Language of document : ECLI:EU:C:2020:404

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit‑28 ta’ Mejju 2020 (1)

Kawża C238/19

EZ

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (L-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva), Hannover (il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Politika tal-ażil — Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat — Direttiva 2011/95/UE — Interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) — Raġunijiet għall-persekuzzjoni, l-Artikolu 10(1)(e) kunċett ta’ opinjoni politika — Rifjut għal twettiq ta’ servizz militari — Oġġezzjoni tal-kuxjenza”






1.        Fis-sentenza Shepherd (2), il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel eżaminat jekk l-ażil skont id-Direttiva 2011/95/UE kellux jingħata lis-suldat reklutat li rrifjuta li jwettaq servizz militari ieħor fil-forzi tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-gwerra tal-Iraq (3). Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) Hannover (il-Ġermanja) issa titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal iktar kjarifika ta’ din is-sentenza. B’differenza minn Shepherd, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħarab minn pajjiżu sabiex jevita l-iskrizzjoni; u l-kuntest partikolari hawnhekk huwa s-servizz militari fl-armata Sirjana fil-gwerra ċivili Sirjana. Ċerti kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju huma għalhekk differenti minn dawk eżaminati fil-każ ta’ Shepherd. Il-Qorti tal-Ġustizzja talbitni sabiex f’dawn il-konklużjonijiet nikkonċentra fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, b’mod partikolari jekk għandhiex teżisti rabta kawżali bejn ir-“raġunijiet għall-persekuzzjoni” u l-“atti ta’ persekuzzjoni” (jew in-nuqqas ta’ protezzjoni minn tali atti) fis-sens ta’ din id-direttiva.

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

2.        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati (4), kwalunkwe persuna li “minħabba biża’ fondata li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż” taqa’ taħt id-definizzjoni tat-terminu “refuġjat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3.        L-Artikolu 1(F)(a) jippreċiża li l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ma tapplikax għal kull persuna li għaliha jeżistu raġunijiet serji li jitqiesu li huwa kkommetta “delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti” (5).

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

4.        L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (6) jiggarantixxi d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u r-reliġjon, inkluża l-libertà ta’ bdil ta’ reliġjon jew twemmin.

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

5.        L-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jikkorrispondi mal-Artikolu 9(1) tal-KEDB. Skont l-Artikolu 10(2), id-dritt għall-oġgezzjoni ta’ kuxjenza hu rikonoxxut, skont il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. L-Artikolu 52(3) jgħid li d-drittijiet stabbiliti fil-Karta għandhom ikunu interpretati b’mod konsistenti mad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB.

 Id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika

6.        Il-premessi tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika jinkludu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin. Id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika tifforma parti mill-miżuri li jinkludu s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (“is-SEKA”) ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll li flimkien jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati (7). L-għan prinċipali ta’ din id-direttiva huwa li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u għall-garanzija ta’ livell minimu ta’ benefiċċji jkun disponibbli b’mod uniformi (8). Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta (9). L-Istati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali rigward it-trattament tagħhom ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (10). “Konsultazzjonijiet mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għal Refuġjati jistgħu jipprovdu gwida ta’ valur għall-Istati Membri meta jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [(11)] Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat għandhom jiġu stabbiliti sabiex iservu ta’ gwida lill-korpi nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [(12)]. Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala refuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” [(13)]. Fl-aħħar, “waħda mill-kundizzjonijiet sabiex wieħed jikkwalifika għal status ta’ refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra hi l-eżistenza ta’ konnessjoni każwali bejn raġunijiet ta’ persekuzzjoni, jiġifieri razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari, u l-atti ta’ persekuzzjoni jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti (14)”.

7.        Skont l-Artikolu 1, id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika għandha l-għan li tistabbilixxi standards sabiex ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat ikunu jistgħu jikkwalifikaw bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

8.        L-Artikolu 2(d) jiddefinixxi t-terminu “refuġjat” bħala “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha” (15). Fl-Artikolu 2(g), “stat ta’ protezzjoni sussidjarja” tfisser “ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”.

9.        Il-Kapitolu II huwa intitolat “Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”. Fi ħdan dan il-Kapitolu, l-Artikolu 4(1) jippreċiża li huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, f’kooperazzjoni mal-applikant. Skont l-Artikolu 4(3), din l-istima għandha ssir fuq bażi individwali u tieħu inkunsiderazzjoni tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 4(3)(a) sa (e) Dawn il-fatturi jinkludu:

“(a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

[…]

(c)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

[…]

(5)      Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

b)      l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(c)      id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

(d)      l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

(e)      il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

10.      Bi qbil mal-Artikolu 6(a), l-atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu l-Istat.

11.      L-Artikoli 9 sa 12 jikkostitwixxu l-Kapitolu III, intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”. L-Artikolu 9 (“Atti ta’ persekuzzjoni”) jipprevedi:

“(1) Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:

(a) ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-[KEDB] [ (16)]; jew

b) ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi f’punt (a).

(2) Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

(a)      atti ta’ vjolenza fiżiċi jew mentali, inkluż atti ta’ vjolenza sesswali;

b)      miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja;

(c)      prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

(d)      ċaħda ta’ rimedju ġudizjarju li tirriżulta f’kastig sproporzjonat jew diskriminatorju;

(e)      prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’konflitt, fejn it-twettiq ta’ servizz militari jkun jinkludi delitti jew atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjonijiet kif dikjarat fl-Artikolu 12(2) [ (17)];

(f)      atti ta’ natura speċifika għas-sess jew għat-tfal.

(3) Bi qbil ma’ punt (d) tal-Artikolu 2, irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn”.

12.      L-Artikolu 10(1) jelenka ħames “elementi” li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-“raġunijiet ta’ persekuzzjoni”, jiġifieri r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari u l-opinjonijiet politiċi (l-Artikolu 10(1)(a) sa (e)). Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, l-Artikolu 10(1)(e) jippreċiża:

“il-kunċett ta’ opinjoni politika għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le”.

L-Artikolu 10(2) jipprevedi li “fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni”.

13.      L-Artikolu 12 jelenka ċ-ċirkustanzi li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat skont id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. Dawn iċ-ċirkustanzi jinkludu meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li “hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti” (Artikolu 12(2)(a)) (18).

14.      L-Artikolu 13 jeħtieġ lill-Istati Membri sabiex jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat skont il-Kapitoli II u III tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.

 Id-Direttiva tal-Proċeduri

15.      L-għan tad-Direttiva 2013/32/UE (19) huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. Hija tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju tal-Unjoni (20). Ir-rekwiżiti għall-eżami tal-applikazzjonijiet huma stipulati fl-Artikolu 10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jittieħdu wara eżami adegwat (21).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16.      L-Artikolu 3(1) tal-Asylgesetz (il-liġi dwar l-ażil: l-”AsylG” jiddefinixxi “refuġjat” fis-sens tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. L-Artikolu 3a tal-AsylG jiddefinixxi “atti ta’ persekuzzjoni” b’mod li japprossima l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (l-Artikolu 3a(2)(5), li jirriproduċi l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-prosekuzzjonijiet jew il-piena għal rifjut li jitwettaq is-servizz militari f’każ ta’ kunflitt, meta t-twettiq tas-servizz militari jkun jinvolvi (implikazzjoni fit-twettiq ta’ delitt tal-gwerra)). L-Artikolu 3b tal-AsylG jelenka l-elementi tar-“raġunijiet għall-persekuzzjoni” b’mod simili għall-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (l-Artikolu 3b(1)(5) li jirriproduċi l-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva dwar il-kunċett ta’ “opinjoni politika”). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3a(3) tal-AsylG – bl-istess mod bħall-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika – jeżiġi li jkun hemm rabta (22) bejn l-atti ta’ persekuzzjoni u r-raġunijiet għall-persekuzzjoni.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

17.      Ir-rikorrent, EZ, twieled fis‑27 ta’ Jannar 1989. Huwa ċittadin Sirjan. Huwa telaq minn art twelidu permezz tal-baħar u, wara l-ivvjaġġar fuq l-art ġo diversi pajjiżi, finalment wasal fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil‑5 ta’ Settembru 2015. Huwa ppreżenta applikazzjoni formali għall-ażil quddiem il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”) fit‑28 ta’ Jannar 2016.

