Language of document : ECLI:EU:C:2020:353

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Mejju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Jiem ta’ xogħol u jiem ta’ mistrieħ – Takografi diġitali – Regolament (UE) Nru 165/2014 – Nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-jiem ta’ xogħol fuq il-kard tas-sewwieq u assenza ta’ folji ta’ reġistrazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu għas-sewwieq li jippreżenta ċertifikazzjoni mill-persuna li timpjegah – Validità tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959/UE”

Fil-Kawża C‑96/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

VO

vs

Bezirkshauptmannschaft Tulln,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(3) u tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU 2014, L 60, p. 1), u, min-naħa l-oħra, il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/959/UE tal-14 ta’ Diċembru 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2007/230/KE dwar formola li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni soċjali marbuta mal-attivitajiet tat-trasport bit-triq (ĠU 2009, L 330, p. 80).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilima bejn VO, sewwieq ta’ vetturi tqal tal-merkanzija, u l-Bezirkshauptmannschaft Tulln (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Tulln, l-Awstrija), dwar il-multa li kienet ġiet imposta fuqu waqt spezzjoni mal-ġenb tat-triq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 561/2006

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

4        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(e)      ‘xogħol ieħor’ tfisser l-attivitajiet kollha li huma definiti bħala ħin ta’ xogħol fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224)] ħlief ‘sewqan’, inkluż kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem, kemm fis-settur kif ukoll barra s-settur tat-trasport;

[…]”

5        L-Artikolu 6(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Ix-xufier għandu jirreġistra bħala xogħol ieħor kull ħin li jagħmel kif deskritt fl-Artikolu 4(e) kif ukoll kull ħin li jagħmel isuq il-vettura wżata għal operazzjonijiet kummerċjali li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għandu jirreġistra kull perijodu ta’ ‘disponibbiltà’, kif definiti fl-Artikolu 15(3)(ċ) tar-Regolament [tal-Kunsill] (KEE) Nru 3821/85 [tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227)], mill-aħħar perijodu tiegħu ta’ mistrieħ ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa. Dan ir-rekord għandu jitniżżel manwalment fuq folja li fiha jiddaħħlu r-rekords, fuq karta stampata jew bl-użu ta’ faċilitajiet oħra ta’ reġistrazzjoni manwali fuq it-tagħmir ta’ reġistrazzjoni.”

 Ir-Regolament Nru 165/2014

6        L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 165/2014 jipprovdi:

“B’żieda mad-definizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘takografu’ jew ‘apparat ta’ reġistrazzjoni’ tfisser l-apparat intenzjonat għall-istallazzjoni f’vetturi tat-triq sabiex juri, jirreġistra, jistampa, jaħżen u joħroġ, awtomatikament jew semiawtomatikament dettalji tal-moviment, inkluż il-veloċità, ta’ tali vetturi, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u dettalji ta’ ċerti perijodi ta’ attività tas-sewwieqa tagħhom;

[…]

(d)      ‘kard tat-takografu’ tfisser kard intelliġenti, intenzjonata għall-użu mat-takografu, li tippermetti l-identifikazzjoni permezz tat-takografu tar-rwol tad-detentur tal-kard u tippermetti t-trasferiment u l-ħżin tad-data;

(e)      ‘folja ta’ reġistrazzjoni’ tfisser folja imfassla biex taċċetta u żżomm id-data reġistrata, li għandha titpoġġa f’takografu analoġiku u li fuqha l-apparat tal-immarkar tat-takografu analoġiku jikteb b’mod kontinwu l-informazzjoni li trid tiġi reġistrata;

(f)      ‘kard tas-sewwieq’ tfisser kard tat-takografu, maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil xufier partikolari, li tidentifika s-sewwieq u tippermetti l-ħżin tad-data tal-attività tas-sewwieq;

(g)      ‘takografu analoġiku’ tfisser takografu li juża folja ta’ reġistrazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(h)      ‘takografu diġitali’ tfisser takografu li juża kard tat-takografu f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

[…]”

7        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Funzjonijiet tat-takografu diġitali”, jipprovdi:

“It-takografi diġitali għandhom jiżguraw il-funzjonijiet li ġejjin:

