Language of document : ECLI:EU:C:2020:535

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Lulju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(a) – Kunċett ta’ ‘attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni’ – Artikolu 4(7) – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament ta’ Stat Federali ta’ Stat Membru – Artikolu 15 –Dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata”

Fil-Kawża C‑272/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2019, fil-proċedura

VQ

vs

Land Hessen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatur), J. Malenovský, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal VQ, minn A.-K. Pantaleon, genannt Stemberg, Rechtsanwältin,

–        għal-Land Hessen, minn H.-G. Kamann, M. Braun u L. Hesse, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, kif ukoll minn A. Berg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, D. Nardi u F. Erlbacher, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 4(7) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VQ u l-Land Hessen (il-Land ta’ Hesse, il-Ġermanja) rigward il-legalità taċ-ċaħda mill-President tal-Hessischer Landtag (il-Parlament tal-Land ta’ Hesse) tat-talba ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għad-data personali li tikkonċernaha, irreġistrata mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet ta’ dan il-parlament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 95/46/KE

3        Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), imħassar permezz tar-Regolament Nru 2016/679, kienet tinkludi l-Artikolu 3, intitolat “Skop [Kamp ta’ Applikazzjoni]”, li kien jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

 Ir-Regolament Nru 2016/679

4        Il-premessi 16 u 20 tar-Regolament Nru 2016/679 jgħidu:

“(16)      Dan ir-Regolament ma japplikax għal kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali jew il-fluss liberu ta’ data personali relatata ma’ attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni.

[…]

(20)      Filwaqt li dan ir-Regolament japplika, inter alia, għall-attivitajiet tal-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tista’ tispeċifika l-attivitajiet ta’ pproċessar u l-proċeduri ta’ pproċessar b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali minn qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn. Il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta’ data personali meta l-qrati jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Is-superviżjoni ta’ tali attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandha tkun tista’ tiġi fdata lil entitajiet speċifiċi fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru, li għandhom b’mod partikolari jiżguraw il-konformità mar-regoli ta’ dan ir-Regolament, iżidu l-għarfien fost il-membri tal-ġudikatura dwar l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament u jittrattaw l-ilmenti b’rabta ma’ tali operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data.”

5        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

a)      matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

b)      mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

c)      minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

[…]”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7)      ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]”

7        L-Artikolu 15 tal-istess regolament, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data [pesuna kkonċernata]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

[…]”

8        L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2016/679, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

a)      is-sigurtà nazzjonali;

b)      id-difiża [nazzjonali];

c)      is-sigurtà pubblika;

d)      il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika;

e)      objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

f)      il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;

g)      il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ ksur ta’ etika għal professjonijiet regolati;

h)      funzjoni ta’ monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali f’każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g);

i)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

j)      l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.”

 Id-dritt Ġermaniż

 Id-dritt federali

9        L-Artikolu 97 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) jipprevedi:

“(1)      L-imħallfin huma indipendenti u huma suġġetti biss għal-liġi.

(2)      L-imħallfin debitament maħtura għal ħajjithom għal impjieg full-time ma jistgħux, qabel l-iskadenza tal-funzjonijiet tagħhom u kontra l-volontà tagħhom, jitkeċċew, jiġu sospiżi b’mod definittiv jew temporanju mill-funzjonijiet tagħhom, jiġu ttrasferiti għal impjieg ieħor jew imqiegħda fuq irtirar ħlief permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, u biss għar-raġunijiet u fil-forom iddefiniti mil-liġi. Il-leġiżlazzjoni tista’ tistabbilixxi l-limiti ta’ età li fihom l-imħallfin maħtura għal ħajjithom jitħallew jinvokaw id-drittijiet tagħhom għall-irtirar. Fil-każ ta’ modifika fl-istruttura tal-qrati jew tat-territorji fejn għandhom ġurisdizzjoni, l-imħallfin jistgħu jiġu ttrasferiti lejn qorti oħra jew imneħħija mill-funzjonijiet tagħhom, filwaqt li huma jżommu madankollu l-benefiċċju tas-salarju kollu tagħhom.”

