Language of document : ECLI:EU:C:2020:375

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-14 ta’ Mejju 2020 (1)

Kawża C129/19

Presidenza del Consiglio dei Ministri

vs

BV,

Partijiet magħquda:

Procura della Repubblica di Torino

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2004/80/KE – Artikolu 12(2) – Skemi nazzjonali ta’ kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti intenzjonali – Sitwazzjonijiet purament interni – Kunċett ta’ “sitwazzjonijiet transkonfinali” – Kumpens ġust u xieraq)






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) qajmet żewġ kwistjonijiet legali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti (2). L-ewwel nett, l-Artikolu 12(2) ta’ dik id-direttiva jeħtieġ li Stati Membri jintroduċu skema ta’ kumpens li testendi għall-vittmi kollha ta’ delitti vjolenti intenzjonali mwettqa fit-territorju tagħhom, għalhekk jinkludu wkoll delitti “purament interni”? It-tieni nett, liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpens ipprovdut fi skema nazzjonali huwiex “fier [ġust] u xieraq” għall-finijiet ta’ dik id-direttiva?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

2.        Id-Direttiva 2004/80 hija komposta minn tliet Kapitoli. Kapitolu I huwa intitolat “Aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ qsim tal-fruntieri”. L-Artikolu 1 tagħha jaqra:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn delitt internazzjonali vjolenti jkun ġie kommess fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn l-applikant għal kumpens ikun residenti abitwalment, l-applikant għandu jkollu d-dritt li jissottometti l-applikazzjoni lil awtorita’ jew kull korp ieħor fl-Istat Membru msemmi l-aħħar.”

3.        Il-Kapitolu II, intitolat “Skemi nazzjonali dwar il-kumpens” fih artikolu wieħed biss (l-Artikolu 12). Huwa jiddikjara:

“1.      Ir-regoli dwar aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntiera mfassla minn din id-Direttiva għandhom joperaw fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom.

2.      L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali tagħhom jipprovdu għall-eżistenza ta’ skema ta’ kumpens lil vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom, li tiggarantixxi kumpens bil-fier [ġust] u xieraq għal vittmi.”

4.        Il-Kapitolu III fih “Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni”. L-Artikolu 18(1) tiegħu jaqra:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa’ l-1 ta’ Jannar 2006 l-aktar tard, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 12(2), li fil-każ tiegħu id-data ta’ konformita’ għandha tkun l-1 ta’ Lulju 2005. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni fil-pront.”

B.      Id-dritt nazzjonali

5.        Id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali, applikabbli fiż-żmien materjali, kienu dawn li ġejjin.

6.        L-Artikolu 609a tal-Codice penale (il-Kodiċi Kriminali Taljan) jipprovdi għad-delitt ta’ “aggressjoni sesswali”.

7.        Skont l-Artikolu 1218 tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili Taljan) “kwalunkwe parti li tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha hija meħtieġa li tpaċi għal kwalunkwe telf sussegwenti sakemm ma tistax turi li n-nuqqas tagħha kien dovut għal forza maġġuri.”

8.        L‑Artikolu 11(1) tal-Legge 7 luglio 2016, n. 122 Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2015-2016 (il-Liġi Nru 122 tas-7 ta’ Lulju 2016 li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet għat-Twettiq tal-Obbligi li Jirriżultaw mis-Sħubija tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Dritt Ewropew 2015-2016), li daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 2016, kif emendata (3), ipprovda għad-“dritt għal kumpens mill-Istat għal vittma ta’ delitt intenzjonali mwettaq bi vjolenza fuq il-persuna u fi kwalunkwe każ id-delitt li sar riferiment għalih fl-Artikolu 603a tal-Kodiċi Kriminali, bl-eċċezzjoni tad-delitti li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 581 u 582, sakemm ma jqumux ċirkustanzi aggravanti previsti fl-Artikolu 583 tal-Kodiċi Kriminali”. Skont il-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni, kumpens għad-delitti ta’ qtil, aggressjoni sesswali jew korriment personali gravi għandu jitħallas lill-vittma jew, fil-każ tal-mewt tal-vittma bħala r-riżultat tad-delitt, lill-persuni intitolati, sal-limitu stabbilit fid-digriet ministerjali li sar riferiment għalih fl-Artikolu 11(3). Fir-rigward ta’ delitti minbarra dawk imsemmija hawn fuq, il-kumpens għandu jitħallas minflok għar-rimbors ta’ spejjeż ta’ kura medika.

9.        L-Artikolu 1 tad-Decreto del Ministro dell’interno, 31 agosto 2017, Determinazione degli importi dell’indennizzo alle vittime dei reati intenzionali violenti (4) (id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tal-31 ta’ Awwissu 2017 li Jistabbilixxi l-Ammonti ta’ Kumpens li Għandhom Jitħallsu lill-Vittmi ta’ Delitti Vjolenti Intenzjonali) jistabbilixxi l-ammonti ta’ kumpens kif ġej: “(a) fir-rigward tad-delitt ta’ qtil, fl-ammont fiss ta’ EUR 7 200, u, fil-każ ta’ qtil imwettaq minn konjuġi, inkluż wieħed li huwa separat jew divorzjat, jew minn persuna li hija, jew kienet, marbuta emottivament mal-parti leża, fl-ammont fiss ta’ EUR 8 200 esklużivament għal ulied il-vittma; (b) fir-rigward tad-delitt ta’ aggressjoni sesswali li sar riferiment għalih fl-Artikolu 609a tal-Kodiċi Kriminali, għajr fejn titqajjem iċ-ċirkustanza attenwanti ta’ inqas gravità fl-ammont fiss ta’ EUR 4 800; (c) fir-rigward tad-delitti oħrajn minbarra dawk li sar riferiment għalihom fis- subparagrafi (a) u (b), sa massimu ta’ EUR 3 000 bħala rimbors tal-ispejjeż ta’ kura medika.”

10.      Fl-interess tal-kompletezza, jista’ jiġi miżjud li waqt is-seduta, il-Gvern Taljan informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta’ digriet ministerjali tat-22 ta’ Novembru 2019, il-Gvern Taljan kien żied l-ammont ta’ kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti intenzjonali. Kumpens għal stupru żdied minn EUR 4 800 għal EUR 25 000. Madankollu, sa fejn nifhem jiena, dawn id-dispożizzjonijiet ġodda ma għandhomx effetti retroattivi. Għaldaqstant, ma jidhrux li japplikaw għall-kawża preżenti.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

11.      F’Ottubru 2005, il-konvenuta, li hija residenti l-Italja, kienet il-vittma ta’ aggressjoni sesswali mwettqa minn żewġ ċittadini Rumeni f’Torino. L-awturi tad-delitt ġew ikkundannati għal perijodu ta’ 10 snin u 6 xhur priġunerija. Huma ġew ukoll ordnati jħallsu kumpens għad-danni kkawżati, l-ammont eżatt li għandu jiġi stabbilit fi proċeduri separati, bl-għotja ta’ EUR 50 000 magħmula mill-qorti bħala ħlas interim infurzabbli immedjatament favur il-konvenuta.

12.      Madankollu, il-konvenuta ma setgħetx tikseb l-ammont mogħti peress li l-awturi tad-delitt ħarbu.

13.      Fi Frar 2009, il-konvenuta ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino, l-Italja) kontra il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Italja) fejn talbet danni għan-nuqqas tiegħu li jittrasponi d-Direttiva 2004/80. Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Mejju 2010, dik il-qorti ddeċidiet li r-rikors kien fondat u ordnat lill-Presidenza del Consiglio dei Ministri tħallas lill-konvenuta s-somma ta’ EUR 90 000.

14.      Il-Presidenza del Consiglio dei Ministri ppreżentat appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Corte di appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja). Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Jannar 2012, dik il-qorti laqgħet l-appell parzjalment. Hija naqqset is-somma dovuta lill-konvenuta għal EUR 50 000.

15.      Il-Presidenza del Consiglio dei Ministri appellat fuq punt ta’ liġi kontra dik is-sentenza quddiem il-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni). Il-proċeduri ġew sospiżi, sakemm jittieħdu żewġ deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja: waħda dwar il-ksur tal-proċeduri mressqa mill-Kummissjoni Ewropea fit-22 ta’ Diċembru 2014 kontra r-Repubblika Taljana billi naqset milli tittrasponi d-Direttiva 2004/80, u l-oħra dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fl-24 ta’ Marzu 2015 mit-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ dik id-direttiva.

16.      Wara t-tlestija ta’ dawn iż-żewġ settijiet ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (l-ewwel wieħed permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016 (5), u t-tieni wieħed permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2017 (6)), il-proċeduri komplew quddiem il-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni).

17.      Madankollu, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad Direttiva 2004/80, il-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1) F’każ ta’ traspożizzjoni tardiva (u/jew inkompleta) fl-ordinament ġuridiku intern tad-[Direttiva 2004/80], li ma hijiex ta’ applikazzjoni diretta, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kumpens għall-vittmi tad-delitti vjolenti li hija timponi, li toħloq fir-rigward tal-persuni f’sitwazzjoni transkonfinali li lilhom l-imsemmija direttiva hija esklużivament indirizzata, l-obbligu ta’ kumpens tal-Istat Membru skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (fost oħrajn is-sentenzi fi Francovich u Brasserie du Pêcheur u Factortame III), id-dritt tal-[Unjoni] jimponi fuq l-Istat Membru obbligu simili għal dak impost fuq persuni li ma humiex f’sitwazzjoni transkonfinali (jiġifieri residenti), li ma kinux ikunu l-benefiċjarji diretti tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-implementazzjoni tad-direttiva, iżda li, sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza/nondiskriminazzjoni fil-qafas ta’ dan id-dritt [tal-Unjoni] kellhom u setgħu – kieku d-direttiva kienet ġiet implementata tempestivament u b’mod eżawrjenti – jibbenefikaw b’estensjoni tal-effett utli ta’ din l-istess direttiva (fi kliem ieħor tas-sistema ta’ kumpens iċċitata iktar ’il fuq)?

(2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti:

Il-kumpens għall-vittmi tad-delitti vjolenti u intenzjonali (u b’mod partikolari tad-delitt ta’ aggressjoni sesswali msemmi fl-Artikolu 609a tal-Kodiċi Kriminali) previst mid-Digriet tal-Ministru tal-Intern tal-31 ta’ Awwissu 2017 (addottat skont l-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 122 tas-7 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn sħubija tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2015-2016)), kif emendata (bl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 167 tal-20 ta’ Novembru 2017 u mill-Artikolu 1(593) sa (596) tal-Liġi Nru 145 tat-30 ta’ Diċembru 2018)] fl-ammont fiss ta’ EUR 4 800 jista’ jitqies bħala “kumpens [ġust] u xieraq għal vittmi” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80?’

18.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-konvenuta, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni. Dawk il-partijiet ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tat-2 ta’ Marzu 2020.

IV.    Analiżi

19.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. L-ewwel nett ser nindirizza fil-qosor l-oġġezzjoni tal-Gvern Taljan li r-rikors preżenti huwa nieqes minn skop (A). It-tieni nett, ser indur fuq il-kwistjoni ewlenija mikxufa minn dan id-digriet tar-rinviju: il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/80 ratione personae, moqri fil-kuntest tad-direttiva bħala tali, inkluża l-istorja leġiżlattiva pjuttost kumplessa tagħha (B). Fl-aħħar nett, ser nipprovdi xi ftit kummenti fil-qosor dwar it-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju (C).

A.      Rikors nieqes minn skop

20.      Il-Gvern Taljan jargumenta li l-konvenuta ġiet mogħtija kumpens skont l-iskema nazzjonali. Fil-fatt, jidher li l-iskema nazzjonali (7), ġaladarba saret liġi (tardivament), saret applikabbli retroattivament, fir-rigward ta’ vittmi ta’ delitti vjolenti intenzjonali mwettqa mit-30 ta’ Ġunju 2005, skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/80. Għalhekk, il-konvenuta kienet tirċievi l-ammont fiss ta’ EUR 4 800. Bħala tali, id-deċiżjoni tar-rinviju preżenti tilfet l-iskop tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħadha, filwaqt li tiddikjara li ma hemmx ħtieġa ta’ risposta.

