Language of document : ECLI:EU:C:2020:537

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratt ta’ kreditu li jirrigwarda self personali – Kuntratt eżegwit kompletament – Konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Azzjoni għall-ħlas lura tal-ammonti indebitament imħallsa fuq il-bażi ta’ klawżola inġusta – Modalitajiet ġudizzjarji – Azzjoni ġudizzjarja ordinarja li ma tistax tiġi preskritta – Azzjoni ġudizzjarja ordinarja personali, patrimonjali u li tista’ tiġi preskritta – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni – Mument oġġettiv li fih il-konsumatur isir konxju tal-eżistenza ta’ klawżola inġusta”

Fil-Kawżi magħquda C‑698/18 u C‑699/18,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Specializat Mureş (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureș, ir-Rumanija), b’deċiżjonijiet tat-12 ta’ Ġunju 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Novembru 2018, fil-proċeduri

SC Raiffeisen Bank SA

vs

JB (C‑698/18),

u

BRD Groupe Société Générale SA

vs

KC (C‑699/18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SC Raiffeisen Bank SA, minn V. Stoica, u M.-B. Popescu u D. S. Bogdan, avocaţi,

–        għal BRD Groupe Société Générale SA, minn M. Silişte, konsulent legali, u minn S. Olaru, M. Ceauşescu u O. Partenie, avukat,

–        għal KC, minn L. B. Luntraru, avocată,

–        għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C.-R. Canţăr kif ukoll minn E. Gane, A. Wellman u L. Liţu, sussegwentement minn dawn l-aħħar tlieta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, T. Paixão, P. Barros da Costa u C. Farto, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García kif ukoll minn C. Gheorghiu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b), tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 2, p. 288), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ ċertezza legali.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fl-ewwel kawża, SC Raiffeisen Bank SA (iktar ’il quddiem “Raiffeisen Bank”) u JB u, fit-tieni kawża, BRD Groupe Société Générale SA (iktar ’il quddiem “Société Générale”) u KC dwar in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratti ta’ kreditu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-għaxar, it-tnax, il-wieħed u għoxrin, it-tlieta u għoxrin u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jipprovdu:

“Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’ l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva;

[…]

Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;

[…]

Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti;

[…]

Billi persuni jew organizzazzjonijiet, jekk jiġu kkunsidrati taħt il-liġi ta’ Stat Membru li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni, għandu jkollhom faċilitajiet biex jibdew proċeduri rigward klawżoli ta’ kuntratt imfassal għall-użu ġenerali f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, u b’mod partikolari klawżoli inġusti, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti jew li jibdew proċeduri legali xierqa; billi din il-possibbiltà ma tinkludix, iżda, verifika minn qabel tal-kondizzjonijiet ġenerali eżistenti f’setturi ekonomiċi individwali;

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi,”

4        L-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

[…]”

5        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6        Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.      Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.”

7        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

8        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Dawn id-disposizzjonijiet għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi wara l-31 ta’ Diċembru 1994.”

 Id-dritt Rumen

9        L-Artikolu 1(3) tal-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între profesioniști şi consumatori (il-Liġi Nru 193/2000 dwar il-Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti Konklużi bejn Bejjiegħa jew Fornituri u Konsumaturi), tas-6 ta’ Novembru 2000, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 193/2000”), jipprovdi:

“Il-bejjiegħa jew fornituri huma pprojbiti milli jinkludu klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.”

10      L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jistipula:

“Bil-kelma ‘konsumatur’ wieħed jifhem kull persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi kkostitwiti f’assoċjazzjoni li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi preżenti, taġixxi għal finijiet separati mill-attivitajiet kummerċjali, industrijali jew ta’ produzzjoni, artiġjanali jew professjonali tagħha.”

11      Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi:

“Il-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratt u kkonstatati jew personalment, jew permezz tal-organi legalment awtorizzati, ma għandhomx jipproduċu effetti fil-konfront tal-konsumatur, u l-kuntratt għandu jibqa’ fis-seħħ biss, bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar, jekk dan ikun għadu possibbli wara t-tneħħija tal-imsemmija klawżoli.”

