Language of document : ECLI:EU:C:2020:495

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 6 – Aċċess għall-proċedura – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali sabiex tirreġistra tali applikazzjonijiet – Applikazzjoni magħmula lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu tali applikazzjonijiet iżda li ma għandhomx, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenza sabiex jirreġistrawhom – Kunċett ta’ ‘awtoritajiet oħra' – Artikolu 26 – Detenzjoni – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 8 – Detenzjoni tal-applikant – Raġunijiet għad-detenzjoni – Deċiżjoni li qiegħdet applikant f’detenzjoni minħabba nuqqas ta’ post ta’ akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja”

Fil-Kawża C‑36/20 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Instrucción n° 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura li tikkonċerna lil

VL,

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby (Relatur), K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. M. Ferreira, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal VL, minn M. T. Macías Reyes, abogada,

–        għall-Ministerio Fiscal, minn T. García García,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u I. Galindo Martín, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), kif ukoll tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda d-detenzjoni ta’ VL u dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula minnu f’dak il-mument.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/115/KE

3        Il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), tipprovdi li:

“Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat [ĠU L 175M, p. 168], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.”

4        Intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

5        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li għandu bħala suġġett id-“[d]eċiżjoni ta’ ritorn”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

6        L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Detenzjoni”, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha li, min-naħa tiegħu huwa intitolat “Detenzjoni għall-Għan ta’ Tneħħija” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta' tneħħija, partikolarment meta:

(a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.”

 Id-Direttiva 2013/32

7        Il-premessi 8, 12, 18, 20 u 25 sa 28 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu li:

“(8)      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tal-10-11 ta’ Diċembru 2009, adotta l-Programm ta’ Stokkolma li tenna l-impenn lejn l-għan li tiġi stabbilita sal-2012 żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà bbażata fuq proċedura komuni tal-asil u status uniformi għal dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali bbażat fuq standards ta’ protezzjoni għolja u proċeduri ġusti u effettivi. Il-Programm ta’ Stokkolma afferma li n-nies li jkollhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jridu jkunu żgurati aċċess għall-proċeduri tal-asil li huma legalment siguri u effiċjenti. Taħt il-Programm ta’ Stokkolma, l-individwi għandhom jiġu offruti l-istess livell ta’ trattament fir-rigward tal-arranġamenti proċedurali u d-determinazzjoni tal-istatus, irrispettivament mill-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni tagħhom għall-asil. L-għan huwa li każijiet simili għandhom ikunu trattati bl-istess mod u jkollhom l-istess riżultat.

[...]

(12)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva hu li jiġu żviluppati aktar l-istandards għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali bl-għan li tiġi stabbilita proċedura komuni tal-asil fl-Unjoni.

[...]

(18)      Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[...]

(20)      F’ċirkostanzi definiti b’mod ċar fejn applikazzjoni x’aktarx li hi bla bażi jew fejn hemm tħassib serju dwar is-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jgħaġġlu l-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari billi jiġu introdotti limiti ta’ żmien iqsar, iżda raġonevoli, għal ċerti passi proċedurali, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ u l-aċċess effettiv tal-applikant għal prinċipji bażiċi u garanziji previsti f’din id-Direttiva.

[...]

(25)      Fl-interess ta’ rikonoxximent korrett dawk il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni bħala rifuġjati fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jew bħala persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, kull applikant għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri, l-opportunità li jikkopera u jikkomunika sewwa mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti relevanti tal-każ tiegħu u l-garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura. Barra minn hekk, il-proċedura li fiha tiġi eżaminata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha normalment tagħti lil applikant għall-inqas id-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sa meta tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, aċċess għas-servizzi ta’ interpretu sabiex ikun jista’ jippreżenta l-każ tiegħu jekk jiġi intervistat mill-awtoritajiet, l-opportunità li jikkomunika ma’ rappreżentant tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u ma’ organizzazzjonijiet li jipprovdu pariri jew konsulenza lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, id-dritt ta’ notifika adegwata ta’ deċiżjoni u tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni fil-fatt jew fid-dritt; l-opportunità li jikkonsulta ma’ konsulent legali jew konsulent ieħor; id-dritt li jiġi nfurmat dwar il-pożizzjoni legali tiegħu f’mumenti deċiżivi matul il-proċedura, f’ilsien li jifhem jew raġonevolment ikun mistenni jifhem u, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal.

(26)      Bl-għan li jiżguraw aċċess effettiv għall-proċedura ta’ eżami, l-uffiċjali li jkollhom l-ewwel kuntatt ma’ persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-uffiċjali li jwettqu sorveljanza tal-fruntieri tal-art jew tal-baħar jew li jwettqu kontrolli fil-fruntieri, għandhom jirċievu informazzjoni rilevanti u t-taħriġ meħtieġa dwar kif jirrikonoxxu u jitrattaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fost l-oħrajn filwaqt li jittieħed kont dovut tal-linji gwida rilevanti żviluppati mill-[Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)]. Dawn għandhom ikunu kapaċi jipprovdu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li huma preżenti fit-territorju, inkluż fil-fruntieri, fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu tal-Istati Membri, u li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, bl-informazzjoni relevanti dwar fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jkunu ppreżentati. Meta dawk il-persuni jkunu preżenti fl-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru, dawn għandhom jitniżżlu fuq l-art u jkollhom l-applikazzjonijiet tagħhom eżaminati skont din id-Direttiva.

