użati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI Altana Pharma (RESPICUR)

37.      Nippreċiża mill-ewwel li naqbel mal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), riprodotti fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

38.      Fil-fatt, naħseb li l-interpretazzjoni li din użat għall-kunċett ta’ “parti tal-prodotti jew servizzi”, li jinsab fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 tippermetti, qabel kollox, li tiggarantixxi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark. Din l-interpretazzjoni hija għaldaqstant konformi mar-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-regolament u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” tat-trade mark preċedenti.

39.      Infakkar li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz iddenominat mit-trade mark, billi tippermettih jiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz mingħajr konfużjoni possibbli minn dawk li għandhom oriġini oħra (15).

40.      Biex tkun tista’ tiġi żgurata din il-funzjoni, ir-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-proprjetarju tat-trade mark ġabra ta’ drittijiet u fakultajiet sabiex, bl-użu esklużiv tas-sinjal distintiv u l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li joħorġu minnha, tkun tista’ tiġi stabbilita kompetizzjoni leali u mhux distorta fis-suq. Madankollu, dawn id-drittijiet għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju għat-twettiq ta’ dan l-għan, iktar u iktar meta, b’kuntrast mal-protezzjoni mogħtija mit-titoli l-oħra ta’ proprjetà intellettwali u industrijali, il-protezzjoni mogħtija mid-dritt tat-trade mark tista’ tkun għal żmien indefinit.

41.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb għaldaqstant li t-trade marks ikunu jistgħu jaqdu l-funzjoni essenzjali tagħhom filwaqt li jiżguraw li d-dritt tat-trade mark ma jkunx iddevjat mill-funzjoni tiegħu biex jinkiseb vantaġġ kompetittiv mhux dovut.

42.      Għaldaqstant, mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss fejn din tkun is-suġġett ta’ “użu ġenwin [fl-Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata” (16).

43.      Għal dan il-għan, l-Artikolu 42(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-applikant għal trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ jeżiġi l-prova li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ “użu ġenwin” fl-Unjoni matul il-ħames snin ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark li kienet is-suġġett ta’ oppożizzjoni (17). Il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra għaldaqstant li perijodu ta’ ħames snin kien raġonevoli sabiex wieħed ikun jista’ jevalwa n-natura ġenwina tal-użu.

44.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “użu ġenwin” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (18). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, trade mark tkun is-suġġett ta’ “użu ġenwin” meta hija tintuża skont il-funzjoni essenzjali tagħha, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-għan biss li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fil-fatt, li trade mark li ma tintużax tikkostitwixxi tfixkil mhux biss għall-kompetizzjoni – peress li tillimita l-firxa ta’ sinjali li jistgħu jiġu rreġistrati minn oħrajn bħala trade mark u ċċaħħad lill-kompetituri mill-possibbiltà li jużaw din it-trade mark jew trade mark simili meta jitqiegħdu fis-suq intern prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk protetti mit-trade mark inkwistjoni – iżda wkoll għall-moviment liberu tal-merkanzija u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (20).

45.      Nikkonstata li l-prinċipji użati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR) huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46.      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fis-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u fil-kuntest tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (21) (li sar l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009), il-kwistjoni tal-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata f’każ ta’ “użu parzjali” tat-trade mark preċedenti, jiġifieri ta’ trade mark li l-użu ġenwin tagħha intwera biss għal “parti tal-prodotti jew servizzi” li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark. Filwaqt li telqet mill-premessa li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009) jikkostitwixxu limitazzjoni għad-drittijiet li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jislet mir-reġistrazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kunċett ta’ “parti tal-prodotti jew servizzi” imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni b’mod li t-trade mark preċedenti tkun tista’ qabel kollox tiżgura l-funzjoni essenzjali tagħha. L-interpretazzjoni li hija użat tipprova għaldaqstant toħloq bilanċ ġust bejn, minn naħa, iż-żamma u l-preżervazzjoni tad-drittijiet esklużivi mogħtija, għal dan il-għan, lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni ta’ dawn tal-aħħar sabiex jevitaw li trade mark użata b’mod parzjali tgawdi minn protezzjoni estiża minħabba biss li ġiet irreġistrata għal firxa wiesgħa ta’ prodotti jew servizzi (22).

47.      Il-portata tal-kategoriji ta’ prodotti jew servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark hija element determinanti għal dan il-bilanċ (23).