21.      Dan l-argument jistħoqqlu riflessjoni żgħira. Jidher pjuttost ċar għalija li l-konvenuta għad għandha interess fil-proċeduri sa fejn, quddiem il-qorti tar-rinviju, qiegħda titlob kumpens ogħla minn dak li rċeviet taħt l-iskema nazzjonali. Għal dan il-għan, il-konvenuta essenzjalment tibbaża fuq żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, hija titlob ir-responsabbiltà tal-Istat għal traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tad-Direttiva 2004/80 skont il-ġurisprudenza Francovich (8). It-tieni nett, hija targumenta li l-kumpens mogħti lilha skont l-iskema Taljana, minħabba l-ammont relattivament żgħir tiegħu (EUR 4800), ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “ġust u xieraq” għall-finijiet tad-Direttiva 2004/80.

22.      Dawn iż-żewġ kwistjonijiet, riflessi fid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, xorta jeħtieġu r-risposta ta’ din il-qorti. Għaldaqstant, issa ser indur fuq is-sustanza taż-żewġ domandi rrinvjati.

B.      L-ewwel domanda

23.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru li naqas milli jittrasponi d-Direttiva 2004/80 jistax jinżamm responsabbli għal danni mhux kuntrattwali għal vittmi ta’ delittti vjolenti intenzjonali li jirrisjedu f’dak l-istess Stat Membru, minkejja l-fatt li d-Direttiva 2004/80 tapplika biss għal sitwazzjonijiet transkonfinali, fejn id-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jipprekludi diskriminazzjoni inversa.

24.      Jiena tal-fehma li din id-domanda trid tiġi fformulata mill-ġdid kif ġej: id-Direttiva 2004/80, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tagħha, teħtieġ lill-Istati Membri li jintroduċu skema ta’ kumpens nazzjonali li tkopri l-vittmi kollha ta’ delitti vjolenti intenzjonali mwettqa fit-territorji rispettivi tagħhom, li tkopri wkoll sitwazzjonijiet li ma humiex transkonfinali?

25.      Niftakar li fiż-żmien meta l-konvenuta – residenti Taljana – kienet il-vittma tad-delitt vjolenti inkwistjoni, l-Italja kienet għadha ma ttrasponietx id-Direttiva 2004/80, anki jekk il-perijodu ta’ traspożizzjoni kien skada. Madankollu, meta l-Italja eventwalment ittrasponiet id-Direttiva 2004/80, il-konvenuta kisbet il-kumpens skont l-iskema nazzjonali stabbilita ġdida dwar kumpens. Dik l-iskema kienet saret applikabbli retroattivament għall-vittmi kollha, inklużi dawk residenti fl-Italja.

26.      F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-konvenuta ma tistax (direttament) titlob danni kontra l-Italja għat-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 2004/80. Skont il-qorti tar-rinviju, dik id-direttiva tirrikjedi li Stati Membri jistabbilixxu skema ta’ kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti intenzjonali unikament fil-każ ta’ sitwazzjonijiet transkonfinali. Madankollu, dan ma kienx il-każ tal-konvenuta: il-vittma kienet tirrisjedi fl-Italja u d-delitt twettaq fl-Italja. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni kienet kompletament limitata fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Dan huwa għalfejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Italja tistax madankollu tinżamm responsabbli għal responsabbiltà mhux kuntrattwali fuq raġuni oħra, jiġifieri minħabba l-fatt li d-dritt Taljan jipprojbixxi d-diskriminazzjoni inversa.

27.      Domanda bħal din inevitabbilment tirrikjedi risposta negattiva: jekk sitwazzjoni ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni u, bħala konsegwenza, id-dritt tal-Unjoni ma jistax ikun is-sors ta’ kwalunkwe responsabbiltà mhux kuntrattwali min-naħa ta’ Stat Membru (9). Jekk xejn, responsabbiltà bħal din tista’ tirriżulta mid-dritt nazzjonali, jekk u sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kisru d-dritt intern (pereżempju, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni inversa).

28.      Is-soluzzjoni lanqas tista’ tkun differenti jekk wieħed kellu jintroduċi fil-kwistjoni l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, li l-qorti tar-rinviju ssemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha. F’dak ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju (stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE u fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) japplika biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, meta d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni rilevanti jirrigwardaw biss sitwazzjonijiet transkonfinali, u għalhekk iħallu lill-Istati Membri ħielsa li jirregolaw sitwazzjonijiet purament interni, dak il-prinċipju ma huwiex applikabbli. Kif jinsab fid-dritt tal-Unjoni bħalissa, huwa għad-dritt nazzjonali, jekk u fejn huwa xieraq, li għandu jirrimedja kwalunkwe effett ta’ diskriminazzjoni inversa li jista’ jqum f’dawk is-sitwazzjonijiet (10).

29.      Fid dawl ta’ dan kollu, il-kwistjoni ewlenija mqajma mill-ewwel domanda rrinvjata mill-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) hija oħra, jiġifieri jekk is-suppożizzjoni li fuqha hija bbażata l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju hijiex fil-fatt korretta: id-Direttiva 2004/80, b’mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha, hija applikabbli biss f’sitwazzjonijiet transkonfinali, bl-esklużjoni ta’ sitwazzjonijiet purament interni?

30.      Fil-proċeduri preżenti, il-konvenuta ssostni li l-aħħar domanda għandha tiġi risposta fin-negattiv, filwaqt li l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jissuġġerixxu l-oppost. Iż-żewġ naħat isostnu li l-kliem, l-għan u l-oriġini tad-Direttiva 2004/80 isostnu l-fehma tagħhom. Huma jinvokaw ukoll ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dan il-għan.

31.      F’dak li ġej, l-ewwel ser nispjega għaliex it-test u s-sistema interna tad-Direttiva 2004/80 jonqoshom ċarezza u, meta’ meħuda waħedhom ma jipprovdux risposta għal dik id-domanda (1). Imbagħad ser nipprova nidentifika l-għan (jew l-għanijiet) segwiti mil-leġiżlatur tal-UE bl-adozzjoni tad-Direttiva 2004/80, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tagħha, billi nħares lejn il-preambolu tad-Direttiva (2) u x-xogħlijiet preparatorji (3). Imbagħad, ser neżamina l-bażi legali tad-Direttiva 2004/80 (4), u mbagħad neżamina l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (5), nivverifika jekk dawn l-elementi jistgħux joffru iktar indikazzjonijiet.

32.      Wara li wettaqt din l-analiżi fl-intier tagħha, madankollu rrid nammetti li għad ma hemmx, fil-fehma tiegħi, tweġiba ċara bl-ebda mod. Iż-żewġ interpretazzjonijiet proposti jibqgħu difendibbli. Nikkonkludi billi noffri tliet argumenti addizzjonali ta’ natura kostituzzjonali dwar, għaliex, fuq il-bilanċ, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-interpretazzjoni proposta mill-konvenuta (6).

1.      It-test u s-sistema interna tad-Direttiva 2004/80

33.      L-ewwel nett, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jargumentaw li, meta jinqara fl-intier tiegħu, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/80 huwa ċar billi jirrikjedi li Stati Membri jintroduċu skemi ta’ kumpens biss fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet transkonfinali. L-ewwel paragrafu tiegħu jirreferi speċifikament għal sitwazzjonijiet transkonfinali. Tkun xi ħaġa stramba li wieħed jaqra t-tieni paragrafu tal-istess dispożizzjoni bħala li għandu ambitu iktar wiesa’ mill-ewwel paragrafu.

34.      Dan l-argument ma huwiex persważiv.

35.      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/80 jaqra hekk: “Ir-regoli dwar aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntiera mfassla minn din id-Direttiva għandhom joperaw fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom.” Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jiddikjara: “L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali tagħhom jipprovdu għall-eżistenza ta’ skema ta’ kumpens lil vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom, li tiggarantixxi kumpens bil-fier [ġust] għal vittmi.”

36.      L-ewwel paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jindika sempliċement li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mid-direttiva sabiex tiżgura kumpens għal delitti transkonfinali (stabbilit fl-Artikoli 1 sa 11 tad-Direttiva 2004/80) trid tkun ibbażata fuq skemi nazzjonali ta’ kumpens. Dik id-dispożizzjoni tgħid biss li r-regoli meħtieġa mid-direttiva preżenti huma “miżjuda” fuq l-iskemi ta’ kumpens nazzjonali li l-Istati Membri jipprovdu għal vittmi ta’ delitti vjolenti nazzjonali mwettqa fit-territorji rispettivi tagħhom.

37.      L-Artikolu 12(2) imbagħad isegwi dik id-dikjarazzjoni, billi jżid li l-Istati Membri għandhom ikollhom skema ta’ kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti intenzjonali mwettqa fit-territorji rispettivi tagħhom. Naturalment, li kieku fl-ewwel lok ma kien hemm xejn fil-livell nazzjonali, ir-regoli stabbiliti fil-Kapitolu I tad-Direttiva 2004/80 ma jkollhom xejn fuqiex jibbażaw ruħhom.

38.      Fuq livell testwali, ma hemm xejn f’dawk id-dispożizzjonijiet li jillimita l-ambitu tal-Artikolu 12 għal sitwazzjonijiet transkonfinali biss. Bħala tali, il-qari tat-tieni paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, propost mill-konvenuta, li jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu skemi li jkopru “delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom” kollha huwa, fir-rigward tat-test ta’ dik id-dispożizzjoni, kompletament iġġustifikat. Minbarra dan, dan ma jwassalx għal kwalunkwe inkonsistenza interna fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/80.

39.      It-tieni nett, skont il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/80 isegwi li l-obbligu li jiġu introdotti skemi ta’ kumpens nazzjonali huwa limitat għal sitwazzjonijiet transkonfinali. Dik id-dispożizzjoni tirrikjedi l-Istati Membri li jiżguraw id-dritt li wieħed japplika għal kumpens fejn “delitt internazzjonali [intenzjonali] vjolenti jkun ġie kommess fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn l-applikant għal kumpens ikun residenti abitwalment’’ (11). B’mod iktar ġenerali, dik il-pożizzjoni hija – il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu – ikkorrobborata mill-bqija tad-direttiva: huwa inkontestabbli li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mid-direttiva sabiex tiffaċilita aċċess għal kumpens tikkonċerna biss vittmi ta’ delitti f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

40.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti huma korretti sa fejn l-interpretazzjoni tal-Kapitolu I tad-Direttiva 2004/80 hija kkonċernata. Madankollu, ma humiex konvinċenti fir-rigward tal-ambitu tal-Kapitolu II u tal-Artikolu 12 tiegħu.

41.      Mil-bidu għandi nenfasizza li – bid-differenza ta’ ħafna strumenti simili oħra – id-Direttiva 2004/80 ma tinkludix, fl-ewwel artikolu(i) tagħha, kwalunkwe dispożizzjoni li tiddikjara l-għan tagħha jew is-suġġett, li tillimita l-ambitu tagħha u/jew li tinkludi d-definizzjonijiet. L-Artikolu 1 ma huwiex parti minn kapitolu introduttorju ddefinit, pereżempju, bħala “dispożizzjonijiet ġenerali”, li japplikaw għall-istrument leġiżlattiv kollu. L-Artikolu 1 huwa fil-fatt diġà parti mill-Kapitolu I (Artikoli 1 sa 11), li huwa intitolat “Aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntieri”. Dak il-kapitolu huwa segwit mill-Kapitolu II, intitolat “Skemi nazzjonali dwar il-kumpens” (l-Artikolu 12 biss).

42.      Għal dik ir-raġuni, ma nistax nara kif, abbażi ta’ kwalunkwe regoli normali ta’ interpretazzjoni statutorja u ta’ struttura, id-dispożizzjonijiet introduttorji ta’ kapitolu wieħed ta’ strument leġiżlattiv jistgħu jintużaw sabiex jillimitaw l-ambitu ta’ kapitoli oħrajn tal-istess strument. L-Artikolu 1 jirrigwarda biss is-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita fil-Kapitolu I ta’ dik id-direttiva. B’kuntrast, l-eżistenza ta’ żewġ kapitoli separati tista’ tassew tiġi interpretata bħala indikazzjoni li kull wieħed minnhom jirrigwarda aspett differenti tal-korp tad-dritt li d-Direttiva 2004/80 fittxet li tintroduċi. Jekk dan huwa l-każ, id-Direttiva 2004/80 tista’ fil-fatt, kif targumenta l-konvenuta, tinqara fis-sens li tistabbilixxi żewġ obbligi distinti għall-Istati Membri: (i) li jistabbilixxu sistema ta’ kooperazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali, u (ii) li jistabbilixxu skema nazzjonali dwar kumpens li jirriżulta minn kwalunkwe delitt vjolenti intenzjonali.

