Language of document : ECLI:EU:C:2020:220

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid-19 ta’ Marzu 2020 (1)

Kawża C14/19 P

Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen)

vs

KF

“Ġurisdizzjoni tal-ġudikatura tal-Unjoni — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Artikoli 19 u 24 TUE — Artikoli 263, 268, 270 u 275 TFUE — Artikolu 47 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Deċiżjonijiet tal‑Kunsill 2009/747/PESK u 2014/401/PESK — Regolamenti tal-Persunal tas‑SatCen — Membri tal-persunal — Prinċipju ta’ ugwaljanza — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Bord tal-Appelli tas-SatCen — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Sospensjoni — Proċeduri dixxiplinari — Tneħħija — Dritt għal smigħ — Aċċess għall-fajl”






I.      Introduzzjoni

1.        Fil-fehma tiegħi hemm żewġ punti ta’ importanza legali ġenerali f’din il-kawża li jmorru lil hinn mill-konfini ta’ dan l-appell: l-ewwel nett, x’inhi l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK”) fir-rigward ta’ dawk li jistgħu jissejħu atti ordinarji ta’ tmexxija ta’ persunal? Huma esklużi tali atti minn stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE?

2.        It-tieni nett, jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ċerta ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ tali atti, x’timplika l-eżistenza ta’ din il-ġurisdizzjoni għal mekkaniżmi speċjali u speċifiċi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim għal persunal stabbilit f’diversi korpi u aġenziji tal-Unjoni, bħall-Bord tal-Appelli taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem is-“SatCen”)?

II.    Il-kuntest fattwali u ġuridiku

3.        Il-fatti u l-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża, kif iddikjarati fis-sentenza appellata (2), jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.      Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea

4.        Is-SatCen, l-appellant, joriġina mid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni tal-Ewropa tal-Punent (iktar ’il quddiem l-“UEP”) tas-27 ta’ Ġunju 1991 li stabbilixxiet ċentru operattiv ta’ data satellitari u adottata abbażi tad-deċiżjoni tal-imsemmi Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 1990 dwar il-kooperazzjoni spazjali fl-UEP (3).

5.        Permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 (4), kien stabbilit is-SatCen fil-forma ta’ aġenzija tal-Unjoni, li kien jintegra l-istrutturi taċ-ċentru operattiv eżistenti tad-data satellitari tal-UEP. Is-SatCen beda jiffunzjona mill-1 ta’ Jannar 2002.

6.        Sussegwentement il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/401/PESK tas-26 ta’ Ġunju 2014 dwar iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2001/555/PESK dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (5), li llum tikkostitwixxi l-qafas legali applikabbli għas-SatCen. Mill-premessa 2 u mill-Artikolu 5 ta’ dik id-deċiżjoni jidher li s-SatCen jiffunzjona bħala “kapaċità awtonoma Ewropea” u li għandu l-personalità ġuridika neċessarja sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu u jilħaq l-għanijiet tiegħu. Skont l-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dik id-deċiżjoni, ix-xogħol ewlieni tas-SatCen huwa li jsostni t-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK u, b’mod partikolari, il-politika ta’ sigurtà u difiża komuni, billi jipprovdi, fuq talba tal-Kunsill jew tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Esteri u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”), prodotti u servizzi li jirriżultaw mill-użu ta’ assi spazjali rilevanti u ta’ data kollaterali, inklużi immaġini satellitari u mill-ajru, u servizzi relatati.

7.        Skont l-Artikolu 7(3), (4) u (6)(e) tad-Deċiżjoni 2014/401, id-Direttur tas-SatCen għandu jkun ir-rappreżentant legali ta’ dan il-korp, u jkun (i) responsabbli għar-reklutaġġ tal-persunal l-ieħor kollu tas-SatCen u (ii) responsabbli għall-affarijiet kollha tal-persunal.

8.        Kif previst fl-Artikolu 8(1) u (3) tad-Deċiżjoni 2014/401, il-persunal tas-SatCen jikkonsisti minn membri tal-persunal bil-kuntratt, irreklutati mid-Direttur tas-SatCen, u minn esperti kkollokati. Abbażi tal-Artikolu 8(5) ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kunsill, fil-kuntest tal-Azzjoni Konġunta 2001/555, adotta d-Deċiżjoni 2009/747/PESK tal-14 ta’ Settembru 2009 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal ta[s-SatCen] (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen”) (6).

9.        Fir-rigward ta’ tilwim bejn is-SatCen u l-membri tal-persunal tiegħu dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen, l-Artikolu 28(5) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen jipprevedi dan li ġej:

“Wara li jużaw il-possibbiltajiet kollha tal-ewwel rikors (appell amministrattiv intern), il-membri tal-persunal għandhom il-libertà li jirrikorru għal soluzzjoni quddiem il-Bord tal-Appelli [tas-SatCen].

Il-kompożizzjoni, l-operat u l-proċeduri speċifiċi ta' dak il-korp huma mogħtijin fl-Anness X.”

10.      L-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen jgħid:

“Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jorbtu liż-żewġ partijiet. M’għandu jkun hemm l-ebda appell minnhom. Il-Bord tal-Appell jista’:

(a)      jannulla, jew jikkonferma, id-deċiżjonijiet ikkontestati;

(b)      jordna [lis-SatCen] inċidentalment jikkumpensa lill-membru tal-persunal għal kwalunkwe ħsara materjali li jkun bata mill-jum minn meta beda jkollha effett id-deċiżjoni annullata;

(c)      jordna ulterjorment li [s-SatCen] għandu jirrimborża, fil-limiti stabbiliti mill-Bord tal-Appell, spejjeż ġustifikati li saru minn min għamel it-talba [...]”

11.      L-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen jipprovdi:

“[…] Il-Bord tal-Appell għandu jkollu l-aworità li jiddeċiedi tilwim li jirriżulta minn ksur ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew tal-kuntratti previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal dan il-għan għandu jkollu kompetenza fir-rigward tal-appelli miġjuba minn membri tal-persunal waqt il-kariga jew ex membri tal-persunal, jew mill-werrieta u/jew rappreżentanti tagħhom, kontra deċiżjoni tad-Direttur.”

B.      Il-fatti li wasslu għat-tilwima u għad-deċiżjonijiet ikkontestati

12.      L-appellata f’dan l-appell kienet ġiet irreklutata mis-SatCen bħala membru tal-persunal b’kuntratt mill-1 ta’ Awwissu 2009, għal perijodu ta’ tliet snin, sabiex tokkupa l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni tal-Amministrazzjoni. Fi tmiem il-perijodu ta’ prova tagħha, fit-31 ta’ Jannar 2010, il-pożizzjoni tal-appellata kienet ġiet ikkonfermata mid-Direttur tas-SatCen, li nnota, dwar dan, li l-appellata “[ħadmet] b’mod sensittiv u b’diplomazija, bl-użu madankollu ta’ fermezza fil-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha”.

13.      Bħala parti mill-evalwazzjoni annwali għas-sena 2010, l-appellata kienet is-suġġett ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, iddatat it-28 ta’ Marzu 2011, mill-Assistent Direttur tas-SatCen, li fih il-prestazzjoni ġenerali tagħha kienet tqieset bħala insuffiċjenti. Hija ngħatat l-iktar marka baxxa. L-appellata kkontestat dik il-konklużjoni u l-mod kif tmexxiet l-evalwazzjoni.

14.      Fis-27 ta’ Marzu 2012, bħala parti mill-evalwazzjoni annwali għas-sena 2011, l-Assistent Direttur tas-SatCen innota l-iżvilupp pożittiv tal-appellata kif imqabbel ma’ dak tas-sena ta’ qabel, u kien tal-fehma li l-prestazzjoni ġenerali tagħha kienet tajba, fid-dawl tal-isforzi li hija kienet għamlet. Fl-24 ta’ Mejju 2012, il-kuntratt tal-appellata kien ġie estiż għal perijodu ta’ erba’ snin, sal-31 ta’ Lulju 2016.

15.      Bħala parti mill-evalwazzjoni annwali għas-sena 2012, id-Direttur tas-SatCen, permezz ta’ memorandum intern tas-17 ta’ Ottubru 2012, ta struzzjoni lill-Assistent Direttur sabiex jiġbor informazzjoni mill-persunal dwar il-korrettezza u r-relazzjonijiet umani fis-SatCen, b’mod partikolari relatati mal-persunal b’responsabbiltajiet ta’ tmexxija, l-iktar kapijiet ta’ diviżjoni, billi jidentifika, jekk kien il-każ, sitwazzjonijiet potenzjali ta’ pressjoni psikoloġika jew ta’ fastidju li setgħu jwasslu għal ansjetà, telf ta’ stima personali, telf ta’ motivazzjoni u wkoll biki fost l-impjegati li kienu jaqgħu taħthom.

16.      Fl-14 ta’ Novembru 2012, tnax‑il membru tal-persunal tas-SatCen ressqu lment mad-Direttur u mal-Assistent Direttur, fejn ikkundannaw “is-sitwazzjoni diffiċli li [huma kienu] qegħdin jaffaċċjaw għal iktar minn tliet snin fit-twettiq tal-attività professjonali [tagħhom] b’mod regolari”, billi qalu li dik is-sitwazzjoni “[kienet] tirriżulta mill-aġir u mill-imġiba tal-Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva, [l-appellata]”.

17.      Fil-bidu tas-sena 2013 l-Assistent Direttur tas-SatCen segwa l-memorandum intern imsemmi iktar ’il fuq billi bagħat lil erbgħin membru tal-persunal, minn diversi diviżjonijiet, kwestjonarju fejn talabhom, billi uża mistoqsijiet b’għażla multipla, jevalwaw ir-relazzjonijiet umani mal-Kap tad-Diviżjoni tagħhom. Permezz ta’ memorandum intern tas-7 ta’ Marzu 2013, l-Assistent Direttur tas-SatCen informa lid-Direttur tas-SatCen li, fid-dawl tat-tweġibiet tal-kwestjonarju, “[kien] jidher b’mod ċar li [kienet] teżisti problema reali ta’ relazzjonijiet umani mal-Kap tad-Diviżjoni Amministrattiva, [l-appellata], fid-dawl tat-tweġibiet negattivi ġenerali tal-membri tal-persunal tad-Diviżjoni Amministrattiva”.

18.      Permezz ta’ memorandum intern tat-8 ta’ Marzu 2013, id-Direttur tas-SatCen talab lill-Assistent Direttur tas-SatCen, abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen, jibda investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tal-appellata.

19.      L-investigazzjoni amministrattiva kienet tikkonsisti fi kwestjonarju b’mistoqsijiet b’għażla multipla mibgħut lil erbgħa u għoxrin membru tas-SatCen fit-12 ta’ Ġunju 2013, intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk huma kinux esperjenzaw jew le ċerti tipi ta’ mġiba mill-appellata u jekk huma kinux ġarrbu xi effetti fuqhom innifishom jew fuq membri oħra tal-persunal bħala riżultat tal-imġiba inkwistjoni. Il-kwestjonarji stiednu wkoll lill-membri tal-persunal jipprovdu kull xhieda jew prova sabiex jikkorroboraw it-tweġibiet tagħhom. Mill-erbgħa u għoxrin membru tal-persunal li kienu mistoqsija, sitta ma weġbux.

20.      Fil-frattemp, b’reazzjoni għall-evalwazzjoni annwali tagħha għas-sena 2012, li abbażi tagħha l-prestazzjoni ġenerali tal-appellata kienet reġgħet tqieset bħala insuffiċjenti, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2013, l-appellata, fl-ewwel lok, ikkontestat dik l-evalwazzjoni u, fit-tieni lok, talbet lid-Direttur tas-SatCen jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jitwaqqaf il-fastidju fil-konfront tagħha.

