Language of document : ECLI:EU:C:2020:515

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑2 ta’ Lulju 2020 (1)

Kawża C441/19

TQ

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 5(a) – Artikolu 6(1) u (4) – Artikolu 8(1) – Artikolu 10 – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Deċiżjoni ta’ ritorn – Tneħħija ta’ minuri mhux akkumpanjati – Verifika tal-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fil-pajjiż ta’ oriġini – Distinzjoni abbażi tal-età tal-minuri – Deċiżjoni ta’ ritorn mhux segwita minn miżuri ta’ tneħħija – Konsegwenzi”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4, 21 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 5(a), tal-Artikolu 6(1) u (4), tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (2) kif ukoll tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (3).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TQ, minuri mhux akkumpanjat ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi; iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar deċiżjoni ta’ ritorn meħuda kontra dan il-minuri. Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiċċara l-kwistjoni dwar jekk il-prassi amministrattiva attwalment fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi dwar it-trattament tal-minuri mhux akkumpanjati li ma jibbenefikaw minn ebda dritt ta’ protezzjoni internazzjonali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

3.        Din il-kawża għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-portata tal-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari l-obbligu li jiġi żgurat li kull minuri mhux akkumpanjat jittieħed għand membru tal-familja tiegħu, għand tutur maħtur jew f’faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tfakkar l-importanza li għandhom l-aħjar interessi tal-minuri fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li għandhom effett fuq l-istatus tar-residenza tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiżgura wkoll li l-politika implimentata mill-Unjoni, intiża għat-tneħħija u għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tal-Istati Membri ma tkunx kompromessa f’termini ta’ effikaċja, speċjalment fi żmien ta’ żieda sinjifikattiva fil-flussi migratorji lejn l-Ewropa. Sa fejn l-effikaċja ta’ politika oħra importanti tal-Unjoni, jiġifieri dik marbuta mal-ażil, hija mkejla bis-suċċess li għandu jingħata lill-protezzjoni ta’ dawk li l-iktar għandhom bżonnha, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti għandha tippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jallokaw ir-riżorsi personali u materjal neċessarju sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

4.        L-Artikolu 21(1) tal-Karta jipprovdi:

“Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”

5.        Skont l-Artikolu 24 tal-Karta:

“1.      It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

2.      Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.”

2.      Id-Direttiva 2008/115

6.        Il-premessa 22 tad-Direttiva 2008/115 tiddikjara:

“F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-1989, ‘l-aħjar interessi tat-tfal’ għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva. F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, ir-rispett għall-ħajja tal-familja għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva.”

7.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

8.        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

9.        L-Artikolu 3(9) tal-istess direttiva jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [din id-direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

9)      ‘persuni vulnerabbli’ tfisser minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri waħedhom bi tfal minuri u persuni li ġew soġġettati għal tortura, stupru jew forom serji oħrajn ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.”

10.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, jipprovdi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

a)      l-aħjar interessi tat-tfal,

b)      il-ħajja familjari,

c)      l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

11.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, huwa fformulat, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu, kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[...]

4.      L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.”

12.      L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tneħħija”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.”

13.      L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Posponiment ta’ tneħħija”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

[...]

b)      sakemm jingħata effett sospensiv skond l-Artikolu 13(2).”

14.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Ritorn u tneħħija ta’ minuri mhux akkumpanjati”, jipprovdi:

“1.      Qabel jiġi deċiż li jinħarġu deċiżjonijiet ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjati, għandha tingħata assistenza minn korpi xierqa oħra apparti l-awtoritajiet li jinfurzaw it-tneħħija b’konsiderazzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal.

2.      Qabel ma jneħħu minuri mhux akkumpanjat mit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru għandhom ikunu sodisfatti li dan jew din ser jirritorna jew tirritorna għand membru tal-familja tiegħu jew tagħha, għand persuna maħtura b’responsabbiltà ta’ ġenitur jew f’faċilitazzjonijiet ta’ lqugħ adegwati fl-istat tar-ritorn.”

3.      Id-Direttiva 2011/95

15.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Skop”, jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

16.      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (f) tiegħu:

“f)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

17.      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, dwar il-kundizzjonijiet tal-protezzjoni sussidjarja u intitolat “Dannu serju”, jipprovdi:

“Dannu serju jikkonsisti minn:

a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

c)      theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

4.      Id-Direttiva 2013/33/UE

18.      Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2013/33”) tinkludi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ażil.

19.      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

d)      ‘minorenni’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla Stat taħt l-età ta’ 18‑il sena;

e)      ‘minorenni mhux akkompanjati’ tfisser minorenni li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkompanjat minn adult responsabbli għalih/għaliha kemm jekk bil-liġi jew bi prattika tal-Istat Membru kkonċernat u għaż-żmien sakemm ma jittiħdux effettivament fir-responsabbiltà ta’ persuna tali; din tinkludi persuna minorenni li titħalla mhux akkompanjata wara li tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri;

[...]”

20.      L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Minorenni mhux akkompanjati”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jibdew jittraċċaw il-membri tal-familja tal-minorenni mhux akkompanjat, fejn meħtieġ bl-assistenza internazzjonali jew ta’ organizzazzjonijiet relevanti oħra, mill-aktar fis wara li tkun iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali filwaqt li jipproteġu l-aħjar interessi tiegħu jew tagħha. [...]”

B.      Id-dritt Olandiż

21.      L-Artikolu 14(1) tal-wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin) tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin”), jipprevedi:

“Il-Ministru inkwistjoni għandu l-kompetenza sabiex:

a)      jilqa’, jiċħad jew ma jikkunsidrax mingħajr ma jeżamina l-applikazzjoni għal għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien limitat;

[...]

e)      joħroġ ex officio permess ta’ residenza għal żmien limitat jew jestendi t-terminu ta’ validità tiegħu;

[...]”

22.      L-Artikolu 64 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“It-tneħħija tiġi posposta sakemm l-istat ta’ saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jippermettix li wieħed jivvjaġġa.”

23.      L-Artikolu 3.6a tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin) jipprovdi:

“1      Fil-każ ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza abbażi tal-ażil għal żmien limitat, permess ta’ residenza regolari jista’ madankollu jingħata ex officio għal żmien limitat:

a)      liċ-ċittadin barrani li t-tneħħija tiegħu tmur kontra l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; jew

b)      fil-kuntest ta’ restrizzjoni marbuta ma’ raġunijiet umanitarji temporanji, għall-barrani li huwa l-vittma dikjaranti, il-vittma jew ix-xhud dikjaranti ta’ traffikar tal-bnedmin, kif imsemmi fl-Artikolu 3.48(1)(a), (b) jew (c).

[...]

4      Il-permess ta’ residenza jingħata abbażi tal-ewwel raġuni applikabbli msemmija fil-paragrafu 1.

[...]”

24.      Skont il-paragrafu B8/6.2.1. tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin):

“Il-permess ta’ residenza regolari għal żmien limitat jista’ jingħata ex officio mingħajr eżami ieħor jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

–        il-barrani jkollu inqas minn 15‑il sena fil-mument tal-ewwel applikazzjoni għal residenza;

–        il-barrani għamel dikjarazzjonijiet kredibbli dwar l-identità tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, il-ġenituri tiegħu u membri oħra tal-familja tiegħu;

–        mid-dikjarazzjonijiet tal-barrani jirriżulta li ma jeżisti ebda membru tal-familja tiegħu jew persuna oħra li tista’ toffrilu akkoljenza adegwata u li għandha jkun possibbli r-ritorn tiegħu;

–        matul il-proċedura, il-barrani ma ostakolax l-investigazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ akkoljenza fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż ieħor;

–        huwa magħruf li, b’mod ġenerali, akkoljenza adegwata ma hijiex disponibbli u huwa preżunt li tali akkoljenza ma hijiex ser tkun disponibbli fil-futur qarib, fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż ieħor li fih il-barrani jkun jista’ raġonevolment jirritorna. F’tali sitwazzjoni, huwa preżunt li d-Dienst Terugkeer en Vertrek (id-Dipartiment tar-Ritorn u tat-Tluq tal-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) ma jkunx jista’ jsib forma ta’ akkoljenza adegwata fit-terminu ta’ tliet snin.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25.      TQ iddikjara li kien twieled fl‑14 ta’ Frar 2002, fil-Ginea.

26.      Skont l-istqarrija tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu, huwa kien ilu sa minn età żgħira jgħix ma’ zitu fi Sjerra Leone. Wara l-mewt ta’ zitu, TQ daħal f’kuntatt ma’ raġel li kien ġej min-Niġerja, li wasslu fl-Ewropa. F’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), huwa kien vittma ta’ traffikar tal-bnedmin u ta’ sfruttament sesswali, u b’riżultat ta’ dan huwa attwalment qiegħed isofri minn problemi psikoloġiċi serji.

