Language of document : ECLI:EU:C:2020:47

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fid‑29 ta’ Jannar 2020 (1)

Kawża C-796/18

Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (ISE) mbH

vs

Stadt Köln,

bl-intervent ta’:

Land Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri Ċivili u Kriminali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Domanda preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Kunċett ta’ kuntratt bi ħlas – Kooperazzjoni orizzontali bejn awtoritajiet kontraenti – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ softwer ta’ koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar – Ftehim ta’ kooperazzjoni għall-aġġornament u l-iżvilupp tas-softwer – Attività aċċessorja għas-servizz pubbliku – Projbizzjoni li terzi jitqiegħdu f’pożizzjoni pprivileġġata”






1.        L-ewwel regoli Ewropej dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jmorru lura għas-snin sebgħin. Minn dak iż-żmien ’l hawn, segwew diversi dispożizzjonijiet sakemm fl-2014 ġew adottati tliet testi bil-ħsieb li jiġi rregolat dan il-qasam f’kull aspett tiegħu: id-Direttiva 2014/24/UE (2) (li fuq l-interpretazzjoni tagħha jibbaża ruħu dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari), id-Direttiva 2014/23/UE (3) u d-Direttiva 2014/25/UE (4).

2.        Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttivi tal-2014, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ammettiet li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma kinux japplikaw, bħala prinċipju, meta, f’ċerti kundizzjonijiet:

–      awtorità kontraenti tqiegħed taħt il-kontroll ta’ persuna ġuridika t-twettiq ta’ ċerti xogħlijiet, mingħajr ma jsir rikors għal entitajiet esterni oħra (kooperazzjoni vertikali jew għotja “in-house”); jew

–      żewġ awtoritajiet kontraenti jikkollaboraw flimkien sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku komuni għat-tnejn li huma (kooperazzjoni orrizontali).

3.        Fir-rigward ta’ dan it-tieni tip ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħolqot ċertu nuqqas ta’ ċertezza legali (5), li d-Direttiva 2014/24 ipprovat tneħħi. Miniex ċert jekk dak it-tentattiv kellux l-eżitu mistenni.

4.        Fit-tilwima li tat lok għal din id-domanda preliminari, kumpannija (Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung; iktar ’il quddiem, “ISE”) tikkontesta quddiem il-qorti tar-rinviju l-ftehimiet konklużi bejn il-belt ta’ Köln u l-Land ta’ Berlin, li bis-saħħa tagħhom dan tal-aħħar qiegħed għad-dispożizzjoni lil tal-ewwel programm tal-kompjuter għall-ġestjoni tal-interventi tal-korp tiegħu tat-tifi tan-nar, liema kuntratt jinkludi ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ amministrazzjonijiet.

5.        Il-qorti tar-rinviju tixtieq risposta, fuq kollox, dwar jekk ir-relazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti li taw lok għal dan il-kontenzjuż tinsabx jew le fil-marġini tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tad-Direttiva 2014/24. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunita’ li tikkompleta l-ġurisprudenza preċedenti tagħha, anki jekk fid-dawl ta’ dispożizzjoni ġdida (l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24) li dwaru, sa issa, sakemm miniex sejjer żball, ma ngħatat ebda sentenza.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2014/24

6.        Il-premessa 5 tiddikjara:

“[…] xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva […]”.

7.        Fil-premessa 31 huwa pprovdut kif ġej:

“Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku ma għandhiex itellef il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu l-kompiti pubbliċi ta’ servizzi kkonferiti lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

Għandu jiġi żgurat li kull kooperazzjoni eżentata bejn l-awtoritajiet pubbliċi ma tirriżultax f’distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati peress li hi tpoġġi lill-fornitur privat ta’ servizzi f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tagħha.”

8.        Skont il-premessa 33:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jipprovdu b’mod konġunt is-servizzi pubbliċi tagħhom permezz ta’ kooperazzjoni mingħajr ma jkunu obbligati jużaw kwalunkwe forma legali partikolari. Tali kooperazzjoni tista’ tkopri t-tipi kollha ta’ attivitajiet relatati mat-twettiq tas-servizzi u r-responsabbiltajiet li l-awtoritajiet parteċipanti jiġu assenjati jew jassumu, bħal kompiti obbligatorji jew voluntarji tal-awtoritjiet lokali jew reġjonali jew servizzi konferiti lil korpi speċifiċi permezz tal-liġi pubblika. Is-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet parteċipanti diversi mhux neċessarjament għandhom ikunu identiċi; jistgħu jkunu wkoll kumplimentari.

Kuntratti għall-provvista konġunta ta’ servizzi pubbliċi ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva dment li jkunu konklużi esklussivament bejn awtoritajiet kontraenti, li l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni tkun regolata biss minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku u li l-ebda fornitur tas-servizzi privat ma jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tiegħu.

Sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet, il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunċett ta’ kooperazzjoni. Tali kooperazzjoni ma tirrikjedix li l-awtoritajiet parteċipanti kollha jassumu t-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ewlenin, sakemm ikun hemm impenji għall-kontribuzzjoni lejn twettiq kooperattiv tas-servizz pubbliku inkwistjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni, inkluż kwalunkwe trasferiment finanzjarju bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti, għandhom ikunu regolati biss b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku.”

9.        L-Artikolu 1(4) jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawk is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom. Bl-istess mod, din id-Direttiva ma taffettwax id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi jekk, kif u sa liema punt jixtiequ jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi huma stess skont l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll Nru 26.”

10.      Il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) jiddefinixxi l-kuntratti pubbliċi kif ġej:

“[…] kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi.”

11.      L-Artikolu 12(4) (“Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”) jindika:

“Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;

b)      l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi rregolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

c)      l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.”

12.      L-Artikolu 18(1) jikkonstata:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

B.      Id-dritt nazzjonali

13.      Skont l-Artikolu 91c(1) tal-Kostituzzjoni Ġermaniża, “Il-Federazzjoni u l-Länder jistgħu jikkooperaw għall-ippjanar, il-ħolqien u l-ġestjoni tas-sistemi informatiċi meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom”.

14.      L-Artikolu 108 tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali; iktar ’il quddiem, il-“GWB”) jirriproduċi l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24.

15.      Skont l-imsemmija “Riżoluzzjonijiet ta’ Kiel”, adottati fl-1979, amministrazzjoni pubblika tista’ tittrasferixxi softwer żviluppat jew akkwistat (minnha stess jew f’isimha) lil amministrazzjonijiet pubbliċi oħra tal-Ġermanja, dejjem jekk ikun hemm reċiproċità. Ir-reċiproċità tingħata meta r-regoli baġitarji jew il-liġijiet jew l-istatuti baġitarji tal-entitajiet inkwistjoni – il-propjetarju jew ir-riċevitur tas-softwer – ikunu ħadu inkunsiderazzjoni r-regoli baġitarji rrakkomandati fl-1980 mill-Konferenza tal-Ministri għall-Finanzi. B’mod ġenerali, l-għotja ta’ reċiproċità ma tiġix evalwata f’termini kummerċjali iżda politiċi. Ma jittiħidx inkunsiderazzjoni skambju reċiproku b’mod konkret iżda l-possibbiltà li dan isir dan (6).

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      F’Settembru tal-2017, il-belt ta’ Köln u l-Land ta’ Berlin ikkonkludew kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ softwer fejn it-tieni qiegħed għad-dispożizzjoni lil tal-ewwel, mingħajr ħlas u għal żmien indefinit, l-użu ta’ softwer li jikkontrolla l-interventi tal-korp tiegħu ta’ tifi tan-nar.

17.      It-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jikkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet miġbura fi ftehim ta’ kooperazzjoni tal-istess data li jinkludi, fost l-oħrajn, l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1. Skop tal-kooperazzjoni

[…] Il-partijiet jaqblu li jistabbilixxu kollaborazzjoni ugwali u li jżommu spirtu ta’ kompromess bl-iskop li s-softwer jiġi adattat għall-ħtiġijiet tal-parti l-oħra f’kull mument u li jitqieħed għad-dispożizzjoni tagħha […].

Artikolu 2. Għan tal-kooperazzjoni

[…] Is-sistema tas-softwer tista’ tiġi estiża biċċa biċċa b’funzjonijiet oħra speċjalizzati u tkun tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kollaboraturi oħrajn għall-użu mingħajr ħlas tagħha […].

[…]

Artikolu 5. Forma tal-kooperazzjoni

[…] Is-softwer bażiku jitqiegħed għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas. L-elementi speċjalizzati addizzjonali jiġu offruti mingħajr ħlas lil kollaboraturi oħrajn.

[…]

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni jkun jorbot biss konġuntament mal-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tas-softwer bħala strument uniku”.