18.      EZ informa lill-Bundesamt li, meta kien jinsab fis-Sirja, huwa kien talab posponiment tas-servizz militari tiegħu minħabba biża’ li jkollu jipparteċipa fil-gwerra ċivili. L-awtoritajiet Sirjani kienu tawh posponiment sax-xahar ta’ Frar 2015 sabiex ikun jista’ jtemm l-istudji tiegħu fl-università ta’ Aleppo. EZ spiċċa l-istudji tiegħu f’April 2014. Huwa telaq mis-Sirja f’Novembru 2014 minħabba l-impenn imminenti ta’ servizz militari fi Frar 2015.

19.      Permezz tad-deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2017, il-Bundesamt ta lil EZ l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja (23), iżda ċaħad it-talba għall-ażil tiegħu minħabba li ma kienx is-suġġett ta’ persekuzzjonijiet fis-Sirja li wassluh jaħrab il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Il-Bundesamt ikkunsidra li ma kinitx teżisti rabta kawżali bejn l-att ta’ persekuzzjoni u r-raġuni għall-persekuzzjoni fil-każ tiegħu. Fl‑1 ta’ Mejju 2017, EZ ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

20.      Il-qorti tar-rinviju għamlet id-dikjarazzjonijiet li ġejjin fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.

21.      Is-Sirja ilha bħala l-post ta’ kunflitt armat domestiku mill‑2011. Il-partijiet kollha involuti f’dan il-kunflitt wettqu – u komplew iwettqu – ksur gravi u sistematiku tad-dritt umanitarju internazzjonali (24).

22.      Is-Sirja tiġġestixxi sistema ta’ servizz militari obbligatorja ta’ sentejn għal ċittadini Sirjani li għandhom 18‑il sena u iktar. Ma hemm l-ebda dritt għal oġġezzjoni ta’ kuxjenza skont il-liġi Sirjana (25). L-amministrazzjoni militari Sirjana tkompli tirrekluta b’mod intensiv. Teżisti aspettattiva ġenerali li l-persuni suġġetti għal-lieva, meta jsiru eliġibbli għas-servizz militari (wara pereżempju, l-iskadenza ta’ terminu għall-posponiment għall-finijiet ta’ studju), għandhom jagħtu rendikont lill-amministrazzjoni militari fuq inizjattiva tagħhom stess. Wara sitt xhur, il-persuni suġġetti għal-lieva li ma jagħtux rendikont jiġu mqiegħda bħala rutina f’lista ta’ min jaħrab il-lieva. Din il-lista tkun disponibbli għal punti ta’ kontroll u aġenziji governattivi oħra. F’perijodu ta’ gwerra, min jaħrab mil-lieva maqbud b’dan il-mod huwa sottopost, skont id-dritt Sirjan, għal piena ta’ priġunerija sa ħames snin. Il-forma ta’ piena imposta hija arbitrarja: hija tvarja minn kundizzjonijiet legali ta’ priġunerija, sa tali reklutaġġi jitqiegħdu f’operazzjonijiet ta’ kopertura ta’ riskju għoli, mingħajr taħriġ militari minn qabel, sa eżekuzzjoni.

23.      Il-qorti tar-rinviju kienet tal-fehma li EZ ma jixtieqx jikkonforma mal-obbligu ġenerali li jidħol u jservi fil-militar Sirjan li probabbilment jinvolvih fit-twettiq ta’ delitti tal-gwerra (26). Billi ħarab mis-Sirja u għamel talba għall-protezzjoni internazzjonali, EZ irendi lilu nnifsu responsabbli – minħabba dan l-aġir stess – għal prosekuzzjoni jew kastig fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

24.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tfittex gwida dwar diversi kwistjonijiet. B’mod partikolari, hija titlob lil din il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika u tippreċiża jekk huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn l-“atti ta’ persekuzzjoni” elenkati fiha u waħda mir-“raġunijiet għal persekuzzjoni” msemmija fl-Artikolu 10(1). Fil-każ li din id-domanda hija risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali rabta hijiex neċessarjament stabbilita skont din id-direttiva meta applikazzjoni għall-ażil tkun ibbażata fuq l-Artikolu 9(2)(e). (27) Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju talbet għal deċiżjoni preliminari dwar id-domandi segwenti:

“(1)      L-Artikolu 9(2)(e) tad-[Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-“rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’konflitt” ma jeżiġix li l-persuna kkonċernata tkun irrifjutat li twettaq is-servizz militari fi proċedura ta’ rifjut formali, fejn id-dritt tal-Istat tal-oriġini ma jipprevedix id-dritt li jiġi rrifjutat is-servizz militari?

(2)      Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

L-Artikolu 9(2)(e) tad- [Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] u r-“rifjut li wieħed iwettaq servizz militari” tagħha, jipproteġu wkoll il-persuni li, fi tmiem id-differiment tas-servizz militari, ma jippreżentawx ruħhom lill-awtoritajiet militari tal-pajjiż tal-oriġini u jevadu l-iskrizzjoni obbligatorja billi jaħarbu?

(3)      Fil-każ li r-risposta li tingħata għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

L-Artikolu 9(2)(e) tad-[ Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal persuna suġġetta għal-lieva, li ma għandhiex informazzjoni dwar is-settur futur ta’ intervent militari tagħha, is-servizz militari “jkun jinkludi” direttament jew indirettament “delitti jew atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjonijiet kif dikjarat fl-Artikolu 12(2)” minħabba s-sempliċi fatt li l-forzi armati tal-Istat tal-oriġini tagħha jwettqu tali delitti jew atti b’mod ripetut u sistematiku bl-użu ta’ persuni suġġetti għal-lieva?

(4)      L-Artikolu 9(3) tad-[ Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prosekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tad-[ Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika], konformement mal-Artikolu 2(d) tad-[ Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika], għandu jkun hemm rabta bejn il-motivi msemmija fl-Artikolu 10 tad-[ Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] u l-atti kklassifikati bħala atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-[Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] jew in-nuqqas ta’ protezzjoni kontra tali atti?

(5)      Fil-każ li r-risposta li tingħata għar-raba’ domanda tkun fl-affermattiv: ir-rabta prevista fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 2(d) tad-[ Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika] bejn il-persekuzzjonijiet dovuti għal prosekuzzjoni jew sanzjonijiet minħabba rifjut li jitwettaq is-servizz militari u l-motiv ta’ persekuzzjoni teżisti diġà bis-sempliċi fatt li l-prosekuzzjoni jew sanzjonijiet huma marbuta mar-rifjut?”

25.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn EZ u mill-Kummissjoni Ewropea. Iż-żewġ partijiet flimkien mal-Bundesamt u l-Ġermanja nstemgħu fit-trattazzjonijiet tagħhom fis-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2020.

 Evalwazzjoni

 Rimarki ġenerali

26.      Il-preambolu tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika jistabbilixxi l-kuntest li fih id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu interpretati. Għalhekk, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll isostnu l-bażi tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tieħu wkoll inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-prinċipji stabbiliti mill-Karta kif ukoll l-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali (28).

27.      Id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, u b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u t-trattati oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE; u b’mod konsistenti mad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta (29). Dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati jipprovdu gwida siewja fl-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (30).