43.      It-tielet nett, iktar appoġġ għal dik il-proposta jista’ jinstab ukoll fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/80, li jipprevedi żewġ skadenzi differenti għal traspożizzjoni: waħda (iktar kmieni) għall-Artikolu 12(2), u waħda (iktar tard) għall-bqija tad-direttiva (12). Din id-dispożizzjoni turi, ta’ min wieħed jargumenta, l-awtonomija jew in-natura awtonoma tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80. Li kieku l-iskemi nazzjonali kienu maħsuba biss sabiex jippermettu l-funzjonament effettiv tas-sistema stabbilita fid-dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/80, il-loġika wara dik id-differenza fi skadenza tkun diffiċli biex tinftiehem.

44.      Ir-raba’ nett, hemm it-titolu tad-Direttiva 2004/80: hija direttiva “li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti”. Ma hijiex “direttiva dwar kumpens għal vittmi ta’ delitti f’sitwazzjonijiet transkonfinali”, jew “direttiva dwar kooperazzjoni fir-rigward ta’ kumpens għal vittmi ta’ delitti” jew – kif ipproponiet il-Presidenza tal-Kunsill f’ċertu mument tal-proċess leġiżlattiv – “direttiva dwar il-faċilitazzjoni ta’ kumpens għal vittmi ta’ delitti” (13), Kwalunkwe waħda minn dawn kienet tkun, ta’ min wieħed jargumenta, iktar xierqa għal strument li huwa kkonċernat biss b’sitwazzjonijiet transkonfinali.

45.      Dan l-argument, bla dubju, jista’ jidher formalistiku jew ta’ ftit sinjifikat. Madankollu, it-titolu tad-direttiva fil-fatt jirrifletti l-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80. Dak l-artikolu jirreferi għal “skema ta’ kumpens lil vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali [intenzjonali] kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom” ta’ Stati Membri (mingħajr ebda kwalifikazzjoni jew limitazzjoni oħra), u għal “vittmi” (għal darba oħra, mingħajr ebda kwalifikazzjoni jew limitazzjoni oħra). Barra minn hekk, b’kuntrast mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/80, li huwa applikabbli biss fil-Kapitolu I, it-titolu ġenerali ta’ direttiva għandu jkun, bla dubju, ta’ sinjifikat għad-direttiva kollha, u mhux biss għal wieħed mill-kapitoli tagħha.

46.      Il-ħames u l-aħħar nett, dwar is-sistema interna tad-direttiva, li kieku l-Artikolu 12 kien sempliċement dispożizzjoni b’funzjoni strumentali jew ta’ natura proċedurali, kif ġie essenzjalment imressaq mill-Kummissjoni u mill-Gvern Taljan, seta’ possibbilment ġie inkluż fil-Kapitolu III tad-direttiva (“Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni”). Madankollu, dik id-dispożizzjoni ġiet ikkunsidrata li kienet importanti biżżejjed biex jistħoqqilha kapitolu speċifiku (Kapitolu II), li ngħata titolu ‘sostantiv’ (“Skemi nazzjonali dwar il-kumpens”).

47.      Fil-fehma tiegħi, it-test u s-sistema interna tad-Direttiva 2004/80 ikkunsidrati waħedhom pjuttost ixaqilbu favur l-interpretazzjoni proposta mill-konvenuta. Madankollu, il-kwadru ċertament isir iktar kumpless meta nduru fuq l-għanijiet u l-oġġettivi ta’ dak l-istrument, sa fejn jistgħu jiġu aċċertati minn analiżi tal-premessi ta’ dik id-direttiva (2) u l-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tagħha (3).

2.      L-għanijiet tal-leġiżlatur tal-UE I: il-preambolu għad-Direttiva 2004/80

48.      Kull waħda min-naħat rispettivi jargumentaw li l-ambitu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/80 isir iktar ċar jekk wieħed iħares lejn l-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni b’dik id-direttiva, kif jidher minn ċerti premessi speċifiċi li jinsabu fil-preambolu ta’ dak l-istrument.

49.      L-unika problema b’dan l-argument hija li kull naħa tinvoka premessi differenti sabiex isostnu l-proposti rispettivi tagħhom. Dak li huwa iktar inkwetanti huwa l-fatt li, b’xi mod, it-tnejn huma korretti. L-ambigwità inerenti tal-artikoli tad-Direttiva 2004/80 hija riflessa wkoll fil-preambolu. Minflok jiċċara l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/80, studju tal-preambolu jidher, jekk xejn, li saħansitra jżid iktar l-inċertezza.

50.      B’mod issemplifikat, minkejja ċerta nuqqas ta’ preċiżjoni, l-għanijiet stabbiliti fil-premessi individwali tad-Direttiva 2004/80 jistgħu jitqiegħdu fi tliet gruppi differenti (14): (i) assistenza għal vittmi f’sitwazzjonijiet transkonfinali; (ii) moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi; (iii) il-protezzjoni ta’ vittmi ta’ delitti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

51.      L-ewwel nett, kif isostnu l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, l-ewwel grupp ta’ premessi jindika li d-Direttiva 2004/80 ma tagħmel xejn iktar ħlief tintroduċi regoli dwar l-aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Permezz ta’ “sitwazzjonijiet transkonfinali”, dawk il-partijiet ifissru sitwazzjonijiet fejn il-vittma ta’ delitt tirrisjedi fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih twettaq id-delitt.

52.      F’dan ir-rigward, dawk il-partijiet jirreferu speċjalment għall-ewwel u għat-tieni premessa L-ewwel premessa taqra: “Wieħed mill-għanijiet tal-[Unjoni Ewropea] huwa li tabolixxi, bħal bejn l-Istati Membri, ostakli għaċ-ċaqliq liberu ta’ persuni u servizzi” (15). Ir-riferiment għall-moviment liberu huwa kkompletat bit-tieni premessa, li taqra: “Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet fil-Każ ta’ Cowan li, fejn liġi [tal-Unjoni] tiggarantixxi għal persuna naturali l-liberta’ li tmur ġo Stat Membru ieħor, il-protezzjoni ta’ dik il-persuna mill-periklu fl-Istat Membru imsemmi, fuq l-istess bażi bħal dik ta’ ċittadini nazzjonali u persuni li jgħixu hemm, hija corollary ta’ dik il-liberta’ ta’ ċaqliq. Miżuri sabiex jiġi faċilitat kumpens lil vittmi ta’ delitti għandhom jiffurmaw parti mir-rejalizzazzjoni ta’ dan il-għan” (16).

53.      Barra minn hekk, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-premessi 11, 12 u 13 jirreferu (espliċitament jew impliċitament) għal sitwazzjonijiet li fihom delitt jitwettaq fi Stat Membru għajr dak li fih tirrisjedi l-vittma. Barra minn hekk – huma jżidu – fil-premessa 15 l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/80 hija ġġustifikata, f’termini ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà, biss b’riferiment għan-neċessità li “jiġi faċilitat aċċess għal kumpens ta’ vittmi ta’ delitti f’sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntieri [transkonfinali]”. Ġustifikazzjoni bħal din tista’, ta’ min wieħed jargumenta, titqies inadegwata għal strument li l-għan tiegħu jmur lil hinn milli jirregola sitwazzjonijiet transkonfinali.

54.      Madankollu, ma nikkunsidrax il-formulazzjoni ta’ dawk il-premessi bħala konklużiva, minkejja r-riferimenti numerużi għal sitwazzjonijiet transkonfinali li jinsabu fihom. Fil-fehma tiegħi, il-premessa 15 biss tista’ tittieħed bħala indikazzjoni ċara tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jillimita l-ambitu tad-Direttiva 2004/80. Minkejja d-dehra tagħhom, il-premessi l-oħra ma humiex daqshekk ċari li jsosntu l-pożizzjoni difiża mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-premessi 11, 12 u 13 jirreferu b’mod ċar għas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Kapitolu I tad-Direttiva 2004/80. Għalaqstant, dawn jiżvelaw ftit li xejn rigward l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 12.

55.      It-tieni nett, is-“sitwazzjonijiet transkonfinali” li sar riferiment għalihom mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni (jiġifieri, fejn il-vittma tad-delitt għamlet użu mill-moviment liberu tiegħu jew tagħha) ma jeżawrixxux is-“sitwazzjonijiet transkonfinali” li, fid-dawl tar-raġunament tagħha, jistgħu jiġu koperti bid-Direttiva 2004/80.

56.      Dan ir-raġunament jitla’ fil-wiċċ meta wieħed jiffoka fuq l-ewwel premessa (li tfakkar li l-abolizzjoni tal-ostakoli tal-moviment liberu ta’ persuni u servizzi hija waħda mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea), flmkien mal-lingwaġġ ġenerali ta’ premessi l-oħra. B’mod partikolari, il-premessa 10 taqra: “Vittmi tad-delitti ħafna drabi ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens minn min iwettaq id-delitt, minħabba li dak li wettaq id-delitt jista’ ma jkollux il-mezzi meħtieġa biex jissodisfa ġudizzju fuq ħsarat jew minħabba li dak li jwettaq id-delitt ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew mixli”.

57.      Jekk il-premessa 10, iżda wkoll parzjalment il-premessi 7 u 1, għandhom jiġu mħaddna bħala spjegazzjoni għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li huwa neċessarju li jaġixxi f’dan il-kamp, allura joħroġ tip ieħor ta’ sitwazzjoni transkonfinali: mhux biss dak ta’ “vittma li tivvjaġġa”, iżda wkoll dak ta’ “awtur ta’ delitt li jivvjaġġa”. Huwa pjuttost frekwenti li s-sitwazzjoni li fiha l-vittmi ta’ delitti vjolenti intenzjonali ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens mill-awtur tad-delitt, u għalhekk ikunu fi ħtieġa speċjali ta’ protezzjoni, sabiex jitneħħew ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni, huma dawk fejn l-awtur tad-delitt għamel użu mill-moviment liberu tiegħu jew tagħha. F’dawk is-sitwazzjonijiet, fil-fatt jista’ jkun iktar faċli għal min wettaq id-delitt li jevita l-investigazzjonijiet jew li jaħrab, billi sempliċement imur lura fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu.

58.      Għaldaqstant, il-fatt li l-premessi 1 u 2 jenfasizzaw il-konnessjoni bejn id-Direttiva 2004/80 u l-libertajiet ta’ moviment mhux neċessarjament jitlob ambitu tad-direttiva daqshekk dejjaq kif sostnut mill-Gvern Taljan u mill-Kummisssjoni. Hemm ċerti delitti transkonfinali li, kieku wieħed kellu jsegwi l-pożizzjoni tagħhom, fi kwalunkwe każ kienu “jitħallew barra”, u dan ma tantx ikun konsistenti mar-raġunament b’mod ċar protettiv tad-Direttiva.

59.      Konsegwentement, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-premessi 1 u 2 ma jeskludux, tal-inqas mhux speċifikament, kunċett usa’ ta’ “transkonfinali”. Dak il-kunċett ikun jinkludi, għalhekk, is-sitwazzjonijiet li fihom jew il-vittma jew l-awtur tad-delitt ikun għamel użu mill-moviment liberu tiegħu jew tagħha.

60.      Dik il-pożizzjoni tkun ukoll konsistenti mal-premessa 7. Dik il-premessa li tirrigwarda speċifikament l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu skema ta’ kumpens nazzjonali, taqra: “Din id-direttiva tfassal sistema ta’ koperazzjoni biex jiġi faċilitat aċċess għal kumpens ta’ vittmi ta’ delitti f’sitwazzjonijiet tal-qsim tal-fruntieri, li għandha topera fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens ta’ vittmi ta’ delitti vjolenti intenzjonali, kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom” (17).

61.      Fit-tielet u fl-aħħar nett, hemm terġa’ grupp ieħor ta’ premessi li jidhru li jsostnu b’mod ċar il-pożizzjoni difiża mill-konvenuta. Fil-fatt, partijiet mill-preambolu tad-Direttiva 2004/80 jinkludu espressjonijiet jew termini li, bħall-Artikolu 12(2), imorru ferm lil hinn minn sitwazzjonijiet transkonfinali. Dawk is-siltiet jidhru li huma ispirati b’mod partikolari minn għan iktar ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tassisti vittmi ta’ delitti.

62.      Wara eżami iktar mill-qrib, il-premessa 10 tista’ tiġi kkunsidrata li tmur terġa’ iktar lil hinn milli huwa indikat hawn fuq. Fil-fatt, ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ dik il-premessa li tillimita l-validità tagħha għal sitwazzjonijiet transkonfinali: hija sempliċement tirreferi għall-ħtieġa ta’ vittmi ta’ delitti li jiksbu kumpens, mingħajr limitazzjonijiet territorjali.

