Language of document : ECLI:EU:C:2020:120

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis‑27 ta’ Frar 2020 (1)

Kawża C778/18

Association française des usagers de banques

vs

Ministre de l’Économie et des Finances

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin mal-proprjetà immobbli residenzjali – Kont ta’ pagament jew ta’ tfaddil – Obbligu ta’ min jissellef li jiddepożita d-dħul tiegħu f’kont ta’ pagament għall-perijodu stabbilit mill-kuntratt ta’ self – Vantaġġ individwalizzat – Direttiva 2007/64/KE – Artikolu 45(2) – Direttiva (UE) 2015/2366 – Artikolu 55(2) – Direttiva 2014/17/UE – Punti 26 u 27 tal-Artikolu 4 – Prattika ta’ rbit – Prattika ta’ abbinar – Artikolu 12(1) – Artikolu 12(2)(a) – Artikolu 12(3) – Direttiva 2014/92/UE”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2)(a) u (3) tad-Direttiva 2014/17/UE (2), tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64/KE (3), tal-Artikolu 55(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 (4), kif ukoll tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/92/KE (5). Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà bankarja.

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Association française des usagers de banques (l-Assoċjazzjoni Franċiża tal-Utenti tal-Banek, iktar ’il quddiem l-“AFUB”) u l-ministre de l’Économie et des Finances (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi), li fil-kuntest tagħha l-AFUB tikkontesta leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-persuna li ssellef tikkundizzjona offerta ta’ self ipotekarju għad-depożitu mill-persuna li tissellef, għall-perijodu ta’ għaxar snin jew jekk il-perijodu tas-self huwa iqsar, għal dak il-perijodu, tas-salarji tagħha jew tad-dħul simili kollu f’kont ta’ pagament mal-persuna li ssellef, bla ħsara li min isellef jagħti lil min jissellef vantaġġ individwalizzat bħala korrispettiv għal dan id-depożitu.

3.        L-AFUB tqis li din il-leġiżlazzjoni tmur kontra l-għan li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà bankarja mfittex mid-direttivi msemmija iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni esposti iktar ’il fuq.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega għaliex inqis li, jekk jiġi preżunt li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti prattika ta’ rbit fis-sens tad-Direttiva 2014/17, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fit-tilwima fil-kawża prinċipali, din id-direttiva ma tawtorizzax tali prattika ta’ rbit, la skont l-Artikolu 12(2)(a) u lanqas skont l-Artikolu 12(3) tagħha. Mill-banda l-oħra, sa fejn il-qorti tar-rinviji tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda rbit fis-sens tad-Direttiva 2014/17, l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64, l-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2015/2366 kif ukoll l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/92, ma jipprekludux tali leġiżlazzjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2007/64

5.        L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Terminazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“It-terminazzjoni ta’ kuntratt qafas li jkun konkluż għal perijodu fiss ta’ aktar minn 12-il xahar jew għal perijodu indefinit għandu jkun bla ħlas għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas wara li jiskadu t-12-il xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, id-drittijiet għat-terminazzjoni għandhom ikunu xierqa u konsistenti ma’ l-ispejjeż”.

2.      Id-Direttiva 2015/2366

6.        Id-Direttiva 2007/64 tħassret b’effett mit‑13 ta’ Jannar 2018 mid-Direttiva 2015/2366 li l-Artikolu 55 tagħha jinkludi, fil-paragrafu 2 tiegħu, dispożizzjoni essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64, ħlief għall-perijodu msemmi li tnaqqas minn tnax għal sitt xhur.

3.      Id-Direttiva 2014/17

7.        Il-premessi 24 u 25 tad-Direttiva 2014/17 huma fformulati kif ġej:

“(24) Minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-kuntratti ta’ kreditu relatati ma’ proprjetà immobbli residenzjali hi prattika komuni li l-kredituri joffru lill-konsumatur għadd ta’ prodotti jew servizzi li jistgħu jinxtraw flimkien mal-kuntratt ta’ kreditu. Għaldaqstant, minħabba s-sinifikat ta’ tali kuntratti għall-konsumaturi, hu xieraq li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi fuq prattiki ta’ rbit. L-ikkombinar ta’ kuntratt ta’ kreditu ma’ wieħed jew aktar mis-servizzi jew prodotti finanzjarji f’pakketti hu mezz għall-kredituri biex jiddiversifikaw l-offerta tagħhom u jikkompetu kontra xulxin, sakemm li l-komponenti tal-pakkett jistgħu wkoll jinxtraw separatament. Filwaqt li l-ikkombinar ta’ kuntratti ta’ kreditu ma’ servizz jew prodott finanzjarju wieħed jew aktar f’pakketti jista’ jibbenefika lill-konsumatur, dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-mobbiltà tal-konsumatur u l-kapaċità tiegħu li jagħmel għażliet infurmati, sakemm il-komponenti tal-pakkett ma jistgħux jinxtraw separatament. Hu importanti li jiġu impeduti prattiċi bħal dawn bħal pereżempju l-irbit ta’ ċerti prodotti li jista’ jħajjar lill-konsumatur biex jidħol f’kuntratti ta’ kreditu li mhumiex fl-aħjar interess tiegħu, madankollu, mingħajr ma jillimitaw l-abbinar ta’ prodotti li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumatur. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikomplu jissorveljaw mill-qrib is-swieq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur biex ikun żgurat li l-prattiċi ta’ abbinar ta’ prodotti ma joħolqux distorsjoni fl-għażla għall-konsumatur u l-kompetizzjoni fis-suq.

(25) Bħala regola ġenerali, m’għandhomx ikunu permessi prattiċi ta’ rbit sakemm is-servizz jew prodott finanzjarju offruti flimkien mal-kuntratt ta’ kreditu ma jistgħux jiġu offruti separatament peress li jkunu parti integrata bis-sħiħ tal-kreditu, pereżempju fil-każ ta’ ipoteka ggarantita. F’każijiet oħra, jista’ jkun madankollu ġustifikat għall-kredituri li joffru jew ibiegħu kuntratt ta’ kreditu f’pakkett flimkien ma’ kont ta’ pagamenti, kont tat-tfaddil, prodott ta’ investiment jew prodott ta’ pensjoni, pereżempju fejn il-kapital fil-kont jintuża għall-ħlas lura tal-kreditu jew hu prerekwiżit għall-akkomunament tar-riżorsi biex jinkiseb il-kreditu, jew f’sitwazzjonijiet fejn, pereżempju, prodott ta’ investiment jew prodott ta’ pensjoni privata jservi bħala garanzija addizzjonali għall-kreditu. […]”.

8.        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

26.      ‘Prattika ta’ rbit’ tfisser l-offerta jew il-bejgħ ta’ kuntratt ta’ kreditu f’pakkett ma’ prodotti jew servizzi distinti finanzjarji oħra fejn il-kuntratt ta’ kreditu ma jkunx disponibbli għall-konsumatur b’mod separat.

27.      ‘Prattika ta’ abbinar (bundling)’ tfisser l-offerta jew il-bejgħ ta’ kuntratt ta’ kreditu f’pakkett ma’ prodotti jew servizzi finanzjarji distinti oħrajn fejn il-kuntratt ta’ kreditu ikun disponibbli għall-konsumatur b’mod separat ukoll, iżda mhux neċessarjament bl-istess termini jew kundizzjonijiet bħal dawk ta’ meta jiġi offrut flimkien mas-servizzi anċillari.

