Language of document : ECLI:EU:C:2020:131

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2020 (1)

Kawża C754/18

Ryanair Designated Activity Company

vs

Országos Rendőr-főkapitányság

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 5, 10 u 20 – Dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ ċittadin ta’ Stat terz, li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Eżenzjoni mill-viża – Karta ta’ residenza ta’ membru tal-familja – Karta ta’ residenza permanenti – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 26 – Obbligu impost fuq it-trasportaturi li jiżguraw li l-passiġġieri tagħhom ikollhom fil-pussess tagħhom id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa biex jidħlu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi mill-ġdid dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38/KE (2). Il-karatteristika ta’ din il-kawża qiegħda fil-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tressqitx fil-kuntest ta’ rifjut mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda fil-kuntest ta’ tilwima bejn trasportatur bl-ajru u l-awtoritajiet nazzjonali minħabba multa imposta fuq dan it-trasportatur.

2.        Il-kawża prinċipali toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, minn naħa, dwar id-dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ ċittadin ta’ Stat terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandu karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, dwar l-obbligi tat-trasportatur bl-ajru li jiżgura li l-persuni li jkun qiegħed jittrasporta jkollhom id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa biex jidħlu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni fis-sens tal-Artikolu 26(2)(b) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (3).

A.      Il-kuntest ġuridiku

1.      Id-dritt tal-Unjoni

a)      Id-Direttiva 2004/38

3.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ dħul”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

L-ebda visa ta’ dħul jew formalità ekwivalenti m’għandha tiġi mposta fuq iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

2.      Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta’ dħul skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 [(4)] jew, fejn xieraq, skond il-liġi nazzjonali. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa.

[...]”

4.        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħruġ tal-karta ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2(a)(b) tiegħu, li:

“1.      Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta' Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. [...]

2.      Biex tinħareġ il-karta ta' residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

a)      passaport validu;

b)      dokument li juri l-eżistenza ta' relazzjoni ta' familja jew ta' unjoni reġistrata;

[...]”

5.        L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Validità tal-karta ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Il-karta ta’ residenza prevista mill-Artikolu 10(1) għandha tkun valida għal ħames snin mid-data tal-ħruġ jew tkun valida għal perjodu ta’ residenza previst miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, jekk dan il-perjodu hu inqas minn ħames snin”.

6.        L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jiddikjara, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin”.

7.        Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti minn ċerti membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru”:

“[...] il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li għalihom japplikaw l-Artikoli 12(2) u 13(2), li jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fihom, għandhom jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jgħixu legalment għal perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi fl-Istat Membru ospitanti”.

8.        L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Karta ta’ residenza permanenti għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu lill-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li huma ntitolati għal karta ta’ residenza permanenti fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni. Il-karta ta’ residenza permanenti għandha tiġġedded awtomatikament kull 10 snin.

2.      L-applikazzjoni għal karta ta’ residenza permanenti għandha tiġi ppreżentata qabel tiskadi l-karta ta’ residenza. In-nuqqas li jiġi osservat l-obbligu ta’ applikazzjoni għal karta ta’ residenza permanenti jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.”

b)      Il-KTFS

9.        It-Titolu II tal-KTFS, intitolat “Tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u fuq il-moviment ta’ persuni”, jinkludi b’mod partikolari l-Kapitolu 6 ddedikat għall-miżuri ta’ akkumpanjament tas-sistema li huwa jipprevedi. Dan il-kapitolu jinkludi artikolu wieħed biss, l-Artikolu 26, li jipprovdi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu u fil-paragrafu 2:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati [(5)] tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, li jinkorporaw ir-regoli li ġejjin fil-liġi nazzjonali tagħhom:

[...]

b)      It-trasportatur huwa obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassigura li aljen li jinġarr bl-ajru jew bil-baħar ikollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar meħtieġa sabiex jitħalla jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.

2.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mill-isħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967, u b’mod konformi mal-liġi kostituzzjonali tagħhom, li jimponu penalitajiet fuq trasportaturi li jġorru aljeni li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar minn Stat Terz għat-territorji tagħhom”.

2.      Id-dritt Ungeriż

10.      L-Artikolu 3(2) sa (4) tax-szabad mozgás és tartózkodás jogával rendelkező személyek beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal-2007, dwar id-dħul u r-residenza tal-persuni li jgawdu mil-libertà ta’ moviment u ta’ residenza) (6), tat-18 ta’ Diċembru 2006, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti, jipprovdi:

“2.      Membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li jakkumpanja lil ċittadin taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] jew lil ċittadin Ungeriż, jew li jingħaqad ma’ ċittadin taż-ŻEE jew ċittadin Ungeriż li jirrisjedi fit-territorju tal-Ungerija, huwa awtorizzat jidħol fit-territorju Ungeriż jekk ikollu dokument tal-ivvjaġġar validu maħruġ fl-għaxar snin preċedenti u li l-perijodu ta’ validità tiegħu jaqbeż id-data tat-tluq previst b’mill-inqas tliet xhur, kif ukoll, salv dispożizzjoni kuntrarja ta’ att tad-dritt [tal-Unjoni] direttament applikabbli jew ta’ ftehim internazzjonali, ta’ viża valida li tagħti d-dritt ta’ residenza kkontemplata għal żmien li ma jaqbiżx disgħin jum matul perijodu ta’ mija u tmenin jum (iktar ’il quddiem ‘residenza kkontemplata għal perijodu li ma jaqbiżx disgħin jum’).

3.      Hija wkoll awtorizzata tidħol fit-territorju tal-Ungerija bħala membru tal-familja, jekk hija jkollha dokument tal-ivvjaġġar validu maħruġ fl-għaxar snin preċedenti u li l-perijodu ta’ validità tiegħu jaqbeż id-data tat-tluq previst b’mill-inqas tliet xhur, kif ukoll, salv dispożizzjoni kuntrarja ta’ att tad-dritt [tal-Unjoni] direttament applikabbli jew ta’ ftehim internazzjonali, ta’ viża valida li tagħti d-dritt ta’ residenza kkontemplata għal żmien li ma jaqbiżx disgħin jum, kull persuna ċittadina ta’ pajjiż terz.

[...]

4.      Il-persuni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jidħlu fit-territorju tal-Ungerija mingħajr viża jekk huma jkollhom dokument li jattesta d-dritt ta’ residenza previst f’din il-liġi jew karta ta’ residenza maħruġa minn Stat kontraent fil-Ftehim dwar iż-[ŻEE] lil ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja taċ-ċittadin taż-ŻEE”.

11.      L-Artikolu 69(1) u (5) tal-harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi Nru II tal-2007, dwar id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi) (7), tat-18 ta’ Diċembru 2006, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti, jipprovdi li:

“1.      Kull trasportatur li [jwassal] ċittadin ta’ pajjiż terz lejn it-territorju tal-Ungerija bl-ajru jew bil-baħar, jew fuq linja regolari ta’ trasport bit-triq, jew li permezz tiegħu jaqsam it-territorju Ungeriż lejn pajjiż ta’ destinazzjoni ieħor, għandu jiżgura qabel it-trasport li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, minħabba d-dħul jew it-tranżitu tiegħu, dokument ta’ vvjaġġar validu u, skont il-każ, viża valida li tagħti d-dritt ta’ residenza għal perijodu li ma jaqbiżx disgħin jum.

[...]

5.      Multa amministrattiva, li l-ammont tagħha huwa stabbilit b’leġiżlazzjoni partikolari, tiġi imposta fuq kull trasportatur li ma jwettaqx l-obbligu li jimponilu l-paragrafu 1.

[...]”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Il-fatti rilevanti tal-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, jistgħu jiġu deskritti kif ġej.

