Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Jannar 2020 – Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. vs Vodafone GmbH

(Kawża C-5/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

Konvenuta: Vodafone GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-utenti finali li jużaw it-tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, bl-użu tas-servizz ta’ aċċess għall-internet tagħhom, jinkludi wkoll id-dritt li jużaw dan is-servizz ta’ aċċess għall-internet, permezz ta’ tagħmir terminali konness direttament mal-interfaċċa tan-netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet (bħal smartphone jew tablet), flimkien ma’ tagħmir terminali ieħor (tablet ieħor, smartphone ieħor) (“tethering”)?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi limitazzjoni pprojbita tad-dritt tal-utenti finali tat-tagħmir terminali, meta t-tethering la jkun kuntrattwalment ipprojbit u lanqas ristrett teknikament, iżda fejn huwa stipulat li l-volumi ta’ data kkonsmati permezz ta’ tethering, għad-differenza ta’ volumi ta’ data kkonsmati mingħajr tethering, ma jinkludux offerta ta’ żero rating, iżda jiġu paċuti fuq volum bażiku kif ukoll jiġu kkalkolati separatament fil-każ ta’ eċċess?

____________

1 Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1).