Language of document : ECLI:EU:C:2020:65

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

31 ta’ Jannar 2020 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 259 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Determinazzjoni tal-fruntiera komuni bejn żewġ Stati Membri – Tilwima dwar il-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tas-Slovenja – Ftehim ta’ Arbitraġġ – Proċedura ta’ arbitraġġ – Notifika mir-Repubblika tal-Kroazja tad-deċiżjoni tagħha li ttemm il-Ftehim ta’ Arbitraġġ minħabba irregolarità li hija ssostni twettqet minn membru tat-Tribunal tal-Arbitraġġ – Deċiżjoni arbitrali mogħtija mit-Tribunal tal-Arbitraġġ – Allegat nuqqas ta’ osservanza mir-Repubblika tal-Kroazja tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ u tal-fruntiera ddeterminata permezz tad-deċiżjoni arbitrali – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Talba għall-irtirar ta’ dokument mill-proċess – Protezzjoni tal-pariri legali”

Fil-Kawża C‑457/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE, ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2018,

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn M. Menard, bħala aġent, assistita minn J.-M. Thouvenin, avocat,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Kroazja, irrappreżentata minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, QC,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, S. Rodin, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, D. Šváby, C. Vajda (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Kroazja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt:

–        l-Artikolu 4(3) TUE, sa fejn ipperikolat it-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-għan tal-konsolidazzoni tal-paċi u ta’ unjoni dejjem eqreb bejn il-popli tal-Ewropa, u pprekludiet lir-Repubblika tas-Slovenja milli tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li timplimenta b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni fit-territorju kollu tagħha;

–        il-prinċipju tal-osservanza tal-Istat tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, li huwa kundizzjoni essenzjali għal sħubija fl-Unjoni u li jobbliga lir-Repubblika tal-Kroazja tosserva t-territorju tar-Repubblika tas-Slovenja kif iddeterminat mid-deċiżjoni finali mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2017 mit-Tribunal stabbilit fil-proċedura ta’ arbitraġġ dwar it-tilwima territorjali u marittima bejn dawn iż-żewġ Stati (il-Qorti Permanenti ta’ Arbitraġġ, Kawża Nru 2012-04, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni arbitrali”), konformement mad-dritt internazzjonali;

–        l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22), kif ukoll taħt l-Anness I tiegħu, sa fejn ir-Repubblika tal-Kroazja rrifjutat li timplimenta s-sistema ta’ aċċess reċiproku prevista fir-Regolament Nru 1380/2013, ma rrikonoxxietx l-effett tal-leġiżlazzjoni li r-Repubblika tas-Slovenja adottat sabiex timplimenta din is-sistema ta’ aċċess reċiproku, irrifjutat liċ-ċittadini Sloveni d-dritt li jistadu fil-baħar territorjali Sloven, u pprekludiet lir-Repubblika tas-Slovenja milli tgawdi numru ta’ drittijiet, bħalma huma l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, previsti f’dan l-istess regolament;

–        is-sistema ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ implimentazzjoni tar-regoli previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 355, p. 93 u 2015, L 149, p. 23), u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kummissjoni Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU 2011, L 112, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 328, p. 58), sa fejn ir-Repubblika tal-Kroazja pprekludiet lir-Repubblika tas-Slovenja milli twettaq il-missjoni tagħha taħt din is-sistema, kif ukoll is-sorveljanza, il-kontroll u l-ispezzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd kif ukoll, meta l-ispezzjonijiet jiżvelaw eventwali ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, il-proċeduri u l-miżuri ta’ implimentazzjoni kontra l-persuni responsabbli għall-ksur, u dan sa fejn eżerċitat hija stess id-drittijiet li dawn ir-regolamenti jagħtu lir-Repubblika tas-Slovenja bħala Stat kostali;

–        l-Artikoli 4 u 17, moqrija flimkien mal-Artikolu 13, tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), kif ukoll

–        taħt l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU 2014, L 257, p. 135), sa fejn adottat u implimentat l-“istrateġija għall-ippjanar tat-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna

2        L-Artikolu 60 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), intitolat “Tmiem ta’ trattat jew sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ trattat minħabba ksur tiegħu”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.       Ksur materjali ta’ trattat bilaterali minn waħda mill-Partijiet jintitola lill-Parti l-oħra tinvoka l-ksur bħala raġuni għat-tmiem tat-trattat jew għas-sospensjoni tal-applikazzjoni tiegħu kompletament jew parzjalment.

[...]

3.      Ksur materjali ta’ trattat, għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, jikkonsisti:

[...]

(b)      fil-ksur ta’ dispożizzjoni essenzjali għat-twettiq tal-għan jew tal-iskop tat-trattat.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 65 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Proċedura li għandha tiġi segwita fir-rigward tan-nullità ta’ trattat, tat-tmiem ta’ trattat, tal-ħruġ minn trattat jew tas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ trattat”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Parti li, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, tinvoka difett fir-rigward tal-kunsens tagħha li tkun marbuta minn trattat jew raġuni sabiex tikkontesta l-validità ta’ trattat, sabiex tittermina trattat, sabiex toħroġ minn trattat jew sabiex tissospendi l-applikazzjoni ta’ trattat, għandha tinnotifika l-pretensjoni tagħha lill-Partijiet l-oħra. In-notifika għandha tindika l-miżura li jkun qiegħed jiġi propost li tittieħed fir-rigward tat-trattat u r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

[...]

3.      Jekk, għall-kuntrarju, waħda mill-Partijiet l-oħra tkun qajmet oġġezzjoni, il-Partijiet għandhom ifittxu soluzzjoni permezz tal-mezzi indikati fl-Artikolu 33 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti [iffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Ftehim ta’ Arbitraġġ

4        Fl-4 ta’ Novembru 2009, fi Stokkolma, ġie ffirmat ftehim ta’ arbitraġġ bejn ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tal-Kroazja (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Arbitraġġ”).

5        L-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ jistabbilixxi Tribunal tal-Arbitraġġ.

6        L-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim jipprevedi l-kompożizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ, b’mod partikolari l-modalitajiet tal-ħatra tal-membri tiegħu kif ukoll il-modalitajiet ta’ sostituzzjoni tagħhom.

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Il-missjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li t-Tribunal tal-Arbitraġġ għandu jiddetermina (a) il-linja tal-fruntiera marittima u terrestri bejn il-Kroazja u s-Slovenja, (b) il-punt li fih is-Slovenja tmiss mal-ibħra internazzjonali u (c) is-sistema għall-finijiet tal-użu tal-ispazji marittimi rilevanti. Dan l-istess artikolu, fil-paragrafu 2 tiegħu, jistabbilixxi l-modalitajiet għad-determinazzjoni tas-suġġett preċiż tat-tilwima, fil-paragrafu 3 tiegħu, jipprevedi l-adozzjoni mit-Tribunal tal-Arbitraġġ ta’ deċiżjoni dwar it-tilwima u, fil-paragrafu 4 tiegħu, jagħti lil dan it-tribunal ġurisdizzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ.