13.      Fid‑9 ta’ Ottubru 2017, il-pulizija tal-ajruport Liszt Ferenc (Budapest, l-Ungerija) għamlet kontroll fuq il-passiġġieri ta’ titjira provenjenti minn Londra (ir-Renju Unit) u operata minn Ryanair DAC. Hemmhekk hija kkonstatat li passiġġier ta’ nazzjonalità Ukraina ma kellux viża filwaqt li kellu passaport mhux bijometriku li fih kien hemm karta ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, iżda li sussegwentement ma baqax validu, u karta ta’ residenza permanenti valida mogħtija wkoll mir-Renju Unit skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva.

14.      Minħabba li dan iċ-ċittadin Ukrain ma kellux id-dokumenti kollha tal-ivvjaġġar meħtieġa sabiex ikun jista’ jidħol fit-territorju Ungeriż, il-pulizija ma awtorizzatux jidħol fl-Ungerija u bagħtitu lura Londra. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li Ryanair ma kinitx ħadet, bħala trasportatur tal-ajru, il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-persuna kkonċernata tkun fil-pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa u, għal din ir-raġuni, iddeċidiet li timponi fuq Ryanair multa amministrattiva li tammonta għal EUR 3 000 għall-ksur tal-Artikolu 26 tal-KTFS.

15.      Ryanair ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija).

16.      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Ryanair tafferma li ċ-ċittadin inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien awtorizzat, bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, sabiex jidħol fit-territorju Ungeriż mingħajr ma jkollu viża, peress li huwa kellu karta ta’ residenza permanenti mogħtija mir-Renju Unit skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva. Qabel kollox Ryanair issostni li għalkemm l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jissuġġetta l-eżenzjoni mill-obbligu tal-pussess ta’ viża għall-pussess, minn ċittadin ta’ Stat terz, ta’ karta ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 10 tal-istess direttiva, hija biss dik il-persuna li tkun kisbet tali karta minn qabel li sussegwentement tista’ tingħata karta ta’ residenza permanenti. Ryanair tiddeduċi għaldaqstant li l-analiżi kuntestwali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni twassal sabiex jiġi kkunsidrat li eżenzjoni mill-viża teżisti wkoll fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat terz ikollu karta ta’ residenza permanenti mogħtija taħt l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38. Sussegwentement, Ryanair issostni li l-pussess ta’ tali karta għandu jitqies li huwa suffiċjenti, minnu nnifsu, sabiex jattesta li dak iċ-ċittadin huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, Ryanair tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, trasportatur bl-ajru ma għandux dritt li jagħmel verifiki addizzjonali għal dak li jikkonċerna r-rabta ta’ familja li tgħaqqad il-persuna kkonċernata ma’ ċittadin tal-Unjoni u ma jistax, għaldaqstant, jiġi ssanzjonat talli ma jkunx għamel dan.

17.      L-Országos Rendőr-főkapitányság (il-Kap tal-Pulizija Nazzjonali, l-Ungerija) isostni, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat b’mod letterali, ħaġa li timplika li jiġi kkunsidrat li huwa biss il-pussess ta’ karta ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li t-titolu tagħha stess juri l-eżistenza ta’ rabta ta’ familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, li jeżenta liċ-ċittadini ta’ Stati terzi mill-obbligu li jkollhom viża sabiex ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri. Konsegwentement, il-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti, li ma jissemmiex fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u li t-titolu tagħha ma fihx l-istess preċiżazzjoni, ma jistax jitqies li jeżenta lill-pussessur tagħha minn tali obbligu, u a fortiori fil-każ fejn din il-karta tkun inħarġet minn Stat Membru li, bħar-Renju Unit f’dan il-każ, ma jagħmilx parti miż-żona Schengen.

18.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tiġġustifika din it-talba għal deċiżjoni preliminari bid-dubji li hija għandha fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat b’mod letterali jew jekk il-formulazzjoni tiegħu għandhiex tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest li fih jidħol. Hija tosserva b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li din id-direttiva tiddeskrivi d-dritt ta’ residenza permanenti bħala dritt “imsaħħaħ” mogħti liċ-ċittadini ta’ Stati terzi membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li diġà bbenefikaw minn dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin.

19.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fit-tieni lok, x’inhi l-portata tal-eżenzjoni mill-viża prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38. B’mod iktar speċifiku, hija tistaqsi jekk tali eżenzjoni għandhiex tinftiehem fis-sens li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom indipendentement mill-punt dwar liema Stat Membru tahom il-karta ta’ residenza jew jekk, għall-kuntrarju, hija għandhiex tinftiehem bħala li hija rriżervata għall-persuni li jkollhom karta ta’ residenza mogħtija minn Stat Membru li jifforma parti miż-żona Schengen. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-kwistjoni tar-rabta bejn id-Direttiva 2004/38 u r-regoli applikabbli għaż-żona Schengen hija deċiżiva f’dan il-każ peress li huwa r-Renju Unit li ta d-dokumenti fil-pussess taċ-ċittadin inkwistjoni u li wasslu għall-kundanna ta’ Ryanair għall-ħlas ta’ multa.

20.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’każ li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-viża li hija tipprevedi jestendi għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li għandhom karta ta’ residenza permanenti mogħtija minn Stat Membru li ma jifformax parti miż-żona Schengen, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-pussess ta’ tali karta huwiex suffiċjenti sabiex jipprova l-eżistenza, fir-rigward tad-detentur tagħha, ta’ dritt ta’ dħul mingħajr viża fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk huwiex neċessarju li l-persuna kkonċernata tipproduċi dokumenti addizzjonali li juru r-rabta ta’ familja tagħha ma’ ċittadin tal-Unjoni (b’mod partikolari estratt mill-ktieb tal-familja). Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li r-risposta għal din id-domanda tirrikjedi li tiġi ppreċiżata r-rabta bejn id-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza rregolati mid-Direttiva 2004/38, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt ta’ residenza jista’, ġaladarba jkun kiseb natura permanenti, ikompli jeżisti wara li tispiċċa r-rabta ta’ familja li tkun għaqqdet ċittadin ta’ Stat terz ma’ ċittadin tal-Unjoni.

21.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-obbligu ta’ kontroll tat-trasportaturi tal-ajru fil-kuntest tal-verifika tad-dokumenti tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi, minn naħa, jekk id-“dokumenti ta’ l-ivvjaġġar” li l-Artikolu 26 tal-KTFS jobbligahom jivverifikaw humiex limitati għad-dokumenti li jistabbilixxu d-dritt ta’ dħul tal-persuni kkonċernati (passaport, karta ta’ residenza u, jekk ikun il-każ, viża) jew jekk jinkludux ukoll id-dokumenti li jattestaw l-eżistenza ta’ rabta ta’ familja ma’ ċittadin tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas, min-naħa tat-trasportatur tal-ajru, ta’ twettiq tal-obbligi li din id-dispożizzjoni timponilu.

22.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2018, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Diċembru 2018, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5(2), dwar id-dritt ta’ dħul, tad-Direttiva 2004/38/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, kemm il-pussess ta’ karta ta’ residenza, prevista fl-Artikolu 10 tad-direttiva, kif ukoll il-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti, prevista fl-Artikolu 20 tad-direttiva, jeżentaw membru tal-familja mir-rekwiżit li jkun fil-pussess ta’ viża fil-mument tad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, u l-paragrafu 2 tiegħu, għandhom jiġu interpretati bl-istess mod meta persuna li tkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u ma tkunx ċittadina ta’ Stat Membru ieħor tkun akkwistat id-dritt għal residenza permanenti fir-Renju Unit u meta r-Renju Unit ikun l-Istat li ħareġ il-karta ta’ residenza permanenti fir-rigward ta’ din il-persuna? Fi kliem ieħor, il-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti prevista fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, kif maħruġa mir-Renju Unit, teżenta lill-pussessur ta’ din il-karta mir-rekwiżit li jikseb viża, indipendentement mill-fatt li la r-[Regolament Nru 539/2001], li jirreferi għalih l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, u lanqas ir-Regolament (UE) 2016/399 […] ma japplikaw fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru [(8)]?

