Language of document : ECLI:EU:C:2020:488

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestatura tariffarja 7407 – Vireg u profili tar-ram – Ingotti tar-ram jew tal-liga tar-ram, ta’ għamla rettangolari, li ġew irrumblati bis-sħana”

Fil-Kawża C‑340/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2019, fil-proċedura

Valsts ieņēmumu dienests,

vs

SIA “Hydro Energo”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, L. Bay Larsen u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Latvjan, minn V. Soņeca u V. Kalniņa, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn E. Kalniņš, A. Caeiros, L. Ozola u M. Salyková, sussegwentement minn E. Kalniņš, L. Ozola u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura tariffarja 7407 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 282, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 290, p. 6, ĠU 2012, L 52, p. 32 u ĠU 2012, L 226, p. 8).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Valsts ieņēmumu dienests (l-Awtorità tat-Taxxa, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“VID”), minn naħa, u SIA “Hydro Energo”, min-naħa l-oħra, dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-ingotti tar-ram jew tal-liga tar-ram li ġew irrumblati bis-sħana.

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-SA u n-Noti ta’ Spjega tas-SA

3        Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), ġie stabbilit mill-konvenzjoni li twaqqaf kunsill għall-kooperazzjoni doganali, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4        Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti għandha tiżgura, b’mod partikolari, li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet u mingħajr bidliet, kif ukoll il-kodiċi relatati magħhom u li ssegwi s-sekwenza numerika tal-imsemmija sistema. L-istess dispożizzjoni timponi fuq il-partijiet kontraenti l-obbligu li japplikaw ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma jbiddlux il-portata tagħhom.

5        L-ODD għandha tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

6        In-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 74 ta’ din is-sistema, intitolata “Ram u oġġetti tiegħu”, tipprevedi:

“1.      F’dan il-kapitlu, dawn l-espressjonijiet għandhom it-tifsiriet mogħtijin lilhom hawnhekk:

[…]

d)      Biċċiet (bars) u vireg

Prodotti rrumblati, maħruġin, miġbudin jew mikwijin fil-forġa, mhux f’koljaturi, li għandhom wiċċ ta’ qatgħa solidu uniformi matulhom kollha f’għamla ta’ ċrieki, ovali, rettangoli (inklużi kwadri), triangoli ekwilaterali jew poligoni konvessi regolari (inklużi “ċrieki ċċatjati” u “rettangoli modifikati”, li minnhom żewġ ġnub opposti huma arki konvessi, iż-żewġt iġnub l-oħra dritti, l-istess tul u paralleli). Prodotti b’wiċċ ta’ qatgħa rettangulari (inkluż kwadru), triangulari jew poligonali jistgħu jkollhom il-kantunieri ttundjati matulhom kollu. Il-ħxuna ta’ dawn il-prodotti li għandhom wiċċ ta’ qatgħa rettangulari (inkluż “rettangulari modifikat”) taqbeż wieħed-minn-għaxra tal-wisgħa. L-espressjoni tkopri ukoll prodotti ikkastjati jew mgħaqqdin bis-sħana, ta’ l-istess forom u qisien, li nħadmu aktar wara l-produzzjoni (ħlief b’sempliċiment tirqim jew tneħħija tal-ġebla), sakemm b’hekk huma ma assumewx il-karattru ta’ oġġetti jew prodotti ta’ titli oħrajn.

Biċċiet ta’ wajer sħaħ u billetti bit-trufijiet tagħhom ġejjin għal ponta jew maħdumin mod ieħor sempliċiment biex iħaffu d-dħul tagħhom fil-magni biex jikkonvertuhom, per eżempju fi drawing stock (virga tal-wajer) jew f’tubi għandhom iżda jittieħdu bħala ram mhux maħdum ta’ titlu 7403.

[…]

Dan il-kapitolu jinkludi:

Il-mattes u prodotti intermedji oħrajn ta’ metallurġija tar-ram, il-forom mhux maħduma tar-ram li fihom jinkiseb il-metall u l-iskart u l-fdal (Nri 7401 sa 7405).