28.      L-istruttura ġenerali tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika hija kif ġej. Il-kelma “refuġjat” tirreferi, b’mod partikolari, għal ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li qiegħed barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità tiegħu, “minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat” għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, u ma jistax, jew “minħabba dan il-biża’”, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-“protezzjoni” ta’ dak il-pajjiż. Il-persuna kkonċernata għandu jkollha għalhekk, minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, biża’ ġustifikat li tkun is-suġġett ta’ persegwitu personali għal mill-inqas waħda mill-ħames raġunijiet elenkati fl-Artikoli 2(d) u 10 ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

29.      Skont l-Artikolu 4(3)(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tqis dan li ġej: (i) il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati; (ii) id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant, u (iii) il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant (31).

30.      L-Istat Sirjan u l-amministrazzjoni militari tiegħu jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju” msemmija fl-Artikolu 6(a) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.

31.      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika joħroġ mill-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Huwa biss l-Artikolu 12(2)(a) li huwa rilevanti f’dawn iċ-ċirkustanzi (32). L-atti elenkati f’din id-dispożizzjoni u fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra bħala li jwasslu għall-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat huma identiċi. Huma qiegħdin fejn ikun hemm “raġunijiet serji” biex jitqies li l-persuna inkwistjoni wettqet delitti kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti.

32.      Il-Karta tat-Tribunal Militari Internazzjonali (33) tiddefinixxi “delitt kontra l-paċi” bħala li jinvolvi l-ippjanar, it-tħejjija u l-bidu jew it-tmexxija ta’ gwerra ta’ aggressjoni, jew gwerra bi ksur ta’ trattati internazzjonali jew ftehimiet oħra. Delitt bħal dan min-natura tiegħu stess jista’ jsir biss minn persuna f’pożizzjoni għolja ta’ awtorità li jirrappreżenta Stat jew entità li tixbah lill-Istat (34). Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li EZ huwa żagħżugħ li evita s-servizz militari fis-Sirja billi ħarab mill-pajjiż. Il-possibbiltà, li kieku daħal fl-armata, li jkun sar, f’terminu ta’ sentejn, uffiċjal militari ta’ grad għoli biżżejjed sabiex ikun jista’ jwettaq delitt kontra l-paċi tista’, fil-fehma tiegħi, tkun eskluża b’mod sikur.

33.      Madankollu, l-espożizzjoni tal-kuntest fattwali u tal-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha jindikaw li, kieku daħal fis-servizz militari, EZ seta’ tabilħaqq ikun fir-riskju li jwettaq delitti ta’ gwerra u/jew delitti kontra l-umanità (35). Għadd ta’ strumenti internazzjonali jiddefinixxu “delitti ta’ gwerra”. Delitti bħal dawn jinkludu ksur serju ta’ regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali li jfittxu li jipproteġu persuni li ma humiex, jew li ma jkunux għadhom qiegħdin jieħdu sehem iktar fi ġlied, u li jirrestrinġu l-metodi u l-mezzi użati fit-taqbid ta’ gwerra. It-terminu delitti ta’ gwerra jkopri atti ta’ qtil u tortura volontarji ta’ nies ċivili (36). Delitti kontra l-umanità ikopru atti bħal ġenoċidju, omiċidju, stupru u tortura mwettqa bħala parti minn attakk mifrux jew sistematiku mmirat kontra popolazzjoni ċivili (37).

34.      L-għan prinċipali tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi ggarantit li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni sabiex jidentifikaw il-persuni li ġenwinament għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni (38). Il-kuntest ta’ din id-direttiva huwa essenzjalment umanitarju.

35.      Huwa importanti wkoll li jitfakkar li d-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika tintroduċi standards armonizzati minimi għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat (39). Għalhekk, huwa iktar importanti li jiġi żgurat li dawk ir-regoli jiġu applikati b’mod konsistenti u uniformi fl-Istati Membri kollha.

36.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Artikolu 9(2)(e) u (3) u l-Artikolu 10 għandhom jiġi interpretati.

 Id-domandi 4 u 5

37.      Permezz tad-domandi 4 u 5 il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (40). B’mod partikolari, tixtieq tkun aċċertata kif din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikoli 9(2)(e) u 10(1)(e).

38.      Permezz tad-domanda 4 tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 9(3) dwar il-“konnessjoni” ma’ raġuni ta’ persekuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 10, japplikax ukoll meta l-“att ta’ persekuzzjoni” huwa prosekuzzjoni jew kastig għal rifjut li jservi fl-armata f’kunflitt meta t-twettiq tas-servizz militari jinkludi l-parteċipazzjoni f’delitti tal-gwerra u/jew delitti kontra l-umanità (Artikolu 9(2)(e)).

39.      Huwa paċifiku bejn il-Bundesamt, il-Ġermanja u l-Kummissjoni li għandu dejjem ikun hemm rabta kawżali bejn l-atti ta’ persekuzzjoni u r-raġunijiet għal persekuzzjoni. EZ jikkontesta din il-pożizzjoni.

40.      Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika sostnuta mill-Bundesamt, il-Ġermanja u dik tal-Kummissjoni hija korretta.

41.      L-ewwel nett, l-interpretazzjoni kuntrarja hija inkompatibbli mad-definizzjoni stess ta’ refuġjat li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (persuna li għandha “biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni” għal mill-inqas waħda mill-ħames raġunijiet elenkati fih u li “ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż” (41).

42.      It-tieni nett, dan ikun espliċitament kuntrarju għall-kliem tal-imsemmi Artikolu 9(3), li jipprovdi li “għandu jkun hemm konnessjoni” (42) bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif deskritti fl-Artikolu 9(1) jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti (43).

43.      Hawnhekk, huwa utli li nħarsu lejn l-Artikolu 9, li jiddefinixxi dawn l-elementi li jippermettu li jitqiesu atti li jikkostitwixxu bħalapersekuzzjoni (44), iktar fid-dettall.

44.      L-Artikolu 9(1)(a) jiddikjara li l-atti rilevanti għandhom ikunu “serji biżżejjed” fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu “vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem”, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB. L-Artikolu 9(1)(b) jipprevedi li jkunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a), ukoll jitqies li jammonta għal persekuzzjoni. L-atti kollha ta’ persekuzzjoni allegati għandhom jissodisfaw il-limitu previst fl-Artikolu 9(1) sabiex applikant għall-ażil jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.

45.      L-Artikolu 9(2) jinkludi lista eteroġenja ta’ atti eventwali ta’ persekuzzjoni. Din il-lista hija biss ta’ eżempju. L-ewwel erba’ taqsimiet fil-lista kollha jiddeskrivu l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu minn attur ta’ persekuzzjoni jew perikolu serju kontra individwu. Il-ħames u s-sitt taqsimiet huma bbażati fuq azzjoni preliminari minn jew kwalità tal-individwu li wara jsofri t-trattament inkwistjoni. Minħabba li l-lista fl-Artikolu 9(2) hija illustrattiva, (“[...] jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’: […]”), atti oħra li mhumiex elenkati jistgħu madankollu jikkwalifikaw bħala atti ta’ persekuzzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 9(1)(a). (45) F’kull każ huwa ċar li att ta’ tip (jew forma) li huwa elenkat fl-Artikolu 9(2) għandu madankollu jilħaq il-livell ta’ severità speċifikat fl-Artikolu 9(1) qabel ma jikkwalifika bħala “att ta’ persekuzzjoni”.