18.      L-ISE, li hija ddedikata għall-iżvilupp u l-bejgħ tas-softwer, ipproduċiet il-kuntratti konklużi bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln, quddiem il-Vergabekammer Rheinland (il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi ta’ Rheinland, il-Ġermanja), fejn talbet l-annullament tagħhom. Hija argumentat li l-belt ta’ Köln kienet tat kuntratt ta’ servizz pubbliku għal valur ogħla mill-ammont eżentat mill-obbligu li jiġu applikati r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-parteċipazzjoni tal-belt ta’ Köln fl-iżvilupp tas-softwer imqiegħed għad-dispożizzjoni kien jirrapreżenta, fl-opinjoni tagħha, vantaġġ ekonomiku suffiċjenti. Barra minn hekk, l-akkwist tas-softwer bażiku kien ifisser inkarigi ġodda għall-fabbrikant: għall-parti terza, l-iżvilupp u l-manteniment ta’ dan is-softwer kien iwassal għal spiża ekonomika mhux sostenibbli.

19.      Il-Vergabekammer Rheinland (il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi ta’ Rheinland) ċaħdet ir-rikors tal-ISE, fejn eskludiet li l-ftehimiet tal-belt ta’ Köln u l-Land ta’ Berlin setgħu jiġu kklassifikati bħala “kuntratti pubbliċi”, għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Fl-opinjoni tiegħu, iż-żewġ partijiet kienu llimitaw ruħhom li jistabbilixxu kooperazzjoni indaqs fl-isfond ta’ liema s-softwer tqiegħed għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas.

20.      L-ISE ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Il-belt ta’ Köln opponiet dan ir-rikors, fejn sostniet li d-deċiżjoni kkontestata kienet korretta.

21.      F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti ressqet id-domandi preliminari segwenti:

“1)      It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ softwer, minn amministrazzjoni pubblika lil amministrazzjoni pubblika oħra, miftiehem bil-miktub u marbut ma’ ftehim ta’ kooperazzjoni jikkostitwixxi “kuntratt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(5) tad-Direttiva 2014/24/UE jew kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fis-sens tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva – minn tal-inqas inizjalment, bla ħsara għall-Artikolu 12(4)(a) sa (c) – meta, minkejja li l-amministrazzjoni li tkun id-destinatarja tas-softwer ma tkunx marbuta tħallas prezz jew tirrimborsa l-kost tas-softwer, il-ftehim ta’ kooperazzjoni marbut mat-tqegħid għad-dispożizzjoni jkun jipprovdi li kull parti fil-ftehim ta’ kooperazzjoni – u għaldaqstant anki d-destinatarju tas-softwer – tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-oħrajn, mingħajr ħlas, l-iżviluppi ta’ softwer tagħha stess li hija tista’ toħloq fil-futur, mingħajr obbligu f’dan ir-rigward?

2)      Konformement mal-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti għandha jkollha bħala suġġett is-servizzi pubbliċi li għandhom jiġu pprovduti konġuntament bħala tali liċ-ċittadin, jew huwa biżżejjed li l-kooperazzjoni tirrigwarda attivitajiet li jikkontribwixxu b’xi mod għas-servizzi pubbliċi li għandhom jiġu pprovduti bl-istess mod iżda mhux neċessarjament ipprovduti konġuntament?

3)      Projbizzjoni mhux bil-miktub ta’ trattament iktar favorevoli tapplika fil-kuntest tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24/UE, u jekk iva, b’liema kontenut?”

22.      Id-digriet ta’ rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Diċembru 2018. Il-belt ta’ Köln, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

23.      Fis‑6 ta’ Novembru 2019 saret seduta li fiha kienu preżenti r-rappreżentati tal-ISE, tal-belt ta’ Köln, tal-Gvern Awstrijak u tal-Kummissjoni.

III. Analiżi

A.      L-approċċ u osservazzjonijiet preliminari

24.      Il-provvista ta’ servizzi permezz tal-kooperazzjoni interamministrattiva, magħrufa wkoll bħala “orizzontali” jew “pubblika‑pubblika”, ġiet inkluża espressament fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fit-Taqsima 3 (“Esklużjonijiet”) tal-Kapitolu I, Titolu I, tad-Direttiva 2014/24. B’mod speċifiku – fl-Artikolu 12(4) tagħha (7).

25.      Skont din id-dispożizzjoni, “[k]untratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni” tad-Direttiva 2014/24 jekk jissodisfa kull wieħed u waħda minn dawk il-kundizzjonijiet li elenkati fiha (8).

26.      It-test fis-seħħ jilqa’ l-kooperazzjoni orizzontali b’mod iktar ġeneruż mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċedi d-Direttiva tal-2014. F’din il-ġurisprudenza (9), li għaliha tagħmel riferiment il-premessa 31 tad-Direttiva 2014/24 (10), kienu ġew indikati ċertu kundizzjonijiet sabiex ikun paċifiku li l-provvista tas-servizzi pubbliċi sseħħ mingħajr ma jsir rikors għas-suq, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

27.      Minbarra n-natura ta’ awtorita’ kontraenti tal-entitajiet li jkunu qed jiftiehmu, dawn il-kundizzjonijiet kienu jeżiġu li l-ftehim interamministrattiv:

–      ikollu bħala għan li jiggarantixxi t-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku komuni għall-entitajiet;

–      jiġi konkluż esklużivament għall-entitajiet pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ kumpannija privata;

–      ma jiffavorixxi lil ebda fornitur privat fil-konfront tal-kompetituri tiegħu;

–      jintroduċi kooperazzjoni rregolata biss għal kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti li jikkaratterizzaw il-kisba tal-għanijiet ta’ interess pubbliku.

28.      Madankollu, id-Direttiva 2014/24 ma tillimitax ruħha sabiex tikkodifika dak li diġà jeżisti, iżda tirriformula, tispeċifika, telimina u żżid uħud jew numru minn dawn ir-rekwiżiti. Għalhekk, sabiex tiġi interpretata, mhux dejjem ikun rilevanti jew utli li jkompli jsir biss riferiment, għall-ġurisprudenza preċedenti.

29.      It-testi li issa huma rilevanti huma l-Artikolu 12(4), u l-premessi 31 u 33 tad-Direttiva 2014/14. Il-kombinazzjoni tagħhom tagħti lok għal sistema ġuridika li twettaq sinteżi ta’ żewġ għanijiet kunfliġġenti: minn naħa, ir-rieda li ma ssirx interferenza fl-organizazzjoni tal-amministrazzjoni interna tal-Istat Membri; min-naħa l-oħra, li l-esklużjoni ma twassalx għal ksur tal-prinċipji li jippresjedu l-għoti tal-kuntratti pubbliċi fid-dritt tal-Unjoni.

30.      Id-Direttiva 2014/24 tinsisti li hija ma timponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jirrikorru għas-suq sabiex jaħżnu jew jiksbu s-servizzi neċessarji għat-twettiq tal-attivitajiet tagħha (11).

31.      Issa, it-tneħħija ta’ dan it-tip ta’ kuntratti interamministrattivi mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ jkun ta’ detriment għall-għan tal-istabbiliment tas-suq intern ukoll f’dan il-qasam. Iktar ma jiġu esklużi kuntratti, inqas ikun hemm lok għall-ħolqien u l-iżvilupp tas-suq intern fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

32.      L-awtosuffiċjenza tal-entitajiet pubbliċi, jew fil-forma ta’ kooperazzjoni “in-house” jew kooperazzjoni “orrizontali”, ma hijiex mingħajr riskji għall-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi (12). Huma leġittimi wkoll id-dubji dwar l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni libera, lil hinn mis-suppożizzjoni msemmija espressament fit-tieni paragrafu tal-premessa 33, in fine, tad-Direttiva 2014/24, li twissi kontra kooperazzjoni li tqiegħed lil operatur ekonomiku f’pożizzjoni pprivileġġata meta mqabbel ma’ rivali oħrajn.

33.      Użu mhux adegwat ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni jistgħu, fil-verità, jipprovokaw “tnaqqis fid-daqs” tas-suq min-naħa tad-domanda u tat-tnaqqis tan-numru ta’ fornituri li dan is-suq ikun jista’ jmantni. Teoretikament huwa immaġinabbli wkoll l-abbuż minn pożizzjoni dominanti (kollettiva) li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jaslu biex iwettqu.

34.      Huwa daqstant minnu, minn perspettiva oħra, li l-aqwa flessibbiltà mogħtija mid-Direttiva 2014/24 fir-rigward tal-kooperazzjoni orizzontali bejn l-awtoritajiet kontraenti (riżultat ta’ deċiżjoni politika tal-leġiżlatur Ewropew) tista’ tiġġenera wkoll effetti pożittivi fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-sens li tinkoraġġixxi lill-operaturi privati sabiex joffru kundizzjonijiet kuntrattwali aħjar.