–        kejl tal-veloċità u tad-distanza;

–        monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sewwieq u l-istatus tas-sewqan;

–        monitoraġġ tad-dħul u l-ħruġ tal-kards tat-takografi;

–        reġistrazzjoni tal-entrati manwali mis-sewwieq;

[…]”

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Viżwalizzazzjoni u twissija”, jipprovdi:

“1.      L-informazzjoni li tinsab fit-takografi diġitali u l-kards tat-takografi li tirrigwarda l-attivitajiet tal-vettura u s-sewwieqa u s-sewwieqa sekondarji għandha tintwera b’mod ċar, ergonomiku u mhux ambigwu.

2.      Għandha tintwera l-informazzjoni li ġejja:

[…]

(c)      l-attività tas-sewwieq:

–        jekk l-attività attwali hija s-sewqan, il-ħin attwali ta’ sewqan kontinwu tas-sewwieq u l-ħin ta’ pawża kumulattiv attwali tiegħu,

–        jekk l-attività attwali hi d-disponibbiltà/xogħol ieħor/mistrieħ jew pawża, l-ammont ta’ ħin attwali ta’ dik l-attività (minn meta ntgħażlet) u l-ħin ta’ pawża kumulattiv attwali;

[…]”

9        L-Artikolu 29(2) tal-istess regolament jipprovdi:

“Jekk kard tas-sewwieq ikollha l-ħsara jew taħdem ħażin, is-sewwieq għandu jirritornaha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza normali tiegħu. Is-serq tal-kard tas-sewwieq għandu jiġi ddikjarat formalment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat fejn ikun seħħ is-serq.”

10      L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 165/2014 jipprevedi:

“1.      Is-sewwieqa għandhom jużaw folji ta’ reġistrazzjoni jew kards tas-sewwieqa kull jum li fih isuqu, li jibda mill-mument meta jieħdu f’idejhom il-vettura. Il-folja ta’ reġistrazzjoni jew il-kard tas-sewwieq ma għandhiex tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħidma ta’ kuljum sakemm l-irtirar tagħha ma jiġix awtorizzat mod ieħor. Ebda folja ta’ reġistrazzjoni jew kard tas-sewwieq ma tista’ tintuża fuq perijodu itwal minn dak li hija maħsuba għalih.

[…]

3.      Meta s-sewwieq ma jkunx jista’ juża t-takografu installat fil-vettura minħabba li s-sewwieq kien ‘il bogħod mill-vettura, il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-punti (ii), (iii) u (iv) tal-paragrafu 5(b) għandhom:

[…]

(b)      jekk il-vettura tkun attrezzata b’takografu diġitali, jiddaħħlu fil-kard tas-sewwieq bl-użu tal-faċilità ta’ dħul manwali pprovduta fit-takografu.

L-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligu fuq is-sewwieqa li jippreżentaw formoli li juru l-attivitajiet tagħhom meta ma jkunux fil-vettura.

[…]

5.      Is-sewwieqa għandhom:

[…]

(b)      joperaw il-mekkaniżmi tal-iswiċċ li jippermettu li l-perijodi ta’ ħin li ġejjin jiġu rreġistrati separatament u b’mod distint:

(i)      taħt is-sinjal/: ħin ta’ sewqan;

(ii)      taħt is-sinjal/: ‘xogħol ieħor’, li tfisser kull attività minbarra s-sewqan, kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/15/KE, kif ukoll kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem kemm fis-settur tat-trasport jew barra minnu,

(iii)      taħt is-sinjal/: disponibbiltà’, kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/15/KE;

(iv)      taħt is-sinjal/: pawżi fix-xogħol u perijodi ta’ mistrieħ.