27.      TQ, minuri mhux akkumpanjat, ressaq applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal terminu definit bħala applikant għal ażil, fuq il-bażi tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin.

28.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2018, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni bħala infondata, billi ddeċieda ex officio li TQ ma kienx jibbenefika minn permess ta’ residenza għal żmien limitat skont l-Artikolu 14(1) tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin moqri flimkien mal-Artikolu 3.6a tad-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin. Din id-deċiżjoni awtorizzat il-posponiment provviżorju tad-deportazzjoni ta’ TQ, konformement mal-Artikolu 64 tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur jew, fil-każ ta’ deċiżjoni ex officio, għal perijodu iqsar sakemm isir l-eżami mill-Bureau Medische Advisering (l-Uffiċċju tal-Kunsill Mediku tal-Ministeru għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi), sabiex jiġi vverifikat jekk l-istat ta’ saħħa tiegħu kienx jippermetti t-tneħħija tiegħu.

29.      Fis‑16 ta’ April 2018, TQ ippreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s‑Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju.

30.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2018, is-Segretarju tal-Istat iddikjara li ebda posponiment ta’ deportazzjoni għal raġunijiet mediċi ma kien ingħata lil TQ, u impona fuq dan tal-aħħar obbligu ta’ tluq f’terminu ta’ erba’ ġimgħat. TQ ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni, li dwaru s-Segretarju tal-Istat kien għadu ma ħax deċiżjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju.

31.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin tipprevedi li, waqt l-eżami tal-ewwel applikazzjoni għal ażil, għandu jiġi eżaminat ex officio, fil-każ fejn il-barrani ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-protezzjoni sussidjarja, jekk ir-residenza ordinarja għandhiex tingħatalu. Din il-liġi tipprovdi wkoll li d-deċiżjoni li permezz tagħha tiġi miċħuda applikazzjoni għal ażil hija ekwivalenti għal deċiżjoni ta’ ritorn.

32.      Fir-rigward tal-minuri mhux akkumpanjati ta’ età ta’ inqas minn 15‑il sena, iċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin tipprevedi l-obbligu li ssir investigazzjoni dwar l-akkoljenza adegwata f’pajjiż ta’ ritorn. Fl-assenza ta’ tali akkoljenza, il-minuri mhux akkumpanjat jingħata permess ta’ residenza ordinarju (politika msejħa “buitenschuld-beleid”).

33.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li TQ la jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat u lanqas għall-protezzjoni sussidjarja. Fir-rigward ta’ permess ta’ residenza ordinarju, din il-qorti tirrileva li TQ kellu 15‑il sena u erba’ xhur meta ressaq l-applikazzjoni għal ażil tiegħu. F’tali xenarju, id-dritt Olandiż jimponi obbligu legali ta’ tluq mit-territorju tal-Istati Membri mingħajr ma tiġi żgurata l-eżistenza, fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż ieħor barra mill-Unjoni, ta’ akkoljenza adegwata.

34.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar ir-rilevanza ta’ din id-distinzjoni bejn il-minuri ta’ inqas u ta’ iktar minn 15‑il sena, billi tinvoka l-aħjar interessi tal-minuri. Fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, li jikklassifika l-minuri mhux akkumpanjati bħala “persuni vulnerabbli”, din il-qorti tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax kellu l-intenzjoni li ma jibqax jeżiġi li tingħata l-assistenza billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ ritorn.

35.      F’dan il-każ, TQ isostni li huwa la jaf fejn jirrisjedu l-ġenituri tiegħu u lanqas jekk jistax jirrikonoxxihom la jirritorna. Huwa ma jaf lil ebda membru ieħor tal-familja tiegħu u lanqas jaf jekk jeżistux. Huwa ma jistax jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu peress li ma trabbiex hemm, ma jaf lil ħadd hemmhekk u ma jitkellimx il-lingwa. TQ iddikjara li huwa kien jikkunsidra bħala l-familja tiegħu lill-familja ta’ akkoljenza li għandha kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

36.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal ażil, ir-residenza ta’ tali applikant fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi hija illegali. Id-Dipartiment tar-Ritorn u tat-Tluq, li huwa inkarigat bir-ritorn ta’ persuna f’tali sitwazzjoni, kien wettaq regolarment intervisti ma’ TQ sabiex jippreparah għar-ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, u dan kien wassal għal żieda fil-problemi psikjatriċi tiegħu.

37.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, sakemm ma tkunx saret l-investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza, is-Segretarju tal-Istat ma għandux ineħħi l-applikant għal ażil jekk ikun minuri. Għaldaqstant, fil-prattika s-Segretarju tal-Istat jidher li jistenna li l-applikant għal ażil jilħaq l-età ta’ tmintax‑il sena u jkun għalhekk ġuridikament maġġorenni, liema fatt ikollu l-effett li l-investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 ma tibqax meħtieġa.

38.      Skont il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat ma jistax jimponi obbligu ta’ ritorn, u b’hekk jiddeċiedi li l-estensjoni tar-residenza hija irregolari, filwaqt li sussegwentement ma jieħu ebda miżura ta’ tneħħija u sempliċement jistenna li l-applikant ikun maġġorenni.

39.      Il-qorti tar-rinviju żżid li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) qatt ma wieġeb għall-kwistjonijiet ta’ liġi li tqajjem din il-kawża u ma ressaqx talba għal deċiżjoni preliminari dwarhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

40.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 10 tad-Direttiva [2008/115], moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 24 tal-[Karta], il-premessa 22 u l-Artikolu 5(a), tad-Direttiva [2008/115], kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva [2011/95], għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru, qabel ma jimponi obbligu ta’ ritorn fuq minuri mhux akkumpanjat, għandu jiżgura ruħu – u jwettaq investigazzjoni għal dan il-għan – li f’kull każ, il-pajjiż ta’ oriġini joffri fil-prinċipju faċilità ta’ akkoljenza adegwata u li hija disponibbli?

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2008/115], moqri flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma huwiex awtorizzat jagħmel distinzjoni abbażi tal-età, sabiex jawtorizza r-residenza legali fit-territorju tiegħu, meta jkun stabbilit li minuri mhux akkumpanjat ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ refuġjat jew għal protezzjoni sussidjarja?

3)      a)      L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva [2008/115] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta minuri mhux akkumpanjat ma jikkonformax mal-obbligu ta’ ritorn, u l-Istat Membru ma jiħux, u ma huwa ser jieħu, l-ebda miżura konkreta ta’ tneħħija, l-obbligu ta’ ritorn għandu jiġi sospiż u, għaldaqstant, għandha tiġi awtorizzata r-residenza legali?

b)      L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [2008/115] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies li huwa kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipju ta’ lealtà [tad-Dritt tal-Unjoni] li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn kontra minuri mhux akkumpanjat, mingħajr mbagħad ma jittieħdu miżuri ta’ tneħħija sakemm il-minuri mhux akkumpanjat jilħaq l-età ta’ tmintax‑il sena?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

41.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tat‑12 ta’ Ġunju 2019 waslet fl-istess jum fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42.      Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Ġunju 2019, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, din it-talba ġiet miċħuda.

44.      TQ, il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Belġju, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ressqu osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

45.      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑17 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet sabiex tingħata tweġiba bil-miktub lill-Gvern Olandiż. L-osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-imsemmija miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tressqu fit-terminu stabbilit.

V.      Analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

46.      Il-minuri mhux akkumpanjati jirrappreżentaw fenomenu li qiegħed jikber fil-fruntieri esterni tal-Unjoni (5). Kull sena jasal numru sinjifikattiv ta’ minuri fit-territorju tal-Istati Membri mingħajr il-ġenituri tagħhom jew tutur maħtur, li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali (6). Minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom marbuta, fost fatturi oħra, mal-inkapaċità legali, mal-assenza ta’ persuni ta’ riferiment, man-nuqqas ta’ maturità u ta’ mezzi ta’ sussistenza, il-minuri mhux akkumpanjati jeħtieġu attenzjoni partikolari min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ta’ akkoljenza (7). Konxju minn din is-sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta diversi atti leġiżlattivi fl-oqsma tal-ażil u tal-immigrazzjoni li jinkludu dispożizzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet għal din il-kategorija ta’ persuni (8). Ma’ dawn l-atti jiżdiedu diversi atti ta’ interpretazzjoni adottati mill-Kummissjoni kif ukoll minn aġenziji Ewropej speċjalizzati (9) intiżi sabiex jagħtu gwidi prattiċi lill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-mod korrett kif jiġu applikati l-atti ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq fil-kuntest rispettiv tagħhom.

