Language of document : ECLI:EU:C:2020:10

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2020 (1)

Kawża C15/19

A.m.a. - Azienda Municipale Ambiente SpA

vs

Consorzio Laziale Rifiuti – Co.La.Ri.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Direttiva 1999/31 – Landfills – Spejjeż ta’ rimi ta’ skart f’landfill – Landfills eżistenti – Applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva – Bidla kuntrattwali fit-tariffi tar-rimi inizjalment previsti – Nuqqas ta’ retroattività – Ċertezza legali – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Ġeneralment, skont id-dritt dwar l-iskart, id-detenturi preċedenti ta’ skart għandhom ibatu l-ispejjeż tal-immaniġġar tal-iskart. Iżda minn dan jirriżulta, li l-operatur ta’ landfill a posteriori jista’ jitlob tariffi addizzjonali mingħand impriża li fil-passat ikkunsinnat skart għar-rimi, meta l-ispejjeż tal-operat tal-landfill jiżdiedu minħabba l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills? (2)

2.        Din il-kwistjoni tqajmet fil-kuntest ta’ din il-proċedura, peress li d-Direttiva dwar il-landfills, adottata fl-1999, tipprevedi skema ta’ manutenzjoni ta’ mill-inqas 30 sena wara l-għeluq ta’ landfill, filwaqt li, qabel dan, fuq livell nazzjonali, għal-landfill inkwistjoni, kien ġie stabbilit biss perijodu ta’ manutenzjoni għal għaxar snin.

3.        Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva fid-dawl tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva dwar il-landfills

4.        Il-premessi 25 u 26 tad-Direttiva dwar il-landfills jippreċiżaw l-applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva:

“(25)      Billi siti ta’ landfills ġew magħluqa qabel id-data ta’ transpożizzjoni ta’ din id-Direttiva dawn ma għandhomx ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha dwar proċedura ta’ għeluq.

(26)      Billi l-kundizzjonijiet tal-futur ta’ tħaddim ta’ landfills eżistenti jridu jkunu regolati sabiex jittieħdu miżuri neċessarji, matul perjodu ta’ żmien speċifikat, għall-adattazzjoni tagħhom għal din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ pjan ta’ kundizzjoni tas-sit.”

5.        Il-premessa 29 tad-Direttiva dwar il-landfills tirreferi għall-ispejjeż tal-manutenzjoni:

“Billi miżuri jridu jittieħdu biex jiżguraw li l-prezz mitlub għal ħlas għal rimi ta’ skart f’landfill ikopri l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u tħaddim tal-faċilitá, inkluża kemm jista’ jkun possibbli s-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha li l-ħaddiem tas-sit irid jipprovdi, u l-ispiża maħsuba għal għeluq tas-sit inkluża l-kura ta’ wara neċessarja.”

6.        Il-permess għal-landfill huwa rregolat mill-Artikolu 8(a) tad-Direttiva dwar il-landfills:

“l-awtoritá kompetenti ma toħroġġ permess għall-landfill sakemm tkun sodisfatta li

[…]

iv)      dispożizzjonijiet adegwati, bil-mod ta’ sigurtá finanzjarja jew oħra ekwivalenti, fuq il-bażi ta’ modalitajiet li jiġu deċiżi milll-Istati Membri, saru jew se jsiru mill-applikant qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet tar-rifjut biex jiżgura li l-obligi (inklużi d-dispożizzjonijiet tal-kura ta’ wara) li jiġu skond il-permess maħruġ bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati u li l-proċeduri ta’ l-għeluq meħtieġa skond l-Artikolu 13 ikunu segwiti. Is-sigurtá jew l-ekwivalenti tagħha trid tinżamm kemm jista’ jkun meħtieġ mill-operazzjoni ta’ manutenzjoni u kura ta’ wara tas-sit bi qbli ma l-Artikolu 13(d).[...]”

7.        L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-landfills jikkonċerna l-ispejjeż relatati mar-rimi ta’ skart f’landfill:

“L-Istati Membri jridu jieħdu mżuri biex jiżguraw l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u l-operazzjoni tas-sit ta’ landfill, inkluża kemm jista’ jkun possibbli l-ispiża tas-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha riferuta fl-Artikolu 8(a)(iv), u l-ispejjeż stmati ta’ l-għeluq u l-kura ta’ wara tas-sit għal perijodu ta’ għall-inqas 30 sena jridu jkunu koperti mill-prezz li jrid jintalab biex jitħallas mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit. […]”.

8.        L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-landfills jikkonċerna l-proċedura tal-għeluq u manutenzjoni tas-sit:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex, bi qbil, fejn xieraq, mall-permess:

a)      […]

b)      landfill jew parti minnha tista’ tiġi biss kunsiderata bħala magħluqa definittivament wara li l-awtoritá kompetenti tkun għamlet l-aħħar spezzjoni fuq is-sit, u tkun assessjat ir-rapporti kollha mogħtija mill-operatur u tkun ikkomunikat lill-operatur l-approvazzjoni tagħha għall-għeluq. Dan ma jnaqqas bl-ebda mod ir-responsabilitá tal-operatur skond il-kundizzjonijiet tal-permess;

ċ)      wara li landfill tkun definittivament magħluqa, l-operatur għandu ikun responsabbli għall-manutenzjoni, fażi ta’ sorveljar u kontroll u tal-kura ta’ wara tagħha sakemm ikun meħtieġ mill-awtoritá kompetenti, bil-kunsiderazzjoni tażżmien li matulu l-landfill tista tkun ta’ periklu.