Trabijiet u qxur ta’ ram (Nru 7406).

Il-prodotti semi-manifatturati, ġeneralment miksuba permezz ta’ rrumblar, ġbid jew forġa tar-ram tan-Nru 7403 (Nri 7407 sa 7410).

[…]”

7        In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 7403 tipprovdi b’mod partikolari:

“Jaqgħu wkoll taħt din l-intestatura l-biċċiet u vireg, ingotti, eċċ. maqtugħin, immudellati jew magħqudin bis-sħana, bil-kundizzjoni li ma jkunux irċevew, wara li jkunu nkisbu, kwalunkwe tip ta’ ħidma iktar minn tirqim jew permezz tat-tneħħija tas-saff tas-superfiċji (komposta fil-parti l-kbira tagħha minn ossidu tar-ram) jew minn tqaxxir, ikkastjar, eċċ, sabiex jiġu eliminati d-difetti li dehru mas-solidifikazzjoni jew mal-ikkastjar, jew dawk li superjfiċje minnhom tħaddmet għal finijiet ta’ kontroll (tal-kwalità).

Il-prodotti magħqudin bis-sħana jinkisbu minn trab tar-ram jew minn ligi tar-ram jew minn trab tar-ram imħallat ma’ trab ta’ metalli oħra, permezz ta’ pressjoni (kompressjoni) u tagħqid bis-sħana (tisħin b’temperatura xierqa taħt il-punt ta’ fużjoni tal-metalli). Fl-istat ta’ tagħqid bis-sħana, il-prodotti huma porużi u ta’ kwalità mekkanika dgħajfa u ġeneralment jiġu rrumblati, miġbuda, forġati, eċċ, sabiex tintlaħaq id-densità adegwata. Dawn il-prodotti rrumblati, eċċ., huma esklużi (Nri 7407, 7409, pereżempju).

Din l-intestatura tkopri wkoll il-biċċiet ta’ wajer sħaħ u billetti bit-trufijiet tagħhom ġejjin għal ponta jew maħdumin mod ieħor sempliċiment biex iħaffu d-dħul tagħhom fil-magni biex jikkonvertuhom, per eżempju fi drawing stock (virga tal-wajer) jew f’tubi.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar ’il fuq dwar l-ipproċessar li huma jistgħu jkunu suġġetti għalih wara l-produzzjoni tagħhom, il-biċċiet u l-vireg inkwistjoni jikkonsistu b’mod partikolari:

1.      Jew f’oġġetti msejħa jets sħaħ, tondi, kwadrata jew eżagonali, ta’ tul li ġeneralment ma jeċċedix metru, maħduma permezz ta’ kkastjar bi preċiżjoni f’forom speċjali.

2.      Jew f’oġġetti ta’ tul ikbar miksuba permezz ta’ kkastjar kontinwu; f’dan il-proċess tal-aħħar, il-metall imdewweb jitqiegħed f’forma mkessħa permezz ta’ ilma u li fiha dan jissolidifika ruħhu malajr.

Il-jets u l-biċċiet u l-vireg prodotti b’ikkastjar kontinwu huma ta’ spiss intiżi għall-istess użu bħall-biċċiet u l-vireg irrumblati jew miġbuda.”

8        Fir-rigward tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 7407:

“[…]

Il-biċċiet u l-vireg huma ddefiniti fmin-Nota 1(d) ta’ dan il-kapitolu u l-profili permezz tan-Nota 1(e).

Dawn il-prodotti huma normalment prodotti permezz ta’ rrumblar, ta’ għażil jew ġbid, iżda xi drabi wkoll permezz ta’ kiwi fil-forġa (bil-pressa jew bil-martell). Dawn jistgħu jiġu ffurmati bil-kiesaħ (jekk ikun il-każ, wara li jiġu ttemprati), permezz ta’ ġbid bil-kiesaħ jew b’metodi oħra li jagħtuhom finitura aħjar. Huma jistgħu wkoll ikunu ġew suġġetti għal ipproċessar (bħal perforazzjoni, torsjoni, tmewwiġ) sakemm b’hekk huma ma assumewx il-karattru ta’ oġġetti jew prodotti ta’ titli oħrajn. Dan it-titlu jinkludi profili b’kontorn magħluq (profili vojta). Huma inklużi wkoll f’din l-intestatura t-tubi u pajpijiet miksuba permezz tal-estrużjoni. Madankollu, t-tubi u pajpijiet li għandhom ċrieki wweldjati, pereżempju, huma esklużi (Nru 7419 ġeneralment).