10      L-Artikolu 26 tad-Deutsches Richtergesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar l-Istatus tal-Imħallfin, iktar ’il quddiem id-“DRiG”) huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-imħallef huwa suġġett għal stħarriġ dixxiplinari biss sa fejn dan ma jippreġudikax l-indipendenza tiegħu.

(2)      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-istħarriġ dixxiplinari jinkludi wkoll is-setgħa li jiġi invokat kontra l-imħallef il-mod illegali li bih huwa jwettaq il-funzjoni tiegħu u li jiġi ordnat iwettaq debitament u mingħajr dewmien il-funzjonijiet tiegħu.

(3)      Jekk l-imħallef isostni li miżura ta’ stħarriġ dixxiplinari tippreġudika l-indipendenza tiegħu, fuq talba ta’ dan l-imħallef, qorti tiddeċiedi b’mod konformi ma’ din il-liġi.”

 Id-dritt tal-Land ta’ Hesse

11      L-Artikolu 126 tal-Verfassung des Landes Hessen (il-Kostituzzjoni tal-Land ta’ Hesse) jipprevedi:

“(1)      Il-poter ġudizzjarju huwa eżerċitat esklużivament mill-qrati stabbiliti skont il-liġi.

(2)      L-imħallfin huma indipendenti u huma suġġetti biss għal-liġi.”

12      L-Artikolu 127 ta’ din il-kostituzzjoni huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-imħallfin maħtura debitament jinħatru għal ħajjithom.

(2)      L-imħallfin jinħatru għal ħajjithom biss jekk, wara ngaġġ temporanju għal perijodu ta’ prova li t-tul ta’ żmien tiegħu għandu jiġi stabbilit mil-liġi, huma jagħtu, skont il-personalità tagħhom u skont l-attività tagħhom inkwantu imħallfin, il-garanzija li jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom fi spirtu ta’ demokrazija u ta’ sens soċjali.

(3)      Id-deċiżjoni ta’ ngaġġ temporanju u ta’ ħatra għall-ħajja tittieħed mill-Ministru għall-Ġustizzja flimkien ma’ kumitat ta’ għażla tal-imħallfin.

[…]”

13      L-Artikolu 2b tal-Hessisches Richergesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Hesse dwar l-Istatus tal-Imħallfin, iktar ’il quddiem il-“HRiG”) jipprevedi:

“L-evalwazzjoni tal-kapaċità, tal-kompetenzi u tal-prestazzjoni professjonali tal-imħallfin hija rregolata mil-linji gwida tal-Ministeru għall-Ġustizzja.”

14      L-Artikolu 3 tal-HRiG jipprevedi:

“L-imħallfin jinħatru mill-Ministru għall-Ġustizzja.”

15      L-Artikolu 18 tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva), huwa redatt kif ġej:

“Sabiex jiġi kopert bżonn temporanju ta’ persunal, uffiċjal maħtur għall-ħajja li jkollu d-diplomi meħtieġa sabiex jeżerċita l-funzjoni ta’ mħallef jista’ jinħatar bħala mħallef temporanju għal tul ta’ żmien minimu ta’ sentejn u għal mhux iktar mit-tul ta’ żmien tal-funzjoni prinċipali tiegħu. L-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1), kif ukoll l-Artikolu15(2) tad-DRiG japplikaw mutatis mutandis.”

16      Il-Hessisches Datenschutz- und Informationsfreiheitsgesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Hesse dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni), li tadatta l-liġi tal-Land ta’ Hesse fil-qasam tal-protezzjoni tad-data b’mod partikolari għar-Regolament Nru 2016/679, tipprevedi, fl-Artikolu 30(1) tagħha:

“Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 15 u 29, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi japplikaw għall-Parlament tal-Land biss sa fejn dan tal-aħħar jintervjeni f’affarijiet amministrattivi, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ affarijiet ekonomiċi tal-Parlament tal-Land, l-amministrazzjoni tal-persunal jew l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li l-eżekuzzjoni tagħhom hija r-responsabbiltà tal-President tal-Parlament tal-Land. Barra minn hekk, il-Parlament tal-Land jadotta regoli interni fir-rigward tal-protezzjoni b’mod konformi mal-istatus kostituzzjonali tiegħu. […]”