63.      Barra minn hekk, u iktar importanti, il-premessa 6 tiddikjara li “[v]ittmi tad-delitti fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ntitolati għal kumpens bil-fier [ġust] u xieraq għall-ħsarat li jkunu soffrew, mingħajr ma jingħata każ ta’ fejn fil-Komunità Ewropea jkun ġie kommess id-delitt” (18).

64.      Fl-istess sens, ir-riferimenti għall-isfond “storiku” tad-Direttiva 2004/80, inklużi fil-premessi 3 sa 6 u 8, jissuġġerixxu wkoll skop ikbar tad-Direttiva. Fil-fatt, l-istrumenti li sar riferiment għalihom f’dawk il-premessi (19) ma kienu bl-ebda mod “iffokati fuq is-suq intern”. Għall-kuntrarju, dawk l-istrumenti kienu prinċipalment relatati mat-tfittxija tal-għanijiet li huma iktar tipiċi tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ispazju ta’ libertà, sigurta’ u ġustizzja (iktar ’il quddiem “SLSĠ”). Għaldaqstant, direttiva li għandha l-għan li tipproteġi, għalkemm b’mod asimmetriku, il-vittmi kollha tad-delitti fl-Unjoni Ewropea, irrispettivament min-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, tkun tidher iktar konsistenti ma’ dawk l-għanijiet.

65.      B’mod partikolari, meta wieħed iħares lejn il-premessi 3 sa 6, li, minħabba li l-ordni ta’ tqegħid tagħhom u l-kontenut huma pjuttost ġenerali u applikabbli għall-istrument leġiżlattiv kollu, il-lingwaġġ u l-argumenti użati huma dawk li tipikament jinstabu f’miżura tas-SLSĠ. Ma hemm assolutament xejn f’dawk il-premessi li jillimita l-kunsiderazzjonijiet murija fihom għal delitti transkonfinali biss imwettqa fuq vittmi li jsibu ruħhom barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

66.      Bħala konklużjoni, eżami ddettaljat tal-preambolu tad-Direttiva 2004/80 ma jsolvix il-kwistjonijiet interpretattivi. Anzi pjuttost iżidhom iktar. F’dan l-istadju, huwa x-xogħol preparatorju li jgħin jispjega kif ħarġet biċċa leġiżlazzjoni tal-Unjoni daqshekk ekwivoka.

3.      L-għanijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni II: l-oriġini tad-Direttiva 2004/80

67.      Għal darba oħra, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni minn naħa waħda, u l-konvenuta min-naħa l-oħra, it-tnejn jargumentaw li x-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/80 isostni l-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 12 tagħha.

68.      Mid-dokumenti inklużi fil-proċess, it-“triq twila u iebsa” li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/80 tista’ tiġi sintetizzata kif ġej.

69.      Il-Proposta oriġinali għal Direttiva tal-Kunsill dwar kumpens għal vittmi ta’ delitti (iktar ’il quddiem “il-Proposta”), ippreżentata mill-Kummissjoni fl-2003 (20), segwiet żewġ għanijiet distinti, li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala “marbutin ma’ xulxin mill-qrib” (21).

70.      L-ewwel għan kien li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni kollha u r-residenti legali kollha fl-Unjoni setgħu jirċievu kumpens adegwat għal kull dannu li sofrew bħala riżultat li jsiru vittma ta’ delitt kullimkien fl-Unjoni Ewropea. Dan l-għan kellu jiġi segwit permezz tal-ħolqien ta’ standard minimu ta’ kumpens mill-Istat għal vittmi ta’ delitti.

71.      It-tieni għan kien li jiġu żgurat li l-possibbiltajiet mogħtija lill-vittma tad-delitt li tikseb kumpens mill-Istat fil-prattika ma kinux affettwati negattivament minn sitwazzjonijiet transkonfinali. Għaldaqstant kien neċessarju li “jiġi ffaċilitat aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet fejn id-delitt twettaq fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn hija residenti l-vittma”. Dan l-għan kellu jintlaħaq permezz tal-ħolqien ta’ sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jippermetti lill-vittma li tippreżenta applikazzjoni lil awtorità fl-Istat Membru ta’ residenza.

72.      Dan l-għan doppju ġie rifless, l-ewwel nett, fl-Artikolu 1 tal-Proposta, li kien jaqra: “L-għan ta’ din id-direttiva huwa li jistabbilixxi standard minimu għal kumpens lil vittmi ta’ delitt u li jiffaċilita l-aċċess għal tali kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali” (22) [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-għan doppju imbagħad kien rifless fl-istruttura tad-direttiva, li kienet tinkludi żewġ taqsimiet distinti, waħda għal kull wieħed minn dawk l-għanijiet. It-Taqsima 1 (l-Artikoli 2 sa 15) kienet tirrigwarda l-“istandards minimi għal kumpens għal vittmi ta’ delitti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li t-Taqsima 2 (l-Artikoli 16 sa 23), tibni fuq l-ewwel waħda, kienet tirrigwarda “aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali” (23) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

73.      Madankollu, il-Proposta ma kisbitx appoġġ unanimu fil-Kunsill (24). Madankollu kunsens wiesa’ ntlaħaq fuq il-parti tal-Proposta li kienet tirrigwarda s-sistema ta’ kooperazzjoni f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Sabiex tingħeleb din il-problema, il-Presidenza tal-Kunsill ressqet proposta ta’ kompromess, li emendat il-proposta tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“Kompromess”) (25). Il-Kompromess issuġġerixxa li jinżammu d-dispożizzjonijiet dwar sitwazzjonijiet transkonfinali (Taqsima 2), iżda mhux dawk dwar standards minimi (Taqsima I). Din it-taqsima tal-aħħar tkun sostitwita permezz ta’ dispożizzjoni waħda: l-Artikolu A, li iktar tard sar l-Artikolu 12. L-Artikolu A kien jirrikjedi lill-Istati Membri li jistabbilixxu skemi nazzjonali, sabiex jagħmlu s-sistema ta’ kumpens transkonfinali taħdem b’mod effettiv (26), filwaqt li tħalli lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-libertà li jiżviluppaw standards minimi dwar kumpens fil-futur (27). Imbagħad il-Kompromess sar il-bażi tad-direttiva li ġiet eventwalment adottata.

74.      F’dak id-dawl, ix-xogħol preparatorju jidher, fil-prinċipju, li jikkonferma l-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Kompromess jista’ tassew jissuġġerixxi, kif argumentat il-Kummissjoni bil-qawwa, li l-istabbiliment ta’ skemi nazzjonali huwa (biss) maħsub li jkun strumentali għall-funzjonament effettiv tas-sistema li tirrigwarda l-aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

75.      Madankollu hemm tliet problemi b’dan is-suġġeriment tal-Kummissjoni.

76.      L-ewwel nett, dak l-“instrumentaliżmu limitat” ma jsegwix b’mod ċar mit-test kif adottat. Fuq nota tal-ġenb, lanqas ma jsegwi b’mod ċar mit-test tal-Kompromess. Għal dak li jiswa, it-Taqsima C ta’ dak id-dokument (punti 13 sa 16) tibda billi tenfasizza li, wara l-atti terroristiċi f’Madrid tal-2004, kien importanti li jintbagħat sinjal ċar lill-vittmi ta’ delitt li miżuri relatati mal-kumpens tagħhom kienu qegħdin jittieħdu fil-livell Ewropew (28). Wara li ġie rrikonoxxut in-nuqqas ta’ unanimità skont dak li kien l-Artikolu 308 KE, dan sempliċement jinnota li l-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu “skema ta’ kumpens”, mingħajr ma jillimitawha bl-ebda mod għal sitwazzjonijiet transkonfinali biss (29).

77.      It-tieni nett, meta mistoqsija matul is-seduta dwar ir-raġunijiet wara l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu skema ta’ kumpens nazzjonali, minkejja l-allegat limitazzjoni tagħha għal delitti transkonfinali, il-Kummissjoni spjegat li kieku ħalliet lill-Istati Membri liberi li jkollhom skemi differenti għal sitwazzjonijiet transkonfinali u sitwazzjonijiet interni, dan seta’ jikkawża kumplikazzjonijiet mhux neċessarji f’ċerti sitwazzjonijiet.

78.      Madankollu, meta mistoqsija dwar jekk Stat Membru setax jittrasponi korrettement id-Direttiva 2008/40, li kieku llimita l-iskema ta’ kumpens nazzjonali għal delitti transkonfinali biss, il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi tweġiba ċara, minkejja l-insistenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt. Minflok, il-Kummissjoni baqgħet tinsisti li l-uniku mod xieraq kif jiġi traspost l-Artikolu 12(2) ma kienx li Stat Membru jkollu “skema ta’ kumpens”, jew “numru ta’ skemi ta’ kumpens”, iżda li Stat Membru jkollu biss skema ta’ kumpens waħda għad-delitti vjolenti intenzjonali kollha mwettqa fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

79.      Madankollu, din il-pożizzjoni hija diffiċli li tinżamm għal raġunijiet loġiċi: jew l-iskemi nazzjonali jistgħu legalment ikopru biss sitwazzjonijiet transkonfinali (sakemm Stat Membru jiddeċiedi li ma jkollu l-ebda skema ta’ kumpens għal delitti interni), jew dawk l-iskemi għandhom neċessarjament jestendu għal sitwazzjonijiet purament interni.

80.      Alternattivament, mill-perspettiva ta’ vittma u tad-drittijiet tiegħu jew tagħha, jew (1) id-dritt tal-Unjoni jirrikjedi kumpens biss għal vittmi ta’ delitti mwettqa barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom (għalhekk vittmi “interni” bl-ebda mod ma għandhom dritt skont id-dritt tal-Unjoni), jew (2) l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprovdu skema ta’ kumpens waħda għall-vittmi kollha ta’ delitti vjolenti intenzjonali mwettqa fit-territorju tagħhom (għaldaqstant il-vittmi kollha għandhom dritt għal kumpens taħt id-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 12(2)). Tertium non datur: ma jistax ikun hemm obbligu stabbilit mid-dritt tal-Unjoni għall-benefiċċju tal-individwi kollha fejn ma hemmx dritt għal dawk l-individwi li jinforzaw dak l-obbligu.

81.      It-tielet nett u fi kwalunkwe każ, ma nikkunsidrax li d-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni jipprovdu tweġiba soda u inekwivoka għall-mistoqsija magħmula. Dak li ma huwiex kompletament ċar, f’dawk id-dokumenti, huwa jekk ir-regoli u l-prinċipji kollha dwar standards minimi oriġinarjament inkluzi fil-Proposta ġewx kompletament imneħħija permezz tal-Kompromess, jew jekk parti minima ħafna minn dawn kienet ġiet eventwalment “imdeffsa” fl-Artikolu 12.

82.      Il-Kompromess ma jgħidx espliċitament jekk l-għan li jiġi protett grupp ikbar ta’ persuni (inklużi vittmi mhux transkonfinali) għebx kompletament, jew jekk ma kienx sempliċement imnaqqas billi ġie impost fuq l-Istati Membri obbligu minimalist – denominatur koumuni minimu li fuqu setgħu jaqblu l-Istati Membri kollha – sabiex jipprovdu “kumpens ġust u adegwat” għall-vittmi kollha (30).

83.      Barra minn hekk, kif innotat il-konvenuta, hemm xi dokumenti preparatorji – b’mod partikolari, il-minuti ta’ żewġ laqgħat tal-Kunsill li segwew il-Kompromess (31) – li jissuġġerixxu s-“sopravivenza” ta’ dan it-tieni għan segwit mid-Direttiva: li tittejjeb il-protezzjoni tal-vittmi kollha ta’ delitti vjolenti intenzjonali, billi jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għal kumpens ġust u xieraq irrispettivament fejn fl-Unjoni Ewropea jitwettaq id-delitt. Hemm xi appoġġ għal din id-dikjarazzjoni minħabba l-fatt li numru ta’ kunsiderazzjonijiet bħal dawn “issopravivew” fil-forma tal-premessi 3 sa 6 (32).

84.      Fil-qosor, id-deskrizzjoni tal-proċess leġiżlattiv, li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/80, tgħin biex titfa’ dawl fuq il-mod li bih strument abbozzat b’mod daqshekk uniku ġie maħluq. Madankollu, fid-dawl tat-test eventwalment adottat, u ugwalment fid-dawl tal-ambigwitajiet u tad-dikjarazzjonijiet diversi li nstabu fil-proċess innifsu, għal darba oħra ma hemmx tweġiba ċara dwar l-għanijiet preċiżi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jsegwi bid-Direttiva 2004/80, u b’mod partikolari bl-Artikolu 12(2) tagħha.