21.      Fit-2 ta’ Lulju 2013 l-Assistent Direttur tas-SatCen iffinalizza l-investigazzjoni tiegħu. Skont ir-rapport ta’ investigazzjoni l-appellata kienet ta’ aġir “intenzjonali, repetittiv, [sostnut] jew sistematiku [...] intiż sabiex jiskredita jew ixejjen il-persuni kkonċernati” u “[peress li dan l-aġir allegat fil-konfront tal-appellata kien] ikkonfermat u, [minħabba] n-natura tiegħu, il-frekwenza tiegħu u l-effett tiegħu fuq ċerti membri tal-persunal, [huwa] [kien] jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku”. Fit-3 ta’ Lulju 2013 id-Direttur tas-SatCen informa lill-appellata bil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva u stedinha għal intervista fit-5 ta’ Lulju 2013.

22.      Fil-5 ta’ Lulju 2013 id-Direttur tas-SatCen innota li, wara l-investigazzjoni tiegħu, l-Assistent Direttur tas-SatCen kien wasal għall-konklużjoni li l-imġiba allegata fil-konfront tal-appellata kienet ikkonfermata u kienet tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku. Għal dawn ir-raġunijiet u wara li sema’ lill-appellata fl-istess jum, id-Direttur iddeċieda, l-ewwel nett, li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra l-appellata quddiem il-Bord Dixxiplinari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari”) u, it-tieni nett, li jissospendi lill-appellata mid-dmirijiet tagħha filwaqt li tibqa’ tingħata kontinwament ħlas tar-remunerazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ sospensjoni”).

23.      Fit-28 ta’ Awwissu 2013 l-appellata ressqet ilment amministrattiv quddiem id-Direttur tas-SatCen kontra, inter alia, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni u kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha d-Direttur tas-SatCen, impliċitament, kien ċaħad it-talba tagħha għal assistenza fir-rigward ta’ allegat fastidju psikoloġiku.

24.      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ottubru 2013 id-Direttur tas-SatCen ċaħad l-ilment amministrattiv imressaq mill-appellata fit-28 ta’ Awwissu 2013.

25.      Fil-25 ta’ Ottubru 2013 id-Direttur tas-SatCen bagħat rapport lill-Bord Dixxiplinari, li huwa kien bagħat ukoll lill-appellata, skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen.

26.      Fl-1 ta’ Novembru 2013 l-appellata bagħtet ittra lill-President tal-Bord Dixxiplinari, li permezz tagħha hija talbet li tingħata perijodu ta’ mill-inqas ħamsa u erbgħin jum sabiex tipprepara d-difiża tagħha. Hija talbet ukoll kopji tad-dokumenti kollha użati matul l-investigazzjoni amministrattiva, li t-tnax‑il membru tal-persunal li kienu ffirmaw l-ilment kontriha fl-14 ta’ Novembru 2012 kif ukoll it-tmintax‑il membru tal-persunal li kienu mlew il-kwestjonarju b’mistoqsijiet b’għażla multipla fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva jinstemgħu bħala xhieda quddiem il-Bord Dixxiplinari, u, fl-aħħar nett, li jiġu żvelati l-identitajiet tas-sitt membri tal-persunal li rrifjutaw li jimlew dak il-kwestjonarju.

27.      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2013, il-Kap tal-Amministrazzjoni tas-SatCen irrifjuta li l-appellata jkollha aċċess għall-posta elettronika tagħha u għal dokumenti oħra mill-kompjuter tagħha, kif ukoll mit-telefon ċellulari professjonali tagħha.

28.      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2013, il-President tal-Bord Dixxiplinari informa lill-appellata li kienet ser tinżamm seduta quddiem il-Bord Dixxiplinari fit-13 jew fl-14 ta’ Jannar 2014. F’dik l-istess ittra l-appellata ntalbet tissottometti l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Bord Dixxiplinari tal-inqas ġimgħa qabel id-data tas-seduta. L-appellata bagħtet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-21 ta’ Diċembru 2013.

29.      Fit-2 ta’ Diċembru 2013 l-appellata ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appelli, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tad-Direttur tas-SatCen tal-4 ta’ Ottubru 2013 li kienet ċaħdet l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni, kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u kontra d-deċiżjoni li ċaħditilha t-talba għal assistenza u, fit-tieni lok, kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq.

30.      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Diċembru 2013, l-appellata talbet lill-President tal-Bord Dixxiplinari jissospendi s-seduta. Hija indikat ukoll l-ismijiet tat-tlettax‑il xhud li hija talbet li jinstemgħu. Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2013, il-President tal-Bord Dixxiplinari żamm id-data tas-seduta għat-13 jew l-14 ta’ Jannar 2014 u informa lill-appellata bid-deċiżjoni tiegħu li jisma’ tnejn mix-xhieda li hija kienet talbet li jinstemgħu.

31.      Fis-17 ta’ Diċembru 2013 l-appellata ressqet ilment quddiem id-Direttur tas-SatCen kontra d-deċiżjoni tal-Bord Dixxiplinari tas-16 ta’ Diċembru 2013.

32.      Wara s-seduta li nżammet fit-13 ta’ Jannar 2014, il-Bord Dixxiplinari ta opinjoni motivata fl-4 ta’ Frar 2014, li permezz tagħha, l-ewwel nett, huwa qies b’mod unanimu li l-appellata kienet naqset milli tħares l-obbligi professjonali tagħha u, it-tieni nett, irrakkomanda li hija titniżżel mill-inqas żewġ gradi, sabiex ma tibqax tokkupa pożizzjoni b’responsabbiltajiet maniġerjali.

33.      Wara li nstemgħet l-appellata fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2014, fit-28 ta’ Frar 2014 id-Direttur tas-SatCen neħħieha mill-pożizzjoni tagħha għal raġunijiet dixxiplinari u din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ xahar wara dik id-data (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tneħħija”), billi sostna li:

“Fid-dawl tal-gravità tan-nuqqas tiegħek kif jirriżulta mir-rapport tad-Direttur lill-Bord Dixxiplinari, kif ikkonfermat mill-opinjoni motivata tal-Bord Dixxiplinari, u minħabba l-impossibbiltà li tiġi kklassifikata mill-ġdid għal livell u responsabbiltà proposti fl-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, u tar-rifjut ta’ rikonoxximent tiegħek li l-aġir tiegħek ma kienx xieraq, jiena niddeċiedi, skont l-Artikolu 7 tal-Anness IX [tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SATCEN] li nimponi fuqek is-sanzjoni li ġejja:

–        revoka, li twassal għat-tmiem tal-kuntratt tiegħek mas-SATCEN.

Il-kuntratt [tiegħek] jintemm, skont l-Artikolu 7(3)(a)(vii), tar-[Regolamenti tal-persunal tas-SATCEN], fi żmien xahar mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.”

34.      Id-deċiżjoni ta’ tneħħija kienet is-suġġett ta’ lment amministrattiv imressaq mill-appellata fis-17 ta’ April 2014, li ġie miċħud b’deċiżjoni tad-Direttur tas-SatCen tal-4 ta’ Ġunju 2014. Fit-12 ta’ Ġunju 2014 l-appellata kkontestat id-deċiżjoni ta’ tneħħija quddiem il-Bord tal-Appelli.

35.      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli”), innotifikata lill-appellata fit-23 ta’ Marzu 2015, il-Bord tal-Appelli ċaħad it-talba tal-appellata li talbet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni. Barra minn hekk, wara li ċaħad is-sottomissjonijiet kollha magħmula mill-appellata kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija, il-Bord tal-Appelli annulla dik id-deċiżjoni biss sa fejn id-data li fiha hija kellha tidħol fis-seħħ kienet ġiet stabbilita bħala l-31 ta’ Marzu 2014 u mhux l-4 ta’ April 2014.

III. Is-sentenza appellata u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.      Fit-28 ta’ Mejju 2015 l-appellata fetħet kawża fil-Qorti Ġenerali li kienet tikkonsisti f’rikors għal annullament u talba għal kumpens. Skont l-Artikolu 263 TFUE, l-appellata talbet (i) l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni, tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, tad-deċiżjoni li permezz tagħha d-Direttur tas-SatCen impliċitament ċaħad it-talba tagħha għal assistenza fir-rigward ta’ allegat fastidju psikoloġiku u tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli (iktar ’il quddiem, ilkoll, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”); (ii) sa fejn kien meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tas-SatCen tal-4 ta’ Ottubru 2013 li ċaħdet l-ilment tagħha għal assistenza, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni, u tad-deċiżjoni tad-Direttur tas-SatCen tal-4 ta’ Ġunju 2014 li ċaħdet l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija. Abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, l-appellata talbet għal kumpens għad-danni li hija allegatament ġarrbet. Hija talbet ukoll li s-SatCen jiġi kkundannat għall-ispejjeż, flimkien mal-imgħaxijiet.

37.      Fis-sentenza appellata, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima. Dik il-ġurisdizzjoni kienet toriġina, rispettivament, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, mill-Artikolu 263 TFUE u, fir-rigward ta’ talbiet għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, mill-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, billi jitqiesu l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (7). Wara dan il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tas-SatCen ibbażati fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ natura kuntrattwali bejn l-appellata u s-SatCen (8). Il-Qorti Ġenerali mbagħad laqgħet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li kienet ċaħdet it-talba għal assistenza (peress li l-appellata kienet naqset milli tħares il-proċedura amministrattiva ta’ qabel) u tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari (li kienet biss att preparatorju) (9). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argumenti li kienu jallegaw l-illegalità tal-proċeduri quddiem il-Bord Dixxiplinari kienu ammissibbli (10).

38.      Fuq il-mertu tat-tilwima, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa mill-appellata kontra l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen, billi ddikjarat li dik id-dispożizzjoni kienet inapplikabbli għal dan il-każ. Fuq din il-bażi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, adottata abbażi tas-setgħat li kienet tagħtih din id-dispożizzjoni, hija nieqsa minn bażi legali, b’tali mod li għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.” (11). Il-Qorti Ġenerali għaddiet ukoll sabiex tannulla d-deċiżjoni ta’ tneħħija (12) u d-deċiżjoni ta’ sospensjoni (13), minħabba li kkonstatat li, bil-mod kif mexxa l-investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tal-appellata, is-SatCen kien (i) kiser l-obbligu li jmexxi l-investigazzjoni b’attenzjoni u b’imparzjalità u (ii) kiser id-dritt tal-appellata li tinstema’ u d-dritt għal aċċess għall-fajl.

39.      Il-Qorti Ġenerali mbagħad għaddiet għat-talbiet għal kumpens imressqa mill-appellata. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma setgħetx tagħti kumpens għad-danni materjali allegatament imġarrba mill-appellata, peress li kien ikun prematur li tagħmel dan “mingħajr ma tkun taf il-miżuri meħuda mis-SATCEN b’eżekuzzjoni [tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali]”. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti, ex æquo et bono, kumpens ta’ EUR 10 000 għad-dannu morali li l-appellata kienet ġarrbet minħabba l-istat ta’ inċertezza fir-rigward tal-fatti allegati kontra tagħha u minħabba attakk fuq l-integrità tagħha u fuq ir-reputazzjoni professjonali tagħha (14).

40.      Fuq din il-bażi, is-sentenza appellata: (i) annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell; (ii) annullat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni; (iii) annullat id-deċiżjoni ta’ tneħħija; (iv) ordnat lis-SatCen iħallas lill-appellata s-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet; (v) ċaħdet il-kumplament tar-rikors; (vi) ikkundannat lis-SatCen għall-ispejjeż tiegħu stess u għal dawk imġarrba mill-appellata; u (vii) ikkundannat lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu stess.

41.      Fl-appell tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2019, is-SatCen jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad l-azzjonijiet ippreżentati mill-appellata u tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-proċeduri. Il-Kunsill intervjena insostenn tat-talba tas-SatCen.

42.      Min-naħa tagħha l-appellata titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lis-SatCen għall-ispejjeż.

43.      Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li saret fl-4 ta’ Diċembru 2019.

IV.    Analiżi

44.      Is-SatCen iressaq erba’ aggravji. L-ewwel u t-tieni aggravju huma diretti kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni tagħha li tisma’ l-kawża u l-ammissibbiltà tat-talbiet tal-appellata. It-tielet u r-raba’ aggravju jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu.

