Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fis-27 ta’ Jannar 2020 – AQ, BO, CP vs Presidenza del Consiglio dei Ministri, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca - MIUR, Università degli studi di Perugia

(Kawża C-40/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AQ, BO, CP

Konvenuti: Presidenza del Consiglio dei Ministri, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca - MIUR, Università degli studi di Perugia

Domandi preliminari

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) 1 , intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, moqrija flimkien mal-premessi 6 u 7, u mal-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim (“Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”), kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ effett utli tad-dritt [tal-Unjoni] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 24(3)(a) u l-Artikolu 22(9) tal-Liġi 240/2010, li tippermetti lill-universitajiet jagħmlu użu, mingħajr limitu kwantitattiv, minn kuntratti ta’ riċerkaturi għal żmien determinat għal tul ta’ żmien ta’ tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi b’sentejn, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni tagħhom u lanqas l-estensjoni tagħhom għal raġunijiet oġġettivi marbuta mal-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali tal-universitajiet li jagħmlu użu minnhom, u li tipprevedi, bħala l-uniku limitu għar-relazzjonijiet multipli għal żmien determinat mal-istess persuna, li t-tul ta’ żmien ma jaqbiżx tnax-il sena, anki jekk ma jkunux konsekuttivi?

Il-klawżola 5 iċċitata hawn fuq tal-Ftehim qafas, moqrija flimkien mal-premessi 6 u 7 tad-Direttiva u mal-klawżola 4 iċċitata hawn fuq tal-imsemmi ftehim, kif ukoll fid-dawl tal-effett utli tad-dritt [tal-Unjoni], tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 29(1) tal-Liġi 240/2010), li tippermetti lill-universitajiet jirreklutaw esklużivament riċerkaturi għal żmien determinat, mingħajr ma tissuġġetta d-deċiżjoni marbuta ma’ dan ir-reklutaġġ għall-eżistenza ta’ bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali u mingħajr ma tiffissa limiti għal din il-prattika, bl-użu potenzjalment mingħajr limitu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għall-bżonnijiet ordinarji ta’ dawn l-universitajiet fil-qasam tat-tagħlim u tar-riċerka?

Il-klawżola 4 tal-istess Ftehim qafas tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 20(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017 (kif interpretat miċ-Ċirkulari Ministerjali Nru 3/2017 iċċitata hawn fuq), li, filwaqt li tirrikonoxxi l-possibbiltà li jiġi stabbilizzat l-impjieg tar-riċerkaturi taħt kuntratt għal żmien determinat tal-organi pubbliċi ta’ riċerka – bil-kundizzjoni, madankollu, li huma jkunu kkompletaw tliet snin ta’ servizz fil-31 ta’ Diċembru 2017 -, tirrifjuta din il-possibbiltà lir-riċerkaturi universitarji taħt kuntratt għal żmien determinat għas-sempliċi raġuni li l-Artikolu 22(16) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 75/2017 jissuġġetta r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, li minkejja dan hija bbażata ex lege fuq kuntratt ta’ xogħol b’salarju, għas-“sistema tad-dritt pubbliku”, filwaqt li l-Artikolu 22(9) tal-Liġi 240/2010 japplika għar-riċerkaturi tal-organi ta’ riċerka u tal-universitajiet l-istess regola ta’ tul ta’ żmien massimu awtorizzata għar-relazzjonijiet għal żmien determinat konklużi, fil-forma tal-kuntratti msemmija fl-Artikolu 24 jew fil-forma ta’ għotjiet għar-riċerka msemmija fl-Artikolu 22, mal-universitajiet u mal-organi ta’ riċerka?

Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll il-prinċipju ta’ effett utli tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-Ftehim qafas iċċitat hawn fuq, u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jinsab fil-klawżola 4 tiegħu, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi 240/2010 u l-Artikolu 29(2)(d) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015) li, minkejja li hija leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema pubbliċi u privati kollha, inkluża l-iktar reċentement fl-imsemmi Digriet Nru 81, u li tistabbilixxi (mill-2018) it-tul ta’ żmien massimu ta’ relazzjoni għal żmien determinat għal 24 xahar (inklużi l-estensjonijiet u t-tiġdid) u li tissuġġetta l-użu ta’ dan it-tip ta’ relazzjonijiet mal-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika għall-eżistenza ta’ “bżonnijiet temporanji u eċċezzjonali”, tippermetti lil università tirrekluta riċerkaturi fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat ta’ tliet snin, li jista’ jiġi estiż b’sentejn fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim imwettqa matul il-perijodu ta’ tliet snin, mingħajr ma tissuġġetta l-konklużjoni tal-ewwel kuntratt u lanqas l-estensjoni tiegħu għal tali bżonnijiet temporanji jew eċċezzjonali tal-università, u li tippermettilha saħansitra, fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin, li tikkonkludi mal-istess persuna jew ma’ persuni oħra kuntratt ieħor għal żmien determinat tal-istess tip, sabiex jiġu ssodisfatti l-istess bżonnijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka bħal dawk marbuta mal-kuntratt preċedenti?

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas iċċitat hawn fuq tipprekludi, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza u tal-klawżola 4 iċċitata hawn fuq, li leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 29(2)(d) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv 81/2015, u l-Artikolu 36(2) u (5) tad-Digriet Leġiżlattiv 165/2001) tipprojbixxi lir-riċerkaturi universitarji rreklutati abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ tliet snin, u li jistgħu jiġu estiżi b’sentejn (skont l-Artikolu 24(3)(a) tal-Liġi 240/2010), milli jistabbilixxu sussegwentement relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, peress li ma jeżistux, fl-ordinament ġuridiku Taljan, miżuri oħra li huma xierqa sabiex jipprevjenu u jissanzjonaw l-abbużi li jirriżultaw mill-użu minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi min-naħa tal-universitajiet?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).