3)      Fil-każ li r-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda jkunu fl-affermattiv, il-pussess ta’ karta ta’ residenza maħruġa konformement mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 għandu jitqies fih innifsu bħala prova suffiċjenti li l-pussessur tal-karta huwa membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni u li, bħala membru tal-familja, huwa għandu d-dritt, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi prodotta prova jew attestazzjoni oħra, jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u huwa eżentat mir-rekwiżit li jikseb viża konformement mal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva?

4)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fin-negattiv għat-tielet domanda, l-Artikolu 26(1)(b) u (2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen għandu jiġi interpetat fis-sens li trasportatur tal-ajru għandu l-obbligu li jivverifika mhux biss id-dokumenti tal-ivvjaġġar iżda wkoll il-fatt li l-passiġġier li għandu l-intenzjoni jivvjaġġa b’karta ta’ residenza permanenti prevista fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 huwa effettivament membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-mument tad-dħul?

5)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv għar-raba’ domanda:

i)      fil-każ li trasportatur tal-ajru ma jkunx f’pożizzjoni li jistabbilixxi li passiġġier li għandu l-intenzjoni jivvjaġġa b’karta ta’ residenza permanenti prevista fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 huwa effettivament membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-mument tad-dħul, l-imsemmi trasportatur tal-ajru għandu jirrifjuta l-imbark fuq l-ajruplan u t-trasport ta’ din il-persuna lejn Stat Membru ieħor?

ii)      fil-każ li trasportatur tal-ajru ma jivverifikax dan il-fatt jew ma jirrifjutax it-trasport lil passiġġier li ma jistax jipproduċi prova li huwa membru tal-familja – u li, barra minn hekk huwa fil-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti – huwa possibbli li tiġi imposta multa fuq dan it-trasportatur tal-ajru abbażi ta’ dan il-fatt konformement mal-Artikolu 26(2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen?”

23.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Ungeriż, Ċek u Elleniku, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. It-trattazzjoni orali saret f’isem Ryanair, il-Gvern Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta li nżammet fit‑3 ta’ Diċembru 2019.

III. Analiżi

24.      Fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, trasportatur bl-ajru ġie ssanzjonat talli allegatament naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu previsti fl-Artikolu 26 tal-KTFS u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li tikkonċerna t-trasport lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Dan il-passiġġier kellu fil-pussess tiegħu passaport u karta ta’ residenza permanenti valida mogħtija skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma jifformax parti miż-żona Schengen.

25.      Il-problema ġuridika mqajma f’din il-kawża tikkonċerna essenzjalment il-portata tal-obbligu, impost fuq it-trasportatur bl-ajru li jwassal ċittadini barranin fit-territorju tal-Istati Membri, li jiżgura li dawn il-persuni jkollhom fil-pussess tagħhom id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Il-kwistjoni fundamentali li, f’dan il-kuntest, tqum fir-rigward ta’ tali obbligu tat-trasportatur hija dik dwar liema huma d-dokumenti speċifiċi meħtieġa li jippermettu liċ-ċittadini ta’ Stat terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri.

26.      Sabiex wieħed jifhem sew il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni li taħtu jaqgħu l-kwistjonijiet ta’ din il-kawża, huwa neċessarju, qabel kollox, li titfakkar ir-rabta bejn iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-acquis ta’ Schengen. Għal dan il-għan, ser nagħmel, b’mod preliminari, xi rimarki dwar ir-rabta bejn, minn naħa, is-sistema applikabbli għall-qsim tal-fruntieri mill-persuni u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fil-qasam tal-moviment liberu li minnhom igawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom. Sussegwentement ser neżamina jekk ċittadin ta’ Stat terz li jkollu fil-pussess tiegħu karta ta’ residenza permanenti, mogħtija minn Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38, jistax jibbenefika mill-eżenzjoni mill-obbligu li jikseb viża ta’ dħul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, ser nittratta l-portata tal-obbligi tat-trasportatur fis-sens tal-Artikolu 26(2) tal-KTFS.

A.      Rimarki preliminari dwar ir-rabta bejn iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-acquis ta’ Schengen

27.      F’din il-kawża, li tirrigwarda tilwima bejn trasportatur bl-ajru u awtorità nazzjonali, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkonċernawx passiġġier ċittadin ta’ Stat terz f’sitwazzjoni irregolari iżda passiġġier ċittadin ta’ Stat terz, li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ċċaqlaq bejn żewġ Stati Membri, filwaqt li qasam fruntiera esterna taż-żona Schengen.

28.      Għandu jitfakkar li l-Ftehim ta’ Schengen ġie ffirmat fl-1985 biex jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri komuni u li l-acquis ta’ Schengen huwa intiż li jirregola l-aspetti marbuta mal-eżistenza ta’ żona mingħajr fruntieri interni msaħħa bi fruntieri esterni (9). Min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fl-1992, li llum tirrappreżenta l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (10), ippermettiet il-miġja fis-seħħ ta’ drittijiet sostantivi iktar estiżi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri u l-membri tal-familji tagħhom. Għaldaqstant, ir-regoli li jirrigwardaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha, indipendentement mill-parteċipazzjoni tagħhom fiż-żona Schengen. Dan l-aspett ser nerġa’ nittrattah iktar ’il quddiem (11).

29.      Minn dan isegwi li l-verifiki li jirrigwardaw il-persuni li jgawdu mid-dritt għall-moviment liberu bħala dritt tal-Unjoni għandhom isiru konformement mad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, skont din id-direttiva, ċerti miżuri ta’ applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, kif inhu l-każ tal-obbligu tal-viża, ma japplikawx għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

30.      Dan premess, sabiex dawn il-konklużjonijiet ikunu eżawrjenti kif ukoll sabiex tingħata risposta għad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, ser nagħmel madankollu eżami ddettaljat tar-rabta bejn iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-acquis ta’ Schengen.

31.      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li nibda billi nfakkar fil-qosor li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kuntest tal-politika komuni fil-qasam tal-immigrazzjoni u dik li tikkonċerna ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-moviment liberu tal-persuni.

1.      -ċittadinanza tal-Unjoni kontra l-politika komuni fil-qasam tad-dritt tal-immigrazzjoni: status ġuridiku differenti bbażat fuq loġika ġuridika distinta

32.      Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri prevista fl-Artikolu 4(2)(j) TFUE. L-għanijiet u l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza huma ppreċiżati fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. L-Artikolu 67(2) TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u b’mod partikolari għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll fil-fruntieri esterni, ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u li tkun ġusta fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stat terz.

33.      Għalhekk, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tapplika għall-adozzjoni ta’ kull miżura msemmija fl-Artikolu 79(2) TFUE, li jkopri kemm l-immigrazzjoni regolari kif ukoll l-immigrazzjoni irregolari. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni, b’osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandu effett ta’ preferenza jew ta’ prijorità fuq il-kompetenza tal-Istati Membri. Dawn tal-aħħar, għaldaqstant, titneħħielhom il-kompetenza rispettiva tagħhom minħabba l-intervent leġiżlattiv tal-Unjoni. Peress li l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni hija kompetenza ta’ armonizzazzjoni, l-effett ta’ prijorità jvarja skont il-portata eżatta u l-grad ta’ intervent tal-Unjoni (12). Regoli komuni jiġu għaldaqstant adottati permezz ta’ direttivi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponu (13), iżda dawn jistgħu jilleġiżlaw fuq il-kwistjonijiet mhux koperti mid-dritt tal-Unjoni u għandhom ukoll il-possibbiltà li jidderogaw mir-regoli komuni sa fejn dan id-dritt jippermettih (14). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jżommu, bħala prinċipju, il-kompetenzi tagħhom fil-qasam tad-dritt tal-immigrazzjoni.