12      L-Artikolu 12(4) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 ma jippreġudikawx id-dritt tal-konsumatur li kontrih jiġi invokat kuntratt ta’ adeżjoni li fih klawżola inġusta, sabiex jinvoka n-nullità tal-klawżola permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni, taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.”

13      Skont l-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 193/2000:

“Il-konsumaturi ppreġudikati minn kuntratt konkluż bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għandhom id-dritt li jirrikorru quddiem il-korpi ġudizzjarji skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili u tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.”

14      L-Artikolu 993 tal-Codul civil tal-1864 (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Kull min, bi żball, jemmen li huwa debitur u jħallas dejn għandu dritt ta’ rkupru ta’ dan il-ħlas kontra l-kreditur.

Dan id-dritt jintemm meta l-kreditur ikun, in bona fide, ħassar it-titolu ta’ kreditu tiegħu; il-persuna li ħallset indebitament tkun tista’ mbagħad taġixxi kontra d-debitur reali.”

15      L-Artikolu 994 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Meta l-persuna li taċċetta l-ħlas tkun in mala fede, hija għandha trodd lura kemm il-kapital kif ukoll l-interessi jew il-qligħ dekorribbli mill-jum tal-ħlas.”

16      L-Artikolu 1092 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi dan li ġej:

“Kull pagament jippreżupponi dejn; dak li tħallas indebitament huwa suġġett għal irkupru.”

17      L-Artikolu 1 tad-Decretul nr. 167 privitor la prescripţia extinctivă (id-Digriet Nru 167 dwar il-Preskrizzjoni Estintiva), tal-10 ta’ April 1958, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jistipula:

“Id-dritt ta’ azzjoni, li għandha suġġett patrimonjali, jiġi estint permezz ta’ preskrizzjoni jekk ma jkunx ġie eżerċitat fit-terminu mogħti mil-liġi.

L-estinzjoni tad-dritt ta’ azzjoni li tikkonċerna dritt prinċipali twassal għall-estinzjoni tad-dritt ta’ azzjoni li tikkonċerna d-drittijiet anċillari.”

18      Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet:

“In-nullità ta’ att legali tista’ tiġi invokata fi kwalunkwe mument, permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni.”

19      L-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“Il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġurnata li fiha jinħoloq id-dritt ta’ azzjoni jew id-dritt li tintalab l-eżekuzzjoni forzata.

Għall-obbligi li għandhom jiġu ssodisfatti fuq talba tal-kreditur kif ukoll għal dawk li t-terminu ta’ eżekuzzjoni tagħhom ma huwiex stabbilit, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġurnata li fiha tinħoloq ir-relazzjoni ġuridika.”

20      L-Artikolu 8 tal-istess digriet jiddisponi:

“Il-preskrizzjoni tad-dritt ta’ azzjoni għall-kumpens għad-danni subiti minħabba fatt illegali tibda tiddekorri mill-ġurnata li fiha l-parti leża saret konxja jew missha saret konxja kemm tad-dannu kif ukoll tal-persuna li hija responsabbli għalihom.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti japplikaw anki fil-każ ta’ arrikkiment indebitu.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C-698/18

21      Fis-26 ta’ Ġunju 2008, JB ikkonkluda ma’ Raiffeisen Bank kuntratt ta’ kreditu li kellu bħala suġġett l-għoti ta’ self personali ta’ EUR 4 168.41 għal perijodu ta’ 84 xahar li kellu jiskadi matul is-sena 2015, data li fiha l-kreditu ġie rrimborsat kollu kemm hu mill-persuna kkonċernata.

22      Billi qies li xi klawżoli ta’ dan il-kuntratt kienu inġusti, JB adixxa, f’Diċembru 2016, il-Judecătoria Târgu Mureș (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu Mureș, ir-Rumanija) b’azzjoni intiża għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, għall-ħlas lura tas-somom imħallsa fuq il-bażi tagħhom u għall-ħlas tal-interessi legali.

23      Bħala difiża, Raiffeisen Bank invokat l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi ta’ JB, peress li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fid-data tal-preżentata tal-imsemmi rikors, il-persuna kkonċernata ma kellhiex iktar il-kwalità ta’ konsumatur peress li, f’din id-data, ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni kienu ntemmu u dan il-kuntratt kien ġie fi tmiemu fis-sena preċedenti, permezz tal-eżekuzzjoni sħiħa tiegħu.