46.      L-Artikolu 9(3) jagħmel kontroreferenza għall-Artikolu 9(1) (“l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu”), iżda ma jagħmel ebda riferiment għal-lista ta’ eżempji ta’ dawn l-atti fl-Artikolu 9(2). Din l-ommissjoni tista’ tkun żvista leġiżlattiva jew, għall-kuntrarju, tkun deliberata. Ma hemm xejn fid-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika nnifisha li jindika r-raġunijiet għal din l-ommissjoni. Jista’ jkun li ma hemm l-ebda referenza għall-Artikolu 9(2) fl-Artikolu 9(3) sempliċement minħabba li l-Artikolu 9(2) ma jiddefinixxix b’mod komprensiv atti ta’ persekuzzjoni (din hija l-funzjoni u l-iskop tal-Artikolu 9(1)) (46). Il-leġiżlatur seta’ qies li l-lista illustrattiva fl-Artikolu 9(2) ta’ dak li seta’ jkun fih atti li huma serji biżżejjed għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) kienet koperta b’mod impliċitu mill-Artikolu 9(1).

47.      Tkun xi tkun l-ispjegazzjoni ġusta, ma jidhirlix madankollu li huwa plawżibbli li jiġi implikat li, għal kull waħda mill-forom ta’ atti elenkati fl-Artikolu 9(2), ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn l-atti u r-raġunijiet għall-persekuzzjoni.

48.      It-tielet nett, tali interpretazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li jirreferi għall-persuni b’biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni “għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjonijiet politiċi”. Din id-definizzjoni hija riflessa naturalment fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (kif indikajt fil-punt 41 hawn fuq) li għandha tiġi interpretata b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (47). Ninnota wkoll li l-memorandum ta’ spjegazzjoni għad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika jiddikjara li l-leġiżlatur fittex li jiċċara fil-verżjoni riformulata ta’ din id-direttiva dak li huwa deskritt bħala r-“rekwiżit ta’ rabta kawżali” issa fl-Artikolu 9(3) (48).

49.      Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja irreferiet b’mod konsistenti għan-neċessità li tintwera rabta kawżali bejn il-biża’ ta’ atti ta’ persekuzzjoni u r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1). Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’kawżi li jikkonċernaw applikazzjonijiet għall-ażil minħabba raġunijiet ta’ reliġjon jew orjentazzjoni sesswali huma eżempji li jistgħu jiġu applikati faċilment b’analoġija għal din il-kawża (49).

50.      Il-ħames nett, ikun kuntrarju għall-għan tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika li tiġi injorata l-ħtieġa li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn ir-raġunijiet għal persekuzzjoni u l-atti ta’ persekuzzjoni jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti (50).

51.      Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha dejjem teżisti rabta kawżali bejn ir-raġunijiet għal persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) u l-atti ta’ persekuzzjoni ddefiniti fl-Artikolu 9(1), inkluż fil-każ fejn applikant għal protezzjoni internazzjonali jitlob li jiġi invokat l-Artikolu 9(2)(e) ta’ din id-direttiva.

52.      Fid-dawl li nipproponi risposta affermattiva għad-domanda 4, huwa neċessarju li tingħata risposta għad-domanda 5. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rabta kawżali fl-Artikolu 9(3) hijiex awtomatikament preżenti fil-każ fejn applikant għall-ażil jitlob li jinvoka l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. Inerenti f’din id-domanda hemm il-kwistjonijiet dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ tali talbiet skont l-Artikolu 4.

53.      EZ isostni li, meta applikant jinvoka oġġezzjoni tal-kuxjenza mit-twettiq tas-servizz militari, għandu jiġi kkunsidrat li, minħabba din l-oppożizzjoni, huwa jesprimi opinjoni politika u li ser ikun suġġett għal persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba l-fatt li tiġi imposta sanzjoni għal evażjoni tas-servizz militari.

54.      Il-Bundesamt isostni li ma jistax jiġi preżunt li l-individwi kollha li jirrifjutaw li jagħmlu s-servizz militari jistgħu jinvokaw l-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. Sabiex tintwera r-rabta kawżali neċessarja, għandu jkun evidenti għall-Istat Sirjan li l-persuna kkonċernata evitat is-servizz militari għal raġunijiet ta’ oġġezzjoni tal-kuxjenza; u dan għandu jiġi pprovat permezz ta’ manifestazzjoni esterna ta’ dawn il-fehmiet.

55.      Il-Ġermanja ssostni li minn dan ma jsegwix li teżisti rabta kawżali f’kull każ fejn l-applikanti jinvokaw l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. L-applikanti għandhom jagħtu prova tar-raġunijiet għal persekuzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jivverifikaw l-espożizzjoni tagħhom. Dan il-proċess ta’ verifika jista’ jinkludi riferimenti għal sorsi esterni fejn l-applikant indika l-opinjonijiet politiċi tiegħu, pereżempju billi jagħmel posts fuq pjattaformi pubbliċi permezz tal-internet.

56.      Il-Kummissjoni tqis li huwa ovvju minnu nnifsu li talbiet għal protezzjoni internazzjonali jeħtieġu eżami individwali f’kull każ. Il-fatti kollha għandhom jiġu evalwati skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. Ir-rifjut tas-servizz militari sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ parteċipazzjoni fid-delitti tal-gwerra jista’ jinftiehem bħala li jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda informazzjoni quddiemha li tindika liema fost il-ħames raġunijiet ta’ persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika EZ invoka. Id-deċiżjoni tar-rinviju tikkonstata li EZ isostni li, “indipendentement minn kull raġuni individwali, huwa qiegħed f’riskju ta’ persekuzzjoni fis-Sirja, b’mod partikolari minħabba t-titjira tiegħu li titlaq mis-Sirja u l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu fil-Ġermanja”. Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-Artikolu 10(1)(e) (opinjoni politika) huwa l-motiv rilevanti għal persekuzzjoni fil-każ ta’ EZ. Għalkemm din l-ipoteżi tista’ tkun korretta, mhux neċessarjament isegwi li din hija l-unika raġuni li tista’ tiġi applikata (51).

58.      Skont id-definizzjoni tal-kelma “refuġjat” li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu sodisfatti li teżisti persekuzzjoni jew riskju ta’ persekuzzjoni fir-rigward tal-applikant. L-Artikoli 9 u 10 moqrija flimkien ifissru li l-kunċett ta’ persekuzzjoni jinkludi kemm l-“att ta’ persekuzzjoni” kif ukoll ir-“raġunijiet għal persekuzzjoni” (52).

59.      Meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jinvoka l-Artikolu 9(2)(e) bħala “att ta’ persekuzzjoni”, u jkun f’pożizzjoni li juri li huwa jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi f’din id-dispożizzjoni (jiġifieri, li huwa qiegħed f’riskju li jiġi pproċessat jew issanzjonat talli jirrifjuta li jwettaq is-servizz militari u li, jekk huwa jservi fil-forzi armati, is-servizz tiegħu jista’ probabbilment jinkludi atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)) (53), huwa wkoll neċessarju li jiġi pprovat li huwa għandu opinjoni politika bħala “raġuni għal persekuzzjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(e)?

60.      Il-motivazzjoni tal-ħames domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tidher li hija li, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2)(e) huma ssodisfatti, l-applikant diġà wera l-elementi neċessarji tal-kunċett ta’ opinjoni politika. Huwa għamel dan għaliex huwa jopponi l-ideoloġija tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sabiex titmexxa gwerra b’mod li jinkludi t-twettiq ta’ delitti ta’ gwerra u/jew ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju.

61.      Jidhirli fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika li ma hemmx marġni ta’ awtomatizzazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ kull applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, fil-każ fejn applikant ifittex li jinvoka l-Artikolu 9(2)(e), bħala “att ta’ persekuzzjoni”, l-awtoritajiet kompetenti xorta għandhom jagħmlu evalwazzjoni skont l-Artikolu 10(1) sabiex jistabbilixxu r-raġunijiet għall-persekuzzjoni.

62.      L-Artikolu 10(1)(e) jiddikjara li l-“kunċett ta’ opinjoni politika” għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le.