34.      Min-naħa l-oħra, jekk, bħal f’dan il-każ, ikun hemm sitwazzjoni fejn ikunu involuti d-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza libera bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, il-marġni ta’ diskrezzjoni li jkollhom l-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni ma tistax tippreġudika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jew mal-libertà ta’ moviment (15), anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx biss is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni iżda wkoll dik taċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu membri tal-familja tagħhom. F’dan ir-rigward, huwa importanti, fil-fehma tiegħi, li jitfakkar li l-istatus ġuridiku rrikonoxxut liċ-ċittadini ta’ Stati terzi fil-kuntest tad-direttivi li jirriżultaw mill-politika komuni fil-qasam tad-dritt tal-immigrazzjoni u l-istatus taċ-ċittadini tal-Unjoni u taċ-ċittadini ta’ Stat terz, li huma membri tal-familji tagħhom, huma differenti u bbażati fuq loġika ġuridika distinta.

2.      Ir-regoli li jirrigwardaw il-qsim tal-fruntieri mill-persuni u l-ħruġ ta’ viżi japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ moviment liberu li minnu jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom

35.      Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kontroll fil-fruntieri, il-politika komuni tal-viżi u ta’ permessi oħra ta’ residenza għal żmien qasir kif ukoll il-libertà tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandha tapplika għall-adozzjoni ta’ kull miżura msemmija fl-Artikolu 77(2) TFUE (16).

36.      Madankollu, l-Artikolu 77(3) TFUE jipprevedi li jekk jidher li tkun meħtieġa azzjoni mill-Unjoni “sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt [taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri], previst fl-Artikolu 20(2)(a) [TFUE]”, il-proċedura leġiżlattiva speċjali għandha tapplika sabiex jiġu adottati dispożizzjonijiet li jikkonċernaw “il-passaporti, il-karti ta’ l-identità, il-permessi ta’ residenza jew kwalunkwe dokument ieħor relatat”. Għaldaqstant, l-Artikolu 77(3) TFUE u l-miżuri adottati bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament ma għandhomx jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni iżda fid-dawl taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-riferiment magħmul mill-imsemmija dispożizzjoni għall-Artikolu 20(2)(a) TFUE (17).

37.      Għaldaqstant, mhux biss mill-premessi tal-acquis ta’ Schengen iżda wkoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu jirriżulta li l-miżuri li jirrigwardaw il-qsim tal-fruntieri esterni u interni tal-Istati Membri japplikaw mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuni li jgawdu minn dritt ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni.

38.      Qabel kollox, għal dak li jikkonċerna s-sistema ġuridika applikabbli għall-qsim tal-fruntieri interni u esterni tal-Unjoni, il-premessa 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tipprovdi li r-“[r]egoli komuni dwar il-moviment liberu ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri la jqiegħed f’dubju u lanqas ma jaffetwa d-drittijiet ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u membri tal-familji tagħhom” (18). Għaldaqstant, minn naħa, l-Arikolu 3 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li l-imsemmi kodiċi japplika “għal kull persuna li taqsam il-fruntieri interni jew esterni tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju [b’mod partikolari] għad-drittijiet ta’ persuni li jgawdu mid-dritt għal moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni” (19) u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(6) ta’ dan l-istess kodiċi, intitolat “Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni”, jipprovdi li “[v]erifiki fuq persuna li jkollha d-dritt għal moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni għandhom jitwettqu skont id-Direttiva 2004/38/KE” (20).

39.      Sussegwentement għandu jiġi nnotat li, fir-rigward tar-regoli li jirrigwardaw il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-viżi għall-perijodi ta’ residenza previsti ta’ massimu ta’ tliet xhur fuq perijodu ta’ sitt xhur, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 (21) jipprovdi, fl-Artikolu 1(2)(a) tiegħu, li dan japplika “għal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz, li jrid ikun fil-pussess ta’ viża meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 […], u dan mingħajr preġudizzju [b’mod partikolari] għad-drittijiet ta’ moviment liberu li jgawdu minnhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni” (22).

40.      Fl-aħħar nett, għal dak li huwa r-Regolament Nru 539/2001 (23), l-Artikolu 1(1) tiegħu jipprovdi li ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jinsabu fil-lista tal-Anness I (24) għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Madankollu, anki jekk, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, il-membri tal-familja li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru “għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta’ dħul” skont dan ir-regolament jew, fejn xieraq, skont il-liġi nazzjonali (25), din l-istess dispożizzjoni tipprovdi li “l-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 [ta’ din id-direttiva] għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa”.

41.      Il-Gvern Ungeriż jikkunsidra li jeħtieġ li wieħed jibda bl-eżami tar-raba’ u l-ħames domanda. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli rilevanti li jiġu analizzati d-domandi preliminari fl-ordni li fih saru mill-qorti tar-rinviju.

B.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 (l-ewwel u t-tieni domanda)

42.      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-viża ta’ dħul li din id-dispożizzjoni tipprevedi għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkollhom fil-pussess tagħhom karta ta’ residenza skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva (26) tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkollhom fil-pussess tagħhom karta ta’ residenza permanenti skont l-Arikolu 20 tal-imsemmija direttiva, mogħtija minn Stat Membru li ma jifformax parti miż-żona Schengen.

43.      Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-Gvern Ċek u Elleniku kif ukoll il-Kummissjoni, l-istess bħal Ryanair, isostnu li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni u l-għanijiet li għandhom jinkisbu minn din id-direttiva. Il-Gvern Ungeriż ma jaqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Skont l-interpretazzjoni tiegħu, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa biss il-pussess ta’ karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, u mhux il-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, li jeżenta liċ-ċittadini ta’ Stat terz mill-obbligu li jkollhom viża sabiex jeżerċitaw id-dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ospitanti li ħareġ l-imsemmija karta ta’ residenza.

44.      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li jridu jinkisbu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (27) u, b’mod partikolari, il-ġenesi ta’ din il-leġiżlazzjoni (28). F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożittiv ta’ direttiva ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tagħha u għandu jiġi interpretat, jekk ikun neċessarju, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha (29). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/38, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv, u ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom (30).

45.      Issa, jidhirli li interpretazzjoni bħalma hija dik mogħtija mill-Gvern Ungeriż tmur kontra l-effett utli u l-għan tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll kontra l-istruttura ġenerali u l-ispirtu tal-Artikolu 5(2) tagħha. Għaldaqstant, jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata skont il-kuntest li fih qiegħda, il-ġenesi tagħha kif ukoll l-għan tad-Direttiva 2004/38.

1.      Interpretazzjoni sistematika

46.      Għandu jiġi rilevat li l-għan tad-Direttiva 2004/38 jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jirrisjedu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri (31). Għal dan il-għan, id-drittijiet ta’ ħruġ u dħul previsti fl-Artikoli 4 u 5 (32) tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet jew il-formalitajiet neċessarji għall-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra, b’mod partikolari d-dritt ta’ residenza, ikkontemplati fl-istess direttiva (33). L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 jippreċiża li “l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu”. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[g]ħall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa” (34).