[…]”

11      L-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 165/2014 jipprovdi:

“Jekk il-kard tas-sewwieq ikollha l-ħsara, ma tkunx taħdem sew, jew tkun intilfet jew insterqet, is-sewwieq għandu:

(a)       fil-bidu tal-vjaġġ tiegħu, jistampa d-dettalji tal-vettura li jkun qiegħed isuq, u għandu jdaħħal f’dik il-kopja stampata:

[…]

(ii)      il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-punti (ii), (iii) u (iv) tal-Artikolu 30 [34](5)(b);

(b)      fl-aħħar tal-vjaġġ, jistampa l-informazzjoni dwar il-perijodi ta’ ħin irreġistrati mit-takografu, jirreġistra kull perijodu ta’ xogħol ieħor, disponibbiltà u mistrieħ li jkun ħa mill-ħin mindu saret il-kopja stampata fil-bidu tal-vjaġġ, meta ma jkunx irreġistrat mit-takografu, u jimmarka fuq dak id-dokument id-dettalji li bihom is-sewwieq jista’ jiġi identifikat (isem, numru tal-kard tas-sewwieq jew tal-liċenzja tas-sewqan), inkluża l-firma tas-sewwieq.”

12      L-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“[…]

2.      Fejn is-sewwieq isuq vettura li tkun attrezzata b’takografu diġitali, is-sewwieq għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjal tal-kontroll awtorizzat:

(i)      il-kard tas-sewwieq tiegħu,

(ii)      kull rekord manwali u kopja stampata li jkunu saru matul il-jum attwali u t-28 jum ta’ qabel kif mitlub taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 561/2006,

[…]

3.       Uffiċjal tal-kontroll awtorizzat jista’ jivverifika l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006 billi janalizza l-folji ta’ reġistrazzjoni, tad-data murija, stampata jew imniżżla mill-internet li tkun ġiet irreġistrata mit-takografu jew mill-kard tas-sewwieq jew, fin-nuqqas ta’ dak, kwalunkwe dokument ieħor ta’ prova li jiġġustifika n-nuqqas ta’ konformità ma’ xi dispożizzjoni, bħall-Artikoli 29(2) u 37(2) ta’ dan ir-Regolament.”

13      Skont l-Artikolu 37(2) tar-Regolament Nru 165/2014:

“Waqt li t-takografu jkun bil-ħsara jew ma jkunx qiegħed jaħdem sew, is-sewwieq għandu jimmarka data li tippermetti li hu jiġi identifikat (isem, numru tal-kard tas-sewwieq jew tal-liċenzja tas-sewqan), inkluż firma, kif ukoll l-informazzjoni kollha għad-diversi perijodi ta’ żmien li ma jkunux għadhom irreġistrati jew stampati b’mod korrett mit-takografu:

(a)      fuq il-folja jew folji ta’ reġistrazzjoni, jew

(b)      fuq folja temporanja li trid tiġi mehmuża mal-folja ta’ reġistrazzjoni jew tinżamm flimkien mal-kard tas-sewwieq.”

 Id-Direttiva 2006/22

14      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU 2006, L 102, p. 35), intitolat “L-aħjar prattika”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Formola elettronika u li tista’ tiġi stampata għandha tiġi mħejjija mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), li għandha tintuża meta xufier ikun fuq leave minħabba mard jew leave annwali, jew meta xufier ikun saq vettura oħra li hija eżenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [tal-Kunsill] (KEE) Nru 3820/85 [tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319)], fil-perijodu msemmi fl-ewwel inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(7) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.”

15      L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri ta’ implimentazzjoni”, jipprovdi:

“B’talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni, li jkollhom wieħed minn dawn l-għanijiet partikulari:

(a)      li tippromwovi approċċ komuni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva;

(b)      li tħeġġeġ koerenza fl-approċċ bejn awtoritajiet ta’ l-infurzar u interpretazzjoni armonizzata tar-[Regolament Nru 561/2006];

(ċ)      li tiffaċilita d-djalogu bejn is-settur ta’ trasport u l-awtoritajiet ta’ l-infurzar.”

 Id-Deċiżjoni 2007/230/KE

16      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/230/KE tat-12 ta’ April 2007 dwar formola li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni soċjali marbuta ma’ l-attivitajiet tat-trasport bit-triq (ĠU 2007, L 99, p. 14), jipprevedi:

“Il-formola msemmija fl-Artikolu 11(3) tad-[Direttiva 2006/22] għandha tkun kif stipulata fl-Anness I ta’ din[id]-Deċiżjoni.”

