Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Jannar 2020 – Telekom Deutschland GmbH vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-34/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Telekom Deutschland GmbH

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

a) Meta tariffa ta’ komunikazzjonijiet mobbli li tinkludi, għat-traffiku tad-data mobbli, volum mensili ta’ data li l-eżawriment tiegħu jwassal għal tnaqqis fil-veloċità ta’ trażmissjoni, u li tista’ tinkludi għażla ta’ tariffa bla ħlas li tippermetti li ċerti servizzi ta’ “sieħba tal-kontenut” tal-impriża ta’ telekomunikazzjoni jintużaw mingħajr ma l-volum ta’ data kkonsmat bl-użu ta’ dawn is-servizzi jiġi paċut mal-volum mensili ta’ data inkluż fit-tariffa ta’ telefonija mobbli inkwistjoni, filwaqt li madankollu l-klijent finali jaċċetta li l-bandwidth tkun limitata għal veloċità massima ta’ 1.7 Mbits/s għal vidjo-streaming, irrispettivament minn jekk dawn il-vidjos jixxandru minn sieħba tal-kontenut jew minn fornituri oħra, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehimiet dwar il-karatteristiċi tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 għandhom josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120?

b) Jekk il-punt (a) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitazzjoni tal-bandwidth inkwistjoni għandha titqies bħala tnaqqis fil-veloċità ta’ kategorija ta’ servizzi?

c) Jekk il-punt b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: il-kunċett ta’ konġestjoni imminenti tan-netwerk fis-sens tal-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri unikament il-konġestjonijiet eċċezzjonali jew temporanji (imminenti)?

d) Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: il-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kategoriji ekwivalenti ta’ traffiku jipprekludi limitazzjoni tal-bandwidth, li hija applikabbli unikament f’każ ta’ għażla komplementari u mhux fil-każ ta’ tariffi ta’ telefonija mobbli oħra u, minbarra dan, unikament għall-vidjo-streaming?

e) Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitazzjoni tal-bandwidth, li l-applikazzjoni tagħha tiddependi mill-attivazzjoni tal-għażla komplementari, u li barra minn hekk il-klijent finali jista’ jiddiżattiva fi kwalunkwe mument għal tul massimu ta’ 24 siegħa, tosserva r-rekwiżit li kategorija ta’ servizzi ma tistax titwettaq iktar bil-mod ħlief sa fejn ikun neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-punti (a) sa (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3)?

2.    a) Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fin-negattiv: it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitazzjoni tal-bandwidth unikament għall-vidjo-streaming hija bbażata fuq rekwiżiti dwar il-kwalità tas-servizz tekniċi li huma oġġettivament differenti minn ċerti kategoriji speċifiċi ta’ traffiku?

b) Jekk il-punt (a) tat-tieni domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandha tiġi interpretata fis-sens li identifikazzjoni tat-traffiku ta’ data ġġenerat mill-vidjo-streaming permezz tal-indirizzi IP, protokolli, URL u SNI kif ukoll permezz tal-hekk imsejjaħ “pattern matching”, li jippermetti li ċerta informazzjoni tal-header tiġi pparagunata mal-valuri tipiċi tal-vidjo-streaming, tikkostitwixxi sorveljanza tal-kontenut partikolari tat-traffiku?

3.    Jekk il-punt (a) tal-ewwel domanda jingħata risposta fin-negattiv: l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitazzjoni tal-bandwidth unikament għall-vidjo-streaming tirrestrinġi d-dritt tal-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120?

____________

1 Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1).