17      L-Anness 2 tal-Geschäftsordnung des Hessischen Landtags (ir-Regoli Interni tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse), tas-16 ta’ Diċembru 1993, jinkludi l-linji gwida dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni kklassifikata fl-ambitu tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse tal-1986, li jipprevedu, fl-Artikolu 13 tagħhom, intitolat “Protezzjoni ta’ sigrieti privati”:

“(1)      Sa fejn il-protezzjoni ta’ sigrieti personali, tan-negozju jew tal-kummerċ teżiġi dan, il-fajls, dokumenti oħra u d-deliberazzjonijiet tal-kumitati għandhom jinżammu sigrieti. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-fajls tat-taxxa u għall-petizzjonijiet. […]

(2)      Il-konsultazzjoni ta’ tali fajls jew dokumenti hija rriżervata għall-membri tal-kumitat kompetenti. L-istess jgħodd għall-konsultazzjoni tal-minuti ta’ deliberazzjonijiet tal-kumitati fuq kwistjonijiet li jeżiġu l-osservanza tas-sigriet, fis-sens tal-paragrafu 1. Il-kumitat jiddeċiedi dwar id-distribuzzjoni tal-minuti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Wara li ppreżenta petizzjoni lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse, VQ, abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2016/679, talab lil dan il-kumitat għal aċċess għad-data personali li tikkonċernah, irreġistrata minn dan il-kumitat fil-kuntest tal-ipproċessar tal-petizzjoni tiegħu.

19      Il-President tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse ddeċieda li jiċħad din it-talba, għar-raġuni li l-proċedura ta’ petizzjoni tikkostitwixxi missjoni parlamentari u li l-imsemmi parlament ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2016/679.

20      Fit-22 ta’ Marzu 2013, VQ ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja) kontra d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse li tiċħad it-talba tiegħu.

21      Din il-qorti tosserva li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 13 tal-linji gwida dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni kklassifikata fl-ambitu tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse tal-1986, id-dritt Ġermaniż ma jagħti l-ebda dritt ta’ aċċess għad-data personali fil-kuntest ta’ petizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22      Madankollu, huwa jistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità pubblika” fis-sens tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 2016/679, u jista’, f’dan il-każ, jitqies bħala l-“kontrollur” tad-data personali ta’ VQ. F’dan il-każ, dan tal-aħħar ikun jista’ jinvoka dritt ta’ aċċess taħt l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

23      Madankollu, ir-Regolament Nru 2016/679 ma jipprovdi l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità pubblika”. Skont il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden), din l-espressjoni tista’ tingħata sens funzjonali jew sens istituzzjonali. Skont l-ewwel sens, ikunu “awtoritajiet pubbliċi” l-entitajiet pubbliċi kollha li jwettqu missjonijiet ta’ amministrazzjoni pubblika, inkluż, għaldaqstant, il-Parlament tal-Land ta’ Hesse meta huwa jwettaq tali missjonijiet. Skont it-tieni sens, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet ta’ dan il-parlament huwa organu awtonomu, u għaldaqstant awtorità pubblika, fis-sens istituzzjonali. Huwa ma jipparteċipax fl-attività leġiżlattiva tal-imsemmi parlament peress li, minn naħa, l-attività tiegħu ma hijiex ta’ natura vinkolanti u, min-naħa l-oħra, huwa ma għandu la dritt ta’ inizjattiva u lanqas dritt li jirregola, u l-azzjoni tiegħu dejjem tiddependi mill-petizzjoni taċ-ċittadin u mill-kontenut tat-talba.

24      Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2016/679 ma jeskludix il-korpi jew l-istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ poteri ġudizzjarji jew leġiżlattivi, din id-dispożizzjoni timplika li għandu jiġi adottat sens wiesa’ tal-kunċett ta’ amministrazzjoni u għaldaqstant ta’ awtorità pubblika. Għalhekk, fir-rigward tad-dritt ta’ petizzjoni, xejn ma jiddistingwi dan il-kumitat minn kwalunkwe awtorità amministrattiva oħra tal-Land ta’ Hesse.