17      Il-formola ta’ ċertifikazzjoni tal-attivitajiet, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/230 kienet tinkludi, b’mod partikolari, tliet partijiet, bin-numri 13, 14 u 15, li kellhom jimtlew mill-impriża u li kienu jipprovdu spjegazzjonijiet fis-sens li s-sewwieq “13. kien bil-liv tal-mard”, “14. kien bil-liv annwali” jew “15. saq vettura eżentata mill-ambitu tar-[Regolament Nru 561/2006]”.

 Id-Deċiżjoni 2009/959

18      Il-premessi 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2009/959 jiddikjaraw:

“(1)      Is-sors primarju tal-informazzjoni fil-kontrolli tat-triq huwa r-reġistrazzjonijiet li jsiru fit-takografu. In-nuqqas ta’ reġistrazzjonijiet għandu jkun ġustifikat biss fejn ir-reġistrazzjonijiet tat-takografu, inkluż dawk imdaħħlin manwalment, ma kenux possibbli għal raġunijiet oġġettivi. F’dawn il-każijiet għandha tiġi stabbilita ċ-ċertifikazzjoni li tikkonferma dawn ir-raġunijiet.

[…]

(3)      Sabiex tittejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-kontrolli mill-Istati Membri, tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 561/2006], il-formola [ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-anness tad-Deċiżjoni 2007/230] għandha tiġi modifikata billi jiddaħħlu elementi addizzjonali ma’ dawk indikati fl-Artikolu 11(3) tad-[Direttiva 2006/22/KE].

(4)      Il-formola taċ-ċertifikazzjoni għandha tintuża biss jekk ir-reġistrazzjonijiet tat-takografiċi, għal raġunijiet tekniċi oġġettivi, mhumiex kapaċi juru li d-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 561/2006] ġew rispettati.”

19      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/959 jipprevedi:

“L-Anness għad-[Deċiżjoni 2007/230] huwa mibdul bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”

20      Il-formola ta’ ċertifikazzjoni annessa mad-Deċiżjoni 2009/959, minn naħa, tirripproduċi l-elementi msemmija fil-partijiet 13, 14 u 15 tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/230, filwaqt li tagħtihom, rispettivament, in-numri 14, 15 u 17 u, min-naħa l-oħra, iżżid tliet partijiet ma’ dawk previsti fil-formola tal-aħħar, li għandhom jimtlew mill-impriża u li jindikaw li s-sewwieq “16. kien bil-liv jew serħan”, “18. għamel xogħol ieħor flok sewqan” jew “19. kien disponibbli”.

 Id-dritt Awstrijak

21      L-Artikolu 102a(4) tal-Kraftfahrgesetz 1967 (il-Liġi dwar il-Vetturi bil-Mutur tal-1967), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KFG 1967”), jipprevedi:

“Is-sewwieqa ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’takografu diġitali fis-sens tar-[Regolament Nru 165/2014] għandhom josservaw il-metodu ta’ użu tat-takografu meta jużawh. Huma għandhom jiżguraw li t-tagħmir ta’ kontroll ikun qiegħed jaħdem matul il-vjaġġ u li l-kard tas-sewwieq tagħhom tintuża fit-tagħmir ta’ kontroll. Fuq talba tal-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà pubblika jew għas-sorveljanza tat-toroq, is-sewwieqa għandhom jippreżentaw il-folji stampati previsti mir-[Regolament Nru 165/2014], il-kard tas-sewwieq u l-folji ta’ reġistrazzjoni tal-jum kurrenti u tat-28 jum preċedenti jekk ikunu saqu vettura mgħammra b’tagħmir ta’ kontroll analogu matul dan il-perijodu. Is-sewwieq għandu jirċievi ċertifikazzjoni. Jekk ikunu neqsin jiem ta’ xogħol individwali fuq il-kard tas-sewwieq u jekk ma jkunx hemm folji ta’ reġistrazzjoni għal dawn il-jiem, il-persuna li timpjega għandha tipprovdi, għal dawn il-jiem, iċ-ċertifikazzjonijiet korrispondenti, li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-formola stabbilita mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 11(3) tad-[Direttiva 2006/22] u għandhom jiġu ppreżentati matul l-ispezzjonijiet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Matul spezzjoni mal-ġenb tat-triq imwettqa f’Marzu 2018, VO, sewwieq ta’ vettura tqila tal-merkanzija mgħammra b’takografu diġitali, ġie mmultat EUR 50 mill-awtoritajiet Awstrijaċi b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-KFG 1967 għar-raġuni li, fir-rigward ta’ diversi jiem qabel din l-ispezzjoni, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jippreżenta ċertifikazzjoni mill-persuna li timpjegah, stabbilita fuq il-bażi tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959, li tiċċertifika li huwa ma kienx saq matul il-jiem ikkonċernati (jiem mingħajr sewqan). Il-preżentazzjoni ta’ tali ċertifikazzjoni kienet tippermettilu jirrimedja l-assenza ta’ reġistrazzjonijiet tad-data rilevanti li kellu jkun hemm fit-takografu diġitali li bih kienet mgħammra l-imsemmija vettura.