4.      Il-bażi legali

85.      Issa ser indur fuq element ieħor li ġie diskuss mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tagħhom: l-għażla tal-bażi legali – l-Artikolu 308 KE (li sar l-Artikolu 352 TFUE) – u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/80. Mandankollu, kuntrarju għal dak li argumentaw il-partijiet, sempliċement ma nara l-ebda argument li jista’ jiġi magħmul validament f’dan ir-rigward peress li, spjegat sempliċement, iż-żewġ tipi ta’ strumenti setgħu ġew adottati abbażi tal-Artikolu 308 KE.

86.      Fil-Proposta tagħha, il-Kummissjoni spjegat li d-direttiva kellu jkollha bħala bażi legali tagħha l-Artikolu 308 KE. L-istrument kellu rabtiet b’saħħithom mas-suq intern, iżda s-suġġett tiegħu mar lil hinn minn hekk, billi affettwa wkoll il-moviment liberu tal-persuni inġenerali, u l-liġijiet ċivili nazzjonali, kwistjonijiet dak iż-żmien irregolati mill-Parti III, Titolu IV tat-Trattat KE (33) (illum Parti III, Titolu V tat-Trattat FUE (34)). Madankollu, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat lil li dak iż-żmien kienet il-Komunità – skont il-Kummissjoni – is-setgħa li tistabbilixxi regoli bħal dawk stabbiliti fid-direttiva proposta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ biss juża s-setgħat residwi mogħtija lill-Unjoni mill-klawżola ta’ flessibbiltà (35).

87.      Fid-dawl ta’ dan, ma narax kif il-fatt li l-bażi legali oriġinarjament proposta mill-Kummissjoni nżammet (anki wara l-emendi sostanzjali miġjuba mill-Kompromess) tkun ta’ appoġġ għall-fehmiet tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni, jew dawk tal-konvenuta. Minkejja t-tneħħija ta’ (il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’) Taqsima 1 tal-Proposta, id-Direttiva 2004/80 żammet rabtiet b’saħħithom kemm mad-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern kif ukoll ma’ dawk li llum jaqgħu taħt is-SLSĠ. Għalhekk, il-loġika segwita mill-Kummissjoni fil-Proposta tagħha, ta’ min wieħed jargumenta fir-rigward tal-bażi legali, baqgħet valida għall-verżjoni finali tad-Direttiva.

88.      Barra minn hekk, ma hemm ukoll ebda possibbiltà ta’ raġunament b’lura, li jfittex li jillimita (jew li jespandi, għal dik il-kwistjoni) l-ambitu ta’ strument ta’ dritt sekondarju abbażi tas-sisien tiegħu fid-dritt primarju, fl-assenza ta’ kwalunkwe limitazzoni bħal din fit-test ta’ dak l-istrument ta’ dritt sekondarju.

89.      L-ewwel nett, reċentement wissejt kontra tali limitazzjonijiet interpretattivi ex post ta’ strumenti ta’ dritt sekondarju b’riferiment għall-bażi legali tagħhom, fejn issuġġerejt li tip ta’ argument bħal dan għandu pjuttost jiġi limitat għall-qasam tal-isfidi għal validità (36).

90.      It-tieni nett, barra minn hekk, anki li kieku ma kienx il-każ, in-natura speċjali tal-Artikolu 308 KE sempliċement tipprevjeni “backtracking” bħal dan li xi drabi jista’ jitressaq fir-rigward ta’ bażijiet legali speċifiċi oħrajn fit-Trattat (37). Fl-istruttura kostituzzjonali tat-Trattat, l-Artikolu 308 KE (kif ukoll l-Artikolu 352 TFUE), għalkemm issa b’xi twissijiet miżjuda oħra) huwa sempliċement miftuħ: bil-kundizzjoni tal-unanimità fost l-Istati Membri, numru ta’ miżuri jistgħu jiġu adottati, bl-ebda mod limitati għal sitwazzjonijiet transkonfinali(38).

5.      Il-ġurisprudenza eżistenti

91.      Fl-aħħar nett, il-partijiet irreferew għal numru ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja b’appoġġ għall-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80. B’mod partikolari, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni indikaw id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Dell’Orto (39),Giovanardi et (40) u C (41). Il-konvenuta invokat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (42), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot (43) fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Italja.

92.      Għal darba oħra, l-ebda waħda mill-partijiet ma hija manifestament żbaljata: dik il-ġurisprudenza tipprovdi elementi li jappoġġjaw iż-żewġ interpretazzjonijiet. Minn naħa waħda, huwa veru li deċiżjonijiet eqdem mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’awli iżgħar isegwu l-linji ssuġġeriti mill-Kummissjoni u mill-Gvern Taljan. Min-naħa l-oħra, hemm is-sentenza iktar reċenti tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja.

93.      Minn naħa waħa, fis-sentenza Dell’Orto, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li sitwazzjoni li fiha jitwettaq id-delitt fit-territorju tal-Istat Membru li fih il-vittma tirrisjedi taqa’ barra mill-ambitu tad-Direttiva 2004/80. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, dik id-direttiva “tipprovdi kumpens fil-każ biss ta’ reat vjolenti intenzjonat li jkun seħħ fi Stat Membru li mhuwiex dak tar-residenza normali tal-vittma” (44).

94.      Is-sentenza Giovanardi hija pjuttost simili. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien jidher ċar mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/80, li d-direttiva hija “intiża sabiex f’sitwazzjonijiet transkonfinali tiffaċilita l-aċċess tal-vittmi ta’ delitti intenzjonali vjolenti għal kumpens”, filwaqt li ma kienx ikkontestat li l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża kienu jikkonċernaw delitti mwettqa “b’negliġenza u li, barra minn hekk, twettqu f’kuntest purament nazzjonali” (45).

95.      Għaldaqstant, fil-fatt hija biss is-sentenza C li għandha xi xebh mal-kawża preżenti. C kienet il-vittma ta’ delitt vjolenti intenzjonali fl-Italja u ħarrket lill-Presidenza del Consiglio dei Ministri għal nuqqas li timplimenta d-Direttiva 2004/80. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula (46), u ddikjarat li d-delitt kien twettaq fl-istess Stat Membru fejn il-vittma kienet tirrisjedi (l-Italja). Fid-dawl ta’ dan, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni ma kinitx taqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 2004/80, izda biss fid-dritt nazzjonali. Fuq dik il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet: “f’sitwazzjoni purament interna, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju”. Peress li l-qorti tar-rinviju ma invokatx il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni inversa bid-digriet tar-rinviju tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li hija b’mod ċar ma kellhiex ġurisdizzjoni li tagħti risposta għad-domanda magħmula (47).

96.      Min-naħa l-oħra, iċ-ċarezza apparenti ta’ dik il-ġurisprudenza, kif innotat korrettement il-konvenuta, tpoġġiet f’dubju permezz ta’ sentenza reċenti tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (48) il-Qorti tal-Ġustizzja fittxet li tikkjarifika s-sens u l-ambitu ta’ dik il-ġurisprudenza preċedenti. Fil-punt 49 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fis-sentenzi Dell’Orto, Giovanardi, u C., kienet iddikjarat li “s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita bid-Direttiva 2004/80 tirrigwarda biss l-aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali, mingħajr ma teskludi madankollu li l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva jimponi lil kull Stat Membru, sabiex jiġi ggarantit l-għan li hija ssegwi f’sitwazzjonijiet bħal dawn, jadotta skema nazzjonali li tiggarantixxi kumpens lill-vittmi tad-delitti kollha li jaqgħu taħt il-kriminalita’ intenzjonali vjolenti fit-territorju tiegħu” (49).

97.      Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 50, kompliet billi tiddikjara li “tali interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 hija wkoll konformi mal-għan ta’ din id-direttiva li tabolixxi, bejn l-Istati Membri, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi sabiex ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern” (50).

98.      Għaldaqstant, minkejja l-fatt li dik id-deċiżjoni hija pjuttost ta’ natura ambigwa (51), fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament: (i) iddikjarat li l-ambitu tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 ma kienx ġie ddeterminat f’ġurisprudenza preċedenti, u (ii) ħalliet il-kwistjoni miftuħa sa fejn risposta għal dik id-domanda ma kinitx neċessarja sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni.

99.      Dan jista’ jinftiehem meta tiġi kkunsidrata n-natura tal-kawża, li kienet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE. Il-Kummissjoni sostniet li l-Italja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2004/80 fuq il-bażi li liġijiet nazzjonali kienu jipprovdu skema ta’ kumpens biss fir-rigward ta’ vittmi ta’ ċerti delitti speċifiċi, bħalma huma atti ta’ terroriżmu jew kriminalità organizzata, filwaqt li l-ebda skema ta’ kumpens ma kienet ġiet stabbilita fir-rigward ta’ delitti vjolenti intenzjonali oħra, bħas-stupru jew aggressjonijiet sesswali serji oħrajn (52). Sabiex tiddeċiedi fuq dik il-kwistjoni speċifika, l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 ratione personae ma kienx daqshekk importanti, peress li kien pjuttost ċar, kif fl-aħħar mill-aħħar ġie kkonfermat bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Italja kienet naqset milli tittrasponi d-direttiva fir-rigward taż-żewġ (jew pjuttost kwalunkwe waħda) mill-kategoriji ta’ vittmi.

6.      Konklużjonijiet provviżorja (u t-tiebreakers)

100. Irrid nammetti li huwa każ rari li wara li wieħed ikun esplora t-test, il-kuntest, l-għan, l-istorja leġiżlattiva, kif ukoll l-argumenti relatati mal-bażi legali ta’ strument ta’ dritt tal-Unjoni, wieħed isib ruħu pjuttost fil-punt minn fejn beda: mitluf.

101. Fil-qosor, it-test u l-loġika interna tal-istrument isostnu lill-konvenuta. Madankollu, l-istorja leġiżlattiva, għalkemm mhux kompletament, issostni lill-Kummissjoni u lir-Repubblika Taljana. Il-bażi legali hija “anjostika” għaż-żewġ soluzzjonijiet. Il-logħba ta’ “għażel il-premessa li togħġbok” twassal lejn kwalunkwe post li wieħed jixtieq: huwa biss neċessarju li wieħed jagħżel il-premessa xierqa.

102. Għaldaqstant, b’dawn l-elementi kollha eżaminati flimkien, l-analiżi tidher li tintemm – jekk nista’ nissellef terminu sportiv – f’“dead heat” bejn iż-żewġ interpretazzjonijiet kompetittivi tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.

103. Għaldaqstant ma hijiex sopriża li, mhux biss il-partijiet fil-kawża prinċipali, iżda wkoll diversi qrati nazzjonali u studjużi legali, waslu għal konklużjonijiet diverġenti fuq din il-kwistjoni (53). Ċerta diversità ta’ opinjoni fuq dan il-punt tidher li teżisti anki fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni nnifishom (54).

104. F’xenarju daqshekk rari, biex inkomplu b’metafora sportiva, “tiebreakers” huma meħtieġa. Jiena noffri tlieta minn dawn lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huma ta’ natura kostituzzjonali wiesgħa.

105. L-ewwel nett, hemm il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Kif juri b’mod ċar l-Artikolu 51(2) tal-Karta, il-Karta ċertament ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Karta minkejja kollox tista’ topera bħala tiebreaker interpretattiv f’sitwazzjoni fejn kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni nfetaħ b’mod ċar minn strument sekondarju tad-dritt tal-Unjoni, iżda minħabba l-abbozzar leġiżlattiv ’il bogħod milli perfett, diversi interpretazzjonijiet huma ugwalment plawżibbli.

106. Il-fatt li d-Direttiva 2004/80 ġiet adottata qabel ma l-Karta saret parti mid-dritt primarju vinkolanti jbiddel ftit f’dak ir-rigward. L-ewwel nett, l-interpretazzjoni ta’ dik id-direttiva hija mfittxija llum, skont id-dritt u ċ-ċirkustanzi preżenti. It-tieni nett, ikun naturalment miftuħ għal dibattitu eżatt kemm, li issa ġie kkodifikat fi dritt tal-Karta, kien diġà jeżisti qabel, fil-forma ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt. It-tielet nett, id-Direttiva 2004/80 innifisha tirreferi espressament għall-Karta. Il-premessa 14 taqra: “Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji affermati mill-ġdid b’mod partikolari mill-[Karta] bħala priċnipji ġenerali tal-liġi Koumunitarja”.