47.      Għalhekk, għalkemm id-Direttiva 2008/115 tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – inklużi l-minuri mhux akkumpanjati –, hemm dispożizzjonijiet legali li jimponu ċerti obbligi fuq l-awtoritajiet nazzjonali li dawn tal-aħħar għandhom josservaw b’mod imperattiv, bħall-obbligu previst fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, li skontu “[q]abel ma jneħħu minuri mhux akkumpanjat mit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru għandhom ikunu sodisfatti li dan jew din ser jirritorna jew tirritorna għand membru tal-familja tiegħu jew tagħha, għand persuna maħtura b’responsabbiltà ta’ ġenitur jew f’faċilitazzjonijiet ta’ lqugħ adegwati fl-istat tar-ritorn”. Minħabba n-natura sensittiva tal-kawżi li jirrigwardaw id-drittijiet tar-refuġjati minuri kif ukoll il-kumplessità fattwali tagħhom, xi drabi jista’ jkun diffiċli għall-awtoritajiet nazzjonali li jistabbilixxu b’ċertezza jekk huma ssodisfawx debitament l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tista’ eventwalment tagħti lok għall-istabbiliment ta’ prassi amministrattiva fil-livell nazzjonali li tirriżulta li tkun irrikonċiljabbli mad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha r-rwol kruċjali li tiċċara l-portata tal-imsemmi obbligu permezz ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti u, b’dan il-mod, tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jikkorreġu l-prassi amministrattiva tagħhom.

48.      Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonfrontata b’tali sitwazzjoni f’dan il-każ peress li l-qorti tar-rinviju tqajjem diversi kwistjonijiet bażiċi relatati mal-obbligu impost mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115. Din tal-aħħar ma taħbix id-dubji li għandha fir-rigward tal-mod kif l-awtoritajiet Olandiżi jissodisfaw dan l-obbligu, u hija għal din ir-raġuni li hija titlob interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Kif diġà ġie indikat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża f’liema stadju tal-proċedura quddiem l-awtoritajiet nazzjonali huwa neċessarju li jitwettqu l-investigazzjonijiet intiżi sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet adegwati ta’ akkoljenza fl-Istat ta’ ritorn. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk Stat Membru jistax jagħmel distinzjoni abbażi tal-età, li tillimita l-obbligu li jitwettqu l-imsemmija investigazzjonijiet għall-każijiet li jikkonċernaw minuri taħt l-età ta’ 15‑il sena. Finalment, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità u l-konsegwenzi legali ta’ prassi amministrattiva nazzjonali li tidher li tirrinunzja miżuri konkreti ta’ tneħħija fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat minkejja l-fatt li tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah. Ser neżamina dawn id-domandi skont l-ordni li fiha saru mill-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

49.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk Stat Membru, qabel ma jimponi obbligu ta’ ritorn fuq minuri mhux akkumpanjat, għandux jiżgura li l-pajjiż ta’ oriġini joffri, bħala prinċipju, akkoljenza adegwata.

50.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115 permezz tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-interpretazzjoni testwali, sistematika u teleoloġika (10).

51.      Qabel kollox, irrid ninnota li, bħala prinċipju, ikun possibbli li jiġi preżunt, abbażi ta’ sempliċi interpretazzjoni testwali u iżolata tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115, li l-obbligu li din id-direttiva timponi fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jiżguraw ruħhom li l-minuri mhux akkumpanjat “ser jirritorna jew tirritorna għand membru tal-familja tiegħu jew tagħha, għand persuna maħtura b’responsabbiltà ta’ ġenitur jew f’faċilitazzjonijiet ta’ lqugħ adegwati fl-istat tar-ritorn” huwa intiż li japplika biss meta deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà ġiet adottata u meta l-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu bit-tneħħija tal-minuri.

52.      Fil-fatt, jista’ jiġi sostnut li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115 jagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji differenti ta’ obbligi, applikabbli għall-istadji differenti tal-proċedura, jiġifieri l-istadju tat-teħid tad-deċiżjoni ta’ ritorn u dak tat-tneħħija, kull wieħed irregolat rispettivament mill-paragrafi 1 u 2. Fuq il-bażi ta’ tali interpretazzjoni jista’ jiġi affermat li l-obbligu li jiġi żgurat li l-Istat ta’ ritorn joffri akkoljenza adegwata jissemma biss fil-paragrafu 2, li huwa dispożizzjoni intiża biss għall-istadju tat-tneħħija.

53.      Madankollu, jien konvint li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115 hija żbaljata peress li din tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra ta’ interpretazzjoni indispensabbli li ser insemmi iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-analiżi tiegħi.

54.      Mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta b’mod ċar li l-obbligu msemmi iktar ’il fuq jitnissel qabel ma jitneħħa l-minuri, li jagħti x’jifhem li l-Istat Membru għandu, jekk ikun il-każ, jissodisfa dan l-obbligu fi stadju preliminari fil-proċedura, jew meta jkun wasal il-mument sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri jew le. Fi kliem ieħor, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni b’ebda mod ma tippermetti li jiġi konkluż li huwa biżżejjed li l-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw, matul il-proċedura ta’ tneħħija, li jeżistu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn.

55.      Fil-fehma tiegħi raġunijiet purament loġiċi jiffavorixxu interpretazzjoni f’dan is-sens, iktar u iktar meta ma huwiex evidenti li jiġi ddeterminat għalfejn l-Istat Membru għandu jinjora aspett fattwali tant importanti bħall-assenza ta’ akkoljenza xierqa fil-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn, b’mod li jressaq dan il-kompitu lejn l-aħħar stadju tal-proċedura. Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, filwaqt li jkun magħruf perfettament li ma teżisti ebda akkoljenza adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini tfisser li tkun qed tiġi adottata deċiżjoni fejn ikun diġà magħruf sa mill-bidu li din ma tistax tiġi implimentata immedjatament wara – taħt piena ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali ggarantiti lil kull persuna li hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni.

56.      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 hija intiża sabiex tipproteġi lill-minuri mhux akkumpanjat sa fejn din tevita li dan tal-aħħar jintbagħat għal futur inċert fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. In-neċessità li dan jiġi protett, preferibbilment fi stadju inizjali tal-proċedura, tirriżulta mill-klassifikazzjoni tiegħu bħala “persuna vulnerabbli”, irrikonoxxuta b’mod espliċitu fil-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 u li għaliha għamilt riferiment fl-osservazzjonijiet preliminari tiegħi (11).

57.      L-obbligu ta’ protezzjoni li jaqa’ fuq l-Istati Membri għandu importanza partikolari fil-każijiet fejn il-minuri, wara li jkun applika għal ażil mingħajr suċċess, jaffaċċja riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95. Irrid infakkar li diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni jirriflettu l-impenn li jiġi osservat il-prinċipju ta’ non-refoulement, jiġifieri l-Artikolu 19(2) tal-Karta, l-Artikolu 78(1) TFUE, u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, biex niċċita wħud minnhom.

58.      Għandu jiġi nnotat f’dan il-kuntest li, konformement mal-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan ta’ tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni, “għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom” (12). Dan l-għan huwa riprodott fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115 sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-istandards u l-proċeduri komuni ffissati minn din id-direttiva għandhom japplikaw fl-Istati Membri kollha mar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment “skond id-drittijiet fundamentali [kif irrikonoxxuti fid-dritt tal-Unjoni] kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”(13).

59.      Fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li ma huwiex possibbli li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115 jiġi interpretat mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra applikabbli għall-każ inkwistjoni li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-minuri mhux akkumpanjat, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115. Din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-Kapitolu I tad-Direttiva 2008/115, li fiha “dispożizzjonijiet ġenerali” maħsuba biex jiġu applikati fiċ-ċirkustanzi kollha, tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal (14). Kif ser nispjega iktar fid-dettall f’dawn il-konklużjonijiet (15), id-determinazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal hija bbażata fuq evalwazzjoni individwali bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi fatturi marbuta mas-sitwazzjoni tagħhom, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza li jipprevalu fil-pajjiż ta’ ritorn.

60.      L-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115 jittrasponi fil-qasam tad-dritt tal-immigrazzjoni tal-Unjoni l-obbligu msemmi fl-Artikolu 24 tal-Karta, li jikkonsisti fl-offerta tal-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-ġid tat-tfal (16), kif ukoll fl-iżgurar li fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(3) TUE, l-Unjoni tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Fid-dawl tal-importanza li d-dritt tal-Unjoni jagħti manifestament lill-protezzjoni tat-tfal, billi stabbilixxietu wkoll fid-dritt primarju, l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ livell superjuri ċċitati iktar ’il fuq.