L-operatur irid jinnotifika lill-awtorità kompetenti b’kull effett ħażin sinifikanti għall-ambjent li ġie skopert mill-proċeduri ta’ kontroll u skont id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti fuq in-natura u termini ta’ żmien tal-miżuri korrettivi li jridu jittieħdu;

d)      sakemm l-awtorità kompetenti tikkonsidra li l-landfill x’aktarx tista tikkawża periklu għall-ambjent u mingħajr preġudizzju għall-leġilazzjoni Komunitarja u nazzjonali skont ir-responsabbilità tad-detentur ta’ l-iskart, l-operatur tas-sit irid ikun responsabbli għas-sorveljar u analizzar ta’ gass u lissija tal-landfill mis-sit u r-reġim ta’ l-ilma tal-qiegħ fil-viċinanza tas-sit bi qbil ma l-Anness III.”

9.        L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-landfills japplika għal-landfills eżistenti:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex landfills li ġew mogħtija permess, jew li huma diġà qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard:

a)      f’perijodu ta’ sena [mis-16 ta’ Lulju 2001], l-operatur ta’ landfill irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1.

b)      skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definita fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi ta’ l-imsemmi pjan ta’ kundizzjonalment u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

ċ)      fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtortá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Landfill eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara [s-16 ta’ Lulju 2001].”

2.      Id-Direttiva dwar l-iskart

10.      Meta ngħatat id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni dwar l-iskart kienu jinsabu fid-Direttiva dwar l-iskart tas-sena 2008 (3), iżda d-dispożizzjonijiet rispettivi kienu diġà inklużi fil-verżjonijiet preċedenti ta’ din id-direttiva (4).

11.      L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-iskart illum jinkludi l-obbligu fundamentali ta’ protezzjoni tal-immaniġġar tal-iskart li preċedentement kien jinsab fl-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent […]”

12.      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar l-iskart jinkludi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, li preċedentement kien jinsab fl-Artikolu 11, imbagħad fl-Artikolu 15:

“Skond il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-ispejjeż ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali ta’ l-iskart jew mid-detentur attwali jew ta’ qabel ta’ l-iskart.”

B.      Id-Digriet Leġiżlattiv Taljan 36/2003

13.      L-Artikolu 15(1) tad-Decreto legislativo del 13 gennaio 2003, n. 36, Attuazione della direttiva 1999/31/KE relativa alle discariche di rifiuti (5) (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36 tat-13 ta’ Jannar 2003 ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill jirregola t-tariffi tal-landfill):

“Il-prezz rispettiv għar-rimi ta’ skart f’landfill għandu jkopri l-ispejjeż marbuta mal-kostruzzjoni u mal-operat tas-sit ta’ landfill, mal-ispejjeż tas-sigurtá finanzjarja u mal-ispejjeż stmati għall-għeluq, kif ukoll mal-manutenzjoni wara għeluq għall-perijodu li jikkorrispondi ma’ dak imsemmi fl-Artikolu 10(1)(i).”

14.      L-Artikolu 17(3) tad-Digriet Leġiżlattiv jistabbilixxi terminu għall-adattament ta’ landfills eżistenti fir-rigward tar-rekwiżiti l-ġodda:

“Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, id-detentur tal-permess imsemmi fil-paragrafu 1, jew l-operatur tal-landfill, imqabbad minn dan tal-aħħar, għandu jibgħat lill-awtorità kompetenti pjan ta’ żvilupp għas-sit skont il-kriterji stabbiliti f’dan id-digriet, inklużi s-sigurtajiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 14.”

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

15.      Bejn l-Azienda Municipale Ambiente spa (iktar ’il quddiem l-“AMA”), impriża tal-belt ta’ Ruma, u l-Consorzio Laziale Rifiuti (iktar ’il quddiem il-“Consorzio”), l-operatur tal-landfill Malagrotta, hemm ftehim kuntrattwali dwar “kuntratt ta’ servizz pubbliku” rigward ir-rimi tal-iskart, konkluż fis-26 ta’ Jannar 1996. Dan il-kuntratt jistabbilixxi manutenzjoni ta’ għaxar snin wara l-għeluq tal-landfill.

16.      Wara li d-Direttiva dwar il-landfills u d-Digriet Leġiżlattiv 36/2003 estendew il-perijodu ta’ manutenzjoni tal-landfill ta’ Malagrotta għal mill-inqas 30 sena, kienu ġew adattati t-tariffi tal-iskart li għandhom jitħallsu fil-futur skont dan il-perijodu estiż ta’ manutenzjoni.