47.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, ikkunsidrata fil-kuntest globali ta’ din id-direttiva, turi li l-mekkaniżmu tas-sistema gradwali li tirregola d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti u li jwassal għad-dritt ta’ residenza permanenti jiskatta malli l-kundizzjonijiet għad-dħul fi Stat Membru ospitanti previsti minn din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti (35). Din is-sistema tinvolvi diversi tipi ta’ dritt ta’ residenza li jimplikaw livelli differenti ta’ integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu. L-ewwel nett, hemm id-dritt ta’ residenza li jwassal sa tliet xhur, imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni u għal ebda formalità barra mill-obbligu tal-pussess ta’ karta tal-identità jew passaport validu (36); it-tieni nett, id-dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, li huwa suġġett għall-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (37); u, it-tielet nett, id-dritt ta’ residenza permanenti, imsemmi fl-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li rrisjedew legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

48.      Għal dak li jirrigwarda l-formalitajiet amministrattivi, iċ-ċittadini ta’ Stat terz, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jingħatalhom dokument sabiex jattesta t-tip ta’ residenza li minnha jibbenefikaw fl-Istat Membru ospitanti. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur huwa kkonstatat permezz tal-għoti tal-karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur. Din il-karta ta’ residenza tingħata wara verifika tad-dokumenti elenkati fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva u għal perijodu ta’ validità massima ta’ ħames snin mid-data tal-ħruġ tagħha (38). Malli jiddekorri dan il-perijodu, sabiex tiġi attestata l-permanenza tar-residenza, l-Artikolu 20(1) tal-imsemmija direttiva, jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom joħorġu lill-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li huma ntitolati għal karta ta’ residenza permanenti […]”, li għandha tiġġedded awtomatikament kull għaxar snin.

49.      Fil-qosor, bis-saħħa tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini ta’ Stat terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jistgħux jiksbu dritt ta’ residenza permanenti mingħajr ma jkunu rrisjedew legalment fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin (39). B’mod parallel, mill-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li karta ta’ residenza permanenti ma tistax tingħata lil ċittadin ta’ Stat terz, li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kien, minn qabel, fil-pussess ta’ karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur.

50.      Minn dan isegwi, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur u l-karta ta’ residenza permanenti ma jistgħux jinħarġu b’mod parallel peress li kull waħda minn dawn il-karti tattesta fil-fatt tip distint ta’ dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, jiġifieri, rispettivament, id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur (Kapitolu III) u d-dritt ta’ residenza permanenti (Kaptiolu IV). B’mod iktar preċiż, l-unika karta ta’ residenza li tista’ tinħareġ mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti lil ċittadin ta’ Stat terz, li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li diġà ssodisfa l-kundizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38 għal ħames snin kontinwi hija l-karta ta’ residenza permanenti. Dan huwa kkorroborat mill-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-applikazzjoni għall-karta ta’ residenza permanenti għandha titressaq qabel l-iskadenza tal-karta ta’ residenza u li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jwassal għal sanzjonijiet mhux diskriminatorji u proporzjonati.

51.      Barra minn hekk, id-dritt ta’ residenza permanenti jagħti iktar drittijiet mid-dritt ta’ residenza li ppreċedieh. Mhux biss il-karta ta’ residenza permanenti li tattesta dan id-dritt għandha validità ta’ għaxar snin (Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2004/38) imma ċ-ċittadini ta’ Stat terz membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma humiex suġġetti għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, dawn iċ-ċittadini jistgħu jikkostitwixxu piż għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti mingħajr ma jkunu jistgħu jitkeċċew mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (Artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 18 tal-istess direttiva, id-dritt ta’ residenza permanenti, wara li jinkiseb, ma għandu jkun suġġett għal ebda kundizzjoni oħra, u dan bil-għan li jiġi stabbilit mezz ġenwin għall-integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (40). Barra minn hekk, malli jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti jintilef biss bl-assenza ta’ iktar minn sentejn konsekuttivi mill-Istat Membri ospitanti (Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38). Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ Stat terz, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkunu kisbu dritt ta’ residenza permanenti, igawdu “trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat [fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat]” (Artikolu 24 ta’ din id-direttiva) (41).

52.      Konsegwentement, ikun paradossali li l-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti, li jagħti lill-benefiċjarji iktar drittijiet mid-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur u, għaldaqstant, turi integrazzjoni iktar qawwija ta’ dawn il-benefiċjarji fl-Istat Membru ospitanti, tista’ twassal sabiex il-kundizzjonijiet ta’ dħul fi Stati Membri oħra jsiru iktar onerużi.

53.      Għaldaqstant, eżaminat fil-kuntest tiegħu, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-viża prevista minn din id-dispożizzjoni ma tapplikax biss għad-detentur tal-karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva iżda tapplika wkoll għad-detentur tal-karta ta’ residenza permanenti msemmija fl-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva.

2.      Interpretazzjoni teleoloġika u storika

54.      L-analiżi preċedenti hija ssostanzjata bl-għan tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 50 tagħha, kif ukoll bl-eżami tax-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni.

55.      Mill-premessi 1 sa 4 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din id-direttiva hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u li hija għandha l-għan, b’mod partikolari, li ssaħħaħ dan id-dritt (42). Dan l-għan jidħol fis-sistema gradwali (43) prevista minn din id-direttiva, li tirregola d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (44).

56.      Fir-rigward tal-istorja ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 6(2) tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni (45) ma kienx jagħmel distinzjoni bejn it-tipi ta’ dokumenti li jattestaw id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jew permanenti u kien jirreferi, b’mod ġenerali, għall-“pussess ta’ permess ta’ residenza validu mogħti minn Stat Membru”, filwaqt li kien jipprovdi li dan il-permess ta’ residenza “[kien jammonta] għal viża” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Waqt is-seduta l-Kummissjoni spjegat li kien intlaħaq kunsens matul il-proċedura leġiżlattiva sabiex jiġi kkunsidrat li l-permess ta’ residenza ma kellux l-istess valur ta’ viża u li l-ewwel dokument kien jeżenta liċ-ċittadini ta’ Stati terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, mill-obbligu li jiksbu t-tieni dokument. L-Artikolu 8(2) tar-Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament kien jirrifletti din l-emenda u kien jipprovdi li “l-pussess ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru [kien jeżenta] lil dak li jkun mill-obbligu li jkollu viża” (46) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

57.      Sussegwentement, il-proposta emendata tal-Kummissjoni (47) kompliet tuża l-kliem “permess ta’ residenza” u ma tagħmilx distinzjoni bejn il-karti ta’ residenza li jattestaw residenza ta’ iktar minn tliet xhur u residenza permanenti. Madankollu, it-test ta’ din id-dispożizzjoni ma kienx konformi mal-formulazzjoni proposta tal-Artikolu 10, li kien jirreferi madankollu għall-“karta ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li kien biss għal skopijiet ta’ koerenza terminoloġika li l-leġiżlatur sussegwentement issostitwixxa l-kliem “karta ta’ residenza” b’“karta ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 10” (48) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għaldaqstant jippreċiża li l-eżenzjoni mill-obbligu tal-viża ssib il-bażi tagħha fid-dritt tal-Unjoni b’mod partikolari fil-karta ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri abbażi tad-Direttiva 2004/38 u mhux abbażi ta’ dokumenti oħra mogħtija lill-barranin mill-Istati Membri abbażi tad-dritt nazzjonali (49).

58.      Għaldaqstant, jidhirli li r-rieda tal-leġiżlatur ma kinitx li tiġi eskluża l-karta ta’ residenza permanenti mid-dokumenti li jattestaw id-dritt ta’ residenza u li jippermettu l-eżenzjoni mill-obbligu tal-viża. Interpretazzjoni tal-premessa 8 tad-Direttiva 2004/38, li ma tiddistingwixxix bejn il-karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur u l-karta ta’ residenza permanenti, tippermetti li tikkorrobora din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, din il-premessa tipprovdi li “[b]il-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, dawk li diġà kisbu kard ta’ residenza għandhom jiġu eżentati mill-ħtieġa li jiksbu visa ta’ dħul fis-sens tar-[Regolament Nru 539/2001] jew, fejn xieraq, il-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli” (50).