25      Il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) tqis, għaldaqstant, li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse huwa “awtorità pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament u li ma hemm l-ebda raġuni li tipprekludi, f’dan il-każ, l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess kont l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

26      Madankollu, din il-qorti tistaqsi, fit-tieni lok, jekk hija tistax titqies bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterju marbut mal-indipendenza tal-organu kkonċernat.

27      F’dan ir-rigward, hija tfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza jinkludi żewġ aspetti, L-ewwel wieħed, ta’ natura esterna, jippreżupponi li l-imsemmi organu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’awtonomija sħiħa, mingħajr rabta ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li l-korp ikun protett mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tiegħu fir-rigward tat-tilwim imressaq quddiemhhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, jingħaqad mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż għal distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u mill-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima, barra mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali.

28      Fir-rigward tal-aspett estern tal-indipendenza, ir-rabta ta’ qorti mal-Ministeru għall-Ġustizzja timplika li din il-qorti ma tkunx tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha f’awtonomija sħiħa. F’dan il-każ, l-organizzazzjoni tal-qrati tal-Land ta’ Hesse hija allegatament imposta mill-Ministeru għall-Ġustizzja ta’ dan il-land. B’mod partikolari, dan il-ministeru jiddetermina l-mezzi ta’ komunikazzjoni (telefon, faks, internet u oħrajn) u t-tagħmir informatiku, b’mod partikolari l-“HessenPC”, ikkonċepit għall-amministrazzjoni, ma’ fornitur ċentrali, jiġifieri l-Hessische Zentrale für Datenverarbeitung (iċ-Ċentru għall-Ipproċessar tad-Data tal-Land ta’ Hesse), li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Finanzi tal-Land ta’ Hesse. Dan tal-aħħar jiżgura wkoll il-manteniment ta’ dan it-tagħmir kollu, b’tali mod li l-amministrazzjoni tkun tista’ taċċedi għad-data kollha tal-qrati.

29      Is-sempliċi riskju tal-eżerċizzju ta’ influwenza politika fuq il-qrati permezz, b’mod partikolari, tat-tagħmir jew tal-persunal allokat mill-Ministeru għall-Ġustizzja, ikun suffiċjenti sabiex joħloq riskju ta’ ndħil fid-deċiżjonijiet ta’ dawn u sabiex jaffettwa l-indipendenza tal-qrati fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħhom. Għal dawn il-finijiet, ikun suffiċjenti li tiġi eżerċitata preżunta pressjoni għar-riżoluzzjoni rapida tal-kawżi permezz ta’ statistika tal-piż tax-xogħol amministrat mill-imsemmi ministeru.

30      Barra minn hekk, il-qrati tal-Land ta’ Hesse ma jibbenefikawx minn stħarriġ awtonomu fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, peress li l-biċċa l-kbira tal-ipproċessar tad-data hija imposta, essenzjalment, mill-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Land ta’ Hesse, mingħajr ma jiġi eżerċitat l-istħarriġ ġudizzjarju msemmi fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 2016/679.

31      Fir-rigward tal-aspett intern tal-indipendenza, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) tispeċifika li d-dritt kostituzzjonali Ġermaniż ma jiggarantixxix l-indipendenza istituzzjonali tal-qrati.

32      Fil-fatt, qabel kollox, kif jirriżulta mill-Artikoli 2b u 3 tal-HRiG, il-ħatra, l-evalwazzjoni, u l-promozzjoni tal-imħallfin, inklużi ta’ dawk li jifformaw il-qorti tar-rinviju, jaqgħu taħt il-Ministru għall-Ġustizzja tal-Land ta’ Hesse. Konsegwentement id-dispożizzjonijiet tad-dritt tas-servizz pubbliku huma applikabbli għalihom, b’tali mod li, b’mod partikolari, iċ-ċaqliq professjonali barra mill-pajjiż tal-imħallfin, bħal dak magħmul fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, għandu jiġi deċiż mill-imsemmi ministru.

33      Sussegwentement, skont l-Artikolu 18 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, sabiex jiġi kopert bżonn temporanju għal persunal, uffiċjal jista’ jinħatar bħala mħallef temporanju. Madankollu, tali mħallef jista’ jkun ġej minn awtorità pubblika li jkollha, quddiemu, il-kwalità ta’ konvenuta fi proċedura ġudizzjarja.