17.      Barra minn hekk, permezz ta’ sentenza ta’ arbitraġġ tat-8 ta’ Frar 2012, l-AMA ġiet ikkundannata tħallas lil Consorzio tariffi addizzjonali li jammontaw għal iktar minn EUR 76 miljun, għall-perijodu ta’ qabel l-addattament tat-tariffi minħabba l-perijodu estiż ta’ manutenzjoni.

18.      Il-Corte d’Appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja) ikkonfermat is-sentenza ta’ arbitraġġ. L-AMA ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kontra din is-sentenza.

19.      L-AMA tilmenta li l-Corte d’Appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) interpretat il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills fis-sens li l-estensjoni tat-terminu għall-manutenzjoni u għall-ispejjeż relatati magħha huma wkoll estiżi għall-iskart diġà mormi fil-landfill. L-applikazzjoni tal-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 għal-landfills eżistenti wkoll tmur kontra l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ natura xierqa. L-AMA tgħid li matul is-snin kienet diġà ħallset lil Consorzio ammonti li jeċċedu bil-ħafna l-ispejjeż mitluba minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, jekk tiġi kkonfermata l-kundanna, din tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja tagħha.

20.      Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) għalhekk tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-interpretazzjoni tal-qorti tal-appell, fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv 36/2003, li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31, japplikaw b’mod retroattiv, li għandu l-effett li jissuġġetta inkundizzjonalment il-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat għall-obbligi li jipprevedu dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari għall-estensjoni minn għaxra għal tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31?

2.      B’mod partikolari, fid-dawl tal-kontenut tal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31, li, rispettivament, jistiednu lill-Istati Membri jieħdu, ‘mżuri biex jiżguraw l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u l-operazzjoni tas-sit ta’ landfill, inkluża kemm jista’ jkun possibbli l-ispiża tas-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha riferuta fl-Artikolu 8(a)(iv), u l-ispejjeż stmati ta’ l-għeluq u l-kura ta’ wara tas-sit għal perijodu ta’ għall-inqas 30 sena jridu jkunu koperti mill-prezz li jrid jintalab biex jitħallas mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit’ u ‘miżuri sabiex terraferma li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, [...] [ikunu jistgħu] ikomplu jaħdmu’ –, l-interpretazzjoni magħmula mill-qorti tal-appell, fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv 36/2003 japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva, meta, fit-traspożizzjoni tiegħu tal-obbligi li huma imposti wkoll fuq il-landfills eżistenti, l-Artikolu 17 sempliċement jipprevedi perijodu tranżitorju u ma jinkludi ebda miżura intiża sabiex jiġu llimitati l-effetti finanzjarji tal-estensjoni fuq id-‘detentur’?

3.      L-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tal-appell, li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv 36/2003 japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, anki f’dak li jikkonċerna l-oneri finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi li huma hekk imposti fuqhom u, b’mod partikolari, l-estensjoni minn għaxra sa tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, billi dawn l-oneri jkollu jbatihom id-‘detentur’ u billi tiġi vvalidata b’dan il-mod iż-żieda għal dan tal-aħħar tat-tariffi previsti fil-kuntratti li jirregolaw l-attività ta’ eliminazzjoni tal-iskart, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31?

4.      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv 36/[2]003 japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, anki f’dak li jikkonċerna l-oneri finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi li huma hekk imposti fuqhom u, b’mod partikolari, l-estensjoni minn għaxra sa tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, interpretazzjoni li l-qorti tal-appell tat meta qieset li l-oneri għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-iskart li għandhom jirċievu mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, iżda wkoll skart li jkun diġà ġie rċevut, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31?”

21.      L-Azienda Municipale Ambiente, il-Consorzio Laziale Rifiuti u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.  Madankollu kienu biss l-AMA u l-Kummissjoni li intervjenew waqt is-seduta tas-27 ta’ Novembru 2019.

IV.    Analiżi ġuridika

22.      Qabel ma nindirizza d-domandi magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), ser nittratta fil-qosor l-ammissibbiltà tagħhom.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23.      Il-Consorzio jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-domandi magħmula huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali. B’mod partikolari, dawn id-domandi ma kinux is-suġġett tal-proċedura ta’ appell u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti mis-suġġett tal-proċedura quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni).

24.      Huwa minnu li talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli biss sa fejn id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali.

25.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (6).

26.      Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk, skont id-dritt proċedurali Taljan, id-domandi preliminari humiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

27.      Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, ir-rilevanza tagħhom hija evidenti: l-għoti tal-kuntratt lil Consorzio huwa bbażat fuq il-fatt li, minn tal-inqas kif ikkunsidra t-Tribunal tal-Arbitraġġ, skont id-Direttiva dwar il-landfills, ir-responsabbiltà tal-AMA għall-manutenzjoni tal-landfill Malagrotta kienet estendiet minn għaxar snin għal 30 sena.

28.      Minn dan isegwi li t-talba għal domanda preliminari hija ammissibbli.

B.      Fuq id-domandi magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni)

29.      Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tixtieq tkun taf jekk l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva dwar il-landfills jipprekludux interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet Taljani ta’ traspożizzjoni korrispondenti, li skonthom, sabiex tiġi estiża l-manutenzjoni tal-landfills minn għaxar snin għal 30 sena, l-operaturi ta’ landfills jistgħu a posteriori jitolbu tariffi addizzjonali lid-detenturi ta’ skart, li jkunu għamlu konsenji ta’ skart fil-passat.