8        Skont l-Artikolu 4(a) tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ, it-Tribunal tal-Arbitraġġ għandu japplika, għall-finijiet tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan il-ftehim, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali. Skont l-Artikolu 4(b) tal-imsemmi ftehim, it-Tribunal tal-Arbitraġġ għandu japplika, għall-finijiet tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tal-istess ftehim, id-dritt internazzjonali, l-ekwità u l-prinċipju tar-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat sabiex jinkiseb riżultat ġust u ekwu li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

9        L-Artikolu 6(2) tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ jistipula li, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet li jipprovdu mod ieħor, it-Tribunal tal-Arbitraġġ għandu jmexxi l-proċedura b’mod konformi mar-Regoli fakultattivi tal-Qorti Permanenti ta’ Arbitraġġ għall-arbitraġġ tat-tilwim bejn żewġ Stati. L-Artikolu 6(4) ta’ dan il-ftehim jipprovdi li t-Tribunal tal-Arbitraġġ għandu jiddeċiedi fl-iqsar żmien possibbli, wara li jikkonsulta mal-partijiet, dwar kull kwistjoni proċedurali, b’maġġoranza tal-membri tiegħu.

10      L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ jispeċifika b’mod partikolari li t-Tribunal tal-Arbitraġġ, wara li jkun debitament ikkunsidra l-fatti rilevanti kollha tal-kawża, għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu fl-iqsar żmien possibbli. L-Artikolu 7(2) ta’ dan il-ftehim jipprovdi li d-deċiżjoni arbitrali torbot lill-partijiet u tikkostitwixxi riżoluzzjoni definittiva tat-tilwima. Skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi ftehim, il-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jimplimentaw id-deċiżjoni, inkluż, jekk ikun hemm bżonn, l-emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sitt xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

11      Skont l-Artikolu 9(1) tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ, ir-Repubblika tas-Slovenja għandha tirtira r-riżervi tagħha dwar il-ftuħ u l-għeluq tal-kapitoli tan-negozjati relatati mal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea meta l-ostakolu jirrigwarda t-tilwima.

12      Konformement mal-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ, it-termini proċedurali kollha stabbiliti f’dan il-ftehim għandhom japplikaw mid-data tal-iffirmar tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika tal-Kroazja dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, L 112, p. 10, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni”). Dan it-trattat ġie ffirmat fid-9 ta’ Diċembru 2011.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-dritt primarju

13      L-Artikolu 15 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), anness mat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, jipprovdi:

“L-atti elenkati fl-Anness III għandhom jiġu adattati kif speċifikat f’dak l-Anness.”

14      Il-punt 5 tal-Anness III tal-Att ta’ Adeżjoni, intitolat “Sajd”, aġġusta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460), billi introduċa fl-Anness I ta’ dan ir-regolament il-punti 11 u 12, intitolati, rispettivament, “Ilmijiet tal-kosta tal-Kroazja” u “Ilmijiet tal-kosta tas-Slovenja”. In-noti ta’ qiegħ il-paġna li għalihom jirreferu dawn l-aħħar żewġ punti jipprovdu, f’termini identiċi, li “[i]r-reġim [ta’ aċċess għall-ilmijiet kostali tal-Kroazja u tas-Slovenja taħt relazzjonijiet ta’ viċinat] għandu japplika mill-implimentazzjoni sħiħa tas-sentenza tal-arbitraġġ li hi riżultat tal-[Ftehim ta’ Arbitraġġ]”. Dawn il-punti u dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna ġew riprodotti, essenzjalment, fir-Regolament Nru 1380/2013, li ħassar ir-Regolament Nru 2371/2002.

 Id-dritt sekondarju

–       Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

15      Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331):

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[...]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

[...]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

–       Ir-Regolament Nru 1224/2009 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 404/2011

16      Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1224/2009 jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

17      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 404/2011 jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema ta’ kontroll.

–       Ir-Regolament Nru 1380/2013

18      L-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprovdi:

“1.      Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom ikollhom aċċess indaqs għall-ilmijiet u r-riżorsi fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, suġġett għall-miżuri adottati skont il-Parti III.

2.      Fl-ilmijiet sa 12-il mil nawtiku mil-linji bażi taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati, sal-31 ta’ Diċembru 2022 li jillimitaw is-sajd għal bastimenti tas-sajd li tradizzjonalment jistadu f’dawk l-ilmijiet minn portijiet fuq il-kosta maġenb, mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri oħra skont relazzjonijiet eżistenti dwar il-viċinat bejn l-Istati Membri u l-arranġamenti li jinsabu fl-Anness I, li jistabbilixxu għal kull Stat Membru ż-żoni ġeografiċi fi ħdan il-faxex kostali ta’ Stati Membri oħra fejn isiru attivitajiet tas-sajd u l-ispeċijiet ikkonċernati. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-restrizzjonijiet imdaħħla skont dan il-paragrafu.”

19      L-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Aċċess għall-ilmijiet kostali fis-sens tal-Artikolu 6(2) [Artikolu 5(2)]”, jipprevedi, fil-punti 8 u 10 tiegħu, regoli dwar l-aċċess fir-rigward, rispettivament, tal-“[i]lmijiet kostali tal-[K]roazja” u tal-“[i]lmijiet tal-kosta tas-[S]lovenja”. In-noti ta’ qiegħ il-paġna li għalihom jirreferu dawn il-punti jispeċifikaw, f’termini identiċi, li “[i]r-reġim [ta’ aċċess għall-ilmijiet kostali tal-Kroazja u tas-Slovenja taħt relazzjonijiet ta’ viċinat] għandu japplika mill-implimentazzjoni sħiħa tas-sentenza tal-arbitraġġ li hi riżultat tal- [Ftehim ta’ Arbitraġġ]”.

–       Id-Direttiva 2014/89

20      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2014/89 tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu bil-għan li jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi, l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni marittimi u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.

21      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-drittijiet sovrani u l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri fuq l-ilmijiet tal-ibħra li huma derivati mil-liġi internazzjonali relevanti, b’mod partikolari [il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 u li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3)]. B’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tinfluwenza d-delinjament u d-delimitazzjoni tal-fruntieri marittimi mill-Istati Membri f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-UNCLOS.”

22      L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kooperazzjoni bejn Stati Membri”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bħala parti mill-proċess ta’ ppjanar u ġestjoni, l-Istati Membri li għandhom ibħra konfinanti għandhom jikkooperaw bil-għan li jiġi żgurat li l-pjani tal-ispazji marittimi jkunu koerenti u koordinati fir-reġjun tal-baħar kollu kkonċernat. Tali kooperazzjoni għandha, b’mod partikolari, tqis kwistjonijiet ta’ natura transnazzjonali.”

–       Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

23      L-Artikolu 4 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Drittijiet Fundamentali”, jipprovdi:

“Meta jiġi applikat dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’rispett sħiħ tal-liġi relevanti tal-Unjoni, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [...], il-liġi internazzjonali rilevanti, inkluża l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati magħmula f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], l-obbligi marbutin mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, u d-drittijiet fundamentali. [...]”