34      Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Land ta’ Hesse jdaħħal id-dettalji personali tal-imħallfin kollha f’sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni tar-riżorsi umani li hija parti mill-Gvern tal-Land ta’ Hesse, b’tali mod li l-awtoritajiet amministrattivi kollha ta’ dan il-land jista’ jkollhom aċċess għal din id-data, minkejja li huma jista’ jkollhom il-kwalità ta’ parti f’kawża mressqa quddiem dawn l-istess imħallfin.

35      Fl-aħħar nett, il-Ministeru għall-Ġustizzja jiddeċiedi wkoll dwar in-numru ta’ mħallfin u ta’ pożizzjonijiet f’kull qorti, dwar il-persunal “mhux ġudizzjarju” attribwit, fil-fatt, lill-poter eżekuttiv, kif ukoll dwar it-tagħmir informatika f’kull qorti.

36      B’dan il-mod, il-qrati jkollhom biss indipendenza funzjonali sa fejn biss l-imħallfin ikunu indipendenti u suġġetti għal-liġi, skont l-Artikolu 126 tal-Kostituzzjoni tal-Land ta’ Hesse. Madankollu, waħedha, tali indipendenza funzjonali hija insuffiċjenti sabiex tipproteġi lill-qrati minn kull influwenza esterna.

37      Minn dan il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) tikkonkludi li, probabbilment, hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta sabiex titqies bħala qorti indipendenti u imparzjali.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-[Regolament Nru 2016/679], f’dan il-każ l-Artikolu 15 [tiegħu], [intitolat ‘Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data’], huwa applikabbli għall-Kummissjoni tal-Parlament ta’ Stat Federali ta’ Stat Membru b’kompetenza li tittratta petizzjonijiet ta’ ċittadini, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tal-Petizzjonijiet tal-Parlament tal-Land ta’ Hessen, u tali kummissjoni għandha titqies f’dan ir-rigward bħala li hija awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 4(7) tar-[Regolament Nru 2016/679]?

2)      Il-qorti tar-rinviju hija qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta]?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Pollakk jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni domanda, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jirregolax l-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri u peress li, għaldaqstant, din il-kwistjoni taqa’ biss taħt id-dritt nazzjonali.

40      Biżżejjed jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk huwa tar-Regolament Nru 2016/679 jew tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biċ-ċar ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba kollha kemm hi, jiġifieri, kemm fuq l-ewwel kif ukoll fuq it-tieni domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 74 u 75).

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

42      Bit-tieni domanda tagħha, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) tesprimi dubji rigward il-kwalità proprja tagħha ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. B’dan il-mod, hija fil-fatt tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li l-kwalità ta’ “qorti”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 267, tikkostitwixxi kundizzjoni għal din l-ammissibbiltà u, għaldaqstant, prerekwiżit għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hemm riferiment għaliha fl-ewwel domanda.

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu tar-rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant sabiex jiġi evalwat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan l-organu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Id-dubji espressi mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) jirrigwardaw l-indipendenza tagħha fil-konfront tal-poter leġiżlattiv jew tal-poter eżekuttiv. Dawn id-dubji huma bbażati fuq iċ-ċirkustanzi skont liema, l-ewwel nett, l-imħallfin jinħatru u jiġu promossi mill-Ministru għall-Ġustizzja, it-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-imħallfin hija rregolata mill-Ministeru għall-Ġustizzja skont l-istess dispożizzjonijiet bħal dawk li huma applikabbli għall-uffiċjali, it-tielet nett, id-data personali u d-dettalji professjonali tal-imħallfin huma amministrati minn dan il-ministeru, li għalhekk għandu aċċess għal din id-data, ir-raba’ nett, sabiex jiġi kopert bżonn temporanju għal persunal, uffiċjali jistgħu jinħatru bħala mħallfin temporanji, u, il-ħames nett, l-imsemmi ministeru jimponi l-organizzazzjoni esterna u interna tal-qrati, jiddetermina l-allokazzjoni ta’ persunal, il-mezzi ta’ komunikazzjoni u t-tagħmir informatiku tal-qrati u jiddeċiedi wkoll dwar iċ-ċaqliq professjonali barra mill-pajjiż tal-imħallfin.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-indipendenza tal-imħallfin tal-Istati Membri hija ta’ importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea minn diversi aspetti. L-ewwel nett, hija parti mill-prinċipju tal-Istat ta’ dritt, li jagħmel parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni u li huma komuni għall-Istati Membri, kif ukoll mill-Artikolu 19 TUE, li jagħti espressjoni konkreta lil dan il-valur u jafda l-kompitu li jiġi żgurat l-istħarriġ legali f’dan l-ordinament ukoll lill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32). Sussegwentement, l-imsemmija indipendenza hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-individwi jiġu ggarantiti, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali previst fl-Artikolu 47 tal-Karta li huwa ta’ importanza fundamentali inkwantu garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punti 70 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, l-imsemmija indipendenza hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja inkorporata fil-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss permezz ta’ korp, inkarigat li japplika d-dritt tal-Unjoni, li jissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant, sabiex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, il-kriterju marbut mal-indipendenza li għandu jiġi ssodisfatt mill-korp tar-rinviju sabiex ikun jista’ jitqies bħala “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, jista’ jiġi evalwat biss fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni waħdanija.