Il-biċċiet u l-vireg miksuba permezz ta’ kkastjar (inklużi l-prodotti msejħa jets u l-biċċiet u vireg ipproċessati permezz ta’ kkastjar kontinwu) jew permezz ta’ tgħaqqid bis-sħana jaqgħu taħt in-Nru 7403 bil-kundizzjoni li ma jkunux irċevew, wara li jkunu nkisbu, kwalunkwe tip ta’ ħidma iktar minn tirqim jew permezz tat-tneħħija tas-saff tas-superfiċje. Dawk li jkunu irċevew kwalunkwe tip ta’ ħidma iktar jibqgħu kklassifikati taħt din l-intestatura bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ma jagħtihomx in-natura ta’ oġġetti jew oġġetti li jaqgħu taħt intestaturi oħra.

Il-biċċiet ta’ wajer sħaħ u billetti bit-trufijiet tagħhom ġejjin għal ponta jew maħdumin mod ieħor sempliċiment biex iħaffu d-dħul tagħhom fil-magni biex jikkonvertuhom, per eżempju fi drawing stock (virga tal-wajer) jew f’tubi jaqgħu madankollu taħt l-intestatura Nru 7403”

 Id-dritt tal-Unjoni

9        Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA.

10      Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazji doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena sussegwenti.

11      Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija dik tas-sena 2012, li toħroġ mir-Regolament Nru 1006/2011.

12      L-ewwel parti tan-NM, li tikkonsisti f’sensiela ta’ dispożizzjonijiet preliminari, tinkludi t-Titolu I, li jirrigwarda r-regoli ġenerali, li ltTaqsima A tiegħu, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6.      Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

13      It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana” tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima XV, intitolata “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx”.

14      Din it-taqsima tinkludi l-Kapitolu 74, intitolat “Ram u oġġetti tiegħu”, li n-nota 1 tiegħu tipprevedi:

“F’dan il-kapitlu, dawn l-espressjonijiet għandhom it-tifsiriet mogħtijin lilhom hawnhekk:

[…]

d)      Biċċiet (bars) u vireg:

Prodotti rrumblati, maħruġin, miġbudin jew mikwijin fil-forġa, mhux f’koljaturi, li għandhom wiċċ ta’ qatgħa solidu uniformi matulhom kollha f’għamla ta’ ċrieki, ovali, rettangoli (inklużi kwadri), triangoli ekwilaterali jew poligoni konvessi regolari (inklużi “ċrieki ċċatjati” u “rettangoli modifikati”, li minnhom żewġ ġnub opposti huma arki konvessi, iż-żewġt iġnub l-oħra dritti, l-istess tul u paralleli). Prodotti b’wiċċ ta’ qatgħa rettangulari (inkluż kwadru), triangulari jew poligonali jistgħu jkollhom il-kantunieri ttundjati matulhom kollu. Il-ħxuna ta’ dawn il-prodotti li għandhom wiċċ ta’ qatgħa rettangulari (inkluż “rettangulari modifikat”) taqbeż wieħed-minn-għaxra tal-wisgħa. L-espressjoni tkopri ukoll prodotti ikkastjati jew mgħaqqdin bis-sħana, ta’ l-istess forom u qisien, li nħadmu aktar wara l-produzzjoni (ħlief b’sempliċiment tirqim jew tneħħija tal-ġebla), sakemm b’hekk huma ma assumewx il-karattru ta’ oġġetti jew prodotti ta’ titli oħrajn.