24      Il-Judecătoria Târgu Mureş (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu Mureş) laqgħet ir-rikors ta’ JB. Din iddeċidiet li JB kellu l-kwalità ta’ konsumatur meta kkonkluda l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni u li l-fatt li l-effetti ta’ dan il-kuntratt twettqu kompletament ma jeskludix il-verifika tan-natura allegatament inġusta tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt. Dik il-qorti qieset li r-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienu ssodisfatti, jiġifieri li l-klawżoli inkwistjoni ma kinux ġew innegozjati direttament mal-konsumatur u li dawn kienu joħolqu, għad-detriment ta’ dan tal-aħħar u kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ bona fide, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Wara li kkunsidrat li klawżola ddikjarata inġusta ma setgħetx toħloq obbligi għall-konsumatur, l-imsemmija qorti assimilat dan in-nuqqas ta’ infurzabbiltà man-nullità assoluta u, abbażi tal-prinċipju ta’ restitutio in integrum, ordnat lil Raiffeisen Bank tħallas lura l-ammonti mħallsa minn JB skont klawżoli ddikjarati inġusti, flimkien mal-interessi legali mid-data li fiha Raiffeisen Bank irċeviet dawn l-ammonti sal-ħlas lura effettiv tagħhom.

25      Raiffeisen Bank ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju, billi tenniet l-argument li JB kien tilef il-kwalità ta’ konsumatur qabel id-data tal-preżentata tar-rikors tiegħu, wara l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni permezz tal-eżekuzzjoni sħiħa tiegħu.

26      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Rumeni, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżoli inġusti huwa assimilat mas-sistema tan-nullità assoluta. Hija tirrileva wkoll li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(4) tal-Liġi Nru 193/2000 jirriżulta li l-konsumatur li jkollu l-intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali jieħu r-rimedju ordinarju tan-nullitajiet. Madankollu, il-qrati Rumeni jadottaw approċċi diverġenti fir-rigward taż-żamma tal-kwalità ta’ konsumatur ta’ kuntratt li ġie eżegwit kompletament u, konsegwentement, tad-dritt tiegħu li jippreżenta azzjoni għall-ħlas lura ta’ prestazzjonijiet imwettqa skont klawżoli ddikjarati inġusti.

27      Minn naħa, skont l-approċċ segwit mill-qrati inferjuri, fid-dawl tan-natura impreskribibbli fid-dritt Rumen tal-azzjoni għall-konstatazzjoni tan-nullità assoluta, il-konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 93/13, ma jieqafx jitqies bħala tali wara l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt u jista’, f’kull mument, jinvoka n-nullità assoluta tal-klawżoli inġusti permezz ta’ azzjoni jew ta’ eċċezzjoni. Skont dan l-istess approċċ, il-konsumatur għandu d-dritt li jressaq azzjoni għal ħlas lura f’terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mill-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżoli inġusti, kif huwa previst mid-dritt ordinarju dwar in-nullitajiet.

28      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrimarka li l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) ħadet pożizzjoni differenti, jiġifieri li s-sanzjoni fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali hija sui generis, li twassal għat-tneħħija tal-effetti tagħhom għall-futur, mingħajr ma tqiegħed inkwistjoni l-prestazzjonijiet li diġà saru.

29      Issa, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa possibbli li tiġi adottata interpretazzjoni li tippermetti li jiġi bbilanċjat il-prinċipju ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fehma tagħha, id-data li fiha jintemm il-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri meta l-konsumatur jinħeles minn kull obbligu fir-rigward tal-bejjiegħ jew fornitur u għalhekk ma jibqax jitqies li jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel ma’ dan tal-aħħar, hija data, stabbilita b’mod oġġettiv, li fiha l-konsumatur ikollu jew għandu jkollu għarfien tan-natura inġusta tal-klawżola jew tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt u li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għall-preżentata ta’ azzjoni fil-qasam patrimonjali, inkluża azzjoni għal ħlas lura.