[…]”

9.        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1. L-Istati Membri għandhom jippermettu prattiki ta’ abbinament (bundling) iżda għandhom jipprojbixxu prattiki ta’ rbit.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kredituri jistgħu jitolbu lill-konsumatur jew membru tal-familja jew qarib viċin tal-konsumatur:

a)      jiftaħ jew iżomm kont ta’ pagament jew ta’ tfaddil, fejn l-unika raġuni [skop] ta’ kont bħal dan hija li jiġi akkumulat il-kapital biex jitħallas lura l-kreditu, jew issir manutenzjoni tal-kreditu, biex jinġabru riżorsi biex jinkiseb il-kreditu, jew biex tingħata garanzija addizzjonali għall-kreditur f’każ ta’ inadempjenza;

[…]

3.      Minkejja paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jħallu li jsiru prattiki ta’ rbit meta l-kreditur jista’ juri lill-awtorità kompetenti tiegħu li l-prodotti jew il-kategoriji ta’ prodotti marbuta offruti, fuq termini u kundizzjonijiet simili għal xulxin, li ma jsirux disponibbli separatament iwasslu għal benefiċċju ċar għall-konsumaturi meta jitqiesu kif xieraq id-disponibbiltà u l-prezzijiet tal-prodotti rilevanti offruti fis-suq. Dan il-paragrafu għandu japplika biss għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq wara l‑20 ta’ Marzu 2014.

[…]”

4.      Id-Direttiva 2014/92

10.      Il-premessa 12 tad-Direttiva 2014/92 hija fformulata kif ġej:

“[…] Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva għandhom jikkonċernaw il-kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom il-konsumaturi jistgħu jagħmlu t-transazzjonijiet li ġejjin: ipoġġu fondi, jiġbdu l-flus, u jagħmlu transazzjonijiet ta’ ħlas lil partijiet terzi u jirċievu transazzjonijiet ta’ ħlas mingħandhom, inkluż it-twettiq ta’ trasferimenti tal-kreditu. B’konsegwenza ta’ dan, il-kontijiet b’funzjonijiet aktar limitati għandhom jiġu esklużi. Pereżempju, kontijiet bħall-kontijiet ta’ tfaddil, kontijiet tal-karti tal-kreditu, fejn normalment jitpoġġew fondi għall-iskop uniku li jitħallas dejn fuq karti tal-kreditu, ipoteki b’karatteristiċi ta’kont kurrenti jew kontijiet ta’ flus elettroniċi għandhom fil-prinċipju jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, jekk dawk il-kontijiet jintużaw għal transazzjonijiet tal-ħlas ta’ kuljum u jekk ikun fihom il-funzjonijiet kollha elenkati hawn fuq, huma ser jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. […]”

11.      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għall-kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom il-konsumaturi tal-inqas ikunu jistgħu:

a)      ipoġġu fondi f’kont tal-ħlas;

b)      jiġbdu l-flus mill-kont tal-ħlas;

c)      jagħmlu u jirċievu tranżazzjonijiet tal-ħlas, inkluż trasferimenti ta’ kreditu, lil partijiet terzi u mingħandhom.

[…]”

12.      Skont l-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tariffi marbuta mas-servizz tal-bdil”:

“3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi, jekk ikun hemm, applikati mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi lill-konsumatur għat-terminazzjoni ta’ kont tal-ħlas magħha jiġu determinati f’konformità mal-Artikolu 45(2), (4) u (6) tad-[Direttiva 2007/64 (6)]”.

B.      Id-dritt Franċiż

1.      Loi relative à la transparence, à la lutte contre la corruption et à la modernisation de la vie économique (Il-Liġi dwar it-Trasparenza, il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Immodernizzar tal-Ħajja Ekonomika)

13.      Skont il-paragrafu II tal-Artikolu 67 tal-Liġi Nru 2016-1691 tad‑9 ta’ Diċembru 2016 dwar it-Trasparenza, il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Immodernizzar tal-Ħajja Ekonomika:

“Fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 38 tal-Kostituzzjoni, il-Gvern jista’ jieħu permezz ta’ digriet, f’terminu ta’ sitt xhur sa mill-promulgazzjoni ta’ din il-liġi, kull miżura rilevanti fil-qasam tal-liġi li tippermetti li jiġu stabbiliti, fl-osservanza tal-Artikolu L. 312‑1‑2 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, il-kundizzjonijiet li fihom is-sottoskrizzjoni ta’ konsumatur għal kuntratt ta’ kreditu ipotekarju kif ukoll il-livell tar-rata ta’ interessi tiegħu jistgħu jiġu assoċjati mal-ftuħ ta’ kont ta’ depożitu u mad-depożitu tad-dħul tiegħu, tkun xi tkun in-natura u l-oriġini tagħhom, waqt it-tul tal-kreditu […]”.

2.      Code monétaire et financier (Il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju)

14.      L-Artikolu L. 312‑2 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju jipprevedi:

“I.‑1 Hija pprobjita l-prattika jew l-offerta ta’ prattika ta’ prodotti jew provvisti ta’ servizzi f’pakkett ħlief meta l-prodotti jew il-provvisti ta’ servizzi inklużi fl-offerta bħala pakkett ikunu jistgħu jinxtraw individwalment jew meta jkunu indissoċjabbli.

2.      Hija pprojbita kwalunkwe prattika jew offerta ta’ prattika ta’ prodotti jew ta’ provvisti ta’ servizzi magħmula lill-klijent u li tagħti dritt gratwitament, immedjatament jew fit-tmiem tagħha, għal primjum finanzjarju jew f’natura ta’ prodotti, oġġetti jew servizzi li l-valur tagħhom ikun ogħla minn limitu stabbilit, skont it-tip tal-prodott jew tas-servizz offrut lill-klijent, permezz ta’ regolament meħud permezz ta’ digriet tal-ministeru responsabbli mill-ekonomija, meħuda wara opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv stabbilit fl-Artikolu L. 614‑1.

Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għas-servizzi ta’ pagament imsemmija fil-paragrafu II tal-Artikolu L. 314‑1”.

3.      Code de la consummation (Il-Kodiċi tal-Konsum)

15.      Skont l-Artikolu L. 313‑25 tal-Kodiċi tal-Konsum kif emendat bl-ordonnance no 2017 1090, du 1er juin 2017, relative aux offres de prêt immobilier conditionnées à la domiciliation des salaires ou revenus assimilés de l’emprunteur sur un compte de paiement (id-Digriet Nru 2017‑1090, tal‑1 ta’ Ġunju 2017, dwar l-offerti ta’ self ipotekarju suġġetti għad-depożitu tas-salarji jew dħul simili tal-persuna li tissellef f’kont ta’ pagament), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali:

“L-offerta msemmija fl-Artikolu L. 313‑24:

[…]

10°      Tindika jekk is-self huwiex suġġett għall-kundizzjoni ta’ depożitu msemmija fl-Artikolu L. 313‑25‑1. F’dan il-każ, għandu jissemma t-tul tiegħu, u jekk ikun il-każ l-ispejjeż tal-ftuħ u taż-żamma tal-kont li fih jiġu ddepożitati s-salarji jew dħul simili, kif ukoll in-natura tal-vantaġġ individwalizzat miftiehem bħala korrispettiv mill-persuna li ssellef. L-offerta għandha tippermetti li jiġi identifikat b’mod ċar dan il-vantaġġ billi ssemmi l-kundizzjonijiet, ir-rati u oħrajn, li fir-rigward tagħhom hija ġiet stabbilita, u li jiġu applikati mill-persuna li ssellef jekk ir-rekwiżit tad-depożitu ma jibqax osservat mill-persuna li tissellef.

[…]”

16.      L-Artikolu L. 313‑25‑1 ta’ dan il-kodiċi, inkluż bid-Digriet Nru 2017‑1090, tal‑1 ta’ Ġunju 2017, dwar l-offerti ta’ self ipotekarju suġġetti, imsemmija iktar ’il fuq, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Il-persuna li ssellef tista’ tissuġġetta l-offerta ta’ self imsemmija fl-Artikolu L. 313‑24 għad-depożitu mill-persuna li tissellef tas-salarji jew dħul simili tagħha fuq kont ta’ pagament imsemmi fl-Artikolu L. 314‑1 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, bla ħsara li din il-persuna li ssellef tagħti lil min jissellef vantaġġ individwalizzat bħala korrispettiv.