23      Adita minn VO b’rikors kontra d-deċiżjoni li biha ġie suġġett għal din il-multa, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich, l-Awstrija) għandha dubju, minn naħa, dwar jekk il-jiem mingħajr sewqan jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 165/2014 u jekk, għaldaqstant, huwiex ipprojbit li s-sewwieq ikun obbligat jippreżenta ċertifikazzjoni dwar il-jiem mingħajr sewqan, għall-kuntrarju ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 102a(4) tal-KFG 1967. Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li VO ma għandux jiġi ssanzjonat għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

24      Min-naħa l-oħra, u fil-każ li l-jiem mingħajr sewqan jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) ta’ dan ir-regolament, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-validità tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959. Skont il-qorti tar-rinviju, meta żiedet il-partijiet 16, 18 u 19 f’din il-formola, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-awtorità mogħtija mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/22, billi tobbliga lis-sewwieqa jippreżentaw il-formola maħruġa mill-persuna li timpjegahom li tiċċertifika l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-perijodi li matulhom ma kinux jinsabu fil-vettura tagħhom, b’mod li jmur kontra dak li jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tal-imsemmi regolament.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Ir-[Regolament Nru 165/2014], b’mod partikolari [it-tieni subparagrafu] tal-Artikolu 34(3) u l-Artikolu 36(2) tiegħu, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli nazzjonali li jeżiġu minn sewwieqa ta’ vetturi li huma mgħammra b’takografu diġitali fis-sens tal-Artikolu 2(2)(h) [ta’ dan ir-regolament] li jżommu abbord u jipproduċu, matul kontrolli, konfermazzjonijiet mill-persuna li timpjega, li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-formola mħejjija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(3) tad-[Direttiva 2006/22], għal jiem tax-xogħol individwali li jkunu nieqsa mill-kard tas-sewwieq […], li għalihom, madankollu, ebda folji ta’ reġistrazzjoni ma huma meħtieġa li jinżammu abbord?

2)      Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv: Il-formola stipulata mill-Kummissjoni fid-[Deċiżjoni 2009/959] tagħha hija totalment jew parzjalment invalida?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 165/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista minnu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lis-sewwieq ta’ vettura mgħammra b’takografu diġitali jipproduċi, bħala mezz sekondarju ta’ prova tal-attivitajiet tiegħu, fil-każ li r-reġistrazzjonijiet awtomatiċi u manwali fit-takografu jkunu neqsin, ċertifikazzjoni ta’ attività stabbilita mill-persuna li timpjegah konformement mal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959.

27      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu preliminarjament jitfakkar li, konformement b’mod partikolari mal-Artikolu 1 tiegħu, l-għanijiet tar-Regolament Nru 561/2006 huma li jarmonizza l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-settur tat-trasport bit-triq u li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq, liema għanijiet huma espressi b’mod partikolari fl-obbligu li l-vetturi tat-trasport bit-triq ikunu mgħammra, bħala prinċipju, b’takografu approvat li jippermetti li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa (sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, NK, C‑231/18, EU:C:2019:103, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 165/2014 fih numru ta’ dispożizzjonijiet marbuta mal-użu ta’ takografi f’vetturi li għalihom japplika r-Regolament Nru 561/2006.

