Language of document : ECLI:EU:C:2020:262

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ April 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ŻEE – Nondiskriminazzjoni – Artikolu 36 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kamp ta’ applikazzjoni – Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen – Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u l-Islanda u n-Norveġja, min-naħa l-oħra – Estradizzjoni ta’ ċittadin Islandiż lejn Stat terz – Protezzjoni taċ-ċittadini ta’ Stat Membru kontra l-estradizzjoni – Assenza ta’ protezzjoni ekwivalenti għaċ-ċittadini ta’ Stat ieħor – Ċittadin Islandiż li kien kiseb l-ażil bis-saħħa tad-dritt nazzjonali qabel akkwista ċ-ċittadinanza Islandiża – Restrizzjoni tal-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑897/19 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura kriminali kontra

I.N.,

fil-preżenza ta’:

Ruska Federacija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras (Relatur), M. Safjan, S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal I.N., minn Đ. Perković u S. Večerina, odvjetnici,

–        għar-Ruska Federacija, minn S. Ljubičić, bħala aġent,

–        għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn G. Hodge, bħala aġent, assistita minn M. Gray, QC,

–        għall-Gvern Grieg, minn S. Charitaki u A. Magrippi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Islandiż, minn J. B. Bjarnadóttir u H. S. Ingimundardóttir, bħala aġenti, assistiti minn T. Fuchs, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås u K. Isaksen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, M. Wilderspin u M. Mataija, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn C. Zatschler, C. Howdle u I. O. Vilhjálmsdóttir, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja (ĠU 2006, L 292, p. 2), approvat, f’isem l-Unjoni, permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/835/UE tas-27 ta’ Novembru 2014 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja (ĠU 2014, L 343, p. 1) u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2019 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni magħmula mill-awtoritajiet Russi lill-awtoritajiet Kroati fir-rigward ta’ I.N., ċittadin Russu u Islandiż, b’rabta ma’ diversi reati ta’ korruzzjoni passiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Ftehim ŻEE

3        Fit-tieni premessa tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), il-Partijiet għal dan il-ftehim sostnew “[i]l-prijorità kbira mogħtija lir-relazzjoni privileġġjata bejn [l-Unjoni] Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Istati ta’ l-[Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA)], li hi msejsa fuq il-prossimità, l-valuri komuni li ilhom fis-seħħ u l-identità Ewropea”.

4        Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-għan tal-Ftehim ŻEE huwa li jippromwovi tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Partijiet Kontraenti, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali u b’osservanza tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) omoġenea.

5        L-Artikolu 3 tal-Ftehim ŻEE jipprevedi:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali kif ukoll partikolari, biex jiżguraw l-osservanza ta’ l-obbligi li joħorġu minn dan il-Ftehim.

Ma għandhomx jieħdu xi miżura li tista’ tippreġudika l-ksib ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

Barra minn hekk, għandhom jiffaċilitaw il-koperazzjoni fil-qafas ta’ dan il-Ftehim.”

6        L-Artikolu 4 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi:

“Fi ħdan il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet speċjali fil-Ftehim, hi projbita kull diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ ċittadinanza.”

7        Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE:

“Mingħajr preġudizzju għal żviluppi futuri tal-ġurisprudenza, d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, sa fejn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli korrispondenti tat-Trattat [FUE] u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u għall-atti adottati fl-applikazzjoni taż-żewġ Trattati, għandhom, fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom, jiġu interpretati b’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim.”

8        L-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi:

“1.      Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni għal-libertà li wieħed jipprovdi servizzi fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti rigward ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-[Unjoni] u l-Istati ta’ l-EFTA li huma stabbiliti fi Stat Membru tal-[Unjoni] jew Stat ta’ l-EFTA ħlief dawk tal-persuna li għaliha s-servizzi huma intenzjonati.

[...]”

 Il-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999

9        L-Artikolu 2 tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar ma’ l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, tat-18 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999”), jipprovdi:

“1.      Id-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif elenkati fl-Anness A ta’ dan il-Ftehim kif japplikaw għall-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea [...] li jieħdu sehem fil-koperazzjoni aktar mill-qrib awtorizzata bil-Protokoll ta’ Schengen, għandhom ikunu implimentati u applikati [mir-Repubblika tal-Islanda u mir-Renju tan-Norveġja].

2.       Id-disposizzjonijiet ta’ l-atti tal-Komunità Ewropea elenkati fl-Anness B ta’ dan il-Ftehim, sakemm ikunu bidlu d-disposizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom ta’, jew ikunu adottati skond, il-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 li jimplimentaw il-Ftehim fuq it-tneħħija gradwali tal-konfermi fuq fruntieri komuni, għandhom ikunu implimentati u applikati [mir-Repubblika tal-Islanda u mir-Renju tan-Norveġja].