24      L-Artikolu 13(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“1.      L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri għandu jkun biex ma jitħalliex li jsir il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali u biex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali. Persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li m’għandha l-ebda dritt tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u ssir soġġetta għall-proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98)].

2.      Il-gwardji tal-fruntiera għandhom jużaw unitajiet stazzjonarji jew mobbli biex iwettqu s-sorveljanza tal-fruntieri.

Din is-sorveljanza għandha sseħħ b’tali mod li ma tħallix u tiskoraġġixxi persuni milli jevitaw il-verifiki f’punti ta’ qsim tal-fruntiera.”

25      L-Artikolu 17 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin u għandhom iżommu kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib bil-ħsieb li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tal-kontrolli fuq il-fruntiera, skont l-Artikoli 7 sa 16. Huma għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha.

2.      Il-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni għandha tiġi koordinata mill-[Aġenżija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea].

3.      Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Aġenzija, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jikkooperaw f’livell operattiv ma’ Stati Membri oħra u/jew pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni, inkluż l-iskambju ta’ uffiċjali ta’ kollegament, fejn tali kooperazzjoni tikkomplimenta l-azzjoni tal-Aġenzija.

L-Istati Membri għandhom jastjenu minn kwalunkwe attività li tista’ tipperikola l-funzjonament tal-Aġenzija jew il-kisba tal-objettivi tagħha.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Aġenzija dwar din il-kooperazzjoni operattiva msemmija fl-ewwel subparagrafu.”

 Il-fatti li wasslu għat-tilwima

26      Fil-25 ta’ Ġunju 1991, ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tas-Slovenja pproklamaw l-indipendenza tagħhom mir-Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja. Matul is-snin ta’ bejn l-1992 u l-2001, dawn iż-żewġ Stati pprovaw isolvu l-kwistjoni tal-iffissar tal-fruntiera terrestri u tal-fruntiera marittima tagħhom permezz ta’ negozjati bilaterali. Dawn in-negozjati kienu baqgħu mingħajr suċċess fir-rigward ta’ ċerti partijiet minn dawn il-fruntieri.

27      Ir-Repubblika tas-Slovenja saret membru tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004.

28      Fl-4 ta’ Novembru 2009, ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tas-Slovenja ffirmaw il-Ftehim ta’ Arbitraġġ, li kien intiż sabiex tiġi riżolta t-tilwima transkonfinali ta’ bejniethom. Abbażi ta’ dan il-ftehim, li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Novembru 2010, huma ntrabtu li jissottomettu din it-tilwima quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ, ikkostitwit minn dan il-ftehim, u li d-deċiżjoni tiegħu kellha torbothom.

29      Wara r-ratifika tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni mill-Istati Kontraenti kollha, konformement mar-regoli kostituzzjonali rispettivi ta’ dawn tal-aħħar, dan it-trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013. Ir-Repubblika tal-Kroazja saret membru tal-Unjoni f’din l-istess data.

30      Mill-proċess ta’ din il-kawża jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ, seħħet kwistjoni proċedurali minħabba komunikazzjonijiet ex parte bejn l-arbitru maħtur mir-Repubblika tas-Slovenja u l-aġent ta’ dan l-Istat quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ matul id-deliberazzjonijiet ta’ dan it-tribunal. Wara l-pubblikazzjoni ta’ ċerti artikli fl-istampa dwar il-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, l-arbitru u l-aġent ikkonċernati rriżenjaw mill-funzjonijiet rispettivi tagħhom.

31      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika tal-Kroazja bagħtet estratti mill-imsemmija komunikazzjonijiet lit-Tribunal tal-Arbitraġġ u, fid-dawl tal-ksur fundamentali ta’ fiduċja kkawżat, fil-fehma tagħha, minn dawn il-komunikazzjonijiet, talbet lil dan it-tribunal jissospendi l-proċedura ta’ arbitraġġ.

32      Permezz ta’ nota verbali tat-30 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika tal-Kroazja informat lir-Repubblika tas-Slovenja li hija kienet tqis li din tal-aħħar kienet responsabbli għal ksur materjali wieħed jew iktar tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 60(1) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, u li, għaldaqstant, hija kellha dritt ittemm il-Ftehim ta’ Arbitraġġ. Ir-Repubblika tal-Kroazja speċifikat li din in-nota kienet tikkostitwixxi notifika, skont l-Artikolu 65(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li permezz tagħha hija kienet qiegħda tipproponi li ttemm immedjatament il-Ftehim ta’ Arbitraġġ. Ir-Repubblika tal-Kroazja spjegat li hija kienet tqis li, permezz tal-komunikazzjonijiet ex parte msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-imparzjalità u l-integrità tal-proċedura ta’ arbitraġġ kienu vvizzjati b’mod irrevokabbli, u dan kien iwassal għal ksur manifest tad-drittijiet tagħha.

33      Fl-istess data, il-membru tat-Tribunal tal-Arbitraġġ maħtur mir-Repubblika tal-Kroazja rriżenja mill-funzjoni tiegħu.

34      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika tal-Kroazja informat lit-Tribunal tal-Arbitraġġ bid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-Ftehim ta’ Arbitraġġ, filwaqt li kkomunikatlu r-raġunijiet wara din id-deċiżjoni.

35      Fit-13 ta’ Awwissu 2015, ir-Repubblika tas-Slovenja informat lit-Tribunal tal-Arbitraġġ li hija kienet oġġezzjonat għan-notifika mir-Repubblika tal-Kroazja tad-deċiżjoni tagħha li ttemm il-Ftehim ta’ Arbitraġġ u qieset li t-Tribunal tal-Arbitraġġ kellu s-setgħa u l-obbligu li jkompli l-proċedura.

36      Fil-25 ta’ Settembru 2015, il-President tat-Tribunal tal-Arbitraġġ ħatar żewġ arbitri ġodda fiż-żewġ pożizzjonijiet vakanti, skont il-proċedura għas-sostituzzjoni ta’ arbitru prevista fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ.

37      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2015, it-Tribunal tal-Arbitraġġ stieden liż-żewġ partijiet sabiex jissottomettu noti bil-miktub “dwar l-implikazzjonijiet legali tal-punti mqajma [mir-Repubblika tal-]Kroazja fl-ittri tagħha tal-24 u tal-31 ta’ Lulju 2015” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u organizza seduta dwar dan il-punt fis-17 ta’ Marzu 2016. Ir-Repubblika tas-Slovenja biss wieġbet għall-istedina tat-Tribunal tal-Arbitraġġ u pparteċipat f’din is-seduta.

