Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju) fil-31 ta’ Ottubru 2019 – Ligue des droits humains vs Conseil des ministres

(Kawża C-817/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour constitutionnelle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ligue des droits humains

Konvenut: Conseil des ministres

Domandi preliminari

L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data - GDPR) 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat bħala li japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-loi du 2  décembre 2016 relative au traitement des données des passagers (il-Liġi tal-25 ta’ Diċembru 2016 dwar l-Ipproċessar tad-Data tal-Passiġġieri), li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja 2 , kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri 3 u d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE 4 ?

L-Anness I tad-Direttiva 2016/681 huwa kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens li d-data elenkata f’dan l-anness hija wiesgħa ħafna – b’mod partikolari d-data msemmija fil-punt 18 tal-Anness I tad-Direttiva 2016/681, li tmur lil hinn mid-data msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/82 – u sa fejn, meħuda flimkien, din id-data tista’ tiżvela data sensittiva, u b’hekk tikser il-limiti ta’ dak li huwa “strettament meħtieġ”?

Il-punti 12 u 18 tal-Anness I tad-Direttiva 2016/681 huma kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn, fid-dawl tat-termini “inkluża” u “inkluż”, id-data li jkopru hija msemmija bħala eżempju u mhux b’mod eżawrjenti, hekk li ma huwiex irrispettat ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza tar-regoli jinvolvu indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali?

Il-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/681 u l-Anness I għall-istess direttiva huma kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn is-sistema ta’ ġbir, ta’ trasferiment u ta’ pproċessar iġġeneralizzati tad-data tal-passiġġieri li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu tkopri kwalunkwe persuna li tuża l-mezz ta’ trasport ikkonċernat, irrispettivament minn kwalunkwe element oġġettiv li jippermetti li jitqies li din il-persuna tista’ tkun ta’ riskju għas-sigurtà pubblika?

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/681, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġislazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata, li tammetti, bħala skop tal-ipproċessar tad-data “PNR”, li jsiru iktar attivitajiet koperti mis-servizzi tal-intelliġenza u ta’ sigurtà, u b’hekk tinkludi dan l-iskop fil-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ reati terroristiċi u ta’ forom gravi ta’ kriminalità, kif ukoll fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni f’dan il-qasam?

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/681 huwa kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn l-evalwazzjoni minn qabel li hija tistabbilixxi, permezz ta’ tqabbil mal-bażijiet tad-data u l-kriterji stabbiliti minn qabel, tapplika b’mod sistematiku u ġeneralizzat għad-data tal-passiġġieri, irrispettivament minn kwalunkwe element oġġettiv li bih jista’ jitqies li dawn il-passiġġieri jistgħu jkunu ta’ riskju għas-sigurtà pubblika?

Il-kunċett ta’ “awtorità nazzjonali kompetenti oħra” imsemmi fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2016/681 jista’ jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-PIU maħluqa mil-Liġi tal-25 ta’ Diċembru 2016, li jista’ għaldaqstant jawtorizza l-aċċess għad-data “PNR” wara terminu ta’ sitt xhur, fil-kuntest ta’ riċerki ad hoc?

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2016/681, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata li tipprevedi terminu ġenerali ta’ żamma ta’ data ta’ ħames snin, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk il-passiġġieri kkonċernati, fil-kuntest tal-evalwazzjoni minn qabel, jirriżultawx li jistgħu jkunu ta’ riskju jew le għas-sigurtà pubblika?

a) Id-Direttiva 2004/82 hija kompatibbli mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn l-obbligi li tistabbilixxi japplikaw għat-titjiriet fl-Unjoni Ewropea?

b) Id-Direttiva 2004/82, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-liġi kkontestata li, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u tat-titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri, tawtorizza sistema ta’ ġbir u ta’ pproċessar tad-data tal-passiġġieri “għad-destinazzjoni ta’, ġejjin minn u li jkunu qed jgħaddu mit-territorju nazzjonali”, li indirettament jista’ jimplika li jerġgħu jiġu stabbiliti kontrolli mal-fruntieri interni?

Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tasal għall-konklużjoni li l-liġi kkontestata, li tittrasponi b’mod partikolari d-Direttiva 2016/681, tikser wieħed jew iktar mill-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, hija tista’ hija żżomm fis-seħħ provviżorjament l-effetti tal-Liġi tal-25 ta’ Diċembru 2016 “dwar l-Ipproċessar tad-Data tal-Passiġġieri” sabiex tiġi evitata inċertezza ġuridika u sabiex tippermetti li d-data miġbura u miżmuma qabel tkun tista’ tintuża għall-iskopijiet intiżi mil-liġi?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

2     ĠU 2016, L 119, p. 132.

3     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 74.

4     ĠU 2010, L 283, p. 1.