3.       L-atti u l-miżuri meħuda mill-Unjoni Ewropea li jemendaw jew li jżidu fuq id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Annessi A u B, li magħhom ikunu applikati l-proċeduri stipulati f’dan il-Ftehim, għandhom ukoll, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, ikunu aċċettati, implimentati u applikati [mir-Repubblika tal-Islanda u mir-Renju tan-Norveġja].”

10      L-Artikolu 7 tal-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 jipprovdi:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li għandu jiġi ffirmat ftehim xieraq bil-kriterji u mekkaniżmi biex jistabbilixxu l-Istat responsabbli biex jeżamina t-talba għall-ażil ippreżentata f’kull wieħed mill-Istati Membri jew fl-Islanda jew fin-Norveġja. [...]”

 Il-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja

11      Il-preambolu tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja jiddikjara:

“L-Unjoni Ewropea,

min-naħa waħda, u

R-Repubblika ta’ l-Iżlanda

u

R-Renju tan-Norveġja,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘il-Partijiet Kontraenti’,

Filwaqt li jixtiequ jtejbu l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, mingħajr preġudizzju għar-regoli li jipproteġu l-libertà individwali,

Filwaqt li jikkunsidraw li r-relazzjonijiet attwali fost il-Partijiet Kontraenti jeħtieġu koperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-kriminalità,

Filwaqt li jesprimu l-fiduċja reċiproka tagħhom fl-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi ġuridiċi tagħhom u fil-kapaċità tal-Partijiet Kontraenti kollha li jiggarantixxu proċess ġust fil-qorti,

[...]”

12      L-Artikolu 1 tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jtejbu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, il-konsenja għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni tas-sentenza bejn, min-naħa waħda, l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda, billi jieħdu kont ta’, bħala standards minimi, it-termini tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.      Il-Partijiet Kontraenti jassumu l-impenn, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li jiżguraw li s-sistema ta’ estradizzjoni bejn, min-naħa waħda, l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda għandha tkun ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ konsenja skond il-mandat ta’ l-arrest konformement mat-termini ta’ dan il-Ftehim.

3.      Dan il-Ftehim ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fil-Konvenzjoni Ewropea [dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], jew, f’każ ta’ eżekuzzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru, tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].

4.      Xejn minn dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi ċ-ċaħda li tiġi konsenjata persuna li għaliha jkun inħareġ mandat ta’ arrest kif definit b’dan il-Ftehim meta jkun hemm raġunijiet għaliex wieħed jaħseb, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi mandat ta’ arrest ikun inħareġ għall-fini li persuna tiġi mħarrka jew punita għal raġunijiet tas-sess, tar-razza, tar-reliġjon, ta’ l-oriġini etnika, tan-nazzjonalità, tal-lingwa, ta’ l-opinjonijiet politiċi jew ta’ l-orjentament sesswali tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tkun tista’ tiġi preġudikata għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet.”

 Id-dritt Kroat

13      L-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (Narodne novine, br. 56/1990, 135/1997, 113/2000, 28/2001, 76/2010 u 5/2014) huwa fformulat kif ġej:

“[...]

Ċittadin tar-Repubblika tal-Kroazja ma jistax jitkeċċa mir-Repubblika tal-Kroazja u ma jistax jiġi mċaħħad min-nazzjonalità tiegħu, u lanqas ma jista’ jiġi estradit lejn Stat ieħor, ħlief fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-estradizzjoni jew il-konsenja, adottata konformement mat-trattati internazzjonali jew mal-acquis Komunitarju.”

14      L-Artikolu 1 taz-zakon o međunarodnoj pravnoj pomoći u kaznenim stvarima (il-Liġi dwar l-Għajnuna Ġudizzjarja Reċiproka Internazzjonali fil-Qasam Kriminali, Narodne novine, br. 178/2004, iktar ’il quddiem iż-“ZOMPO”), jipprevedi:

“(1)      Din il-liġi tirregola l-assistenza ġudizzjarja internazzjonali fil-qasam kriminali (iktar ’il quddiem l-‘assistenza ġudizzjarja internazzjonali’), bla ħsara għal trattat internazzjonali li jipprovdi mod ieħor.

[...]”

15      Skont l-Artikolu 12 taż-ZOMPO:

“(1)      L-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tiċħad it-talba għal assistenza ġudizzjarja internazzjonali meta:

1.      it-talba tikkonċerna att meqjus li huwa reat politiku jew li huwa att marbut ma’ tali reat,

2.      it-talba tikkonċerna reat fiskali,

3.       l-aċċettazzjoni tat-talba tkun tista’ twassal għal preġudizzju għas-sovranità, għas-sigurtà, għall-ordni legali jew għal interessi essenzjali oħra tar-Repubblika tal-Kroazja,

4.      wieħed ikun jista’ raġonevolment jippreżumi li l-persuna li hija s-suġġett tat-talba għal estradizzjoni ser tkun, fil-każ ta’ estradizzjoni, is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali jew ta’ sanzjoni minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, jew inkella li s-sitwazzjoni tagħha ser tkun iktar diffiċli minħabba waħda minn dawn ir-raġunijiet,

5.       ikun involut reat minuri.