35.      Id-deċiżjoni ta’ Stat Membru dwar kif jipprovdi servizz pubbliku (li jista’ jikkonsisti, preċiżament, fil-fatt li ma jsirx rikors għas-suq iżda għal kooperazzjoni amministrattiva) trid tosserva r-regoli fundamentali tat-TFUE, b’mod partikolari, dawk relatati mal-moviment liberu ta’ merkanzija, mal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi, kif ukoll mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza (13). It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-regoli u prinċipji għandha tibqa’ preżenti wkoll fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24.

36.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet flimkien jispjegaw l-eżistenza tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 u jiġġustifikaw il-prerekwiżiti għall-kooperazzjoni “pubblika-pubblika” imsemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 12(4).

37.      Fl-aħħar nett, huwa opportun li jiġi indikat li l-esklużjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 ma tosservax il-loġika binarja ta’ regola/eċċezzjoni, iżda pjuttost interpretazzjoni differenti tal-qafas irregolat minn din d-direttiva.

38.      Fil-fatt, bil-ħsieb li r-rapport ta’ kollaborazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti kkontemplat fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 “għandu jaqa’ barra (14)” mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, dak li huwa intiż huwa li jiġu ddefiniti l-limiti ta’ din id-direttiva, li l-kumplement tar-regoli tagħha, sempliċement, ma humiex kontra tali rapporti. Għalhekk, tabilħaqq, ma nemminx li d-dikjarazzjonijiet magħmula fis-sentenzi preċedenti dwar il-kriterju ermenewtiku (restrittiv) fis-seħħ fir-rigward tal-eċċezzjonijiet, bħala oppost għar-regola ġenerali, iservu awtomatikament għall-interpretazzjoni ta’ din l-esklużjoni (15).

B.      Fuq l-ewwel domanda. It-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-softwer u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE

1.      Preliminari: l-ipoteżi tal-Artikolu 12

39.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ softwer kif seħħ bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24: kemm bħala “kuntratt pubbliku” (skont il-punt 5 tal-Artikolu 2(1)), kif ukoll bħala sempliċi “kunratt” (fis-sens tal-Artikolu 12(4)).

40.      Id-domanda, hekk kif magħmula, hija riżultat tan-nuqqas (apparenti) tan-natura oneruża tat-tqegħid għad-dispożizzjoni. Mill-formulazzjoni tagħha jinsilet il-punt li, għall-qorti tar-rinviju, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 ma huwiex iddefinit biss fl-Artikolu 2. L-assenza tal-aġġettiv “pubbliku” fl-Artikolu 12(4), li jakkumpanja t-terminu “kuntratt”, jista’ jfisser li ċerti kuntratti li ma jikkorrispondux għad-definizzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1), ikunu suġġetti wkoll għar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Unjoni.

41.      Iktar milli analiżi ddettaljata tat-tifsiriet differenti tat-terminu kuntratt u tad-deskrizzjonijiet li jakkumpanjawh, skont id-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 (16), ser niffoka fuq l-ispjegazzjoni tal-Artikolu 12(4) tagħha, sabiex nidentifika jekk dan huwiex applikabbli għal relazzjoni bħall-ftehim bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln. Għalhekk, ser nindirizza l-ewwel domanda preliminari fid-dawl tan-natura speċifika ta’ din id-dispożizzjoni.

42.      Il-kelma “kuntratt” li tirriżulta fl-Artikolu 12(4) tiġi spjegata, mhux daqstant mir-relazzjoni sistematika ta’ din il-kelma mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/24, iżda pjuttost mir-relazzjoni ta’ din il-kelma mal-paragrafi l-oħra tal-istess Artikolu 12. F’dan il-kuntest, tiġi riflessa d-differenza mal-kooperazzjoni vertikali (l-ewwel sat-tielet paragrafi tad-dispożizzjoni), fejn ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet jiġu mibnija abbażi tal-kontroll intern. Fil-verità, din isservi sabiex jiġi espress li għandu jeżisti ftehim li jistabbilixxi l-bażi jew il-kuntest ġuridiku tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet, l-għan tal-kooperazzjoni u l-azzjonijiet (kontribuzzjonijiet) li kull wieħed għandu jwettaq (17).

43.      Huwa wkoll fl-istess sens li t-tieni paragrafu tal-premessa 33 tad-Direttiva 2014/24 jsemmi “Kuntratti għall-provvista konġunta ta’ servizzi pubbliċi”, u sussegwentement, fit-tielet paragrafu, l-“impenji għall-kontribuzzjoni lejn twettiq kooperattiv tas-servizz”, li ma għandhomx jimmaterjalizzaw neċessarjament fit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali prinċipali mill-partijiet kollha.

44.      Abbażi ta’ din il-premessa, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 jikkontempla żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet li għalihom it-tifsira komuni ta’ “kuntratt pubbliku” possibbilment ma hijiex tant adegwata, għaliex huma, pjuttost, alternattivi għall-imsemmija kategorija.

45.      Minn naħa, hija tippermetti l-“kooperazzjoni vertikali” (l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi tad-dispożizzjoni), li fiha, kif diġà indikajt f’konklużjonijiet oħra, “Taħt is-sistema in house l-awtorità kontraenti ma tagħmilx kuntratti, minn perspettiva funzjonali, ma’ entità differenti oħra, iżda, fil-fatt, tagħmel dan magħha nfisha, minħabba r-rabta li għandha mal-entità formalment differenti. Strettament, ma nistgħux nitkellmu dwar għoti ta’ kuntratt, iżda sempliċi kompitu jew kariga, li ma huwiex oġġezzjonabbli mill-“parti” l-oħra, tkun xi tkun il-formula li jużaw” (18).

46.      Min-naħa l-oħra, tippermettti l-“kooperazzjoni orizzontali”, jiġifieri dik li teżisti bejn awtoritajiet kontraenti li jirrikorru għall-forma kuntrattwali sabiex jartikolawha, bl-intenzjoni li l-provvista ta’ servizzi pubbliċi li taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom tkun intiża sabiex jintlaħaq għan komuni, f’kuntest dirett biss lejn l-interess pubbliku, u b’rispett lejn il-kompetizzjoni libera (Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24).

47.      Naturalment, jaqgħu wkoll barra mid-Direttiva 2014/24, għalkemm ma ssemmihomx b’mod espress l-istess direttiva, tipi oħra ta’ relazzjonijet interamministrattivi, bħal ma huma l-eżitu ta’ trasferiment jew delegazzjoni ta’ kompetenzi (19), inkluż bil-ħolqien ta’ konsorzju ta’ entitajiet bi personalità ġuridika tad-dritt pubbliku. Dawn is-sitwazzjonijiet huma meqjusa, bħala prinċipju, “estranji għad-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi (20)”.

48.      Fil-kooperazzjoni orizzontali, awtorità kontraenti li tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha (ta’ oġġetti, ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi) billi tirrikorri, permezz ta’ sejħa għal offerti, għand negozjanti privati, tagħżel biex ma tgħaddix minn din ir-rotta u tissostitwiha b’kollaborazzjoni ma’ entita’ pubblika oħra li tista’ tissodisfa dawn il-ħtiġijiet.

49.      Minn din il-perspettiva oġġettiva, l-ispeċjalizzazzjoni ta’ din it-tip ta’ kollaborazzjoni bejn entitajiet pubbliċi tinsab fi tliet elementi: il-kunċett ta’ kollaborazzjoni li jippresjedi r-relazzjoni interpartes; l-għan komuni sottostanti għal din ir-relazzjoni; u l-iskop ta’ interess pubbliku li jiggwida din il-kooperazzjoni

50.      Il-kollaborazzjoni timplika, abitwalment, kontribuzzjoni minn kull parti, bis-sussegwenti nefqa pubblika. Ir-relazzjoni bejn dawn il-partijiet, madankollu, ma tispiċċax fid-do ut des innifsu tal-kuntratt bilaterali, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkaratterizza l-kuntratt pubbliku suġġett għad-direttivi dwar għoti ta’ kuntratti (21).

51.      Fil-fatt, ser ikun hemm negozju legali bis-servizzi ta’ dawk kollha li jipparteċipaw fih, eżegwibbli minn persuna jew oħra, sa fejn il-kontributi rispettivi tagħhom ikunu intiżi li jilħqu għan ulterjuri kondiviż. Ir-raġuni tal-kontributi hija, preċiżament, dan il-għan komuni, li għandu jkun ta’ interess pubbliku.

2.      In-natura oneruża jew gratuita fir-relazzjoni bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln

52.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-relazzjoni bejn il-belt ta’ Köln u l-Land ta’ Berlin hijiex irregolata mir-regoli tad-Direttiva 2014/24 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni (li għalih is-softwer jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ewwel), iżda wkoll il-ftehim ta’ kooperazzjoni li jakkumpanjah (22).

53.      Dawk interessati stabbilixxew din ir-relazzjoni bħala unità, fejn fl-Artikolu 5 tal-ftehim ta’ kooperazzjoni ddikjaraw l-indiviżibbiltà bejn dan il-ftehim u l-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tas-softwer (23).