59.      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li kemm iċ-ċittadini ta’ Stat terz, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jgawdu minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur kif ukoll dawk li jgawdu minn dritt ta’ residenza permanenti jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, iżommu d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza esklużivament b’mod personali (51); b’mod iktar preċiż, huma jistgħu jżommu d-dritt ta’ dħul fl-Istati Membri, mingħajr viża, billi jippreżentaw il-karta ta’ residenza tagħhom ta’ iktar minn tliet xhur jew il-karta ta’ residenza permanenti tagħhom.

60.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex importanti li ċ-ċittadini ta’ Stat terz, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikunu fil-pussess ta’ karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jew li jkunu fil-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti biex igawdu mill-eżenzjoni ta’ viża. Li wieħed isostni l-kuntrarju jkun imur kontra l-interpretazzjoni sistematika, teleoloġika u storika tad-Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 5(2) tagħha.

3.      In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ Stat Membru fiż-żona Schengen

61.      Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/38 ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi tal-Artikoli 18, 21, 46, 50 u 59 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha, indipendentement mill-parteċipazzjoni tagħhom fiż-żona Schengen. Għaldaqstant, id-drittijiet li huma rrikonoxxuti fihom huma ggarantiti liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u lill-membri tal-familji tagħhom.

62.      F’dan il-każ, il-fatt li l-acquis ta’ Schengen ma japplikax għall-Istat Membru li ħareġ il-karta ta’ residenza permanenti, jiġifieri r-Renju Unit, ma għandu ebda effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ dħul fl-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, iċ-ċittadini ta’ Stat terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni huma suġġetti biss għall-obbligu ta’ viża ta’ dħul, konformement mar-Regolament Nru 539/2001 jew, jekk ikun il-każ, mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, dan ir-riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa previst għall-Istati Membri li ma jifformawx parti miż-żona Schengen. Madankollu, għall-finijiet tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini ta’ Stat terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni huma eżentati minn tali obbligu jekk ikollhom fil-pussess tagħhom karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jew karta ta’ residenza permanenti valida.

63.      Kif indikajt fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-regoli komuni fil-qasam tal-qsim tal-fruntieri mill-persuni ma jippreġudikawx u lanqas ma jaffettwaw id-drittijiet fil-qasam tal-moviment liberu li minnhom igawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, inklużi ċ-ċittadini tal-Istati Membri li ma jifformawx parti miż-żona Schengen.

C.      Fuq il-valur probatorju tal-karta ta’ residenza permanenti (it-tielet domanda)

64.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti, imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38, iservix, waħdu, bħala prova li d-detentur tagħha għandu dritt ta’ dħul fi Stat Membru fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

65.      F’dan il-każ, Stat Membru ma awtorizzax id-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċittadin ta’ Stat terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, minħabba li dan iċ-ċittadin ma kellux id-dokumenti tal-ivvjaġġar kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr viża, konformement mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li dan iċ-ċittadin kien fil-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti valida maħruġa skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva mill-Istat Membru ta’ residenza.

66.      Jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li d-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet mixtieqa mit-Trattat, jikkostitwixxi dritt mogħti direttament minnu, jew, skont il-każ, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tal-imsemmi trattat. Għaldaqstant, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38 lil ċittadin ta’ Stat Membru jew lil membru tal-familja tiegħu, ma għandux jitqies bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, iżda bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (52).

67.      Konsegwentement, il-preżentazzjoni ta’ karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jew dik permanenti valida, għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-kapaċità bħala “membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni” (53), tikkostitwixxi formalità amministrattiva li l-għan tagħha huwa li l-awtoritajiet nazzjonali jikkonstataw id-dritt li joħroġ direttament mill-istatus tal-persuna inkwistjoni (54).

68.      Għaldaqstant jista’ jiġi affermat li, sakemm il-kundizzjonijiet li jippermettu t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza permanenti rrikonoxxut mid-Direttiva 2004/38 jiġu ssodisfatti minn ċittadin ta’ Stat terz, li huwa membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, il-karta ta’ residenza maħruġa skont din id-direttiva tippermetti li tiġi kkonstatata l-legalità tar-residenza fl-Istat Membru ospitanti ta’ dan iċ-ċittadin u għandha għaldaqstant tiġi aċċettata mill-Istati Membri. Issa, għandu jiġi rrilevat li mkien mid-deċiżjoni tar-rinviju jew mill-proċess tal-kawża ma jirriżulta li l-karta ta’ residenza ppreżentata miċ-ċittadin ikkonċernat ma kinitx konformi mal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna biss is-saħħa probatorja tal-karta ta’ residenza permanenti għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru.

69.      Għandu jiġi nnotat, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, li dawn iż-żewġ karti huma atti awtentiċi li bihom l-awtorità ta’ Stat Membru tattesta d-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni konformement mad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, li Stat Membru jiġi awtorizzat jirrifjuta l-karta ta’ residenza permanenti, billi jqiegħed inkwistjoni s-saħħa probatorja tagħha, ikun imur kontra l-għan li jrid jintlaħaq mill-eżenzjoni ta’ viża li huwa, kif jirriżulta mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva, li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu.

70.      Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 jirregola b’mod eżawrjenti d-dokumenti li l-Istati Membri jistgħu jitolbu mingħand iċ-ċittadini tal-Unjoni u mingħand il-membri tal-familja tagħhom sabiex jippermettulhom id-dħul mingħajr viża fit-territorji tagħhom (karta tal-identità jew passaport u karta ta’ residenza) għandu bħala konsegwenza li l-Istati Membri ma jistgħux jitolbu dokumenti addizzjonali. F’dan ir-rigward, li jiġi aċċettat li l-awtoritajiet Ungeriżi jirrifjutaw karta ta’ residenza maħruġa abbażi tad-Direttiva 2004/38 ikun bħallikieku Stat Membru jitħalla jdur mad-dritt tal-moviment liberu u jkun jista’ jwassal lil Stati Membri oħra jaġixxu bl-istess mod u jiksru għaldaqstant din id-direttiva unilateralment (55). L-Istati Membri huma għaldaqstant marbuta li jirrikonoxxu kemm il-karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur kif ukoll il-karta ta’ residenza permanenti għall-finijiet tad-dħul mingħajr viża fit-territorju tagħhom, sakemm l-awtentiċità ta’ tali karti u l-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fuqhom jitqiegħdu f’dubju permezz ta’ indizji konkreti relatati mal-każ individwali inkwistjoni, li jippermettu l-konklużjoni li jkun hemm l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt jew frodi (56).

71.      Fl-aħħar nett, is-saħħa probatorja tal-karta ta’ residenza permanenti ma għandhiex titqiegħed inkwistjoni bil-fatt li l-istat ċivili ta’ ċittadin ta’ Stat terz, li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jgawdi minn dritt ta’ residenza jista’ jinbidel f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni jew ukoll f’każ ta’ divorzju, annullament taż-żwieġ jew tħassir ta’ unjoni rreġistrata. Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm din il-bidla fl-istatus ċivili sseħħ wara l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, iż-żamma ta’ dan id-dritt esklużivament b’mod personali ma għadux suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38 inklużi dawk tal-Artikolu 12(2) u tal-Artikolu 13(2) tagħha (57).