[...]”.

16      L-Artikolu 55 taż-ZOMPO jipprovdi:

“(1)      Meta l-qorti kompetenti tiddeċiedi li l-kundizzjonijiet legali għall-estradizzjoni ma humiex issodisfatti, hija għandha tadotta digriet li jiċħad it-talba għal estradizzjoni u għandha tibgħat dan id-digriet mingħajr dewmien lill-Vrhovni sud [(il-Qorti Suprema)] tar-Repubblika tal-Kroazja, li, wara li jinstema’ l-Prosekutur Ġenerali kompetenti, għanda tikkonferma, tannulla jew temenda d-digriet.

(2)      Id-digriet definittiv li jiċħad it-talba għal estradizzjoni għandu jintbagħat lill-Ministeru għall-Ġustizzja, li għandu jinnotifikah lill-Istat rikjedent.”

17      Skont l-Artikolu 56 taż-ZOMPO:

“(1)      Meta l-awla adita tal-qorti kompetenti tiddeċiedi li l-kundizzjonijiet legali għall-estradizzjoni huma ssodisfatti, hija għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet.

(2)      Dan id-digriet jista’ jkun is-suġġett ta’ appell f’terminu ta’ tliet ijiem. Il-Vrhovni sud [(il-Qorti Suprema)] tar-Repubblika tal-Kroazja għandha tiddeċiedi dwar l-appell.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fl-20 ta’ Mejju 2015, l-uffiċċju ta’ Interpol ta’ Moska (ir-Russja) ħareġ avviż għal tfittxija internazzjonali kontra I.N., li dak iż-żmien kien ċittadin Russu biss, għall-finijiet tal-arrest tiegħu, minħabba proċeduri kriminali mressqa kontrih b’rabta ma’ korruzzjoni passiva.

19      Fit-30 ta’ Ġunju 2019, I.N. ippreżenta ruħu, bħala passiġġier f’kowċ li kellu fil-pussess tiegħu dokument tal-ivvjaġġar Islandiż għal refuġjati, f’punt ta’ qsim tal-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Kroazja, bl-intenzjoni li jidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat tal-aħħar. Huwa ġie arrestat fuq il-bażi tal-avviż għal tfittxija internazzjonali msemmi fil-punt preċedenti. L-arrest tiegħu skatta proċedura għal teħid ta’ deċiżjoni, miftuħa fuq il-bażi taż-ZOMPO, dwar l-eventwali estradizzjoni tiegħu lejn ir-Russja.

20      Fl-1 ta’ Lulju 2019, I.N. kien interrogat mill-imħallef li jagħmel l-inkjesti taż-Županijski sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja). Huwa ddikjara l-oġġezzjoni tiegħu għall-estradizzjoni tiegħu lejn ir-Russja u, barra minn hekk, indika li kien kemm ċittadin Russu kif ukoll ċittadin Islandiż. Nota tal-ambaxxata Islandiża mibgħuta liż-Županijski sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb) permezz tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika tal-Kroazja kkonfermat li I.N. ilu mid-19 ta’ Ġunju 2019 ċittadin Islandiż u għandu l-istatus ta’ resident permanenti fl-Islanda. Din in-nota kienet tindika wkoll li l-Gvern Islandiż xtaq li I.N. jiġi żgurat passaġġ sigur lejn l-Islanda fl-iqsar żmien possibbli.

21      Fis-6 ta’ Awwissu 2019, iż-Županijski sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb) irċeviet talba mill-Ministeru Pubbliku Ġenerali tal-Federazzjoni Russa għall-estradizzjoni ta’ I.N. lejn dan l-Istat terz, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni”), minħabba proċeduri kriminali mressqa kontrih b’rabta ma’ diversi reati ta’ korruzzjoni passiva. F’din it-talba ġie indikat li l-Ministeru Pubbliku Ġenerali tal-Federazzjoni Russa kien qiegħed jiggarantixxi li t-talba għal estradizzjoni ma kinitx intiża li I.N. ikun is-suġġett ta’ proċeduri minħabba raġunijiet politiċi jew minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu jew l-opinjonijiet tiegħu, li l-possibbiltajiet kollha sabiex jeżerċita d-difiża tiegħu, inkluż bl-assistenza ta’ avukat, kienu ser jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu u li ma kienx ser jiġi suġġett għal tortura, għal trattamenti degradanti jew inumani, jew inkella għal pieni li jippreġudikaw id-dinjità tal-bniedem.