48.      Il-Qorti Ġenerali tislet għaldaqstant żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet.

49.      L-ewwel sitwazzjoni hija dik fejn it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata għal prodotti jew servizzi ddefiniti b’mod partikolarment “preċiż u ċirkoskritt” u għaldaqstant, li jagħmlu kategorija iktar omoġenja ta’ prodotti jew ta’ servizzi. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma huwiex possibbli li jsiru suddiviżjonijiet sinjifikattivi fil-kategorija kkonċernata, peress li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għall-imsemmija prodotti jew servizzi tkopri neċessarjament din il-kategorija kollha għall-finijiet tal-oppożizzjoni (24).

50.      Naqbel mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt kategorija ta’ prodotti ftit jew wisq omoġenja, il-konsumatur li jkun jixtieq jakkwista prodott li jaqa’ taħt din il-kategorija jaħseb jew jirriskja li jaħseb fit-trade mark preċedenti u f’dak li din it-trade mark ser tiggarantilu fir-rigward tal-kwalità tal-prodott, pereżempju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġġustifikat u suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, li jiġi pprovat l-użu ġenwin tat-trade mark għal parti mill-prodotti li jaqgħu taħt l-imsemmija kategorija. Dan jippermetti li tiġi evitata l-probabbiltà ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda wkoll li jiġu protetti l-interessi kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, wieħed ma għandux, billi jeżiġi provi eċċessivi dwar l-użu ġenwin, jillimita indebitament id-drittijiet esklużivi li jibbenefika minnhom dan tal-aħħar biex jespandi l-firxa ta’ prodotti fi ħdan l-istess kategorija omoġenja.

51.      It-tieni sitwazzjoni hija dik fejn it-trade mark preċedenti tkun ġiet irreġistrata għal kategorija eteroġenja kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Il-Qorti Ġenerali tippreżumi, f’dan il-każ, li huwa possibbli li wieħed jikkontempla diversi sottokategorija li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, bil-kundizzjoni li dawn is-sottokategoriji jkunu koerenti, ħaġa li timplika li dawn jixbhu l-prodotti jew servizzi “analogi” jew li ma humiex “essenzjalment differenti” (25). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew servizzi twassal biss għall-protezzjoni, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ta’ dik jew dawk is-sottokategoriji li għalihom jappartjenu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet effettivament użata (26).

52.      Naqbel ukoll ma’ din l-analiżi. Fil-fatt, fir-rigward tal-prodotti miġburin fi ħdan kategorija eteroġenja ta’ prodotti li jaqgħu madankollu taħt l-istess klassi ta’ prodotti, teżisti mhux biss inqas probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti, iżda wkoll inqas ġustifikazzjoni biex jiġu protetti l-interessi kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Jekk dan tal-aħħar irreġistra t-trade mark tiegħu għal firxa wiesgħa ta’ prodotti li huwa jkun jista’ eventwalment jikkummerċjalizza, iżda li, evidentement, huwa għadu ma qiegħedx fis-suq, huwa jimblokka l-aċċess tal-kompetituri tiegħu għal suq vast ta’ prodotti. Is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tippermetti għaldaqstant li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet rikonoxxuti lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, b’mod partikolari dak li jibbenefika minn protezzjoni għal dak li jirrigwarda l-prodotti jew is-servizzi analogi għal dak li għalihom huwa seta’ jipprova użu ġenwin u dak li jespandi l-firxa ta’ prodotti tiegħu lil dawn tal-aħħar, filwaqt li jrendi disponibbli t-trade mark għall-prodotti jew għas-servizzi li, peress li huma “ddivrenzjati biżżejjed” (27), jidħlu taħt kategorija oħra jew sottokategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi.

53.      Fit-tieni lok, sabiex tidentifika sottokategorija “koerenti” ta’ prodotti li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq il-kriterju tal-għan jew tal-użu intenzjonat tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, peress li n-natura jew il-karatteristiċi ta’ dawn tal-aħħar huma, fil-fehma tagħha, irrilevanti għall-iskopijiet ta’ din l-evalwazzjoni (28).