Din il-kundizzjoni ma tistax tiġi imposta fuq il-persuna li tissellef għal iktar minn tul massimu stabbilit b’digriet tal-Kunsill tal-Istat. Fl-aħħar ta’ dan it-terminu previst mill-kuntratt ta’ kreditu, il-vantaġġ individwalizzat jiġi akkwistat mill-persuna li tissellef sat-tmiem tas-self.

Jekk, qabel it-tmiem ta’ dan it-terminu, il-persuna li tissellef ma tibqax tissodisfa l-kundizzjoni ta’ depożitu hawn fuq imsemmija, il-persuna li ssellef tista’ tittermina, għall-iskadenzi li jkun fadal sat-tmiem tas-self, il-vantaġġ individwalizzat imsemmi fl-ewwel paragrafu, u tapplika l-kundizzjonijiet, rati jew oħrajn, imsemmija fil-paragrafu 10° tal-Artikolu L. 313‑25. […]”

17.      L-Artikolu R. 313‑21‑1, inkluż fl-imsemmi kodiċi permezz tad-Digriet Nru 2017‑1099, tal‑14 ta’ Ġunju 2017, li jistabbilixxi l-perijodu li matulu l-persuna li ssellef tista’ timponi fuq il-persuna li tissellef id-depożitu ta’ salarji jew dħul simili fuq kont ta’ pagament, jipprevedi:

“It-tul massimu tad-depożitu tas-salarji jew dħul simili msemmi fl-Artikolu L. 313‑25‑1 huwa ffissat għal għaxar snin mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, jew jekk ikun il-każ, mill-emenda tal-kuntratt ta’ kreditu inizjali.

Dan il-perijodu terminu fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż dak tal-kuntratt ta’ kreditu”.

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18.      Permezz tal-Liġi Nru 2016‑1691 tad-9 ta’ Diċembru 2016 dwar it-Trasparenza, il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Immodernizzar tal-Ħajja Ekonomika, il-Parlament Franċiż awtorizza lill-Gvern ta’ dan l-Istat Membru jieħu permezz ta’ digriet, kull miżura rilevanti tal-qasam tal-liġi li tippermetti li jiġu stabbiliti, fl-osservanza tal-Artikolu L. 312‑1‑2 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju (7), il-kundizzjonijiet li fihom is-sottoskrizzjoni ta’ konsumatur għal kuntratt ta’ kreditu ipotekarju kif ukoll il-livell tar-rata tal-interessi tiegħu jistgħu jiġu assoċjati mal-ftuħ ta’ kont ta’ depożitu u mad-depożitu tad-dħul tiegħu.

19.      L-adozzjoni tad-Digriet Nru 2017‑1090 tal-1 ta’ Ġunju 2017 dwar l-offerti ta’ self ipotekarju suġġett għad-depożitu tas-salarji jew dħul simili tal-persuna li tissellef f’kont ta’ pagament, tirriżulta minn din l-awtorizzazzjoni.

20.      Dan id-digriet inkluda Artikolu L. 313‑25‑1 ġdid fil-Kodiċi tal-Konsum li jipprevedi, essenzjalment, li l-persuna li ssellef tista’ tikkundizzjoni l-offerta ta’ self għad-depożitu mill-persuna li tissellef tas-salarji jew dħul simili tagħha f’kont ta’ pagament, bla ħsara li din il-persuna li ssellef tagħti vantaġġ individwalizzat lill-persuna li tissellef bħala korrispettiv. Barra minn hekk, il-kundizzjoni ta’ depożitu bankarju ma tistax tiġi imposta fuq il-persuna li tissellef wara tul massimu li fit-tmiem tiegħu l-vantaġġ individwalizzat jiġi akkwistat mill-persuna li tissellef sat-tmiem tas-self.

21.      Bi tweġiba għal talba għall-kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja (8), il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-kunċett ta’ “kont ta’ pagament” fis-sens tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum ma huwiex limitat għall-kontijiet ta’ pagament intiżi esklużivament għar-rimbors ta’ kreditu ipotekarju, jew b’mod iktar ġenerali għal kreditu ipotekarju, iżda jinkludi l-kontijiet użati mill-persuni li jissellfu sabiex iwettqu tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ kuljum bħall-ħlas, it-trasferiment u l-irtirar ta’ fondi.

22.      Id-Digriet Nru 2017‑1099, tal‑14 ta’ Ġunju 2017, adottat abbażi tal-digriet imsemmi fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inkluda Artikolu R‑313‑21‑1 ġdid fil-Kodiċi tal-Konsum, applikabbli għall-offerti ta’ self maħruġa wara l‑1 ta’ Jannar 2018, u li jipprevedi li t-tul tal-kundizzjoni ta’ depożitu bankarju ma għandux ikun iktar minn għaxar snin jew mit-tul tas-self jekk dan ikun inqas minn għaxar snin.

23.      Quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), l-AFUB talbet l-annullament ta’ dan id-digriet minħabba eċċess ta’ poter.

24.      F’dan ir-rigward, l-AFUB issostni, minn naħa, li d-Digriet Nru 2017‑1090 tal‑1 ta’ Ġunju 2017 li b’applikazzjoni tiegħu ġie adottat id-digriet ikkontestat imur kontra l-għan li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà bankarja mfittex mid-Direttivi 2007/64, 2015/2366, 2014/92 u 2014/17. Fil-fatt, huwa jawtorizza l-istabbilimenti ta’ kreditu jassoċjaw id-depożitu bankarju ma’ vantaġġi, u f’każ ta’ rinunzja għal dawn il-vantaġġi, il-persuni li jissellfu jsostnu spiża projbittiva li tmur kontra l-mobbiltà bankarja. Min-naħa l-oħra, l-AFUB targumenta li d-digriet ikkontestat imur kontra dan l-istess għan billi jistabbilixxi għaxar snin bħala tul massimu li matulu l-istabbilimenti ta’ kreditu jistgħu jikkundizzjonaw dawn il-vantaġġi għad-depożitu tas-salarji jew dħul simili tal-persuni li jissellfu.

25.      Il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi jqis li dawn il-motivi ma humiex fondati.

26.      Waqt l-eżami tat-talba għall-annullament tad-Digriet, li tiegħu d-Digriet Nru 2017‑1090, tal‑1 ta’ Ġunju 2017, jikkostitwixxi l-bażi legali, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet inklużi f’dawn iż-żewġ atti mad-Direttivi ċċitati iktar ’il fuq (9).

27.      B’mod iktar preċiż, din il-qorti tikkunsidra li t-tweġiba għall-motivi mqajma mill-AFUB tiddependi mill-punt dwar jekk, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17, b’mod partikolari fid-dawl tal-iskop li huma jagħtu lill-kont ta’ pagament jew ta’ tfaddil li tiegħu jawtorizzaw il-ftuħ jew iż-żamma, jew id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(3) ta’ din l-istess direttiva, jawtorizzawx, minn naħa, li l-persuna li ssellef timponi fuq il-persuna li tissellef, bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat, id-depożitu tad-dħul kollu tagħha mis-salarju jew simili fuq kont ta’ pagament matul perijodu stabbilit mill-kuntratt ta’ self, irrispettivament mill-ammont, mill-iskadenzi u mit-tul tas-self, u min-naħa l-oħra, li l-perijodu hekk stabbilit jista’ jilħaq l-għaxar snin, jew jekk ikun iqsar, it-tul tal-kuntratt.

