Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Lussemburgu) fid-9 ta’ Marzu 2020 – XI vs Caisse pour l’avenir des enfants

(Kawża C-129/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: XI

Konvenut: Caisse pour l’avenir des enfants

Domandi preliminari

Il-klawżoli 1.1., 1.2. u 2.1., 2.3.(b) tal-Ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 bejn l-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija UNICE, CEEP u ETUC, implimentat bid-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern, bħall-Artikolu 29bis tal-loi modifiée du 16 avril 1979 fixant le statut général des fonctionnaires de l’État (il-Liġi Emendata tas-16 ta’ April 1979 li Tistabbilixxi l-Istatut Ġenerali tal-Persunal tal-Istat) fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tat-22 ta’ Diċembru 2006 (Mémorial, A, 2006, Nru°242, p. 4838), li tissuġġetta l-għoti tal-leave parentali għall-kundizzjoni doppja li l-ħaddiem ikun impjegat legalment f’post tax-xogħol u affiljat f’dan ir-rigward mas-sigurtà soċjali, minn naħa, mingħajr interruzzjoni matul minn tal-inqas tnax-il xahar kontinwu immedjatament qabel il-bidu tal-leave parentali u, min-naħa l-oħra, fil-mument tat-twelid jew tal-akkoljenza tal-wild jew tal-ulied li għandhom jiġu adottati, fejn l-osservanza ta’ din it-tieni kundizzjoni hija meħtieġa anki jekk it-twelid jew l-akkoljenza jkunu seħħew iktar minn tnax-il xahar qabel il-bidu tal-leave parentali?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 285.