22      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Settembru 2019, iż-Županijski sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb) iddeċidiet li l-kundizzjonijiet legali, previsti fiż-ZOMPO, għall-estradizzjoni ta’ I.N. għall-finijiet tal-imsemmija proċedura kriminali, kienu ssodisfatti.

23      Fit-30 ta’ Settembru 2019, I.N. appella minn dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna li hemm riskju konkret, serju u raġonevolment prevedibbli li, fil-każ ta’ estradizzjoni lejn il-Federazzjoni Russa, huwa jiġi suġġett għal tortura u għal trattament inumani u degradanti. Barra minn hekk, huwa enfasizza li kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat fl-Islanda, preċiżament minħabba l-proċeduri li effettivament huwa s-suġġett tagħhom fir-Russja u li, permezz tad-digriet tagħha tal-5 ta’ Settembru 2019, iż-Županijski sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb) ippreġudikat de facto l-protezzjoni internazzjonali li kien ingħata fl-Islanda. Barra minn hekk, huwa sostna li għandu ċ-ċittadinanza Islandiża u lmenta li ż-Županijski sud u Zagrebu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb) kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).

24      Il-qorti tar-rinviju tindika li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tagħha, hija ser teżamina jekk hemmx riskju reali li I.N. jiġi suġġett, fil-każ ta’ estradizzjoni, għal tortura jew għal pieni jew għal trattamenti inumani. Madankollu, qabel twettaq, jekk ikun il-każ, tali eżami, hija tixtieq tkun taf jekk hemmx lok li tinforma bit-talba għal estradizzjoni lir-Repubblika tal-Islanda, li tagħha I.N. huwa ċittadin, sabiex dan l-Istat tal-aħħar ikun eventwalment jista’ jitlob il-konsenja taċ-ċittadin tiegħu bil-għan li jiftaħ proċedura sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, minn naħa, tispeċifika li r-Repubblika tal-Kroazja ma testradixxix liċ-ċittadini tagħha stess lejn ir-Russja u ma kkonkludietx ftehim bilaterali ma’ dan l-Istat tal-aħħar li jinkludi tali obbligu.

26      Min-naħa l-oħra, wara li fakkret il-kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), il-qorti tar-rinviju tosserva li għalkemm, b’differenza mill-persuna kkonċernata minn dik is-sentenza, I.N. ma huwiex ċittadin tal-Unjoni, huwa xorta waħda huwa ċittadin tar-Repubblika tal-Islanda, li magħha l-Unjoni għandha rabtiet speċifiċi.

27      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, minn naħa, konformement mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 290), anness mat-Trattat ta’ Lisbona, l-acquis ta’ Schengen japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill, bis-saħħa tal-Artikolu 6 tal-imsemmi protokoll, ikkonkluda, mar-Repubblika tal-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja, il-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 li jipprovdi li dawn iż-żewġ Stati terzi għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-acquis. Issa, I.N. uża d-dritt tiegħu għal moviment liberu fi ħdan l-Istati Membri taż-żona ta’ Schengen u ġie arrestat huwa u jidħol fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja minn Stat Membru ieħor, jiġifieri mir-Repubblika tas-Slovenja.

28      Barra minn hekk, sa fejn daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2019, il-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja huwa wkoll rilevanti għall-kawża prinċipali.

29      Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, il-qorti tar-rinviju tindika li għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 18 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru, bħar-Repubblika tal-Kroazja, li jintalab jagħti deċiżjoni dwar talba għall-estradizzjoni lejn Stat terz ta’ ċittadin ta’ Stat li ma huwiex Membru tal-Unjoni iżda li huwa Membru taż-żona ta’ Schengen, huwa obbligat, qabel jadotta kull deċiżjoni dwar din l-estradizzjoni, jinforma bit-talba għal estradizzjoni lil dan l-Istat tal-aħħar u dwar jekk, fil-każ li l-imsemmi Stat jitlob il-konsenja taċ-ċittadin tiegħu sabiex jiftaħ proċedura li fir-rigward tagħha tkun mitluba l-estradizzjoni, l-imsemmi ċittadin għandux jiġi kkonsenjat lil dan l-Istat, konformement mal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)       L-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jieħu deċiżjoni dwar l-estradizzjoni lejn Stat terz ta’ ċittadin ta’ Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, iżda li huwa membru taż-żona Schengen, huwa obbligat li jinforma bit-talba għal estradizzjoni lill-Istat Membru taż-żona Schengen li tiegħu din il-persuna għandha n-nazzjonalità?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti u fil-każ li l-Istat Membru taż-żona Schengen talab il-konsenja ta’ din il-persuna għall-finijiet li jwettaq il-proċeduri li għalihom l-estradizzjoni hija mitluba, din il-persuna għandha tiġi kkonsenjata lilu skont il-[Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja]?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

31      Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32      Insostenn ta’ din it-talba, hija invokat b’mod partikolari l-fatt li I.N. inżamm taħt detenzjoni fl-istennija tal-estradizzjoni tiegħu, b’tali mod li attwalment jinsab imċaħħad mil-libertà tiegħu.