30      Tali approċċ jevita li d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin ikun jiddependi biss mir-rieda tal-konsumatur, iżda ma jaffettwax il-possibbiltà li f’kull mument dan jitlob il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, u b’hekk jiġbed l-attenzjoni tal-bejjiegħa jew fornituri dwar in-natura illegali ta’ dawn il-klawżoli.

31      F’dan il-każ, JB ippreżenta rikors għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ Raiffeisen Bank, għan-nullità assoluta tagħhom u għall-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament, kważi sena wara l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri fit-terminu ta’ tliet snin dekorribbli mill-jum previst mid-dritt ordinarju sabiex tkun tista’ titressaq azzjoni fil-qasam patrimonjali.

 Kawża C-699/18

32      Fit-28 ta’ Mejju 2003, KC u parti oħra, fil-kwalità ta’ kodebitur, ikkonkludew kuntratt ta’ kreditu ma’ Société Générale li għandu bħala suġġett l-għoti ta’ self personali ta’ EUR 17 000, għal perijodu ta’ 120 xahar. Dan il-kuntratt intemm permezz ta’ rimbors antiċipat.

33      Peress li qies li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam, ċerti klawżoli ta’ dan il-kuntratt kienu inġusti, KC adixxa, fix-xahar ta’ Lulju 2016, lill-Judecătoria Târgu Mureş (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu Mureş) b’rikors intiż għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli. KC talab l-annullament tal-imsemmija klawżoli, il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa bis-saħħa tagħhom kif ukoll il-ħlas tal-interessi legali kkalkolati mid-data li fiha Société Générale rċeviet dawn l-ammonti sal-ħlas lura effettiv tagħhom.

34      Société Générale invokat l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi ta’ KC skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Din indikat li, fid-data tal-preżentata tal-imsemmija azzjoni, KC ma kellux iktar il-kwalità ta’ konsumatur peress li, f’din id-data, ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kienu ntemmu u l-kuntratt inkwistjoni kien skada ħdax-il sena ilu, permezz ta’ rimbors antiċipat.

35      Il-Judecătoria Târgu Mureş (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu Mureş) laqgħet parzjalment l-azzjoni ta’ KC. Din iddeċidiet li huwa kellu l-kwalità ta’ konsumatur waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu ma’ Société Générale u li l-fatt li l-effetti ta’ dan il-kuntratt seħħew kompletament ma jipprekludix il-verifika, imposta mid-Direttiva 93/13, tan-natura allegatament inġusta tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt, b’tali mod li ma jistax jiġi invokat fil-konfront ta’ KC il-fatt li huwa aċċetta kompletament il-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni u eżegwixxihom. Din il-qorti qieset li r-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli kienu ssodisfatti, jiġifieri li l-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ma kinux ġew innegozjati direttament mal-konsumatur u li dawn kienu joħolqu, għad-detriment tiegħu u kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ bona fide, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Hija ddeċidiet li dawn il-klawżoli ma kinux jorbtu lill-konsumatur u ma kinux jipproduċu effetti fir-rigward tiegħu u qieset li s-sanzjoni applikabbli kienet in-nullità assoluta tal-imsemmija klawżoli. Bis-saħħa tal-effett retroattiv tan-nullità assoluta, l-imsemmija qorti aċċettat it-talba għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa skont klawżoli ddikjarati inġusti, flimkien mal-interessi legali, ikkalkolati mid-data tal-preżentata tal-att promotur.

36      Société Générale appellat quddiem il-qorti tar-rinviju, billi tenniet l-argument li KC tilef il-kwalità ta’ konsumatur qabel id-data tal-preżentata tal-azzjoni tiegħu, wara l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, ħdax-il sena qabel, permezz ta’ rimbors antiċipat. Société Générale tinvoka wkoll argumenti dwar ir-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-konstatazzjoni tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

37      Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑699/18 għall-istess raġunijiet bħal dawk ippreżentati fil-kuntest tal-Kawża C‑698/18.