Biċċiet ta’ wajer sħaħ u billetti bit-trufijiet tagħhom ġejjin għal ponta jew maħdumin mod ieħor sempliċiment biex iħaffu d-dħul tagħhom fil-magni biex jikkonvertuhom, per eżempju, fi drawing stock (virga tal-wajer) jew f’tubi, għandhom iżda jittieħdu bħala ram mhux maħdum ta’ titlu 7403.

[…]

h)      Tubi u pajpijiet:

Prodotti vojta, f’koljaturi jew le, b’wiċċ ta’ qatgħa uniformi b’vojt wieħed biss magħluq ma’ tulhom kollu f’għamla ta’ ċrieki, ovali, rettangoli (inklużi kwadri), triangoli ekwilaterali jew poligoni konvessi regolari, u li għandhom ħxuna ta’ ħitan uniformi. Prodotti b’wiċċ ta’ qatgħa rettangulari (inkluż kwadru), triangolari ekwilaterali jew poligonali konvessi regolari, li jistgħu jkollhom il-kantunieri ttundjati matulhom kollu, għandhom ukoll jitqiesu li huma tubi u pajpijiet sakemm l-uċuħ ta’ qatgħa ta’ ġewwa u ta’ barra huma konċentriċi u għandhom l-istess għamla u orjentazzjoni. […]”

15      Il-Kapitolu 74 tan-NM jinkludi l-intestatura 7403, li hija strutturata kif ġej:

“7403

Ram raffinat u ligi ta’ ram, mhux maħdumin

[…]

[…]

7403 21 00;

– – Ligi bażi ta’ ram-żingu (ram isfar)

[…]

[…]”


16      L-imsemmi kapitolu jinkludi wkoll l-intestatura 7407, li hija strutturata kif ġej:

“7407

Biċċiet (bars), vireg u profili tar-ram

7407 10 00;

‐Ta’ ram raffinat


‐ Ta’ ligi ta’ ram:

7407 21

– – Ta’ liġi bażi ta’ ram-żingu (ram isfar)

7407 21 10;

– – – Biċċiet (bars) u vireg

7407 21 90;

– – – Profili

[…]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      F’April 2012, Hydro Energo ddikjarat, fid-dawl tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, folji ta’ ram isfar rrumblati bis-sħana li hija rabtet mas-subintestatura 7403 21 00 tan-NM, li tirrigwarda l-ligi tar-ram abbażi ta’ ram-żingu (ram isfar) u hija eżentata mid-dazji doganali.

18      Wara kontroll doganali, il-VID ikkunsidrat li l-prodott iddikjarat minn Hydro Energo ma kellux jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 7403 21 00, peress li l-intestatura 7403 teskludi l-prodotti rrumblati, iżda taħt is-subintestatura 7407 21 10 tan-NM, li tirrigwarda l-biċċiet u l-vireg tar-ram bbażi ta’ ram-żingu (ram isfar) u li r-rata ta’ dazji doganali tagħhom tammonta għal 4.8 %. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-VID, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2014, imponiet fuq Hydro Energo dazju doganali fir-rigward ta’ dan il-prodott kif ukoll interessi moratorji.

19      Adita minn Hydro Energo b’rikors kontra din id-deċiżjoni, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ April 2017, annullat l-imsemmija deċiżjoni.

20      Din il-qorti, qabelxejn, ikkunsidrat li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setax jiġi kklassifikat f’waħda mis-subintestaturi tal-intestatura 7407. Fil-fatt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pori, l-ħofor u x-xquq irregolari osservati fuq il-pjan ta’ qtugħ, dan ma kienx jikkostitwixxi prodott lest u ma kellux taqsima trasversali sħiħa u kostanti fuq it-tul kollu tiegħu, b’tali mod li ma setax jitqies li huwa virga, fis-sens tal-Kapitolu 74 tan-NM.

21      Sussegwentement, l-imsemmija qorti enfasizzat li l-metall li bih huwa magħmul il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkorrispondi, fid-dawl tal-livelli rispettivi tar-ram u taż-żingu, għad-definizzjoni tar-ram raffinat, u mhux għal dik tal-liga ta’ ram (ram isfar).