54.      Għal darba oħra, ma nistax ħlief naqbel ma’ din l-evalwazzjoni.

55.      Minn naħa, dan jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jiġu ppreżervati mill-aħjar id-drittijiet esklużivi li jibbenefika minnhom il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-għan, iżda wkoll in-natura u l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn tal-aħħar twassal biex tillimita b’mod strett wisq il-kamp materjali li fuqu wieħed jeżerċita dawn id-drittijiet u, b’mod partikolari, id-drittijiet li jibbenefika minnhom dan tal-aħħar biex jiżviluppa u jespandi l-firxa ta’ prodotti tiegħu li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti. Għalkemm il-kriterji bbażati fuq in-natura u l-karatteristiċi tal-prodotti huma, minnhom innifishom, kriterji importanti, dawn huma iktar rilevanti fl-istadju tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

56.      Min-naħa l-oħra, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ limitazzjoni ta’ prodotti proposta minn applikant għal trade mark skont l-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

57.      Fil-fatt, fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, UASI vs Kessel medintim (29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni kien jikkostitwixxi kriterju li jippermetti li jiddefinixxi b’mod suffiċjentement preċiż sottokategorija ta’ prodotti kkontemplata fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jissodisfa għaldaqstant ir-rekwiżit ta’ ċarezza meħtieġ mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (30). Għaldaqstant, kif jirriżulta impliċitament mill-punt 39 tal-imsemmija sentenza (31), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza użata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), li skontha l-għan tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni huwa kriterju essenzjali fid-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwantu l-konsumatur ifittex, iktar minn kull ħaġa oħra, prodott jew servizz li jkun jista’ jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu (32).

58.      Fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi li l-analiżi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, UASI vs Kessel medintim (33), għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tiġi trasposta fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) ta’ dan ir-regolament. Jidhirli, fil-fatt, li d-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti, kemm jekk fil-kuntest ta’ oppożizzjoni jew ta’ limitazzjoni, għandha tistrieħ fuq kriterji identiċi, b’mod li dan ikun jista’ jippermetti li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, isir il-paragun bejn il-prodotti inkwistjoni, iddefiniti abbażi tal-istess kriterji.

59.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonferma r-regoli u l-prinċipji li l-Qorti Ġenerali użat fis-sentenzi Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) u Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), għall-iskopijiet tad-definizzjoni ta’ sottokategorija ta’ prodotti u/jew ta’ servizzi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

60.      F’dan l-istadju, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel aggravju mressaq mill-appellanti, liema aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

b)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-metodu intiż biex tiġi stabbilita sottokategorija awtonoma ta’ prodotti

61.      Infakkar li, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat l-eżistenza ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti abbażi biss tal-prodotti msemmija fil-provi dwar l-użu prodotti minn Taiga. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk it-trade mark preċedenti kinitx irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti suffiċjentement wiesgħa biex fi ħdanha jkunu jistgħu jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu.

62.      Inqis li din il-parti hija infondata.

63.      Peress li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti pprova l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark għal parti mill-prodotti li għalihom din hija rreġistrata, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-prodotti jaqgħux taħt sottokategorija li tista’ tkun ikkunsidrata b’mod awtonomu għandha tiġi evalwata in concreto fid-dawl, qabel kollox, ta’ dawn il-prodotti. Għaldaqstant, din ma tinvolvix li jiġu ddefiniti, b’mod astratt, is-sottokategoriji ta’ prodotti, iżda fil-fatt li jitqiegħdu f’perspettiva l-prodotti li għalihom ikun sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti meta mqabbla mal-kategorija tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark.

64.      Għandu jiġi kkonstatat, meta jinqraw il-punti 33 u 34 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali pproċediet b’dan il-mod. Fil-fatt, mill-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-oġġetti involuti fil-provi dwar l-użu prodotti minn Taiga kinux jikkostitwixxu sottokategorija awtonoma “meta mqabbla mal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 [fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice]”, jiġifieri meta mqabbla mal-kategorija iktar ġenerali tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti. Bil-fatt li fil-punt 34 tas-sentenza appellata kkonkludiet li dawn l-oġġetti “ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu kkunsidrati bħala ‘essenzjalment differenti’ fis-sens ta[s-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN)]”, il-Qorti Ġenerali qiegħdet, b’mod korrett, f’perspettiva l-oġġetti li għalihom ġie pprovat l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti mal-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija iktar ġenerali tal-ħwejjeġ li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark.