47      Għaldaqstant, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea, f’dan il-każ, din l-evalwazzjoni għandha tirrigwarda biss l-indipendenza tal-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li, bħalma jirriżulta mill-punti 22 sa 25 ta’ din is-sentenza, tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament Nru 2016/679.

48      F’dan ir-rigward, ċerti elementi mressqa mill-imsemmija qorti amministrattiva huma manifestament irrilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

49      Dan huwa l-każ, fl-ewwel lok, tar-regoli dwar il-proċeduri għall-ħatra tal-imħallfin temporanji, peress li tali mħallfin ma jagħmlux parti mill-kulleġġ ġudikanti li huwa magħmul, f’dan il-każ, sempliċement mill-President tal-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden).

50      Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rwol tal-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Land ta’ Hesse f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni taċ-ċaqliq professjonali tal-imħallfin jew l-organizzazzjoni tal-qrati, id-determinazzjoni tan-numru tal-persunal, l-amministrazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u t-tagħmir informatika kif ukoll l-amministrazzjoni tad-data personali, biżżejjed jingħad li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi l-ebda informazzjoni li tagħmilha possibbli li jinftiehem sa fejn dawn l-elementi jistgħu jqiegħdu f’dubju, fil-kawża prinċipali, l-indipendenza tal-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden).

51      Għaldaqstant jifdal, essenzjalment, li tiġi vverifikata l-allegata influwenza li l-poter leġiżlattiv jew il-poter eżekuttiv jistgħu jeżerċitaw fuq l-imħallfin li jifformaw l-imsemmija qorti amministrattiva minħabba l-involviment tagħhom fil-ħatra, fil-promozzjoni u fl-evalwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

52      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li għandu jkollhom il-qrati tal-Istati Membri jippreżupponu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul ta’ żmien fil-funzjoni kif ukoll ir-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-partijiet fil-kawża ma jkollhom l-ebda dubju leġittimu dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kunfliġġenti (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jispeċifika li, f’dan il-każ, l-imħallfin għandhom status awtonomu fis-servizz pubbliku, żgurat, fost l-oħrajn, bil-garanzija li huma ma jitneħħewx, prevista fl-Artikolu 97 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-ġurisdizzjoni tal-qrati fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-imħallfin, kif ukoll bil-proċedura ta’ ħatra, li fiha l-Kumitat ta’ Selezzjoni tal-Imħallfin għandu rwol deċiżiv. Dan il-kumitat, previst fl-Artikolu 127 tal-Kostituzzjoni tal-Land ta’ Hesse, huwa kompost minn seba’ membri maħtura mill-Parlament ta’ dan il-land, minn ħames membri li ġejjin mill-korp ġudizzjarju u, fuq bażi ta’ rotazzjoni annwali, mill-president ta’ waħda miż-żewġ kmamar tal-avukati tal-imsemmi land. Il-membri maħtura mill-imsemmi parlament fi proporzjon mal-kompożizzjoni tiegħu għandhom jiżguraw il-leġittimità demokratika tal-imsemmi kumitat.

