Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fid-9 ta’ Novembru 2019 – NJ vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

(Kawża C-740/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NJ

Konvenut: Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

Domandi preliminari

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (imsejħa d-“Direttiva dwar proċeduri”) – meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv ukoll fl-eventwalità li l-qrati tiegħu ma jistgħux jirriformaw id-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri tal-ażil, iżda jistgħu biss jannullaw tali deċiżjonijiet u jobbliga lill-awtorità amministrattiva tibda proċeduri ġodda?

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (imsejħa d-“Direttiva dwar proċeduri”) – meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru hija konformi ma’ dawn id-disposizzjonijiet meta tipprevedi għall-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-ażil terminu imperattiv u uniformi ta’ 60 jum massimu, irrispettivament minn kwalunkwe ċirkustanza individwali u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-kawża u d-diffikultajiet eventwali ta’ prova?

____________

1 Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).