38      Fit-30 ta’ Ġunju 2016, it-Tribunal tal-Arbitraġġ iddeċieda dwar il-kwistjoni proċedurali permezz ta’ deċiżjoni parzjali. Huwa qies, b’mod partikolari, li, billi stabbilixxiet kuntatti ex parte mal-arbitru li hija kienet ħatret inizjalment, ir-Repubblika tas-Slovenja aġixxiet bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ. It-Tribunal tal-Arbitraġġ madankollu qies li, fid-dawl tal-miżuri rimedjali meħuda sussegwentement, dan il-ksur ma kienx affettwa l-kapaċità tiegħu, fil-kompożizzjoni emendata tiegħu, li jagħti deċiżjoni finali b’mod indipendenti u imparzjali dwar it-tilwima bejn il-partijiet, konformement mar-regoli applikabbli, b’tali mod li l-imsemmi ksur la kien ċaħħad lill-Ftehim ta’ Arbitraġġ mis-suġġett tiegħu u lanqas mill-għan tiegħu. It-Tribunal tal-Arbitraġġ ikkonkluda li r-Repubblika tal-Kroazja ma kellhiex dritt ittemm il-Ftehim ta’ Arbitraġġ taħt l-Artikolu 60(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u li l-Ftehim ta’ Arbitraġġ kien għalhekk baqa’ fis-seħħ.

39      Fid-29 ta’ Ġunju 2017, it-Tribunal tal-Arbitraġġ ta d-deċiżjoni arbitrali li permezz tagħha ddetermina d-delimitazzjoni tal-fruntiera marittima u tal-fruntiera terrestri bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tas-Slovenja.

 Il-proċedura prekontenzjuża

40      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Diċembru 2017, ir-Repubblika tas-Slovenja ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għaċ-ċaħda mir-Repubblika tal-Kroazja tad-deċiżjoni arbitrali u enfasizzat li r-rifjut minn dan l-Istat Membru li jimplimenta din id-deċiżjoni kellu l-effett li jagħmel impossibbli l-eżerċizzju mir-Repubblika tas-Slovenja tas-sovranità tagħha fuq iż-żoni marittimi u terrestri li, skont id-dritt internazzjonali, jagħmlu parti mit-territorju tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tas-Slovenja indikat li għaliha kien impossibbli li tosserva l-obbligu tagħha taħt id-dritt internazzjonali li timplimenta d-deċiżjoni arbitrali kif ukoll l-obbligu tagħha taħt it-Trattati li timplimenta d-dritt tal-Unjoni fit-territorju tagħha. Fid-dawl tat-theddida li din is-sitwazzjoni kienet tirrappreżenta għall-valuri tal-Unjoni u għall-osservanza tad-dritt tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja stiednet lill-Kummissjoni taġixxi immedjatament sabiex twaqqaf il-ksur mir-Repubblika tal-Kroazja tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ u tad-deċiżjoni arbitrali, sa fejn dan il-ksur għandu jitqies bħala nuqqas ta’ osservanza minn dan l-Istat Membru tal-aħħar tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattati.

41      Wara diversi inċidenti marittimi fl-ilmijiet attribwiti lir-Repubblika tas-Slovenja permezz tad-deċiżjoni arbitrali, dan l-Istat Membru, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Marzu 2018, fetaħ proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Kroazja billi ressaq il-każ quddiem il-Kummissjoni, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE.

42      Fis-17 ta’ April 2018, ir-Repubblika tal-Kroazja ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Kummissjoni. Iż-żewġ partijiet ipparteċipaw f’seduta quddiem il-Kummissjoni.

43      Il-Kummissjoni ma ħarġitx opinjoni motivata fit-terminu ta’ tliet xhur previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

44      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2018, ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat dan ir-rikors.

45      Permezz ta’ att separat tal-21 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika tal-Kroazja qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors skont l-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46      Ir-Repubblika tas-Slovenja wieġbet għal din l-eċċezzjoni fit-12 ta’ Frar 2019.

47      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja l-kawża lill-Awla Manja sabiex tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

48      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika tal-Kroazja talbet, skont l-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura, l-irtirar tad-dokument ta’ ħidma intern tal-Kummissjoni dwar il-parir tas-servizz legali tagħha, li jinsab fil-paġni 38 sa 45 tal-Anness C.2 tar-risposta tar-Repubblika tas-Slovenja għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbli (iktar ’il quddiem id-“dokument kontenzjuż”).

49      Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 u tat-12 ta’ Ġunju 2019, il-partijiet ġew mistiedna, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura, iwieġbu għal mistoqsija matul is-seduta li kellha tinżamm u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ipproduċew debitament dawn id-dokumenti.

50      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, twieġeb bil-miktub jew, jekk ikun il-każ, matul is-seduta, għal numru ta’ mistoqsijiet dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1380/2013.

51      Fil-11 ta’ Ġunju 2019, ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba tar-Repubblika tal-Kroazja għall-irtirar tad-dokument kontenzjuż mill-proċess.

52      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba.

53      Fit-28 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. F’ittra separata tal-istess jum, hija wieġbet għall-mistoqsijiet li kienu sarulha mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2019.

54      Fit-8 ta’ Lulju 2019 inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali, fil-preżenza tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Repubblika tas-Slovenja, dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Fuq it-talba għall-irtirar tad-dokument kontenzjuż mill-proċess

 L-argumenti tal-partijiet

55      Ir-Repubblika tal-Kroazja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirtira d-dokument kontenzjuż mill-proċess ta’ din il-kawża.

56      Insostenn tat-talba tagħha, ir-Repubblika tal-Kroazja ssostni li d-dokument kontenzjuż huwa parir intern tas-servizz legali tal-Kummissjoni li ngħata fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li qatt ma kien ippubblikat mill-Kummissjoni. Iż-żamma ta’ dan id-dokument fil-proċess tal-kawża mhux biss ser ikollha konsegwenzi negattivi fuq il-funzjonament tajjeb tal-Kummissjoni, iżda tmur ukoll kontra r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq.

57      Ir-Repubblika tas-Slovenja titlob li t-talba tar-Repubblika tal-Kroazja tiġi miċħuda.

58      L-ewwel nett, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li hija kellha aċċess għad-dokument kontenzjuż permezz ta’ hyperlink li kien jinsab f’artiklu ppubblikat fuq is-sit internet ta’ ġurnal ta’ kull ġimgħa Ġermaniż u tenfasizza li kemm dan l-artiklu u kemm il-parir tas-servizz legali tal-Kummissjoni għadhom aċċessibbli fuq l-internet. B’hekk, il-fatt li hija kellha aċċess għall-imsemmi dokument ma jmurx kontra r-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn dan id-dokument huwa pubbliku.

59      It-tieni nett, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li r-Repubblika tal-Kroazja, li ma hijiex l-awtur tad-dokument kontenzjuż, ma tistax taġixxi minflok il-Kummissjoni sabiex tiddefendi l-interessi ta’ din tal-aħħar billi titlob li dan id-dokument jiġi rtirat mill-proċess.

60      It-tielet nett, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, f’din il-kawża, ebda indikazzjoni ma tista’ tinstilet mis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374), u mid-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L-Ungerija vs Il-Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438), sa fejn il-kawżi li taw lok għal din is-sentenza u għal dan id-digriet kienu jikkonċernaw l-użu mhux awtorizzat ta’ dokumenti f’tilwimiet li kienu jinvolvu l-istituzzjoni awtur tagħhom. Din il-proċedura tikkonċerna sitwazzjoni differenti sa fejn il-Kummissjoni, li hija l-awtur tad-dokument kontenzjuż, ma hijiex qiegħda tipparteċipa fiha bħala konvenuta.