63.      Din hija definizzjoni wiesgħa. Din tista’ tkopri kemm persuna li għandha opinjonijiet politiċi kemxejn differenti minn dawk tal-Gvern tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha kif ukoll individwi li diġà ġew identifikati bħala antagonisti politiċi (jew opponenti tal-Istat) u li qiegħdin jibżgħu li jitilfu l-libertà tagħhom jew fil-fatt ħajjithom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

64.      Barra minn hekk, il-kliem finali tal-Artikolu 10(1)(e), “kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le”, tagħmilha sempliċi li l-persuna kkonċernata ma għandhiex għalfejn tipprova li hija esprimiet l-opinjoni tagħha esternament, kemm fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha qabel ma telqet jew sussegwentement mill-pajjiż fejn hija titlob l-ażil. Hemm raġunijiet evidenti għaliex għandu jkun hekk. Taħt sistema repressiva, persuna li hija kuraġġjuża jew mgħaġġla wisq li titkellem tista’ tiġi arrestata jew imrażżna qabel ma tkun tista’ taħrab mill-pajjiż u tfittex ażil xi mkien ieħor.

65.      Għaldaqstant, jiena niċħad is-sottomissjonijiet tal-Bundesamt u tal-Gvern Ġermaniż inkwantu huma jsostnu li għandu jkun hemm manifestazzjoni esterna tal-opinjoni politika ta’ applikant sabiex huwa jinvoka l-Artikolu 10(1)(e). Din is-sottomissjoni hija inkompatibbli mal-formulazzjoni tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika u jmur kontra l-obbligi dettaljati ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4 tagħha (54).

66.      L-Artikolu 10(2) jippreċiża li “[f]il-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika [...] politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni” (enfasi miżjuda). Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti li jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil għandhom jistabbilixxu jew li l-persuna kkonċernata effettivament għandha l-opinjoni politika inkwistjoni, jew li huwa raġonevoli li wieħed jissuponi li l-attur ta’ persekuzzjoni (f’dan il-każ, l-Istat Sirjan) ser jimponilha tali opinjoni (55).

67.      Jekk ma hemmx biża’ ġustifikata minn persekuzzjoni, individwu ma jaqax taħt id-definizzjoni tat-terminu “refuġjat” (56). Għalhekk, il-biża’ fl-astratt tal-prosekuzzjoni u l-kastig għal min jaħrab mil-lieva ma tikkostitwixxix biża’ ġustifikata minn persekuzzjoni għall-finijiet tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. Bl-istess mod, persuna li l-oġġezzjonijiet tagħha għal li tiġi miġbura bil-lieva huma bbażati fuq l-opportuniżmu (“irrid inkompli bil-karriera tiegħi, mhux naħli l-ħin fil-militar”) jew xewqa li tevita t-tbatija u r-riskji potenzjali tas-servizz militari ma taqax fi ħdan l-iskop tad-direttiva (57).

68.      Id-determinazzjoni meħtieġa tista’ ssir biss wara evalwazzjoni fil-fond, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.

69.      Hawnhekk ninnota li dritt għall-oġġezzjoni ta’ kuxjenza huwa rikonoxxut fid-dritt internazzjonali, għalkemm ma hemm l-ebda definizzjoni komprensiva ta’ tali dritt (58). L-importanza tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon ukoll ġiet enfasizzata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“il-Qorti ta’ Strasburgu”). Dan jitqies bħala wieħed mill-pedamenti ta’ soċjetà demokratika (59). Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 9 tal-KEDB (li huwa rifless fl-Artikolu 10 tal-Karta) testendi ħafna lil hinn mill-espressjoni tat-twemmin reliġjuż. Hija tapplika għall-kundanni personali, politiċi, filosofiċi u morali kollha. Il-Qorti ta’ Strasburgu ddeċidiet li l-oppożizzjoni għas-servizz militari tista’ tikkostitwixxi kundanna ta’ koġenza, serjetà, koeżjoni u importanza biżżejjed li tkun protetta mill-Artikolu 9(1) tal-KEDB (60). Il-Qorti ta’ Strasburgu ddikjarat ukoll li huwa leġittimu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jintervistaw lill-persuna kkonċernata biex jevalwaw is-serjetà tat-twemmin tagħha u jfixklu l-attentati ta’ użu ħażin tal-garanziji previsti mill-Artikolu 9 tal-KEDB (61). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet korrispondenti għal dawk fl-Artikolu 9 tal-KEDB, stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati bħala li jkopru oġġezzjoni għas-servizz militari għal raġunijiet ta’ kuxjenza.

70.      Fil-kuntest tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, l-Artikolu 4(1) jippermetti lill-Istati Membri li jimponu fuq l-applikanti “[...] [l]i jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali [...]”. Madankollu, din id-dispożizzjoni toħloq ukoll dmir pożittiv fuq l-Istati Membri biex jaġixxu f’kooperazzjoni mal-applikant biex jevalwaw l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu. L-evalwazzjoni għandha ssir fuq bażi individwali u għandha tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni individwali tal-applikant u ċ-ċirkustanzi personali tiegħu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika tirrikonoxxi li applikant mhux dejjem ikun jista’ jissostanzja t-talba tiegħu bi provi dokumentali jew xort’oħra. Meta l-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti, tali prova ma hijiex meħtieġa (62).

71.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni tal-applikant tikkostitwixxi biss il-punt tat-tluq tal-evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti (63). L-għan ta’ din l-evalwazzjoni huwa li jiġi żgurat li l-għanijiet tas-SEKA jintlaħqu: jiġifieri li jirrestrinġi l-istatus ta’ refuġjat għal individwi li jistgħu jiġu esposti għal ċaħda serja jew ksur sistematiku tad-drittijiet l-iktar fundamentali tagħhom u li l-ħajja tagħhom għalhekk saret intollerabbli fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (64). Iċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk f’Shepherd (65) (li kienu jikkonċernaw suldat reklutat iktar milli xi ħadd li ħarab biex jevita l-iskrizzjoni). Madankollu, din il-kawża tipprovdi punt ta’ tluq utli. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat hemmhekk li tkun membru tal-militar hija prekundizzjoni neċessarja iżda mhux suffiċjenti sabiex tqajjem l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. Din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod esklużiv għas-sitwazzjoni ta’ kunflitt li fiha “huwa s-servizz militari nnifsu li jippreżupponi l-kummissjoni ta’ delitti ta’ gwerra” (l-applikant individwali ma għandux juri li huwa ser ikun immexxi biex jikkommetti personalment dawn id-delitti). Iżda “l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jittieħed oġġettivament il-kuntest ġenerali li fih dan is-servizz jiġi eżerċitat”. Il-protezzjoni tista’ tiġi estiża biss għall-persuni l-oħra li l-missjonijiet tagħhom jistgħu, “b’mod suffiċjentement dirett u bi plawżibbiltà raġonevoli”, iwassluhom sabiex jipparteċipaw f’tali atti. Madankollu, peress li l-Artikolu 9(2)(e) huwa intiż sabiex jipproteġi lill-applikant li jopponi s-servizz militari għaliex ma jkunx irid li dan jesponih ir-riskju li jikkommetti, fil-futur, atti tan-natura bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 12(2), il-persuna kkonċernata “tista’ għalhekk tinvoka biss il-probabbiltà” li atti bħal dawn iseħħu. L-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali skont l-Artikolu 4(3) tista’ tibbaża ruħha unikament, “fuq firxa ta’ indizji, li huma biss tali li jistabbilixxu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, li s-sitwazzjoni ta’ dan is-servizz tirrendi plawżibbli l-kommissjoni ta’ dawn l-atti” (enfasi miżjuda) (66).