45.      Nibda l-analiżi tiegħi bl-ewwel u t-tieni aggravju tas-SatCen. Dawn l-aggravji jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu ttrattati l-aħjar flimkien inkwantu jikkoinċidu. It-tnejn huma intiżi li juru — permezz ta’ argumenti li ġeneralment jikkoinċidu — li ma hemmx bażi, fit-Trattati tal-Unjoni, għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet magħmula mill-appellata.

A.      Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

46.      L-ewwel nett, is-SatCen jikkritika s-sentenza appellata talli kkonkludiet, fil-punti 80 sa 114, li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar it-talbiet kollha mressqa mill-appellata. Is-SatCen isostni, minn naħa, li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha ġurisdizzjoni, għandu jkun hemm dispożizzjoni espressa f’dan is-sens. Madankollu, ma hemm ebda tali dispożizzjoni f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Elitaliana (15), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha ġurisdizzjoni meta d-deċiżjoni kkontestata taffettwa l-baġit tal-Unjoni. Madankollu, il-baġit tas-SatCen huwa magħmul biss minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri. Lanqas, skont is-SatCen, ma tista’ l-Qorti Ġenerali tassumi li għandha ġurisdizzjoni biss abbażi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi xxebbah membri tal-persunal ma’ kategoriji oħra ta’ persunal.

47.      It-tieni nett, is-SatCen jallega li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta kkonkludiet, fil-punti 118 sa 123 tas-sentenza appellata, li l-azzjoni tal-appellata għal annullament taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, u li t-talba tagħha għal responsabbiltà mhux kuntrattwali taqa’ f’dak tal-Artikolu 268 TFUE. B’mod partikolari, is-SatCen isostni li l-appellata, bħala membru tal-persunal tas-SatCen, ma tistax titqies li hija “terz” skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, is-sentenza H vs Il-Kunsill et (16) ma tistax, fil-fehma ta’ SatCen, tiġi applikata b’analoġija, peress li dan il-każ jirrigwarda membru tal-persunal bil-kuntratt, pjuttost milli membru tal-persunal ikkollokat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni.

48.      It-tielet nett, is-SatCen jissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt fil-punti 124 sa 132 tas-sentenza appellata, meta ċaħdet l-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura kuntrattwali tat-tilwima. Minħabba n-natura kuntrattwali tar-relazzjoni bejn l-appellata u s-SatCen, u inkwantu l-Artikolu 270 TFUE ma kienx japplika f’dan il-każ, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea setgħet — fil-fehma tas-SatCen — toriġina biss minn klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt, konformement mal-Artikolu 272 TFUE. Madankollu, ebda tali klawżola ta’ arbitraġġ ma kienet inkluża fil-kuntratt tal-appellata mas-SatCen.

49.      Il-Kunsill isostni l-argumenti tas-SatCen.

50.      Għall-kuntrarju, l-appellata tqis dawn l-argumenti bħala infondati. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali affermat b’mod korrett il-ġurisdizzjoni tagħha li tiddeċiedi dwar it-talbiet kollha li hija ppreżentat, kif ukoll l-ammissibbiltà tagħhom.

2.      Ġurisdizzjoni (Nru 1): fuq il-portata tad-deroga PESK

51.      Sabiex jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mis-SatCen, insibha utli nibda b’xi rimarki ġenerali dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-PESK, fid-dawl tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE.

a)      Il-ġrajja s’issa

52.      L-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE jeskludu l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet relatati mal-PESK u f’dak li jirrigwarda atti adottati abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ħlief għal żewġ eċċezzjonijiet. Iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu s-suġġett ta’ diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, is-sentenzi segwenti għandhom sinjifikat partikolari.

53.      Fis-sentenzi Mauritius (17) u Tanzanija (18), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet inter alia, li hija setgħet tivverifika jekk ftehim internazzjonali relatat mal-PESK kienx ġie nnegozjat u konkluż b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE. Tabilħaqq, sa fejn dik il-proċedura tkun prevista f’dispożizzjoni li ma tirrigwardax il-PESK, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa tiddeċiedi dwar allegati żbalji proċedurali li jwasslu għal ksur tagħha.

54.      Fis-sentenza Elitaliana, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta’ kawża ta’ annullament miftuħa kontra deċiżjoni meħuda minn missjoni ċivili tal-PESK dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku li kien ħoloq spejjeż li kellhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni, ibbażata fuq allegat ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-kuntratt kien irregolat mir-Regolament Finanzjarju (19), strument legali li ma jaqax taħt il-PESK.

55.      Fis-sentenza Rosneft (20), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 19, 24 u 40 TUE, l-Artikolu 275 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom ikunu interpretati bħala li jfissru li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni tagħti deċiżjonijiet preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il-validità ta’ att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet relatati mal-PESK, b’rabta ma’ miżuri restrittivi, bil-kundizzjoni li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun relatata jew mal-verifika tal-konformità ta’ dik id-deċiżjoni mal-Artikolu 40 TUE jew mal-istħarriġ tal-legalità ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

56.      Fl-aħħar nett, fis-sentenza H vs Il-Kunsill et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni tisma’ kawża ta’ annullament kontra deċiżjonijiet meħuda mill-kap ta’ missjoni tal-PESK, dwar it-trasferiment ta’ membru tal-persunal, ikkollokat minn Stat Membru, minn uffiċċju tal-missjoni għal ieħor. Huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li hija għandha ġurisdizzjoni wkoll fir-rigward ta’ atti li jkollhom kemm elementi li ma jaqgħux taħt il-PESK kif ukoll elementi relatati mal-PESK (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet b’kontenut doppju”) (21).

57.      Il-prinċipji ewlenin li joħorġu minn dawn il-kawżi huma dawn li ġejjin.

58.      L-ewwel nett, sa fejn l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE jintroduċu deroga (iktar ’il quddiem id-“deroga PESK”) mir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, li permezz tagħha l-Artikolu 19 TUE jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura li, fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati, il-liġi titħares, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

59.      It-tieni nett, għalkemm att tal-Unjoni jista’ jkollu rabta mal-PESK, jew saħansitra jkun adottat f’“kuntest tal-PESK”, sakemm l-att ikun imsejjes fuq bażi legali (sostantiva jew proċedurali) li ma taqax taħt il-PESK, il-ġudikatura tal-Unjoni jkollha ġurisdizzjoni tistħarreġ il-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti li ma jaqgħux taħt il-PESK.

60.      It-tielet nett, atti adottati minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni, bħal atti ta’ tmexxija ta’ persunal, ma humiex esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sempliċement għax ikunu adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet tal-PESK.

61.      Għalhekk, meta moqrija flimkien, dawn il-prinċipji jindikaw li, sabiex ikun jaqa’ taħt id-deroga tal-PESK, att tal-Unjoni għandu jissodisfa żewġ rekwiżiti. Fl-ewwel lok, huwa għandu jkun formalment ibbażat fuq dispożizzjonijiet tal-PESK. Fit-tieni lok, l-att għandu jikkorrispondi wkoll, fir-rigward tal-kontenut jew tal-mertu tiegħu, ma’ miżura tal-PESK.

62.      L-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE. Huwa minnu li t-tieni rekwiżit ma jissemmiex espressament f’dawk id-dispożizzjonijiet. Huwa minnu wkoll li l-introduzzjoni gradwali ta’ tali rekwiżit addizzjonali permezz tal-ġurisprudenza kienet tfisser li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga tal-PESK kien sar iktar restrittiv, b’atti li jkunu jidhru li jaqgħu taħt id-deroga, tal-inqas meta t-Trattati jinqraw b’iktar formalità, jiġu suġġetti għal stħarriġ.

63.      Madankollu, jidhirli li din l-evoluzzjoni hija kompletament korretta. Qabel ma niddeskrivi l-kriterji għall-interpretazzjoni ta’ dan it-tieni rekwiżit, ser nispjega għaliex interpretazzjoni sistemika, storika u teleoloġika tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE ssostni d-direzzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      L-elementi rilevanti għall-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE

64.      Meta jiġu eżaminati fid-dawl tal-kuntest kostituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, bl-ebda mod ma huwa anomalu li l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE huma suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva.

65.      L-ewwel nett, ma għandux jintesa li, għalkemm il-PESK huwa qasam suġġett għal “regoli u proċeduri speċifiċi” (22), huwa wkoll parti integrali mid-dritt tal-Unjoni. Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-PESK ma jfissirx nuqqas ta’ kriterji sostantivi. Qabelxejn, l-azzjoni esterna tal-Unjoni, kemm jekk fil-kuntest tal-PESK, kif ukoll f’dak ta’ politika oħra, hija ggwidata bl-istess sett ta’ prinċipji u għanijiet (23). L-Unjoni jeħtiġilha “tara li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti ta’ l-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha” (24).

66.      Iktar importanti huwa li l-atti adottati fil-qasam tal-PESK għandhom, mingħajr dubju, ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta. Tabilħaqq, l-Artikolu 51(1) tal-Karta jadotta definizzjoni istituzzjonali tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument fir-rigward ta’ azzjoni tal-Unjoni: il-Karta tapplika f’kull mument li fih istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni jaġixxu. L-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE ma jixħtux dubju fuq din id-dikjarazzjoni: huma jintroduċu esklużjoni ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iżda ma jeskludux l-applikabbiltà tal-Karta, jew, inċidentalment, ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju. Għalhekk, minkejja l-limitazzjonijiet sinjifikattivi fir-rigward tal-ġustizzjabbiltà tal-miżuri tal-PESK — li wasslu lill-Avukat Ġenerali Wahl isejjaħ lill-PESK lex imperfecta (25) — jibqa’ l-fatt li, anki għal tali atti, japplikaw regoli. Lex imperfecta ma tfissirx absentia legis.

67.      It-tieni nett, jekk wieħed jibda mis-sentenza determinanti Les Verts I (26), il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li (dik li issa hija) l-Unjoni Ewropea hija komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt, u li t-Trattati stabbilixxew sistema kompluta ta’ rimedji u proċeduri ġudizzjarji intiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tistħarreġ il-legalità ta’ miżuri adottati mill-istituzzjonijiet. Illum, l-Istat tad-dritt ma huwiex biss inkluż fost il-valuri fundamentali tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, iżda, skont l-Artikoli 21 u 23 TUE, huwa wkoll imsemmi bħala wieħed mill-prinċipji gwida tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluż fil-qasam speċifiku tal-PESK.

68.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod regolari, l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-konformità ma’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti fl-eżistenza tal-istat tad-dritt (27). B’mod partikolari, l-iskema ġenerali tat-Trattati hija li tagħmel azzjoni diretta disponibbli kontra l-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet li jkunu intiżi li jkollhom effetti legali (28).

69.      Madankollu, huwa ċertament minnu, kif isostni s-SatCen, li — fid-dawl tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-Artikolu 51(2) tal-Karta — l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fejn it-Trattati jeskluduha (29). Madankollu, kif korrettement enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ atti li jistgħu jaffettwaw individwi għandha tiġi interpretata b’mod strett (30). Fi kliem sempliċi, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jippermettix li l-Qorti tal-Ġustizzja tikteb mill-ġdid it-Trattati, iżda jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex huma jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom bl-għan li jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja lil kull persuna milquta minn atti ta’ istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni.

70.      It-tielet nett, ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma b’mod ċar ħafna li, irrispettivament mis-sistema ġuridika li fiha huma joperaw, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Skont l-Artikolu 19 TUE, bħala prinċipju, ġeneralment huwa għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tagħmel dak ix-xogħol, sabiex tiżgura li fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati l-liġi tkun osservata.

71.      Hekk, pereżempju, fis-sentenza Florescu (31) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li memorandum ta’ qbil konkluż fl-2009 mill-Kummissjoni Ewropea (f’isem, dak iż-żmien, il-Komunità Ewropea) u r-Rumanija kellu jitqies bħala att tal-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE minkejja n-natura sui generis tiegħu. Fis-sentenza James Elliot Construction (32) il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ standards tekniċi armonizzati (iktar ’il quddiem is-“STA”), minkejja l-fatt li s-STA ma humiex atti vinkolanti iżda dokumenti għal użu volontarju, u huma adottati formalment minn korpi privati. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-STA jipproduċu effetti legali, u li l-Kummissjoni kienet involuta fil-proċess ta’ adozzjoni u implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, fis-sentenza Ledra (33) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li mġiba illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaġixxu barra mill-kuntest tal-Unjoni setgħet tagħti lok għal azzjoni għal kumpens għal responsabbiltà mhux kuntrattwali skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE.

