Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi Baxxi) fis-17 ta’ Diċembru 2019 – Stichting Waternet vs MG

(Kawża C-922/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Stichting Waternet

Konvenut: MG

Domandi preliminari

L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-bejgħ mill-bogħod 1 u l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur 2 , moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun hemm provvista mhux mitluba ta’ ilma tajjeb għax-xorb fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta l-prattika kummerċjali tad-distributur tal-ilma tkun is-segwenti:

(i) bis-saħħa tal-liġi, id-distributur tal-ilma huwa (a) awtorizzat, esklużivament, kif ukoll obbligat jiddistribwixxi l-ilma permezz tal-mejnijiet tal-ilma fiż-żona ta’ distribuzzjoni assejata lilu u (b) obbligat joffri, lil min jagħmel talba f’dan is-sens, minn naħa, konnessjoni man-netwerk pubbliku ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb u, min-naħa l-oħra, distribuzzjoni ta’ ilma;

(ii) id-distributur tal-ilma jżomm il-konnessjoni tal-abitazzjoni tal-konsumatur man-netwerk pubbliku ta’ distribuzzjoni ta’ ilma li kien jeżisti qabel ma l-konsumatur stabilixxa ruħu fl-abitazzjoni, bil-konsegwenza li l-mejnijiet tal-ilma fl-abitazzjoni tal-konsumatur ikollhom pressa u li l-konsumatur jista’, meta jixtieq, ikollu l-ilma billi jwettaq att deliberat, jiġifieri billi jiftaħ il-vit jew billi jwettaq azzjoni simili, anki wara li jkun esprima l-intenzjoni tiegħu li ma jikkonkludix kuntratt ta’ distribuzzjoni ta’ ilma; u

(iii) id-distributur tal-ilma jiffattura l-ispejjeż sa fejn il-konsumatur ikun ħa effettivament l-ilma billi jwettaq att deliberat, fejn it-tariffi applikati jkopru l-prezz tal-kost u jkunu trasparenti u nondiskriminatorji, u dan kollu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi.

L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-bejgħ mill-bogħod u l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali 3 jipprekludu l-preżunzjoni li jeżisti kuntratt ta’ distribuzzjoni ta’ ilma bejn id-distributur tal-ilma u l-konsumatur meta (i) il-konsumatur, bħall-konsumatur medju fil-Pajjiżi l-Baxxi, ikun jaf li d-distribuzzjoni ta’ ilma ma hijiex bla ħlas, (ii) minkejja dan, il-konsumatur ikompli jikkonsma l-ilma b’mod abitwali għal perijodu twil ta’ żmien, (iii) il-konsumatur ikompli jikkonsma l-ilma anki wara li jkun irċieva ittra ta’ merħba mid-distributur tal-ilma u l-fatturi u l-ittri ta’ intimazzjoni sussegwenti, u (iv) il-konsumatur ikun esprima l-intenzjoni effettiva tiegħu li jikkuntattja lid-distributur tal-ilma wara li tkun inħarġet awtorizzazzjoni ġudizzjarja għat-tneħħija tal-konnessjoni tal-ilma tal-abitazzjoni.

____________

1     Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319).

2     Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (GU 2011, L 304, p. 64).

3     Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (GU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).