61.      Fil-livell tad-dritt internazzjonali, l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal (17), li inċidentalment ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, jistabbilixxi li “fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw lit-tfal, kemm jekk jittieħdu minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta’ protezzjoni soċjali, qrati, awtoritajiet amministrattivi jew organi leġiżlattivi, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja” (18) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija konvenzjoni, “it-tfal għandhom [ikollhom] l-opportunità li jinstemgħu f’kull proċedura ġudizzjarja jew amminstrattiva li tikkonċernahom” (19) [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jinkludi wkoll kull proċedura ta’ ritorn li jkun suġġett għaliha minuri mhux akkumpanjat. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Unjoni nnifisha ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni, id-dritt intern tagħha jirrifletti b’mod fidil id-dispożizzjonijiet tagħha (20), b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu josservaw l-impenji meħuda meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u – li huwa partikolarment importanti għall-finijiet ta’ din il-kawża – id-Direttiva 2008/115 li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta.

62.      L-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal fil-qasam tal-immigrazzjoni hija wkoll irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (21). Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (22), dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (23), l-Istati Membri għandhom “jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal minorenni” waqt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. It-tfakkira li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa mandatorju wkoll meta d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni jidhirli li hija rilevanti għall-effetti ta’ din il-kawża, minħabba li d-Direttiva 2008/115 nnifisha wkoll tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni b’mezz leġiżlattiv u amministrattiv, filwaqt li toqgħod lura milli tispeċifika fid-dettall il-mod kif l-Istati Membri għandhom jissodisfaw l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva.

63.      Fid-dawl tal-importanza li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-protezzjoni tal-minuri mhux akkumpanjat, jidhirli li huwa inkonċepibbli li l-leġiżlatur seta’ kellu l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri jivverifikaw biss fl-istadju tat-tneħħija jekk hemmx kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn. Jidhirli li huwa pjuttost neċessarju, sabiex tiġi żgurata b’mod effettiv il-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri, li ssir tali verifika f’kull stadju rilevanti tal-proċedura, inkluż fil-mument li tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

64.      Id-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/33 jidhirli li tikkonferma din l-interpretazzjoni sa fejn din tistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jibdew jittraċċaw il-membri tal-familja tal-minorenni mhux akkompanjat, fejn meħtieġ bl-assistenza internazzjonali jew ta’ organizzazzjonijiet relevanti oħra, mill-aktar fis wara li tkun iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali filwaqt li jipproteġu l-aħjar interessi tiegħu jew tagħha”(24). Fil-fehma tiegħi, il-konklużjonijiet prinċipali li jistgħu jinsiltu mill-analiżi ta’ din id-dispożizzjoni huma dawn li ġejjin.

65.      Fl-ewwel lok, l-aħjar interessi tal-minuri huma moqdija l-aħjar meta l-unità tal-familja hija ggarantita (25), u dan inċidentalment jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115, li jsemmi b’mod espliċitu l-possibbiltà li jittieħed għand “membru tal-familja”. Din il-konklużjoni hija kkorroborata wkoll mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tar-riunifikazzjoni tal-familja għat-tfal migranti, minħabba li dan jippermettilhom jgħixu “ħajja tal-familja” (26). Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża, f’dan ir-rigward, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (27). Għall-finijiet ta’ eżawrjenza, nixtieq nikkompleta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja b’riferiment għas-sentenza Mubilanzila Mayeka u Kaniki Mitunga vs Il‑Belġju (28), mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ftit xhur wara s-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, li fiha din il-qorti kkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 8 KEDB fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn, minħabba li r-Renju tal-Belġju ma kienx ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura r-riunifikazzjoni ta’ minuri mal-familja tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini, liema fatt jidhirli li huwa partikolarment rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża. Finalment, fir-rigward tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, ninnota li, minkejja li f’dak iż-żmien ma kinitx legalment vinkolanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tirreferi għall-Artikolu 7 tal-Karta, fejn huwa stabbilit id-dritt ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja tal-familja tagħha (29).

66.      Fil-każ fejn il-minuri mhux akkumpanjat ma jkollux familja jew ebda membru tal-familja tiegħu ma jkun jista’ jinstab fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi alternattivi, jiġifieri li jittieħed għand “persuna maħtura b’responsabbiltà ta’ ġenitur” jew f’“faċilitazzjonijiet ta’ lqugħ [faċilitajiet ta’ akkoljenza] adegwati”. Huwa evidenti li dawn l-alternattivi huma intiżi fl-aħħar mill-aħħar sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-minuri mhux akkumpanjat billi jirrimedjaw għall-eventwali assenza ta’ rabtiet tal-familja. Rappreżentanti maħtura speċifikament mil-liġi u istituzzjonijiet soċjali speċjalizzati jassumu għalhekk ir-responsabbiltà li jħarsu l-benesseri tat-tfal, li ġeneralment huwa r-responsabbiltà tal-familja.

67.      Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jintervjenu diġà fl-istadju inizjali tal-proċedura ta’ ażil, jiġifieri fil-mument “li tkun iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, li loġikament għandu l-konsegwenza li jnissel, b’mod kważi simultanju, l-obbligu li jikkonsisti fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet adegwati ta’ akkoljenza fl-Istat ta’ ritorn.

68.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi diversi indizji insostenn ta’ interpretazzjoni li tiffavorixxi l-iktar evalwazzjoni kmieni possibbli tal-kundizzjonijiet adegwati ta’ akkoljenza fil-pajjiż ta’ oriġini abbażi tal-investigazzjonijiet rispettivi. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Boudjlida (30), ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment għandu “[d]-dritt li [j]esprimi, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah, l-opinjoni [tiegħu] dwar l-eventwali applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6(2) sa (5) [tad-Direttiva 2008/115], kif ukoll dwar il-modalitajiet tar-ritorn tiegħu” (31). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta l-Istati Membri jimplementaw [id-Direttiva 2008/115], huma għandhom [...] jikkunsidraw b’mod adegwat l-interessi superjuri tat-tfal [u] tal-ħajja tal-familja” (32), liema fatt, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jiġbor ukoll l-istadji preliminari għat-tneħħija, inkluż it-teħid ta’ deċiżjoni dwar ir-ritorn. Minn dan isegwi li, “meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkunsidra li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn, din l-awtorità għandha neċessarjament tirrispetta l-obbligi imposti bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u tisma’ lill-persuna kkonċernata f’dan ir-rigward” (33). F’dan ir-rigward, “il-persuna kkonċernata għandha tikkoopera mal-awtorità nazzjonali kompetenti waqt is-smigħ tagħha sabiex tagħtiha l-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sitwazzjoni personali u familjari tagħha u, b’mod partikolari, dik li tista’ tiġġustifika li deċiżjoni ta’ ritorn ma tittiħidx” (34). Minn din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aħjar interessi tat-tfal jistgħu eventwalment iwasslu sabiex l-awtorità nazzjonali “tastjeni milli tadotta deċiżjoni ta’ ritorn” (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tidher li tibda bil-premessa li l-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal għandha titwettaq saħansitra qabel it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Sa fejn l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet adegwati ta’ akkoljenza fil-pajjiż ta’ oriġini tinfluwenza b’mod deċiżiv din l-evalwazzjoni, din għandha tiġi kkunsidrata bħala fattur fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fil-mument li jiġi deċiż jekk hemmx lok li jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri jew le.

69.      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, jien nikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni, li skontha l-obbligu previst fl-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115 jimplika li meta jadottaw deċiżjoni dwar ir-ritorn, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ fatturi (36) bħall-età tal-minuri, il-vulnerabbiltà partikolari tiegħu, kemm bħala minuri mhux akkumpanjat kif ukoll bħala vittma tat-traffikar tal-bnedmin, it-tqegħid tiegħu f’familja ta’ akkoljenza fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ ritorn, l-ambjent soċjali tiegħu u l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu, il-preżenza eventwali ta’ membri tal-familja tiegħu fil-pajjiż ta’ ritorn u, b’mod iktar ġenerali, id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fil-pajjiż ta’ ritorn (37). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw dawn il-fatturi hekk kif ikunu fil-mument meta jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Hija biss evalwazzjoni globali abbażi ta’ dawn il-fatturi li tippermetti li jiġu identifikati l-aħjar interessi tat-tfal u li tittieħed deċiżjoni konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115.

70.      Jien konvint li interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħmlu tali verifika f’kull stadju rilevanti tal-proċedura, u mhux biss fil-mument li ssir it-tneħħija, tissodisfa bl-aħjar mod l-aħjar interessi tal-minuri, iktar u iktar meta dawn l-interessi jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi (38). Bħala eżempju, għandu jiġi nnotat li investigazzjoni mwettqa qabel deċiżjoni dwar dritt ta’ residenza eventwali li tiżvela kundizzjonijiet adegwati għal ritorn normalment tiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni f’dan is-sens. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinbidlu b’mod kunsiderevoli u anki b’mod sfavorevoli matul iż-żmien, b’tali mod li jostakolaw l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Sabiex jittaffa deterjorament eventwali tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, huwa essenzjali li l-proċedura tkun flessibbli biżżejjed, filwaqt li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-verifika neċessarja fil-mumenti kritiċi. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li fakkret, fis-sentenza Gnandi (39), li “l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni kkonċernati jinvokaw kull bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni li tordna r-ritorn, li tkun ta’ natura li jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha” (40). Minn din is-sentenza niddeduċi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja li ġestjoni flessibbli tal-proċedura biss, li tippermetti verifiki f’kull stadju rilevanti, tiggarantixxi li l-aħjar interessi tat-tfal jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni.