72.      Ir-raba’ nett, eżami storiku tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE ma jsostnix interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tkun tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-PESK. Id-deroga tal-PESK hija intiża prinċipalment sabiex tissalvagwardja l-“bilanċ istituzzjonali” distintiv li riedu l-awturi tat-Trattati fir-rigward ta’ dik il-politika (34). Minħabba n-natura ferm politika tagħha, kien ġie deċiż li jkun prinċipalment għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill li jiddefinixxu u jimplimentaw il-PESK, u għar-Rappreżentant Għoli u għall-Istati Membri sabiex iġibuha fis-seħħ (35). Barra minn hekk, kien tqies ukoll li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-PESK, għalkemm integrati formalment fit-Trattati TUE, “ma jaffettwawx ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri, kif jeżistu attwalment, għall-formulazzjoni u t-twettiq tal-politika estera tagħhom” (36).

73.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-portata stretta mogħtija lid-deroga tal-PESK hija konsistenti ma’ diversi prinċipji kostituzzjonali ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Issa ngħaddi għall-kwistjoni dwar x’jistgħu jfissru dawn il-prinċipji f’termini prattiċi.

c)      Kontenut verament relatat mal-PESK?

74.      L-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE huma espressjonijiet ta’ “eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-kontenut”: l-awturi tat-Trattati kienu tal-fehma li materji tal-PESK huma b’mod inerenti politiċi u, konsegwentement, ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Wieħed ma għandux jinsa, f’dan il-kuntest, li l-PESK hija, min-natura tagħha stess, politika operattiva: waħda li permezz tagħha l-Unjoni ssegwi l-għanijiet tagħha (iddefiniti b’mod wiesa’) permezz ta’ sett ta’ azzjonijiet (iddefiniti b’mod wiesa’), primarjament ta’ natura eżekuttiva u politika (37).

75.      Kif jirriżulta b’mod pjuttost ċar mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (u b’mod partikolari mill-Artikolu 25 TUE), ir-regoli u l-atti tal-PESK huma prinċipalment intiżi sabiex jirregolaw it-tmexxija tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, minn naħa, u tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra. Il-miżura “tipika” tal-PESK ma hijiex intiża sabiex toħloq drittijiet u obbligi għal individwi (38).

76.      Fuq din il-bażi, l-awturi tat-Trattati ddeċidew li kull tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kellha tiġi solvuta fil-livell politiku, mingħajr ma jkollhom x’jaqsmu l-qrati. Meqjus minn din il-perspettiva, il-fatt li individwi ma jistgħux jikkontestaw il-legalità ta’ miżuri tal-PESK quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandux joħloq lakuna sinjifikattiva fis-sistema ġuridika tal-Unjoni.

77.      Sabiex ikun stabbilit jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkunx adita jew le dwar każ partikolari jeħtieġ tkun segwita l-loġika li fuqha huma bbażati l-għażliet li għadhom kif ġew deskritti magħmula mill-awturi tat-Trattati. B’mod konsistenti ma’ dan l-approċċ, id-deroga tal-PESK ma tistax tinftiehem bħala li tirreferi għal atti li, għalkemm ikunu relatati mal-kuntest, jew saħansitra jkunu adottati formalment fil-kuntest tal-PESK, ma jkollhomx x’jaqsmu immedjatament jew direttament mad-definizzjoni, mal-implimentazzjoni jew mal-eżekuzzjoni ta’ dik il-politika. Fi kliem ieħor, meta r-rabta bejn att tal-Unjoni u azzjoni jew operazzjoni li jkunu relatati mal-politika estera tal-Unjoni jew mas-sigurtà tal-Unjoni tkun biss indiretta, ikun diffiċli li tiġi ġġustifikata l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Kull intervent tal-qrati tal-Unjoni ma jkunx, f’dawk il-każijiet, jista’ jikkostrinġi (jew tal-inqas ikollu probabbiltà żgħira li jikkostrinġi) il-marġni ta’ manuvra li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri huma mistennija jkollhom meta jaġixxu fil-qasam tal-PESK.

78.      Barra minn hekk, nista’ nżid ngħid li s-setgħat (limitati) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tistħarreġ il-legalità ta’ ċerti atti adottati formalment fil-qasam tal-PESK bl-ebda mod ma jimplikaw li l-ġudikatura tal-Unjoni tista’ tistħarreġ (jew, wara kollox, tkun trid tistħarreġ) għażliet ta’ politika estera jew ta’ sigurtà li jkunu eminentement politiċi. Indipendentement minn jekk l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE jikkodifikawx forma ta’ “duttrina ta’ kwistjoni politika”, il-Qorti tal-Ġustizzja wriet li hija konxja ħafna dwar il-limiti imposti fuq il-funzjoni kostituzzjonali tagħha mit-Trattati (39) u, b’mod partikolari, mill-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri (40). Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll repetutament qalet li fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom diskrezzjoni wiesgħa, u b’mod partikolari fejn huma jkun jeħtiġilhom jagħmlu għażliet li jkunu, b’mod partikolari, ta’ natura politika u jwettqu evalwazzjonijiet kumplessi, l-evalwazzjonijiet sottostanti għall-eżerċizzju ta’ dik id-diskrezzjoni huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju limitat (41).

79.      Għal dawn ir-raġunijiet huwa pjuttost evidenti li l-fatt li att ikun formalment ibbażat fuq dispożizzjonijiet tal-PESK jew adottat f’dak il-kuntest sempliċement ma huwiex suffiċjenti sabiex jagħti lok għad-deroga tal-PESK. L-att għandu jkollu wkoll kontenut verament relatat mal-PESK.

80.      Dan naturalment iqanqal id-domanda: x’inhu kontenut verament relatat mal-PESK? Nirrikonoxxi li huwa impossibbli jkun ipprospettat test infallibbli li jservi sabiex jiġbed linja ċarissima bejn kontenut relatat mal-PESK u kontenut li ma huwiex relatat mal-PESK. Din id-delimitazzjoni neċessarjament tinvolvi evalwazzjoni każ b’każ, li tkun tiddependi ħafna mill-kuntest.

81.      Madankollu, mill-ġurisprudenza eżistenti (42) qisu jidher li atti amministrattivi normali — jiġifieri atti tal-amministrazzjoni tal-Unjoni li ma jkollhomx rabta inseparabbli mal-eżerċizzju tal-PESK — ma jurux kontenut (suffiċjenti) relatat mal-PESK sabiex ikunu esklużi minn stħarriġ ġudizzjarju. Dawk l-atti tipikament jinkludu, pereżempju (u b’mod partikolari), deċiżjonijiet dwar tmexxija ta’ persunal, deċiżjonijiet dwar il-baġit u n-nefqa jew deċiżjonijiet relatati ma’ proċeduri normali u ordinarji ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

82.      Nenfasizza t-termini kwalifikattivi “tipikament” u “normali” jew “ordinarji”: il-kejl huwa li l-kontenut tad-deċiżjoni jkun komuni, għall-kuntrarju ta’ speċifiku, għall-PESK. B’mod astratt, din l-idea forsi tinftiehem l-aħjar b’esperiment tal-ħsieb dwar paralleliżmu tal-kontenut: jista’ l-att ikkontestat, li jkun formalment ibbażat fuq dispożizzjoni tal-PESK, jiġi adottat f’kuntest ieħor mhux relatat mal-PESK? Jekk dan ikun il-każ, ikunu l-kontenut tiegħu u l-kunsiderazzjonijiet li jkunu wasslu għall-adozzjoni tiegħu simili, jew anki identiċi, jekk ikunu adottati f’kuntest mhux relatat mal-PESK? Jekk ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi tkun fl-affermattiv, x’aktarx li l-att ma jkollux kontenut verament relatat mal-PESK.

83.      Tabilħaqq, atti amministrattivi komuni normalment ma jkollhom ebda konnotazzjoni politika jew strateġika. Minkejja li jkunu adottati fil-kuntest tal-PESK, huma jkunu jikkonċernaw it-tmexxija normali tal-amministrazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, dawn jistgħu wkoll jaffettwaw il-pożizzjoni ta’ individwi jew entitajiet speċifiċi. F’dawk iċ-ċirkustanzi, id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, ma jistax ħlief ikun applikat b’mod sħiħ. Dawk l-atti għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ minn qorti, indipendentement mill-mod kif ikunu jissejħu formalment.

84.      Fl-aħħar nett, kif ingħad iktar ’il fuq (43), il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement qalet li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw fir-rigward ta’ deċiżjonijiet b’kontenut doppju. Madankollu jiena ma ninterpretax dik id-dikjarazzjoni bħala li tfisser li l-ġudikatura tal-Unjoni għandha tistħarreġ kull ksur jew żball allegat b’rabta ma’ tali deċiżjonijiet. Jista’ jkun ċertament diffiċli li jiġi sseparat il-kontenut doppju ta’ tali atti. Ladarba deċiżjoni b’kontenut doppju ssir suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju abbażi tal-kontenut tagħha mhux relatat mal-PESK, jista’ jkun hemm ukoll xi dħul anċillari fuq il-kontenut relatat mal-PESK.

85.      Eżattament għal dawn ir-raġunijiet nissuġġerixxi li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tintfiehem f’dawk il-materji bħala skala jew kontinwità gradwali, u mhux bħala kwistjoni ta’ estremitajiet ta’ jew kollox jew xejn, li permezz tagħhom is-sempliċi eżistenza ta’ kontenut doppju tirrendi kollox awtomatikament suġġett għal stħarriġ. Minn naħa, ikun hemm deċiżjonijiet li, għalkemm ikunu formalment ibbażati fuq dispożizzjoni tal-PESK, ikollhom, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, ftit li xejn x’jaqsam mal-PESK. Min-naħa l-oħra, ikun hemm deċiżjonijiet li jkunu jaqgħu manifestament fid-deroga tal-PESK. Imbagħad, fit-triq tan-nofs, ikun hemm id-deċiżjonijiet b’kontenut doppju jew multiplu, li dwarhom huma mħeġġin il-prudenza u r-rażan (44). Jekk il-kontenut mhux relatat mal-PESK ta’ att ikun wieħed anċillari biss għall-kontenut tiegħu relatat mal-PESK, dan tal-aħħar jista’ jipprevali u b’hekk jillimita jew saħansitra jeskludi stħarriġ ġudizzjarju.

d)      Fuq din il-kawża

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta affermat il-ġurisdizzjoni tagħha li tisma’ l-kawża.

87.      Id-deċiżjonijiet ikkontestati huma atti ta’ tmexxija normali ta’ persunal li, ċertament sa fejn għandu x’jaqsam il-każ ippreżentat u dibattut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jinkludu ebda kontenut speċifiku relatat mal-PESK. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jintgħarfux, bħala stat ta’ fatt, minn deċiżjonijiet li setgħu, f’sitwazzjoni simili, jiġu adottati għal kull membru tal-persunal ingaġġat minn korp jew aġenzija tal-Unjoni maħluqa fil-kuntest ta’ kull politika oħra tal-Unjoni.

88.      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argumenti ppreżentati mis-SatCen, il-fatt li r-regoli tal-Unjoni allegatament miksura bid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkonċernawx il-baġit tal-Unjoni huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti. Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Elitaliana ma jistax jiġi dedott li atti tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-PESK jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ biss meta jiksru dispożizzjonijiet li jirregolaw il-baġit tal-Unjoni. L-element f’dak il-każ li rrenda l-att suġġett għal kontestazzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni kien il-fatt li, minkejja li kienet oriġinat minn entità maħluqa mill-PESK (u, għalhekk, potenzjalment skont id-dispożizzjonijiet relatati mal-PESK), id-deċiżjoni kkontestata kienet (i) adottata abbażi ta’ dispożizzjonijiet mhux relatati mal-PESK, u (ii) ir-rikorrenti allegat ksur ta’ dispożizzjonijiet mhux relatati mal-PESK.