30.      Hija tiddubita, b’mod partikolari, jekk l-applikazzjoni ta’ obbligu itwal ta’ manutenzjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità u, għalhekk, tindirizza erba’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

31.      L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-landfills eżistenti li diġà għandhom awtorizzazzjoni ta’ operat humiex suġġetti mingħajr riżerva għall-obbligi imposti mill-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva dwar il-landfills, b’mod partikolari sa fejn dawn jipprevedu l-estensjoni ta’ manutenzjoni minn għaxar snin għal 30 sena. Fl-istess sens, ir-raba’ domanda hija dwar jekk l-estensjoni ta’ manutenzjoni tapplikax ukoll għal skart ikkunsinnat qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni. Fl-ewwel lok ser neżamina dawn iż-żewġ domandi sa fejn jirrigwardaw l-operatur tal-landfill.

32.      Sa fejn ir-raba’ domanda tirrigwarda, min-naħa l-oħra, id-detentur ta’ skart, jiena ser nindirizzaha flimkien mat-tieni u mat-tielet domanda dwar il-kwistjoni jekk id-Direttiva dwar il-landfills titlobx a posteriori tariffi addizzjonali għar-rimi tal-iskart f’landfill. Fil-fatt, it-tieni domanda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Italja kinitx obbligata tipprovdi dispożizzjonijiet li jillimitaw a posteriori talbiet addizzjonali għal tariffi mingħand detenturi preċedenti ta’ skart. It-tielet domanda tirrigwarda l-effett tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10 u 14 tad-Direttiva dwar il-landfills fuq ftehim eżistenti bejn l-operatur tal-landfill u d-detenturi preċedenti ta’ skart.

1.      Fuq jekk l-obbligu ta manutenzjoni japplikax għal-landfills eżistenti u għal skart diġà kkunsinnat

33.      L-ewwel u r-raba’ domanda jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ manutenzjoni ta’ landfills li kienu diġà ġew operati meta bdiet tapplika d-Direttiva dwar il-landfills.

a)      Fuq l-obbligu ta manutenzjoni ta landfills eżistenti

34.      L-Artikolu 14 jikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills fuq landfills eżistenti. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex il-landfills li ġew mogħtija permess, jew li diġà qed joperaw fil-mument tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (is-16 ta’ Lulju 2001), jistgħu jkomplu joperaw biss, jekk jittieħdu passi partikolari fi żmien tmien snin (sas-16 ta’ Lulju 2009).

35.      L-Artikolu 14(b) tad-Direttiva dwar il-landfills jagħti żewġ mezzi lill-Istati Membri sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom relatati ma’ dawn il-landfills eżistenti. Jew billi jawtorizzaw it-tkomplija tal-operat b’mod konformi mad-Direttiva dwar il-landfills jew billi jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex landfills li ma jkunux kisbu permess għat-tkomplija tal-operat, jingħalqu malajr kemm jista’ jkun skont l-Artikolu 7(g) u l-Artikolu 13 (7).

36.      Jekk – bħalma jidher li huwa l-każ hawnhekk (8) – l-operazzjoni tkun ġiet awtorizzata wara s-16 ta’ Lulju 2009, skont l-Artikolu 14(ċ) tad-Direttiva dwar il-landfills, landfill eżistenti għandha, sa mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perijodu tranżitorju, tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness I. Dawn tal-aħħar jikkonċernaw il-post tas-sit tal-landfill u għalhekk ma humiex rilevanti għal dan il-każ.

37.      Min-naħa l-oħra, l-obbligi ta’ manutenzjoni skont l-Artikolu 13(ċ) tad-Direttiva dwar il-landfills huma għal kollox applikabbli mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perijodu tranżitorju. Wara dan il-perijodu, l-operatur għandu jibqa’ jimplimenta il-manutenzjoni sa meta dan ikun mitlub mill-awtorità kompetenti, fid-dawl tal-perijodu li matulu l-landfill tista’ tippreżenta riskji. F’dak li jirrigwarda spejjeż, huwa għandu, skont l-Artikolu 8(a)(iv), jipprovdi garanzija sa’ tmiem il-perijodu ta’ manutenzjoni.

38.      Madankollu, l-obbligi tal-operatur rigward il-manutenzjoni japplikaw ukoll meta l-landfill ma tkunx kompliet tiġi operata, iżda tkun ingħalqet qabel l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju. Fil-fatt, anki f’dan il-każ, l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva dwar il-landfills jirreferi għall-Artikolu 13.

