Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Attunda Tingsrätt (l-Isvezja) fil-21 ta’ Jannar 2020 – Airhelp Ltd vs Scandinavian Airlines System SAS

(Kawża C-28/20)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Attunda Tingsrätt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Airhelp Limited

Konvenuta: Scandinavian Airlines System SAS

Domandi preliminari

Strajk minn piloti tal-linji tal-ajru li huma impjegati minn trasportatur tal-ajru u li huma meħtieġa sabiex tiġi operata titjira, jikkostitwixxi “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 1 , meta l-istrajk ma jsirx b’konnessjoni ma’ miżura deċiża jew imħabbra mit-trasportatur tal-ajru iżda li tiġi nnotifikata u li hija legalment mibdija minn organizzazzjonijiet tal-ħaddiema bħala azzjoni industrijali intiża li twassal lit-trasportatur tal-ajru li jżid il-pagi, jipprovdi benefiċċji jew ibiddel kundizzjonijiet tal-impjieg sabiex it-talbiet tal-organizzazzjonijiet jiġu ssodisfatti?

X’importanza, jekk ikun il-każ, għandha tingħata għal jekk it-talbiet tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema humiex ġusti u, b’mod partikolari, għall-fatt li ż-żieda fil-pagi mitluba hija sinjifikattivament ogħla miż-żidiet fil-pagi li japplikaw ġeneralment għas-swieq nazzjonali tax-xogħol inkwistjoni?

X’importanza, jekk ikun il-każ, għandha tingħata għall-fatt li t-trasportatur tal-ajru, sabiex jevita strajk, jaċċetta proposta għal ftehim minn korp nazzjonali responsabbli għall-medjazzjoni ta’ tilwim industrijali iżda l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema ma jaċċettawhiex?

____________

1 Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).