(27)      Ladarba ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali, huma għandhom ikunu konformi mal-obbligi u jibbenefikaw mid-drittijiet taħt din id-Direttiva u d-Direttiva [2013/33]. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw il-fatt li dawk il-persuni huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kemm jista’ jkun malajr.

(28)      Sabiex ikun faċilitat l-aċċess għall-proċedura ta’ eżami fil-punti tal-qsim tal-fruntiera u fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni, l-informazzjoni għandha tkun disponibbli dwar il-possibbiltà li ssir applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Komunikazzjoni bażika neċessarja biex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jifhmu jekk il-persuni li jiddikjaraw ix-xewqa tagħhom li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali għandhomx jiġu żgurati permezz ta’ arranġamenti għall-interpretazzjoni.”

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Għan”, huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)].”

9        Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(b)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali' jew ‘applikazzjoni' tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu tad-Direttiva [2011/95], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

(c)      ‘applikant' tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[...]

(f)      ‘awtorità determinanti' tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet;

[...]”

10      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Ambitu”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.”

11      Intitolat “Awtoritajiet responsabbli”, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.”

12      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, li huwa intitolat “Aċċess għall-proċedura” huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4.      Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

5.      Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol.”

13      Intitolat “Informazzjoni u konsulenza f’faċilitajiet ta’ detenzjoni f’punti ta’ qsim bejn fruntieri”, l-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn hemm indikazzjonijiet li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi miżmuma f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, inklużi żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni, jistgħu jkunu jridu jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħtuhom informazzjoni dwar il-possibbiltà li jagħmlu dan. F’dawk il-faċilitajiet ta’ detenzjoni u ż-żoni fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti għal interpretazzjoni sa fejn ikun neċessarju għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-proċedura ta’ asil.”

14      L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32, li jirrigwarda d-“[d]etenzjoni”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għar-raġuni biss li huwa/hija jkun/tkun applikant. Ir-raġunijiet għal u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-garanziji disponibbli għall-applikanti detenuti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu konformi mad-Direttiva [2013/33].

2.      Fejn applikant jinżamm f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja rapida taħt id-Direttiva [2013/33].”

15      L-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:

[...]

(b)      ma hemmx riskju ta’ ħsara serja kif definit fid-Direttiva [2011/95];

[...]”

 Id-Direttiva 2013/33

16      Il-premessi 15 u 20 tad-Direttiva 2013/33 jipprovdu:

“(15)      Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tkun applikata skont il-prinċipju sottostanti li persuna m’għandiex tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija qed tfittex protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari skont l-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, u skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. L-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss taħt ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar stipulati fid-Direttiva u soġġetti għall-prinċipju ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward kemm tal-manjiera kif ukoll tal-iskop ta’ tali detenzjoni. Meta applikant jinżamm detenut huwa jew hija għandhom ikollhom aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali neċessarji bħar-rimedju ġudizzjarju quddiem awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

[...]

(20)      Sabiex tiġi żgurata aħjar l-integrità fiżika u psikoloġika tal-applikanti, id-detenzjoni għandha tkun miżura tal-aħħar rikors u għandha tiġi applikata biss wara li jkunu ġew eżaminati kif adatt il-miżuri alternattivi kollha mhux ta’ kustodja għad-detenzjoni. Kwalunkwe miżura alternattiva għad-detenzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-applikanti.”

17      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali' tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva [2011/95];

(b)      ‘applikant' tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali;

[...]”

18      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ambitu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju, inkluż fil-fruntiera fl-ibħra territorjali jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti, kif ukoll għal membri tal-familja, jekk huma koperti minn applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont il-liġi nazzjonali.”

19      Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda d-“[d]etenzjoni”:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva [2013/32].

2.      Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.      Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

(a)      sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

(b)      sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

(c)      sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

(d)      meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva [2008/115] sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

(e)      meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

(f)      skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [(ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)].

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

[...]”

20      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).”

21      L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall- protezzjoni internazzjonali.”

22      L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, li huwa intitolat “Modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza” jipprovdi, fil-paragrafu 9 tiegħu:

“F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza differenti minn dawk li jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta:

[...]

(b)      kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti.

Tali kondizzjonijiet differenti għandhom fi kwalunkwe każ ikopru il-ħtiġiet bażiċi.”

 Id-dritt Spanjol

23      L-Artikolu 58 tal-Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (il-Liġi Organika 4/2000 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom) tal-11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 10, tat-12 ta’ Jannar 2000, p. 1139), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Organika 4/2000”), tirrigwarda t-tneħħija tal-barranin f’sitwazzjoni irregolari.

24      L-Artikolu 58 tal-Liġi Organika 4/2000 jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, proċedura ssemplifikata sabiex jitneħħew il-barranin li jipprovaw jidħlu illegalment fi Spanja. Huwa jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-persuni msemmija fil-paragrafu 3 ma jistgħux jitneħħew sakemm applikazzjoni eventwali għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx ġiet iddikjarata inammissibbli, u jipprovdi, fi-paragrafu 6 tiegħu, li meta t-tneħħija ma tkunx possibbli f’terminu ta’ 72 siegħa, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jintalbu t-tqegħid f’detenzjoni.

25      L-Artikolu 61 tal-Liġi Organika 4/2000 jipprevedi l-miżuri provviżorji fil-kuntest tal-proċeduri ta’ tneħħija. L-Artikolu 62 ta’ din il-liġi jirrigwarda d-detenzjoni u l-Artikolu 64(5) tal-imsemmija liġi jipprevedi s-sospensjoni tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija sakemm applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx ġiet iddikjarata inammissibbli.