33      Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja. Id-deċiżjoni li permezz tagħha dan il-ftehim ġie approvat f’isem l-Unjoni kienet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 82(1)(d) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE. B’hekk, dan il-ftehim jaqa’ fl-oqsma msemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

34      Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-individwu kkonċernat mill-kawża prinċipali jinsab attwalment imċaħħad mil-libertà tiegħu u li ż-żamma tiegħu taħt detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, it-tqegħid taħt detenzjoni fl-istennija tal-estradizzjoni ta’ I.N. kien ġie ordnat, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-proċedura ta’ estradizzjoni miftuħa fil-konfront tiegħu.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-16 ta’ Diċembru 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

36      Barra minn hekk, ġie deċiż li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata lill-Awla Manja.

 Fuq id-domandi preliminari

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-punt 50 tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta Stat Membru li fih ikun mar ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jirċievi talba għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru jkun ikkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan l-Istat Membru huwa obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru, għandu jikkonsenjalu dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), bil-kundizzjoni li dan l-Istat Membru jkollu l-kompetenza, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jiftaħ proċeduri kontra din il-persuna fir-rigward ta’ fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.

38      F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punt 54 tas-sentenza tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222), li, sabiex jitħares l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuna kkonċernata fir-rigward tal-fatti li jkunu invokati kontriha fit-talba għal estradizzjoni, il-mandat ta’ arrest Ewropew eventwalment maħruġ minn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru rikjest għandu jikkonċerna minn tal-inqas l-istess fatti.

39      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, fit-tilwima li għandha quddiemha, hemmx lok li ssegwi l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), mhux biss fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni iżda wkoll fir-rigward taċ-ċittadini Islandiżi.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi jipprojbixxi “kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza”, l-Artikolu 18 TFUE jeżiġi l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif diġà speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tapplika fil-każ ta’ eventwali differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk ta’ Stati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 52, kif ukoll l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CET UE-Kanada), tat-30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 169).

41      Fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri u japplika, kif jirriżulta mill-Artikolu 20(1) TFUE, għal kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, b’tali mod li huwa lanqas ma japplika għal ċittadin ta’ Stat terz.

42      Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li kkontribwixxiet ukoll għar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, tapplika biss għall-Istati Membri, u mhux għall-Istati terzi.

43      Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu dwar it-tilwim imressaq quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espliċitament fid-domandi li dawn il-qrati jkunu għamlulha (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Islanda għandha relazzjonijiet privileġġati mal-Unjoni li jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali. Fil-fatt, hija timplimenta u tapplika l-acquis ta’ Schengen, kif osservat il-qorti tar-rinviju, iżda hija wkoll Parti fil-Ftehim ŻEE, tipparteċipa fis-sistema ta’ ażil Ewropew komuni u kkonkludiet il-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja mal-Unjon. Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, minbarra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-Ftehim ŻEE, li tiegħu huma Partijiet kemm l-Unjoni u kemm ir-Repubblika tal-Islanda.

45      B’hekk, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Ftehim ŻEE, moqri fid-dawl tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 50), għandux jiġi interpretat fis-sens li meta Stat Membru, li fih ikun mar ċittadin ta’ Stat tal-EFTA, li huwa Parti fil-Ftehim ŻEE u li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim ta’ konsenja, jirċievi talba għal estradizzjoni minn Stat terz fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, dan l-Istat Membru huwa obbligat jinforma b’din it-talba lill-imsemmi Stat tal-EFTA u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, jikkonsenjalu dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar konsenja, bil-kundizzjoni li dan l-Istat ikollu l-kompetenza, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jiftaħ proċeduri kontra l-imsemmi ċittadin fir-rigward ta’ fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.

46      Barra minn hekk, mill-elementi fil-proċess li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, I.N. kien ingħata, qabel akkwista n-nazzjonalità Islandiża, l-ażil taħt id-dritt Islandiż preċiżament minħabba l-proċeduri miftuħa kontrih fir-Russja u li fir-rigward tagħhom il-Federazzjoni Russa talbet l-estradizzjoni lill-awtoritajiet Kroati. Tali ċirkustanza ma kinitx preżenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).

47      F’dan il-kuntest u bla ħsara għall-eżami marbut mal-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li risposta utli għall-qorti tar-rinviju teħtieġ ukoll li tiġi ppreċiżata l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jipprovdi li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jiġi estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.

 Fuq l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali

48      Għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ konvenzjoni internazzjonali dwar dan is-suġġett bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat, f’dan il-każ il-Federazzjoni Russa, ir-regoli fil-qasam tal-estradizzjoni jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-istess Stati Membri huma meħtieġa jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 45).