61      Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tas-Slovenja tenfasizza li l-produzzjoni tad-dokument kontenzjuż ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-interessi protetti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u li r-Repubblika tal-Kroazja ma indikatx b’liema mod iż-żamma ta’ dan id-dokument fil-proċess tal-kawża kienet tippreġudikaha.

62      Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, jekk jitqies li l-Kummissjoni qiegħda tintervjeni f’din il-kawża jew li l-Qorti tal-Ġustizzja stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, l-iżvelar tad-dokument kontenzjuż ma għandu ebda impatt fuq il-mertu tal-osservazzjonijiet li din tista’ tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, wieħed jista’ jipprevedi li, f’tali każ, il-Kummissjoni ser issegwi, bħala prinċipju, l-evalwazzjoni tas-servizz legali tagħha.

63      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li d-dokument kontenzjuż, li huwa dokument ta’ ħidma intern dwar parir tas-servizz legali tagħha, għandu jitneħħa mill-proċess tal-kawża. Din l-istituzzjoni tosserva li l-imsemmi dokument ma kienx intiż għall-pubbliku u li hija la żvelatu lill-pubbliku u lanqas ma awtorizzat il-produzzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma ordnat il-produzzjoni tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      Għandu jiġi kkonstatat li d-dokument kontenzjuż huwa nota interna, redatta mis-servizz legali l-Kummissjoni u indirizzata lill-Kap tal-Uffiċċju tal-President ta’ din l-istituzzjoni, li tikkonċerna l-proċedura prekontenzjuża mibdija mir-Repubblika tas-Slovenja skont l-Artikolu 259 TFUE u li fiha hemm evalwazzjoni legali tal-punti ta’ liġi rilevanti. Għaldaqstant, ma jistax jiġi nnegat li dan id-dokument fih parir legali.

65      Huwa paċifiku, l-ewwel nett, li r-Repubblika tas-Slovenja ma talbitx lill-Kummissjoni tawtorizza l-produzzjoni tal-imsemmi dokument quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni nett, li din tal-aħħar ma ordnatx il-produzzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u, it-tielet nett, li l-Kummissjoni ma żvelatx dan id-dokument fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

66      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, ikun kuntrarju għall-interess pubbliku li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, jekk jiġi aċċettat li l-produzzjoni ta’ tali dokumenti interni tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija produzzjoni mill-istituzzjoni kkonċernata jew mingħajr ordni għal tali produzzjoni minn din il-qorti (digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Dan l-interess huwa rifless fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[l]-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ [...] proċedimenti fil-qrati u pariri legali, [...] jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”. Għalkemm ma tapplikax f’din il-proċedura sa fejn ir-Repubblika tas-Slovenja annettiet id-dokument kontenzjuż mar-risposta tagħha għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni għandha ċertu valur indikattiv fil-kuntest tal-ponderazzjoni tal-interessi meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-irtirar tal-imsemmi dokument (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punti 9, 12 u 13).

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bl-invokazzjoni u bil-produzzjoni, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 259 TFUE, parir legali mogħti mis-servizz legali tal-Kummissjoni, redatt wara li l-każ tressaq quddiem din tal-aħħar, li jinkludi evalwazzjoni legali tal-punti ta’ liġi rilevanti, ir-Repubblika tas-Slovenja għandha l-intenzjoni li tinvoka dan il-parir f’din il-kawża fil-konfront tar-Repubblika tal-Kroazja u, jekk ikun il-każ, fil-konfront ukoll tal-Kummissjoni. L-awtorizzazzjoni taż-żamma ta’ dan tal-aħħar fil-proċess tal-kawża, meta l-iżvelar tiegħu ma kienx ġie awtorizzat mill-Kummissjoni, twassal sabiex ir-Repubblika tas-Slovenja titħalla tevita l-proċedura ta’ applikazzjoni għal aċċess għal tali dokument prevista fir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Issa, is-sempliċi fatt li r-Repubblika tas-Slovenja tinvoka d-dokument kontenzjuż f’tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra parti li ma hijiex l-istituzzjoni li mingħandha ħareġ il-parir inkluż f’dan id-dokument huwa irrilevanti fir-rigward tal-interess pubbliku tal-istituzzjonijiet li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, u għalhekk ma jagħmilx superfluwa l-ponderazzjoni tal-interessi meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-irtirar ta’ dan id-dokument mill-proċess tal-kawża (ara, b’analoġija, id-digriet tat-23 ta’ Ottubru 2002, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill, C‑445/00, EU:C:2002:607, punt 12).

70      F’dan il-każ, hemm riskju prevedibbli u mhux sempliċi ipotetiku li l-Kummissjoni, li la ħarġet opinjoni motivata taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE, dwar l-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja, u li lanqas ma indikat il-pożizzjoni tagħha dwar dawn l-ilmenti b’intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja insostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet, tqis, minħabba l-produzzjoni mhux awtorizzata tad-dokument kontenzjuż f’din il-proċedura, li għandha tieħu pożizzjoni pubblikament dwar parir li, manifestament, kien intiż għal użu intern. Issa, tali perspettiva timplika, b’mod li ma jistax jiġi evitat, riperkussjonijiet negattivi fir-rigward tal-interess tal-Kummissjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri onesti, oġġettivi u komprensivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 42, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 16).

71      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika ż-żamma tad-dokument kontenzjuż fil-proċess ta’ din il-kawża, minbarra l-fatt li l-parir legali li jinsab f’dan id-dokument ma jikkonċernax proċedura leġiżlattiva li fir-rigward tagħha hija meħtieġa trasparenza addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 46, 47, 67 u 68), għandu jiġi osservat li, għar-Repubblika tas-Slovenja, l-interess f’din iż-żamma huwa li tkun f’pożizzjoni li tinvoka dan il-parir legali insostenn tar-risposta tagħha għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika tal-Kroazja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-produzzjoni tal-imsemmi parir legali tidher li hija ggwidata mill-interessi speċifiċi tar-Repubblika tas-Slovenja li tissostanzja l-argumenti tagħha fir-risposta tagħha għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u mhux minn xi interess pubbliku superjuri (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 18).

72      Il-fatt li, kif issostni r-Repubblika tas-Slovenja, hija kellha aċċess għad-dokument kontenzjuż permezz tas-sit internet ta’ gazzetta ta’ kull ġimgħa li fiha deher artiklu li jirreferi, permezz ta’ hyperlink, għall-imsemmi parir, sa fejn din hija pubblikazzjoni mhux awtorizzata ta’ dan il-parir, ma jistax idaħħal inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara, b’analoġija, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, L-Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 17).