29      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-vetturi mgħammra b’takografu diġitali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaħdem b’kard tas-sewwieq, jiġifieri, konformement mal-Artikolu 2(2)(d) u (f) tar-Regolament Nru 165/2014, kard b’memorja intiża li tintuża fit-takografu u li tippermetti b’mod partikolari l-identifikazzjoni tas-sewwieq u l-ħażna ta’ data dwar l-attività tiegħu, l-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament jeżiġi li s-sewwieq juża din il-kard f’kull jum li matulu jsuq, sa mill-mument li jieħu f’idejh il-vettura, mingħajr ma tkun tista’ tinħareġ qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ xogħol ta’ kuljum.

30      Madankollu, skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 165/2014, meta, minħabba li jkun tbiegħed mill-vettura, is-sewwieq ma jkunx jista’ juża l-funzjoni ta’ dħul awtomatiku tat-takografu diġitali li bih tkun mgħammra l-vettura, il-perijodi li ma jkunux perijodi ta’ sewqan imsemmija fil-punti (b)(ii), (iii) u (iv) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri l-perijodi dwar kull “xogħol ieħor”, id-“disponibbiltà” kif ukoll il-“pawżi fix-xogħol u perijodi ta’ mistrieħ”, għandhom jiddaħħlu fil-kard tas-sewwieq permezz tal-funzjoni ta’ dħul manwali li għandu l-imsemmi takografu.

31      L-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 165/2014 jispeċifika li s-sewwieq ta’ vettura mgħammra b’tali takografu għandu jkun f’pożizzjoni li jippreżenta, fuq talba minn aġent ta’ kontroll awtorizzat, b’mod partikolari kull informazzjoni rreġistrata manwalment u stampata matul il-jum kurrenti u matul it-tmienja u għoxrin jum preċedenti, konformement ma’ dan ir-regolament u mar-Regolament Nru 561/2006.

32      Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-kawża prinċipali, is-sewwieq ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdi, matul spezzjoni mal-ġenb tat-triq, l-informazzjoni mitluba marbuta ma’ diversi jiem li jippreċedu din l-ispezzjoni, tqum il-kwistjoni tal-mezzi sekondarji ta’ prova li dan is-sewwieq jista’ jkun meħtieġ jipproduċi sabiex jirrimedja n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tad-data rilevanti fit-takografu diġitali li bih tkun mgħammra l-vettura tiegħu.

33      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-portata tal-projbizzjoni, stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 165/2014, li tipprovdi li l-Istati Membri ma għandhomx jobbligaw lis-sewwieqa jippreżentaw formoli li jiċċertifikaw l-attivitajiet tagħhom meta ma jkunux fil-vettura. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk jiem mingħajr sewqan jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li, għall-kuntrarju ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 102a(4) tal-KFG 1967, is-sewwieq ma jistax ikun obbligat jippreżenta ċertifikazzjoni stabbilita mill-persuna li timpjegah dwar tali jiem mingħajr sewqan, anki jekk tali ċertifikazzjoni tkun ibbażata fuq il-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “attivitajiet”, li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 165/2014, ma huwiex iddefinit minn dan tal-aħħar.

35      Barra minn hekk, ma hemm ebda dispożizzjoni f’dan ir-regolament li tissuġġerixxi li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’tali mod li l-perijodi elenkati fl-Artikolu 34(5)(b) ta’ dan ir-regolament ma jaqgħux taħt dan il-kunċett. Fil-fatt, mill-Artikolu 6(2)(c) tar-Regolament Nru 165/2014 jirriżulta li l-“attività tas-sewwieq”, li għandha tiġi inkluża fl-informazzjoni rreġistrata fit-takografu, tikkorrispondi jew għall-ħin ta’ sewqan u għall-ħin ta’ pawża akkumulat attwali “jekk l-attività attwali hija s-sewqan”, jew għat-tul attwali tal-attività kkonċernata u għall-ħin ta’ pawża akkumulat attwali “jekk l-attività attwali hi d-dsponibbiltà/xogħol ieħor/mistrieħ jew pawża”.