54.      Kif diġà spjegajt, id-dubji tal-qorti tar-rinviju joriġinaw mill-apparenti nuqqas ta’ natura oneruża fir-relazzjoni bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln.

55.      In-natura oneruża hija parti mid-definizzjoni ta’ “kuntratt pubbliku” fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. Fil-fehma tiegħi din tista’ titqies ukoll bħala element karatteristiku tar-relazzjoni bejn l-awtoritatjiet kontraenti prevista fl-Artikolu 12(4) li, kif diġà spjegajt, ma tiġix identifikata neċessarjament bit-tifsira komuni ta’ “kuntratt pubbliku”.

56.      Dwar it-tifsira tagħha, infakkar li, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ natura oneruża kien suġġett għal intepretazzjoni estensiva (24).

57.      Fir-relazzjoni bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln il-kunsinna tal-programm informatiku tirriżulta li hija gratuwita u strumentali għal kooperazzjoni, biex jiġi żviluppat u adattat għall-ħtiġijiet ta’ ġestjoni tal-korpi tat-tifi tan-nar rispettivi.

58.      Kif tosserva l-qorti tar-rinviju (25), dan l-iżvilupp ulterjuri għandu valur ekonomiku li jista’ jirriżulta li jkun għoli ħafna (26). Fid-deskrizzjoni tal-fatti l-belt ta’ Köln tindika li l-programm jitqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tkun tista’ tipparteċipa fil-kooperazzjoni. Preċedentement kienet irrikonoxxiet li l-provvista tas-servizz ta’ tifi tan-nar – li għaliha, kif ġie osservat waqt is-seduta, hija obbligata bil-liġi – ma hijiex possibbli mingħajr sistema ta’ ġestjoni ta’ interventi ottimali li għandha tadatta ruħha b’mod permanenti għall-ħtiġijiet tat-twettiq tas-servizz, liema fatt jirrikjedi softwer effettiv.

59.      Għaldaqstant, huwa leġittimu li wieħed jaħseb konformement mal-argument mogħti mill-Kummissjoni, li anki meta l-ftehim ma jikkontemplax obligu stricto sensu ta’ żvilupp tas-softwer, ma hijiex verosimili l-assenza ta’ dan l-iżvilupp u, fil-każ tiegħu, tal-aġġornamenti suċċessivi tal-programm informatiku. Kif ġie rrilevat biċ-ċar waqt is-seduta, ser ikun prattikament inevitabbli li jiġi aġġornat dan il-programm, kemm fuq perijodu ta’ żmien qasir kif ukoll iktar ’il quddiem (27).

60.      Għaldaqstant teżisti aspettattiva raġonevoli li l-belt ta’ Köln twettaq żviluppi u żidiet modulari lis-softwer. Dan il-fattur jaġixxi bħala korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-programm, mill-Land ta’ Berlin, ġaladarba li kieku kien mod ieħor il-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ma kienx jiġi akkumpanjat bi ftehim ta’ kooperazzjoni.

61.      Finalment, mill-perspettiva tal-belt ta’ Köln, il-korrispettiv li jippermetti li ssir diskussjoni dwar in-natura oneruża tar-relazzjoni mal-Land ta’ Berlin huwa l-parteċipazzjoni tagħha f’kooperazzjoni adattata sabiex tipprovdi benefiċċji għal dan tal-aħħar, f’forma ta’ aġġornamenti tas-softwer (Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni) u ta’ moduli speċjalizzati adizzjonali (Artikolu 5 tal-imsemmi ftehim). Dawn l-arranġamenti, bi spiża ekonomika ddeterminata, mingħajr dubju għandhom isiru għaliex iċ-ċentri operattivi tal-korpi tat-tifi tan-nar ma jistgħux jaħdmu mod ieħor.

62.      Il-korrispettiv ma jiddependix, għaldaqstant, minn kundizzjoni purament fakultattiva: li din timmaterjalizza hija biss kwistjoni ta’ żmien. Quddiemna ma għandniex biss proklamazzjoni ta’ intenzjoni ta’ kooperazzjoni iżda impenn eżiġibbli li jiddependi minn meta (meta jseħħ l-aġġornament) u mhux minn jekk (jekk iseħħ l-aġġornament).

63.      Huwa minnu li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jikkontempla l-possibbiltà ta’ żviluppi tas-softwer għaż-żewġ partijiet u li, fit-teorija, kull waħda minnhom tista’ tibqa’ inattiva u tistenna li l-parti l-oħra tikkontribwixxi filwaqt li ma tagħmel xejn. Madankollu, li dan iseħħ huwa, nirrepeti, improbabbli ħafna, għaliex ikun ifisser li titqiegħed f’riskju l-provvista tas-servizz pubbliku li jaqa’ taħt il-kompitu ta’ kull waħda minnhom. Din l-attitudni trendi mingħajr sustanza l-ftehim ta’ kooperazzjoni tagħhom ifformalizzat volontarjament bejniethom.

64.      Fil-qosor, ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-awtoritajiet kontraenti li ftehmu dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-programm informatiku u dwar il-kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni tagħhom sabiex dan jiġi żviluppat taqa’ taħt l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24.

C.      It-tieni domanda preliminari. Is-suġġett tal-kooperazzjoni

1.      L-approċċ

65.      Il-provvista tas-servizz pubbliku ta’ tifi tan-nar li tobbliga lill-entitajiet jikkooperaw f’din il-kawża ma tingħatax konġuntament: dan ma jistax ikun, anki sempliċement minħabba d-distanza ġeografika bejn iż-żewġ territorji li fuqhom topera kull waħda minnhom.

66.      Għal din ir-raġuni, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk il-kooperazzjoni hijiex koperta mill-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 u tistaqsi jekk, sabiex din tkun hekk koperta, huwiex “biżżejjed li l-kooperazzjoni tirrigwarda attivitajiet li jikkontribwixxu b’xi mod għas-servizzi pubbliċi li għandhom jiġu pprovduti bl-istess mod iżda mhux neċessarjament ipprovduti konġuntament”.

67.      Ir-risposta tirrkjedi analiżi separata ta’ żewġ elementi: a) it-tmexxija in komuni tas-servizz pubbliku li għalih isir il-kooperazzjoni u b) in-natura tas-“servizz pubbliku” tal-attività li fiha timmaterjalizza l-kooperazzjoni.

a)      Dwar il-provvista  konġunta tas-servizz pubbliku. Mill-“missjoni ta’ servizz pubbliku komuni” għal “għanijiet komuni ta’ interess pubbliku”

68.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ qabel id-Direttiva 2014/24, il-vijabbiltà tal-kooperazzjoni orizzontali kienet qed tikkundizzjona, fost oħrajn, ir-rekwiżit ta’ twettiq għall-partijiet ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku komuni. Minkejja dan il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex tindirizza l-kwistjoni dwar jekk din il-komunità kinitx taħdem favur l-istess provvista tas-servizz.

69.      Il-paradigma tal-kooperazzjoni orizzontali eskluża mir-regoli Ewropej dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kienet il-kawża C‑480/06, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, li fiha dik il-kooperazzjoni, artikolata f’forma ta’ azzjonijiet u kompromessi ta’ natura u entità differenti, kienet tiggarantixxi fl-aħħar nett it-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet kontraenti kollha kellhom kompetenza. Dak il-każ kien jirrigwarda l-eliminazzjoni ta’ residwi, attività li fiha kienu jipparteċipaw dawk kollha li kienu jieħdu sehem fil-kooperazzjoni, wara li kienet titħaddem il-pjanta ta’ trattament tal-imsemmija residwi.

70.      Il-kwistjoni li issa tikkonċerna lilna ma kinitx suġġetta għal kunsiderazzjoni speċjali f’dik is-sentenza u l-anqas f’oħrajn sussegwenti, li fihom kien jonqos l-aspett ta’ komunità tal-missjoni tas-servizz pubbliku, bħala rekwiżit għal provvista konġunta (28).

71.      Skont l-Artikolu 12(4)(a), tad-Direttiva 2014/24, sabiex kooperazzjoni interamministrattiva taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-kuntratt għandu jkopri l-għanijiet komuni għall-awtoritajiet kontraenti li jipparteċipaw. Kull waħda minn dawn għandha tipprovdi “s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu” (29), “biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom”. Il-kuntratt jew ftehim għandu jispeċifika l-forma ta’ provvista sabiex jiggarantixxi li dan ikun hekk. Litteralment, il-komunità issa taħdem favur l-għanijiet u mhux favur missjoni konkreta ta’ servizz pubbliku.

72.      Il-ħidma preparatorja tat-test turi li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet dik li jagħmel iktar flessibbli l-kooperazzjoni mill-perspettiva tal-oġġett tiegħu (30).