72.      Fid-dawl tal-premess, huwa evidenti li l-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti, imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38, iservi, waħdu, bħala prova li l-pussessur tagħha għandu dritt ta’ dħul fi Stat Membru fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

D.      Fuq il-portata tal-obbligu tat-trasportatur bl-ajru fis-sens tal-Artikolu 26 tal-KTFS (ir-raba’ u l-ħames domanda)

73.      Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26(1)(b) u (2) tal-KTFS għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tat-trasportatur bl-ajru li jiżgura li l-passiġġieri tiegħu, li huma ċittadini ta’ Stat terz, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor, ikollhom fil-pussess tagħhom id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa jikkonċernax id-dokumenti li jistabbilixxu d-dritt ta’ dħul ta’ dawn iċ-ċittadini, jiġifieri l-passaport kif ukoll il-karta ta’ residenza valida, jew jekk dan l-obbligu jimplikax li jiġi żgurat li dawn il-passiġġieri jkollhom viża jew dokumenti oħra li jattestaw l-eżistenza ta’ rabta tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni.

74.      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi jidhirli li huwa importanti li tiġi ppreċiżata l-portata tal-obbligu tat-trasportatur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

75.      F’dan ir-rigward huwa essenzjali li ssir distinzjoni, minn naħa, bejn l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru skont l-Artikolu 26(1)(b) u (2) tal-KTFS għall-“verifiki fuq il-fruntiera” fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (58) u, min-naħa l-oħra, l-impjegati, rappreżentanti jew mandatarji ta’ dawn it-trasportaturi tal-“gwardja tal-fruntiera” fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 2 ta’ dan il-kodiċi (59).

76.      Fil-fatt, mill-Artikolu 26(1)(b) tal-KTFS (60) jirriżulta li t-trasportatur bl-ajru huwa obbligat jikkontrolla l-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa fl-ajruport tat-tluq u li, fl-assenza ta’ tali kontroll, huwa jkun suġġett għal sanzjonijiet. Madankollu, kif indika reċentement l-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża D. Z. (61), “il-previżjoni, mid-dritt tal-Unjoni u/jew mid-dritt nazzjonali, ta’ tali obbligi u sanzjonijiet ma timplikax li t-trasportaturi bl-ajru li jipproċedu għall-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri qabel l-imbark tagħhom fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, sabiex jiżguraw ruħhom li dawn tal-aħħar għandhom id-dokumenti meħtieġa għad-dħul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, għandhom jitqiesu bħala emanazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru, lanqas li dawn il-kontrolli huma kwalifikabbli bħala ‘verifiki fuq il-fruntiera’ fis-sens tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (43), u lanqas, saħansitra, li l-impjegati, ir-rappreżentanti jew il-mandatarji ta’ dawn it-trasportaturi jistgħu jiġu assimilati għal ‘gwardjani tal-fruntieri’ fis-sens tal-istess Kodiċi” (62).

77.      Għaldaqstant, la t-trasportaturi tal-ajru u lanqas l-impjegati, ir-rappreżentanti jew il-mandatarji ta’ dawn it-trasportaturi li jivverifikaw l-adegwatezza tad-dokumenti tal-ivvjaġġar fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq “ma jistgħu jitqiesu bħala inkarigati jeżerċitaw funzjonijiet ta’ kontroll fil-fruntiera”. Minn dan jirriżulta li “[d]awn il-persuni ma għandhom, għalhekk, l-ebda setgħa li jirrifjutaw jew li jawtorizzaw id-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni” (63).

78.      Barra minn hekk, jidhirli rilevanti li jiġi ppreċiżat li l-obbligu tat-trasportatur bl-ajru fis-sens tal-Artikolu 26(1)(b) tal-KTFS huwa obbligu formali. Għaldaqstant, ma huwiex l-obbligu tiegħu, pereżempju, li jikkontrolla l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti ħlief fil-każijiet fejn jiskopri dokumenti invalidi jew iffalsifikati b’mod evidenti.

79.      Dan premess, mill-punti 27 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li r-regoli li jirrigwardaw il-qsim tal-fruntieri mill-persuni u l-ħruġ tal-viżi japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li huma ċittadini ta’ Stat terz. Konsegwentement, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 26 tal-KTFS għandu jiġi interpretat skont id-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi tal-ewwel tliet domandi preliminari, it-trasportatur bl-ajru huwa obbligat li jiżgura li ċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun qiegħed jittrasporta jkollu fil-pussess tiegħu, minbarra passaport validu, il-karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur imsemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jew il-karta ta’ residenza permanenti msemmija fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru.

80.      Konsegwentement inqis li jeħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ u l-ħames domanda preliminari tkun li l-Artikolu 26(1)(b) u (2) tal-KTFS għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tat-trasportatur bl-ajru li jiżgura li l-passiġġieri tiegħu, li huma ċittadini ta’ Stat terz, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor, ikollhom fil-pussess tagħhom id-dokumenti meħtieġa jirrigwarda biss id-dokumenti li jistabbilixxu d-dritt ta’ dħul ta’ dawn iċ-ċittadini, jiġifieri l-passaport kif ukoll il-karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, imsemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, jew il-karta ta’ residenza permanenti, imsemmija fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, li tkun valida, u dan l-obbligu ma jimplikax li huwa jrid jiżgura li dawn il-passiġġieri jkollhom viża jew dokumenti oħra li jattestaw l-eżistenza ta’ rabta tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni.

IV.    Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) kif ġej:

1)      L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-viża ta’ dħul prevista minn din id-dispożizzjoni għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li għandhom karta ta’ residenza skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li għandhom karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, anki fil-każ fejn il-karta ta’ residenza permanenti tkun inħarġet minn Stat Membru li ma jagħmilx parti miż-żona Schengen.

2)      Il-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti msemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 iservi, waħdu, bħala prova li d-detentur tagħha għandu dritt ta’ dħul fi Stat Membru ieħor fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

3)      L-Artikolu 26(1)(b) u (2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tat-trasportatur bl-ajru li jiżgura li l-passiġġieri tiegħu, li huma ċittadini ta’ Stat terz, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor, ikollhom fil-pussess tagħhom id-dokumenti meħtieġa jirrigwarda biss id-dokumenti li jistabbilixxu d-dritt ta’ dħul ta’ dawn iċ-ċittadini, jiġifieri l-passaport kif ukoll il-karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, imsemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, jew il-karta ta’ residenza permanenti, imsemmija fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, li tkun valida, u dan l-obbligu ma jimplikax li huwa jrid jiżgura li dawn il-passiġġieri jkollhom viża jew dokumenti oħra li jattestaw l-eżistenza ta’ rabta tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3      Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KTFS”).


4      Regolament tal-Kunsilll tal‑15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 65).


5      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954).


6      Magyar Közlöny 2007/1, tal‑5 ta’ Jannar 2007.


7      Magyar Közlöny 2007/1, tal‑5 ta’ Jannar 2007.


8      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1).


9      Meħud kont tas-sitwazzjoni ġeografika tagħha, il-belt Lussemburgiża sabiħa ta’ Schengen intgħażlet għall-iffirmar tal-ftehim li jġorr isimha. Fil-fatt, Schengen tinsab fil-fruntiera maż-żewġ Stati Membri l-oħrajn firmatarji, jiġifieri l-Ġermanja u Franza.


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara l-punti 61 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Il-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi (ĠU 2012, C 326, p. 307), anness mat-Trattati UE u FUE, jipprovdi li “meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni f’ċertu qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju ta’ kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta’ l-Unjoni konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu”.


13      Ara, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 224); id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 272); id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal‑25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU 2009, L 155, p. 17); u d-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU 2016, L 132, p. 21).


14      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-kriterji għall-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontroll fuq il-fruntieri interni minn Stat Membru. Ara l-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


15      Fil-każ oppost, tali sitwazzjoni tkun evidentement irrikonċiljabbli mal-istabbiliment ta’ suq intern li “jimplika li l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru, li tiegħu hu m’għandux iċ-ċittadinanza, ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha”. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 68).