71.      F’każ ta’ evoluzzjoni sfavorevoli taċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa raġonevoli li jiġu sospiżi l-effetti tad-deċiżjoni ta’ ritorn jew li tiġi posposta l-eżekuzzjoni tagħha sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li tista’ tippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-minuri mhux akkumpanjat. Min-naħa l-oħra, jista’ jirriżulta li l-assenza ta’ kundizzjonijiet adegwati għal ritorn tal-minuri teżiġi li ma tista’ tittieħed ebda deċiżjoni ta’ ritorn, tal-inqas sakemm ikunu għadhom ma nstabux faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati. Madankollu, u dan ix-xenarju jista’ jirriżulta wkoll, jekk l-aħjar interessi tal-minuri jiġġustifikaw ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini u ma jkun hemm ebda ostakolu għal din l-għażla, ikun meħtieġ li ssir it-tneħħija tal-minuri. Ser nindirizza d-diversi possibbiltajiet li jistgħu jirriżultaw matul proċedura ta’ ażil fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet domanda.

72.      Abbażi ta’ din l-analiżi, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma jimponu obbligu ta’ ritorn fuq minuri mhux akkumpanjat, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ akkoljenza adegwata għall-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni fl-Istat ta’ ritorn.

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

73.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk Stat Membru jistax jagħmel distinzjoni abbażi tal-età ta’ minuri mhux akkumpanjat sabiex jawtorizzah jirrisjedi fit-territorju tiegħu, meta jiġi stabbilit li dan il-minuri ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-protezzjoni sussidjarja.

74.      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tal-imsemmi dritt li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati awtonomament u b’mod uniformi fl-Unjoni kollha (41). B’kunsiderazzjoni ta’ dan, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni jiddefinixxi huwa stess il-kunċett ta’ “minuri”, li jeskludi, fl-opinjoni tiegħi, kull riferiment għad-dritt nazzjonali.

75.      Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li, konformement mal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2013/33, dan il-kunċett huwa ddefinit bħala kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla Stat taħt l-età ta’ 18il sena. Għalhekk, id-Direttiva 2013/33 ma tipprevedi ebda distinzjoni bejn il-minuri abbażi tal-età. L-istess japplika għad-Direttiva 2008/115 li l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2008/115, “[l]-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ [...] età” (42). Dan ir-rekwiżit jikkonkretizza, fil-livell tad-dritt idderivat, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età prevista fl-Artikolu 21 tal-Karta li, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kücükdeveci, b’riferiment għall-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku tat-Trattati (43).

76.      Fid-dawl tal-kuntest ġuridiku pjuttost ċar, jidhirli li huwa kważi inkonċepibbli li prassi amministrattiva li għandha l-effett li tittratta kategorija ta’ minuri, iddefinita abbażi tal-età, b’mod inqas favorevoli minn oħra tista’ tiġi kkunsidrata bħala konformi mad-dritt tal-Unjoni (44), ħlief jekk din tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi. Huwa meħtieġ eżami tal-prassi amministrattiva inkwistjoni, b’mod partikolari tal-mod kif topera kif ukoll tar-raġunijiet sottostanti, abbażi tal-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess.

77.      Fir-rigward tal-prassi amministrattiva inkwistjoni, hemm lok li jiġi osservat li l-allegata ommissjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jwettqu l-verifiki neċessarji fir-rigward tal-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli tal-minuri mhux akkumpanjati b’età ta’ 15‑il sena u iktar inkwantu ma jsir ebda sforz sabiex jiġi żgurat li dawn il-minuri jikbru f’ambjent li jiggarantixxi s-sigurtà tagħhom mar-ritorn tagħhom. Din iċ-ċirkustanza jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-iżvilupp personali tagħhom. Sabiex jinftiehmu l-konsegwenzi ta’ tali ommissjoni, wieħed għandu jkun konxju li l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw kompitu li minuri mhux akkumpanjat ftit li xejn ikun kapaċi jwettaq minħabba l-vulnerabbiltà tiegħu, kif tindika ġustament il-qorti tar-rinviju.

78.      Il-minuri mhux akkumpanjat taħt l-età ta’ 15‑il sena jista’ jibbenefika mill-appoġġ tal-awtoritajiet kompetenti għat-tfittxija tal-familja tiegħu jew mill-inqas ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati, u b’hekk jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini. Għall-kuntrarju, minuri ta’ 15‑il sena jew iktar għandu jistenna li jkollu jerġa’ jidħol mingħajr ma jkollu l-istess perspettiva. Fil-fatt, minkejja li l-prassi amministrattiva inkwistjoni ma tipprevedix ir-ritorn immedjat tal-individwu, sa fejn ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru tkun ittollerata sakemm jilħaq l-età maġġuri, jista’ jitqies li s-sitwazzjoni tiegħu tkun inqas ipprivileġġata, peress li meta jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini huwa ma jkollu ebda persuna ta’ riferiment jew faċilità ta’ akkoljenza li tista’ toffrilu possibbiltà ġenwina ta’ integrazzjoni.

79.      Fir-rigward tar-raġunijiet li jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament, jeħtieġ li nikkonstata li, konformement mal-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Olandiż, id-distinzjoni hija bbażata fuq il-fatt li proċedura ta’ ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi normalment iddum tliet snin. Il-Gvern Olandiż jindika li ġiet adottata sistema speċjali ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex il-minuri ma jitħallewx għal iktar minn tliet snin fl-inċertezza dwar is-sitwazzjoni ta’ residenza tagħhom u sabiex jingħataw perspettiva ta’ futur. Konformement ma’ din is-sistema speċjali, jingħata dritt ta’ residenza regolari lill-applikant għal ażil li, fi tmiem il-perijodu ta’ tliet snin, ikun għadu minuri. Konsegwentement, huma biss it-tfal taħt l-età ta’ 15‑il sena li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal tali dritt ta’ residenza. Huwa minn dan li tirriżulta l-kundizzjoni li tipprevedi li l-minuri għandu jkollu inqas minn 15‑il sena fil-mument tal-ewwel applikazzjoni għal residenza.

80.      Kif jispjega l-Gvern Olandiż, l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-minuri fir-rigward ta’ din is-sistema speċjali ta’ residenza ladarba jiġi deċiż li dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għal permess abbażi tal-ażil. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, u dan minħabba l-aħjar interessi tat-tfal, minuri mhux akkumpanjat f’dak il-mument jista’ diġà jittieħed inkunsiderazzjoni għal permess ta’ residenza, b’tali mod li r-residenza irregolari tiġi evitata. Għalhekk għandu jkun diġà ċar, f’dak il-mument, li l-minuri mhux akkumpanjat ma jkunx jista’ jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn tul perijodu ta’ tliet snin. Fir-rigward tal-minuri mhux akkumpanjati li jkollhom iktar minn 15‑il sena fil-mument tal-ewwel applikazzjoni tagħhom għal residenza, tibqa’ tapplika s-sistema ordinarja. Madankollu, skont il-Gvern Olandiż, dawn tal-aħħar jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti ta’ status ieħor, li jagħtihom dritt ta’ residenza, applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment li, mingħajr ma tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħhom, ma jistgħux jitilqu mill-Pajjiżi l-Baxxi.