107. Billi dik il-kwistjoni ġiet solvuta, ma naħsibx li huwa saħansitra neċessarju li jġu diskussi f’dettall kbir id-drittijiet individwali tal-Karta li ma jippermettux li jintgħażel l-iktar ambitu dejjaq possibbli tal-Artikolu 12(2). Huwa pjuttost ċar li d-drittijiet stipulati fl-Artikolu 1 (Id-dinjità tal-bniedem) u l-Artikolu 6 (Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà) tal-Karta jkunu partikolarment rilevanti. Iż-żewġ drittijiet huma ggarantiti lil kulħadd, bħal ma huwa, fit-test tagħha, id-dritt għal kumpens għall-vittmi ta’ delitti vjolenti intenzjonali mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru stabbilit fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.

108. Fil-fehma tiegħi, id-dinjità tal-bniedem, iżda wkoll parzjalment id-dritt għas-sigurtà tal-persuna, huma invjolabbli u indiviżibbli. Minħabba n-natura inekwivoka u assoluta tagħhom, huma neċessarjament jipprovdu b’mod ugwali għad-dinjità tal-bniedem u għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuna, mingħajr ma tkun meħtieġa l-applikazzjoni parallela tal-Artikolu 21 tal-Karta (projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni).

109. B’dan il-mod, u fil-kuntest leġiżlattiv speċifiku ta’ ambigwità kunsiderevoli tat-test li għandu jiġi interpretat, ma naħsibx li hemm xi ħtieġa li jiġi diskuss jekk l-Artikolu 21 tal-Karta jinkludix jew le, jew waħdu jew flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni inversa. Minħabba l-kontenut speċifiku ħafna tal-istrument tad-dritt sekondarju li għandu jiġi interpretat fil-kawża preżenti, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 6 tal-Karta diġà jipprovdu bażi abbundanti sabiex l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 tixxaqleb lejn direzzjoni waħda.

110. It-tieni nett, l-Artikolu 21 tal-Karta jista’ jkun, madankollu, rilevanti f’kuntest kemxejn differenti: għad-diskriminazzjoni potenzjali bejn ix-xenarji transkonfinali diversi u għad-differenzzazzjoni bejn tipi diversi ta’ moviment u nonmoviment.

111. Li kieku d-Direttiva 2004/80 kellha tinqara skont is-suġġerimenti tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni, trattament differenti jkun riżervat għal żewġ tipi ta’ sitwazzjoni li t-tnejn jinvolvu elementi transkonfinali: is-sitwazzjoni fejn il-vittma nnifsu jew innifisha għamel jew għamlet użu mill-moviment liberu tiegħu jew tagħha (“il-vittma li tivvjaġġa”), u s-sitwazzjoni fejn l-awtur għamel użu ta’ din il-libertà (“awtur li jivvjaġġa ta’ delitt”’) (55).

112. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, il-vittma tad-delitt x’aktarx tiffaċċja ostakoli ikbar mis-soltu sabiex tikseb kumpens mingħand l-awtur tad-delitt. Il-kawża preżenti tista’ toffri eżempju dwar dan: l-awturi tad-delitt kienu ta’ nazzjonalità Rumena li, wara li s-sentenza ingħatat kontrihom, ħarbu. Issa jekk l-għan iddikjarat tad-Direttiva huwa li tgħin vittmi ta’ delitti transkonfinali sabiex jiġi promoss il-moviment liberu ta’ persuni, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod simili, tal-inqas taħt l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, fejn it-test ta’ dik id-dispożizzjoni jippermetti b’mod ċar interpretazzjoni bħal din? (56)

113. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) TFUE, wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni huwa li “toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà’ u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat”. Madankollu, il-ħolma nobbli ta’ spazju mingħajr fruntieri interni ma tantx tista’ tinftiehem b’mod uniku, fejn il-ftuħ stipulat minn fuq ma huwiex akkumpanjat bi grad korrispondenti ta’ responsabbiltà. Ma jistax jiġi injorat li żieda ta’ moviment liberu ta’ persuni inevitabbilment tipproduċi ċerti esternalitajiet negattivi jew, fi kliem differenti, għandha spiża soċjali.

114. Għaldaqstant, il-qari minn perspettiva dejqa ħafna tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 propost mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni jimplika li dak l-istrument isegwi promozzjoni pjuttost ta’ dimensjoni waħda tal-moviment liberu ta’ persuni: isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti vittmi ta’ delitti transkonfinali filwaqt li jinjora dik ta’ vittmi oħra, li jistgħu wkoll jiġu faċilment affettwati b’mod negattiv mill-moviment liberu ta’ persuni.

115. Bil-kontra, jekk wieħed kellu jsegwi l-qari iktar wiesa’ tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 propost mill-konvenuta, dik id-differenza fit-trattament bejn żewġ tipi ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma tqumx. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu skema li tkopri l-vittmi kollha ta’ delitti, irrispettivament mill-post ta’ residenza tagħhom.

116. Din id-differenza problematika fit-trattament tista’ wkoll tiġi evitata jekk il-kunċett ta’ sitwazzjonijiet “transkonfinali” jista’ jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’, sabiex ikopri wkoll sitwazzjonijiet li fihom l-awtur tad-delitt għamel użu mill-moviment liberu tiegħu jew tagħha. Madankollu, ikolli nammetti li kunċett iktar wiesa’ ta’ sitwazzjonijiet “transkonfinali” bħal dan (jew delitt) diffiċilment jiġi rrikonċiljat mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80: il-kunċett ta’ “transkonfinali” ma huwiex użat imkien f’dik id-dispożizzjoni (57).

117. It-tielet u fl-aħħar nett, hemm l-argument tas-separazzjoni tas-setgħat (jew, fit-terminoloġija tal-Unjoni, bilanċ istituzzjonali), bejn il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-Qrati tal-Ġustizzja. B’mod iktar sempliċi, il-mistoqsija li għandha ssir hija kemm il-qrati tal-Unjoni għandhom jimxu skont l-intenzjoni leġiżlattiva pperċepita jew reali tal-leġiżlazzjoni storika, meta tali intenzjoni ma hijiex espressa b’mod ċar imkien fil-leġiżlazzjoni adottata u valida.

118. Il-Kummissjoni ssostni li ma kinitx l-intenzjoni tal-Kunsill li jkollu anki regoli minimi dwar kumpens lil hinn mis-sitwazzjonijiet fejn id-delitt jitwettaq fi Stat Membru ieħor għajr dak tar-residenza tal-vittma. Madankollu, intenzjoni leġiżlattiva ċara ma tidhirx, fil-fehma tiegħi, la mit-test finali tal-leġiżlazzjoni adottata, jew fil-fatt mit-test tal-Kompromess propost mill-Kunsill (58).

119. Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li din il-fehma hija korretta, jiena nagħti parir kontra li din l-intenzjoni leġiżlattiva, li ma hija espressa mkien b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni valida, titħalla ssir determinanti. Ċertament, meta mqabbla mal-interpretazzjoni statutorja mwettqa f’numru tal-Istati Membri, ikolli nammetti li dejjem laqatni l-grad ta’ kemm il-prattika interpretattiva tad-dritt tal-Unjoni timxi mar-rieda tal-leġiżlatura storika. Fuq livell nazzjonali, ir-rieda tal-leġiżlatur storiku ċertament x’aktarx li tiġi kkonsultata (59), iżda iktar bħala wieħed mill-elementi rilevanti, u ftit li xejn awtomatikament bħala wieħed konklużiv. Dak li eventwalment huwa importanti huwa t-test adottat. Dan l-approċċ mexxa numru ta’ sistemi, fl-isem ta’ separazzjoni tas-setgħat ġenwina, sabiex tinstab ċerta distanza mir-rieda suġġettiva tal-intenzjoni leġiżlattiva storika mhux espressa fid-dritt validu (60).

120. B’kuntrast, fid-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur għandu l-privileġġ esklużiv li jifformula t-test tal-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi iktar “gwida interpetattiva awatentika” fil-forma ta’ premessi għall-atti leġiżlattivi tagħha. Naturalment, id-dogma tiddetta li l-premessi ma humiex vinkolanti. Mandankollu l-prattika hija ħafna inqas ċara (61).

121. Għaldaqstant, fid-dritt tal-Unjoni, l-interpretu mhux marbut darba, iżda fil-fatt darbtejn mill-intenzjoni leġiżlattiva (preżumibbilment l-istess). F’dan il-kuntest, biex wieħed jissuġġerixxi li lil hinn minn dawn iż-żewġ strati, hemm it-tielet wieħed, li effettivament jirrikjedi li wieħed jagħmel skavar kważi arkeoloġiku dwar min qal xiex eżattament għexieren ta’ snin ilu sabiex tiġi kkorreġuta, jew pjuttost li tiġi abbozzata mill-ġdid, leġiżlazzjoni abbozzata ħażin, huwa fil-fehma tiegħi, pass, jew pjuttost żewġ passi żżejjed.

122. Minflok, ġaladarba jiġi adottat, strument tad-dritt tal-Unjoni għandu jkollu ħajja indipendenti tiegħu. Dak li huwa importanti għall-interpretazzjoni tiegħu huma l-elementi u l-intenzjonijiet leġiżlattivi espressi fit-test, flimkien mal-intenzjoni leġiżlattiva espressa fil-premessi ta’ dak it-test. Bil-kontra, l-intenzjonijiet u l-ideat li ntqalu matul il-proċess leġiżlattiv, iżda mhux espressi fit-test, ma humiex importanti (62).

123. Dan għandu jkun il-każ għal tliet raġunijiet addizzjonali. L-ewwel nett, leġiżlazzjoni għandha tiġi interpretata mill-perspettiva ta’ destinatarju normali, li x’aktarx ma huwiex ser jibda jfittex diversi dokumenti (mhux dejjem pubblikament aċċessibbli) li jappartjenu lill-istorja leġiżlattiva ta’ strument, sabiex isir jaf jekk dak li hemm miktub fit-test jirriflettix ir-rieda suġġettiva tal-leġiżlatur storiku. It-tieni nett, wieħed għandu jżomm f’moħħu li fid-dritt tal-Unjoni, tipikament ma jkunx hemm wieħed, iżda diversi koleġiżlaturi, li b’kull wieħed ikollu potenzjalment l-ideat tiegħu stess dwar dak li ħasbu li kienu qegħdin jadottaw. It-tielet nett hemm ukoll l-argument tar-responsabbiltà morali tal-awtur, li kellu l-opportunità li jddikjara b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu. Jekk il-leġiżlatur ma setax jew ma kienx lest li jiddikjara b’mod inekwivoku dak li xtaq, huwa problematiku li jibda jagħmel hekk iktar tard, permezz ta’ interpretazzjoni, speċjalment għad-dannu tal-individwi kkonċernati, li setgħu raġonevolment ħasbu b’mod differenti, abbażi tat-test tar-regola adottata.

124. Għal dawn ir-raġunjiet kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skemi nazzjonali dwar kumpens li jipprovdu kumpens għal kwalunkwe vittma, irrispettivament mill-post ta’ residenza tiegħu jew tagħha, ta’ delitt vjolenti intenzjonali mwettaq fit-territorji rispettivi tagħhom.

C.      It-tieni domanda

125. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk kumpens iffissat għal EUR 4 800 għall-vittmi ta’ aggressjoni sesswali jistax jitqies bħala “ġust u xieraq” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.

126. Qabel ma nindirizza l-kwistjoni mqajma permezz ta’ din id-domanda f’iktar dettall, hemm bżonn li nagħmel żewġ osservazzjonijiet preliminari.

127. Fil-kawża prinċipali, il-konvenuta qiegħda titlob danni mingħand l-awtoritajiet Taljani minħabba t-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tad-Direttiva 2004/80 fl-Italja. Peress li l-konvenuta rċeviet kumpens skont l-iskema nazzjonali, fl-ammont ta’ EUR 4 800, it-talbiet tagħha kontra l-Presidenza del Consiglio huma bbażati fuq raġunijiet oħra (pereżempju, dewmien fit-twaqqif tal-iskema jew li wieħed jiġi ammess fiha, kumpens li ma huwiex ekwivalenti għal riparazzjoni sħiħa, kumpens ta’ ammont li ma huwiex “ġust u xieraq”). Madankollu, ir-raġunijiet eżatti ma humiex ċari la mit-talba tal-qorti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jew is-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-konvenuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, bil-għan li nipprovdi gwida iktar komprensiva lill-qorti tar-rinviju, ser nistabbilixxi żewġ kunsiderazzjonijiet qosra relatati mal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza fis-sentenza Francovich f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

128. L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni retroattiva tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw direttiva tista’ tirrimedja l-konsegwenzi dannużi ta’ traspożizzjoni tardiva, sakemm id-direttiva tkun trasposta b’mod xieraq. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li l-kumpens għat-telf jew għall-ħsara mġarrba mill-benefiċjarji huwa adegwat. Għal dan il-għan, individwi li jitolbu danni għandhom jistabbilixxu l-eżistenza ta’ telf ikbar imġarrab minħabba l-fatt li ma setgħux jibbenefikaw mid-drittijiet iggarantiti mid-direttiva fiż-żmien xieraq (63).