39.      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni espliċita tad-Direttiva dwar il-landfills jirriżulta li l-operaturi tal-landfills li kienu qed joperaw mal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, jiġifieri fis-16 ta’ Lulju 2001, għandhom ikunu suġġetti għal obbligu ta’ manutenzjoni, sakemm il-landfill ma tibqax ta’ perikolu. Kif tippreċiża l-premessa 25, huma biss il-landfills li diġà ngħalqu f’din id-data li ma humiex ikkonċernati.

b)      Fuq l-estensjoni ta skart qadim fl-obbligu ta manutenzjoni

40.      L-obbligu ta’ manutenzjoni ma jagħmilx distinzjoni espressa bejn l-iskart li ġie kkunsinnat u mormi qabel jew wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni. Kif tissuġġerixxi r-raba’ domanda, ikun possibbli li wieħed jistaqsi dwar jekk dan l-obbligu, fid-dawl tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali, huwiex intiż esklużivament għall-iskart li ġie kkunsinnat u mormi wara.

41.      Kif juri l-Consorzio bl-eżempju tal-landfill Malagrotta, tali distinzjoni hija prattikament impossibbli, peress li fil-landfill, l-iskart qadim u l-iskart ġdid jiġi mħallat, u flimkien, huma joħolqu r-riskji li għandhom jiġu indirizzati mill-manutenzjoni. Għaldaqstant, ġeneralment, il-manutenzjoni għandha testendi għal-landfill fit-totalità tagħha.

42.      Huwa konċepibbli li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills rigward l-obbligu ta’ manutenzjoni, landfills li wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ma kinux operati iktar u li lanqas kienu qed joperaw b’mod interdipendenti mat-taqsimiet li kienu għadhom operattivi.

43.      Dawn it-taqsimiet għandhom ikunu, minn tal-inqas, suġġetti għar-rekwiżiti ta’ verżjonijiet differenti tad-Direttiva dwar l-iskart, li ilhom jiġu applikati mis-sena 1977. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li la s-saħħa tal-bniedem u lanqas l-ambjent ma jiġu pperikolati (9), kif ukoll, li jiġi mħares il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (10). Madankollu, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa dwar kif jorganizzaw il-manutenzjoni neċessarja u t-tqassim tal-ispejjeż (11).

44.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha ebda indikazzjoni li taqsimiet qodma bħal dawn huma kkonċernati fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, il-Consorzio jsostni li d-diversi taqsimiet kienu interdipendenti ferm. Konsegwentement, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li minħabba fihom taqsimiet qodma partikolari ta’ landfill eżistenti ma għadhomx suġġetti għad-Direttiva dwar il-landfills, u tista’ għal kumplament tad-diskussjoni tassumi li l-kwistjoni hija dwar il-manutenzjoni ta’ landfill li mal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva kienet qed topera.

c)      Fuq il-prinċipji ta nuqqas ta retroattività, ta ċertezza legali, ta protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta proporzjonalità

45.      Madankollu, l-AMA u l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) jiddubitaw jekk l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ manutenzjoni josservax il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

46.      Il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma għandhom jiġu osservati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-direttivi tal-Unjoni (12).

47.      Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw biss għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (“situations acquises”) sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tagħhom, mill-iskop tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li għandu jingħatalhom tali effett (13). Bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi att tal-Unjoni milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu. Ħlief, eċċezzjonalment, meta l-interess ġenerali li għandu jintlaħaq jeżiġih u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati (14).

48.      Madankollu, regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-reġim tar-regola l-qadima (15). Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-limitu li jimpedixxi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti sussegwenti ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt ir-reġim tar-regola l-qadima (16).

49.      L-obbligu ta’ manutenzjoni ta’ landfills, li kienu għadhom joperaw fid-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills, huwa tali sitwazzjoni fejn tapplika regola ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regola l-qadima.

50.      Dan l-obbligu lanqas ma jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-monitoraġġ tar-riskji ta’ landfill magħluqa jissodisfa l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(3) TUE, fl-Artikolu 37 tal-Karta u fl-Artikolu 191(2) TFUE. L-obbligu ta’ manutenzjoni huwa ta’ natura li jippromwovi dan l-għan u ma hijiex meħtieġa miżura inqas severa.

51.      Fl-aħħar nett, huwa xieraq li dan l-obbligu jiġi impost fuq l-operatur tal-landfill. Permezz tal-operat tal-landfill, dan jirċievi dħul u, ġeneralment, ikollu l-iktar għarfien dwar il-landfill. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ manutenzjoni ma kienx introdott għall-għarrieda mid-Direttiva dwar il-landfills, iżda dan diġà kien jirriżulta mill-verżjonijiet differenti tad-Direttiva dwar l-iskart, li ilhom jiġu applikati mis-sena 1977.

d)      Konklużjoni intermedjarja

52.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda u għar-raba’ domanda għandha tkun li, sa fejn tikkonċerna l-operatur tal-landfill, skont l-Artikoli 10, 13 u 14 tad-Direttiva dwar il-landfills, l-operatur ta’ landfill, li kienet użata meta t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva kien skada, huwa obbligat li jiżgura l-manutenzjoni tal-landfill għal mill-inqas 30 sena wara l-għeluq tagħha. B’mod ġenerali, ma tistax issir distinzjoni bejn l-iskart li ġie mormi f’landfill wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva u dak li ġie mormi f’landfill qabel.