89.      Għalhekk, l-element baġitarju tas-sentenza Elitaliana kien, fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxi eżempju speċifiku tar-regola iktar ġenerali li ppruvajt niddeskrivi fil-qosor fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet: id-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti inkwistjoni f’dik il-kawża kienu atti amministrattivi normali li ma kinux marbuta b’mod inseparabbli mal-eżerċizzju tal-PESK u, għalhekk, ma kinux esklużi minn stħarriġ ġudizzjarju.

3.      Ġurisdizzjoni (Nru 2): fuq in-natura kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ impjieg u n-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ

90.      F’dan li ġej ser nispjega għaliex jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wkoll ma żbaljatx fid-dritt meta aċċettat il-ġurisdizzjoni minkejja żewġ elementi oħra invokati mis-SatCen: il-fatt li r-relazzjoni ta’ impjieg kienet ibbażata fuq kuntratt bejn l-appellata u s-SatCen, u n-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ speċifika f’dak il-kuntratt ta’ impjieg favur il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

a)      Osservazzjonijiet preliminari dwar materji ta’ persunal

91.      Ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħha hija rregolata prinċipalment mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti Ġenerali tal-Persunal”) (45). Skont l-Artikolu 270 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha “monopolju” fuq tilwim bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, “fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-[Regolamenti Ġenerali tal-Persunal]”.

92.      Aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea, madankollu, sikwit ikollhom ir-regoli tal-persunal tagħhom stess, li jistgħu jkunu simili għar-Regolamenti Ġenerali tal-Persunal (46) jew le. Kif issemma fil-punt 8 iktar ’il fuq, is-SatCen fil-fatt għandu r-Regolamenti tal-Persunal tiegħu stess. Għal dak li huwa rilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen kienu adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2009 (47).

93.      Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen, ir-regoli li hemm fih japplikaw, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, għal “impjegati reklutati b’kuntratt [mis-SatCen]”.

94.      Imbagħad, l-Artikolu 1(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen jiddefinixxi t-terminu “impjegat” bħala li jkopri żewġ kategoriji distinti ta’ membri tal-persunal:

“(a)      membri tal-persunal, li għandhom kuntratti [mas-SatCen] u jokkupaw pożizzjonijiet baġitarji elenkati fit-tabella ta' membri tal-persunal annessa kull sena għall-baġit [tas-SatCen];

(b)      persunal lokali, li għandu kuntratti [mas-SatCen] taħt il-leġislazzjoni nazzjonali lokali.”

95.      Għalhekk, ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen essenzjalment joħolqu sistema bidirezzjonali għar-reklutaġġ ta’ persunal (48). Minn naħa, is-SatCen jista’ jirrekluta l-persunal tiegħu bħala “membri tal-persunal”, f’liema każ ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-persunal u l-Aġenzija tkun essenzjalment irregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen. Min-naħa l-oħra, is-SatCen jista’ jirrekluta persunal bħala “persunal lokali”, b’kuntratti li jkunu rregolati mil-liġi nazzjonali.

96.      Mill-perspettiva kuntrattwali, iż-żewġ kategoriji ta’ persunal, għalhekk, ma humiex analogi. Inevitabbilment, din id-differenza tħalli riperkussjonijiet fuq il-forum ġudizzjarju speċifiku għal kull kunflitt relatat max-xogħol bejn l-impjegat u l-persuna li timpjega.

97.      Fir-rigward ta’ persunal lokali, kemm is-SatCen kif ukoll il-persuna individwali li tkun ingaġġata għandhom diskrezzjoni usa’ sabiex jinnegozjaw l-aspetti varji tar-relazzjoni professjonali futura tagħhom. Il-karatteristiċi essenzjali ta’ din ir-relazzjoni jkunu stabbiliti fil-kuntratt innifsu li jkun ikkomplementat, skont il-każ, mil-liġijiet nazzjonali rilevanti. Kuntrarjament għal membri tal-persunal, ir-rilevanza tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen (jew ta’ kull att simili tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni) f’dan il-kuntest hija wisq iktar limitata. Għalhekk, ir-relazzjoni professjonali bejn il-persuna li timpjega u l-impjegati tagħha tista’ b’mod korrett tiġi ddefinita bħala kuntrattwali.

98.      B’dan il-mod, dwar persunal lokali, ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija hija rregolata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni”. Il-kuntratt jista’, għalhekk, jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ jew arranġamenti speċjali li jagħtu ġurisdizzjoni, pereżempju, lil qrati lokali jew lil qrati nazzjonali oħra. Forom oħra ta’ arbitraġġ ukoll ma humiex preklużi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 272 TFUE, ġurisdizzjoni tista’ wkoll tingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, f’tali każijiet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tistax titqies li għandha ġurisdizzjoni hija biss minħabba li dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 272 u 274 TFUE (49).

99.      Min-naħa l-oħra, meta jingaġġa membri tal-persunal, is-SatCen għandu inqas marġni ta’ manuvra. Huwa minnu li r-relazzjoni professjonali bejn il-membru tal-persunal u l-aġenzija tal-Unjoni tinbeda b’kuntratt. Iżda ma jkunx korrett li dik ir-relazzjoni titqies bħala li tkun ibbażata biss fuq kuntratt. Il-kuntratt ta’ impjieg essenzjalment huwa l-bażi sabiex tintlaħaq pożizzjoni li l-karatteristiċi prinċipali tagħha ma jkunux liberament iddeterminati mill-partijiet fil-kuntratt. Ir-relazzjoni professjonali bejn il-membru tal-persunal u l-aġenzija tkun, fil-fatt, irregolata ġeneralment b’att tal-Unjoni li huwa att tad-dritt pubbliku: ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen. Għalhekk, il-proċedura segwita għar-reklutaġġ, id-definizzjoni tal-kuntratt inkwistjoni u l-qafas legali li fuqu jkun hemm qbil dwaru, jinvolvu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi li jingħataw lill-aġenzija b’att tal-Unjoni ta’ applikazzjoni ġenerali (50).

100. Fi kliem ieħor, il-kuntratt huwa essenzjalment mezz ta’ konformità mas-sistema stabbilita b’mod obbligatorju fir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen. L-istess huwa minnu għall-għażla (jew, iktar preċiż, in-nuqqas tagħha) ta’ forum adattat ta’ soluzzjoni ta’ tilwim relatat max-xogħol. Dawn l-elementi huma stabbiliti f’termini obbligatorji fir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen. F’dan is-sens l-aġenzija inkwistjoni ma taġixxix bħal kull persuna oħra (privata) li timpjega.

101. F’dan il-kuntest, kull deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-aġenzija inkwistjoni minħabba ksur tal-kuntratt tal-impjieg neċessarjament timplika l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li huma stabbiliti f’att tad-dritt pubbliku, adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-proċeduri msemmija fit-Trattati tal-Unjoni u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje “L”). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(1) TUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li “għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati (51)”.

102. Dan iwassalni għas-sitwazzjoni speċifika tal-appellata u għall-mod li bih dik is-sitwazzjoni kienet evalwata fis-sentenza appellata.

b)      Fuq din il-kawża

103. Huwa paċifiku li s-SatCen irrekluta lill-appellata bħala membru tal-persunal skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen. Kemm l-offerta magħmula mis-SatCen lill-appellata kif ukoll il-kuntratt konkluż bejn il-partijiet jagħmlu dan b’mod ċar ħafna. L-ittri tat-7 u tat-8 ta’ Lulju 2009 tad-Direttur tas-SatCen lill-appellata jirreferu wkoll għall-“ħatra” tal-appellata fil-pożizzjoni offruta.

104. Ma hemmx dubju li r-Regolamenti Ġenerali tal-Persunal ma japplikawx għal dan il-każ u, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni (esklużiva) sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet ikkontestati u t-talba għad-danni skont l-Artikolu 270 TFUE (52).

105. Fil-paragrafi 99, 120 u 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, madankollu, ikkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni fil-każ, skont l-Artikoli 263 u 268 TFUE.

106. Fid-dawl tal-qafas legali muri iktar ’il fuq, jiena naqbel ma’ din l-analiżi. L-argumenti mressqa mis-SatCen u mill-Kunsill kontra din il-konklużjoni, fil-fehma tiegħi, huma bbażati fuq interpretazzjoni ħażina tas-sentenza appellata jew huma, f’kull każ, legalment żbaljati.

107. L-ewwel nett, ma jkunx korrett jingħad li l-Qorti Ġenerali siltet il-ġurisdizzjoni tagħha f’din il-kawża mill-prinċipju ta’ ugwaljanza biss. Il-Qorti Ġenerali qalet b’mod ċar li l-ġurisdizzjoni tagħha kienet ibbażata fuq l-Artikoli 263 u 268 TFUE. Dwar dan, il-Qorti Ġenerali spjegat għaliex it-talbiet tal-appellata ma kinux jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-Artikolu 275 TFUE, li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (53). Waħda mir-raġunijiet għal dan hija preċiżament li interpretazzjoni differenti tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza, inkwantu membri tal-persunal f’sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tilwim relatat max-xogħol (54).

108. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jagħmluha ċara wkoll li d-dikjarazzjonijiet tas-SatCen li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni billi kkonstatat li għandha ġurisdizzjoni fejn ebda dispożizzjoni ta’ Trattati ma tipprovdi għaliha, jonqsu milli jikkonvinċu.

109. It-tieni nett, is-SatCen isostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jipproduċux effetti legali fir-rigward ta’ terzi skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, għalhekk, ma jistgħux jiġu kkontestati skont din id-dispożizzjoni. Inkwantu l-appellata hija impjegata tas-SatCen, hija ma setgħetx titqies li kienet “terz” fir-rigward tal-persuna li kienet timpjegaha. Għalhekk, peress li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jippermetti li individwi jikkontestaw atti “taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi”, dawk id-deċiżjonijiet ma jistgħux — skont is-SatCen — ikunu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

110. Insib li l-argument tas-SatCen ma għandux bażi. L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirrigwardaw l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet għal annullament ippreżentati minn Stati Membri, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni kontra kull att tal-Unjoni intiż li jipproduċi effetti legali. Madankollu, sabiex att ikun jista’ jiġi kkontestat, dawk l-effetti għandhom jiġu prodotti “fir-rigward ta’ terzi”. Din ir-riżerva hija intiża sabiex teskludi mill-atti li jistgħu jiġu kkontestati l-hekk imsejħa atti interna corporis: atti li jkunu relatati mal-organizzazzjoni interna ta’ istituzzjoni, u li ma jipproduċu ebda effett lil hinn mill-kuntest tagħhom (55). Hemm żewġ raġunijiet prinċipali għal din l-esklużjoni. L-ewwel nett, minħabba l-istatus kostituzzjonali tagħhom, istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jkollhom is-setgħa jorganizzaw il-funzjonament intern tagħhom bil-mod li huma jqisu xieraq. It-tieni nett, istituzzjoni jew Stat Membru ma għandhomx interess ġuridiku jippreżentaw proċeduri kontra dispożizzjonijiet li l-effetti tagħhom ikunu purament interni għal istituzzjoni oħra.

111. Madankollu, dan żgur ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Id-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom l-għan li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-appellata li — għall-inqas f’dan il-kuntest — għandha personalità ġuridika distinta minn dik tal-aġenzija. Barra minn hekk, dawk id-deċiżjonijiet huma, mingħajr dubju, atti indirizzati lill-appellata għall-finijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, atti li l-effetti legali tagħhom ikunu vinkolanti fuq rikorrent u jkunu jistgħu jaffettwaw l-interessi tiegħu billi jġibu bidla distinta fil-pożizzjoni legali tiegħu, huma atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni għal annullament (56).