38      Madankollu hija tenfasizza li KC ippreżenta l-azzjoni għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni ħdax-il sena wara l-iskadenza tiegħu, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt id-dritt ordinarju ta’ tliet snin previst mil-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dritt fil-qasam patrimonjali.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Specializat Mureş (il-Qorti tal-Kontea Speċjalizzata ta’ Mureş, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑698/18 u C‑699/18:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 93/13], b’mod partikolari l-premessi 12, 21 u 23 tad-direttiva u l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8 tad-direttiva, jippermettu, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, assjem ta’ mezzi ġudizzjarji kkostitwit minn azzjoni ġudizzjarja ordinarja li ma tistax tiġi preskritta intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur u minn azzjoni ġudizzjarja ordinarja personali, patrimonjali u li tista’ tiġi preskritta li timplimenta l-għan tad-direttiva intiż li jelimina l-effetti ta’ kull obbligu maħluq u eżegwit skont klawżola li n-natura inġusta tagħha fil-konfront ta’ tali konsumatur tkun ġiet ikkonstatata?

2)      F’każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu interpretazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza tar-relazzjonijiet legali ċivili li l-mument oġġettiv li minnu l-konsumatur kellu bilfors ikun konxju jew suppost kellu jkun konxju mill-eżistenza ta’ klawżola inġusta huwa l-mument li fih jintemm il-kuntratt ta’ kreditu, li fil-kuntest tiegħu huwa għandu l-kwalità ta’ konsumatur?”

40      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2018, il-Kawżi C‑698/18 u C‑699/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

41      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tiegħu fi Stat Membru mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea (digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Tudoran, C-92/14, EU:C:2014:2051, punt 27).

42      Min-naħa l-oħra, sa fejn mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li din tal-aħħar hija applikabbli biss għall-kuntratti konklużi wara l-31 ta’ Diċembru 1994, data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għal dawn il-kuntratti, peress li l-perijodu li matulu dawn tal-aħħar jipproduċu effetti ma huwiex rilevanti (digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Tudoran, C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 28).

43      F’dan il-każ, ir-Rumanija ssieħbet mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007, filwaqt li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-Kawża C‑698/18 ġie konkluż fis-26 ta’ Ġunju 2008 u l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-Kawża C‑699/18 ġie konkluż fit-28 ta’ Mejju 2003.

44      Għaldaqstant, id-Direttiva 93/13 hija applikabbli, ratione temporis, għall-kawża prinċipali fil-Kawża C‑698/18. Min-naħa l-oħra, din ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali fil-Kawża C‑699/18.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Kawża C‑698/18, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern Rumen li jgħid li r-risposta għat-tieni domanda tiddependi esklużivament mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tista’ tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 47).

47      F’dan il-każ, id-domandi fil-Kawża C‑698/18 jirrigwardaw, essenzjalment, il-konformità tad-dritt Rumen dwar it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet ġudizzjarji fil-qasam tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u mhux il-mertu tal-kawża prinċipali u lanqas l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑698/18 u dawn huma ammissibbli, u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑699/18.

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C698/18

49      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura impreskribibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-klawżoli inġusti użati f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur ma jorbtux lill-konsumatur, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-drittijiet nazzjonali tagħhom.

51      Fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur, l-Artikolu 6 tagħha għandu jitqies li huwa regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li jokkupaw, fl-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 89).

52      Fid-dawl, ukoll, tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif joħroġ mill-Artikolu 7(1) tagħha moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli abbużivi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 78, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 56).

53      Sabiex isir dan, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, ħlief jekk il-konsumatur ma jopponix dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 47).

54      Minn dan isegwi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-karattru inġust ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola. Minn dan jirriżulta li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn l-istess somom (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 61 u 62).

55      Ċertament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tiżgura lill-konsumaturi tipprekludi leġiżlazzjoni interna li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ dekadenza, milli tirrileva n-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C‑473/00, EU:C:2002:705, punt 38).

56      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex ta’ natura assoluta (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 68) u li l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ azzjonijiet taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 41, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 69).

57      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-assenza ta’ regolamentazzjoni mid-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa waħda, tali modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑698/18 tkun li l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura impreskribibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, sakemm dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jirrigwarda azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 93/13 (prinċipju ta’ effettività).