2.      L-ispejjeż tal-manutenzjoni

53.      Fit-tieni u fit-tielet domanda, kif ukoll fir-raba’ domanda, sa fejn hija kkonċernata s-sitwazzjoni ta’ detenturi ta’ skart, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tindirizza li l-obbligu tal-operatur tal-landfill rigward il-manutenzjoni għandu jiġi distint mir-responsabbiltà tal-ħlas tal-ispejjeż tal-manutenzjoni. Ġeneralment, f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, dawn l-ispejjeż għandhom jiġu attribwiti lid-detenturi ta’ skart, li jarmu l-iskart fil-landfill. Din id-distribuzzjoni tal-ispejjeż tinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-landfills (ara taħt (a)), iżda huwa dubjuż li tapplika wkoll għall-iskart li jkun ġie mormi qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills (ara taħt (b)).

a)      Il-kontenut leġiżlattiv tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-landfills

54.      Kif jirriżulta wkoll mill-premessa 29 tad-Direttiva dwar il-landfills, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri skont l-Artikolu 10, sabiex jiżguraw li l-prezz mitlub għal ħlas għar-rimi ta’ skart f’landfill ikopri l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u fit-tħaddim tal-faċilità (17).

55.      Dan ir-rekwiżit huwa l-espressjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Dan jimplika, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-verżjonijiet differenti tad-Direttiva dwar l-iskart (18), li l-ispiża tar-rimi tal-iskart għandha tiġi sostnuta mid-detenturi tal-iskart (19). L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas tissodisfa l-għan tad-Direttiva dwar il-landfills li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, hija intiża sabiex tissodisfa, b’mod partikolari, il-kundizzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-iskart, li, fost l-oħrajn, jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu miżuri xierqa sabiex jippromwovu l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-formazzjoni tal-iskart (20).

56.      L-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-landfills jinkludu espressament l-ispejjeż stmati għall-għeluq u għall-manutenzjoni tas-sit għal perijodu ta’ mill-inqas tletin sena.

57.      Skont l-Artikolu 14(ċ) tad-Direttiva dwar l-landfills, din ir-regola kellha tkun applikabbli għal landfills eżistenti li komplew jiġu operati sa mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perijodu tranżitorju, peress li wara din id-data, ġew applikabbli għal dawn il-landfills ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Minn dak iż-żmien, il-prezz mitlub għar-rimi ta’ skart ġo landfills eżistenti kellu jinkludi l-manutenzjoni tas-sit.

b)      Dwar iż-żieda a posteriori tat-tariffi għar-rimi tal-iskart

58.      Madankollu, il-konstatazzjonijiet dwar l-obbligu ta’ manutenzjoni u l-portata tat-tariffi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-landfills għal-landfills eżistenti, għadhom ma humiex deċiżi, dwar jekk it-tariffi għall-perijodi preċedenti jistgħux jiġu miżjuda a posteriori sabiex jiġi kopert perijodu ta’ manutenzjoni itwal.

59.      L-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva dwar il-landfills ma jinkludu ebda dispożizzjoni espressa f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju: l-Artikolu 14(ċ) jeżiġi biss li l-landfills li baqgħu joperaw, ikomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva sal-iskadenza tal-perijodu tranżitorju.

60.      Fil-każ li landfill eżistenti ma tibqax topera, iżda tingħalaq, l-Artikolu 14(b) jirreferi biss għall-Artikoli 7(g) u għall-Artikolu 13, iżda mhux għall-Artikolu 10. Ma jistax jiġi preżunt, li l-manutenzjoni neċessarja skont l-Artikolu 13(ċ) tista’, b’mod ġenerali, tiġi tterminata qabel għal dawn il-landfills milli għal-landfills li jibqgħu joperaw. Huwa possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu wkoll li, għar-raġuni li l-landfill kienet tipproduċi riskji għal iktar minn 30 sena, il-manutenzjoni skont l-Artikolu 13(ċ) għandha ddum iktar .

61.      Għalhekk, kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-landfills ma jipprovdux espressament, li d-detenturi ta’ skart li jkunu kkunsinnaw skart ġo landfill fil-passat, iżda ħallsu prezz mhux suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż stmati għall-manutenzjoni tas-sit għal mill-inqas 30 sena, għandhom a posteriori jħallsu prezz addizzjonali sabiex ikopru l-ispejjeż li jkun baqa’.

62.      Xorta jibqa’ l-fatt, li l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas huwa favur li dawn l-ispejjeż addizzjonali jitħallsu mid-detenturi ta’ skart. Għalkemm id-Direttiva dwar il-landfills ma tirreferix espressament għal dan il-prinċipju fil-kuntest tal-Artikolu 10, xorta jibqa’ l-fatt, li huwa imperattiv, li jittieħed inkunsiderazzjoni, għaliex, skont l-Artikolu 191(2) TFUE, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni u, għaldaqstant, għandu neċessarjament jiġi kkunsidrat fl-interpretazzjoni tagħha.

63.      Barra minn hekk, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills, il-verżjonijiet differenti tad-Direttiva dwar l-iskart diġà kienu jipprevedu li d-detenturi ta’ skart, li jkunu kkunsinnaw l-iskart tagħhom lil impriża li toffri servizz ta’ rimi ta’ skart, għandhom ibatu l-ispiża tar-rimi tal-iskart, skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (21).