36      Madankollu, qabel kollox, ma jkunx konsistenti mal-istruttura tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014 jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) ta’ dan ir-regolament jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li sewwieq għandu jipproduċi ċertifikazzjoni tal-attivitajiet tiegħu, maħruġa mill-persuna li timpjegah, meta, minħabba li ma jkunx fil-vettura tiegħu, ikunu neqsin ir-reġistrazzjonijiet awtomatiċi u manwali li normalment għandhom jinsabu fit-takografu diġitali li bih tkun mgħammra l-imsemmija vettura.

37      B’mod partikolari, mill-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 165/2014 jirriżulta li aġent tal-kontroll huwa awtorizzat jivverifika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006 billi janalizza l-informazzjoni murija, stampata jew imniżżla, li tkun ġiet irreġistrata mit-takografu jew mill-kard tas-sewwieq, “jew, fin-nuqqas ta’ dak, kwalunkwe dokument ieħor” li jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni, bħalma huwa l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 165/2014, li jikkonċerna l-każ ta’ serq, telf jew difett tal-kard tas-sewwieq, u bħalma huwa l-Artikolu 37(2) ta’ dan ir-regolament, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata mis-sewwieq fil-każ li t-takografu ma jaħdimx jew ma jaħdimx sew. Peress li l-indikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet manifestament ma hijiex eżawrjenti, l-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar jawtorizza lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-Istati Membri janalizzaw kull tip ta’ dokument, bħala mezz sekondarju ta’ prova, li jippermettilhom jivverifikaw id-diversi perijodi ta’ attività tas-sewwieq, fil-każ li dawn ma jkunux jinsabu fit-takografu diġitali tal-vettura.

38      Sussegwentement, interpretazzjoni bil-kontra tista’ tippreġudika l-għanijiet imfittxija b’mod partikolari mir-Regolamenti Nru 561/2006 u Nru 165/2014, b’mod partikolari l-għanijiet dwar is-sigurtà fit-triq u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa. B’hekk, tali interpretazzjoni mhux biss iċċaħħad lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-Istati Membri mill-possibbiltà li jiżguraw l-osservanza b’mod partikolari tal-ħinijiet ta’ sewqan, ta’ pawża u ta’ mistrieħ tal-imsemmija sewwieqa, kif previsti fir-Regolament Nru 561/2006, f’sitwazzjoni fejn id-data rilevanti ma setgħetx tiddaħħal fit-takografu diġitali, iżda tista’ twassal ukoll sabiex tapprova, jekk ikun il-każ, ommissjoni intenzjonata ta’ reġistrazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

39      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 36 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mill-osservazzjonijiet konkordanti tal-Gvern Belġjan u tal-Kummissjoni, fis-sens li l-projbizzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 165/2014 hija intiża biss li tirrimedja l-prassi ta’ ċerti Stati Membri li, minbarra r-reġistrazzjonijiet magħmula fit-takografi, jeżiġu b’mod sistematiku li s-sewwieqa jippreżentaw formoli nazzjonali bħala prova tal-attivitajiet tagħhom, prassi din li timplika piżijiet amministrattivi u spejjeż supplimentari għall-impriżi tat-trasport bit-triq.

40      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 165/2014 bl-ebda mod ma affettwat il-kontenut tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/22. Din id-dispożizzjoni tistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi formola elettronika u li tista’ tiġi stampata, li tkun intiża li tintuża meta sewwieq kien fuq leave tal-mard, fuq leave annwali jew kien qiegħed isuq vettura oħra li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 561/2006, matul il-jum kurrenti jew matul it-tmienja u għoxrin jum preċedenti. Issa, konformement mal-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2009/959, din il-formola, li tinsab fl-Anness ta’ din tal-aħħar, għandha tintuża biss fl-assenza ta’ reġistrazzjonijiet, inklużi manwali, fit-takografu, li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006.

41      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 165/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista minnu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lis-sewwieq ta’ vettura mgħammra b’takografu diġitali jipproduċi, bħala mezz sekondarju ta’ prova tal-attivitajiet tiegħu, fil-każ li r-reġistrazzjonijiet awtomatiċi u manwali fit-takografu jkunu neqsin, ċertifikazzjoni ta’ attività stabbilita mill-persuna li timpjegah konformement mal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959.