129. It-tieni nett, huwa miftuħ għad-dibattitu jekk rikors għad-danni ppreżentat minn vittmi ta’ delitti f’sitwazzjonijiet purament interni, jsibx diffiċli li jistabbilixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru stabbilixxa skema nazzjonali li tkopri biss delitti transkonfinali. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tiġi ssodisfatta sabiex jingħata lok għal responsabbiltà tal-Istat hija li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa “suffiċjentement serju” (64). Il-fatturi li l-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni f’dak il-kuntest jinkludu, fost l-oħrajn, “iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura” (65).

130. Madankollu, it-taqsima preċedenti kollha ta’ dawn il-konklużjonijiet wriet li l-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 hija ambigwa u, barra minn hekk, l-użu ta’ mezzi oħra ta’ interpretazzjoni ma jġibx ħafna iktar ċarezza f’dan ir-rigward.

131. Madankollu, dak l-element ma jidher bl-ebda mod li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-Italja ttrasponiet id-Direttiva 2004/80 billi stabbilixxiet skema nazzjonali dwar kumpens li tkopri kemm sitwazzjonijiet interni kif ukoll dawk transkonfinali. Għaldaqstant, nifhem li d-dibattitu quddiem il-qrati nazzjonali huwa biss dwar l-ammont xieraq ta’ kumpens.

132. B’dawn il-kjarifiki, issa ser indur fuq il-kwistjoni ewlenija mqajma bi-tieni domanda magħmula mill-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni). Jista’ kumpens fl-ammont ta’ EUR 4 800 lil vittma ta’ stupru jiġi kkunsidrat bħala “ġust u xieraq” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80?

133. Insibha diffiċli ħafna li nipprovdi risposta ta’ “iva jew le” għal domanda bħal din. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ sabiex tiddeċiedi jekk, fil-kawża ineżami, il-kumpens mogħti lill-vittma mill-awtoritajiet jistax jitqies bħala “ġust u xieraq”. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, huwa wieħed li jipprovdi gwida ġenerali billi jiċċara l-kriterji li dawn tal-aħħar għandhom jużaw fl-evalwazzjoni tagħhom tal-kwistjoni.

134. F’dan l-ispirtu, nosserva dan li ġej.

135. L-ewwel nett, ma nistax ma naqbilx mal-Gvern Taljan li, fl-assenza ta’ kwalunkwe regola li tarmonizza dan l-aspett, l-Istati Membri jgawdu diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-kapijiet ta’ kumpens koperti, il-kriterji li huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens, u bħala konsegwenza, dwar l-ammont ta’ kumpens innifsu.

136. Huwa veru, jeżisti l-kunċett ta’ “ġust u xieraq” fl- Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80. Iżda ma hemm xejn iktar. B’mod partikolari, il-leġiżlatur tal-Unjoni eventwalment iddeċieda li ma jħaddanx ir-regoli iktar iddettaljati li jistabbilixxu standards minimi għal kumpens inklużi fil-Proposta oriġinali, speċjalment fl-Artikolu 4 oriġinali tagħha (intitolat “Prinċipji sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ kumpens”). Għaldaqstant, wieħed jista’ jassumi b’mod ċert li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra partikolarment wiesa’ fuq dan il-punt.

137. It-tieni nett, naqbel ukoll mal-Gvern Taljan li ma hemm l-ebda bażi fid-Direttiva 2004/80 li tappoġġja l-fehma li l-kumpens li jrid jingħata skont l-iskemi nazzjonali għandu jkun ugwali għad-danni li l-awtur tad-delitt ikun obbligat li jħallas skont id-dritt nazzjonali tad-delitt. Ir-raġunament u l-loġika għaż-żewġ tipi ta’ ħlasijiet huma differenti.

138. Minn naħa waħda, kumpens (jew danni) li awtur ta’ delitt għandu jħallas lil vittma ta’ delitt għandu t-tendenza li jsegwi l-loġika ta’ kumpens sħiħ jew restituzzjoni sħiħa. Is-somma mogħtija għandha tirrifletti, l-eqreb possibbli, il-kumpens sħiħ tat-telf, tal-korriment u tad-dannu mġarrba mill-vittma (66).

139. Min-naħa l-oħra, sa fejn jista’ jiġi dedott mir-regoli minimalisti adottati, il-loġika tal-kumpens ipprovduta skont id-Direttiva 2004/80 hija pjuttost waħda ta’ assistenza (monetarja) pubblika (iġġeneralizzata) għal vittmi ta’ delitt. Il-bażi għall-intervent tal-iskema nazzjonali ma tistax tinstab f’xi forma ta’ nuqqas imwettaq mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, bħal, pereżempju, fl-identifikazzjoni jew sabiex jitressqu l-qorti l-awturi tad-delitt. Barra minn hekk, f’numru ta’ lingwi, l-isem u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/80 jirreferu wkoll għall-kumpens dovut taħt l-iskemi nazzjonali bħala “indennizz” (67). Kif nifhimha jiena, dan it-terminu huwa, f’ħafna pajjiżi, spiss assoċjat ma’ tip ta’ kumpens b’rata fissa, jew fi kwalunkwe każ ma’ forma ta’ riparazzjoni li mhux neċessarjament tikkorrispondi mad-danni (sħaħ) fid-dritt privat.

140. It-tielet nett, dan huwa wkoll konsistenti mal-mod li bih l-iskema għandha tiġi ġestita fuq livell nazzjonali. L-ammont ta’ kumpens ma għandux għalfejn, skont id-Direttiva 2004/80, jiġi ddeterminat minn imħallef li jevalwa ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-kawża, fid-dawl tal-provi prodotti mill-partijiet (68). Barra minn hekk, proċedura twila u ingombranti (li probabbilment tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-kumpens mogħti jikkorrispondi ma’ kumpens sħiħ (69)) ma tikkorrispondix mat-tip ta’ proċedura prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2004/80, l-Istati Membri “għandhom jagħmlu sforz sabiex iżommu f’minimu l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa minn applikant għal kumpens”.

141. Ir-raba’ nett, dik il-loġika u proċedura mbagħad taffettwa l-mod li bih l-ammonti għandhom jiġu stabbiliti. Ma naħsibx li “ġust u xieraq” ikun strutturalment inkompatibbli ma’ somma f’daqqa jew ammonti standardizzati. Ma hemm xejn fid-Direttiva 2004/80 li jipprevjeni liġijiet u proċeduri nazzjonali milli jinkludu dispożizzjonijiet, li fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens li għandu jingħata, jipprovdu meded, limiti massimi u/jew minimi, u valuri finanzjarji standard jew fissi għal kull tip ta’ telf jew korriment imġarrab mill-vittma jew it-tip ta’ delitt imwettaq (70).

142. Il-ħames u l-aħħar nett, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jirrikjedi li l-kumpens ikun “fier [ġust] u xieraq”, għalhekk jillimita d-diskrezzjoni tal-Istati Membri f’din il-kwistjoni. Madankollu, dak il-limitu huwa notevolment “light touch”. Nissuġġerixxi li dan il-kunċett jiġi interpretat bħala rekwiżit li għandu jkun hemm korrelazzjoni bejn il-korriment u t-telf ikkawżat mid-delitt, u l-kumpens ipprovdut taħt l-iskema. Dan ma jfissirx li l-ammont għandu joqrob lejn il-kumpens sħiħ. Pjuttost, ifisser li l-ammont għandu jagħti kontribut sinjifikattiv għar-riparazzjoni tad-danni materjali u mhux materjali mġarrba mill-vittma, u jipprovdi xi sodisfazzjoni lilu jew lilha għal ħsara mġarrba. B’mod partikolari, l-ammont ta’ kumpens ma jistax ikun daqshekk baxx li jsir purament simboliku, jew li l-utilità u l-konsolazzjoni li tieħu minnu l-vittma hija, fil-prattika, negliġġibbli jew marġinali.

143. Inżid li ma naqsamx il-fehma tal-konvenuta li r-rekwiżit ta’ “xieraq” stabbilit fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 inevitabbilment jirrikjedi li l-awtorità li tiddeċiedi tkun tista’ taddatta l-ammont previst fid-dritt nazzjonali għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ. Sakemm l-ammont stabbilit fid-dritt nazzjonali għal ċertu tip ta’ delitt huwa raġonevoli, ma nara l-ebda raġuni li jiġi deċiż li ammont fiss per se jmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/80.

144. Bħala sunt, nirrikonoxxi li gwida bħal din hija waħda minimalista, u tassew xi ftit vaga. Madankollu, fuq dan il-punt partikolari u b’kuntrast mal-ambitu tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, it-test tad-direttiva kif adottata huwa pjuttost ċar li ma jipprovdix għal iktar gwida. Fil-fatt jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jħalli dak l-ispazju miftuħ. Dak li segwa huwa diversità kunsiderevoli fis-sistemi, proċeduri, kif ukoll ammonti mogħtija fl-Istati Membri individwali (71). Li dak il-qasam tad-dritt jiġi mċaqlaq billi jiġu żviluppati standards minimi komuni, kif oriġinarjament previst fil-punt 16 tal-Kompromess tal-Kunsill tal-2004 (72), ikun kompitu tal-leġiżlatur tal-Unjoni (73), jekk diversità bħal din tkun meqjusa bħala problema.

V.      Konklużjoni

145. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE li għandha x’taqsam ma kupens għal vittmi ta’ delitti jirrikjedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skemi nazzjonali dwar kumpens li jipprovdu kumpens għal kwalunkwe vittma ta’ delitt vjolenti intenzjonali, irrispettivament mill-post ta’ residenza tiegħu jew tagħha.

(2)      Il-kumpens għal vittmi ta’ delitt huwa “ġust u xieraq” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 meta jagħti kontribut sinjifikattiv għar-riparazzjoni tad-danni mġarrba mill-vittma. B’mod partikolari, l-ammont ta’ kumpens mogħti ma jistax ikun daqshekk baxx li jsir purament simboliku, jew li l-utilità u l-konsolazzjoni tiegħu għall-vittma hija, fil-prattika, negliġġibbli jew marġinali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65.


3      Emendata bl-Artikolu 6 tal-Legge 20 novembre 2017, n. 167 Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2017 (il-Liġi Nru 167 tal-20 ta’ Novembru 2017 Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet għat-Twettiq tal-Obbligi li Jirriżultaw mis-Sħubija tal-Italja mad-dritt tal-Unjoni Ewropea – Dritt Ewropew 2017) u bl-Artikolu 1(593) sa (596) tal-Legge 30 dicembre 2018, n. 145 Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2019 e bilancio pluriennale per il triennio 2019-2021 (il-Liġi Nru 145 tat-30 ta’ Diċembru 2018 fuq l-Istima tal-Baġit tal-Istat għas-Sena Finanzjarja 2019 u l-Baġit Multiannwali għall-Perijodu ta’ Tliet Snin 2019-2021).


4      Gazzetta Ufficiale, Serie Generale Nru 237, tal-10 ta’ Ottubru 2017.


5      Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑601/14, EU:C:2016:759), li ddikjarat li, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiggarantixxi l-eżistenza, f’sitwazzjonijiet transkonfinali, ta’ skema ta’ kumpens għalll-vittmi tad-delitti vjolenti intenzjonali kollha mwettqa fit-territorju tagħha, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.


6      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2017, X (C‑167/15, mhux ippubblikat, EU:C:2017:187) li neħħa l-kawża mir-Reġistru, wara l-irtirar tar-rinviju mill-qorti tar-rinviju.


7      Sottolineati hawn fuq, punti 8 u 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428).


9      Skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru jista’ jkun responsabbli jagħmel riparazzjoni għal telf u danni kkawżati lil individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa responsabbli għalih jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: ir-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura għandha tkun intiża li tagħtihom drittijiet; il-ksur ta’ dik ir-regola għandu jkun suffiċjentement serju; u għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dak il-ksur u t-telf jew id-dannu mġarrab minn dawk l-individwi (għal dan il-għan, iktar reċentement, ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions MagyarországiFióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara għal dan il-għan, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1994, Steen (C‑132/93, EU:C:1994:254, punti 8 sa 11), u tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet (C‑64/96 u C‑65/96, EU:C:1997:285, punt 23). Għal ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt, ara Arena, A., “The Wall Around EU Fundamental Freedoms: the Purely Internal Rule at the Forty-Year Mark”, Yearbook of European Law, 2020, p. 12 sa 67.