49      Peress li ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jagħmel parti integrali mid-dritt tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punti 5 u 6, kif ukoll l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CET UE-Kanada), tat-30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 117), is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim, pereżempju l-Ftehim ŻEE, jikkostitwixxu bħala prinċipju sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CET UE-Kanada), tat-30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 171).

50      F’dan ir-rigward, il-Ftehim ŻEE jsostni, kif jirriżulta mit-tieni premessa tiegħu, ir-relazzjonijiet privileġġati, ibbażati fuq il-prossimità tagħhom, fuq il-valuri komuni li ilhom fis-seħħ tagħhom u fuq l-identità Ewropea tagħhom, li jorbtu lill-Unjoni, lill-Istati Membri tagħha u lill-Istati tal-EFTA. Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-relazzjonijiet privileġġati li għandu jinftiehem wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE, jiġifieri li jitwettaq bl-iktar mod sħiħ possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fiż-ŻEE kollha, b’tali mod li s-suq intern implimentat fit-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għall-Istati tal-EFTA. F’dan id-dawl, diversi stipulazzjonijiet f’dan il-ftehim huma intiżi li jiggarantixxu interpretazzjoni kemm jista’ jkun uniformi ta’ dan il-ftehim fiż-ŻEE kollha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li r-regoli tal-Ftehim ŻEE li huma essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat FUE jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri (sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 29; tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C‑72/09, EU:C:2010:645, punt 20, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, A, C‑48/11, EU:C:2012:485, punt 15).

51      F’dan il-każ, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, I.N. sostna li huwa kien daħal fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja sabiex iqatta’ l-vaganzi tas-sajf tiegħu hemmhekk, kif ikkonferma l-Gvern Islandiż matul is-seduta.

52      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, tinkludi l-libertà tad-destinatarji ta’ servizzi li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jibbenefikaw minn servizz, mingħajr ma jkunu ostakolati minn restrizzjonijiet u li t-turisti għandhom jitqiesu li huma d-destinatarji ta’ servizzi li jibbenefikaw minn din il-libertà (sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      L-istess interpretazzjoni tapplika fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita fl-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 29, kif ukoll tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C‑72/09, EU:C:2010:645, punt 20).

54      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Islandiż, bħal dik ta’ I.N., li jkun ippreżenta ruħu fuq il-fruntieri ta’ Stat Membru sabiex jidħol fit-territorju tiegħu u sabiex jibbenefika hemmhekk minn servizzi, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE u, għaldaqstant, tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika tal-Kroazja hija għalhekk obbligata teżerċita l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-estradizzjoni lejn Stati terzi b’mod konformi mal-Ftehim ŻEE, b’mod partikolari mal-Artikolu 36 tiegħu li jiggarantixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

 Fuq ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-eventwali ġustifikazzjoni tagħha

55      Meta jipprojbixxi “kull diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ ċittadinanza”, l-Artikolu 4 tal-Ftehim ŻEE jeżiġi l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni rregolata minn dan il-ftehim. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit f’din id-dispożizzjoni japplika fil-“kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet speċjali fil-Ftehim”. Permezz ta’ din l-espressjoni tal-aħħar, l-Artikolu 4 tal-Ftehim ŻEE jagħmel riferiment, b’mod partikolari, għal dispożizzjonijiet oħra tal-istess ftehim li fihom il-prinċipju ġenerali stabbilit f’dan l-artikolu jiġi żviluppat b’mod konkret fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi. Dan huwa l-każ, fost l-oħrajn, tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punti 10 u 14).

56      Issa, regoli nazzjonali dwar l-estradizzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintroduċu differenza fit-trattament skont jekk il-persuna kkonċernata hijiex ċittadin nazzjonali jew ċittadin ta’ Stat tal-EFTA, Parti fil-Ftehim ŻEE, sa fejn iwasslu sabiex iċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati tal-aħħar, bħalma huwa f’dan il-każ I.N., li huwa ċittadin Islandiż, ma jingħatawx protezzjoni kontra l-estradizzjoni li jgawdu minnha ċ-ċittadini nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 32).

57      B’dan il-mod, tali regoli jistgħu jolqtu, b’mod partikolari, il-libertà stabbilita fl-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE. Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-inugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tal-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat tal-EFTA, Parti fil-Ftehim ŻEE, bħalma huwa I.N., twassal għal restrizzjoni ta’ din il-libertà (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 32 u 33).

58      Għandu jingħad ukoll li ma huwiex biss il-fatt li l-persuna kkonċernata għandha l-kwalità ta’ ċittadin ta’ Stat tal-EFTA, Parti fil-Ftehim ŻEE, iżda wkoll il-fatt li dan l-Istat jimplimenta u japplika l-acquis ta’ Schengen, li jagħmlu s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li lilu, skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni toffri żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni.