26      L-Artikoli 2 u 3 tal-Ley 12/2009, reguladora del derecho de asilo y de la protección subsidiaria (il-Liġi 12/2009 li tirregola d-Dritt għall-Ażil u l-Protezzjoni Sussidjarja), tat‑30 ta’ Ottubru 2009 (BOE Nru 263, tal-31 ta’ Ottubru 2009, p. 90860), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiddefinixxu, rispettivament, id-dritt għall-ażil u l-istatus ta’ refuġjat. Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja jimplika li l-persuna kkonċernata ma tkunx tneħħiet. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 30 tal-istess liġi jipprevedi l-aċċess għas-servizzi soċjali u ta’ akkoljenza għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jkollhom bżonn.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Fit-12 ta’ Diċembru 2019 fis-19:05 dgħajsa li abbord kellha 45 raġel ta’ oriġini sub-Saħarjana, fosthom VL, ċittadin minn Mali, ġiet interċettata mis-Salvamento Marítimo (l-Awtoritajiet ta’ Salvataġġ Marittimu, Spanja) qrib il-kosti Spanjoli. Il-vapur tas-salvataġġ marittimu imbarka lil dawn il-45 ċittadin ta’ pajjiżi terzi u żbarkahom ma’ moll fin-Nofsinhar tal-Gżira Gran Canaria (Spanja) fid-21:30.

28      Wara li rċevew l-ewwel kura, dawn iċ-ċittadini ġew ikkunsinnati lill-Brigada Local de Extranjería y Fronteras (il-Brigada Lokali tal-Barranin u tal-Fruntieri) tal-Comisaría de Policía Nacional de Maspalomas (il-Kummissarjat tal-Pulizija Nazzjonali ta’ Maspalomas, Spanja). Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, fin-00:30, huma ġew ittrasferiti lill-Jefatura Superior de Policía de Canarias (il-Prefettura Superjuri tal-Pulizija tal-Canarias, Spanja).

29      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2019, is-Subdelegación del Gobierno en Las Palmas (it-Taqsima tar-Rappreżentanza tal-Gvern ta’ Las Palmas, Spanja) ordnat it-tneħħija ta’ dawn iċ-ċittadini. Peress li din id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi eżegwita fit-terminu ta’ 72 siegħa previst fl-Artikolu 58(6) tal-Liġi Organika 4/2000, tressqet talba għat-tqegħid f’ċentru ta’ detenzjoni lill-Juzgado de Instrucción n° 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana, Spanja).

30      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari, din il-qorti ħadet tliet deċiżjonijiet, fl-14 ta’ Diċembru 2019, fil-kawża prinċipali.

31      Permezz tal-ewwel deċiżjoni, l-imsemmija qorti tat lil VL id-dritt li jagħmel dikjarazzjoni, wara li ġie informat bid-drittijiet tiegħu, assistit minn avukat u minn interpretu tal-lingwa Bambara, il-lingwa li huwa ddikjara li jitkellem u jifhem. F’din id-dikjarazzjoni, li għaliha tfassal proċess verbal, VL wera l-intenzjoni tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali peress li kellu biża’ minn persekuzzjonijiet għal raġunijiet ta’ razza jew appartenenza għal grupp soċjali. Huwa enfasizza, b’mod partikolari, li minħabba l-gwerra li faqqgħet fil-Mali, ir-ritorn f’dan il-pajjiż jesponih għal riskju li jinqatel.

32      Peress li skont id-dritt Spanjol il-Juzgado de Instrucción n° 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana) ma hijiex meqjusa bħala l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, hija kkomunikat, permezz tat-tieni deċiżjoni, minn naħa, lill-Brigada Provincial de Extranjería y Fronteras (il-Brigada Provinċjali tal-Barranin u tal-Fruntieri) u, min-naħa l-oħra, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), id-dikjarazzjoni li permezz tagħha VL kien wera x-xewqa tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali. Din id-deċiżjoni kienet titlob ukoll lit-Taqsima tar-Rappreżentanza tal-Gvern tal-Canarias, lill-Brigada Provinċjali tal-Barranin u tal-Fruntieri kif ukoll lill-Ministerio de Trabajo, Migraciones y Seguridad Social (il-Ministeru għax-Xogħol, għall-Immigrazzjoni u għas-Sigurtà Soċjali, Spanja), sabiex jinstab post fiċ-ċentru ta’ akkoljenza umanitarja għal VL u 25 applikant ieħor għal protezzjoni internazzjonali.

33      Billi kkonstatat li, minħabba n-nuqqas ta’ postijiet biżżejjed, 12‑il applikant biss mis-26 setgħu jibbenefikaw minn post fiċ-ċentru ta’ akkoljenza umanitarja, il-Juzgado de Instrucción n° 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana) ordnat, permezz ta’ tielet deċiżjoni, li l-erbatax‑il applikant l-ieħor, fosthom VL, jitqiegħdu f’ċentru ta’ detenzjoni għall-barranin u li t-talba tagħhom tiġi ttrattata fi ħdan dan iċ-ċentru ta’ detenzjoni.

34      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, qabel ma VL ġie ttrasferit f’ċentru ta’ detenzjoni, uffiċjal tal-Brigada Provinċjali tal-Barranin u tal-Fruntieri kkomunikalu li kien ittieħed appuntament għall-intervista tiegħu relatata mal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

35      L-avukat ta’ VL ippreżenta wkoll appell għal riforma mid-deċiżjoni ta’ detenzjoni ta’ VL, minħabba li din id-deċiżjoni tmur kontra d-Direttivi 2013/32 u 2013/33.