64.      Li kieku l-Italja għamlet traspożizzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, waqt li ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-iskart ikun mormi mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent (l-Artikolu 4 tal-verżjoni applikabbli preċedentement tad-Direttiva dwar l-iskart), kieku t-tariffi għar-rimi tal-iskart kienu adegwatament ikopru l-ispejjeż tal-manutenzjoni tas-sit, anki fil-passat.

65.      Min-naħa l-oħra, żieda a posteriori fit-tariffi kull ma tagħmel huwa li tnaqqas b’mod iktar ċar il-portata tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Madankollu, din tikkorrispondi mar-responsabbiltà tad-detenturi ta’ skart ta’ min iniġġes iħallas. Wara kollox, fl-assenza tal-aġir tagħhom, l-iskart ma kienx jinħoloq. Madankollu, il-funzjoni fiskali tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas ma tibqax tapplika peress li d-detenturi ta’ skart ma jistgħux iktar jindirizzaw a posteriori l-aġir tagħhom skont l-ispiża reali tar-rimi ta’ skart.

66.      Issa, huma l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali li huma determinanti. Kif diġà enfasizzajt, huma jeżiġu li r-regoli tad-dritt sostantiv tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw biss għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (“situations acquises”) sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tagħhom, mill-għan tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li għandu jingħatalhom tali effett (22).

67.      Huwa inkompatibbli ma’ dawn ir-rekwiżiti, li detenturi ta’ skart ikollhom obbligu għall-ħlas a posteriori ta’ spejjeż addizzjonali għar-rimi tal-iskart.

68.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-kliem, l-għan u l-istruttura tad-Direttiva dwar il-landfills, b’mod partikolari l-Artikoli 10 u 14 tagħha, ma humiex ċari biżżejjed sabiex is-sistema tal-ispejjeż ikun jista’ jkollha effett retroattiv.

69.      Fit-tieni-lok, għal detentur ta’ skart, li jikkunsinna l-iskart ġo landfill u jħallas it-tariffi neċessarji għal dan il-għan, il-kwistjoni hija magħluqa. Is-sitwazzjoni tiegħu rigward dawn it-tariffi tikkorrispondi għal dik ta’ debitur, li d-dejn doganali tiegħu jkun inħoloq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida fuq il-mertu (23), u dik ta’ benefiċjarju, li jkun ibbenefika mill-għajnuna qabel id-dħul fis-seħħ ta’ kodiċi ġdid ta’ għajnuna (24).

70.      Evidentement dan ma jeskludix li l-ftehim bejn il-Consorzio u l-AMA jirregola t-tqassim tal-ispejjeż mod ieħor. B’hekk, ikun possibbli li jiġu previsti talbiet addizzjonali min-naħa tal-operatur fil-każ ta’ spejjeż addizzjonali. Lanqas ma kienet tkun sorpriża, li kieku l-Consorzio opera l-landfill biss għall-AMA u li, minħabba f’hekk, l-AMA kellha tibqa’ indirettament fil-pussess tal-iskart. Madankollu, f’dawn il-każijiet, ma hijiex kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-landfills, iżda biss dwar l-interpretazzjoni ta’ kuntratt konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet, li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tipprovdix indikazzjonijiet fuq tali sitwazzjoni.

71.      Min-naħa l-oħra, fis-sitwazzjoni hawnhekk, għandu jiġi ammess li, fil-kuntest ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva dwar il-landfills, l-operatur ta’ landfill li kompliet topera, jaf ma jkunx jista’ jkopri l-ispejjeż tal-manutenzjoni tas-sit permezz tat-tariffi miġbura mir-rimi tal-iskart. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-Istat Membru kkonċernat ikun wettaq traspożizzjoni insuffiċjenti tad-Direttiva dwar l-iskart, b’tali mod li dawn l-ispejjeż għall-manutenzjoni tas-sit ma jkunux ittieħdu biżżejjed inkunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni tat-tariffi għar-rimi tal-iskart.

72.      Minkejja dan, l-AMA ssostni li ż-żieda fit-tariffi għall-konsenji tal-iskart fil-futur, li kienu ġew magħmula wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-landfills, hija diġà suffiċjenti għall-finanzjament ta’ manutenzjoni itwal. Iżda, minn tal-inqas, il-qrati nazzjonali jidhru li qed jikkunsidraw, li dan id-dħul addizzjonali ma huwiex biżżejjed. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li dħul suffiċjenti fis-suq tal-landfills, jew fil-perijodu residwu tal-operat, ma jistax jiġi ġġenerat permezz ta’ żieda fit-tariffi.