112. Barra minn hekk, meħuda fil-konklużjoni loġika sħiħa tagħhom, l-argumenti mressqa mis-SatCen iħallu kategorija waħda tal-persunal tiegħu, jew aktarx il-kategorija ewlenija tal-persunal tiegħu, mingħajr aċċess għal ebda qorti. Kategorija ta’ persunal iddefinita b’mod ċar minn att tad-dritt sekondarju, ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen, li, b’kull interpretazzjoni raġonevoli, huwa sistema tal-Unjoni (57), la taqa’ taħt l-Artikolu 270 TFUE u lanqas taħt l-Artikolu 263 TFUE. Tibqa’ maqbuda bħal f’limbu ġudizzjarju.

113. It-tielet u l-aħħar nett, ma jiniex konvint bl-argument tas-SatCen li, minħabba li r-relazzjoni tiegħu mal-appellata hija ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali kien ikollha ġurisdizzjoni biss kieku l-kuntratt kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ favur il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-punti 99 sa 101 iktar ’il fuq, spjegajt għaliex jiena tal-fehma li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dawn il-proċeduri, it-tilwima tqajjem kwistjonijiet li jmorru lil hinn minn sempliċi konformità mill-persuna li timpjega (is-SatCen) mal-kuntratt konkluż ma’ waħda mill-impjegati tiegħu (l-appellata). Għal membri tal-persunal, bħall-appellata, tilwim relatat max-xogħol essenzjalment ikun dwar jekk l-aġenzija tal-Unjoni tkunx aġixxiet skont ir-regoli ġenerali stabbiliti b’deċiżjoni tal-Kunsill: ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen.

114. Għaldaqstant, jekk l-appellata hijiex jew le f’pożizzjoni li tixbah lil dik tar-rikorrent fil-kawża li kienet tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja H vs Il-Kunsill et — kwistjoni li kienet dibattuta fit-tul bejn il-partijiet — ma huwiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Irrid inżid, inċidentalment, li — kif irrikonoxxa l-Kunsill waqt is-seduta — jekk membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bl-istess mod bħal membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza H vs Il-Kunsill et), dan għandu jkun il-każ, a fortiori, għall-membri tal-persunal bħall-appellata. Filwaqt li tal-ewwel setgħu jirċievu iktar faċilment protezzjoni ġudizzjarja adegwata mill-qrati tal-Istati Membri li minnhom huma jkunu ġew ikkollokati (58), dan ma huwiex neċessarjament hekk għal tat-tieni. Tabilħaqq, il-membri tal-persunal ikunu rreklutati direttament minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni u ma jkollhomx (u ma jistax ikollhom) rabta professjonali ma’ awtoritajiet nazzjonali.

115. Fl-aħħar nett, ninnota li, fil-punti 124 sa 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali debitament spjegat għaliex l-appellata kienet, fil-fehma tagħha, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ membri tal-persunal oħra tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni. Ma nara ebda żball legali ovvju jew żnaturament ta’ fatti jew provi f’dawn is-siltiet.

116. Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel u t-tieni aggravju tas-SatCen għandhom jiġu miċħuda.

4.      Il-portata u l-konsegwenzi tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen

117. Jiena naqbel mal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni f’din il-kawża.

118. Madankollu, jiena ma naqbilx mal-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali rabtet ma’ dik il-konstatazzjoni. Tabilħaqq, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen.

119. Qabelxejn, għandi ninnota li s-SatCen ma qajjimx dan il-punt fis-sottomissjonijiet tiegħu bħala aggravju separat. Madankollu, l-iżball tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huwa l-konsegwenza loġika tal-argumenti mressqa mis-SatCen fl-ewwel u fit-tieni aggravju tiegħu. Kieku l-aggravji tas-SatCen kellhom jintlaqgħu, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-illegalità tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen kienu inevitabbilment jaqgħu huma wkoll.

120. Il-possibbiltà li l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen ikun invalidat għandha wkoll tifsira prattika usa’ peress li, kif is-SatCen ikkonferma waqt is-seduta, wara l-għoti tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Appelli kien ġie sospiż milli jopera mis-SatCen. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt speċifiku għandhom jiddeterminaw mhux biss il-futur ta’ dan il-korp, iżda wkoll indirettament dak ta’ korpi oħra simili, ikkostitwiti f’aġenziji jew f’uffiċċji oħra tal-Unjoni sabiex jittrattaw it-tilwim f’każijiet tal-persunal.

121. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, sa fejn jispeċifika li ma għandux ikun hemm appell mid-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appelli, l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen imur kontra l-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 256 TFUE. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, meta ħolqot Bord tal-Appelli li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija esklużiva u konkorrenti ma’ dik tal-Qorti Ġenerali, u billi żammet dak il-Bord tal-Appelli anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-Deċiżjoni 2009/747 kisret it-Trattati. L-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen kien, għalhekk, iddikjarat li ma kienx japplika għal dan il-każ (59).

122. Insib li konklużjoni bħal din hija indebitament wiesgħa u inutli. Nissuġġerixxi li, meta jinqara fil-kuntest leġiżlattiv kif ukoll fil-kuntest usa’ tiegħu, tkun possibbli interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen: waħda li tkun konformi mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li jitħarsu l-għażliet istituzzjonali speċifiċi magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ il-Kunsill.

a)      L-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen: appell amministrattiv jew ġudizzjarju?

123. L-Artikolu 28(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen, fil-parti rilevanti, jippermetti, lil kull persuna li għaliha japplikaw dawk ir-regolamenti, li “tista’ tippreżenta lid-Direttur talba sabiex [j]ieħu deċiżjoni relatata [magħha] rigward kwistjonijiet koperti [mir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen]”. Kull tali deċiżjoni (espliċita jew impliċita) tad-Direttur tista’, skont l-Artikolu 28(2) sa (4) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen, tkun suġġetta għal proċedura ta’ lment amministrattiv u għal medjazzjoni (din tal-aħħar tkun biss fakultattiva). Imbagħad, l-Artikolu 28(5) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen jipprevedi li, “[w]ara li jużaw il-possibbiltajiet kollha tal-ewwel rikors (appell amministrattiv intern), il-membri tal-persunal għandhom il-libertà li jirrikorru għal soluzzjoni quddiem il-Bord tal-Appelli [tas-SatCen]” (60).

124. Għalhekk, meta jinqara kollu kemm hu, l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen jidher li għandu x’jaqsam biss ma’ appelli amministrattivi, inklużi dawk li jinstemgħu mill-Bord tal-Appelli. Din l-aħħar proċedura hija, tabilħaqq, imsemmija bħala soluzzjoni ta’ tilwim, kemm fl-Artikolu 28(5) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen, kif ukoll fl-Anness X (Bord tal-Appelli) ta’ dawk ir-regolamenti (61). Ma hemm xejn fl-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen jew, inċidentalment, f’xi dispożizzjoni oħra ta’ dawk ir-regolamenti, dwar stħarriġ minn qorti ta’ deċiżjonijiet tas-SatCen adottati f’oqsma koperti minn dawk ir-regolamenti.

125. Id-dispożizzjoni kkontestata, l-Artikolu 28(6), tidher f’dan il-kuntest. Is-sentenza ewlenija tal-ftuħ ta’ din id-dispożizzjoni tgħid li “[i]d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jorbtu liż-żewġ partijiet. M’għandu jkun hemm l-ebda appell minnhom. Il-Bord tal-Appell jista’: […]”.

126. Meqjusa fil-kuntest intern tagħha. id-dikjarazzjoni “[m]’għandu jkun hemm l-ebda appell minnhom” tista’, minn naħa, tiġi interpretata bħala li l-leġiżlatur tal-Unjoni jixtieq jeskludi kull rimedju ta’ natura ġudizzjarja, u għalhekk tabilħaqq jixtieq jipprekludi kull aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, f’dak il-każ, wieħed jista’ jissuġġerixxi li kienet biss it-tieni sentenza tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen li kellha titneħħa, u mhux l-Artikolu 28(6) kollu kemm hu. Min-naħa l-oħra, l-istess sentenza tista’ tinqara wkoll bħala li tindika li ma jista’ jkun hemm ebda appell ta’ natura amministrattiva fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli dwar il-kwistjoni, filwaqt li kienet siekta dwar kull rimedju ġudizzjarju potenzjali quddiem qorti.

127. Ftit li xejn huwa utli li wieħed jidħol f’eżerċizzju lingwistiku komparattiv f’dan l-istadju, sabiex ikun diskuss jekk id-diversi verżjonijiet lingwistiċi (ugwalment awtentiċi) għandhomx eżattament l-istess tifsira jew jekk xi wħud minnhom jagħtux iktar ħjiel ta’ appell amministrattiv, filwaqt li oħrajn ta’ rimedju ġudizzjarju. Bħas-soltu, li wieħed jikkonsulta d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-regolament aktarx iservi sabiex tkun enfasizzata d-diversità semantika tagħhom (62).

128. Minflok, irrid nosserva li għadd ta’ testi oħra, inklużi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, jużaw lingwa differenti meta jirreferu għal rimedju ġudizzjarju quddiem qorti. L-iktar importanti huwa li, skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti” (63).

129. Għalhekk, meta l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen jinqara kollu hemm hu, u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (jew b’kuntrast miegħu) u tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, bl-ebda b’mod ma huwa ovvju li l-Artikolu 28(6) huwa intiż sabiex jeskludi kull appell ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appelli tas-SatCen. Pjuttost naħseb li din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata bħala li tirreferi biss għal kull appell ulterjuri ta’ natura amministrattiva.

b)      Il-kuntest usa’: ġurisdizzjoni “tolleranti” jew “intolleranti”?

130. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni inerenti u vestita għall-interpretazzjoni ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni, sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx espressament eskluża abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Dan, tabilħaqq, huwa l-punt tat-tluq.

131. Fl-istess waqt, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu diskrezzjoni fit-tfassil tas-sistema ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li jidhirlu xierqa għal kull aġenzija, uffiċċju jew korp partikolari tal-Unjoni, sakemm dik is-sistema ma tinvadix il-prerogattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisdizzjoni vestita tagħha.

132. Hemm mod proporzjonat u tolleranti sabiex dawn iż-żewġ propożizzjonijiet ikunu rrikonċiljati. Filwaqt li jkun irrikonoxxut dak il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni u jkunu aċċettati għadd ta’ tifsiliet istituzzjonali potenzjali, ikun għad fadal ir-regola tad-deheb: fit-tfassil ta’ sistema ta’ liġi sekondarja, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeħtieġlu jiggarantixxi, f’ċertu stadju tal-proċeduri, il-possibbiltà li jippreżenta kawża dwar deċiżjoni finali dwar materji ta’ persunal quddiem qorti indipendenti. Jekk id-deċiżjoni tkun dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa pubblika tal-Unjoni minn korp tal-Unjoni fil-kuntest ta’ sistema leġiżlattiva tal-Unjoni, dik il-qorti tkun finalment il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

133. Fuq livell iktar ġenerali, huwa l-obbligu doppju kemm għall-protezzjoni ġuridika indipendenti ta’ individwi, kif ukoll għal interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni li huwa validu mhux biss għall-Istati Membri li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fil-livell nazzjonali (64), iżda wkoll għal istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinnegozjaw u jfasslu mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim estern li jistgħu jinvolvu xi elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (65). L-istess loġika għandha, għalhekk, tapplika a fortiori għal kull mekkaniżmu intern tal-Unjoni ta’ soluzzjoni ta’ tilwim, b’mod partikolari fil-każ ta’ materji ta’ persunal li jkunu ttrattati fid-diversi korpi jew aġenziji tal-Unjoni skont regolamenti speċifiċi tal-persunal, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Ġenerali tal-Persunal.

134. F’dan il-kuntest, jien inklinat li naqbel mal-Qorti Ġenerali li diskussjoni dwar jekk il-Bord tal-Appelli tas-SatCen jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ tribunal imparzjali u indipendenti hija ta’ ftit rilevanza għall-finijiet ta’ din it-tilwima (66), iżda għal raġuni differenti: anki kieku l-Bord tal-Appelli tas-SatCen kellu jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, sabiex b’hekk potenzjalment jissodisfa l-obbligu ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, xorta waħda tibqa’ l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ uniformità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għal darba oħra, jekk din il-kunsiderazzjoni tillimita l-għażliet istituzzjonali fl-Istati Membri, u anki f’sistemi oħra tad-dritt internazzjonali li l-Unjoni hija jew biħsiebha tkun parti minnhom, dan għandu a fortiori jkun minnu għas-sistemi interni tal-Unjoni.