36      Huwa f’dan il-kuntest li l-Juzgado de Instrucción n° 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2013/32] jipprevedi l-każ li fih applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata quddiem awtoritajiet oħra li ma humiex, skont id-dritt nazzjonali, kompetenti sabiex jirreġistrawhom, f’liema każ l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ssir sa mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara l-preżentata tat-talba.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm lok li l-qrati istruttorji, li għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-tpoġġija taħt detenzjoni jew le ta’ persuni barranin skont id-dritt nazzjonali, jitqiesu bħala li jikkostitwixxu waħda minn dawn l-‘awtoritajiet oħra' li ma għandhomx il-kompetenza sabiex jirreġistraw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda li quddiemhom l-applikanti jistgħu jimmanifestaw ir-rieda tagħhom li jippreżentaw tali applikazzjoni?

2)      F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2013/32] għandu jiġi intertpretat fis-sens li l-qorti istruttorja għandha tipprovdi lill-applikanti informazzjoni li tippermettilhom ikun jafu fejn u kif jistgħu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, u li f’każ li tiġi ppreżentata tali applikazzjoni, l-imsemmija qorti għandha tittrażmetti l-fajl lill-awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali għall-finijiet tar-reġistrazzjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif ukoll lill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex jingħataw lill-applikant il-mezzi ta’ akkoljenza previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva [2013/33]?

3)      L-Artikolu 26 tad-Direttiva [2013/32] u l-Artikolu 8 tad-Direttiva [2013/33] għandhom jiġu interpretati fis-sens [li] ma hemmx lok li ċ-ċittadini ta’ Stat terz jitpoġġew taħt detenzjoni, dment li ma jkunux issodifatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2013/33], billi l-applikant huwa protett mill-prinċipju ta’ non-refoulement sa mill-mument li fih jimmanifesta r-rieda tiegħu quddiem il-qorti istruttorja?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

37      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

38      Insostenn tat-talba tagħha, hija indikat b’mod partikolari li VL huwa mċaħħad mil-libertà tiegħu wara li tqiegħed f’ċentru ta’ detenzjoni u huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija, li tista’ tiġi eżegwita fi kwalunkwe mument.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33, li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, relatat mal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li t-tqegħid ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’ċentru ta’ detenzjoni, sew jekk matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u sew jekk għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu, jikkostitwixxi miżura li ċċaħħad mil-libertà li hija tali li tiġġustifika l-bidu ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punti 31 u 35, kif ukoll id-digriet tal-5 ta’ Lulju 2018, C et, C‑269/18 PPU, EU:C:2018:544, punti 35 u 37).

40      Barra minn hekk, ir-rekwiżit dwar l-urġenza sabiex tinkiseb risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli għandu jiġi evalwat fl-istat li tkun fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 34, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 99).

41      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, fis-6 ta’ Frar 202, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

42      Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-Gvern Spanjol ikkonkluda li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-qorti tar-rinviju għandha biss ġurisdizzjoni, abbażi tad-dritt Spanjol, sabiex tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz bl-għan li tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ refoulement u mhux sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima.

43      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, ladarba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata tiddeċiedi, peress li tali domandi jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, reċentement, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, A. P. (Miżuri ta’ probation), C‑2/19, EU:C:2020:237, punti 25 u 26].

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tal-Gvern Spanjol li l-qorti tar-rinviju ma hijiex, skont id-dritt Spanjol, awtorità kompetenti sabiex titratta l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ma jeskludix li din il-qorti tista’ titqies li hija “awtorità oħra” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dan l-argument taqa’ taħt l-eżami fil-mertu tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju b’tali mod li wieħed ma jistax jikkonkludi li l-imsemmija domandi ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

45      Għaldaqstant jidher li dan l-element ma huwiex tali li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi magħmula b’mod preliminari mill-qorti tar-rinviju u li ma jistax jiġi evitat ħlief f’każijiet eċċezzjonali (sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22).

46      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, sussegwentement għall-preżentata tat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja saret taf bl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija mogħtija fil-konfront ta’ VL. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju, b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal kjarifiki sabiex isir magħruf jekk il-kawża prinċipali kinitx saret mingħajr skop.

47      Fir-risposta tagħha, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2020, il-Juzgado de Instrucción n° 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana) indikat, minn naħa, li fil-21 ta’ Jannar 2020, l-għada tal-preżentata tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija kienet irċeviet informazzjoni li kienet tħalli lil wieħed jissoponi li d-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ VL kienet ġiet eżegwita u, min-naħa l-oħra, li irrispettivament minn din l-eżekuzzjoni, it-tilwima fil-kawża prinċipali kien għad għandha skop sa fejn hija kienet obbligata tiddeċiedi, abbażi tar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula, dwar il-legalità tad-deċiżjoni preċedenti tagħha li wasslet għaċ-ċaħda tal-libertà subita minn VL waqt il-perijodu mill-14 ta’ Diċembru 2019 sal-21 ta’ Jannar 2020, data li fiha seħħet it-tneħħija tiegħu u li l-eżitu tal-kawża prinċipali jista’, potenzjalment, iwassal lil dan tal-aħħar jibda azzjoni għal kumpens.