72.      Ir-regoli proċedurali rilevanti li jirregolaw it-twettiq ta’ din l-evalwazfzjoni jinsabu fid-Direttiva tal-Proċeduri, iktar milli fid-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (67). Jidhirli li, fil-każ fejn l-applikanti jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 9(2)(e), inevitabbilment ser ikun hemm sovvrappożizzjoni sinjifikattiva bejn l-evalwazzjoni dwar jekk hemmx “att ta’ persekuzzjoni” skont dik id-dispożizzjoni u l-evalwazzjoni dwar jekk l-applikant weriex “raġuni għal persekuzzjoni” skont l-Artikolu 10. Ikun kemm artifiċjali kif ukoll ta’ piż żejjed li jintalab li applikant juri l-elementi enfasizzati mis-sentenza Shepherd (68) sabiex juri li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 9(2)(e) ġew issodisfatti u mbagħad jipprovawhom kollha mill-ġdid sabiex juri li l-gvern ta’ pajjiżu kellu ideoloġija li tapprova l-kummissjoni ta’ delitti tal-gwerra mill-armata tiegħu li kontriha huwa jista’ jkun oppost b’mod plawżibbli.

73.      Fir-rigward tar-raġunijiet għal persekuzzjoni skont l-Artikolu 10(1), id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax jekk EZ jiddikjara li huwa objettur ta’ kuxjenza għaliex huwa paċifist u joġġezzjonax għal kull użu tal-forza militari jew jekk l-oġġezzjonijiet tiegħu humiex ibbażati fuq raġunijiet iktar limitati. Dawn ir-raġunijiet jistgħu b’mod plawżibbli jinkludu l-fatt li l-gwerra fis-Sirja hija gwerra ċivili u li l-metodi użati mill-Istat Sirjan jinvolvu it-twettiq ta’ delitti ta’ gwerra u jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali (69). Huwa leġittimu għall-awtoritajiet kompetenti li jfittxu li jaċċertaw in-natura tal-oġġezzjoni tiegħu.

74.      Meta jagħmlu din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-punti li ġejjin.

75.      L-oġġezzjoni għas-servizz militari timplika neċessarjament ċertu kunflitt ta’ valuri bejn l-awtoritajiet u l-persuna li toġġezzjona. Għalhekk, iż-żamma ta’ opinjoni jew ta’ ħsieb jew twemmin dwar dawn l-attivitajiet tal-Istat Sirjan tista’ tikkostitwixxi ż-żamma ta’ opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.

76.      Jekk jiġi stabbilit li l-applikant joġġezzjona, għal raġunijiet ta’ kuxjenza, minn li jwettaq is-servizz militari, il-pass segwenti fl-evalwazzjoni huwa li jiġi stabbilit jekk jeżistux elementi oġġettivi u suġġettivi li jindikaw li huwa għandu biża’ ġustifikata li jiġi ppersegwitat minħabba l-opinjoni politika jew it-twemmin tiegħu.

77.      Fir-rigward tal-elementi oġġettivi, fejn il-persunal militari jiġi reklutat permezz tal-iskrizzjoni, dan huwa element oġġettiv li għandu t-tendenza li jindika li individwu li jopponi li jwettaq tali servizz militari obbligatorju jista’ probabbilment imur kontra l-awtoritajiet statali tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

78.      Jekk il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jimpenja ruħu b’mod attiv li jmexxi gwerra u li hemm — bħal f’dan il-każ — provi li din il-gwerra hija mfittxija bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u li jinvolvi inċidenti sistematiċi u rrepetuti ta’ delitti ta’ gwerra dokumentati minn sorsi reputabbli, dan huwa materjal oġġettiv b’saħħtu insostenn ta’ talba għall-istatus ta’ refuġjat ibbażata fuq l-Artikolu 10(1)(e) (70).

79.      Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk teżistix possibbiltà reali u vijabbli għall-persuna kkonċernata li teżerċita funzjonijiet militari alternattivi sabiex tissodisfa l-obbligi tas-sejħa tagħha. In-nuqqas ta’ proċedura ta’ kisba jew ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ objettur ta’ kuxjenza fil-pajjiż ta’ oriġini huwa wkoll element rilevanti. Meta l-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika interna fil-pajjiż ta’ oriġini ma jipprovdux mezz leġittimu ta’ oppożizzjoni għas-servizz militari, ma huwiex eskluż li l-evażjoni tas-servizz militari hija minnha nnifisha pperċepita mill-Istat bħala l-espressjoni ta’ opinjoni politika (71).

80.      In-natura u l-gravità tas-sanzjonijiet u tat-trattament mwettqa fuq il-persuni li jirrifjutaw li jwettqu s-servizz militari fis-Sirja huma kunsiderazzjonijiet rilevanti, kif ukoll jekk is-sanzjoni għal evażjoni tas-servizz militari huwiex sproporzjonat jew gravi (72).

81.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-liġijiet dwar l-iskrizzjoni japplikaw normalment għall-adulti relattivament żgħar. Jista’ jkun li tali applikant għall-ażil jippreżenta raġunament inqas sofistikat minn dak li jista’ jkun mistenni minn persuna iktar anzjana f’każijiet bħal dawn (73).

82.      Minħabba l-materjal abbundanti li jiddokumenta s-sistema tal-iskrizzjoni u t-trattament gravi ta’ min jaħrab il-lieva fis-Sirja, ikun irraġonevoli b’mod sħiħ li wieħed jistenna li l-applikanti jipprovdu evidenza li huma informaw lill-awtoritajiet militari Sirjani bl-oġġezzjonijiet tagħhom li jwettqu servizz militari qabel ma jaħarbu mis-Sirja (74). Lanqas ma nista’ nara raġuni tajba sabiex l-applikanti għall-ażil jintalbu jissottomettu evidenza li jkunu għamlu posts fuq il-midja soċjali pubblikament li jikkundannaw it-twettiq tal-gwerra fis-Sirja (preżumibbilment, ladarba jkunu barra mill-pajjiż bla perikolu). Tali rekwiżit iwassal għal applikazzjoni artifiċjali ħafna tad-Direttiva.

83.      Ser inżid għall-finijiet ta’ ordni tajba li EZ jista’ jkun li jixtieq jinvoka raġunijiet oħra elenkati fl-Artikolu 10(1), bħalma huma s-sħubija fi grupp soċjali partikolari (Artikolu 10(1)(d) (75)) jew it-twemmin reliġjuż (Artikolu 10(1)(b)). Ikun xi jkun il-motiv jew raġunijiet ta’ persekuzzjoni li jfittex li jinvoka, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-obbligu li jagħmlu evalwazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika (76).

84.      X’inhu l-każ ta’ EZ fil-kawża prinċipali?

85.      Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, EZ għandu jingħata l-istatus ta’ refuġjat jekk huwa jikkwalifika bħala “refuġjat” għall-finijiet tal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva. Naturalment, din l-evalwazzjoni taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali. Jidhirli li huwa utli li jiġu enfasizzati l-elementi li ġejjin.

86.      EZ laħaq l-età ta’ 25 sena meta spiċċa l-istudji universitarji tiegħu. F’dak il-mument, is-servizz militari tiegħu kien għadu pospost. Huwa kellu 26 sena meta wasal il-Ġermanja u 27 sakemm ippreżenta t-talba għall-ażil tiegħu. EZ kien jaqa’ taħt il-grupp ta’ dawk identifikati mil-leġiżlazzjoni Sirjana bħala eliġibbli għall-iskrizzjoni; u leġiżlazzjoni Sirjana ma għandhiex dritt għal oġġezzjoni ta’ kuxjenza (77). Ma hemmx provi li l-awtoritajiet militari waqqfu ir-reklutaġġ ta’ persunal. Jidher li ma hemmx alternattiva kredibbli għas-servizz militari għal dawk li joġġezzjonaw li jservu fl-armata. Huwa dokumentat sew li individwi li jirrifjutaw li jservu huma suġġetti għal sanzjonijiet ħorox. Filwaqt li tiddikjara fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li, fill-gwerra ċivili Sirjana, il-kummissjoni ta’ delitti ta’ gwerra fis-sens tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva hija dispersa u hemm diversi ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju ddokumentat, il-qorti tar-rinviju tirrifletti l-konklużjonijiet ta’ diversi korpi internazzjonali. Dawn kollha huma elementi oġġettivi li jappoġġjaw il-konklużjoni li huwa plawżibbli li persuna bħal EZ ikollha opinjoni politika bħala objettur ta’ kuxjenza għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.