135. Dan premess, ma jsegwix neċessarjament li aċċess għall-qrati tal-Unjoni għandu jingħata immedjatament u li aġenzija jew korp tal-Unjoni ma jkunx jista’ jkollhom il-mekkaniżmu intern tagħhom stess ta’ soluzzjoni ta’ tilwim, anki wieħed ta’ natura semiġudizzjarja, li għandu jkun disponibbli fl-ewwel lok, jekk jista’ jkun fuq bażi obbligatorja. Jista’ jkun fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jekk, f’sitwazzjonijiet bħal din inkwistjoni f’dan l-appell, it-tilwima titressaq l-ewwel quddiem korp li, għalkemm ikun stabbilit fi jew magħqud ma’ aġenzija, ikun jeħtieġlu jevalwa l-kwistjoni b’mod indipendenti fil-kuntest ta’ proċedura kważi ġudizzjarja. Par għajnejn friski u newtrali jistgħu mhux biss jirnexxilhom iktar jgħinu lill-partijiet isibu soluzzjoni bonarja, iżda jistgħu wkoll jiċċaraw aspetti tat-tilwima li, eventwalment, ikun jeħtiġilhom jiġu deċiżi mill-qrati tal-Unjoni. L-eżistenza ta’ sistema ta’ appelli interni li tippreċedi iżda li finalment ma żżommx milli jkun hemm proċeduri ġudizzjarji tista’, għalhekk, toffri lill-partijiet mod rapidu, prattiku u orħos għal soluzzjoni ta’ tilwim. Tista’, barra minn hekk, tikkontribwixxi sabiex tkun evitata litigazzjoni bla bżonn quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

136. Madankollu, kif diġà ngħad, is-SatCen ma jinvokax, f’dawn il-proċeduri, allegat żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen mill-Qorti Ġenerali. F’kull każ, l-iżball inkwistjoni ma setax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata minħabba li ma jimminax il-konstatazzjonijiet fil-mertu ta’ dik is-sentenza dwar id-deċiżjonijiet ikkontestati: id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni u d-deċiżjoni ta’ tneħħija.

137. Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali qalet li hija kienet annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli biss minħabba li, wara li qieset li l-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen kien invalidu, dik id-deċiżjoni nstabet li kienet adottata mingħajr bażi legali tajba (67). Madankollu, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli kienet (ġeneralment) tikkonferma d-deċiżjonijiet ikkontestati (68). Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli ma kellhiex effett fuq il-pożizzjoni legali tal-appellata distinta minn dik li segwiet mid-deċiżjonijiet ikkontestati (69). Għalhekk, ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali tannulla din tal-aħħar kienu jkunu wkoll validi u suffiċjenti għall-annullament tal-ewwel waħda fosthom.

B.      Fuq it-tielet aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

138. Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, is-SatCen jallega li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti f’żewġ okkażjonijiet.

139. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma qisitx il-fatt li l-persuni li mlew il-kwestjonarju mħejji mill-investigatur kienu diġà ġew intervistati oralment mill-istess investigatur waqt l-istħarriġ magħmul bejn Jannar u Frar 2013. Barra minn hekk, kienu saru laqgħat bilaterali ma’ erbgħa u għoxrin membru tal-persunal matul l-investigazzjoni amministrattiva. Peress li dawn il-fatti ma kinux tqiesu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-użu tal-kwestjonarju kien jikkostitwixxi strument manifestament mhux xieraq sabiex ikunu stabbiliti l-fatti u sabiex tkun evalwata l-imġiba tal-appellata, bil-kontra ta’ intervisti bilaterali, li kien ikun mod iktar xieraq.

140. It-tieni nett, SatCen jargumenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi qieset li d-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq akkużi li kienu jindikaw kategoriji ġenerali ta’ mġiba, mingħajr ma stabbilixxiet jekk kienx hemm xi avveniment jew imġiba speċifika li setgħu jkunu kklassifikati bħala “fastidju”. Fil-fatt, dokumentazzjoni addizzjonali ta’ sostenn, inkluża xhieda bil-miktub ta’ membri tal-persunal, ittri u ċertifikati mediċi, kienet ġiet annessa mar-rapport ta’ investigazzjoni. Madankollu, dawk id-dokumenti ma kinux tqiesu mill-Qorti Ġenerali.

141. Fir-risposta tagħha l-appellata targumenta li l-hekk imsejħa intervisti li għalihom jirreferi s-SatCen ma kinux issemmew fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u, għalhekk, jikkostitwixxu fatti ġodda, inammissibbli f’dan l-istadju tal-proċeduri. Barra minn hekk is-SatCen ma pprovda ebda informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawk l-intervisti. F’kull każ, skont l-appellata, l-eżistenza ta’ intervisti li kienu saru qabel ma tistax tinvalida l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-investigazzjoni kienet inadegwata u li kien hemm nuqqas ta’ imparzjalità.

2.      Analiżi

142. Mill-bidu nett, għandu jiġi rrilevat li, f’appell, ilmenti bbażati fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt u fuq l-evalwazzjoni ta’ dawk il-fatti huma ammissibbli jekk l-appellant jissottometti li l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat dwar fatti li d-dokumenti fil-proċess juru li jkunu sostanzjalment mhux korretti jew li hija tkun żnaturat it-tifsira ċara tal-provi quddiemha. B’mod partikolari, ikun hemm żnaturament tat-tifsira ċara tal-provi meta, mingħajr ma jinstemgħu provi oħra, l-evalwazzjoni tal-provi li jkun hemm tkun tidher ċarament mhux korretta (70).

143. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

144. Fl-ewwel lok, nirrileva li, għalkemm mir-rapport globali jista’ jiġi dedott li l-membri tal-persunal li lilhom kien intbagħat il-kwestjonarju kienu wkoll ġew intervistati qabel, jibqa’ l-fatt li l-konklużjonijiet milħuqa fir-rapport huma bbażati biss fuq ir-risposti mogħtija fil-kwestjonarju. Fid-dawl ta’ dan, il-fatt li l-membri tal-persunal li mlew il-kwestjonarji kienu ġew intervistati qabel matul l-istħarriġ ġenerali dwar relazzjonijiet umani huwa irrilevanti.

145. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkritikatx l-użu ta’ kwestjonarju fih innifsu. Fil-punti 200 sa 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat, f’ċertu dettall, ir-raġunijiet għaliex il-kwestjonarju użat fl-investigazzjoni ma kienx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, xieraq sabiex tkun stabbilita r-realtà tal-fastidju li bih l-appellata kienet akkużata.

146. Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jsostni s-SatCen, ma hemmx dokumentazzjoni addizzjonali ta’ sostenn, inkluż xhieda bil-miktub ta’ membri tal-persunal, annessa mar-rapport ta’ investigazzjoni ppreżentat lill-Qorti Ġenerali. B’hekk, il-Qorti Ġenerali bilkemm tista’ tiġi kkritikata għax ma qisitx “id-dokumentazzjoni kollha” allegatament użata mill-investigatur sabiex jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Fil-fatt, ma stajt nidentifika ebda dokument simili fil-proċess tal-kawża. L-uniku eżempju ta’ xhieda bil-miktub li tirreferi għal elementi konkreti u fattwali preċiżi jinsab fir-risposti għad-domandi li setgħu jitwieġbu b’mod liberu fil-marġni tal-kwestjonarju b’mistoqsijiet b’għażla multipla. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fil-fatt qieset dawk ir-risposti, kif jirriżulta ċar mill-punt 203 tas-sentenza appellata.

147. Għalhekk, ma jidhirx li s-sentenza appellata hija vvizzjata minħabba li naqset milli tqis xi provi jew fatti, jew li hija żnaturat il-provi u fatti li hija ma qisitx.

C.      Fuq ir-raba’ aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

148. Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, is-SatCen jargumenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta interpretat l-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen u l-kunċett ta’ “drittijiet tad-difiża”, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

149. L-ewwel nett, is-SatCen jargumenta li d-dritt ta’ persuna suġġetta għal investigazzjoni dwar fastidju li tikkummenta dwar il-fatti investigati, qabel għeluq l-inkjesta amministrattiva, jista’ jkun limitat sabiex jitħarsu l-interessi ta’ terzi involuti. F’kull każ, id-diversi intervisti preliminari, l-iktar dawk li kienu saru matul l-evalwazzjoni annwali li dwarhom l-appellata setgħet ikkummentat, għandhom jitqiesu bħala suffiċjenti sabiex ikun iggarantit id-dritt għal smigħ.

150. It-tieni nett, is-SatCen jargumenta li ma jirriżultax mir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen u lanqas mill-ġurisprudenza li kellu jgħaddi perijodu minimu ta’ żmien bejn stedina għal smigħ qabel il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari u d-data ta’ tali smigħ. F’kull każ, il-perijodu għandu jkun evalwat fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi jitqiesu, b’mod partikolari, il-fatti serji allegati kontra l-appellata u l-urġenza tas-sitwazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari ma tikkostitwixxix att li jaffettwa ħażin l-interessi tal-appellata, iżda hija biss att preparatorju.

151. It-tielet nett, is-SatCen isostni li d-Direttur tas-SatCen, meta eżerċita d-diskrezzjoni tiegħu, iddeċieda leġittimament li jħalli d-drittijiet u l-interessi ta’ dawk li kienu ressqu lmenti ta’ fastidju jipprevalu fuq id-dritt tal-appellata għal aċċess għad-dokumenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari. Fil-fatt, minħabba d-daqs żgħir tal-Aġenzija u l-fatt li tmienja minn tlettax‑il persuna taħt is-superviżjoni tal-appellata ppreżentaw ilment, kien jeżisti riskju kbir ta’ tpattija, li ppersista anki wara għeluq l-investigazzjoni.

152. Bħala risposta, l-appellata tiddefendi l-motivazzjoni tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, hija ssostni li l-argument dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ tpattija ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali u, għalhekk, huwa inammissibbli. F’kull każ, fil-fehma tagħha, is-SatCen naqas milli jispjega għaliex kwalunkwe riskju ta’ tpattija kien jibqa’ jeżisti anki wara li l-appellata tkun ġiet sospiża u ma jkunx għad għandha aċċess iktar għall-bini tas-SatCen.

2.      Analiżi

153. Jiena tal-fehma li r-raba’ aggravju wkoll għandu jiġi miċħud

154. B’mod partikolari, fil-paragrafu 221 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali korrettement qalet li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni bħal dik li l-appellata kienet suġġetta għaliha, l-amministrazzjoni għandha tirrikonċilja żewġ drittijiet: minn naħa, id-dritt tal-persuna li tkun qiegħda tiġi investigata li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-persuni li jilmentaw li l-ilmenti tagħhom jiġu eżaminati sewwa u ttrattati b’mod kunfidenzjali (71).

155. Il-Qorti Ġenerali mbagħad għaddiet sabiex tivverifika jekk is-SatCen kienx irrikonċilja korrettement l-interessi kunfliġġenti tal-appellata u tal-persuni li kienu lmentaw. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li ma kienx. Fil-paragrafu 222 tas-sentenza appellata, meqjusa r-regoli rilevanti inklużi fir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen (72), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, meta x-xhieda ntweriet lill-appellata, dan ma setax jippreġudika t-tmexxija sewwa tal-investigazzjoni. Fil-paragrafu 223 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li, sabiex jitħares id-dmir ta’ kunfidenzjalità tal-amministrazzjoni, filwaqt li jitħares id-dritt tad-difiża tal-appellata, is-SatCen seta’ ħalla lil din tal-aħħar aċċess għal verżjoni anonima tax-xhieda.