28.      Fit-tieni lok, din it-tweġiba tiddependi mill-punt dwar jekk, minn naħa, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2007/64, li dakinhar kien applikabbli u li issa jinsab riprodott fl-Artikolu 55 tad-Direttiva 2015/2366, u l-Artikoli 9 sa 14 tad-Direttiva 2014/92, dwar l-iffaċilitar tal-mobbiltà bankarja u l-ispejjeż tal-għeluq ta’ kont ta’ pagament, jipprekludux li l-għeluq ta’ kont miftuħ mill-persuna li tissellef mal-persuna li ssellef sabiex tiddepożita fih id-dħul tagħha bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu jimplika, li jekk dan iseħħ qabel l-iskadenza tal-perijodu stabbilit f’dan il-kuntratt, it-telf ta’ dan il-vantaġġ, inkluż jekk jingħalaq iktar minn sena wara l-ftuħ tal-kont, u min-naħa l-oħra, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux li t-tul ta’ dan il-perijodu jilħaq l-għaxar snin jew it-tul kollu tal-kreditu, jekk dan ikun ta’ inqas minn għaxar snin.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Diċembru 2018, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemha u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1) L-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva [2014/17] fid-dawl tal-finalità li dan l-artikolu jagħti lill-kont ta’ pagament jew ta’ tfaddil li l-istess artikolu jawtorizza l-ftuħ jew iż-żamma tiegħu, jew l-Artikolu 12(3) tal-istess direttiva jawtorizzaw, minn naħa, lill-persuna li ssellef tobbliga lill-persuna li tissellef, bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat, tiddepożita d-dħul kollu tagħha minn salarji jew simili f’kont ta’ pagament għal perijodu ddeterminat fil-kuntratt ta’ self, irrispettivament mill-ammont, mill-iskadenzi u mit-tul tas-self u, min-naħa l-oħra, li l-perijodu ddeterminat b’dan il-mod jista’ jilħaq l-għaxar snin jew, f’każ li jkun iqsar, it-tul tal-kuntratt?

2)      L-Artikolu 45 tad-Direttiva [2007/64], li kien applikabbli u li issa jinsab riprodott fl-Artikolu 55 tad-Direttiva [2015/2366] u l-Artikoli 9 sa 14 tad-Direttiva [2014/92], dwar l-iffaċilitar tal-mobbiltà bankarja u dwar l-ispejjeż sabiex jingħalaq kont ta’ pagament, jipprekludu li l-għeluq ta’ kont miftuħ mill-persuna li tissellef mal-persuna li ssellef sabiex tiddepożita fih id-dħul tagħha bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu jimplika, jekk jingħalaq qabel l-iskadenza tal-perijodu ffissat f’dan il-kuntratt, it-telf ta’ dan il-vantaġġ, inkluż jekk jingħalaq iktar minn sena wara l-ftuħ tal-kont u, min-naħa l-oħra, dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludu li t-tul ta’ dan il-perijodu jista’ jilħaq l-għaxar snin jew it-tul totali tal-kreditu?”

30.      Il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ċek kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni dehru waqt is-seduta għat-trattazzjoni li nżammet fit‑18 ta’ Diċembru 2019.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2)(a) u (3) tad-Direttiva 2014/17 (l-ewwel domanda)

31.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17 jew l-Artikolu 12(3) ta’ din l-istess direttiva, jawtorizzawx leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti persuna li ssellef timponi fuq il-persuna li tissellef, bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat, id-depożitu tad-dħul kollu tagħha mis-salarju jew simili f’kont ta’ pagament matul perijodu stabbilit mill-kuntratt ta’ self, irrispettivament mill-ammont, mill-iskadenzi u mit-tul tas-self, u li tippermetti li t-tul hekk stabbilit jista’ jilħaq l-għaxar snin, jew jekk ikun iqsar, it-tul tal-kuntratt.

32.      Id-Direttiva 2014/17 tistabbilixxi qafas komuni għal ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw il-kuntratti li jkopru l-kreditu għall-konsumaturi ggarantit b’ipoteka jew b’mod ieħor rigward proprjetà immobbli residenzjali (10), u hija intiża sabiex tiżgura li l-konsumaturi li jidħlu f’kuntratti ta’ kreditu relatati ma’ proprjetà immobbli jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni (11).

33.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/17 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw prattika ta’ abbinar iżda jipprojbixxu prattika ta’ rbit (12).

34.      Minkejja li l-prattika ta’ rbit hija pprojbita, l-Artikolu 12(2)(a) u (3) tad-Direttiva 2014/17 jawtorizzawha, madankollu taħt ċerti kundizzjonijiet. Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taqa’ taħt waħda minn dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet.

35.      F’dan ir-rigward, ninnota qabel kollox, li d-Direttiva 2014/17 tapplika għas-sitwazzjonijiet imsemmija minn leġiżlazzjoni dwar self ipotekarju bħal-leġiżlazzjoni kontenzjuża fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva, hija tapplika għal kuntratti ta’ kreditu intiżi sabiex jippermettu l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat.

36.      Imbagħad, nirrileva li d-domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti prattika ta’ rbit, peress li l-eċċezzjonijiet previżti fl-Artikolu 12(2)(a) u (3) tad-Direttiva 2014/17 jirrigwardaw biss il-prattika ta’ rbit.

37.      Issa, il-Gvern Franċiż jargumenta li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tirrigwarda l-prattika ta’ abbinar fis-sens tad-Direttiva 2014/17, u mhux il-prattika ta’ rbit, u għalhekk li din l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija awtorizzata skont l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva. L-imsemmi Gvern jallega li l-persuna li ssellef għandha l-obbligu li tipproponi lill-konsumatur f’daqqa krediti ipotekarji flimkien ma’ klawżola ta’ depożitu bankarju, bħala korrispettiv ta’ vantaġġ individwalizzat li jista’ jikkonsisti, pereżempju, f’rata ta’ interessi preferenzjali, fit-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-amministrazzjoni tal-kont ta’ pagament jew tal-ispejjeż tal-kard bankarja, u krediti ipotekarji mingħajr klawżola ta’ depożitu bankarju. Fi kliem ieħor, il-kreditu ipotekarju u l-kont ta’ pagament jistgħu jinxtraw separatament (13).

38.      Mistoqsi dwar dan il-punt, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) sostna, bi tweġiba għat-talba għall-kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja (14), li l-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà, prevista mill-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum, li s-self jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni ta’ depożitu tad-dħul f’kont miftuħ mal-persuna li ssellef għandhiex tiġi interpretata bħala li tippermetti prattika ta’ rbit jew prattika ta’ abbinar fis-sens tad-Direttiva 2014/17 hija kwistjoni “li għandha tiġi deċiża mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari” u li “din hija kwistjoni diffiċli, peress li sallum għadha qatt ma ġiet trattata mill-ġurisprudenza, inkluż dik tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-kunċetti ta’ prattika ta’ rbit u ta’ prattika ta’ abbinar fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li taqa’ taħt il-qorti nazzjonali, ikkunsidrata r-realtà konkreta tal-prattiki osservati”.

39.      Għalhekk jidher li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandu dubji dwar il-portata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (15).

40.      F’dan ir-rigward, nenfasizza l-effett tal-portata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari.

41.      Fil-fatt, preżunt li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda prattika ta’ rbit fis-sens tad-Direttiva 2014/17, din il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun awtorizzata biss, skont din id-direttiva, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li din tipprevedi fl-Artikolu 12(2)(a) jew fl-Artikolu 12(3) tagħha. F’tali sitwazzjoni, żgur li għandha tiġi vverifikata l-applikabbiltà ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Mill-banda l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna prattika ta’ abbinar fis-sens tal-punt 27 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, din il-leġiżlazzjoni tkun għalhekk awtorizzata bħala tali skont l-Artikolu 12(1) ta’ din l-istess direttiva (16) li nfakkar, jippermetti l-prattika ta’ abbinar (17).

42.      Ser neżamina iktar ’il quddiem l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17 (Sezzjoni 1) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din l-istess direttiva (Sezzjoni 2) preżunt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti prattika ta’ rbit fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva (18).

1.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17

43.      Sa fejn naf jien, l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17 għadu ma kienx l-oġġett ta’ evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (19).

44.      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-persuni li jsellfu li jitolbu lill-konsumaturi jiftħu jew iżommu kont ta’ pagament jew ta’ tfaddil, li l-uniku skop tiegħu huwa li jiġi akkumulat il-kapital sabiex jiġi żgurat il-ħlas lura tal-kreditu prinċipali u tal-interessi tas-self, sabiex jinġabru riżorsi sabiex jinkiseb il-kreditu, jew sabiex jingħataw garanziji addizzjonali lill-persuna li ssellef f’każ ta’ inadempjenza.