48      F’dan ir-rigward, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali peress li d-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “neċessarja” sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju “tagħti s-sentenza tagħha” fi-kawża li hija jkollha quddiemha. Fil-fatt, ir-raġuni għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ kontroversja (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 44 sa 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għaldaqstant, iċ-ċaħda ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher li l-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE tkun intużat għal skop differenti u tkun intiża, fil-verità, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq il-bażi ta’ tilwima immaġinarja jew jekk ikun evidenti li d-dritt tal-Unjoni ma għandux japplika, la direttament u lanqas indirettament, għaċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 34).

50      Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju indikat li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula għadha neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-legalità taċ-ċaħda tal-libertà subita minn VL. Madankollu, sa fejn il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tkun strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkunu mitluba jaqtgħu, tali indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju torbot, fil-prinċipju, lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 32), speċjalment billi ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fil-punt preċedenti ma jirriżultawx.

51      Minn dan jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

52      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti istruttorja adita sabiex tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari għall-finijiet tar-refoulement tiegħu tinsabx fost l-“awtoritajiet oħra” msemmija minn din id-dispożizzjoni, li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali iżda li ma għandhomx il-kompetenza, taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jirreġistrawhom.

53      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tas-7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni tal-Kontijiet), C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 38).

54      F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li, meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni. Għal dak li jirrigwarda t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, huwa jippreċiża li, jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ssir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda li ma għandhomx il-kompetenza, taħt il-liġi nazzjonali sabiex jirreġistrawhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

55      Hekk kif jirriżulta mill-espressjoni “awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali” li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, din tal-aħħar tħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jindikaw l-awtorità kompetenti sabiex tirreġistra l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

56      Min-naħa l-oħra, u hekk kif essenzjalment jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta jirreferi għall-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn [għal protezzjoni internazzjonali], iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva bl-ebda mod ma jirreferi għad-dritt nazzjonali u għaldaqstant ma jobbligax lill-Istati Membri jindikaw dawn l-“awtoritajiet oħra”.

57      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm kunċett wiesa’ tal-awtoritajiet li, mingħajr ma huma kompetenti sabiex jirreġistraw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jistgħu madankollu jirċievu tali applikazzjonijiet. Fil-fatt, l-għażla tal-aġġettiv “oħra” tixhed ir-rieda li tintgħażel definizzjoni miftuħa tal-perimetru tal-awtoritajiet li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

58      Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jikkonferma din is-sens estensiv billi jissuġġetta lill-awtoritajiet kollha li sempliċement “x’aktarx” jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali l-obbligu li jirċevuhom effettivament waqt li jsiru.

59      Għaldaqstant, peress li huwa plawżibbli li ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità ġudizzjarja mitluba tiddeċiedi dwar talba għal detenzjoni mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari għall-finijiet tar-refoulement tiegħu, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “awtoritajiet oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, jinkludi tali qorti.

60      Barra minn hekk, ma jistax jinsilet argument mill-fatt li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 isemmi biss, bħala awtoritajiet li x’aktarx jirċievu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, lill-pulizija, lill-gwardji tal-fruntiera, lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u lill-persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni. Fil-fatt, peress li dan l-elenkar huwa introdott bil-lokuzzjoni “bħal”, dan ma jistax ikun eżawrjenti.

61      Barra minn hekk, il-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jindikax in-natura, ġudizzjarja jew amministrattiva, li għandu jkollhom dawn l-“awtoritajiet oħra” jikkostitwixxi preċiżament, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, indikazzjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jkopri, permezz tal-għażla ta’ dan il-kunċett, diversi awtoritajiet, potenzjalment ġudizzjarji, u li ma ssirx restrizzjoni biss għall-awtoritajiet amministrattivi.

62      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 hija kkorroborata minn interpretazzjoni kuntestwali.

63      Fil-fatt, minn naħa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitfakkar, li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2013/32 huwa li jiġi ggarantit aċċess effettiv, jiġifieri aċċess faċli kemm jista’ jkun, għall-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 8, 20, 25 u 26 ta’ din id-direttiva. Sabiex jiġi żgurat tali aċċess, l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jinvoka l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-persuni li jkunu għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollhom l-“opportunità effettiva biex [j]ippreżenta[w]ha malajr kemm jista’ jkun”.

64      Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 25 tal-imsemmija direttiva, li tipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari għandu jkollu l-garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura.

65      Hekk kif il-Kummissjoni Ewropea sostniet fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub u kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, fi proċeduri rapidi ħafna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn minn naħa, id-deċiżjoni ta’ tneħħija tittieħed fl-24 siegħa ta’ wara l-wasla taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari u fejn, min-naħa l-oħra, dan iċ-ċittadin jinstema’ mill-qorti istruttorja fil-jum ta’ wara, dan is-smigħ, li jseħħ fil-preżenza ta’ avukat u ta’ interpretu li jitkellem lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem, huwa l-mument xieraq sabiex issir applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dan is-smigħ jista’ anki jirrappreżenta, skont iċ-ċirkustanzi, l-ewwel okkażjoni li jiġi invokat id-dritt li ssir tali applikazzjoni.

66      Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li VL ma kienx ġie informat bil-possibbiltà li jitlob protezzjoni nazzjonali qabel ma nstema’ mill-qorti istruttorja. Għaldaqstant, il-fatt, evokat mill-Gvern Spanjol u mill-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), li l-persuna kkonċernata setgħet tagħmel sussegwentement l-applikazzjoni tagħha fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ma hijiex raġuni valida sabiex jitqies li huwa ma kellux jiġi awtorizzat jagħmilha quddiem il-qorti istruttorja li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-tqegħid tiegħu f’detenzjoni.