87.      Skont id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jivverifikaw jekk l-espożizzjoni ta’ EZ dwar ir-raġunijiet għal persekuzzjoni hijiex kredibbli. Iqisuh li huwa onest? L-espożizzjoni tiegħu hija plawżibbli?

88.      F’dan ir-rigward, jista’ jkun rilevanti li, meta EZ ħarab mis-Sirja, is-sejħa tiegħu kienet imminenti (tliet xhur qabel l-iskadenza tal-posponiment). F’dan il-mument, kien għalhekk probabbli ħafna li, jekk isir suldat suġġett għal-lieva, huwa kien ser ikun involut fil-gwerra ċivili. Dawn l-elementi huma manifestament rilevanti għal kull evalwazzjoni skont id-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.

89.      Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li, meta applikant għall-ażil ifittex li jinvoka l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika bħala att ta’ persekuzzjoni, l-invokazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix awtomatikament li l-persuna kkonċernata għandha biża’ ġustifikata minn persekuzzjoni minħabba l-fatt li hija għandha opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tagħha. Huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jaġixxu taħt l-istħarriġ tal-qrati, li għandhom jistabbilixxu jekk hemmx rabta kawżali għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Fit-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, l-elementi li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti: jekk il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant qiegħed imexxi gwerra; in-natura u l-mezzi użati mill-awtoritajiet militari f’tali gwerra; id-disponibbiltà ta’ rapporti tal-pajjiż li jiddokumentaw kwistjonijiet bħal jekk ir-reklutaġġ għas-servizzi militari huwa permezz tal-lieva; jekk in-natura ta’ objettur ta’ kuxjenza hija rikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali u, jekk huwa hekk, il-modalitajiet tal-iffissar ta’ tali status; it-trattament ta’ dawk suġġetti għall-iskrizzjoni li jirrifjutaw li jwettqu servizz militari; l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ alternattivi għas-servizz militari; u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, inkluża l-età tiegħu.

 Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi 4 u 5 magħmula mill-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) Hannover (il-Ġermanja) b’dan il-mod:

–        L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu dejjem ikun hemm rabta kawżali bejn ir-raġunijiet għal persekuzzjoni fl-Artikolu 10(1) u l-atti ta’ persekuzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9(1), inkluż fil-każ fejn applikant għal protezzjoni internazzjonali jitlob li jiġi invokat l-Artikolu 9(2)(e) ta’ din id-direttiva.

–        Meta applikant għall-ażil ifittex li jinvoka l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2011/95/UE bħala att ta’ persekuzzjoni, l-invokazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix awtomatikament li l-persuna kkonċernata għandha biża’ ġġustifikat li tiġi persegwitata minħabba l-fatt li hija għandha opinjoni politika fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tagħha. Huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jaġixxu taħt l-istħarriġ tal-qrati, li għandhom jistabbilixxu jekk hemmx rabta kawżali għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Fit-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, l-elementi li ġejjin jistgħu jkunu rilevanti: jekk il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant qiegħed imexxi gwerra; in-natura u l-mezzi użati mill-awtoritajiet militari f’tali gwerra; id-disponibbiltà ta’ rapporti tal-pajjiż li jiddokumentaw kwistjonijiet bħal jekk ir-reklutaġġ għas-servizzi militari huwiex permezz tal-lieva; jekk in-natura ta’ objettur ta’ kuxjenza hijiex irrikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali u, jekk huwa hekk, il-modalitajiet tal-iffissar ta’ tali status; it-trattament ta’ dawk suġġetti għall-iskrizzjoni li jirrifjutaw li jwettqu servizz militari; l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ alternattivi għas-servizz militari; u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, inkluża l-età tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, C‑472/13, EU:C:2015:117.


3      Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika”).


4      Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (“il-Protokoll”). Oriġinarjament, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kienet limitata għall-persuni li kienu qiegħdin jaħarbu mill-avvenimenti li seħħew qabel l‑1 ta’ Jannar 1951 u fl-Ewropa. Il-Protokoll tal‑1967 neħħa dawn il-limitazzjonijiet u ta lill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kopertura universali.


5      L-Artikolu 1(F)(b) u (c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jipprevedu rispettivament li l-Konvenzjoni ma tapplikax għal persuna li tikkommetti delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju, jew li tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.


6      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB’).


7      Premessi 3 u 4.


8      Premessa 12.


9      Premessa 16.


10      Premessa 17.


11      Premessa 22.


12      Premessa 23.


13      Premessa 24.


14      Premessa 29.


15      Ara l-punt 13 iktar ’il quddiem.


16      L-Artikolu 15(2) tal-KEDB jelenka dawk id-drittijiet li ma hemmx deroga minnhom, bħad-dritt għall-ħajja.


17      Ara l-punt 13 iktar ’il quddiem.


18      Bl-istess mod, dispożizzjoni parallela (Artikolu 17(1)(a)) teskludi li tali persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid li l-kliem tal-Artikolu 12(2)(b) u (c) u l-esklużjonijiet paralleli tal-protezzjoni sussidjarja msemmija fl-Artikolu 17(1)(b) u (c) huma simili għall-Artikolu 1(F)(b) u (c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


19      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) (iktar ’il quddiem, “id-Direttiva tal-Proċeduri”).


20      Artikolu 3(1).


21      Artikolu 10(3).


22      “Zwischen den in § 3 Absatz 1 Nummer 1 in Verbindung mit den in § 3b gennanten Verfolgungsgründen und den in Absätzen 1 und 2 als Verfolgung eingestuften Handlungen oder dem Fehlen von Schutz vor solchen Handlungen muss eine Verknüpfung bestehen” (enfasi miżjuda).


23      Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.


24      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal din il-konstatazzjoni fattwali b’mod estensiv.


25      Il-qorti tar-rinviju tiċċita, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana A/HRC/34/64, tat‑2 ta’ Frar 2017.


26      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tiċċita r-Riżoluzzjoni A/71/L.48 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tad‑19 ta’ Diċembru 2016, intitolata “Mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti li jassisti fl-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tal-persuni responsabbli għad-delitti l-iktar gravi tad-dritt internazzjonali mwettqa fir-Repubblika Għarbija Sirjana minn Marzu 2011” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


27      Il-qorti tar-rinviju tindika fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li l-ġurisprudenza hija kondiviża fuq livell nazzjonali dwar jekk għandux ikun hemm rabta kawżali fil-każ fejn l-applikanti għall-ażil jinvokaw l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.


28      Il-premessi 3, 4, 16 u 17 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.


29      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Shepherd (C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara l-premessa 22 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika. Il-“Manwal dwar il-proċeduri u l-kriterji għad-Determinazzjoni tal-Istatus ta’ Refuġjat fid-dawl tal-Konvenzjoni tal‑1951 u tal-Protokoll tal‑1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati” reċentement irreveduti fi Frar 2019 (iktar ’il quddiem “il-Manwal”) kif ukoll il-Linji Gwida dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 10 “Talbiet għall-Istatus ta’ Refuġjat marbuta mas-Servizz Militari fil-kuntest tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni tal‑1951 u/jew tal-Protokoll tal‑1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“il-Linji Gwida tal-UNHCR Nru 10”), fil-(verżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2014), huma partikolarment rilevanti f’dan il-każ. Għalkemm, l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma huwa legalment vinkolanti, madankollu, jirriflettu prinċipji stabbiliti tad-dritt internazzjonali.