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tintlaqa’ t-talba tar-Repubblika tal-Kroazja għall-irtirar tad-dokument kontenzjuż mill-proċess tal-kawża.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 L-argumenti tal-partijiet

74      Ir-Repubblika tal-Kroazja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors fl-intier tiegħu bħala inammissibbli. F’dan ir-rigward, hija tinvoka, b’mod partikolari, tliet ilmenti ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

75      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Kroazja ssostni li l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tas-Slovenja fis-sens li hija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni huma aċċessorji għas-soluzzjoni tat-tilwima li tikkonċerna l-validità u l-effetti legali tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ u tad-deċiżjoni arbitrali. Issa, kif skontha ġie deċiż fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑132/09, EU:C:2010:562), il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni jekk dawn l-obbligi jkunu aċċessorji għas-soluzzjoni minn qabel ta’ tilwima differenti li ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

76      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Kroazja ssostni li s-suġġett veru tat-tilwima bejn iż-żewġ Stati jikkonċerna, minn naħa, il-validità u l-effetti legali tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ, li ma huwiex parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, il-validità u l-eventwali konsegwenzi legali tad-deċiżjoni arbitrali, li għadha ma ġietx implimentata. Għaldaqstant, is-soluzzjoni għal tali tilwima għandha tinstab b’applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali u ma tiddependix mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

77      Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Kroazja tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, taħt l-Artikolu 259 TFUE, sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-validità u l-effetti tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ, li huwa ftehim internazzjonali li ma jagħmilx parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, u lanqas dwar il-validità u l-effetti tad-deċiżjoni arbitrali mogħtija fuq il-bażi ta’ dan il-ftehim. Issa, il-Ftehim ta’ Arbitraġġ jikkostitwixxi l-bażi stess tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni invokat mir-Repubblika tas-Slovenja.

78      Ir-Repubblika tas-Slovenja titlob li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika tal-Kroazja sa fejn din tal-aħħar tinvoka n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

79      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li, permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Kroazja qiegħda tipprova tiżnatura b’mod unilaterali s-suġġett tar-rikors.

80      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-Repubblika tas-Slovenja tenfasizza li, fir-rikors tagħha, hija tinvoka biss ksur tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.

81      It-tieni nett, ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 259 TFUE ma hijiex eskluża meta l-fatti li fuqhom ikunu bbażati l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni jaqgħu kemm taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll taħt id-dritt internazzjonali. F’dan ir-rigward, skont ir-Repubblika tas-Slovenja, huwa importanti biss li dawn il-fatti jikkonċernaw ksur ta’ obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni. Dan madankollu ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tieħu inkunsiderazzjoni regoli sostanzjali tad-dritt internazzjonali li d-dritt tal-Unjoni integra jew kellu l-intenzjoni li jintegra fl-ordinament ġuridiku tiegħu.

82      It-tielet nett, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543), li l-eżistenza ta’ tilwima bilaterali dwar l-interpretazzjoni ta’ att tad-dritt internazzjonali applikabbli bejn il-partijiet fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma teskludix il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

83      Ir-raba’ nett, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 259 TFUE, hija importanti biss il-kwistjoni ta’ jekk il-bażi tat-talbiet tar-rikors tikkonċernax “obbligi bis-saħħa tat-Trattati”.

84      Ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li r-rikors tagħha jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal eżami taħt l-Artikolu 259 TFUE. Hija ssostni li, fil-fatt, mit-talbiet tar-rikors u mill-motivi mressqa insostenn tar-rikors jirriżulta li l-ilmenti mqajma minnha huma bbażati fuq id-dritt primarju tal-Unjoni kif ukoll fuq sensiela ta’ atti tad-dritt sekondarju. Ir-Repubblika tas-Slovenja tispeċifika li, fit-talbiet tar-rikors, hija ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tar-Repubblika tal-Kroazja taħt id-dritt internazzjonali. Ir-referenza li hemm fir-rikors għad-deċiżjoni arbitrali saret biss bħala punt ta’ fatt rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għall-finijiet tad-deskrizzjoni tat-territorju li fuqu l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom taħt dan id-dritt.

85      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tas-Slovenja tindirizza l-ilmenti dwar nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mir-Repubblika tal-Kroazja.

86      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ilment dwar nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażat fuq in-natura aċċessorja tal-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, peress li t-territorji rispettivi tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Repubblika tas-Slovenja huma ddeterminati permezz tal-fruntiera ffissata konformement mad-dritt internazzjonali, f’dan il-każ permezz tad-deċiżjoni arbitrali, il-Qorti tal-Ġustizzja la qiegħda tintalab tikkonstata ksur tad-dritt internazzjonali u lanqas ma qiegħda tintalab tagħti deċiżjoni dwar tilwima internazzjonali. Ir-Repubblika tas-Slovenja tenfasizza li l-fruntiera bejn iż-żewġ Stati, kif stabbilita permezz tad-deċiżjoni arbitrali, hija punt ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ u għandha tieħu inkunsiderazzjoni u ma hijiex punt ta’ liġi li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tosserva u tapplika d-dritt internazzjonali, sa fejn ikun meħtieġ għall-interpretazzjoni jew għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

87      Fir-rigward tal-ilmenti dwar nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażati, minn naħa, fuq l-argument li s-suġġett veru tat-tilwima huwa l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali u, min-naħa l-oħra, fuq l-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-validità u l-effetti ta’ ftehim internazzjonali li ma jagħmilx parti mid-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja tenfasizza li l-kwistjoni tal-validità tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ kif ukoll tal-validità u tal-effetti legali tad-deċiżjoni aribtrali ma hijiex is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma taqax fil-ġurisdizzjoni tagħha u, fi kwalunkwe każ, ġiet riżolta permezz tad-deċiżjoni parzjali tat-30 ta’ Ġunju 2016. Il-fatt li r-Repubblika tal-Kroazja ma taqbilx mad-deċiżjoni arbitrali ma jistax ifisser li hemm tilwima dwar il-fruntiera li ma ġietx riżolta jew li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni li diġà ġiet riżolta.

88      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-argument tar-Repubblika tal-Kroazja fis-sens li d-deċiżjoni arbitrali ma hijiex direttament applikabbli ma jaqax taħt l-eżami tal-ġurisdizzjoni iżda taħt l-eżami tal-mertu. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa żbaljat sa fejn din id-deċiżjoni hija vinkolanti konformement mad-dritt internazzjonali u għalhekk tiffissa b’mod definittiv il-fruntiera bejn iż-żewġ Stati Membri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 259 TFUE, “[k]ull Stat Membru li jikkunsidra li Stat Membru ieħor ikun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond it-Trattati jista’ jġib il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.

90      F’dan il-każ, mill-formulazzjoni tat-talbiet tar-rikors jirriżulta li r-Repubblika tas-Slovenja tibbaża r-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq l-allegat nuqqas ta’ twettiq, mir-Repubblika tal-Kroazja, tal-obbligi tagħha, l-ewwel nett, taħt l-Artikolu 4(3) TUE, it-tieni nett, taħt l-Artikolu 2 TUE, it-tielet nett, taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1380/2013, moqri flimkien mal-Anness I ta’ dan ir-regolament, ir-raba’ nett, taħt is-sistema ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ implimentazzjoni tar-regoli prevista fir-Regolament Nru 1224/2009 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 404/2011, il-ħames nett, taħt l-Artikoli 4 u 17 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqrija flimkien mal-Artikolu 13 ta’ dan il-kodiċi, kif ukoll, is-sitt nett, taħt l-Artikolu 2(4) u taħt l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/89.

91      Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, diġà ddeċidiet li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri li s-suġġett tiegħu ma jaqax fl-oqsma tal-kompetenza tal-Unjoni, u lanqas ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-obbligi li joħorġu minn dan il-ftehim għal dawn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑132/09, EU:C:2010:562, punt 44).

92      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kemm jekk ikun ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE u kemm jekk ikun ibbażat fuq l-Artikolu 259 TFUE, meta l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokat insostenn ta’ dan ir-rikors ikollu natura aċċessorja fil-konfront tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joħorġu minn tali ftehim.

93      Għaldaqstant, sabiex jinftiehmu eżatt in-natura u l-portata tal-allegati nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu, it-talbiet tar-rikors għandhom jinqraw fid-dawl tal-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja kif jinsabu fil-motivi tar-rikors.

94      Issa, minn dawn il-motivi jirriżulta li, permezz tal-ewwel ilment tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 TUE, l-intenzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja hija li jiġi kkonstatat li, billi naqset unilateralment milli tonora l-impenn meħud fil-kuntest tal-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni li tosserva d-deċiżjoni arbitrali li kellha tingħata, il-fruntiera ddeterminata mid-deċiżjoni arbitrali kif ukoll l-obbligi l-oħra li joħorġu minn din id-deċiżjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja qiegħda tirrifjuta li tosserva l-Istat tad-dritt irrikonoxxut f’din id-dispożizzjoni u għalhekk qiegħda tikser il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ res judicata.

95      Permezz tat-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li r-Repubblika tal-Kroazja, billi tirrifjuta li tirrikonoxxi u li tosserva l-fruntiera ddeterminata permezz tad-deċiżjoni arbitrali, qiegħda tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni u qiegħda tostakola l-implimentazzjoni, fit-territorju Sloven kollu, id-dritt tal-Unjoni, li l-applikazzjoni tiegħu tiddependi mid-determinazzjoni tat-territorji tal-Istati Membri.

96      Permezz tat-tielet u tar-raba’ lmenti tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, billi tonqos milli tosserva t-territorju Sloven u l-fruntieri tiegħu, kif stabbiliti permezz tad-deċiżjoni arbitrali, ir-Repubblika tal-Kroazja qiegħda tikser id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd.

97      B’mod partikolari, fir-rigward tat-tielet ilment, ir-Repubblika tas-Slovenja targumenta li, billi tikkontesta l-fruntiera kif iddeterminata permezz tad-deċiżjoni arbitrali kif ukoll billi toġġezzjona għad-delimitazzjoni tagħha u għall-implimentazzjoni ta’ din il-fruntiera, ir-Repubblika tal-Kroazja qiegħda tikser id-drittijiet esklużivi tar-Repubblika tas-Slovenja fuq l-ilmijiet territorjali tagħha, qiegħda tostakolha milli tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt ir-Regolament Nru 1380/2013 u qiegħda tostakola, permezz ta’ aġir unilaterali li jikkostitwixxi ksur manifest tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ aċċess għall-ilmijiet kostali tal-Kroazja u tas-Slovenja taħt relazzjonijiet ta’ viċinat implimentata permezz ta’ dan ir-regolament, li ilu japplika għal dawn iż-żewġ Stati Membri mit-30 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri mill-għada tad-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 7(3) tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni arbitrali.

98      Fir-rigward tar-raba’ lment, permezz ta’ dan l-ilment ir-Repubblika tas-Slovenja tallega li r-Repubblika tal-Kroazja qiegħda tikser is-sistema Komunitarja ta’ kontroll stabbilita sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1224/2009 u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 404/2011, sa fejn dan l-Istat Membru tal-aħħar, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-fruntiera marittima komuni tagħhom kif iddeterminata permezz tad-deċiżjoni arbitrali, minn naħa, jipprekludi lir-Repubblika tas-Slovenja milli tikkonforma mal-obbligi tagħha fil-kuntest tal-imsemmija sistema ta’ kontroll u, min-naħa l-oħra, jeżerċita b’mod illegali, fl-ilmijiet Sloveni, drittijiet li jappartjenu lir-Repubblika tas-Slovenja bħala Stat kostali.

99      Permezz tal-ħames ilment tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, peress li l-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tas-Slovenja, kif iddeterminata permezz tad-deċiżjoni arbitrali, tibqa’ fruntiera esterna li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Fruntieri ta’ Schengen dwar il-fruntieri esterni, ir-Repubblika tal-Kroazja qiegħda tikser kemm l-obbligi ta’ kontroll ta’ din il-fruntiera kif ukoll l-obbligu ta’ sorveljanza tagħha imposti minn dan il-kodiċi. Barra minn hekk, hija qiegħda tonqos milli twettaq l-obbligu li taġixxi b’osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli previsti fl-imsemmi kodiċi sa fejn tirrifjuta li tirrikonoxxi d-deċiżjoni arbitrali.

100    Permezz tas-sitt ilment tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja tallega li r-Repubblika tal-Kroazja, billi tirrifjuta li tirrikonoxxi d-deċiżjoni arbitrali li ffissat id-delimitazzjoni tal-ilmijiet territorjali bejn dawn iż-żewġ Stati Membri u, b’mod partikolari, billi tinkludi l-ilmijiet territorjali Sloveni fl-ippjanar tal-ispazju marittimu, tikser id-Direttiva 2014/89. B’hekk, ir-Repubblika tal-Kroazja tagħmel impossibbli wkoll kull kooperazzjoni prevista f’din id-direttiva.