67      Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni tal-awtorità ġudizzjarja bħall-Juzgado de Instrucción n° 3 de San Bartolomé de Tirajana (il-Qorti Istruttorja Nru 3 ta’ San Bartolomé de Tirajana) milli tirċievi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tostakola t-twettiq tal-għan li jiġi ggarantit l-aċċess effettiv għall-proċedura ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali, invokat fil-punt 63 tas-sentenza preżenti.

68      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti istruttorja adita sabiex tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari għall-finijiet tar-refoulement tiegħu tinsab fost l-“awtoritajiet oħra” msemmija minn din id-dispożizzjoni, li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali iżda ma għandhomx il-kompetenza, taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jirreġistrawhom.

 Fuq it-tieni domanda

69      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti istruttorja għandha, fil-kwalità tagħha ta’ “awtorità oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, tinforma liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari bil-modalitajiet ta’ kif tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, meta ċittadin ikun wera l-intenzjoni tiegħu li jagħmel tali applikazzjoni, tittrażmetti l-fajl lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni sabiex dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u ta’ kura tas-saħħa previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33.

70      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda, għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “awtoritajiet oħra” msemmija minn din id-dispożizzjoni, li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jkollhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi l-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom kif ukoll istruzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

71      Sa fejn mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li qorti istruttorja adita sabiex tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari għall-finijiet tar-refoulement tiegħu tinsab fost l-“awtoritajiet oħra” msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, minn dan jirriżulta li din il-qorti istruttorja hija obbligata wkoll, b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, tipprovdi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali informazzjoni dwar il-modalitajiet konkreti ta’ kif tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

72      Din l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 hija kkorroborata mill-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, li jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni li jkunu għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollhom opportunità effettiva li jippreżentawha malajr kemm jista’ jkun.

73      Madankollu, u għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jixhdu li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jżomm l-effettività tad-dritt għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari li japplikaw sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni internazzjonali, tali effettività tispiċċa fix-xejn kieku, f’kull stadju tal-proċedura, “awtorità oħra”, fis-sens tat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, tkun tista’ tastjeni milli tinforma liċ-ċittadin ikkonċernat bil-possibbiltà li jitlob il-protezzjoni internazzjonali bl-iskuża li dan tal-aħħar probabbilment kien messu rċieva preċedentement tali informazzjoni jew jista’ jirċeviha sussegwentement.

74      Għaldaqstant, billi tinforma ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari bil-modalitajiet konkreti ta’ kif tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, qorti istruttorja adita sabiex tiddeċiedi fuq id-detenzjoni ta’ dan iċ-ċittadin għall-finijiet tar-refoulement tiegħu taġixxi, hekk kif teħtieġ il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32, fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali sabiex deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tittieħed malajr kemm jista’ jkun, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

75      Il-Gvern Spanjol iqis, madankollu, li “awtorità oħra” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 ma tistax, ex officio, tinforma ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari bil-possibbiltà li japplika għal protezzjoni internazzjonali.

76      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-premessa 28 ta’ din id-direttiva tipprovdi li, sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-proċedura ta’ eżami fil-punti tal-qsim tal-fruntiera u fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni, l-informazzjoni għandha tkun disponibbli dwar il-possibbiltà li ssir applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Għal dak li jirrigwarda lill-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, dan jobbliga lill-Istati Membri, fil-każ li jkun hemm indikazzjonijiet li jagħtu x’wieħed jifhem li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi miżmuma f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, inklużi żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni, jistgħu jkunu jixtiequ jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jagħtuhom informazzjoni dwar il-possibbiltà li jagħmlu dan.

77      Sa fejn it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi għaldaqstant li l-“awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali” li jintervjenu kemm qabel kif ukoll wara l-qorti istruttorja għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu lill-applikanti informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ kif tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandu jitqies li l-obbligu li titqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari informazzjoni dwar il-possibbiltà li tintalab protezzjoni internazzjonali huwa impost ukoll fuq qorti istruttorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll fuq kull awtorità oħra li x’aktarx tirċievi tali applikazzjonijiet.

78      Għaldaqstant, qorti istruttorja adita sabiex tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari għall-finijiet tar-refoulement tiegħu tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti tat-tieni u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) kif ukoll tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/32 meta tieħdu l-inizjattiva li tinforma lil dan iċ-ċittadin bid-dritt li huwa għandu sabiex japplika għal protezzjoni internazzjonali.

79      Sabiex tingħata risposta għat-tieni parti tad-domanda, għandu jitfakkar li l-premessa 27 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi b’mod partikolari li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu esprimew ix-xewqa li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu konformi mal-obbligi u jibbenefikaw mid-drittijiet taħt din id-direttiva u d-Direttiva 2013/33. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw il-fatt li dawk il-persuni huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kemm jista’ jkun malajr.

80      Issa, fil-każ li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun saret quddiem “awtorità oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru kkonċernat terminu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol wara li tkun saret.

81      Sabiex dan it-terminu li huwa partikolarment qasir jiġi osservat, huwa imperattiv, għall-finijiet b’mod partikolari tal-effikaċja u r-rapidità tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li tali awtorità tikkomunika l-fajl fil-pussess tagħha lill-awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali sabiex tirreġistra l-applikazzjoni.

82      Fl-assenza ta’ tali komunikazzjoni, l-għan stess tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari dak tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, ikun serjament kompromess, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu.