73.      Madankollu, l-operatur tal-landfill għandu jkun minn tal-inqas koresponsabbli, flimkien mal-Istat Membru, sabiex ikopri d-differenza fl-ispejjeż, peress li minħabba l-għarfien tiegħu dwar il-landfill, huwa qiegħed fl-aħjar pożizzjoni li jevalwa l-portata tal-manutenzjoni neċessarja. Jekk huwa seta’ ġustament jikkunsidra li manutenzjoni ta’ għaxar snin hija biżżejjed minħabba l-istat tal-landfill, il-kumplament tal-manutenzjoni ma għandhiex twassal għal spejjeż kbar. Min-naħa l-oħra, l-operatur tal-landfill ma jkunx osserva l-obbligu tiegħu ta’ diliġenza fid-determinazzjoni tal-perijodu ta’ manutenzjoni, jekk, wara għaxar snin, l-istat tal-landfill xorta jkun jeħtieġ spejjeż kbar għall-manutenzjoni.

c)      Konklużjoni intermedjarja

74.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda kif ukoll għar-raba’ domanda, sa fejn din tikkonċerna s-sitwazzjoni tad-detentur ta’ skart, għandha tkun, li fid-dawl tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva dwar il-landfills ma jiġġustifikawx l-impożizzjoni ta’ tariffi addizzjonali fir-rigward ta’ detenturi preċedenti ta’ skart li kienu rmew skart ġo landfills, u li ħallsu t-tariffi mitluba, jekk sussegwentement il-perijodu ta’ manutenzjoni tal-landfill ġie estiz, u din l-ispiża addizzjonali ma kinitx għadha ttieħdet inkunsiderazzjoni fit-tariffa inizjali.

V.      Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-deċiżjoni preliminari kif ġej:

1)      Skont l-Artikoli 10, 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill, l-operatur ta’ landfill, li kienet użata meta t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva kien skada, huwa obbligat li jiżgura l-manutenzjoni tal-landfill għal mill-inqas tletin sena wara l-għeluq tagħha. B’mod ġenerali, ma tistax issir distinzjoni bejn l-iskart li ġie mormi f’landfill wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva u dak li ġie mormi f’landfill qabel.

2)      Fid-dawl tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31 ma jiġġustifikawx l-impożizzjoni ta’ tariffi addizzjonali fir-rigward ta’ detenturi preċedenti ta’ skart li kienu rmew skart ġo landfills, u li ħallsu t-tariffi mitluba, jekk sussegwentement il-perijodu ta’ manutenzjoni tal-landfill ġie estiz, u din l-ispiża addizzjonali ma kinitx għadha ttieħdet inkunsiderazzjoni fit-tariffa inizjali.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228, rettifika fil-ĠU 2018, L 91, p. 30), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/97/UE tal-5 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Direttiva 1999/31/KE fir-rigward ta’ kriterji speċifiċi għall-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart (ĠU 2011, L 328, p. 49).


3      Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3, rettifiki fil-ĠU 2015, L 297, p. 9, u fil-ĠU 2017, L 42, p. 43).


4      Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), fil-verżjonijiet differenti tagħha, kif ukoll Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9).


5      GURI Nru 59, tat-12 ta’ Marzu 2003, SO Nru 40.


6      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 67).


7      Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑145/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:502, punt 30); tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑145/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:117, punt 59); tat-28 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (C‑506/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:959, punt 45), u tal-21 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑498/17, EU:C:2019:243, punt 27).


8      Kif stabbilit fis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑323/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2290, punt 13).


9      Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.


10      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et (C‑254/08, EU:C:2009:479, punti 47 et seq.).


12      Sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1998, Belgocodex (C‑381/97, EU:C:1998:589, punt 26), tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 32); tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 43), u tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 30).


13      Sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9); tal-10 ta’ Frar 1982, Bout (21/81, EU:C:1982:47, punt 13); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 49); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 50), u tal-14 ta’ Marzu 2019, Textilis (C‑21/18, EU:C:2019:199, punt 30).


14      Sentenzi tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, EU:C:1979:14, punt 20), tat-13 ta’ Novembru 1990, Fédesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 45), tat-28 ta’ November 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑413/04, EU:C:2006:741, punt 75), u tat-30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran) (C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 106).


15      Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (143/73, EU:C:1973:145, punt 8); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 49), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 49).


16      Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1979, Tomadini (84/78, EU:C:1979:129, punt 21), tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 55), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 49).


17      Sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Pontina Ambiente (C‑172/08, EU:C:2010:87, punt 35).


18      Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et (C‑1/03, EU:C:2004:490, punt 57), li tirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3); tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 71), li tirrigwarda id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, tal-24 ta’ Mejju 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 59); tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et (C‑254/08, EU:C:2008:479, punti 44 u 45), li tikkonċerna d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12/KE tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), u tat-30 ta’ Marzu 2017, VG Čistoća (C‑335/16, EU:C:2017:242, punt 24), dwar id-Direttiva dwar l-iskart.


19      Sentenza tat-25 ta’ Frar 2010, Pontina Ambiente (C‑172/08, EU:C:2010:87, punt 36).


20      Sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Pontina Ambiente (C‑172/08, EU:C:2010:87, punt 36), Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350.


21      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


22      Ara l-punti 46 u 47 iktar ’il fuq.


23      Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan (C‑61/98, EU:C:1999:393, punti 12 sa 14); tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica (C‑251/00, EU:C:2002:655, punti 28 sa 30), u tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 42).


24      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 117).