11      Enfasi miżjuda minni.


12      Skont dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri kienu meħtieġa li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/80 sal-1 ta’ Jannar 2006, “bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 12(2), li fil-każ tiegħu id-data ta’ konformita [kienet] l-1 ta’ Lulju 2005”.


13      Ara d-Dokument tal-Kunsill 8033/04 tal-5 ta’ April 2004. Dik il-proposta eventwalment ma ġietx adottata.


14      Mingħajr ma wieħed jiċħad li xi wħud minnhom jistgħu jitqiegħdu f’iktar minn grupp wieħed.


15      Enfasi miżjuda minni.


16      Enfasi miżjuda minni.


17      Enfasi miżjuda minni.


18      Enfasi miżjuda minni.


19      Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fil-laqgħa ta’ Tampere fl-1999, id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fil-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-2004, l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, u l-Konvenzjoni Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa tal-24 ta’ Novembru 1983 dwar il-kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti.


20      COM(2002) 562 final (ĠU 2003 E 45, p. 69).


21      Ara b’mod speċjali l-punt 3 tal-Memorandum ta’ Spjega.


22      Enfasi miżjuda minni.


23      Fl-aħħar nett, it-Taqsima 3 (l-Artikoli 24 sa 28) kienet tirrigwarda “dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni”.


24      Il-Proposta kienet ibbażata fuq dak li kien l-Artikolu 308 KE, illum l-Artikolu 352 TFUE. Ser niġi lura għal din il-kwistjoni infra, fil-punti 85 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Dokument tal-Kunsill 7752/04.


26      Ara l-punt 15 tal-Kompromess.


27      Ara l-punt 16 tal-Kompromess.


28      Punt 13 tal-Kompromess.


29      B’mod partikolari l-punt 16 tal-Kompromess.


30      U mhux iktar sabiex jipproteġi grupp ikbar ta’ persuni, kif oriġinarjament ippreżentat fl-Artikolu 2(1)(a) tal-Proposta tal-Kummissjoni.


31      Ara d-Dokument tal-Kunsill 7209/04, p. 9, u d-Dokument tal-Kunsill 8694/04, p. II.


32      Iktar ’il fuq, punti 64 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      “Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuna” (Artikoli 61 sa 69 KE).


34      “L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” (Artikoli 67 sa 89 TFUE).


35      Ara l-Memorandum ta’ Spjega, punti 5.1 u 5.2.


36      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑15/18, Federatie Nederlandse Vakbeweging  (EU:C:2020:319, punti 45 sa 49).


37      Ara, pereżempju, fir-rigward tal-Artikolu 114 TFUE, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, ÖsterreichischerRundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 41 sa 43) jew is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 40 sa 42). Bl-istess mod fir-rigward tal-Artikolu 82(2) TFUE, ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Moro  (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 32 u 33).


38      Għal dan il-għan, ara fost oħrajn, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 235), u l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim tal-WTO), tal-15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384, punt 59).


39      Sentenza tat-28 ta’ Ġunu 2007, Dell'Orto (C‑467/05, EU:C:2007:395).


40      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Giovanardi et (C-79/11, EU:C:2012:448).


41      Digriet tat-30 ta’Jannar 2014, C (C‑122/13, EU:C:2014:59).


42      Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑601/14, EU:C:2016:759).


43      C‑601/14, EU:C:2016:249.


44      Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell'Orto (C‑467/05, EU:C:2007:395, punti 7 sa 59). Enfasi miżjuda minni. Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li dik id-dikjarazzjoni kienet magħmula in passim f’kawża li kienet tikkonċerna kwistjoni differenti, jiġifieri jekk persuna ġuridika tistax titlob l-istatus ta’ vittma skont id-Direttiva 2004/80, iżda qabel kollox skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JHA tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 72).


45      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Giovanardi et (C‑79/11, EU:C:2012:448, punt 37). Enfasi miżjuda minni. Għal darba oħra, bħal fis-sentenza Dell’Orto, il-kawża kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ vittma skont id-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JHA, bid-Direttiva 2004/80, lanqas biss imsemmija mill-qorti tar-rinviju, billi ġiet skartata f’punt wieħed bħala mhux rilevanti għall każ fil-kawża prinċipali.


46      “L-Artikolu 12 tad-Direttiva [2004/80] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għal kumpens għall-vittmi ta’ xi kategoriji ta’ delitti [reati] vjolenti jew intenzjonali jew inkella jimponi fuq l-Istati Membri, skont l-imsemmija direttiva, li jadottaw sistema ta’ kumpens għall-vittmi tad-delitti intenzjonali jew vjolenti kollha?”


47      Digriet tat-30 ta’ Jannar 2014, C (C‑122/13, EU:C:2014:59, punti 11 sa 18 u l-parti operattiva). Enfasi miżjuda minni.


48      Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016, Il-Kummissjoni vs L‑Italja (C‑601/14, EU:C:2016:759).


49      Enfasi miżjuda minni.


50      Enfasi miżjuda minni.


51      Bla dubju, ma huwiex faċli li l-punti 49 u 50 tas-sentenza jiġu rrikonċiljati mal-punti 44 u 45 tagħha.


52      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016, Il-Kummissjoni vs L‑Italja (C‑601/14, EU:C:2016:759, punti 18 sa 20).


53      Ara, pereżempju, il-pożizzjonijiet meħuda minn Mastroianni, R., “La responsabilità patrimoniale dello Stato italiano per violazione de Diritto dell’ Unione: il caso della direttiva sull’indennizzo delle vittime dei reati”, Giustizia Civile, 2014, Nru 1, p. 283 sa 318, u minn Peers, S. “Reverse discrimination against rape victims: a disappointing ruling of the CJEU”, f’EU Law Analysis Blog, 24 ta’ Marzu 2014 (l l-aħħar aċċess sar fl-20 ta’ Marzu 2020). L-ewwel waħda minn dawk iż-żewġ kontribuzzjonijiet tinkludi diversi riferimenti għal deċiżjonijiet tal-qrati Taljani.


54      Għal dak li jiswa, riferiment illustrattiv bħal dan għal materjali simili (naturalment mhux vinkolanti), fil-Portal tal-e-justice, immexxi mill-Kummissjoni, id-Direttiva 2004/80 hija deskritta li tirrikjedi lill-Istati Membri li “jistabbilixxu skema nazzjonali ta’ kumpens għall-vittmi kollha ta’ delitti vjolenti intenzjonali” (Enfasi tiegħi). Skont dik id-direttiva “il-vittmi kollha ta’ reati vjolenti intenzjonati għandhom aċċess għall-iskema ta’ kumpens nazzjonali fil-pajjiż li r-reat ikun sar fit-territorju tiegħu” (online fuq https://e-justice.europa.eu/content_compensation-67-en.do (l-aħħar aċċess sar fl-20 ta’ Marzu 2020). Il-Kummissjoni lanqas ma tieħu pożizzjoni ċara f’dak ir-rigward fir-“Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti” tal-20 ta’ April 2009, COM(2009)170 final, b’mod partikolari l-punt 3.4.1.


55      Diskussa wkoll hawn fuq fil-punti 55 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-premessi tad-Direttiva 2004/80.


56      Jista’ jitfakkar li sabiex ittaffi diskriminazzjoni identifikata inerenti fid-disinn leġiżlattiv li ppermetta li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura li tmur ferm lil hinn fil-passat, xi wħud jistgħu jgħidu lil hinn mit-test. Ara pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 49 sa 54), ipparagunata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:416, punti 62 sa 97).


57      Kif diskuss iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “transkonfinali” fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/80 għandu tifsira differenti ħafna minn dik mogħtija lilu mill-Kummissjoni u mill-Gvern Taljan (iktar ’il fuq, punti 33 sa 38).


58      Kif diskuss fid-dettall iktar ’il fuq fil-punti 75 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      B’mod komparattiv ara pereżempju Stefan Vogenauer, Die Auslegung von Gesetzen in England und auf dem Kontinent. Eine vergleichende Untersuchung der Rechtsprechung und ihrer historischen Grundlagen (Mohr (Siebeck), Tübingen 2001) – Band I, p. 31 sa 32 u 115 sa 120 (dwar il-Ġermanja); Band I, p. 235 u 274 sa 276 (dwar Franza).


60      Li jwassal f’xi sistemi, speċjalment dawk ta’ provenjenza mid-dritt komuni, għal reċitenza kbira jekk mhux projbizzjoni kompleta li wieħed jirreferi għall-istorja u għad-dibattiti leġiżlattivi għall-finijiet ta’ struttura statutorja – iżda ara Pepper (Inspector of Taxes)  va Hart [1992] UKHL 3. Iżda, fuq in-naħa l-oħra tal-Kanal Ingliż, FC Von Savigny diġà ssuġġerixxiet li r-rieda tal-leġiżlatur hija biss rilevanti sa fejn tkun oġġettivament espressa fil-liġi nnifisha; motivi suġġettivi tal-leġiżlatur li ma humiex espressi ma humiex rilevanti – FC von Savigny, System des heutigen Römischen Rechts (2. Neudruck der Ausgabe Berlin 1840, ScientiaVerlag 1981) f’punt 38 (p. 241).


61      Bħala illustrazzjoni, ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punti 91 u 92); tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 42 u 43); jew tal-25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punti 44 sa 46 u 51). B’mod partikolari fir-rigward tal-kawża tal-aħħar, huwa miftuħ għad-diskussjoni eżattament kemm użu bħal dan ta’ premessa jibqa’ fl-ambitu ta’ sempliċi gwida interpretattiva.


62      F’vena simili tas-suġġerimenti reċenti tiegħi fil-Kawża C‑815/18, Federatie Nederlandse Vakbeweging (punti 61 sa 63).


63      Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Maso et (C‑373/95, EU:C:1997:353, punti 39 sa 42), tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C‑131/97, EU:C:1999:98, punt 53), u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Gozza et (C‑371/97, EU:C:2000:526, punt 39).


64      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51) u, iktar reċentement, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsilll (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32).


65      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 56) u, iktar reċentement, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs II-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33).


66      Kif hemm tendenza li jkun il-każ b’mod ġenerali b’kull responsabbiltà delittwali għal dannu kkawżat lil persuna oħra. Pereżempju, fir-rigward tar-responsabbiltà delittwali, ara, l-Artikolu 340 TFUE, li skont dan “l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom” (enfasi miżjuda minni). Il-qrati tal-Unjoni b’mod konsistenti interpretaw din id-dispożizzjoni bħala waħda li tkopri, fil-prinċipju, kemm telf pekunjarju (fil-forma ta’ tnaqqis ta’ assi u telf ta’ profitti) kif ukoll telf mhux pekunjarju: ara, b’riferimenti oħrajn, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fis-sentenza European Union vs Kendrion (C‑150/17 P, EU:C:2018:612, punt 103).


67      Dawn jinkludu l-verżjonijiet bil-Ġermaniż (“Entschädigung”); bl-Ispanjol (“indemnización”); bil-Franċiż (“indemnisation”); bit-Taljan (“indennizzo”); bil-Portugiż (“indemnização”); u bis-Slovakk (“odškodnenie”).


68      Ara l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2004/80.


69      Ara, Van Dam, C., European Tort Law, 2nd ed., Oxford University Press, Oxford, 2013, p. 346.


70      Għandu jiġi nnotat li f’għadd ta’ ġurisdizzjonijiet, qrati nazzjonali wkoll jagħmlu użu minn parametri simili sabiex jikkwantifikaw id-danni li għandhom jingħataw f’każijiet speċifiċi b’mod rapidu u opportun, filwaqt li jiżguraw ugwaljanza fit-trattament f’każijiet paragunabbli. A fortiori, dan għandu naturalment ikun possibbli f’sistema bħal dik stabbilita bid-Direttiva 2004/80.


71      Ara, pereżempju, ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/80/KE (COM (2009) 170 final), flimkien mal-annessi b’riferimenti għas-sistemi tal-Istati Membri f’Dokument li jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/80/KE (SEC (2009) 495). Għal informazzjoni iktar aġġornata, ara l-karti individwali tal-pajjiżi fil-E-justice Portal (https://e-justice.europa.eu/content_if_my_claim_is_to_be_considered_in_this_country-491-mt.do ).


72      Iċċitat iktar ’il fuq, punt 73.


73      Ara, f’dan ir-rigward, “Strengthening Victims’ Rights: From Compensation to Reparation: For a new EU Victims’ rights strategy 2020-2025”, Rapport minn Milquet, J., Konsulent Speċjali tal-President tal-Kummissjoni Ewropea minn Marzu 2019 (Uffiċċju tal-Publikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019).