22      Il-VID ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja).

23      Preliminarjament, il-VID tosserva li l-kwistjoni dwar jekk il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex tar-ram raffinat jew tal-liga ta’ ram ma hijiex deċiżiva għall-klassifikazzjoni tiegħu fin-NM, peress li qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk dan il-prodott huwiex konformi mad-deskrizzjoni tal-intestatura 7403 jew ma’ dik tal-intestatura 7407. Huma biss is-subintestaturi tal-istess livell li jistgħu jiġu pparagunati għal dan il-għan.

24      Issa, il-VID issostni li l-fatt stess li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie rrumblat bis-sħana jeskludi l-possibbiltà li jiġi kklassifikat f’waħda mis-subintestaturi tal-intestatura 7403 tan-NM.

25      Barra minn hekk, skont il-VID, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali), il-fatt li n-nota 1(d) tal-Kapitolu 74 tan-NM tirreferi, fid-definizzjoni li hija tagħti tat-terminu “vireg”, għar-rekwiżit ta’ “li għandhom wiċċ ta’ qatgħa solidu uniformi matulhom kollha” ma jfissirx li l-prodott ikkonċernat għandu dejjem ikollu forma ideali, mingħajr imperfezzjonijiet. Barra minn hekk, din id-definizzjoni ma tindikax il-varjanti aċċettabbli li jippermettu li jiġi kkunsidrat li t-taqsima trasversali ta’ prodott hija ta’ forma rettangolari.

26      Fl-aħħar nett, kemm il-“jets” u l-biċċiet u l-vireg magħmula minn ikkastjar kontinwu huma ta’ spiss intiżi għall-istess użi bħall-biċċiet u l-vireg irrumblati, miġbuda u maħruġin. Għaldaqstant, l-użu sussegwenti tal-prodott ma huwiex deċiżiv.

27      Min-naħa tagħha, Hydro Energo ssostni li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “vireg” fis-sens tan-NM, minħabba li, minħabba pori, ħofor u xquq sinjifikattivi eżistenti u li huma viżibbli fil-livell ta’ qtugħ, ma jistax jitqies li għandu taqsima trasversali sħiħa u kostanti fuq it-tul kollu tiegħu. Barra minn hekk, l-irrumblar f’forma rettangolari twettaq biss bil-għan li jiġi ffaċilitat it-trasport u l-prodott ma jkunx jista’ jintuża għal skop ieħor minbarra t-tidwib. Issa, skont Hydro Energo, li tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għat-tieni paragrafu tan-nota 1(d) tal-Kapitolu 74 tan-NM, il-klassifikazzjoni ta’ prodott taħt l-intestatura 7403 jew 7407 tan-NM ma tiddependix biss mill-forma u mill-ipproċessar preċedenti, iżda wkoll mill-grad ta’ ipproċessar u ta’ użu possibbli. Konsegwentement, Hydro Energo tqis li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 7403 21 00 tan-NM.

28      Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm il-kompożizzjoni kimika tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija element ta’ fatt li għandha tiġi stabbilita mill-qorti nazzjonali, il-kwistjoni deċiżiva f’dan il-każ hija dik dwar jekk dan il-prodott jistax jitqies bħala “virga”, fis-sens tal-Kapitolu 74 tan-NM.

29      Issa, għalkemm huwa minnu, kif tosserva l-VID, li ċerti karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu għal dawk li għandu jkollha virga, li tippermetti li dan jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 7407 tan-NM, jeżistu dubji raġonevoli dwar jekk dan il-prodott għandux taqsima trasversali sħiħa u kostanti fuq it-tul kollu tiegħu, kif teħtieġ in-nota 1(d) tal-Kapitolu 74 tan-NM.