65.      Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju bħala infondat.

c)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq applikazzjoni skorretta tal-kriterji intiżi għad-determinazzjoni ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti

66.      It-tieni parti tal-ewwel aggravju tikkonsisti f’żewġ ilmenti.

1)      Fuq l-ewwel ilment, dwar il-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti

67.      Insostenn tal-ewwel ilment, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma applikatx b’mod korrett il-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni sabiex tidentifika sottokategorija koerenti ta’ prodotti li tista’ tkun ikkunsidrata b’mod awtonomu. Din issostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għanijiet differenti ta’ dawn il-prodotti jew tal-użi multipli li huma intiżi għalihom dawn tal-aħħar għall-finijiet ta’ tali identifikazzjoni, peress li l-użi jikkonsistu, b’mod partikolari, biex “ilibbsu” jew “jipproteġu” ġisem il-bniedem, u dan, skontha, b’mod li jeskludu lil xulxin reċiprokament.

68.      Jidhirli li dan l-ilment huwa ammissibbli inkwantu l-appellanti tikkontesta mhux il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti li għalihom intwera użu ġenwin, iżda l-mod li bih il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ sottokategorija awtonoma ta’ prodotti fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

69.      Madankollu, jidhirli li l-kritika magħmula mill-appellanti hija infondata.

70.      Il-kriterju tal-għan u tal-użu intenzjonat tal-prodotti ma għandux bħala għan li jiddefinixxi b’mod astratt jew artifiċjali s-sottokategoriji awtonomi ta’ prodotti, iżda għandu jkun applikat b’mod koerenti u konkret.

71.      Issa, prodott isegwi għanijiet li l-progress u l-għarfien itendu li jimmultiplikaw. Il-prodotti tal-ħasil, pereżempju, ma humiex biss intiżi għat-tindif tal-ġilda, iżda wkoll għall-kura, medika jew le, tal-ġilda. Bl-istess mod, il-prodotti tal-ħwejjeġ jaqdu, lil hinn mill-funzjoni primarja tagħhom, jiġifieri li jgħattu, jaħbu jew ukoll jipproteġu ġisem il-bniedem kontra l-maltemp, funzjoni estetika komuni, billi jikkontribwixxu għall-immaġni esterna tal-konsumatur. Jekk dan tal-aħħar ifittex ħwejjeġ biex jipproteġuh mix-xita, kemm jekk ħwejjeġ għal barra jew ukoll kapell, jew biex jipproteġu mill-kesħa, bħalma huma l-ħwejjeġ ta’ taħt jew, ukoll ingwanti jew peduni, lanqas huwa eskluż li dan ifittex dawk il-ħwejjeġ li huma l-isbaħ estetikament. Kull wieħed minn dawn l-għanijiet ma jistgħux evidentement jiġu kkunsidrati b’mod iżolat biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sottokategorija distinta ta’ prodotti. Kieku dan kien il-każ, dan jillimita għal darba oħra d-drittijiet li jibbenefika minnhom il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti biex jespandi jew itejjeb il-firxa ta’ prodotti tiegħu. Barra minn hekk, dan jiskoraġġixxi manifestament ir-riċerka u l-iżvilupp li d-dritt tat-trade mark irid ġustament li jinkoraġġixxi.

72.      B’hekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha raġun li ma tiddistingwix l-użi li jikkonsistu f’li “jipproteġu” ġisem il-bniedem, li “jlibbsuh” jew ukoll li “jaħbuh” u li “jkopruh” li għalihom huma intiżi l-prodotti tal-ħwejjeġ, peress li, iktar milli jeskludu lil xulxin reċiprokament, dawn l-użi differenti jingħaqdu flimkien għall-iskopijiet tat-tqegħid ta’ dawn il-prodotti fis-suq.

73.      Madankollu ninnota li dawn l-għanijiet differenti jkunu jikkostitwixxu element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-pubbliku rilevanti, tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu, kif ukoll tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

74.      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, bħala infondat.

2)      Fuq it-tieni lment, dwar il-kriterji bbażati fuq in-natura u fuq il-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni

75.      Permezz tat-tieni lment, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti inkwistjoni kienu intiżi għal pubbliku differenti u li kienu, barra minn hekk, mibjugħa fi ħwienet differenti ukoll, b’mod li dawn il-prodotti jiddistingwu ruħhom mill-prodotti tal-ħwejjeġ li jaqgħu taħt it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

76.      Dan l-ilment għandu mill-ewwel jiġi miċħud bħala infondat.

77.      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza li għadni kif eżaminajt jirriżulta li l-kriterji li ma humiex l-għan u l-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni, bħalma huwa l-pubbliku li għalih huma intiżi jew ukoll il-katina ta’ distribuzzjoni tagħhom, ma humiex, bħala regola ġenerali, rilevanti biex jiddefinixxu sottokategorija ta’ prodotti li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet xi żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tagħha, dawn il-kriterji.