45.      F’dan il-każ, għandu konsegwentement jiġi vverifikat jekk il-kont ta’ pagament previst fl-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum huwiex intiż għall-wieħed minn dawn it-tliet skopijiet alternattivi, u jekk ikun il-każ, jekk dan huwiex ukoll l-uniku skop tiegħu fis-sens tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17.

46.      Kif ser nesponi, inqis li dan ma huwiex il-każ: minn naħa, għandi dubji dwar il-konformità tal-għan tal-kont ta’ pagament previst fl-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum mal-iskopijiet tal-kont awtorizzati mill-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17 (Sezzjoni a). Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta, fi kwalunkwe każ, li l-kont ta’ pagament previst fl-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum għandu funzjonijiet oħra minbarra dawk awtorizzati mill-Artikolu 12(2)(a) tal-imsemmija direttiva, li fil-fehma tiegħi, jostakola l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni (Sezzjoni b).

a)      Fuq l-iskop tal-kont ta’ pagament inkwistjoni fil-kawża prinċipali

47.      Fir-rigward tal-iskop tal-kont ta’ pagament fis-sens tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum, fid-dawl tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li l-partijiet ikkonċernati għandhom opinjonijiet diverġenti.

48.      Fil-fatt, qabel kollox nikkonstata, li waqt is-seduta l-Gvern Franċiż irrileva sussidjarjament (20), li billi tippermetti li tiġi imposta fuq il-konsumatur klawżola ta’ depożitu tad-dħul tiegħu f’kont ta’ pagament miftuħ mal-persuna li ssellef, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tagħmel xejn iktar milli tawtorizza lill-persuna li ssellef titlob il-ftuħ ta’ kont li l-uniku skop tiegħu huwa li hija tikseb garanziji supplimentari f’każ ta’ inadempjenza. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-aħħar skop mit-tlieta previsti fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17.

49.      Imbagħad, infakkar li l-qorti tar-rinviju speċifikat li l-kunċett ta’ “kont ta’ pagament” fis-sens tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum ma huwiex limitat għall-kontijiet ta’ pagament intiżi esklużivament għar-rimbors ta’ kreditu ipotekarju, iżda jinkludi wkoll il-kontijiet użati mill-persuni li jissellfu sabiex iwettqu tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ kuljum bħall-ħlas, it-trasferiment u l-irtirar ta’ fondi (21).

50.      Għalhekk, din il-preċiżjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju tagħti x’jifhem li l-kont ta’ pagament fis-sens tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum huwa intiż sabiex jilħaq diversi għanijiet, li minnhom wieħed biss huwa previst fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17, jiġifieri l-akkumulazzjoni tal-kapital sabiex tiżgura r-rimbors tas-self.

51.      Finalment, nirrileva li l-Kummissjoni enfasizzat li l-għan tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum u tal-ikkundizzjonar tal-offerta tad-depożitu tad-dħul tal-persuna li tissellef huwa li l-persuna li tissellef tiġi protetta minn klawżoli abbużivi ta’ depożitu tad-dħul fil-qasam tal-kreditu ipotekarju skont ir-rakkomandazzjoni ta’ kummissjoni nazzjonali ta’ klawżoli abbużivi li qieset li tali klawżoli jistgħu jidhru sproporzjonati, jekk dan l-obbligu ma jkunx akkumpanjat minn ebda korrispettiv individwalizzat.

52.      Permezz ta’ din ir-rimarka, il-Kummissjoni donnha tissuġġerixxi li l-kont ta’ pagament fis-sens tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum għandu skop ieħor minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17 (22).

53.      B’hekk, nistaqsi fi kwalunkwe każ dwar kif il-kont ta’ pagament, fis-sens tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum, jista’ jkun intiż għal wieħed mill-iskopijiet previsti fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17, filwaqt li jista’ jintuża mill-persuni li jissellfu sabiex iwettqu tranżazzjonijiet ta’ pagament, inkluż l-irtirar ta’ fondi, kif kien speċifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, sa fejn il-persuni li jissellfu jkollhom b’mod sħiħ kont ta’ pagament, jiġifieri mingħajr restrizzjonijiet partikolari, id-depożitu tad-dħul tagħhom f’tali kont ma jipprevedi ebda garanzija għall-persuni li jsellfu fir-rigward tar-rimbors tas-self marbut ma’ dan il-kont.

54.      Din l-osservazzjoni twassal għar-rekwiżit li l-kont ikollu biss skop wieħed fis-sens tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17.

b)      Fuq ir-rekwiżit tal-“unika raġuni [skop]” fis-sens tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17

55.      Il-fatt li l-persuni li jissellfu jistgħu jużaw il-kont ta’ pagament fis-sens tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum sabiex iwettqu tranżazzjonijiet ta’ pagament jostakola l-applikabbiltà tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17, li jirrikjedi li tali kont ikollu bħala uniku skop wieħed mit-tliet għanijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni?

56.      Interpretazzjoni litterali, teleoloġika kif ukoll kuntestwali tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17 iwassalni sabiex bħall-Kummissjoni, nikkunsidra, li dan huwa l-każ.

57.      Fil-fatt, qabel kollox, il-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2)(a) ta’ din id-direttva tirrikjedi li l-uniku skop tal-kont ikun wieħed mit-tliet għanijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

58.      F’dan ir-rigward, mill-kliem użati għall-formulazzjoni tal-ewwel żewġ skopijiet jirriżulta b’mod ċar li l-kont ta’ pagament jista’ jintuża biss sabiex jiġu akkumulati jew jinġabru riżorsi, u dan jeskludi l-irtirar ta’ fondi u t-twettiq ta’ tranżazzjonijiet. L-aħħar skop imsemmi fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17 jimplika esklużjoni analoga, sa fejn isemmi l-“garanzija […] f’każ ta’ inadempjenza” għall-persuni li jsellfu. Min-natura tiegħu, kont li jservi ta’ garanzija f’każ ta’ inadempjenza ma jistax jintuża mill-persuni li jissellfu għall-finijiet oħra.

59.      Kif esponejt fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn dan isegwi li l-użu tal-kont ta’ pagament sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet ta’ pagament jirriskja li jikkomprometti l-iskopijiet tal-kont ta’ pagament previsti fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17, li jiġġustifika l-eċċezzjoni tal-projbizzjoni tal-prattika ta’ rbit.

60.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 24 u 25 tad-Direttiva 2014/17, il-prattika ta’ rbit tippreġudika l-mobbiltà tal-konsumaturi u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu għażliet infurmati. Din hija r-raġuni għaliex din id-direttiva tipprojbixxi l-prattika ta’ rbit b’mod ġenerali u tippermettiha biss f’ċerti sitwazzjonijiet iddefinti sew il-leġiżlatur Ewropew qies li tali riskju ma huwiex preżenti. Issa, l-awtorizzazzjoni ta’ użi oħra tal-kont ta’ pagament, bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrendi possibbli preġudizzju tal-għan tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17.

61.      Għalhekk ma nistax naqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż li waqt is-seduta rrileva, li l-fatt li jiġi esklużi ċertu użi tal-kont, bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iwassal għar-restrizzjoni mingħajr raġuni mill-persuna li ssellef tal-użu tal-kont ta’ pagament mill-konsumatur bi ksur tal-interessi proprji tiegħu.

62.      F’dan ir-rigward, nenfasizza li mill-interpretazzjoni li jiena nipproponi jirriżulta fil-prattika li l-persuni li jsellfu għandhom jillimitaw id-dħul li jiġi ddepożitat fil-kont ta’ pagament għal parti mid-dħul korrispondenti għall-ammonti neċessarji għar-rimbors tas-self, għall-kisba tal-kreditu jew sabiex il-persuna li ssellef ikollha garanzija supplimentari f’każ ta’ inadempjenza. Din ir-restrizzjoni hija ta’ benefiċċju għall-mobbiltà bankarja tal-konsumaturi, peress li tippermettilhom iqiegħdu l-bqija tad-dħul tagħhom fi stabbilimenti ta’ kreditu differenti minn dawk tal-persuna li ssellef il-kreditu ipotekarju.