16      B’mod partikolari, fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni li tikkonċerna l-libertà tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ Stati terzi (li ma humiex membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni), l-Artikolu 77(2)(c) TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżviluppa politika li tistabbilixxi “l-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom il-libertà li jivvjaġġaw fl-Unjoni għal żmien qasir”. Dawn il-kundizzjonijiet ġew implimentati permezz tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen.


17      L-Artikolu 77(4) TFUE jipprovdi li dan l-artikolu “m’għandux jolqot il-kompetenza ta’ l-Istati Membri dwar id-demarkazzjoni ġeografika tal-fruntieri tagħhom, skond id-dritt internazzjonali”.


18      L-Artikolu 2(5)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jiddefinixxi l-persuni li jgawdu mid-dritt għal moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni bħala li huma “ċittadini tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu għal moviment liberu u li għalihom tapplika d-Direttiva [2004/38]”.


19      Enfasi miżjuda minni.


20      Bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, “[m]oviment transkonfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera”. Enfasi miżjuda minni.


21      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1).


22      Enfasi miżjuda minni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(5)(d) tal-Kodiċi tal-Viżi, intitolat “Ċittadini ta’ pajjiżi terzi meħtieġa li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport”, jirriżulta li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan il-kodiċi, huma eżentati mir-rekwiżit li jkollhom viża għal tranżitu fl-ajruport previst fl-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi. Ara wkoll l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 4 tal-Anness XI tal-istess kodiċi.


23      Dan ir-regolament ġie kkodifikat mir-Regolament (UE) Nru 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p. 39).


24      L-Ukraina tinsab fil-lista komuni msemmija fl-Artikolu 1(1) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001. Għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tar-Regolament 2018/1806 il-ġdid, l-Ukraina ma għadhiex tidher fl-Anness I li jirreferi għal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-obbligu ta’ viża sabiex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-Ukraina tinsab attwalment fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, li jelenka l-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-obbligu ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal perijodi ta’ residenza li ma jaqbżux id-90 jum fuq kull perijodu ta’ 180 jum. L-eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża hija limitata għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mill-Ukraina b’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).


25      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Iktar ’il quddiem il-“karta ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur”.


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 49), u tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild taħt is-sistema tal-kafala (għoti ta’ kura) Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 51).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, EU:C:1975:137, punt 28); tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84); tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 38); kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 39).


31      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 33).


32      Id-dritt ta’ dħul previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 huwa biss il-konsegwenza tad-dritt tal-ħruġ ikkontemplat fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.


33      Fil-fatt, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/38 huma l-bieb għall-aċċess għad-drittijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, peress li d-drittijiet ta’ moviment liberu ma jistgħux jiġu eżerċitati jekk ċittadin tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tiegħu ma jistgħux joħorġu minn Stat jew jidħlu f’ieħor. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-eventwali drittijiet mogħtija, bis-saħħa tal-imsemmija direttiva, lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz jinsiltu minn dawk li minnhom igawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu. Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Mir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal‑10 ta’ Diċembru 2008 (KUMM(2008) 840 final, p. 5), jirriżulta li “t-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(2) ta’ spiss hija skorretta u/jew inkompleta, u n-nuqqasijiet leġiżlattivi jwasslu għal vjolazzjonijiet spissi tad-drittijiet tal-membri tal-familja, l-aktar ta’ dawk li huma ċittadini ta’ pajjizi terzi”.


35      Id-dritt ta’ dħul huwa marbut mill-qrib mad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38.


36      Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/38, dan id-dritt jinżamm sakemm iċ-ċittadini tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 39), kif ukoll tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 52).


37      Jekk iċ-ċittadin jissodisfa l-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur jestendi (ħlief għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva) ukoll għall-membri tal-familja tiegħu li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru (Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva). Konformement mal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, dan id-dritt jibqa’ jinżamm biss sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jibqgħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. Mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li dawn il-persuni jsiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 40), kif ukoll tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 53).


38      Ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/38.


39      Ara wkoll l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38.


40      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C-424/10 u C-425/10, EU:C:2011:866, punt 41), kif ukoll tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero (C-316/16 u C-424/16, EU:C:2018:256, punt 54).


41      Enfasi miżjuda minni.


42      Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 82); tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 31); kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C-425/10, EU:C:2011:866, punt 38); tas‑16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 30); kif ukoll tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 51).


45      Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (KUMM(2001) 257 final, ĠU 2001, C 270 E, p. 150, u b’mod partikolari p. 153).


46      Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal‑11 ta’ Frar 2003 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (KUMM(2001) 257), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal‑11 ta’ Frar 2003 (ĠU 2004, C 43 E, p. 31).


47      L-Artikolu 6(2) (emenda 24) kien jipprovdi li “l-pussess ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru jeżenta mill-obbligu ta’ viża”. Enfasi miżjuda minni. Il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ippreżentata mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE, KUMM(2003) 199 final – 2001/0111 (COD) p. 20.)


48      L-Artikolu 5(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill kien jipprovdi li “[g]ħall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 jeżenta lill-membri tal-familja kkonċernati mill-obbligu li jiksbu viża” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Enfasi miżjuda minni. Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 6/2004 adottata mill-Kunsill fil‑5 ta’ Diċembru 2003 minħabba l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/[38]/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-[...] dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, C 54 E, p. 12).


49      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-permess ta’ residenza maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru liċ-ċittadini ta’ Stat terz, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax id-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u li għalih, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, din id-direttiva ma tapplikax.


50      Enfasi miżjuda minni.


51      Bis-saħħa tal-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/38, il-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni jew ukoll id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ jew it-tħassir ta’ unjoni rreġistrata ma jaffettwawx id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru. Madankollu, qabel ma jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti, dawn tal-aħħar għandhom, huma wkoll, juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva. Ara wkoll l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva.


52      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 1976, Royer (48/75, EU:C:1976:57, punti 31 sa 33), u tal‑21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 48). Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C‑459/99, EU:C:2002:461, punt 74), kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “residenza legali”, għandu jitfakkar li “residenza skont id-dritt ta’ Stat Membru, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 ma tistax titqies li hija residenza ‘legali’ fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ din tal-aħħar”. Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C-424/10 u C-425/10, EU:C:2011:866, punt 47).


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punt 24).


55      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:345, punt 139).


56      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 53).


57      Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Il-kunċett ta’ “verifiki fuq il-fruntiera” huwa ddefinit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 ta’ dan il-kodiċi bħala “l-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu”.


59      Il-“gwardja tal-fruntiera” hija ddefinita fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen bħala li tfisser “kull uffiċjal pubbliku assenjat, skont il-liġi nazzjonali, ma’ xi punt ta’ qsim tal-fruntiera jew matul xi fruntiera jew fil-viċinanza immedjata ta’ dik il-fruntiera li jwettaq, skont dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali, xogħol ta’ kontroll ta’ fuq il-fruntiera”.


60      Ara, ukoll, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-disposizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 160).


61      C‑584/18, EU:C:2019:1003, punt 60.


62      Dwar il-kunċett ta’ “verifiki fuq il-fruntiera”, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de transportes (C-412/17 u C-474/17, EU:C:2018:1005, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kontrolli tad-dokumenti tal-ivvjaġġar imwettqa mill-impriżi tat-trasport waqt il-vjaġġi transkonfinali bil-karozzi tal-linja ma jikkostitwixxux verifiki fuq il-fruntiera peress li jsiru ġewwa t-territorju intern ta’ Stat Membru, f’dan il-każ, f’dak fejn il-vjaġġaturi jirkbu l-karozza tal-linja fil-bidu tal-vjaġġ transkonfinali u mhux “fuq il-fruntiera” jew “fil-mument tal-qsim tal-fruntiera”.


63      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża D. Z. (C‑584/18, EU:C:2019:1003, punt 58).