78.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi konsegwentement li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell bħala infondat.

B.      Fuq l-eżami speċifiku tat-tieni aggravju

79.      Skont kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-analiżi tat-tieni parti ta’ dan it-tieni aggravju u, b’mod partikolari, għat-tielet ilment tiegħu.

80.      Sabiex jinftiehem aħjar il-kuntest li sar fih dan l-ilment, nippreċiża li, permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tax-xebh, u saħansitra l-identiċità, tal-prodotti inkwistjoni. It-tieni parti tal-imsemmi aggravju tikkonsisti, min-naħa tagħha, fi tliet ilmenti, li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tax-xebh rispettivament viżwali, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt. Finalment, it-tielet parti tat-tieni aggravju tikkonċerna l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali.

81.      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju, dan huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt. L-appellanti tikkritika, essenzjalment, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li skontha hija kkonkludiet li d-differenzi kunċettwali bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti ma kinux ġew stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni meħud fit-totalità tiegħu, b’mod li dawn ma kinux f’pożizzjoni li jinnewtralizzaw ix-xebh viżwali u fonetiku eżistenti bejn is-sinjali f’kunflitt.

82.      Insostenn ta’ dan l-ilment, l-appellanti tinvoka żewġ argumenti.

83.      F’dak li jirrigwarda l-ewwel argument, l-appellanti tikkritika l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li skontha hija kkonstatat li l-appellanti naqset milli turi li l-kelma “taïga” kellha tifsira preċiża għall-konsumaturi medji li jinsabu fin-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew kif ukoll għall-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż.

84.      Skont l-appellanti, din l-analiżi hija żbaljata. Fil-fatt, fil-punt 18 tar-rikors promotur tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija approfondiet dan l-argument u uriet b’mod mhux ikkontestat li din il-kelma kienet tifforma parti mil-lingwa kurrenti tal-lingwa Franċiża u hija, barra minn hekk, parti mit-tagħlim ġenerali madwar l-Ewropea fid-dawl tad-daqs taż-żona li jirreferi għaliha dan il-kunċett.

85.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa manifestament inammissibbli.

86.      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “ebda element fil-proċess ma [kien] jippermetti li jintwera li l-kelma ‘taïga’ [kellha] sinjifikat preċiż u immedjat għall-konsumaturi medji li [kienu] jinsabu fil-partijiet mit-territorju tal-Unjoni li ma humiex it-tramuntana u l-lvant tal-kontinent Ewropew u li [kienu] jifformaw parti sostanzjali mill-konsumaturi tal-Unjoni” u li dan kien japplika wkoll “b’mod partikolari, għall-konsumaturi medji tan-nofsinhar tal-kontinent Ewropew u tal-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż”.

87.      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi mressqa quddiemha. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (34).

88.      Fil-kuntest tal-appell tagħha, nikkonstata li l-appellanti ma pprovatx, u lanqas allegat, li l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 71 tas-sentenza appellata kienet ibbażata fuq żnaturament tal-provi. Barra minn hekk, nirrileva, b’mod sussidjarju, li, b’kuntrast ma’ dak li hija tallega, l-appellanti ma approfondietx l-argumenti esposti fil-punt 18 tar-rikors promotur tagħha.

89.      Konsegwentement, dan l-ewwel argument għandu jiġi miċħud, fil-fehma tiegħi, bħala manifestament inammissibbli.

90.      Għal dak li jirrigwarda, f’dan il-każ, it-tieni argument, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret il-ġurisprudenza tagħha dwar l-evalwazzjoni tax-xebh kunċettwali tas-sinjali f’kunflitt.

91.      Hija tikkunsidra, fil-fatt, li l-analiżi li tinsab fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li fi tmiemha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti ma wrietx li l-kelma “taïga” kellha tifsira ċara u speċifika f’moħħ il-pubbliku rilevanti kompost mill-konsumaturi tal-Unjoni meħuda fit-totalità tagħhom, ma ssib ebda sostenn fil-ġurisprudenza li din semmiet espressament, jiġifieri s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) (35). Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li, skont is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) (36), ikun biżżejjed li kelma tkun tinftiehem f’parti biss mill-Unjoni biex wieħed jikkonkludi li jeżistu differenzi kunċettwali bejn is-sinjali f’kunflitt.