73.      Il-Proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni kienet titkellem ukoll dwar li “jwettaq b’mod konġunt ix-xogħlijiet ta’ servizz pubbliku [tal-awtoritajiet kontraenti]”. Meta mar quddiem il-Kunsill u l-Parlament it-test irċieva formulazzjonijiet differenti sal-verżjoni attwali. Anki l-premessa 33 attwali kienet ġiet immodifikata, b’mod parallel għat-tranżizzjoni fit-tifsira tal-Artikolu u l-istess linja ta’ introduzzjoni.

74.      Fin-negozjati finali sparixxa mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 ir-riferiment għal twettiq konġunt tal-kompiti li, madankollu, wieħed isib fil-premessa 33 attwali. Ir-riferiment għall-għanijiet komuni ġie introdott fuq suġġeriment tal-Parlament, waqt li tneħħiet mill-premessa korrelattiva (jiġifieri l-premessa 14) id-deskrizzjoni tal-kunċett kooperattiv bħala li jinkludi l-“ġestjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod komuni, fejn ir-responsabbiltà għar-riskji u l-effetti sinerġiċi tagħhom jiġu kondiviżi (31)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

75.      L-indikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-premessa 33 in fine, fis-sens li s-servizzi pubbliċi pprovduti mill-entitajiet li jikkooperaw ma għandhomx bżonn ikunu identiċi iżda jistgħu jkunu kumplimentari, tirratifika l-abbandun tar-rekwiżit tal-missjoni ta’ servizz pubbliku komuni.

76.      F’dan il-kuntest, ir-riferiment għall-provvista konġunta tas-servizzi, li tidher ħafna drabi fl-istess premessa, tfisser, probabbilment, li s-servizzi pubbliċi, kemm identiċi, kemm kumplimentari, li huma responsabbiltà ta’ kull waħda minn dawn l-awtoritajiet parteċipanti, għandhom jitwettqu “f’kooperazzjoni”, jiġifieri għal kull entità pubblika bl-għajnuna tal-oħra jew b’mod ikkordinat.

77.      Tkun tista’ tingħata l-impressjoni li dawn huma devjazzjonijiet semantiċi, però, kif jiġri fil-liġi, il-konsegwenzi ġuridiċi marbuta mal-għażla ta’ ċerti termini jew oħrajn jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli. Huwa rilevanti, nirrepeti, li r-regola (ġdida) tagħmel riferiment għall-għanijiet komuni tal-awtoritajiet kontraenti li jikkooperaw bejniethom.

b)      “Servizz pubbliku” jew “attivitajiet ta’ appoġġ għal servizz pubbliku”

78.      It-tieni domanda preliminari timponi wkoll l-obbligu li ssir analiżi tan-natura tal-attività li fiha jikkooperaw l-awtoritajiet kontraenti: għandu jkun l-istess “servizzi pubbliku (32)” jew tista’ tirrigwarda attività anċillari, li tkun, ta’ appoġġ għal servizz pubbliku (33).

79.      Fil-ġurisprudenza li tippreċedi d-Direttiva 2014/24, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja kienet tagħti ftit għarfien dwar it-tip ta’ attivitajiet adattati sabiex tiġi fformata kooperazzjoni “pubblika-pubblika” eskluża mir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (34).

80.      Il-qari ta’ din is-sentenza kienet tippermetti li jiġu aċċettati, bħala suġġetti ta’ kooperazzjoni, attivitajiet li ma kinux, fihom infushom jew waħedhom, ta’ servizz pubbliku iżda li kienu direttament relatati ma’ dawk l-attivitajiet li għall-provvista tagħhom l-awtoritajiet kontraenti kkuntrattaw il-kooperazzjoni.

81.      L-argumenti preċedenti ma jsolvux, madankollu, il-mistoqsija dwar jekk il-kooperazzjoni tistax taqa’ esklużivament taħt attività li ma hijiex, fiha nfisha jew waħedha, servizz pubbliku, f’kuntest bħal dak f’din il-kawża. Infakkar li, hawnhekk, kull awtorità kontraenti parteċipanti tipprovdi f’isimha stess u b’mod separat l-istess servizz pubbliku (dak tal-korp tat-tifi tan-nar innifsu), filwaqt li l-kooperazzjoni tillimita ruħha għal attività anċillari (il-ġestjoni informatika taċ-ċentru ta’ operazzjonijiet b’urġenza).

82.      Fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24, il-premessa 33 tindika favur tweġiba fl-affermattiv għal din id-domanda, sabiex tenfasizza li l-kooperazzjoni tista’ tkopri “t-tipi kollha ta’ attivitajiet relatati mat-twettiq tas-servizzi u r-responsabbiltajiet li l-awtoritajiet parteċipanti jiġu assenjati jew jassumu […] (35)”. Ix-xogħlijiet leġiżlattivi juru, mill-ġdid, li kienet teżisti rieda li jiġi enfasizzat dan l-aspett li ma kienx jidher fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni (36).

83.      Il-flessibbiltà li hija indikata bħala karatteristika tal-kooperazzjoni orizzontali fid-Direttiva 2014/24, apprezzabbli meta din tiġi pparagunata mas-sitwazzjoni leġiżlattiva preċedenti, mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-Proposta tal-Kummissjoni, tikkonferma l-provenjenza ta’ din ir-risposta fl-affermattiv.

84.      Madankollu dan ma jfissirx li l-kooperazzjoni orizzontali bħal dik aċċettata għandha nuqqas ta’ limiti. Ma jonqosx, ovvjament, il-ħtieġa li din il-kooperazzjoni tkun diretta lejn il-provvista ta’ servizzi pubbliċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-partijiet (37). Meta s-suġġett tal-kooperazzjoni ma jkunx is-servizz pubbliku nnifsu, iżda attività “relatata” miegħu, din ir-rabta għandha tiġi fformata skont l-orjentazzjoni funzjonali tal-attività li tirrigwarda l-eżekuzzjoni tas-servizz.

85.      Huwa rrakkomandat, barra minn hekk, fir-rigward tal-ekwilibriju bejn l-għanijiet kunfliġġenti, li trattajt iktar ’il fuq (38), li ssir evalwazzjoni ta’ din ir-relazzjoni u ssir distinzjoni bejn id-diversi attivitajiet fis-seħħ, skont il-livell ta’ konnessjoni tagħhom mas-servizz li għal provvista tiegħu dawn jikkontribwixxu. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti li jintlaqgħu, fost l-oħrajn, l-attivitajiet ta’ appoġġ marbuta b’mod dirett u inseparabbli mas-servizz pubbliku, jiġifieri dawk li għandhom karattri strumentali ta’ tali intensità li l-propju servizz jiddependi minnhom sabiex jiġi eżegwit is-servizz pubbliku bħala tali.

86.      Barra minn hekk il-kooperazzjoni għandha tissodisfa l-kumplament tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(4) (f’dak li jirrigwarda s-suġġetti, l-iskop tal-kooperazzjoni u l-prinċipji li għandhom jiggwidawha) li semmejt qabel.

2.      Il-kooperazzjoni bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln

87.      Iż-żewġ awtoritajiet kontraenti f’din il-kawża ma jwettqux konġuntament, kif diġà semmejt, l-attività ta’ servizz pubbliku prinċipali, jiġifieri, dik speċifika ta’ korp tat-tifi tan-nar. Il-kooperazzjoni għandha bħala għan, minflok, li tistabbilixxi u żżomm aġġornat programm ta’ softwer essenzjali li permezz tiegħu kull waħda minnhom tiġġestjona, bl-aħjar mod, l-interventi tal-korpi tat-tifi tan-nar rispettivi tagħha fiż-żoni ġeografiċi tagħha.

88.      Skont id-deskrizzjoni tas-softwer u tal-aġġornamenti tiegħu, li hija komposta mid-digrieti, issupplimentata mid-dikjarazzjonijiet mifthema li ġew magħmula waqt is-seduta, il-programm tal-kompjuter kien u huwa indispensabbli għal provvista ta’ dak is-servizz pubbliku.

89.      B’hekk il-kooperazzjoni bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln, f’dak li jirrigwarda attività indispensabbli għall-eżekuzzjoni effettiva ta’ servizz pubbliku li ż-żewġ awtoritajiet kontraenti għandhom jipprovdu, tosserva r-rekwiżit indikat fl-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24.

D.      It-tielet domanda preliminari. Fuq it-trattament iktar favorevoli ta’ terzi

90.      Il-ftehim bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln jaffaċċja oġġezzjonijiet oħrajn, ibbażati fuq it-tensjoni tal-kooperazzjoni orizzontali mad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tindirizzahom fit-tielet domanda tagħha, fejn tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 jimplikax projbizzjoni impliċita ta’ trattament iktar favorevoli u, jekk iva, b’liema kontenut.

1.      Kooperazzjoni orizzontali u d-dritt tal-kompetizzjoni

91.      Il-kundizzjoni li ebda operatur privat ma jitqiegħed f’sitwazzjoni pprivileġġata fir-rigward tal-kompetituri tiegħu bħala konsegwenza tal-kooperazzjoni orizzontali ma hijiex inkluża espressament jew separatament fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24. Din ġiet inkluża, minflok, fil-ġurisprudenza preċedenti (39).