81.      Nikkondividi d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-konformità mal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 ta’ prassi amministrattiva nazzjonali li tibbaża fuq sempliċi preżunzjoni marbuta mal-allegat tul massimu ta’ proċedura ta’ ażil sabiex issir distinzjoni bbażata fuq l-età bejn il-membri ta’ grupp ta’ individwi, minkejja l-fatt li dawn tal-aħħar jinsabu kollha fl-istess sitwazzjoni. L-individwi jidhru li huma ttrattati b’mod differenti minkejja li ma hemm ebda ġustifikazzjoni raġonevoli sabiex issir tali distinzjoni jekk mhux għall-intenzjoni li jiġi ssemplifikat ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, din id-distinzjoni jidher li għandha essenzjalment l-għan li tirregola b’mod prevedibbli l-istatus ta’ residenza tal-minuri mhux akkumpanjati għall-effetti tad-dritt Olandiż, filwaqt li tagħti preferenza lil dawk taħt l-età ta’ 15‑il sena meta mqabbla ma’ dawk ikbar fl-età. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, dritt ta’ residenza jingħata lil din il-kategorija ta’ minuri jekk ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew jekk ma jkunux jistgħu jitilqu mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dawn il-minuri jakkwistaw drittijiet għar-residenza matul l-età minuri tagħhom, ma jirritornawx u ma jistgħux jittieħdu lura lejn il-fruntiera meta l-investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 ma ssirx jew ma tkunx tat riżultat. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-minuri mhux akkumpanjati li għandhom iktar minn 15‑il sena, il-prassi amministrattiva inkwistjoni tidher pjuttost li tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali jirrinunzjaw għan-neċessità li jwettqu investigazzjonijiet, li tippermettilhom ukoll li joqgħodu lura milli jipproċedu bit-tneħħija tal-minuri sakemm dan ma jkunx laħaq l-età maġġuri. Jidhirli li l-limitu tal-età ta’ 15‑il sena ġie stabbilit b’mod espliċitu mill-awtoritajiet nazzjonali bħala kriterju allegatament ċar u affidabbli sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat b’eżattezza l-mod kif wieħed għandu jipproċedi f’kull każ individwali.

82.      Issa, minbarra l-fatt li tali approċċ ma jsib ebda bażi fid-Direttiva 2008/115, jien konvint li dan jinvolvi riskji gravi fil-kuntest tal-applikazzjoni korretta tagħha, riskji li għandhom jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

83.      Fl-ewwel lok, dan l-approċċ għandu l-effett li jdgħajjef il-protezzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-minuri mhux akkumpanjati skont id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. Sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali jirrinunzjaw li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 favur prevedibbiltà amministrattiva ikbar, huma jaġixxu kontra l-għan iddefinit fit-Trattati li huwa li jiġi żgurat il-benesseri tat-tfal. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali joqgħodu lura milli jivverifikaw huma stess il-preżenza ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn, dan ikun ifisser li fl-aħħar mill-aħħar huma jimponu din ir-responsabbiltà fuq il-minuri mhux akkumpanjat, għall-kuntrarju ta’ dak li tipprovdi d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

84.      Fit-tieni lok, tali approċċ jostakola l-għan li tiġi implimentata “politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni” bbażata fuq standards komuni, kif previst mill-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2008/115. Din id-direttiva teżiġi, skont l-Artikoli 6 u 8, li l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn “għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom” kif ukoll “[i]l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn” (45). Kif ser nesponi f’iktar dettall fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tat-tielet domanda preliminari, politika nazzjonali tal-hekk imsejħa “tolleranza” fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment li hija bbażata fuq prassi amministrattiva indulġenti, jew saħansitra irrilevanti min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, tirriskja li tikkomprometti l-funzjonament tajjeb tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni. Din għandha l-effett li toħloq “grey area” ta’ illegalità, li tippermetti r-residenza estiża tal-migranti minuri fit-territorju tal-Istat Membru minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Tali approċċ jidhirli li jippreġudika ċ-ċertezza legali u jmur kontra l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/115, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-istatus ta’ residenza tal-migrant jiġi ċċarat malajr kemm jista’ jkun permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u, jekk ikun il-każ, li jittieħdu miżuri konkreti ta’ eżekuzzjoni mingħajr dewmien mill-awtoritajiet nazzjonali. Konsegwentement, tali approċċ għandu jiġi kkunsidrat bħala irrikonċiljabbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni sa fejn dan jostakola l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2008/115.

85.      Minn dan isegwi li prassi amministrattiva bħal dik inkwistjoni li tittratta l-minuri mhux akkumpanjati b’mod differenti abbażi tal-età tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu li jiġi żgurat li l-pajjiż ta’ oriġini joffrilhom, bħala prinċipju, akkoljenza adegwata, ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi. Għaldaqstant, din tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni.

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri jagħmlu distinzjoni abbażi tal-età ta’ minuri mhux akkumpanjat, sabiex jawtorizzaw ir-residenza fit-territorju tagħhom, meta jkun stabbilit li dan il-minuri ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-protezzjoni sussidjarja.

D.      Fuq it-tielet domanda preliminari

87.      It-tielet domanda preliminari tgħaqqad żewġ domandi li ser neżamina separatament. Permezz tal-paragrafu (a) tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment, tixtieq tkun taf jekk l-Istati Membri jistgħux jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat mingħajr ma sussegwentement jadottaw miżuri ta’ tneħħija. Il-paragrafu (b) tat-tielet domanda huwa intiż sabiex jiġi stabbilit jekk l-Istat Membru li ma jieħu ebda miżura konkreta ta’ tneħħija huwiex marbut jissospendi l-obbligu ta’ ritorn u, għalhekk, jawtorizza r-residenza ta’ minuri mhux akkumpanjat li ma jsegwix volontarjament l-obbligu ta’ ritorn.

1.      Fuq il-paragrafu (a) tat-tielet domanda

88.      Fir-rigward tal-paragrafu (a) tat-tielet domanda, qabel kollox għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni. Din id-direttiva tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment (46).

89.      Sussegwentement, hemm lok li jiġi nnotat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi, b’mod prinċipali, obbligu għall-Istati Membri li jieħdu “deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom” (47). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “ladarba tiġi kkonstatata l-irregolarità tar-residenza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, skont dan l-artikolu u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi (2) u (5) tal-istess artikolu, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn” (48).

90.      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (49), id-dritt li wieħed jibqa’ previst f’din id-dispożizzjoni jintemm mal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-awtorità responsabbli. Fl-assenza ta’ dritt jew ta’ permess ta’ residenza mogħti lill-persuna kkonċernata fuq bażi legali oħra, b’mod partikolari skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, li jippermetti lill-applikant li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għandha bħala konsegwenza li, mill-adozzjoni tagħha, dan l-applikant ma jkunx jissodisfa iktar dawn il-kundizzjonijiet, b’tali mod li r-residenza tiegħu ssir irregolari (50).

91.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat minn dan tal-aħħar, sew fit-terminu mogħti għat-tluq volontarju sew meta ma jingħata ebda terminu għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 jimponi fuq l-Istati Membri, “bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċeduri ta’ ritorn”, li “jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-persuna kkonċernata titneħħa”, jiġifieri, skont il-punt 5 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, it-trasferiment tiegħu barra l-imsemmi Stat Membru (51).

92.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, kif jirriżulta kemm mid-“dmir ta’ lealtà” tal-Istati Membri kif ukoll mir-“rekwiżiti ta’ effikaċja” mfakkra b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115, l-obbligu impost, mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, fuq l-Istati Membri sabiex, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jipproċedu bit-tneħħija tal-imsemmi ċittadin għandu jiġi ssodisfatt “mill-iktar fis possibbli” (52). Konformement ma’ ġurisprudenza iktar reċenti, l-Istati Membri huma awtorizzati wkoll jipproċedu “mingħajr dewmien” bit-tneħħija malli jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet (53).

93.      Lanqas ma għandu jintesa f’dan il-kuntest li, skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jużaw – bħala l-aħħar rimedju – “miżuri koerżivi [koerċittivi] biex iwettqu t-tneħħija” ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jopponi t-tneħħija tiegħu (54), sakemm dawn il-miżuri jkunu proporzjonati u ma jinvolvux l-użu tal-forza li tmur lil hinn minn dak li huwa raġonevoli (55).

94.      Finalment, għandu jiġi rrilevat il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret lill-Istati Membri biex jastjenu milli japplikaw leġiżlazzjoni li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet segwiti minn direttiva u, għalhekk, li tista’ ċċaħħadha mill-effettività tagħha (56). Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li “twaqqaf l-applikazzjoni tal-istandards u tal-proċeduri komuni” stabbiliti minn din id-direttiva, pereżempju billi ddewwem jew ixxekkel b’mod ieħor ir-ritorn (57).

95.      Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn, filwaqt li fakkret ir-rekwiżit ta’ effikaċja kif ukoll id-dmir ta’ lealtà, jidhirli li huwa evidenti li Stat Membru ma jistax sempliċement jistenna sakemm il-minuri jilħaq l-età maġġuri legali sabiex jipproċedi bit-tneħħija.

96.      Kif diġà spjegajt fl-osservazzjonijiet tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari (58), inqis li prassi amministrattiva li permezz tagħha Stat Membru jevita l-obbligu li jivverifika jekk hemmx akkoljenza adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini tal-minuri mhux akkumpanjat, filwaqt li minflok jagħżel sabiex jittollera r-residenza irregolari tiegħu sakemm il-minuri jilħaq l-età maġġuri, minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, twassal sabiex tinħoloq grey area ta’ illegalità, mill-inqas għal perijodu fit-tul. Jidhirli li tali approċċ jippreġudika ċ-ċertezza legali u li dan huwa inkompatibbli mal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/115, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-istatus ta’ residenza tal-migranti jiġi ċċarat malajr kemm jista’ jkun permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u, jekk ikun il-każ, li jittieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-iktar fis mill-awtoritajiet nazzjonali.