30      Għalkemm il-fatt li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa rrumblat jista’, skont in-noti ta’ spjega tas-SA, ikun motiv addizzjonali għall-klassifikazzjoni tiegħu taħt l-intestatura 7407 tan-NM, l-imsemmija noti ta’ spjega madankollu ma humiex biżżejjed sabiex ineħħu d-dubji dwar jekk dan il-prodott għandux taqsima trasversali sħiħa u kostanti fuq it-tul kollu tiegħu.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“In-[NM] għandha tiġi interpetata fis-sens li l-intestatura 7407 (vireg u profili tar-ram) tinkludi ingotti tar-ram jew tal-liga tar-ram, ta’ għamla rettangolari, li l-ħxuna tagħhom hija ikbar minn wieħed minn għaxra tal-wisa’ u li ġew illaminati bis-sħana, iżda li fit-taqsima trasversali tagħhom fiha pori, ħofor u xquq irregolari?”

 Fuq id-domanda preliminari

32      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-intestatura 7407 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri ingotti tar-ram jew ligi tar-ram, ta’ forma rettangolari, li l-ħxuna tagħhom hija ikbar minn wieħed minn għaxra tal-wisa’ u li ġew irrumblati bis-sħana, iżda li t-taqsima trasversali tagħhom fiha pori, ħofor u xquq irregolari.

33      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, l-irwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar peress li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Peress li l-qrati nazzjonali jidhru, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni aħjar sabiex jagħmlu dan, huma dawn li għandhom iwettqu l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għad-domanda li huma jagħmlulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punti 33 u 34; tas-16 ta’ Mejju 2019, Estron, C‑138/18, EU:C:2019:419, punti 67 sa 69, kif ukoll id-digriet tas-27 ta’ Frar 2020, Gardinia Home Decor, C‑670/19, EU:C:2020:117, punt 35).

34      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprevedu, minn naħa, li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli u, min-naħa l-oħra, li l-formulazzjonijiet tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqiesu bħala li għandhom biss valur indikattiv. Minbarra dan, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2016, Customs Support Holland, C‑144/15, EU:C:2016:133, punti 26 u 27; tas-16 ta’ Mejju 2019, Estron, C‑138/18, EU:C:2019:419, punti 50 u 51, kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2019, TDK-Lambda Germany, C‑559/18, EU:C:2019:667, punt 26).

35      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għalkemm il-klassifikazzjoni ma tistax issir biss abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott ikkonċernat, l-użu intenzjonat ta’ dan il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni bil-kundizzjoni li dan ikun inerenti għalih, peress li huwa biżżejjed li jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu intenzjonat essenzjali tal-imsemmi prodott u li l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ dan tal-aħħar (digriet tas-27 ta’ Frar 2020, Gardinia Home Decor, C‑670/19, EU:C:2020:117, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja l-fatt li ma għandhomx saħħa vinkolanti, in-noti ta’ spjega għan-NM u tas-SA jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, tad-19 ta’ Ottubru 2017, Lutz, C‑556/16, EU:C:2017:777, punt 40; tal-15 ta’ Novembru 2018, Baby Dan, C-592/17, EU:C:2018:913, punt 55, u tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 35). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li n-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2019, B. S. (Birra magħmula minn xgħir (malt)), C‑195/18, EU:C:2019:197, punt 10, u tas-16 ta’ Mejju 2019, Estron, C‑138/18, EU:C:2019:419, punt 44).

37      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk l-ingotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux vireg, fis-sens tal-Kapitolu 74 tan-NM, b’tali mod li jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 7407 tan-NM, intitolata “Vireg u profili tar-ram”.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li n-nota 1(d) tal-Kapitolu 74 tan-NM tipprevedi li l-vireg, fis-sens tal-imsemmi kapitolu, huma, b’mod partikolari, prodotti rrumblati li t-taqsima trasversali sħiħa u kostanti tagħhom fuq it-tul kollu tagħhom hija fil-forma ta’ ċirku, ta’ ovali, ta’ kwadru, ta’ rettangolu, ta’ trijangolu ekwilaterali jew ta’ poligonu konvessa regolari.