59      Restrizzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati mal-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jkunu wettqu reat, invokat fit-talba għal deċiżjoni preliminari bħala ġustifikazzjoni, għandu jitqies li huwa ta’ natura leġittima. Madankollu, miżuri li jillimitaw il-libertà stabbilita fl-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE jistgħu jkunu ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi fil-każ biss li jkunu adegwati għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi li jiggarantixxu u dan biss sa fejn dawn l-għanijiet ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’miżuri inqas restrittivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-estradizzjoni hija proċedura intiża li tiġi miġġielda l-impunità ta’ persuna li tinsab f’territorju differenti minn dak li fih tkun allegatament wettqet reat, billi tippermetti li jiġi evitat li jibqgħu mingħajr sanzjoni reati mwettqa fit-territorju ta’ Stat minn persuni li jkunu ħarbu minn dan it-territorju. Fil-fatt, filwaqt li n-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali huwa ġeneralment ikkumpensat mill-possibbiltà li l-Istat Membru rikjest jiftaħ proċeduri kontra ċ-ċittadini tiegħu stess fir-rigward ta’ reati gravi mwettqa barra mit-territorju tiegħu, dan l-Istat Membru, bħala regola ġenerali, ma jkollux ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni ta’ tali fatti meta la l-awtur u lanqas il-vittma tal-allegat reat ma jkollhom in-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru.

62      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 40 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), li regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, li jippermettu li tingħata risposta favorevoli għal talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri u ta’ sentenza fl-Istat terz fejn ir-reat ikun allegatament twettaq, jidhru li bħala prinċipju huma adegwati sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li tiġi miġġielda l-impunità.

63      Madankollu, sa fejn, kif ġie kkonstatat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin Islandiż li ppreżenta ruħu mal-fruntieri ta’ Stat Membru sabiex jidħol fit-territorju tiegħu u sabiex jibbenefika minn servizzi hemmhekk taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tal-Karta għandhom japplikaw għal talba f’dan is-sens minn Stat terz (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 52 u 53).

64      Għaldaqstant, meta, f’tali sitwazzjoni, iċ-ċittadin Islandiż ikkonċernat jinvoka riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fil-każ ta’ estradizzjoni, l-Istat Membru rikjest għandu jivverifika, qabel jipproċedi għal eventwali estradizzjoni, li din tal-aħħar ma tkunx ser tippreġudika d-drittijiet previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 60).

65      Sabiex jagħmel dan, dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 4 tal-Karta li jipprojbixxi l-pieni jew it-trattamenti inumani jew degradanti, ma jistax sempliċement jieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni tal-Istat terz rikjedent biss jew l-aċċettazzjoni, minn dan l-Istat tal-aħħar, ta’ trattati internazzjonali li, bħala prinċipju, jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Għall-finijiet ta’ din il-verifika, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest, bħalma hija l-qorti tar-rinviju, għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, li jistgħu joħorġu, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat terz rikjedent kif ukoll minn deċiżjonijiet, rapporti u dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jagħmlu parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 55 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      B’mod partikolari, il-fatt li l-persuna kkonċernata kienet ingħatat l-ażil, mir-Repubblika tal-Islanda, għar-raġuni li kienet esposta għal riskju li ġġarrab trattamenti inumani jew degradanti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jikkostitwixxi element partikularment serju li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-verifika msemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza.

67      Tali element ikun iktar u iktar importanti għall-finijiet ta’ din il-verifika meta l-għoti tal-ażil kien ibbażat preċiżament fuq il-proċeduri li għalihom kienet suġġetta l-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha u li wasslu għall-ħruġ minn dan tal-aħħar ta’ talba għal estradizzjoni fil-konfront ta’ din il-persuna.

68      Fl-assenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi, fosthom, b’mod partikolari, bidla kunsiderevoli fis-sitwazzjoni fl-Istat terz rikjedent jew inkella elementi serji u affidabbli li juru li l-persuna li ntalbet l-estradizzjoni tagħha ngħatat l-ażil billi ħbiet il-fatt li kienet is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet Islandiżi li tagħti l-ażil lil din il-persuna għandha għalhekk twassal lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest, bħalma hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tirrifjuta l-estradizzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tal-Karta.

69      Fil-każ li l-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jaslu għall-konklużjoni li l-Artikolu 19(2) tal-Karta ma jipprekludix l-eżekuzzjoni ta’ din it-talba, ikollu jiġu eżaminat ukoll jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni hijiex proporzjonata mal-għan tal-ġlieda kontra l-impunità ta’ persuna li tkun allegatament wettqet reat kriminali, imfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza. F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka li jeżistu fil-qasam kriminali bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, miżura alternattiva b’impatt iktar limitat fuq id-dritt għal moviment liberu mill-estradizzjoni lejn Stat terz li miegħu l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim ta’ estradizzjoni u li tippermetti għalhekk li dan l-għan jintlaħaq b’mod daqstant ieħor effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 47 u 49).