97.      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, inqis li madankollu jista’ jkun hemm ċirkustanzi li jiġġustifikaw sospensjoni jew mill-inqas posponiment tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, peress li l-Istati Membri għandhom, konformement mal-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115, “jieħdu kont dovut tal-aħjar interessi tat-tfal” meta jimplimentaw din id-direttiva. Madankollu, sospensjoni jew posponiment tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn jidhirli li jkunu ġġustifikati biss jekk is-sitwazzjoni tkun inbidlet fl-Istat ta’ ritorn wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, b’tali mod li l-Istat Membru ma jkunx jinsab iktar f’pożizzjoni li jiggarantixxi li l-minuri jittieħed għand membru tal-familja tiegħu, għand tutur maħtur jew f’faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati, konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115. Ser nindirizza dan l-aspett fil-kuntest tal-analiżi tal-paragrafu (b) tat-tielet domanda.

98.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat mingħajr ma sussegwentement jieħdu miżuri ta’ tneħħija.

2.      Fuq il-paragrafu (b) tat-tielet domanda

99.      Permezz tal-paragrafu (b) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Istat Membru li ma jieħu ebda miżura konkreta ta’ tneħħija huwiex marbut jissospendi l-obbligu ta’ ritorn u, għalhekk, jawtorizza r-residenza ta’ minuri mhux akkumpanjat li ma jsegwix volontarjament l-obbligu ta’ ritorn.

a)      Regola ġenerali li teżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ ritorn

100. Kif diġà ġie indikat, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi bħala regola ġenerali li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn”. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tatha u li hija mfakkra fil-konklużjonijiet preżenti, huma tant ċari li, fl-opinjoni tiegħi, ma jħallu ebda dubju raġonevoli. Minn din il-perspettiva, huwa inkonċepibbli li l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati joqgħodu lura milli jieħdu miżuri konkreti ta’ tneħħija taħt piena li jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

101. Għall-finijiet ta’ eżawrjenza, f’dan il-kuntest għandu jiġi rrilevat li l-fatt li ċerti Stati Membri ma jipproċedux fil-każijiet kollha bit-tneħħija immedjata taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom jista’ jkollu diversi raġunijiet, b’mod partikolari diversi diffikultajiet marbuta mal-proċeduri ta’ tneħħija, pereżempju n-nuqqas ta’ persunal neċessarju, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-applikanti għal ażil jew tal-pajjiżi ta’ oriġini meta jkun hemm bżonn li tiġi stabbilita l-identità tagħhom, li jinkisbu dokumenti tal-ivvjaġġar (59), li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet adegwati ta’ akkoljenza, kif ukoll id-diffikultajiet inerenti għar-riċerki fil-pajjiżi mbiegħda. Għalhekk huwa evidenti li wħud mill-fatturi msemmija ma jaqgħux taħt il-kontroll esklużiv tal-Istati Membri. Konsegwentement, ma jidhirlix li huwa ġġustifikat li jiġi preżunt li kull dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn huwa inevitabbilment dovut għall-passività tal-Istati Membri.

102. Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi, b’mod eċċezzjonali, alternattivi għat-tneħħija – skont il-każ rispettiv – li ser jiġu esposti iktar ’il quddiem. Dawn l-alternattivi għandhom il-vantaġġ li jikkontribwixxu għaċ-ċertezza legali u li jagħtu perspettiva lill-minuri mhux akkumpanjat, u b’hekk jiddistingwu ruħhom b’mod kunsiderevoli mill-prassi amministrattiva eżaminata f’dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

b)      Obbligu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta ma jkunx hemm akkoljenza adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini

103. B’applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 24 tal-Karta, l-Istati Membri huma obbligati jissospendu l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta ma jkunx hemm akkoljenza adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini. Kif ġie konkluż fl-analiżi tal-ewwel domanda, huwa neċessarju li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal f’kull stadju rilevanti tal-proċedura (60). Barra minn hekk, kif irrimarkajt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aħjar interessi tat-tfal jistgħu jwasslu sabiex l-awtoritajiet nazzjonali xi drabi jkollhom “joqgħodu lura” milli jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn (61). Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni tapplika wisq iktar għad-deċiżjoni li jittieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni peress li t-tneħħija, iddefinita fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 bħala t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru, tikkostitwixxi l-aħħar stadju fil-proċedura rregolata minn dan l-att.

104. Huwa evidenti li l-possibbiltajiet li għandhom l-Istati Membri sabiex jinfluwenzaw is-sitwazzjoni ta’ individwu li jkun is-suġġett ta’ tneħħija huma limitati ħafna meta dan ikun diġà jinsab fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Ma jistax jiġi eskluż li l-proċedura ta’ ritorn tilħaq punt kważi irreversibbli, pereżempju jekk l-awtoritajiet kompetenti jitilfu l-kuntatt miegħu. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tat-tfal huwa ikbar fl-istadju tat-tneħħija, speċjalment fil-każ ta’ persuna vulnerabbli. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa perfettament konxju minn dan ir-riskju, fid-dawl tal-fatt li l-obbligu msemmi fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 huwa fformulat f’termini li jissuġġerixxu kundizzjoni indispensabbli (qabel ma jneħħu; għandhom ikunu ssodisfatti li dan jew din ser jirritorna jew tirritorna) li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissodisfaw qabel ma jkunu jistgħu jipproċedu bl-aħħar stadju tal-proċedura. Fi kliem ieħor, in-nuqqas li tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni għandu jinftiehem minn perspettiva legali bħala fattur li jostakola t-tneħħija. Minn dan isegwi li sakemm l-awtoritajiet nazzjonali ma jkollhomx iċ-ċertezza li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet adegwati fl-Istat ta’ ritorn, huma jkunu pprojbiti milli jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ ritorn. Jidhirli li, quddiem tali impossibbiltà ġuridika, l-iktar għażla għaqlija għall-awtoritajiet nazzjonali tkun li jissospendu d-deċiżjoni ta’ ritorn.

c)      Possibbiltà li jingħata permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza

105. L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti lill-Istati Membri jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħra lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni, l-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza għandu bħala effett li ma tittieħed ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Jekk tkun diġà ttieħdet deċiżjoni ta’ ritorn, din tiġi annullata jew sospiża għall-perijodu tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza. Għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tirreferi għal possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri iżda ma timponilhom ebda obbligu (62).

106. Peress li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jobbliga lill-Istat Membru jagħżel bejn l-għoti ta’ permess jew ta’ dritt ta’ residenza u li tinbeda l-proċedura ta’ ritorn, ikun opportun – kif inċidentalment jirrakkomanda l-Manwal dwar ir-Ritorn (63) imfassal mill-Kummissjoni – li jiġu stabbiliti regoli ċari dwar l-istatus legali tal-minuri mhux akkumpanjati, li jippermettu jew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni tagħha, jew l-għoti ta’ dritt ta’ residenza konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri li jiddeterminaw l-istatus applikabbli għall-minuri mhux akkumpanjati li ma humiex is-suġġett ta’ ritorn. Tali approċċ jista’ jnaqqas il-grey areas u jsaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-atturi kollha kkonċernati. Barra minn hekk, l-approċċ propost jirrappreżenta soluzzjoni sostenibbli intiża sabiex toffri lill-minuri ċerta normalità u stabbiltà fit-tul.

107. Mill-analiżi mwettqa iktar ’il fuq jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn meta ma jkunx hemm akkoljenza adegwata fil-pajjiż ta’ oriġini. Huma jistgħu jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew oħrajn lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom.

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jkun ħa deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat għandu, wara l-iskadenza tat-terminu għal tluq volontarju, jieħu l-miżuri kollha ta’ tneħħija neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni u ma jistax sempliċement jistenna li l-minuri mhux akkumpanjat jilħaq l-età maġġuri. Sospensjoni jew posponiment tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn mill-Istat Membru jkunu ġġustifikati biss jekk is-sitwazzjoni tkun inbidlet fl-Istat ta’ ritorn wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, b’tali mod li l-Istat Membru ma jkunx għadu jista’ jiggarantixxi li l-minuri jittieħed għand membru tal-familja tiegħu, għand tutur maħtur jew f’faċilità ta’ akkoljenza adegwata konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115. Skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew oħrajn lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom.

VI.    Konklużjoni

109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi):

1)      L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva, u fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma jimponu obbligu ta’ ritorn fuq minuri mhux akkumpanjat, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ akkoljenza adegwata għall-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni fl-Istat ta’ ritorn.