39      Issa, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rekwiżit ta’ taqsima trasversali “kostanti” jirreferi għall-forma u għad-dimensjonijiet trasversali tal-prodott ikkonċernat, b’tali mod li ingotti, ta’ forma rettangolari u li d-dimensjonijiet trasversali huma identiċi għall-punti kollha, fuq it-tul kollu tagħhom, jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

40      Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ taqsima trasversali “sħiħa”, dan għandu jinftiehem bħala li jeskludi biss il-prodotti vojta. Fil-fatt, min-nota 1(h) tal-Kapitolu 74 tan-NM jirriżulta li prodott vojt li t-taqsima trasversali tiegħu hija kostanti fuq it-tul kollu tiegħu huwa tubu jew pajp, fis-sens tal-imsemmi kapitolu.

41      Għalhekk, f’dan il-każ, għalkemm l-ingotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, pori, ħofor u xquq irregolari, tali imperfezzjonijiet interni ma jagħmlux madankollu lil dawn l-ingotti prodotti vojta, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li dawn, li ġew irrumblati bis-sħana, jikkostitwixxu vireg, fis-sens tal-Kapitolu 74 tan-NM, u, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-intestatura 7407 tan-NM, li tirrigwarda l-“vireg u profili tar-ram”.

42      Għandu jiġi rrilevat ukoll li n-nota 1(d) tal-Kapitolu 74 tan-NM tipprovdi, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “virga”, fis-sens tal-imsemmi kapitolu, li l-ħxuna tal-prodotti ta’ taqsima trasversali rettangolari għandha tkun ikbar minn wieħed minn għaxra fil-wisa’, li huwa l-każ tal-ingotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      Barra minn hekk, min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 7403 jirriżulta li l-prodotti rrumblati huma esklużi mill-imsemmija intestatura u jaqgħu, pereżempju, taħt l-intestaturi 7407 jew 7409 tas-SA, li, kif tindika l-qorti tar-rinviju stess, tikkostitwixxi raġuni addizzjonali għall-klassifikazzjoni eventwali ta’ ingotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 7407 tan-NM.

44      Bl-istess mod, l-interpretazzjoni li ingotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt l-intestatura 7407 tan-NM hija kkorroborata min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 7407.

45      Fil-fatt, minn naħa, u filwaqt li din in-nota ta’ spjega tindika li l-vireg huma ddefiniti min-nota 1(d) tal-Kapitolu 74 tas-SA, huwa paċifiku li l-formulazzjoni ta’ din in-nota tal-aħħar hija identika għal dik tan-nota 1(d) tal-Kapitolu 74 tan-NM.

46      Min-naħa l-oħra, in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7407 tas-SA tispeċifika li dawn il-prodotti normalment jiġu mmanifatturati, fost tekniki oħra, permezz ta’ rrumblar. Minn din tal-aħħar jirriżulta wkoll li l-vireg magħmulin permezz ta’ ikkastjar jew tgħaqqid bis-sħana jaqgħu taħt l-intestatura 7403 tas-SA sakemm dawn ma jkunux għaddew wara li l-manifattura tagħhom għal ipproċessar iktar minn tirqim jew tneħħija tas-saff tas-superfiċje, filwaqt li dawk li jkunu għaddew minn ipproċessar iktar jibqgħu, bħala prinċipju, ikklassifikati taħt l-intestatura 7407 tas-SA, Issa, f’dan il-każ, ingotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew irrumblati bis-sħana.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-intestatura 7407 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li ingotti tar-ram jew ligi tar-ram, ta’ forma rettangolari, li l-ħxuna tagħhom hija ikbar minn wieħed minn għaxra tal-wisa’ u li ġew irrumblati bis-sħana, iżda li t-taqsima trasversali tagħhom fiha pori, ħofor u xquq irregolari, jistgħu jaqgħu taħt din l-intestatura.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-intestatura 7407 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011, għandha tiġi interpretata fis-sens li ingotti tar-ram jew ligi tar-ram, ta’ forma rettangolari, li l-ħxuna tagħhom hija ikbar minn wieħed minn għaxra tal-wisa’ u li ġew irrumblati bis-sħana, iżda li t-taqsima trasversali tagħhom fiha pori, ħofor u xquq irregolari, jistgħu jaqgħu taħt din l-intestatura.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan