Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2019 minn DK mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-217/18, DK vs SEAE

(Kawża C-851/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: DK (rappreżentanti: S. Orlandi, T. Martin, avocats)

Parti oħra fil-proċedura: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019 fil-kawża DK vs SEAE (T-217/18);

tannulla d-deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2017 li timponi sanzjoni dixxiplinari kontra r-rikorrent;

tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019 (T-217/18), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu għal annullament u kkundannatu għall-ispejjeż.

F’dan ir-rigward ir-rikorrent jinvoka motiv uniku bbażat fuq żball ta’ liġi (punti 28 sa 53 tas-sentenza appellata), sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dannu li diġà ġie kkumpensat bħala ġustifikazzjoni għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni iktar ħarxa fil-konfront tal-uffiċjal meta mqabbla mas-sanzjoni rrakkomandata mill-Bord Dixxiplinari.

____________