101    Mill-punti preċedenti jirriżulta li l-allegat ksur tad-dritt primarju tal-Unjoni, kopert fl-ewwel u fit-tieni lmenti, jirriżulta, skont ir-Repubblika tas-Slovenja stess, mill-allegat nuqqas ta’ twettiq, mir-Repubblika tal-Kroazja, tal-obbligi li joħorġu mill-Ftehim ta’ Arbitraġġ u mid-deċiżjoni arbitrali mogħtija fuq il-bażi ta’ dan il-ftehim, b’mod partikolari, tal-obbligu li tosserva l-fruntiera ffissata permezz ta’ din id-deċiżjoni. Bl-istess mod, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, kopert fit-tielet sas-sitt ilment, dan il-ksur huwa bbażat fuq il-premessa li l-fruntiera terrestri u l-fruntiera marittima bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tas-Slovenja ġiet iddeterminata konformement mad-dritt internazzjonali, jiġifieri permezz tad-deċiżjoni arbitrali. Ir-rifjut, minn dan l-ewwel Stat Membru, li jeżegwixxi din id-deċiżjoni jipprekludi, bħala konsegwenza, lit-tieni Stat Membru milli jimplimenta, fit-territorju kollu tiegħu, id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll milli jgawdi d-drittijiet mogħtija lilu minn dawn id-dispożizzjonijiet u jostakola, fiż-żoni marittimi li huma s-suġġett tat-tilwima, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jagħmlu riferiment għall-implimentazzjoni sħiħa tad-deċiżjoni arbitrali li tirriżulta mill-Ftehim ta’ Arbitraġġ.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni arbitrali ngħatat minn tribunal internazzjonali mwaqqaf bis-saħħa ta’ ftehim ta’ arbitraġġ bilaterali rregolat mid-dritt internazzjonali, li s-suġġett tiegħu ma jaqax fl-oqsma tal-kompetenzi tal-Unjoni previsti fl-Artikoli 3 sa 6 TFUE u li fih l-Unjoni ma hijiex parti. Huwa minnu li l-Unjoni offriet l-assistenza tagħha liż-żewġ partijiet fit-tilwima dwar il-fruntiera sabiex tinstab soluzzjoni għal din it-tilwima u li l-Presidenza tal-Kunsill iffirmat il-Ftehim ta’ Arbitraġġ f’isem l-Unjoni, bħala xhud. Barra minn hekk, hemm rabtiet ta’ konnessjoni bejn, minn naħa, il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim kif ukoll il-proċedura ta’ arbitraġġ li nżammet fuq il-bażi tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-proċess ta’ negozjati u ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. Madankollu, tali ċirkustanzi ma humiex biżżejjed sabiex jitqies li l-Ftehim ta’ Arbitraġġ u d-deċiżjoni arbitrali huma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni.

103    B’mod partikolari, il-fatt li l-punt 5 tal-Anness III tal-Att ta’ Adeżjoni introduċa, fl-Anness I tar-Regolament Nru 2371/2002, il-punti 11 u 12 u li n-noti ta’ qiegħ il-paġna li għalihom jirreferu dawn il-punti jagħmlu riferiment, f’termini newtrali, għad-deċiżjoni arbitrali mogħtija fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ, sabiex tiġi ddefinita d-data ta’ applikabbiltà tas-sistema ta’ aċċess għall-ilmijiet kostali tal-Kroazja u tas-Slovenja taħt relazzjonijiet ta’ viċinat, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li dan l-att ta’ adeżjoni inkorpora fid-dritt tal-Unjoni l-impenji internazzjonali meħuda fil-kuntest ta’ dan il-ftehim mir-Repubblika tal-Kroazja u mir-Repubblika tas-Slovenja, b’mod partikolari l-obbligu li tiġi osservata l-fruntiera ffissata permezz ta’ din id-deċiżjoni.

104    Minn dan isegwi li l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu natura aċċessorja fil-konfront tal-allegat nuqqas ta’ twettiq mir-Repubblika tal-Kroazja tal-obbligi li joħorġu minn ftehim internazzjonali bilaterali li l-Unjoni ma hijiex parti tiegħu u li s-suġġett tiegħu ma jaqax fl-oqsma ta’ kompetenzi tagħha. Peress li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat taħt l-Artikolu 259 TFUE jista’ jkollu bħala suġġett biss in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma għandhiex, konformement ma’ dak li tfakkar fil-punti 91 u 92 ta’ din is-sentenza, ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors dwar allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joħorġu mill-Ftehim ta’ Arbitraġġ u mid-deċiżjoni aribtrali li minnhom huma misluta l-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja bbażati fuq allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat ukoll li, fl-assenza, fit-Trattati, ta’ definizzjoni iktar preċiża tat-territorji li jaqgħu taħt is-sovranità tal-Istati Membri, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddetermina l-portata u l-limiti tat-territorju rispettiv tiegħu, konformement mar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C‑111/05, EU:C:2007:195, punt 54). Fil-fatt, huwa b’riferiment għat-territorji nazzjonali li huwa stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 52 TUE u tal-Artikolu 355 TFUE. Mill-bqija, l-Artikolu 77(4) TFUE jfakkar li l-Istati Membri għandhom kompetenza fir-rigward tad-delimitazzjoni ġeografika tal-fruntieri tagħhom, konformement mad-dritt internazzjonali.

106    F’dan il-każ, l-Artikolu 7(3) tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ jipprevedi li l-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jimplimentaw id-deċiżjoni arbitrali, inkluż, sa fejn ikun meħtieġ, billi jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, in-noti ta’ qiegħ il-paġna marbuta mal-punti 8 u 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1380/2013 jispeċifikaw li, fir-rigward tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Repubblika tas-Slovenja, is-sistema ta’ aċċess għall-ilmijiet kostali ta’ dawn l-Istati Membri taħt relazzjonijiet ta’ viċinat, stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, “[t]applika mill-implimentazzjoni sħiħa [tad-deċiżjoni arbitrali]”. Issa, huwa paċifiku, kif osserva wkoll essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 164 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-deċiżjoni arbitrali ma ġietx implimentata.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, mingħajr ma tmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati u mingħajr ma tirfes fuq il-kompetenzi rriżervati lill-Istati Membri fil-qasam tad-determinazzjoni ġeografika tal-fruntieri tagħhom, teżamina, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 259 TFUE, il-kwistjoni tal-portata u tal-limiti tat-territorji rispettivi tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Repubblika tas-Slovenja, billi tapplika direttament il-fruntiera ddeterminata permezz tad-deċiżjoni arbitrali sabiex tivverifika l-materjalità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

109    Din il-konklużjoni hija bla ħsara għal kwalunkwe obbligu li jirriżulta, għal kull wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom kif ukoll fil-konfront tal-Unjoni u tal-Istati Membri l-oħra, mill-Artikolu 4(3) TUE sabiex ifittxu b’mod leali soluzzjoni legali definittiva konformi mad-dritt internazzjonali, kif prevista fl-Att ta’ Adeżjoni, li tiżgura l-applikazzjoni effettiva u mingħajr ostakolu tad-dritt tal-Unjoni fiż-żoni kkonċernati u sabiex itemmu t-tilwima tagħhom bl-użu ta’ mezz jew ieħor għas-soluzzjoni tagħha, inkluż, jekk ikun il-każ, billi jressqu t-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa ta’ ftehim ta’ kompromess taħt l-Artikolu 273 TFUE.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

111    Peress li r-Repubblika tal-Kroazja talbet li r-Repubblika tas-Slovenja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li r-Repubblika tas-Slovenja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dokument ta’ ħidma intern tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-parir tas-servizz legali tagħha, li jinsab fil-paġni 38 sa 45 tal-Anness C.2 tar-risposta tar-Repubblika tas-Slovenja għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, huwa rtirat mill-proċess tal-Kawża C457/18.

2)      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors tar-Repubblika tas-Slovenja, ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 259 TFUE, fil-Kawża C457/18.

3)      Ir-Repubblika tas-Slovenja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.