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C698/18

59      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni ġudizzjarja għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament fuq il-bażi ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur hija suġġetta għal preskrizzjoni ta’ tliet snin dekorribbli mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dan il-kuntratt, billi l-konsumatur huwa mistenni li jkollu għarfien, minn dik id-data, tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

60      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ effettività, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn applikabbli, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Dawn l-aspetti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal-karatteristiċi tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’hekk, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-analiżi għandha b’mod partikolari tirrigwarda t-tul ta’ dan it-terminu u l-modalitajiet tal-applikazzjoni tiegħu, inkluż il-modalità magħżula sabiex jingħata bidu għad-dekorrenza tal-imsemmi terminu (ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 27).

62      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li termini raġonevoli stabbiliti għall-preżentata ta’ azzjonijiet, taħt piena ta’ dekadenza, fl-interess taċ-ċertezza legali ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jekk tali termini jkunu materjalment suffiċjenti sabiex jippermettu lill-konsumatur jipprepara u jippreżenta azzjoni effettiva (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punti 28 u 29).

63      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li hija kwistjoni tal-applikazzjoni għall-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi tal-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola inġusta tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, previst mid-dritt ordinarju, li jibda jiddekorri, skont l-interpretazzjoni ffavorita mill-qorti tar-rinviju, mill-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur. Skont il-qorti tar-rinviju, tali punt ta’ dekorrenza jikkorrispondi għad-data li fiha l-konsumatur kien jaf jew kellu jkun jaf bin-natura inġusta ta’ klawżola waħda jew iktar ta’ dan il-kuntratt.

64      Sakemm huwa stabbilit u magħruf minn qabel, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jidher, bħala prinċipju, materjalment suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konsumatur jipprepara u jippreżenta azzjoni effettiva.

65      Madankollu, sa fejn, skont l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali proposta mill-qorti tar-rinviju, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa possibbli li l-konsumaturi ma jkunux jafu bin-natura inġusta ta’ klawżola li tkun tinsab fil-kuntratt konkluż mal-bejjiegħ jew fornitur jew ma jkunux jifhmu l-estent tad-drittijiet tagħhom taħt id-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 69) u dan anki fil-mument jew wara l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt.

66      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata bid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet ifformulati minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma seta’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Bondora, C‑453/18 u C‑494/18, EU:C:2019:1118, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, fid-dawl ta’ dan il-fatt u tas-sitwazzjoni ta’ inferjorità li fiha jinsab il-konsumatur, għandu jitqies li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ma huwiex ta’ natura li jiżgura lill-konsumatur protezzjoni effettiva, peress li hemm probabbiltà li dan it-terminu jkun skada saħansitra qabel ma l-konsumatur seta’ jkun jaf bin-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’dan il-kuntratt. Tali terminu jrendi, għaldaqstant, eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dan il-konsumatur mogħtija mid-Direttiva 93/13.

68      Ebda konklużjoni oħra ma tista’ tiġi dedotta għar-raġuni, ikkunsidrata mill-qorti tar-rinviju, li l-konsumatur jitlef din il-kwalità fil-mument tal-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tipprovdi l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti previsti minn din id-direttiva għandhom japplikaw għal “kull kuntratt” konkluż bejn “bejjiegħ jew fornitur” u “konsumatur”, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (c) ta’ din id-direttiva (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 19).

70      Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, “konsumatur” tfisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti koperti mill-imsemmija direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li ma jkunux jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 22).

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” li tinsab fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi ddeterminat f’liema mument kontraent ma jibqax konsumatur fis-sens tagħha u, għaldaqstant, ma jibqax jista’ jinvoka l-protezzjoni mogħtija lilu minn din id-direttiva.

72      Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13, fid-dawl tal-idea, imfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur.

73      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni ma tibdilx retroattivament il-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, il-konsumatur kien jinsab f’din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-limitazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur biss għat-tul tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, fis-sens li l-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dan il-kuntratt teskludi kull possibbiltà għall-konsumatur li jinvoka din il-protezzjoni, ma hijiex konċiljabbli mas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn din id-direttiva. Tali limitazzjoni hija partikolarment inammissibbli, kif isostni l-Gvern Pollakk, fil-kuntest ta’ kuntratti li, bħal kuntratt ta’ bejgħ, jiġu eżegwiti immedjatament wara jew fil-mument tal-konklużjoni tagħhom peress li din ma tħallix żmien raġonevoli għall-konsumaturi sabiex jikkontestaw il-klawżoli inġusti li possibbilment ikunu jinsabu f’tali kuntratti.