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri jagħmlu distinzjoni abbażi tal-età ta’ minuri mhux akkumpanjat, sabiex jawtorizzaw ir-residenza fit-territorju tagħhom, meta jkun stabbilit li dan il-minuri ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-protezzjoni sussidjarja.

3)      L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jkun ħa deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat għandu, wara l-iskadenza tat-terminu għal tluq volontarju, jieħu l-miżuri kollha ta’ tneħħija neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni u ma jistax sempliċement jistenna li l-minuri mhux akkumpanjat jilħaq l-età maġġuri. Sospensjoni jew posponiment tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn mill-Istat Membru jkunu ġġustifikati biss jekk is-sitwazzjoni tkun inbidlet fl-Istat ta’ ritorn wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, b’tali mod li l-Istat Membru ma jkunx għadu jista’ jiggarantixxi li l-minuri jittieħed għand membru tal-familja tiegħu, għand tutur maħtur jew f’faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115. Skont l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew oħrajn lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2008, L 348, p. 98.


3      ĠU 2011, L 337, p. 9.


4      ĠU 2013, L 180, p. 96.


5      Ara d-dokumenti “Unaccompanied Minors in the Migration Process”, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), Varsavja, 2010, p. 3, u “VEGA Handbook: Children at aiports”, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), Varsavja, 2017, p. 7.


6      Ara d-dokument “Returning unaccompanied children: fundamental rights considerations”, 2019, ippubblikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), 2019, p. 3.


7      Ara d-dokument “Guidance on reception conditions for unaccompanied children: operational standards and indicators”, 2018, ippubblikat mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), 2018 p. 7.


8      Għal ħarsa qasira tal-atti ġuridiċi rilevanti, ara Requejo Isidro, M., “The protection of unaccompanied minors asylum-seekers: between competent state and responsible state”, Nru 2, Ottubru 2017, p. 485 et seq.


9      Jiġifieri, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).


10      Sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Baumgartner (C‑513/17, EU:C:2018:772, punt 23) u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Vaditrans (C‑102/16, EU:C:2017:1012, punt 20).


11      Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Korsiv miżjud minni. Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 38) u tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 31).


13      Korsiv miżjud minni.


14      Ara d-dokument “Returning unaccompanied children: fundamental rights considerations”, op. cit. p. 7 u 23, fejn jirriżulta li l-Artikolu 10(2) għandu jiġi interpretat “f’armonija” mal-Artikolu 5 u l-premessa 22 tad-Direttiva 2008/115 fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu attenzjoni primarja lill-aħjar interessi tat-tfal matul il-proċedura kollha ta’ ritorn. Skont l-Aġenzija FRA, dan il-prinċipju ġenerali għandu jiggwida l-azzjonijiet kollha li jwasslu għat-tneħħija ta’ minuri mhux akkumpanjat.


15      Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Lemke, S., Europäisches Unionsrecht (von der Groeben, Schwarze, Hatje), is-seba’ edizzjoni, Baden-Baden 2015, il-punt 11 tal-Artikolu 24, p. 664, iqis li d-dritt fundamentali msemmi fl-Artikolu 24(1) tal-Karta huwa kompromess jekk l-awtoritajiet obbligati minn din id-dispożizzjoni ma jaġixxux b’mod attiv u ma joffrux protezzjoni u kura adegwata sa fejn dan ikun neċessarju għall-ġid tat-tfal.


17      Adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 43).


18      Korsiv miżjud minni.


19      Korsiv miżjud minni.


20      Kif indikajt fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:135), ċerti paralleliżmi ta’ natura normattiva bejn, minn naħa, id-dritt internazzjonali u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni, jistgħu jinftiehmu bħala l-espressjoni ta’ konvinzjoni ġuridika komuni.


21      Ara, fir-rigward tal-importanza tad-drittijiet tat-tfal b’mod ġenerali għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 39).


22      Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punti 10, 37 u 57) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill”).


23      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.


24      Korsiv miżjud minni.


25      Id-dokument “Returning unaccompanied children: fundamental rights considerations”, 2019, op. cit. p. 23, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas‑16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83, iktar ’il quddiem il-“Manwal dwar ir-Ritorn”), jirrakkomandaw li r-ritorn għand il-membri tal-familja jingħata preferenza sakemm ma jkunx evidenti li dan ma jkunx fl-aħjar interess tat-tfal.


26      Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (punt 69); ara, fir-rigward tal-importanza tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-benesseri tat-tfal migranti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża B. M. M. u B. S. (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, EU:C:2020:222, punti 1, 2, 43).


27      Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (punti 52 et seq., u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Ottubru 2006, Mubilanzila Mayeka u Kaniki Mitunga vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2006:0126DEC001317803.


29      Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (punt 58).


30      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431).


31      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 68). Korsiv miżjud minni.


32      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 48).


33      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 49). Korsiv miżjud minni.


34      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 50). Korsiv miżjud minni.


35      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 55). Korsiv miżjud minni.


36      Id-determinazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal issir permezz ta’ evalwazzjoni individwali bbażata fuq approċċ multidixxiplinari, li tinkludi lit-tutur maħtur tal-minuri jew lill-awtorità kompetenti għall-protezzjoni tat-tfal. Diversi entitajiet internazzjonali, bħall-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal adottaw linji gwida interpretattivi u operattivi. Diversi dokumenti ppubblikati mill-aġenziji Ewropej, u ċċitati f’dawn il-konklużjonijiet, jipprovdu ħarsa utli lejn il-kriterji li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni.


37      Ara l-Manwal dwar ir-Ritorn, p. 121 u 122.


38      Inċidentalment, din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li tikkonsisti fl-evalwazzjoni mill-ġdid perijodikament tal-aħjar interessi tal-minuri fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-każ individwali (ara “Returning unaccompanied children: fundamental rights considerations”, op. cit., p. 12).


39      Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465).


40      Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 64). Korsiv miżjud minni.


41      Sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Bichat et (C‑61/17, C‑62/17 u C‑72/17, EU:C:2018:653, punt 29) kif ukoll tal‑11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 36).


42      Korsiv miżjud minni.


43      Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 22).


44      Kif tindika Lamont, R., Article 24 of the Charter of Fundamentali Rights of the European Union”, f’The EU Charter of Fundamental Rights, Oxford, 2014, p. 672, Artikolu 24(24.23), il-Karta tinkludi, minbarra d-drittijiet tat-tfal fl-Artikolu 24, projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fl-Artikolu 21, li, skont l-awtur, jimplika li kull diskriminazzjoni tal-minuri (b’mod ġenerali) hija pprojbita. Fl-opinjoni tiegħi, din il-konstatazzjoni ma teskludix li kategorija speċifika ta’ minuri ddefinita mill-età (jiġifieri dawk li għandhom 15‑il sena jew iktar) tista’ tinvoka din il-projbizzjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali (li timplimenta d-dritt tal-Unjoni) li, bħal f’dan il-każ, għandha l-effett li tittratta din il-kategorija ta’ minuri essenzjalment bħala maġġorenni, sa fejn din hija mċaħħda mill-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 24 tal-Karta, kif ikkonkretizzata mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva.


45      Korsiv miżjud minni.


46      Sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 30).


47      Sentenzi tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 31) u tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 35). Korsiv miżjud minni.


48      Sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 32). Korsiv miżjud minni.


49      ĠU 2013, L 180, p. 60.


50      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 41).


51      Sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 33). Korsiv miżjud minni.


52      Sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 34).


53      Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 50).


54      Madankollu, jista’ jiġi affermat li jeżistu raġunijiet leġittimi sabiex ma jiġux applikati miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ tfal. Din hija r-raġuni għalfejn ċerti Stati Membri jipprojbixxu kull tneħħija forzata ta’ minuri mhux akkumpanjat (ara, f’dan is-sens, Dumas, P., “L’accès des mineurs non accompagnés à la protection dans les États membres de l’Union européenne”, Revue trimestrielle de droit européen, 2013, Nru 1, p. 35 et seq.).


55      Sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 38 u 57).


56      Sentenzi tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 39), tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 32), kif ukoll tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 39).


57      Sentenzi tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 40), tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 35), kif ukoll tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 59).


58      Ara l-punti 8et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Ara d-dokument “European Centre for Returns in brief”, 2019, p. 2 u 5, ippubblikat mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), Varsavja, 2019, p. 2 u 5, li minnu jirriżulta li l-effikaċja tal-proċeduri ta’ ritorn tiddependi fil-parti l-kbira mill-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti sabiex jiġu identifikati l-persuni suġġetti għad-deċiżjonijiet ta’ ritorn, jinħarġu d-dokumenti tal-ivvjaġġar u jiġu aċċettati l-persuni ripatrijati fil-pajjiż tagħhom. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u Frontex jikkollaboraw mal-pajjiżi ta’ ritorn.


60      Ara l-punti 63 u 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 88).


63      Ara l-Manwal dwar ir-Ritorn, p. 121.