92.      Biex jiġi indirizzat jekk, minkejja din l-assenza fil-formulazzjoni, ir-rekwiżit jibqax japplika, infakkar, bħala punt ta’ tluq, li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeċiedu jekk huma stess għandhomx jipprovdu servizzi jew jekk għandhomx jgħaddu dan ix-xogħol lil ħaddieħor.

93.      Fl-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ ipoteżijiet (awtosuffiċjenza, fis-sens wiesa’), u dejjem sakemm jiġu ssodisfatti ċerti rekwiżiti, l-Istati Membri ma humiex obbligati jsegwu r-regoli u l-proċeduri tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Madankollu, huma jibqgħu suġġetti għal regoli oħrajn(40), fosthom dawk relatati mal-kompetizzjoni libera tal-Artikolu 106(2) TFUE.

94.      Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, jiddikjara, f’qasam relatat, li “[i]t-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni”.

95.      Il-limitazzjoni imposta mir-regoli dwar il-kompetizzjoni libera taffettwa, għalhekk, ukoll il-kooperazzjoni orizzontali bejn l-awtoritajiet kontraenti. Hija tagħmel dan minn tal-inqas b’żewġ modi:

–      Minn naħa, tippresjedi fuq ir-relazzjoni mal-operaturi privati, meqjusa fl-intier tagħhom, bħala kompetituri fis-suq.

–      Min-naħa l-oħra, tiddetermina kif l-entitatjiet pubbliċi għandhom jaġixxu b’tali mod li l-kooperazzjoni tagħhom, jekk magħhom jiġu inklużi wkoll l-operaturi privati ta’ kwalunkwe forma, ma tfixkilx il-kompetizzjoni bejniethom.

96.      L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu tendenza li jevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni libera mill-ewwel perspettiva, meta jeżiġi li l-kollaborazzjoni tiġi konkluża esklużivament bejn awtoritajiet kontraenti (41) filwaqt li, fl-istess waqt, jindika ċerti prevenzjonijiet ispirati bl-istess mod:

–      Il-kooperazzjoni għandha tkun ristretta għal provvista ta’ servizzi pubbliċi li jobbligaw lil awtoritajiet kontraenti, jiġifieri, ma tikkonċernax eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi ordinarji tagħhom [Artikolu 12(4)(a)].

–      Għandha tkun igwidata unikament minn raġunijiet ta’ interess pubbliku, mhux tas-suq [Artikolu 12(4)(b)].

–      Jekk l-entitajiet li jikkoperaw bejniethom jaġixxu wkoll fis-“suq miftuħ”, ma jistgħux jaqbżu l‑20 % tal-attivitajiet li huma s-suġġett ta’ din il-kooperazzjoni.

97.      Ma għandux jinftiehem li, kif isostni l-belt ta’ Köln, l-obbligu li tiġi osservata l-kompetizzjoni libera hija limitata minħabba s-suppożizzjoni li l-awtoritajiet kontraenti jikkompetu fis-suq mal-operaturi privati kollha.

98.      Għall-kuntrarju, kif diġà ġie espost, l-obbligu ġenerali li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni tinsab fid-dritt primarju (Artikolu 106(2) TFUE) u, fil-kuntest speċifiku tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24.

2.      L-għoti ta’ kuntratti lil terzi

a)      Kunsiderazzjonijiet ta’ natura  ġenerali

99.      Il-premessi 31 u 33 tad-Direttiva 2014/24 jikkonfermaw li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti ma tistax “[tirriżulta] f’distorsjoni fil-kompetizzjoni”, jiġifieri fejn fornitur privat ta’ servizzi jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ vantaġġ meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu (42). Huwa rilevanti li wieħed jinsisti li, fil-verità, dawn il-premessi ma jżidux elementi leġiżlattivi ġodda lill-kontenut tal-istess direttiva. Huma jipprovdu biss gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva.

100. Għalhekk, l-aġir tal-awtoritajiet kontraenti li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, fejn fornitur privat ta’ servizzi jitqiegħed fi żvantaġġ meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu ma huwiex konformi mad-Direttiva 2014/24. It-“trattament iktar favorevoli” li għalih tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju, huwa konsegwentement ipprojbit.

101. F’dan ir-rigward, jistgħu jirriżultaw żewġ sitwazzjonijiet mhux eżattament ekwivalenti:

–      Kooperazzjoni orizzontali li fiha awtorità kontraenti tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ awtorità oħra oġġetti u servizzi determinati li tal-ewwel akkwistat, min-naħa tagħha, mingħand operatur privat mingħajr ma kienet suġġetta għar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Sa fejn dawn ir-regoli kienu applikabbli (minħabba raġuni tal-oġġett, il-valur tal-kuntratt, eċċ.), l-operaturi terzi kienu jbatu minn trattament ta’ żvantaġġ ġdid u, biex ngħid hekk, doppju, li jirriżulta mir-rifjut, inizjali u suċċessiv, li kien isir fil-konfront tal-imsemmija operaturi terzi.

–      Kooperazzjoni orizzontali li tirrikjedi, għall-iżvilupp futur tagħha, il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi distinti mill-awtoritajiet kontraenti. Jekk il-possibbiltajiet ta’ wħud minn dawn l-operaturi privati li jintegraw ruħhom fil-mekkaniżmu ta’ servizz futur tal-oġġetti u servizzi jiġu mittiefsa, b’mod diskriminatorju jew arbitrarju, tirriżulta sitwazzjoni ta’ żvantaġġ għal dawk affettwati.

102. Fit-tieni minn dawn l-ipoteżijiet, meta jinfetaħ proċess ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi sabiex tiġi ssupplimentata jew sabiex titkompla din il-kooperazzjoni, ma hemmx raġuni li wieħed isostni li operatur partikolari għandu jitħalla inevitabbilment, de iure jew de facto, f’pożizzjoni aħjar minn dawk tal-kompetituri tiegħu sabiex jikkontribwixxi għall-kompiti li jirriżultaw minn kooperazzjoni interamministrattiva.

b)      L-għoti ta’ kuntratti lil terzi għall-kooperazzjoni bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Köln

103. Fid-digrieti ma hemmx informazzjoni suffiċjenti sabiex wieħed ikun jaf taħt liema kundizzjonijiet seħħ l-akkwist oriġinali, mill-Land ta’ Berlin, tal-programm tas-softwer li iktar tard tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-belt ta’ Köln. Lanqas ma hemm ċertezza sħiħa dwar jekk il-Land ta’ Berlin ġiex fornut b’moduli ta’ softwer ġodda, fil-marġini tal-kooperazzjoni mal-belt ta’ Köln, billi ċaħħad l-akkwist tiegħu mis-suq jew billi rrikorra għall-istess suq (43). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din id-data fattwali.

104. Għall-kuntrarju, l-iżvilupp futur tal-kooperazzjoni tidher li jeħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ terzi, sal-punt li l-belt ta’ Köln ippubblikat sejħa (ristretta) sabiex tilqa’ offerti għal aġġornament, attivazzjoni u manteniment tas-softwer imqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha mil-Land ta’ Berlin (44).

105. L-integrazzjonijiet u l-aġġornamenti tas-softwer imqiegħed għad-dispożizzjoni mil-Land ta’ Berlin għall-belt ta’ Köln għall-finijiet ta’ kooperazzjoni jikkaratterizzaw ruħhom b’valur ekonomiku għoli. Huwa loġiku, għalhekk, li l-interess tal-operaturi tas-suq (45) ikun iffokat fuq il-kuntratti konsekuttivi għall-aġġornament, manteniment u żvilupp tiegħu.

106. Għall-ISE, il-kumplikazzjoni teknika ta’ dawn l-operazzjonijiet ma tippermettix li xi ħadd minn barra l-manifattur tas-softwer ikun f’kundizzjoni li jwettaqhom. Li kieku kien hekk, id-deċiżjoni fir-rigward tal-akkwist oriġinali tas-softwer kien ikollu valur rilevanti fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi ulterjuri, b’tali mod li tibblokka, de facto, l-intervent ta’ operaturi differenti mill-kreatur tal-programm.

107. F’din iċ-ċirkustanza (li l-verifika tagħha taqa’ f’idejn il-qorti tar-rinviju), ir-rekwiżit li operaturi tas-suq ma jitqiegħdux f’pożizzjoni pprivileġġata fil-konfront tal-kompetituri tagħhom (46), ikun jeżiġi attenzjoni speċjali fil-formulazzjoni tas-sejħa għal għoti ta’ kuntratti relatati mal-provvisti konsekuttivi. B’mod partikolari, għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni indispensabbli lill-persuni potenzjalment ikkonċernati sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess (47).