92.      Wara eżami ta’ din il-ġurisprudenza, inqis li ebda waħda minn dawn iż-żewġ kritiċi ma hija fondata.

93.      F’dak li jikkonċerna l-ewwel kritika, ibbażata fuq ir-riferiment żbaljat għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) (37), huwa utli li jitfakkar li, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li differenzi kunċettwali bejn is-sinjali f’kunflitt huma tali li jinnewtralizzaw, fil-biċċa l-kbira, ix-xebh viżwali u fonetiku jekk waħda mit-trade marks inkwistjoni għandha, f’moħħ il-“pubbliku rilevanti”, tifsira ċara u speċifika, b’mod li dan il-pubbliku jista’ jifimha immedjatament.

94.      Irrid nirrimarka, qabel kollox, li, fid-dawl tal-kliem użati mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija sentenza, din kellha dritt tikkonkludi, fis-sentenza appellata, li, għall-konsumaturi kollha li jinsabu fit-territorju tat-28 Stat Membru tal-Unjoni, il-kelma “taiga” ma kinitx tfakkarhom, b’mod ċar u immedjatament, fit-tagħlim tagħhom tal-ġeografija, b’mod li huma jassoċjawha b’mod faċli mal-foresta boreali.

95.      Dan premess, nirrimarka fil-fatt li, fis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) (38), il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-“pubbliku rilevanti” mingħajr ebda referenza jew preċiżazzjoni oħra, filwaqt li fil-punt 67 tas-sentenza appellata, din ippreċiżat li dan kien il-pubbliku rilevanti “kompost mill-konsumaturi tal-Unjoni meħuda fit-totalità tagħhom”. Hija din il-preċiżazzjoni “meħuda fit-totalità tagħhom” li l-appellanti tikkontesta f’dan il-każ.

96.      Issa, ma naħsibx li, billi żiedet din il-preċiżazzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza tagħha jew wettqet xi żball ta’ liġi.

97.      Kif jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza appellata, il-preċiżazzjoni “meħuda fit-totalità tagħhom” ittendi li turi li jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu fl-Istati kollha li jifformaw lill-Unjoni. Hija tippermetti għaldaqstant lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq il-perċezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu “f’ħafna mill-pajjiżi [tal-Unjoni]”.

98.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza tagħha li skontha, “[m]eta l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti testendi għall-Unjoni Ewropea kollha, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tat-trade marks f’kunflitt mill-konsumatur tal-prodotti inkwistjoni f’dan it-territorju” (39). Issa, b’kuntrast mal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) (40), li fiha l-pubbliku rilevanti kien magħmul mill-konsumaturi Ġermaniżi (41), fil-kawża prinċipali, il-pubbliku rilevanti kien magħmul, kif jirriżulta mill-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata, minn konsumaturi li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni.

99.      Finalment, nirrileva li r-riferiment għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) (42), kien preċedut mill-kliem “ara, f’dan is-sens”. L-espressjoni “f’dan is-sens” tixhed ir-rieda tal-Qorti Ġenerali li tirreferi għall-prinċipju użat fis-sentenza msemmija filwaqt li tipproċedi b’applikazzjoni partikolari ta’ dan il-prinċipju għall-każ ineżami. Din l-espressjoni ma eżiġietx għaldaqstant li l-Qorti Ġenerali tirriproduċi f’termini identiċi l-prinċipju użat fis-sentenza msemmija u ppermettitilha, min-naħa l-oħra, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-każ ineżami.

100. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li wieħed ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball meta rreferiet għall-punt 54 tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) (43).

101. F’dak li jikkonċerna t-tieni kritika, dwar il-ksur mill-Qorti Ġenerali tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) (44), jidhirli wkoll li din hija infondata.

102. Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-appellanti, din is-sentenza ma tippermettix li wieħed jiddeduċi li huwa biżżejjed li kelma tkun tinftiehem f’parti mill-Unjoni biex wieħed jikkonkludi li jeżistu differenzi kunċettwali li huma tali li jinnewtralizzaw ix-xebh viżwali u fonetiċi li jeżistu bejn is-sinjali f’kunflitt.