74      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li kuntratt ikun eżegwit kompletament ma jeskludix li parti f’dan il-kuntratt tista’ tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li l-azzjoni għall-ħlas lura tkun suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-kuntratt inkwistjoni jintemm, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-konsumatur kienx jaf, f’din id-data, jew setax raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt invokata insostenn tal-azzjoni għall-ħlas lura tiegħu, sa fejn tali regoli ta’ preskrizzjoni huma ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ dan il-konsumatur mogħtija mid-Direttiva 93/13.

76      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-osservanza tiegħu teħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 47).

77      F’dan ir-rigward, hija biss il-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika x-xebh tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan il-każ, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Rumeni, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżoli inġusti huwa assimilat mas-sistema ta’ nullità assoluta. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Rumen, l-effett tan-nullità assoluta huwa l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti permezz, fil-qasam tal-kuntratti sinallagmatiċi, ta’ azzjoni għall-ħlas lura tal-ħlas indebitu. Skont id-dritt Rumen, fil-każ ta’ preżentata ta’ tali azzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-kawża ta’ dawn l-azzjonijiet.

79      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, it-terminu għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa abbażi ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur jista’ jitqies dekorribbli mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dan il-kuntratt, u mhux mid-data tal-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta, u għaldaqstant tan-nullità, tal-klawżola inkwistjoni.

80      Minn dan isegwi li, mingħajr ħsara għax-xebh tal-azzjonijiet inkwistjoni li hija biss il-qorti tar-rinviju li tista’ tivverifika, l-interpretazzjoni prevista minn din il-qorti li hija riprodotta fil-punt preċedenti twassal għal modalitajiet proċedurali differenti, b’mod li l-azzjonijiet ibbażati fuq is-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 93/13 huma ttrattati b’mod inqas favorevoli. Tali differenza fit-trattament ma tistax, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, tiġi ġġustifikata b’raġunijiet ta’ ċertezza legali.

81      Minkejja li t-termini ta’ preskrizzjoni huma intiżi sabiex jiggarantixxu ċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha, C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 60), xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn il-leġiżlatur Rumen qies li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet imsemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li dan il-prinċipju jipprekludi l-applikazzjoni, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, tal-istess terminu għall-azzjonijiet ibbażati fuq is-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 93/13.

82      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għal verifika, mill-qorti tar-rinviju, tax-xebh bejn l-azzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ klawżola inġusta jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt, filwaqt li dan l-istess terminu jibda jiddekorri, fir-rigward ta’ azzjoni simili tad-dritt intern, mid-data tal-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-kawża tal-azzjoni.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għat-tieni domanda fil-Kawża C‑698/18 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ ċertezza legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni ġudizzjarja għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dan il-kuntratt, fejn ikun preżunt, mingħajr bżonn ta’ verifika, li, f’din id-data, il-konsumatur kellu jkun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni jew fejn, għal azzjonijiet simili, ibbażati fuq ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt intern, dan l-istess terminu jibda jiddekorri biss mill-konstatazzjoni tal-kawża ta’ dawn l-azzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura impreskribibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, sakemm dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jirrigwarda azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 93/13 (prinċipju ta’ effettività).

2)      L-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ ċertezza legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni ġudizzjarja għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dan il-kuntratt, fejn ikun preżunt, mingħajr bżonn ta’ verifika, li, f’din id-data, il-konsumatur kellu jkun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni jew fejn, għal azzjonijiet simili, ibbażati fuq ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt intern, dan l-istess terminu jibda jiddekorri biss mill-konstatazzjoni tal-kawża ta’ dawn l-azzjonijiet.

3)      Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunalul Specializat Mureş (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureş, ir-Rumanija), fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2018 fir-rigward tal-Kawża C699/18.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.