108. Madankollu din il-miżura taf tirriżulta insuffiċjenti, liema fatt ikun jindika li l-problema tinsab f’mument preċedenti: jiġifieri, fl-akkwist innifsu tas-softwer. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk mill-akkwist oriġinali tirriżultax sitwazzjoni ta’ esklużività, għal raġunijiet tekniċi, li tiddetermina minn qabel il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ulterjuri u, abbażi ta’ din is-suppożizzjoni, tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-effetti tagħha (48).

IV.    Konklużjonijiet

109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, risposti li ġejjin għad-domandi preliminari tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri Ċivili u Kriminali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja):

“1)      L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ softwer miftiehem bil-miktub bejn żewġ awtoritajiet kontraenti, marbut bi ftehim ta’ kooperazzjoni bejniethom, jikkostitwixxi “kuntratt” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

In-natura oneruża ta’ din ir-relazzjoni kuntrattwali teżisti anki meta l-amministrazzjoni li tkun id-destinatarja tas-softwer ma tkunx marbuta tħallas prezz jew tirrimborsa l-ispejjeż tas-softwer, jekk kull parti (u, għaldaqstant, anki d-destinatarju) tobbliga ruħha li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parti l-oħra l-aġġornamenti u l-iżviluppi futuri ta’ dan is-softwer, u dawn ikunu indispensabbli għall-provvista ta’ servizz pubbliku li għandha tingħata miż-żewġ awtoritajiet kontraenti, b’tali mod li jkun inevitabbli li dawn l-aġġornamenti u l-iżviluppi jseħħu.

2)      Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti f’konformità mal-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 ma għandhiex neċessarjament taqa’ fuq is-servizzi pubbliċi nnifishom li għandhom jiġu pprovduti liċ-ċittadini. Kooperazzjoni li s-suġġett tagħha huma l-attivitajiet ta’ sostenn għal dawn is-servizzi, fost ipoteżijiet oħra, għandha tkun koperta mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24, fejn l-attività anċillari tkun strument indispensabbli għas-servizz pubbliku, b’tali mod li s-servizz ikun jiddependi mill-attività anċillari sabiex jiġi eżegwit.

3)      Il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti li tqiegħed lil operatur privat f’pożizzjoni ta’ vantaġġ meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu fis-suq ma tistax tkun koperta mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).


5      Ikkwalifikata bħala “konsiderevoli” fil-premessa 31 tad-Direttiva 2014/24. F’din l-istess premessa jiġi affermat li l-ġurisprudenza f’dan il-qasam “hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti”.


6      Skont studju tal-2014, il-fehma komuni fil-Ġermanja tal-funzjonament prattiku tar-riżoluzzjonijiet ta’ Kiel hija kif ġej: meta l-prinċipju ta’ reċiproċità ġenerali, ikkontemplat f’dawn ir-riżoluzzjonijet jibbaża ruħu fuq kooperazzjoni singolari, jonqos element essenzjali tad-definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku għall-finjiet tal-GWB. L-assenza ta’ kumpens għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-softwer issostni l-idea li tali tqegħid għad-dispożizzjoni huwa mingħajr ħlas mill-perspettiva tal-GWB. Għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità ġenerali, ir-riċevitur tas-servizz ma jikkommettix ruħu speċifikament għal kumpens monetarju: huwa stabbilixxa sempliċement b’mod astratt li se jipprovdi l-iżvilupp tas-softwer mingħajr ħlas f’sitwazzjoni paragunabbli, jekk ikun meħtieġ (Gutachten. Evaluierung der Kieler Besschlüsse II, 20.8.2014, p. 106).


7      Formula simili tinsab fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/23 u fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/25.


8      L-Istati Membri jiddeċiedu liberament jekk għandhomx japplikaw ir-regoli tagħhom dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal dawn ir-relazzjonijiet.


9      Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-480/06, EU:C:2009:357; iktar ’il quddiem, “Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja”); sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Azienda Sanitaria Locale di Lecce u Università del Salento vs Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817; iktar ’il quddiem, is-“sentenza ASL”); digriet tas‑16 ta’ Mejju 2013, Consulta Regionale Ordine Ingegneri della Lombardia et (C‑564/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:307); sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Piepenbrock”); digriet tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Consiglio Nazionale degli Ingegneri (C‑352/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:416, iktar ’il quddiem, id-“digriet Consiglio Nazionale”); u s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme (C‑15/13, EU:C:2014:303); iktar ’il quddiem, is-“sentenza Datensloten”). Wieħed jiltaqa’ ma riferimenti għal kooperazzjoni orizzontali f’sentenzi oħrajn relatati mal-kooperazzjoni vertikali.


10      Skont din il-premessa, il-kjarifika li abbażi tagħha l-kuntratti bejn l-entitajiet tas-settur pubbliku qed jitħallew barra mill-portata tad-Direttiva 2014/24 “għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.


11      Id-diskrezzjonalità dwar id-deċiżjoni jekk jirrikorrux jew le għas-suq hija stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kooperazzjoni vertikali. Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 48); sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C‑324/07, EU:C:2008:621, punt 48); u reċentement is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, EU:C:2019:829, punt 50 u d-dispożittiv 2, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Irgita”). Fir-rigward tal-kooperazzjoni orizzontali, ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 45.


12      Ir-riskji huma simili għal dawk li d-Direttiva 2014/24 ssemmi fir-rigward tal-ġabra u ċentralizzazzjoni ta’ xiri, tranżazzjonijiet li, skont il-premessa 59 tagħha, “għandhom jiġu sorveljati b’attenzjoni sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva tal-kapaċità tal-akkwist u l-kollużjoni, u biex jiġu ppreservati t-trasparenza u l-kompetizzjoni, kif ukoll l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-swieq tal-SMEs”.


13      Sentenza Irgita, punti 48, 50 u d-dispożittiv 2, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24.


14      Din hija l-espressjoni li tintuża fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24.


15      Ara, fir-rigward ta’ kooperazzjoni vertikali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Irgita (C-285/18, EU:C:2019:369, punt 45). L-istess raġunament jinsab fis-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 46); tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punt 63); u tal‑11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei (C‑340/04, EU:C:2006:308, punt 45), u fis-sentenza Datenlotsen, punt 23.


16      Hemm argumenti sabiex jiġi difiż kunċett unitarju tat-terminu “kuntratt”: it-titolu nnifsu tal-Artikolu 12 (“Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”); iċ-ċirkustanzi li fihom insibu dan it-terminu f’diversi partijiet tad-Direttiva 2014/24 u ta’ direttivi oħrajn, bħala formola mqassra ta’ “kuntratt pubbliku”; iż-żieda tal-aġġettiv “pubbliku”, bħala kwalità miżjuda man-nom “kuntratt”, tvarja skont il-verżjoni lingwistika tat-test li jiġi kkonsultat: dan huwa minnu fl-Artikolu 12 (b’mod partikolari, fl-Artikolu 12(1)) f’ċertu verżjonijiet bħal dik Ġermaniża, Franċiża, Ingliża jew Taljana, iżda mhux f’oħrajn, bħal dik Spanjola.


17      L-Artikolu 11(4) tal-Proposta għal Direttiva tal‑20 ta’ Diċembru 2011, KUM(2011) 896 finali, kien juża din il-formula: “Ftehim konkluż bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar ma għandux jitqies bħala kuntratt ta’ appalt skont it-tifsira tal-Artikol 2(6) ta’ din id-Direttiva […]” (mingħajr korsiv fl-oriġinal).


18      Konklużjonijiet fil-kawża LitSpecMet (C-567/15, EU:C:2017:319, punt 70).


19      Dwar il-kundizzjonijiet li fihom trasferiment ta’ kompetenzi fir-rigward tat-twettiq ta’ funzjonijiet pubbliċi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (f’dak il-mument, tad-Direttiva 2004/18), ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 41 et seq., iktar ’il quddiem, is-“sentenza Remondis”).


20      Sentenza Remondis, punt 53.


21      Ibidem, punt 43.


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Remondis, punt 37: “Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni possibbli t’ operazzjoni li tinkludi diversi fażijiet bħala kuntratt pubbliku […] din l-operazzjoni għandha tiġi eżaminata b’mod globali u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskop tagħha”.


23      Konfigurazzjoni oħra kienet tkun possibbli, hekk kif assigura r-rappreżentant tal-belt ta’ Köln waqt is-seduta meta rrefera għal kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ softwer bejn il-Land ta’ Berlin u l-belt ta’ Hamburg, mingħajr ftehim ta’ kooperazzjoni anness.


24      Digriet Consiglio Nazionale, punt 38; sentenza Remondis, punt 43; sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, IBA Molecular Italy (C‑606/17, EU:C:2018:843, punt 31). Fil-konklużjonijiet tagħha għad-digriet Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:303, punt 32), l-Avukat Ġenerali Trstenjak iddikjarat li “jista’ jiġi sostnut li hija biss interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ ‘natura pekunjarja’ li tista’ tissodisfa l-għan tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li huwa li tiftaħ is-swieq sabiex tiggarantixxi kompetizzjoni reali”, u għamlet riferiment speċifiku għal forom oħra ta’ remunerazzjoni, bħall-operazzjonijet ta’ tpartit jew ir-rinunzja ta’ krediti reċiproċi eżistenti bejn il-partijiet kontraenti.