31      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Shepherd (C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Il-motivi 12(2)(b) u (c) huma riprodotti fl-Artikolu 1(F)(b) u (c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u għalhekk ma humiex rilevanti hawnhekk (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq).


33      Karta tat-Tribunal Militari Internazzjonali, iffirmata f’Londra fit‑8 ta’ Awwissu 1945.


34      Ara, pereżempju, il-punt 11 tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni: L-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-klawżoli ta’ esklużjoni”).


35      Ara l-punti 21 sa 23 hawn fuq.


36      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Shepherd (C‑472/13, EU:C:2014:2360, punti 41 sa 43).


37      Il-Qorti tar-rinviju tiċċita f’dan ir-rigward diversi rapporti u riżoluzzjonijiet. Dawn jinkludu ir-Rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, A/HRC/39/65 tad‑9 ta’ Awwissu 2018, ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar “is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana”, A/HRC/38/L20, tat‑2 ta’ Lulju 2018; kif ukoll dokument tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Internazzjonali Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti “Abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fir-Repubblika Għarbija Sirjana, mill‑21 ta’ Lulju 2017 sat‑28 ta’ Frar 2017”, A/HRC/34/CRP.3 tal‑10 ta’ Marzu 2017.


38      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.


39      Artikolu 3 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.


40      L-Artikolu 9(3) jagħmel kontroreferenza għall-Artikolu 9(1) iżda — jista’ jkun b’mod kurjuż — ma jsemmix il-lista (mhux eżawrjenti) tal-“atti ta’ persekuzzjoni” li tinsab fl-Artikolu 9(2). Ara wkoll il-punt 45 iktar ’il quddiem.


41      Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.


42      Enfasi miżjuda.


43      Ara wkoll il-punt 45 iktar ’il quddiem.


44      Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 53.


45      Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.


46      Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.


47      Ara l-premessa 24 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika.


48      Ara l-Proposta tal-Kummissjoni COM (2009) 551 finali tal‑21 ta’ Ottubru 2009, p. 7 u 8: “F’ħafna każijiet fejn il-persekuzzjoni tirriżulta minn atturi mhux Statali, bħal milizji, klannijiet, netwerks kriminali, komunitajiet lokali jew familji, l-att ta’ persekuzzjoni ma jitwettaqx għal raġunijiet marbuta ma’ motivi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iżda, pereżempju, ma’ motivazzjonijiet kriminali jew minn vendetta privata. Madankollu, ħafna drabi jiġri f’dawn il-każijiet li l-Istat ma jistax jew ma jridx jipprovdi protezzjoni għall-individwu kkonċernat minħabba raġuni relata mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (per eżempju reliġjon, sess, etniċità eċċ). Il-proposta, sabiex tindirizza lacunae fil-protezzjoni potenzjali, tispjega b’mod espliċitu li r-rekwiżit ta’ konnessjoni bejn l-atti ta’ persekuzzjoni u r-raġunijiet għal persekuzzjoni hija sodisfatta wkoll fejn hemm konnessjoni bejn l-atti ta’ persekuzzjoni u n-nuqqas ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn”. Enfasi bħal fit-test oriġinali [traduzzjoni mhux uffiċjali].


49      Sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 55, dwar ir-reliġjon u tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et., C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 60, dwar l-orjentazzjoni sesswali.


50      Ara l-premessa 29 tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika, li tenfasizza li l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali hija “[w]aħda mill-kundizzjonijiet sabiex wieħed jikkwalifika għal status ta’ refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”.


51      Ara wkoll il-punt 83 iktar ’il quddiem.


52      Ara l-konklużjonijiet tal-mibki ħabib u kollega stimat Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:224, punti 21 u 22).


53      Ara l-punti 31 sa 33 hawn fuq.


54      Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punti 31 u 32.


55      Ara l-Linji Gwida tal-UNHCR Nru 10, punt 51.


56      Ara l-Manwal,punti 80 sa 83. Ara wkoll il-kummentarju tal-Artikolu 12(e), li sar l-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni dwar l-ewwel verżjoni ta’ din id-direttiva (Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi bħala refuġjati jew bħala persuni li għal raġunijiet oħra jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni li tingħata) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) (f’COM(2001) 510).


57      Ara l-Manwal, punti 167 u 168.


58      Għalhekk, kemm l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jippreċiżaw li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon (dawn id-dispożizzjonijiet huma ċċitati rispettivament fil-punti 8 u 9 tal-Linji Gwida tal-UNHCR Nru 10). Fil-punt 3 ta’ dawn il-Linji Gwida, l-oġġezzjoni tal-kuxjenza hija ddefinita bħala oġġezzjoni għas-servizz militari li tirriżulta mill-prinċipji u mir-raġunijiet ta’ kuxjenza, inkluża konvinzjoni profonda li tirriżulta minn motivazzjonijiet reliġjużi, morali, etiċi, umanitarji jew simili.


59      Sentenza tad‑29 ta’ April 2016, Izzettin Doğan et vs It-Turkija [GC], ECLI:CE:ECHR:2016:0426JUD006264910, punt 109. Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-Artikolu 9 tal-KEDB, ara wkoll id-deċiżjoni iktar antika, iżda magħrufa, rapport tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Ottubru 1978, DR 19, Arrowsmith vs Ir-Renju Unit, Nru 7050/75, dwar il-protezzjoni mogħtija kemm lil opinjonijiet u konvinzjonijiet reliġjużi u mhux reliġjużi li jinkludu konvinzjonijiet filosofiċi koerenti u sinċerament miżmuma, bħall-paċiżmu.


60      Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2011, Bayatyan vs L-Armenja, ECLI:CE:ECHR:2011:0707JUD002345903 [GC], punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata.


61      Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Papavasilakis vs Il-Greċja, ECLI:CE:ECHR:2016:0915JUD006689914, punt 54.


62      Ara l-punt 9 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq, ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et., C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punti 50, 51 u 58).


63      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 28.


64      Ara, pereżempju, (dwar il-konvinzjoni reliġjuża), il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:224, punt 28).


65      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, C‑472/13, EU:C:2015:117.


66      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punti 34 sa 40.


67      Ara l-punt 15 iktar ’il fuq kif ukoll is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


68      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, C‑472/13, EU:C:2015:117.


69      Ara, pereżempju, ir-rapport “Oġġezzjoni tal-Kuxjenza għal Servizz Militari” imfassal skont ir-Riżoluzzjonijiet 1 (XXXIV) u 1982/30 tas-Sottokummissjoni għall-Prevenzjoni tad-Diskriminazzjoni u l-Ħarsien tal-Minoranzi minn Asbjern Eide u Chama Mubanga-Chipoya, punt 33 (iktar ’il quddiem,“ir-Rapport: Oġġezzjoni tal-Kuxjenza għal Servizz Militari”).


70      Ara l-Linji Gwida tal-UNHCR Nru 10, punt 44.


71      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq u l-Linji Gwida tal-UNHCR Nru 10, paragrafu 52.


72      Ara l-Manwal tan-Nazzjonijiet Uniti, paragrafu 169.


73      Ir-Rapport: Oġġezzjoni tal-Kuxjenza għal Servizz Militari, paragrafu 91.


74      Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.


75      Mill-fatti esposti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Frar 2015, Shepherd (C‑472/13, EU:C:2015:117), jirriżulta li Shepherd invoka l-motiv dwar is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali (Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva dwar Standards għall-Kwalifika) fl-applikazzjoni tiegħu għall-istatus ta’ refuġjat.


76      Il-Manwal tan-Nazzjonijiet Uniti, paragrafu 66.


77      Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.