83      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti istruttorja għandha, fil-kwalità tagħha ta’ “awtorità oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, tinforma liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari bil-modalitajiet ta’ kif tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, meta ċittadin ikun wera r-rieda tiegħu li jagħmel tali applikazzjoni, tittrażmetti l-fajl lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni sabiex dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u ta’ kura tas-saħħa previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33.

 Fuq it-tielet domanda

84      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jkun wera r-rieda tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni ħlief għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

85      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li kemm l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdu li l-Istati Membri ma jistgħux iqiegħdu persuna f’detenzjoni minħabba s-sempliċi motiv li hija tkun applikant għal protezzjoni internazzjonali.

86      Hemm bżonn għaldaqstant li jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jkun wera r-rieda tiegħu li jitlob protezzjoni internazzjonali jikkostitwixxix applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32.

87      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 jagħmel distinzjoni bejn meta ssir l-applikazzjoni, minn naħa, u l-preżentata tagħha, min-naħa l-oħra.

88      F’dan ir-rigward, mill-kliem tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta kjarament li dan jorbot, b’mod iterattiv, il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mal-fatt li jkun “għamel” applikazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“applikant” bħala li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li “għamel” applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx. L-Artikolu 2(b), tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“applikazzjoni” bħala li hija talba “magħmula” minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida lill-Istat Membru. L-istess japplika għall-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33 li jiddefinixxi l-“applikant” bħala li huwa kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew kwalunkwe persuna apolida li tkun “għamlet” applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali, kif ukoll għall-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” tikkorrispondi ma’ kull applikazzjoni għal protezzjoni indirizzata minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni lil Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja.

89      Din it-tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “applikant għal protezzjoni internazzjonali” tirriżulta wkoll mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/32, li minnu joħroġ li din id-direttiva tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/33, li minnha jiġi dedott li din tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

90      Barra minn hekk, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 jobbligaw lill-Istati Membri jirreġistraw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mhux iktar tard minn tlett ijiem jew sitt ijiem tax-xogħol wara li “ssir” l-applikazzjoni skont jekk l-imsemmija applikazzjoni tkunx saret lill-awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali sabiex tipproċedi għar-reġistrazzjoni tagħha jew lil awtorità oħra li x’aktarx tirċievi tali applikazzjoni mingħajr madankollu ma għandha, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenza sabiex tirreġistraha. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, huwa jissuġġetta wkoll lill-Istati Membri għall-obbligu li jiżguraw li kull persuna li “għamlet” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollha l-opportunità effettiva li “tippreżentaha” malajr kemm jista’ jkun.

91      Fl-aħħar nett, huwa importati wkoll li jiġi rrilevat li l-premessa 27 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni apolidi li jkunu esprimew ix-xewqa li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali u, minħabba f’hekk, huma għandhom ikunu konformi mal-obbligi u jibbenefikaw mid-drittijiet taħt id-Direttivi 2013/32 u 2013/33. It-tieni sentenza tal-imsemmija premessa tippreċiża, barra minn hekk li, għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw il-fatt li dawk il-persuni huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kemm jista’ jkun malajr.

92      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz jikseb il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32, hekk kif huwa “jagħmel” tali applikazzjoni.

93      Issa, filwaqt li r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, u li l-preżentata ta’ din l-applikazzjoni teżiġi, fil-prinċipju, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jimla’ formola prevista għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 6(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, l-azzjoni li “ssir” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma teħtieġ ebda formalità amministrattiva, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-imsemmija formalitajiet għandhom jiġu osservati waqt il-“preżentata” tal-applikazzjoni.

94      Minn dan isegwi, minn naħa, li l-kisba tal-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li tista’ tiġi suġġetta għar-reġistrazzjoni u lanqas għall-preżentata tal-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-fatt għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li juri r-rieda tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, bħal qorti istruttorja, huwa biżżejjed sabiex jagħtih il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol li fih l-Istat Membru kkonċernat għandu jirreġistra l-imsemmija applikazzjoni.

95      Hemm bżonn għaldaqstant, fit-tieni lok, li jiġi evalwat jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jistax jitqiegħed f’detenzjoni għal raġuni oħra differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

96      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 9 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2013/32, u dan matul il-perijodu li jkopri l-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, sal-eżitu tar-rikors li jkun ġie ppreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan, C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 49).

97      Barra minn hekk, il-protezzjoni inerenti għad-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll għall-prinċipju ta’ non-refoulement għandha tiġi żgurata billi l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jingħata dritt għal rimedju effettiv sospensiv ipso jure, tal-inqas quddiem istanza ġudizzjarja, kontra deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ deċiżjoni potenzjali ta’ tneħħija, fis-sens tad-Direttiva 2008/115. Huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-effikaċja sħiħa tar-rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jissospendu l-effetti kollha tad-deċiżjoni ta’ ritorn matul it-terminu tal-preżentata ta’ dan ir-rikors u, jekk dan ir-rikors jiġi ppreżentat, sakemm tkun ingħatat deċiżjoni dwaru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell), C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Sa fejn, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 94 tas-sentenza preżenti, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun wera, quddiem “awtorità oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, ir-rieda tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali jibbenefika mill-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, is-sitwazzjoni tiegħu ma tistax taqa’, f’dan l-istadju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

99      Minn dan isegwi, fil-każ ineżami u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, għalkemm il-kundizzjonijiet għad-detenzjoni ta’ VL kienu rregolati mid-Direttiva 2008/115 sad-data li fiha għamel l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/33 saru applikabbli għalih b’effett minn din id-data (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 210 u 213).