103. Preliminarjament, għandu jitfakkar il-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija.

104. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kienet mitluba teżamina jekk kinitx teżisti, f’moħħ il-pubbliku rilevanti kompost mill-konsumaturi tal-Unjoni, differenza kunċettwali ċara bejn l-element “panini” li kien is-suġġett tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u l-element “granini” li kien is-suġġett tat-trade mark preċedenti.

105. Wara li kkonstatat, mill-ewwel, li l-element “granini” kien nieqes minn tifsira, il-Qorti Ġenerali eżaminat sa fejn il-pubbliku rilevanti kien jassoċja l-element “panini” ma’ kunċett partikolari. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali ddistingwiet, l-ewwel nett, il-pubbliku li jitkellem bit-Taljan li hija qieset perfettament kapaċi li jassoċja l-element “panini” ma’ ħobż żgħir jew sandwiċis magħmulin minn dan il-ħobż żgħir u li għalihom kienet teżisti differenza kunċettwali ċara bejn is-sinjali f’kunflitt, it-tieni nett, il-pubbliku li ma jitkellimx bit-Taljan, bħalma huma dawk li jitkellmu bl-Ispanjol jew bil-Franċiż, ukoll kapaċi li jassoċjaw l-element “panini” ma’ kunċett partikolari u, finalment, it-tielet nett, il-pubbliku li għalih dan l-element “panini” ma kellu ebda tifsira (45).

106. Fi tmiem din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fejn dan kien ikkunsidra li, f’ċerti Stati Membri, bħal fl-Italja u fi Spanja, is-sinjali f’kunflitt kienu differenti fuq livell kunċettwali, filwaqt li, fi Stati Membri oħra, fejn l-element “panini” ma kellux tifsira, ma kien possibbli li jsir ebda paragun bejn is-sinjali f’kunflitt fuq livell kunċettwali (46).

107. B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma sostnietx għaldaqstant fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) (47), li huwa biżżejjed li parti biss mill-pubbliku rilevanti tassoċja t-terminu inkwistjoni ma’ kunċett partikolari biex tikkonkludi li jeżistu differenzi kunċettwali li jistgħu jinnewtralizzaw ix-xebh viżwali u fonetiċi bejn is-sinjali f’kunflitt.

108. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret, fis-sentenza appellata, ir-regoli li ġew applikati fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) (48).

109. Nippreċiża li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali segwiet, fir-realtà, sistema ta’ analiżi paragunabbli ma’ dik li kienet adottat fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) (49), peress li hija eżaminat sa fejn il-pubbliku rilevanti, li infakkar li huwa kompost mill-konsumaturi tal-Unjoni, kien f’pożizzjoni tali li jassoċja l-kelma “taïga” ma’ kunċett partikolari. Il-Qorti Ġenerali ddistingwiet b’mod partikolari:

–        il-konsumaturi li jinsabu fin-naħa tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-kontinent Ewropew li huma kapaċi wisq probabbli li jassoċjaw il-kelma “taïga” mal-foresta boreali u li għalihom teżisti għaldaqstant differenza kunċettwali bejn is-sinjali f’kunflitt (50),

–        il-konsumaturi “medji” li jinsabu fil-partijiet mit-territorju tal-Unjoni li ma humiex it-Tramuntana u l-lvant tal-kontinent Ewropew, b’mod partikolari, il-konsumaturi fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-Ewropa u l-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż, li jifformaw parti sostanzjali mill-pubbliku rilevanti u li għalihom ma ġiex ipprovat li teżisti differenza kunċettwali ċara bejn is-sinjali f’kunflitt (51).

110. Sa fejn, skont il-ġurisprudenza msemmija, it-tifsira ta’ kelma għandha tkun evalwata skont kif jifimha l-pubbliku rilevanti fit-totalità tiegħu u ma għandhiex tkun limitata biss għal-perċezzjoni tal-konsumaturi li jifformaw parti biss mit-territorju rilevanti, konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, l-argument tar-rikorrenti li skontu t-tifsira tal-kelma “taïga” kienet tali li tinnewtralizza x-xebh viżwali u fonetiku li jeżisti bejn is-sinjali f’kunflitt. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun ikkritikata li wettqet żball ta’ liġi.

111. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi, konsegwentement, li t-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat.