63.      Finalment, l-interpretazzjoni li jiena nipproponi hija kkorroborata minn interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17.

64.      Fil-fatt, infakkar, minn naħa, li l-Artikolu 12(2)(a) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-prattika ta’ rbit prevista fl-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva, u li għalhekk, għandu jingħata interpretazzjoni stretta (23).

65.      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li jiena nipproponi hija sostnuta mir-rabta ta’ bejn id-Direttiva 2014/17 u d-Direttiva 2014/92 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

66.      Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, sa fejn kont ta’ pagament ikun jista’ jintuża għall-irtirar ta’ fondi, dan il-kont ikun suġġett għar-regoli tad-Direttiva 2014/92 dwar il-bdil tal-kont. Mill-banda l-oħra, kont intiż esklużivament għar-rimbors ta’ self huwa eskluż espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni (24), nippreżumi, għar-raġuni li tali kont jista’ jiġi awtorizzat bħala prattika ta’ rbit skont l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17.

67.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tippermetti prattika ta’ rbit fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

2.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/17

68.      Min-naħa tiegħu l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/17 jirrikjedi li l-persuna li ssellef tista’ turi lill-awtorità kompetenti li l-prattika ta’ rbit għandha vantaġġi ċari għall-konsumatur. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-mod li bih għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ: waqt din l-evalwazzjoni, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lid-disponibbiltà u l-prezz tal-prodotti inkwistjoni proposti fis-suq.

69.      F’dan ir-rigward, nirrileva li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva ma tirrikjedix neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali ta’ din id-dispożizzjoni f’regola legali espressa u speċifika u tista’ tiġi ssodisfatta minn kuntest ġuridiku ġenerali. Madankollu, din għandha tiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. Fil-fatt, kull Stat Membru għandu jeżegwixxi d-direttivi b’mod li jissodisfa totalment ir-rekwiżiti ta’ kjarezza u ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi imposti mil-leġiżlatur Ewropew, fl-interess tal-persuni kkonċernati stabbiliti fl-Istati Membri. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’forza vinkolanti inkontestabbli, kif ukoll bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u l-kjarezza rikjesti (25).

70.      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, nikkonstata li minnha ma jirriżultax li għandu jiġi evalwat il-vantaġġ individwalizzat fir-rigward tad-disponibbiltà u tal-prezz tal-prodotti l-oħra proposti fis-suq. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż jirriżulta li l-klawżola ta’ depożitu bankarju inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju hija kwistjoni tan-negozjar liberu bejn il-persuna li ssellef u l-konsumatur.

71.      Minn din il-perspettiva, inqis, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li din il-leġiżlazzjoni ma tiżgurax l-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u l-kjarezza meħtieġa li l-vantaġġ individwalizzat għandu vantaġġi ċari għall-konsumatur vis-à-vis tal-prezz ta’ prodotti oħra proposti fis-suq (26). Barra minn hekk, huwa l-każ li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/17 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-prattika ta’ rbit, u għalhekk, għandu jingħata interpretazzjoni stretta (27).

72.      Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa lanqas ma jawtorizza leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tippermetti prattika ta’ rbit fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

B.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64, tal-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2015/2366 u tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/92 (it-tieni domanda)

73.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, minn naħa, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2007/64 u l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2015/2366, li ssostitwixxa din l-ewwel dispożizzjoni sa mit‑13 ta’ Jannar 2018, u min-naħa l-oħra l-Artikoli 9 sa 14 tad-Direttiva 2014/92, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li l-għeluq ta’ kont miftuħ mill-persuna li tissellef mal-persuna li ssellef sabiex tiddepożita fih id-dħul tagħha bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu jimplika, jekk jingħalaq qabel l-iskadenza tal-perijodu ffissat f’dan il-kuntratt, it-telf ta’ dan il-vantaġġ, inkluż jekk jingħalaq iktar minn sena wara l-ftuħ tal-kont u jekk it-tul ta’ dan il-perijodu jista’ jilħaq l-għaxar snin jew it-tul totali tal-kreditu.

74.      Il-qorti tar-rinviju ma speċifikatx liema aspetti tad-dispożizzjonijiet fuq imsemmija wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tagħhom.

75.      Meta wieħed josserva l-formulazzjoni tad-domanda preliminari, wieħed jikkonstata madankollu, minn naħa, li huwa speċifikat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati jirrigwardaw “l-ispejjeż sabiex jingħalaq kont ta’ pagament” u li huwa indikat, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-telf ta’ vantaġġ individwalizzat f’każ ta’ għeluq ta’ kont.

76.      Għalhekk jiena nifhem id-domanda preliminari fis-sens li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, essenzjalment, dwar jekk tali telf tal-vantaġġ individwalizzat jirrappreżentax l-ispejjeż tal-għeluq ta’ kont ta’ pagament fis-sens tad-Direttivi 2007/64, 2015/2366 u 2014/92, u jekk ikun il-każ, jekk il-modalitajiet ta’ dan it-telf jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward minn dawn id-direttivi.

77.      Għal din ir-raġuni, anki jekk id-domanda preliminari, kif ifformulata, tirrigwarda l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2007/64 u l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2015/2366 kollha, kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 9 sa 14 tad-Direttiva 2014/92, jiena nifhimha fis-sens li tirrigwarda, fir-realtà, l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64, issostitwit bl-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2015/2366, kif ukoll l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/92 li jirrigwardaw l-ispejjeż tal-għeluq ta’ kont ta’ pagament.

78.      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija mid-domanda preliminari.

79.      F’dan ir-rigward, nosserva li, kuntrarjament għall-ewwel domanda preliminari magħmula li hija bbażata fuq il-premessa li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti prattika ta’ rbit fis-sens tad-Direttiva 2014/17 (28), it-tieni domanda ma tindikax bl-istess kjarezza jekk din id-domanda hijiex ibbażata wkoll fuq din il-premessa. Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tat-tieni domanda, jidhirli li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkonċerna prattika ta’ abbinar fis-sens tad-Direttiva 2014/17 (29). Huwa għalhekk minn dan l-angolu li se neżamina t-tieni domanda preliminari (30).

80.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-Direttiva 2007/64 li tarmonizza s-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern, jidhirli li hija applikabbli f’dan il-każ (31).

81.      L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2007/64 jifforma parti mill-Kapitolu 3 ta’ din id-direttiva intitolat “Kuntratti qafas”, applikabbli għal tranżazzjonijiet ta’ pagament koperti minn kuntratt qafas (32).

82.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 45, intitolat “Terminazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li l-utent ta’ servizzi ta’ pagament jista’ jtemm il-kuntratt qafas fi kwalunkwe ħin, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu fuq perijodu ta’ avviż minn qabel, li ma jistax jeċċedi xahar. Il-paragrafu 2 iżid li t-terminazzjoni ta’ tali kuntratt, li jkun konkluż għal perijodu fiss ta’ iktar minn tnax-il xahar jew għal perijodu indefinit, għandu jkun bla ħlas għall-utent wara l-iskadenza ta’ tnax-il xahar. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tal-klijenti (33).

83.      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm tippermetti prattika ta’ abbinar fis-sens tad-Direttiva 2014/17, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ vantaġġ individwalizzat relattiv għall-kisba ta’ self.

84.      Għalhekk, it-telf tal-vantaġġ huwa r-riżultat tal-applikazzjoni ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ self miftehma bejn il-partijiet, li tissuġġetta l-għoti ta’ dan il-vantaġġ għad-depożitu mill-persuna li tissellef tas-salarji jew dħul tagħha.

85.      Kif jargumentaw f’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż u dak Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni, it-telf ta’ dan il-vantaġġ huwa biss il-konsegwenza tat-terminazzjoni tad-depożitu tad-dħul, u għalhekk ma jirrappreżentax l-ispejjeż għat-terminazzjoni ta’ kuntratt qafas fis-sens tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64.