100    Issa, mill-qari ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li Istati Membri ma jistgħux iqiegħdu persuna f’detenzjoni minħabba s-sempliċi raġuni li hija applikant għal protezzjoni internazzjonali u li r-raġunijiet u l-kundizzjonijiet għad-detenzjoni kif ukoll il-garanziji mogħtija lill-applikanti mqiegħda f’detenzjoni għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 2013/33.

101    F’dan ir-rigward, l-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-premessi 15 u 20 tagħha, jistabbilixxu limiti importanti għas-setgħat mogħtija lill-Istati Membri sabiex jipproċedu għal detenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 61 u 62, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punti 44 u 45).

102    Għaldaqstant, skont l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jinżamm f’detenzjoni ħlief meta, fi tmiem evalwazzjoni każ b’każ, dan jirriżulta neċessarji u jekk miżuri oħra inqas koersivi ma jkunux jistgħu jiġu applikati b’mod effikaċi. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux iqiegħdu applikant għal protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni ħlief wara li jivverifikaw, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, jekk tali detenzjoni hijiex proporzjonata għall-finijiet li hija tfittex (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 48, kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 258).

103    Huwa minnu li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fid-dritt nazzjonali.

104    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw detenzjoni u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tissodisfa bżonn speċifiku u għandha natura awtonoma (sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 59; tal-14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 42; u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 250).

105    Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal-libertà sanċit fl-Artikolu 6 tal-Karta u tal-gravità tal-indħil f’dan id-dritt li tikkostitwixxi tali miżura ta’ detenzjoni, il-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 56, u tal-14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 40).

106    Madankollu, ir-raġuni mogħtija fil-kawża prinċipali sabiex tiġi ġġustifikata d-detenzjoni ta’ VL, jiġifieri l-fatt li kien impossibbli li tinstablu akkomodazzjoni f’ċentru ta’ akkoljenza umanitarja, ma tikkorrispondi għall-ebda waħda mis-sitt raġunijiet għad-detenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

107    Tali raġuni għad-detenzjoni tmur, konsegwentement, kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) u (3) ta’ din id-direttiva, inkwantu hija tippreġudika l-kontenut essenzjali tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li għandhom jiġu rrikonoxxuti lil applikant għal protezzjoni internazzjonali matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u la tosserva l-prinċipji u lanqas l-għanijiet tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 252).

108    Huwa minnu li l-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, b’mod eċċezzjonali u f’każijiet debitament iġġustifikati, jistabbilixxu modalitajiet materjali ta’ akkoljenza differenti minn dawk previsti fl-imsemmi artikolu, għal perijodu li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli jkunu temporanjament eżawriti. Madankollu, peress li d-detenzjoni hija miżura li ċċaħħad il-libertà, ma tistax titqies li hija modalità materjali ta’ akkoljenza differenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

109    Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3)(d) tal-imsemmija direttiva ma jippermettix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jitqiegħed f’detenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115, sabiex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, ħlief meta l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jiġġustifika abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-fatt li l-applikant kellu diġà l-opportunità li jaċċedi għall-proċedura tal-ażil, li hemm raġunijiet raġonevoli sabiex jemmen li l-applikant applika għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

110    Issa, għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil, fil-każ ineżami, u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dak li sostniet il-qorti tar-rinviju, li f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq il-proċess verbal tat-tqegħid f’detenzjoni u tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-elementi essenzjali li jirrigwardaw ir-rimedji kontra d-deċiżjoni ta’ detenzjoni, jirriżulta li sas-seduta tiegħu quddiem il-qorti istruttorja VL kien għadu ma ġiex informat bil-possibbiltà li jagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, din id-seduta tidher li kkostitwixxiet l-unika okkażjoni għalih sabiex jitlob il-protezzjoni internazzjonali qabel ma ntbagħat f’ċentru ta’ detenzjoni għall-barranin. Għaldaqstant huwa irrilevanti, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 66 tas-sentenza preżenti, li, bħalma jsostni l-Gvern Spanjol, din il-persuna kellha l-possibbiltà li tagħmel tali applikazzjoni sussegwentement f’dan iċ-ċentru.

111    Fit-tieni lok, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li fil-każ ineżami kienu jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jaħseb li l-applikant għamel l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bis-sempliċi għan li jtawwal l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn jew li jipprevjeni l-proċess tat-tneħħija tiegħu.

112    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jitqiegħed f’detenzjoni biss għall-iqsar żmien possibbli u sakemm ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva jkunu japplikaw (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 62).

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jkun wera r-rieda tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni għal raġuni differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

 Fuq l-ispejjeż

114    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti istruttorja adita sabiex tiddeċiedi dwar id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari għall-finijiet tar-refoulement tiegħu tinsab fost l-“awtoritajiet oħra” msemmija minn din id-dispożizzjoni, li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali iżda ma għandhomx il-kompetenza, taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jirreġistrawhom.

2)      It-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti istruttorja għandha, fil-kwalità tagħha ta’ “awtorità oħra” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, tinforma liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari bil-modalitajiet ta’ kif tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, meta ċittadin ikun wera r-rieda tiegħu li jagħmel tali applikazzjoni, tittrażmetti l-fajl lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni sabiex dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u ta’ kura tas-saħħa previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

3)      L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jkun wera r-rieda tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni għal raġuni differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.