25      Punt 29 tad-digriet tar-rinviju.


26      U jissupera dak tas-softwer innifsu. Waqt is-seduta l-ISE insistiet dwar dan il-fatt b’rabta mat-tielet domanda preliminari.


27      Ir-rappreżentanta tal-belt ta’ Köln iddistingwiet bejn l-aġġornamenti importanti u dawk ta’ inqas importanza. Dawk tal-ewwel jirriżultaw indispensabbli tlieta jew erba’ darbiet fis-sena u jitwettqu wara konsultazzjoni mal-parti (jew partijiet) l-oħra tal-kooperazzjoni, bil-għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn possibbli, il-ħtiġijiet tiegħu (jew tagħhom). Dawk tat-tieni, li jikkonsistu fil-korrezzjoni ta’ żbalji żgħar, ma jirrikjedux din il-konsultazzjoni.


28      Sentenza ASL, punt 37. Id-deċiżjonijiet sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja segwew id-duttrina tas-sentenza ASL f’kawżi kważi identiċi fir-rigward tan-natura tal-atturi u tal-kwistjoni sostantiva: ara d-digrieti tas‑16 ta’ Mejju 2013, Consulta Regionale Ordine Ingegneri della Lombardia (C-564/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:307); u Consiglio Nazionale. Din id-duttrina ġiet applikata wkoll f’oqsma oħra fis-sentenzi Piepenbrock, punt 39 u Datenlotsen, punt 35.


29      Nifhem li r-rekwiżit ta’ responsabbiltà jimplika li l-awtoritajiet kontraenti għandhom preliminarjament bħala inkarigu l-provvista ta’ servizz sabiex jiġi konkluż il-ftehim ta’ kooperazzjoni. L-espressjoni tista’ tinkludi wkoll is-servizz pubbliku li għandu jiġi pprovdut fil-kuntest ta’ kooperazzjoni speċifika.


30      Ukoll, fir-rigward tas-suġġetti tiġi apprezzata din il-flessibiltà: ara l-premessa 32, dwar il-kooperazzjoni orizzontali bejn l-awtoritajiet kontraenti b’parteċipazzjoni ta’ kapital privat. Il-Proposta tal-Kummissjoni teskludi, minflok, din il-possibiltà fl-Artikolu 11(4)(e) tagħha.


31      Ara n-Nota tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Ġunju 2013, Nru 11644/13.


32      Infakkar ukoll li l-Artikolu 12(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 jirreferi espressament għas-“servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu [l-awtoritajiet kontraenti]”. Din il-kategorija tintuża biss fl-Artikolu 93 TFUE. Ħafna drabi, l-ekwivalenti tagħha huwa s-“servizz ta’ interess ġenerali” (SIĠ), li jista’ jkollu jew ma jkollux kontenut ekonomiku. L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/24 jirrigwarda l-libertà tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu, jorganizzaw jew jiffinanzjaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ), li min-naħa tiegħu jirreferi għall-Artikolu 14 TFUE u għall-Protokoll Nru 26 anness mat-TFUE u mat-TUE. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Engie Cartagena (C‑523/18, EU:C:2019:769).


33      Fid-Direttiva 2014/24 ma tiġix speċifikata l-entità, il-kwalità jew in-natura (prinċipali jew anċillari; obbligatorja jew fakultattiva; ta’ kontenut ekonomiku jew le) tas-servizzi pubbliċi li l-kooperazzjoni orizzontali tista’ tkopri. Il-premessa 33 tissuġġerixxi flessibiltà kbira f’dan is-sens. Huwa eskluż, b’dan il-mod, li l-kooperazzjoni tillimita ruħha għal attivitajiet li jikkorrispondu għal kompetenza nukleari (prinċipali) tal-awtorità kontraenti, kif deher li ħareġ mis-sentenza ASL, punt 37, l-ewwel sentenza.


34      F’dik il-kawża, waħda mill-kontribuzzjonijiet kienet tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura li fiha kien iseħħ l-irkupru tal-iskart miġbur mill-parteċipanti, kull wieħed fiż-żona ġeografika tal-kompetenza tiegħu. It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-eċċessi wkoll kien jifforma parti mill-kooperazzjoni: il-kapaċitajiet ta’ rimi ta’ skart mhux użat għal waħda mill-partijiet jistgħu jpattu għan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ rimi ta’ oħra. Kontribuzzjoni oħra kienet tinsab fil-kompromess, għas-servizzi ta’ tindif urban ta’ waħda mill-awtoritajiet kontraenti, li jiġu difiżi d-drittijiet tal-oħrajn fir-rigward tal-operatur tal-impjant fil-każ li dan jikkawża preġudizzju.


35      Mingħajr korsiv fl-oriġinal.


36      Ara, sabiex tqabbel, id-dokument interistituzzjonali numru 12167/13.


37      Fil-ġurisprudenza preċedenti, is-sentenza Datenlotsen, punt 16 (b’riferiment mill-punt 34), b’dan il-mod kienet iddikjarat: “[…] kemm l-Università kif ukoll HIS ma humiex awtoritajiet pubbliċi u HIS ma hijiex direttament responsabbli sabiex teżegwixxi missjoni ta’ servizz pubbliku”.


38      Iktar ’il fuq, punti 29 et seq.: ir-rieda li ma ssirx interferenza fl-organizazzjoni mill-Istati Membri tal-amministrazzjoni interna tagħhom għanda tiġi rrikonċiljata mal-istandard li jistipula li l-esklużjoni mid-dritt tal-Unjoni ma tirriżultax fi ksur tal-prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u tal-kompetizzjoni libera.


39      Sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 47; ASL, punti 35, 38 u d-dispożittiv; digriet Consiglio Nazionale, punt 44 u d-dispożittiv.


40      Iktar ’il fuq, punti 30 sa 35.


41      Għalkemm, skont is-sistema ta’ kooperazzjoni in-house, id-Direttiva 2014/24 taċetta ċerta parteċipazzjoni ta’ kapital privat fl-entitajiet pubbliċi: ara, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Jeżistu, ċertament, modalitajiet oħrajn ta’ distorsjoni immaġinabbli: pereżempju, li kieku l-akkwist tas-softwer u l-operazzjonijiet suċċessivi ta’ manteniment jew sostenn kellhom jiġu kkonvertiti fis-suġġett ta’ kuntratti iżolati, sabiex jiġi evitat kuntratt uniku li l-valur tiegħu jeċċedi l-limitu li fih għandha ssir is-sejħa għal għoti ta’ kuntratt pubbliku. Ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 67); u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet “mekkaniżmu sabiex jevitaw ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi” (punt 48).


43      Fis-seduta, ir-rappreżentant tal-ISE afferma li, f’Lulju tal-2018, il-Land ta’ Berlin kien preċedentement ippubblika sejħa sabiex jilqa’ offerti għall-iżvilupp tal-programm, għal ammont ta’ EUR 3 500 000.


44      Fis-seduta ġie ċċarat li s-sejħa (numru ta’ referenza: 2019-0040-37-3) ġiet ippubblikata fil-ĠU 2019/S 160‑394603 u l-valur ekonomiku tas-sejħa sabiex tilqa’ offerti kien jammonta għal EUR 2 000 000.


45      Fis-seduta, ir-rappreżentant tal-ISE ddikjara li l-interess ekonomiku ma kienx jinsab fl-akkwist tas-softwer bażiku, jew fil-bejgħ tiegħu, iżda fl-operazzjonijiet konsekuttivi ta’ aġġornament, manteniment u żvilupp tal-programm tal-kompjuter.


46      Iżda wkoll l-għan li l-kuntratt jingħata lill-operatur li jissottometti l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża.


47      Fis-seduta, ġie diskuss jekk kienx biżejjed li jiġi ppreċiżat, fis-sejħa għall-għoti ta’ kuntratti ulterjuri, li l-offerent magħżul ikollu aċċess għall-kodiċi sors tas-softwer. Il-belt ta’ Köln li kienet aġġixxiet b’dan il-mod, minkejja li skont ISE dan ma jkunx biżżejjed, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu attivati, mingħajr riskji, l-aġġornamenti mill-programm bażiku.


48      Il-possibiltà li jirriżulta effett ta’ imblukkar, ladarba s-softwer oriġinali jkun ġie akkwistat, għandha tiġi kkunsidrata, idealment, fil-moment tal-akkwist tiegħu. Jekk ma jsirx hekk, fis-sitwazzjoni attwali din il-kunsiderazzjoni ma tkunx possibbli u r-rimedji jistgħu jkunu biss sabiex itaffu. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-manifattur tas-softwer jintalab jasal għal kompromess ta’ kooperazzjoni mal-offerenti magħżula ta’ provvisti konsekuttivi.