54      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallef sedenti fil-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar qabel kollox li s-sempliċi fatt li l-poter leġiżlattiv jew il-poter eżekuttiv jintervjenu fil-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef ma huwiex tali li joħloq dipendenza ta’ dan tal-aħħar fuqhom u lanqas ma huwa tali li jnissel dubji rigward l-imparzjalità tiegħu, jekk, ladarba maħtura, il-persuna kkonċernata ma tkun suġġetta għal ebda pressjoni u ma tirċevix struzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) tidher, madankollu, li għandha mistoqsijiet ukoll dwar il-kompatibbiltà tal-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni tal-Imħallfin mal-prinċipju ta’ indipendenza, fid-dawl tal-preponderanza tal-membri magħżula mill-poter leġiżlattiv.

56      Madankollu, dan il-fatt ma jistax, minnu nnifsu, iwassal għal dubji rigward l-indipendenza tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, l-indipendenza ta’ qorti nazzjonali għandha, inkluż mill-aspett tal-kundizzjonijiet li fihom issir il-ħatra tal-membri, tiġi evalwata fid-dawl tal-fatturi kollha li huma rilevanti.

57      Issa, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, meta qorti nazzjonali tkun ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja serje ta’ elementi li, fil-fehma tagħha, huma tali li jnisslu dubji rigward l-indipendenza ta’ kumitat involut fil-ħatra ta’ imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li wieħed mill-elementi mressqa b’dan il-mod mill-imsemmija qorti ma jistax minnu nnifsu jiġi kkritikat u jaqa’, f’dan il-każ, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u l-għażliet magħmula minnhom, il-kombinazzjoni tagħhom, flimkien maċ-ċirkustanzi li fihom saru dawn l-għażliet, tista’, min-naħa l-oħra, twassal għal dubji rigward l-indipendenza ta’ korp imsejjaħ sabiex jipparteċipa fil-ħatra tal-imħallfin, minkejja li, meta l-imsemmija elementi jiġu kkunsidrati separatament, tali konklużjoni ma tkunx neċesssarja (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 142).

58      F’dan il-każ, ma jistax jiġi konkluż li kumitat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex indipendenti minħabba l-preżenza tal-element waħdieni msemmi fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

59      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-evalwazzjoni u għall-promozzjoni tal-imħallfin, ukoll ikkontestati mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden), biżżejjed jiġi kkonstatat li l-proċess verbali sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix indikazzjonijiet li l-mod li bih il-poter leġiżlattiv jeżerċita l-kompetenzi tiegħu f’dan ir-rigward huwa tali li jnissel dubji leġittimi, b’mod partikolari, fi ħdan il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallef ikkonċernat fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi li jistgħu jkunu inkwistjoni quddiemu.

60      Fir-rigward ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-elementi mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) insostenn tad-dubji li hija tesprimi fir-rigward tal-indipendenza proprja tagħha ma humiex suffiċjenti, minnhom infushom sabiex jiġi konkluż li tali dubji huma fondati u li din il-qorti ma hijiex indipendenti, minkejja r-regoli l-oħra kollha previsti mill-ordinament ġuridiku li tagħmel parti minnu din il-qorti amministrattiva u intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza tagħha, inklużi, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) għandha, f’dan il-każ, titqies bħala “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

62      Għandu jiġi speċifikat li din il-konklużjoni ma taffettwax l-eżami tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda, li hija, inkwantu tali, inammissibbli. Fil-fatt, peress li din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE nnifsu, li ma huwiex inkwistjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni mitluba permezz tal-imsemmija domanda ma tissodisfax bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Mejju 1998, Nour, C‑361/97, EU:C:1998:250, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari

63      Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament ta’ Stat Federali ta’ Stat Membru għandu jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-ipproċessar ta’ data personali magħmul minn tali kumitat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, tal-Artikolu 15 ta’ dan.

64      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, l-ewwel nett, jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 4(7) jiddefinixxi l-“kontrollur” bħala l-persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità pubblika, id-dipartiment jew organu ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jistabbilixxi l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar.