VII. Konklużjoni

112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr preġudizzju la għall-ammissibbiltà u lanqas għall-fondatezza tal-aggravji l-oħra tal-appell imressaq minn ACTC GmbH, u lanqas għad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, tiċħad l-ewwel aggravju ta’ dan l-appell bħala infondat, kif ukoll it-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell, bħala li huwa parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2009, L 78, p. 1.


3      Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”). Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


4      T‑126/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN)”, EU:T:2005:288.


5      T‑94/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:539.


6      C-149/11, EU:C:2012:816.


7      Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”).


8      Il-kwistjoni dwar l-użu ġenwin hija ta’ natura speċifika u preliminari, peress li twassal biex jiġi stabbilit jekk, għall-iskopijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni, it-trade mark preċedenti tistax titqies li hija rreġistrata għall-prodotti jew għas-servizzi inkwistjoni, u għaldaqstant din il-kwistjoni ma tidħolx fil-kuntest tal-eżami tal-oppożizzjoni proprja, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ din it-trade mark.


9      Fl-appell tagħha, l-appellanti ssostni li s-sottokategorija ta’ prodotti li ġiet invokata l-eżistenza tagħha tiġbor il-prodotti segwenti: “Ħwejjeġ, ħwejjeġ għal barra, ħwejjeġ ta’ taħt, xedd tar-ras (kpiepel) u kpiepel, ingwanti, ċinturini u peduni; peress li l-prodotti kollha msemmija hawn fuq għandhom jintużaw bħala ħwejjeġ għal barra li jipproteġu kontra l-maltemp (kesħa, riħ u/jew xita biss);  fradal tax-xogħol” (enfasi miżjud minni).


10      Iktar ’il quddiem is-“sentenza Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR)”.


11      Din il-ġurisprudenza ċċitata hija magħmula mis-sentenzi Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR) (punti 29 u 31) kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2013, Aleris vs UASI – Carefusion 303 (ALARIS) (T‑353/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:257, punti 22 u 23).


12      Ara l-punt 34 tas-sentenza appellata.


13      Ara l-punt 35 tas-sentenza appellata.


14      Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2019, Outsource Professional Services vs EUIPO (C-528/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:961, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark vs Schmid (C‑514/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:878, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara wkoll, il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament.


17      Ara, f’dan ir-rigward, il-preċiżazzjonijiet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regoli 15 sa 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 189), applikabbli għar-Regolament Nru 207/2009.


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, EU:C:2003:145, punti 25 sa 31).


19      Ara d-digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology (C-259/02, EU:C:2004:50, punt 27), kif ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark/Schmid (C-514/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:878, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 32).


21      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146.


22      Ara s-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punt 51).


23      Ibidem (punt 44).


24      Ibidem (punt 45).


25      Hawnhekk użajt il-kliem użat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punt 46).


26      Ara s-sentenza Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN) (punt 45).


27      Ibidem (punt 46).


28      Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza mertu tas-sentenza Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR). Ara wkoll il-punt 32 tas-sentenza appellata.


29      C-31/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2436.


30      Ara l-punt 37 ta’ din is-sentenza.


31      Fil-punt imsemmi, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espressament għall-punti 48 sa 50 tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2013, Kessel vs UASI – Janssen-Cilag (Premeno) (T‑536/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:586). Issa, dawn il-punti jikkonkludu r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 43 sa 47 tal-imsemmija sentenza.


32      Ara l-punt 29 ta’ din is-sentenza.


33      C‑31/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2436.


34      Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 137 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat-13 ta’ Novembru 2019, Outsource Professional Services vs EUIPO (C‑528/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:961, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


35      T‑292/01, EU:T:2003:264.


36      T‑487/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:637.


37      T‑292/01, EU:T:2003:264.


38      Idem.


39      Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Hostel drap vs UASI – Aznar textil (MY drap) (T‑636/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:314, punt 22) (enfasi miżjuda minni).


40      T‑292/01, EU:T:2003:264.


41      Punt 43 ta’ din is-sentenza.


42      T‑292/01, EU:T:2003:264.


43      Idem.


44      T‑487/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:637.


45      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Eckes-Granini vs UASI – Panini (PANINI) (T‑487/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:637, punt 56).


46      Ibidem (punt 58).


47      T‑487/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:637.


48      Idem.


49      Idem.


50      Ara l-punt 70 tas-sentenza appellata.


51      Ara l-punt 71 tas-sentenza appellata.