70      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’tali każ, għandu jiġi pprivileġġat l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-individwu kkonċernat ikollu n-nazzjonalità sabiex l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, sa fejn ikunu kompetenti, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, sabiex jiftħu proċeduri kontra din il-persuna fir-rigward ta’ fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali, jingħataw l-opportunità joħorġu, skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mandat ta’ arrest Ewropew intiż għall-konsenja ta’ din il-persuna bil-għan li tkun suġġetta għal proċeduri. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandha tinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-individwu kkonċernat ikollu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat, għandha tikkonsenjalu l-individwu kkonċernat fuq il-bażi ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 48 u 50).

71      Issa, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tapplikax għar-Repubblika tal-Islanda, li hija Stat tal-EFTA u li tagħha I.N. huwa ċittadin, għandu jitfakkar li dan l-Istat, flimkien mar-Renju tan-Norveġja, ikkonkluda mal-Unjoni l-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2019.

72      Kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, dan il-ftehim huwa intiż li jtejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn, minn naħa, l-Istati Membri tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, sa fejn ir-relazzjonijiet attwali bejn dawn il-Partijiet Kontraenti, li huma kkaratterizzati b’mod partikolari mis-sħubija tar-Repubblika tal-Islanda u tar-Renju tan-Norveġja fiż-ŻEE, jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

73      Barra minn hekk, f’dan l-istess preambolu, il-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja esprimew il-fiduċja reċiproka tagħhom fl-istruttura u fil-funzjonament tas-sistemi legali tagħhom kif ukoll fil-kapaċità tagħhom li jiggarantixxu smigħ xieraq.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja huma simili ħafna għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

75      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 56), għandha tiġi applikata b’analoġija għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Islanda, bħalma huwa I.N., li jinsabu, fil-konfront tal-Istat terz li jkun qiegħed jitlob l-estradizzjoni tagħhom u kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli għal dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li lilu, skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni toffri żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni.

76      Għaldaqstant, meta Stat Membru, li fih ikun mar ċittadin tar-Repubblika tal-Islanda, issirlu talba għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan l-Istat Membru huwa bħala prinċipju obbligat jinforma lir-Repubblika tal-Islanda u, jekk ikun il-każ, jikkonsenjalha dan iċ-ċittadin fuq talba tagħha, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja, bil-kundizzjoni li r-Repubblika tal-Islanda jkollha kompetenza, skont id-dritt nazzjonali tagħha, sabiex tiftaħ proċeduri kontra din il-persuna fir-rigward ta’ fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tagħha.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru, li fih ikun mar ċittadin ta’ Stat tal-EFTA, Parti fil-Ftehim ŻEE u li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar il-konsenja, issirlu talba għal estradizzjoni minn Stat terz fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, u meta dan iċ-ċittadin kien ingħata l-ażil minn dan l-Istat tal-EFTA, qabel akkwista n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat, preċiżament minħabba l-proċeduri li kien is-suġġett tagħhom fl-Istat li ħareġ it-talba għal estradizzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandha tivverifika li l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 19(2) tal-Karta, fejn l-għoti tal-ażil jikkostitwixxi element partikularment serju fil-kuntest ta’ din il-verifika. Qabel jikkunsidra li jeżegwixxi t-talba għal estradizzjoni, l-Istat Membru rikjest huwa, fi kwalunkwe każ, obbligat jinforma lil dan l-istess Stat tal-EFTA u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, jikkonsenjalu l-imsemmi ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar il-konsenja, bil-kundizzjoni li l-imsemmi Stat tal-EFTA jkollu l-kompetenza, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jiftaħ proċeduri kontra dan iċ-ċittadin fir-rigward ta’ fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru, li fih ikun mar ċittadin ta’ Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u li miegħu l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ftehim dwar il-konsenja, issirlu talba għal estradizzjoni minn Stat terz fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, ffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957, u meta dan iċ-ċittadin kien ingħata l-ażil minn dan l-Istat tal-EFTA, qabel akkwista n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat, preċiżament minħabba l-proċeduri li kien is-suġġett tagħhom fl-Istat li ħareġ it-talba għal estradizzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandha tivverifika li l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fejn l-għoti tal-ażil jikkostitwixxi element partikularment serju fil-kuntest ta’ din il-verifika. Qabel jikkunsidra li jeżegwixxi t-talba għal estradizzjoni, l-Istat Membru rikjest huwa, fi kwalunkwe każ, obbligat jinforma lil dan l-istess Stat tal-EFTA u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, jikkonsenjalu l-imsemmi ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar il-konsenja, bil-kundizzjoni li l-imsemmi Stat tal-EFTA jkollu l-kompetenza, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jiftaħ proċeduri kontra dan iċ-ċittadin fir-rigward ta’ fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.