86.      L-osservazzjonijiet esposti iktar ’il fuq huma validi wkoll għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2015/2366, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, huwa identiku għal dak tad-Direttiva 2007/64 (34); peress li din id-dispożizzjoni hija identika għal dik tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64, ħlief għall-perijodu previst li tnaqqas minn tnax għal sitt xhur.

87.      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-Direttiva 2014/92, hija żżid mad-Direttivi 2007/64 u 2015/2366 peress li tistabbilixxi, regoli li jirrigwardaw il-bdil tal-kont ta’ pagament fi Stat Membru u regoli intiżi sabiex jiffaċilitaw il-ftuħ transkonfinali tal-kont ta’ pagament għall-konsumaturi (35).

88.      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/92, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi eventwali, applikati mill-fornitur tas-servizzi ta’ pagament fuq il-konsumatur għall-għeluq ta’ kont ta’ pagament jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64 u mal-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2015/2366 (36).

89.      Fir-rigward tad-Direttiva 2014/92, hija tapplika għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 1(6), interpretata fid-dawl tal-premessa 12 tagħha (37).

90.      Għalhekk, fid-dawl tal-osservazzjonijiet esposti iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2014/92 u tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64, bilfors għandu jiġi kkonstatat li t-telf tal-vantaġġ ma jirrappreżentax l-ispejjeż tal-għeluq tal-kont ta’ pagament fis-sens tad-Direttiva 2014/92.

91.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64, l-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2015/2366, kif ukoll l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/92, ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fid-domanda preliminari.

V.      Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

1)      L-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti prattika ta’ rbit fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li tipprevedi li l-persuna li ssellef tista’ timponi fuq il-persuna li tissellef, bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat, id-depożitu tad-dħul tagħha kollu mis-salarju jew simili f’kont ta’ pagament matul perijodu stabbilit mill-kuntratt ta’ self, sa fejn dan il-kont ikun jista’ jintuża mill-persuna li tissellef sabiex twettaq tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ kuljum bħall-ħlas, it-trasferiment u l-irtirar ta’ fondi.

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti prattika ta’ rbit fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tiżgurax, minn naħa, li l-prattika ta’ rbit tippreżenta vantaġġi evidenti għall-konsumatur, u min-naħa l-oħra lanqas li din l-evalwazzjoni ssir billi tingħata kunsiderazzjoni xierqa lid-disponibbiltà u l-prezz tal-prodotti inkwistjoni proposti fis-suq.

2)      L-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, l-Artikolu 55(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE kif ukoll l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li l-għeluq ta’ kont miftuħ mill-persuna li tissellef mal-persuna li ssellef sabiex tiddepożita fih id-dħul tagħha bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu jimplika, jekk jingħalaq qabel l-iskadenza tal-perijodu ffissat f’dan il-kuntratt, it-telf ta’ dan il-vantaġġ, inkluż jekk jingħalaq iktar minn sena wara l-ftuħ tal-kont u li tipprevedi li t-tul ta’ dan il-perijodu jista’ jilħaq l-għaxar snin jew it-tul totali tal-kreditu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11).


3      Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/CE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).


4      Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97).


5      Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014, L 257, p. 214).


6      Skont l-Artikolu 114 tad-Direttiva 2015/2366, kwalunkwe riferiment għad-Direttiva 2007/64 għandha tinftiehem bħala riferiment għad-Direttiva 2015/2366. Għalhekk, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/92 jirreferi, sa mit‑13 ta’ Jannar 2018, għall-Artikolu 55(2), (4) u (6) tad-Direttiva 2015/2366, li ssostitwixxa l-Artikolu 45(2), (4) u (6) tad-Direttiva 2007/64.


7      L. 312‑1‑2 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, iċċitat fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jinkludi essenzjalment, projbizzjoni tal-prattika ta’ rbit fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17, u awtorizzazzjoni tal-prattika ta’ abbinar fis-sens tal-punt 27 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva. Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8      Tweġiba tat‑23 ta’ Ottubru 2019 għat-talba għall-kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Settembru 2019.


9      Fit-tweġiba tagħha għat-talba għall-kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-Digriet Nru 2017‑1090, tal-1 ta’ Ġunju 2017, tħassar bil-paragrafu XV tal-Artikolu 206 tal-loi no 2019‑486, du 22 mai 2019, relative à la croissance et à la transformation des entreprises (il-Liġi Nru 2019‑486, tat‑22 ta’ Mejju 2019, dwar it-Tkabbir u t-Trasformazzjoni tal-Impriżi), iżda xorta jibqa’ l-fatt li d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien applikat, u għalhekk id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu rilevanti.


10      Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/17.


11      Premessa 15 tad-Direttiva 2014/17.


12      Il-kunċett ta’ “prattika ta’ rbit” u dak ta’ “prattika ta’ abbinar” huma ddefiniti rispettivament fil-punti 26 u 27 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17, ara dawn id-definizzjonijiet fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Minkejja li l-portata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha ssir mill-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Mayeur C‑175/99, EU:C:2000:505, punt 22; tal‑1 ta’ Ġunju 2006, innoventif C‑453/04, EU:C:2006:361, punt 29, kif ukoll tat‑8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerdin C‑447/08 u C‑448/08, EU:C:2010:415, punt 54), fid-dawl tal-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, nistqarr madankollu li l-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż tidher konvinċenti. B’mod partikolari, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum jirriżulta li l-istabbilimenti ta’ kreditu jistgħu jikkundizzjonaw l-offerta ta’ self għad-depożitu mill-persuna li tissellef tas-salarji tagħha jew tad-dħul simili f’kont ta’ pagament bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat. F’dan ir-rigward, nirrileva li peress li d-depożitu tad-dħul, u għalhekk, il-kont ta’ pagament, ma huwiex kundizzjoni għall-kisba tas-self bħala tali, iżda sempliċement għall-kisba ta’ vantaġġ individwalizzat, din tirrigwarda, fil-fehma tiegħi, prattika ta’ abbinar fis-sens tal-punt 27 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17. Fil-fatt, f’dan il-każ, is-self jirrappreżenta l-kuntratt ta’ kreditu, filwaqt li l-kont ta’ pagament jirrappreżenta l-prodott finanzjarju l-ieħor fis-sens tal-punt 27 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17, u bħala korrispettiv tad-depożitu tad-dħul, il-kuntratt ta’ kreditu huwa propost “taħt kundizzjonijiet oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri fil-forma ta’ vantaġġ individwalizzat.