156. Jidhirli li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt huma tajbin. Ma huwiex evidenti għalija li, kif isostni s-SatCen, kien għalkollox impossibbli li l-appellata tingħata aċċess għal verżjoni anonima tax-xhieda, anki jekk parzjalment iċċensurata (73) jew f’forma mqassra (74). Nifhem li, fid-dawl tad-daqs żgħir tal-Aġenzija, is-SatCen kellu jqis b’attenzjoni r-riskji ta’ tpattija li setgħu nqalgħu kieku l-appellata setgħet tidentifika l-persuni li kienu lmentaw. Madankollu, dak ir-riskju seta’ tnaqqas b’eżerċizzju tajjeb ta’ anonimizzazzjoni u ċensura. Sakemm ix-xhieda ma tkunx iċċensurata tant li ssir bla ebda tifsira, aċċess limitat jew parzjali għaliha jkun ċertament preferibbli milli rifjut totali ta’ aċċess.

157. F’kull każ, u forsi iktar importanti, ir-riskju ta’ tpattija ċertament intemm malli l-appellata kienet sospiża mid-dmirijiet tagħha. Minkejja dan, anki f’dak il-mument, hija ma ngħatatx aċċess għax-xhieda (inkluż f’għamla anonima jew iċċensurata).

158. F’dan il-kuntest, ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali applikat il-kriterji legali ħżiena meta vverifikat jekk is-SatCen kienx irnexxielu jilħaq il-bilanċ ġust bejn id-dritt tad-difiża tal-appellata u d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-membri tal-persunal li pparteċipaw fl-investigazzjoni. Lanqas ma nara xi żnaturament tal-fatti jew tat-tifsira ċara tal-provi mill-Qorti Ġenerali meta evalwat iċ-ċirkustanzi tal-każ.

159. Bl-istess mod, ma nara l-ebda żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali meta, fil-punt 216 tas-sentenza appellata, hija qieset li ma kienx raġonevoli l-fatt li l-appellata “ngħatat terminu ta’ inqas minn 48 siegħa sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport [tal-investigazzjoni]”. Huwa minnu li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen ma tipprovdi terminu speċifiku ta’ żmien dwar dan. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tul il-proċedura ma jkunx stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura “raġonevoli” tal-perijodu ta’ żmien li l-istituzzjoni tieħu sabiex tadotta miżura għandha tkun evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u, b’mod partikolari, l-importanza tal-każ għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tiegħu u l-imġiba tal-partijiet fil-kawża (75).

160. Fid-dawl ta’ dan, jidhirli li l-evalwazzjoni konkreta tan-natura raġonevoli ta’ terminu ta’ żmien f’każ speċifiku hija, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ fatti jew provi, kwistjoni li ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell. F’kull każ, meqjusa l-fatti partikolarment serji allegati kontra l-appellata u t-tul ta’ żmien li ħadet l-investigazzjoni fiż-żmien meta l-appellata ntalbet tirreaġixxi għar-rapport tal-investigazzjoni, jiena ċertament ma nqisx dak li sabet il-Qorti Ġenerali dwar l-ammont ta’ żmien mogħti lill-appellata bħala irraġonevoli.

V.      Fuq l-ispejjeż

161. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura li japplikaw għall-proċeduri fl-appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

162. L-appellata talbet għall-ispejjeż. Peress li, fil-fehma tiegħi, is-SatCen tilef il-kawża, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati mal-proċeduri.

163. Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu stess.

VI.    Konklużjoni

164. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna liċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen) għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu stess.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SatCen (T‑286/15, EU:T:2018:718).


3      Fit-30 ta’ Marzu 2010, l-Istati Membri tal-UEP, permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta, xoljew uffiċjalment dik l-organizzazzjoni b’seħħ mit-30 ta’ Ġunju 2011, b’mod partikolari minħabba l-fatt li “bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona [kienet bdiet] fażi ġdida għas-sigurtà u għad-difiża Ewropea”.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 187.


5      ĠU 2014, L 188, p. 73.


6      ĠU 2009, L 276, p. 1. Dawk ir-regolamenti, li japplikaw għal dan il-każ ratione temporis, sussegwentement kienu ssostitwiti, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2017, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/824 tal-15 ta’ Mejju 2017 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 123, p. 7).


7      Sentenza appellata, punti 80 sa 114.


8      Sentenza appellata, punti 118 sa 132.


9      Sentenza appellata, punti 133 sa 138 u 139 sa 143, rispettivament.


10      Sentenza appellata, punti 144 sa 150.


11      Sentenza appellata, partikolarment il-punti 160 u 161.


12      Sentenza appellata, punti 168 sa 231.


13      Sentenza appellata, partikolarment il-punti 232 sa 241.


14      Sentenza appellata, punti 242 sa 261.


15      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo  (C‑439/13 P, EU:C:2015:753) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Elitaliana”).


16      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, (C‑455/14 P, EU:C:2016:569) (iktar ’il quddiem is-“sentenza H vs Il-Kunsill et”).


17      Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025).


18      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑263/14, EU:C:2016:435).


19      Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).


20      Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Rosneft”).


21      Ara s-sentenza H vs Il-Kunsill et, punti 54 u 55.


22      Artikolu 24(1) TUE.


23      Ara l-Artikolu 21(1) u (2) TUE. Ara, b’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 7 TFUE.


24      Artikolu 21(3) TUE (enfasi miżjuda minni).


25      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:212, punt 45).


26      Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Les Verts I”). Iktar reċenti, ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, ECB et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, inter alia, is-sentenzi Les Verts I, punt 24, u Elitaliana, punt 67. Enfasi miżjuda minni.


29      Ara, dwar dan, is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 44). Ara, iktar reċenti, is-sentenza Rosneft, punt 74.


30      Dwar dan ara wkoll is-sentenza Rosneft, punt 74.


31      Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448).


32      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821).


33      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701).


34      Ara, pereżempju, il-Konvenzjoni Ewropea, Ċirku ta’ Diskussjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja, “Supplementary report on the question of judicial control relating to the common foreign and security policy” (Rapport supplementari dwar il-kwistjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju b’rabta mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni) (CONV689/1/03REV1), punt 5. B’mod iktar ġenerali, dwar l-oriġini ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, b’riferimenti għall-atti preparatorji rilevanti, ara Denza, E., The Intergovernment Pillars of the European Union, Oxford University Press, Oxford, 2002, pp. 311 sa 322; jew Heliskoski, J., “Made in Luxembourg: The fabrication of the law of jurisdiction of the Court of Justice of the European Union in the field of the Common Foreign and Security Policy”, Europe and the World: A law review, vol. 2(1):3, UCL Press, 2018, pp. 2 sa 5.


35      Artikolu 24(1) u l-Artikolu 26 TUE.


36      Ara d-Dikjarazzjoni Nru 13 (“Dikjarazzjoni dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”) annessa mat-Trattat ta’ Lisbona.


37      Għal din l-espressjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:212, punt 59).


38      Ara, pereżempju, l-Artikolu 24(1) TUE: “L-adozzjoni ta’ atti leġislattivi għandha tkun eskluża”.


39      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-awtolimitazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-duttrina legali ara, b’referenzi oħrajn, Koutrakos, P., “Judicial Review in the EU’s Common Foreign and Security Policy”, International and Comparative Law Quarterly, vol. 67, Cambridge University Press, 2017, p. 13.


40      Kif qalet il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika, “in-nuqqas ta’ ġustizzjabbiltà ta’ kwistjoni politika hija primarjament funzjoni tas-separazzjoni tal-poteri” (ara Baker vs Carr, 369 U.S. 186 (1962)). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Rosneft (C‑72/15, EU:C:2016:381, punt 52).


41      Ara, iktar reċenti, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il-Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punti 95 u 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, fil-punti 54 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara wkoll, iktar ’il fuq, il-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Anki jekk forsi l-ġurisdizzjoni tkun irrikonoxxuta mingħajr ma tkun mixtieqa fir-rigward ta’ ċerti elementi ta’ deċiżjoni f’tali sitwazzjonijiet, l-intensità tal-istħarriġ aktarx li tkun pjuttost minima.


45      Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) (ĠU 1962, P 045, p. 1385), kif emendat.


46      Hemm ukoll aġenziji, missjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea li ma għandhomx regolamenti tal-persunal tagħhom stess u jingaġġaw il-persunal tagħhom permezz ta’ kuntratti ta’ natura differenti. Skont il-qafas legali applikabbli għal dawk il-kuntratti, il-ħsibijiet żviluppati f’dawn il-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-appellata jistgħu jew ma jistgħux ikunu rilevanti fir-rigward tal-persunal ta’ dawk l-aġenziji, missjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea. Ara, dwar dan, il-Kawża C‑730/18 P, SC vs Eulex Kosovo, li għadha pendenti.


47      Dik id-deċiżjoni ħassret ir-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen preċedenti, adottati mill-Kunsill fil-21 ta’ Diċembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 249), kif emendati sussegwentement.


48      F’dan li ġej ser nikkonċentra fuq il-persunal irreklutat direttament mis-SatCen, u b’hekk inħalli fil-ġenb persunal li potenzjalment jista’ jkun ikkollokat mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.


49      L-Artikolu 274 TFUE jipprovdi li “Mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea fit-Trattati, it-tilwim li fih l-Unjoni tkun parti, m’għandhomx għal dik ir-raġuni jkunu esklużi mill-kompetenza ta’ qrati jew tribunali nazzjonali”. Dwar dan il-punt, ara b’analoġija s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015 fil-kawża Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 19).


50      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pflugradt vs BĊE (C‑409/02 P, EU:C:2004:625, punti 33 et seq.), imsemmija fil-punt 129 tas-sentenza appellata. B’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Pflugradt vs BĊE (EU:C:2004:416, punt 32 sa 36).


51      Ara wkoll il-punt 107 tas-sentenza appellata.


52      Ara wkoll il-punt 122 tas-sentenza appellata.


53      Ara b’mod speċjali l-punti 80 sa 84 tas-sentenza appellata.


54      Punti 94 sa 97 tas-sentenza appellata.


55      Ara, dwar dan, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1988, Les Verts vs Il-Parlament (190/84, EU:C:1988:94, punt 8) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Les Verts II”); tat-23 ta’ Marzu 1993, Weber vs Il-Parlament (C‑314/91, EU:C:1993:109, punt 9); u tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑443/97, EU:C:2000:190, punt 28).


56      Ara, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni  (60/81, EU:C:1981:264, punt 9), u tad-9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il-Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 13).


57      Għalhekk differenti minn membri tal-persunal lokali li l-kuntratti tagħhom aktarx ikunu rregolati minn liġijiet lokali, bi klawżola ta’ arbitraġġ favur qrati lokali (tal-Istati Membri) (punti 97 u 98 iktar ’il fuq).


58      Ta’ importanza huwa li dawk il-qrati għandhom is-setgħa, jew obbligu, li jirrinvijaw kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew validità ta’ att tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.


59      Ara l-punti 152 sa 160 tas-sentenza appellata.


60      Enfasi miżjuda minni.


61      Ara b’mod speċjali l-Artikolu 1 tal-Anness X.


62      Ara, għal eżerċizzju simili, fir-rigward tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1), li huwa ugwalment ambigwu, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża  El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:659, punti 28 sa 33).


63      Enfasi miżjuda minni.


64      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 41).


65      Ara, dwar dan, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi) tat-8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punti 66, 68 u 80); l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 174 sa 176 u 246); u l-Opinjoni 1/17 (Ftehim UE‑Kanada CETA) tat-30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 111).


66      Punt 110 tas-sentenza appellata.


67      Punt 161 tas-sentenza appellata.


68      Ara b’mod partikolari l-punti 38, 45 u 46 tas-sentenza appellata.


69      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament (C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punti 38 u 39).


70      Ara, dwar dan, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, fil-kawża Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punti 57 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


71      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 52).


72      B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tas-SatCen li jipprevedi li d-Direttur tas-SatCen għandu jikkomunika lil kull persuna li tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni l-provi kollha tad-dokumentazzjoni bejn tmiem dik l-investigazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari.


73      Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża HF vs Il-Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:44, punti 71 u 72).


74      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 59).


75      Ara, inter alia, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid tas-sentenza Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).