 Fuq it-tieni domanda

42      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta emendat, permezz tad-Deċiżjoni 2009/959, il-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/230, billi pprevediet iktar sitwazzjonijiet li jikkorrispondu għal perijodi ta’ assenza ta’ sewqan minn dawk previsti fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/22, il-Kummissjoni marritx lil hinn mill-awtorizzazzjoni li tagħtiha din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-formola kif emendata hija totalment jew parzjalment invalida.

43      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma tqajjem ebda dubju dwar il-validità tal-imsemmija formola sa fejn tinkludi l-partijiet 14, 15 u 17 li jikkorrispondu, skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/22, għall-perijodi li matulhom is-sewwieq kien fuq leave tal-mard, fuq leave annwali jew kien qiegħed isuq vettura oħra eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 561/2006.

44      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959 tinkludi tliet partijiet supplimentari li jippermettu li jissemmew il-perijodi li matulhom is-sewwieq kien bil-leave jew fuq pawża, kien qiegħed iwettaq xogħol ieħor għajr is-sewqan jew kien disponibbli għall-impriża, liema perijodi huma elenkati, rispettivament fil-partijiet 16, 18 u 19 ta’ din il-formola.

45      Għalkemm huwa minnu li dawn il-partijiet ma jissemmewx fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/22, għandu jiġi osservat li l-bażi legali tad-Deċiżjoni 2009/959 ma hijiex biss din id-dispożizzjoni iżda wkoll l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva li, b’mod partikolari, jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta, fuq inizjattiva tagħha stess, miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/22 li jkunu intiżi, fost kunsiderazzjonijiet oħra, li jiffavorixxu l-koerenza tal-approċċi segwiti mill-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll u interpretazzjoni armonizzata bejnhom u r-Regolament Nru 561/2006.

46      Kif tenfasizza l-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2009/959, huwa bil-għan li jittejbu t-twettiq u l-effettività tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006, li fil-formola li tinsab fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni ġew inklużi l-elementi komplementari li jinsabu fil-partijiet 16, 18 u 19 ta’ din tal-aħħar.

47      Issa, b’mod partikolari mill-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 561/2006 jirriżulta li s-sewwieq għandu jirreġistra, awtomatikament jew manwalment, il-ħin ta’ mistrieħ ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa, kull perijodu ta’ “disponibbiltà” kif ukoll il-ħin iddedikat għal xogħol ieħor. Dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jkopri s-sitwazzjoni li fiha s-sewwieq ma jkunx fil-vettura tiegħu, konformement mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 165/2014.

48      Minn dan jirriżulta li, meta tali reġistrazzjonijiet ma jkunux disponibbli, is-sewwieq jista’ jkun meħtieġ jippreżenta prova tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti billi jipproduċi l-informazzjoni rilevanti li tikkorrispondi għal perijodu jew ieħor minn fost il-perijodi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, fuq il-bażi tal-formola, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959, bil-għan li l-awtoritajiet tal-kontroll tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw, b’mod partikolari, li jkunu ġew osservati l-għanijiet ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa u ta’ protezzjoni tas-sigurtà fit-triq, imfittxija minn dawn ir-regolamenti.

49      Għaldaqstant, mill-eżami tat-tieni domanda ma rriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-formola tal-Kummissjoni li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista minnu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lis-sewwieq ta’ vettura mgħammra b’takografu diġitali jipproduċi, bħala mezz sekondarju ta’ prova tal-attivitajiet tiegħu, fil-każ li r-reġistrazzjonijiet awtomatiċi u manwali fl-imsemmi takografu jkunu neqsin, ċertifikazzjoni stabbilita mill-persuna li timpjegah konformement mal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/959/UE tal-14 ta’ Diċembru 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2007/230/KE dwar formola li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni soċjali marbuta mal-attivitajiet tat-trasport bit-triq.

2)      Mill-eżami tat-tieni domanda ma rriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-formola tal-Kummissjoni li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/959.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.