65      Għalhekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontrollur” li tinsab fir-Regolament Nru 2016/679 ma hijiex limitata għall-awtoritajiet pubbliċi, iżda, kif jenfasizza l-Gvern Ċek, hija suffiċjentement wiesgħa sabiex tinkludi kull organu li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jistabbilixxi l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar.

66      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-osservazzjonijiet tal-Land ta’ Hesse li jgħidu li l-attivitajiet ta’ kumitat parlamentari ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2016/679, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika, fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, li, peress li din id-direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE), l-użu minn din il-bażi legali ma jippreżupponix l-eżistenza ta’ rabta effettiva mal-moviment liberu bejn Stati Membri f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mill-att ibbażat fuq tali bażi u li ma jkunx xieraq li l-espressjoni “attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni]” tiġi interpretata bħala li għandha portata tali li jkun meħtieġ li jiġi vverifikat, fuq bażi individwali, jekk l-attività speċifika taffettwax direttament il-moviment liberu bejn Stati Membri (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 40 u 42).

67      Dan huwa iktar u iktar minnu f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 2016/679, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE, li jgħid li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu r-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, b’mod partikolari, mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data, u li l-Artikolu 2(2) tiegħu jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

68      It-tielet nett, l-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan ir-regolament, peress li huwa eċċezzjoni mid-definizzjoni wiesgħa ħafna tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ dan, għandu jiġi interpretat b’mod strett.

69      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, enfasizzat li l-attivitajiet imsemmija bħala eżempji fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 (jiġifieri l-attivitajiet previsti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-ipproċessar li għandu bħala suġġett is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat u l-attivitajiet marbuta ma’ oqsma tad-dritt kriminali), huma, fil-każijiet kollha, attivitajiet li huma proprji għall-Istati jew għall-awtoritajiet tal-Istat u li dawn l-attivitajiet huma intiżi sabiex jiddefinixxu l-portata tal-eċċezzjoni prevista fih, b’tali mod li din l-eċċezzjoni tapplika biss għall-attivitajiet li huma msemmija b’mod espliċitu fih jew li jistgħu jitqiegħdu fl-istess kategorija (ejusdem generis) (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 43 u 44).

70      Għaldaqstant, il-fatt li attività tkun proprja għall-Istat jew għal awtorità pubblika ma huwiex suffiċjenti sabiex din l-eċċezzjoni tkun awtomatikament applikabbli għal tali attività. Huwa, fil-fatt, neċessarju li din l-attività tkun tinsab fost dawk li huma msemmija b’mod espliċitu minn din id-dispożizzjoni jew li tkun tista’ titqiegħed fl-istess kategorija ta’ dawn l-attivitajiet.

71      Minkejja li l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse huma, mingħajr dubju, ta’ natura pubblika u proprji għal dan il-land, peress li dan il-kumitat jikkontribwixxi indirettament għall-attività parlamentari, jibqa’ l-fatt li mhux biss dawn l-attivitajiet huma ta’ natura kemm politika kif ukoll amministrattiva, iżda wkoll li ma jidhirx mill-proċess verbali sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-imsemmija attivitajiet jikkorrispondu, f’dan il-każ, għal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(b) u (d) tar-Regolament Nru 2016/679 jew li huma jistgħu jitqiegħdu fl-istess kategorija ta’ dawn.

72      Ir-raba’ nett, u fl-aħħar nett, l-ebda eċċezzjoni ma hija prevista fir-Regolament Nru 2016/679, b’mod partikolari fil-premessa 20 u fl-Artikolu 23 ta’ dan, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet parlamentari.

73      Għaldaqstant, sa fejn il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse jistabbilixxi, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, dan il-kumitat għandu jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 2016/679 u, għalhekk, l-Artikolu 15 ta’ dan huwa, f’dan il-każ, applikabbli.

74      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament ta’ Stat Federali ta’ Stat Membru jistabbilixxi, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, dan il-kumitat għandu jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-ipproċessar ta’ data personali magħmul minn tali kumitat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, tal-Artikolu 15 ta’ dan.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament ta’ Stat Federali ta’ Stat Membru jistabbilixxi, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, dan il-kumitat għandu jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-ipproċessar ta’ data personali magħmul minn tali kumitat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, tal-Artikolu 15 ta’ dan.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.