14      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      F’dan il-kuntest, nippreċiża, l-ewwel nett, li mit-tweġiba għat-talba għall-kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar dan il-punt minkejja l-fatt li l-kuntest legali nazzjonali, li fuqu huwa bbażat id-digriet ikkontestat, jiġifieri l-Artikolu 67 tal-Liġi 2016-1691, tad‑9 ta’ Diċembru 2016 dwar it-Trasparenza, il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Immodernizzar tal-Ħajja Ekonomika, jirrikjedi l-osservanza tal-Artikolu L. 312‑1‑2 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, li skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jawtorizza l-prattika ta’ abbinar fis-sens tal-punt 27 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17, u jipprojbixxi l-prattika ta’ rbit fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, nikkonstata, it-tieni nett, li d-dubji tal-qorti tar-rinviju relattivi għall-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali donnhom jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-fatt li huwa possibbli li l-istabbilimenti ta’ kreditu jikkundizzjonaw, fil-prattika, il-kisba ta’ self għal klawżola ta’ depożitu bankarju, u għalhekk, għall-kisba ta’ kont ta’ pagament, li jikkostitwixxi prattika ta’ rbit. Fil-fatt, fit-tweġiba għat-talba għall-kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), filwaqt li jirreferi għar-rapport ta’ Jannar tal-2019 dwar id-depożitu tad-dħul stabbilit mill-President tal-Kumitat Konsultattiv tas-Settur Finanzjarju fuq talba tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, jiċċita żewġ partijiet ikkonċernati li għandhom opinjoni fis-sens: ir-rappreżentanti tal-intermedjarji jqisu li “fir-realtà, il-korrispettiv ma huwiex korrispettiv, għaliex il-każijiet osservati llum jimmaterjalizzaw permezz tat-tabellar tal-matriċi ta’ rata standard imsejħa ‘b’depożitu’, u ż-żieda ta’ matriċi ġdida ferm iktar dgħajfa, imsejħa ‘mingħajr depożitu’ jew ta’ primjum ferm punittiv”. Bl-istess mod, ir-rappreżentanti tal-klijenti individwali jsostnu li “l-ftuħ ta’ kont bankarju kif ukoll is-sottoskrizzjoni għall-prodotti diversi (pakkett, assigurazzjoni ta’ vetturi u akkomodazzjoni) huma ħafna drabi kundizzjoni preliminari għall-għoti ta’ kreditu ipotekarju”. Inżied li, mill-banda l-oħra, l-istabbilimenti ta’ kreditu jindikaw li l-klijent dejjem jista’ jagħżel li ma jiddepożitax id-dħul tiegħu u għalhekk li ma jibbenefikax mill-vantaġġ individwalizzat. Fil-fehma tiegħi, għandha madankollu ssir distinzjoni tal-kwistjoni tan-nuqqas ta’ osservanza eventwali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-istabbilimenti ta’ kreditu minn dik tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni bħala tali mad-dritt tal-Unjoni.


16      Madankollu, ninnota li waqt is-seduta l-Kummissjoni enfasizzat li l-premessa 24 tad-Direttiva 2014/17 tinkludi preċiżjoni fir-rigward tal-portata tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/17 tal-prattika ta’ abbinar. Din il-premessa tispeċifika li ma għandhiex tiġi ristretta l-prattika ta’ abbinar ta’ prodotti, li tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, iżda li l-Istati Membri għandhom madankollu jkomplu jissorveljaw mill-qrib is-swieq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur sabiex ikun żgurat li l-prattiċi ta’ abbinar ta’ prodotti ma joħolqux distorsjoni fl-għażla għall-konsumatur u l-kompetizzjoni fis-suq. Konsegwentement, l-awtorizzazzjoni ta’ tali prattika għandha dejjem issir fl-interess tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni libera u l-leġiżlatur għandu, f’dan il-kuntest, jipprevjeni sitwazzjonijiet kuntrarji għall-interessi tiegħu.


17      Peress li minħabba f’hekk, id-domanda preliminari tkun irrilevanti, nenfasizza, sabiex inkun eżawrjenti, li d-domanda magħmula hija madankollu ammissibbli. Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fatt li l-klassifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala prattika ta’ rbit ma tistax tiġi eskluża, għandu jiġi kkunsidrat li r-risposta għad-domanda magħmula hija utli għall-qorti tar-rinviju sabiex issolvi l-kawża prinċipali, u għalhekk, li d-domanda hija ammissibbli. Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punti 11 u 12); tas‑7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC (C‑439/08, EU:C:2010:739, punti 44 sa 48) kif ukoll tat-2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds (C‑598/17, EU:C:2019:352, punti 34 sa 40).


18      Konformement mad-definizzjoni tal-prattika ta’ rbit fil-punt 26 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17, din timplika li l-kuntratt ta’ kreditu ma jiġix propost lill-konsumatur separatament mill-kont ta’ pagament u għalhekk li l-obbligu tad-depożitu tad-dħul f’dan il-kont hija kundizzjoni għall-kisba tal-kreditu stess.


19      Ninnota li d-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/17 ma kinitx tagħmel parti mill-proposta tad-direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni (COM (2011) 142 final), iżda ġiet inkluża waqt l-ewwel qari tal-Parlament Ewropew.


20      Infakkar li l-Gvern Franċiż argumenta, prinċipalment, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti prattika ta’ abbinar (ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


21      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      F’dan ir-rigward, ninnota wkoll li mir-rapport ta’ Jannar tal-2019 dwar id-depożitu tad-dħul stabbilit mill-President tal-Kumitat Konsultattiv tas-Settur Finanzjarju fuq talba tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, li għalih il-qorti tar-rinviju tirreferi fit-tweġiba għat-talba għall-kjarifiki, jirriżulta li “[b]’mod partikolari, id-depożitu tad-dħul jista’ jikkostitwixxi garanzija addizzjonali utli waqt l-eżemi tat-talba għas-self”. Din ir-rimarka ma tippermettix li jinġibdu konklużjonijiet dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex intiża għal wieħed mill-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/17.


23      Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 77).


24      Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2014/92 moqri flimkien mal-premessa 12 ta’ din id-direttiva.


25      Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, SALIX Grundstücks-Vermietungsgesellschaft (C‑102/08, EU:C:2009:345, punti 40 sa 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Nenfasizza li din il-ġurisprudenza tapplika wkoll fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ deroga fakultattiva, bħall-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/17. Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et (C‑227/09, EU:C:2010:624, punt 55).


26      Il-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikjedi li l-offerta tippermetti li jiġi identifikat il-vantaġġ individwalizzat billi jissemmew il-kundizzjonijiet, ir-rati u oħrajn, li fir-rigward tagħhom hija tiġi stabbilita, u li ser jiġu applikati mill-persuna li ssellef jekk ir-rekwiżit ta’ depożitu ma jibqax osservat mill-persuna li tissellef (L. 313‑25 tal-Kodiċi tal-Konsum) ma jistax jikkontesta din il-konstatazzjoni.


27      Ara f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konlużjonijiet.


28      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Fil-fatt, sa fejn l-għeluq ta’ kont miftuħ mill-persuna li tissellef mal-persuna li ssellef sabiex iqiegħed id-dħul tiegħu hemmhekk bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat iwassal biss għat-telf ta’ dan il-vantaġġ, dan huwa, fil-fehma tiegħi, prattika ta’ abbinar fis-sens tad-Direttiva 2014/17, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Barra minn hekk, peress li jirriżulta mir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija pprojbita skont id-Direttiva 2014/17, sa fejn dan ir-regolament jippermetti prattika ta’ abbinar fis-sens tal-imsemmija direttiva, huwa wkoll superfluwu li tiġi eżaminata wkoll l-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni domanda preliminari.


31      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/64, l-imsemmija direttiva tapplika għas-“servizzi ta’ ħlas” ipprovduti fl-Unjoni Ewropea. Il-kunċett ta’ “servizzi ta’ ħlas” huwa ddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 4 bħala kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness. Il-punt 1 tal-Anness isemmi “[s]ervizzi li jippermettu li flus kontanti jiġu mqiegħda f’kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont tal-ħlas”.


32      Artikolu 40 tad-Direttiva 2007/64. Kuntratt qafas huwa ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva bħala kuntratt ta’ servizzi ta’ pagament li jirregola l-eżekuzzjoni futura ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament individwali u suċċessivi u li jista’ jkollhom l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont ta’ pagament.


33      Ara l-premessa 29 tad-Direttiva 2007/64.


34      Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/2366, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Artikolu 4 u l-Anness ta’ din id-direttiva.


35      Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2014/92 u l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.


36      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Fil-fatt, infakkar li l-kunċett ta’ “kont ta’ pagament” fis-sens tal-Artikolu L. 313‑25‑1 tal-Kodiċi tal-Konsum jinkludi wkoll il-kontijiet użati mill-persuni li jissellfu sabiex iwettqu tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ kuljum. F’dan ir-rigward, il-premessa 12 tad-Direttiva 2014/92, iċċitata fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva previżt fl-Artikolu 1(6). Minn din l-ispeċifikazzjoni, jirriżulta essenzjalment li d-Direttiva tapplika għal kont ta’ pagament intiż esklużivament għar-rimbors ta’ kreditu ipotekarju, meta dan il-kont jintuża wkoll għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ kuljum.