Language of document : ECLI:EU:C:2020:561

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

16 ta’ Lulju 2020 (*)

“Appell – Intervent – Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 40 – Interess fir-riżultat tal-kawża”

Fil-Kawża C‑883/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2019,

HSBC Holdings plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

HSBC Bank plc, stabbilita f’Londra,

HSBC France, stabbilita f’Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn K. Bacon, QC, D. Bailey, barrister, M. Simpson, solicitor, kif ukoll minn C. Angeli u M. Giner, avocats,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Berghe, M. Farley u F. van Schaik, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li ra l-proposta ta’ K. Jürimäe, l-Imħallef Relatur,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Bobek,

jagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħhom, HSBC Holdings plc, HSBC Bank plc u HSBC France (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji HSBC”) qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (T‑105/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:675), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 8530 final tas-7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u ċaħdet il-kumplament tar-rikors tagħhom.

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2020, JPMorgan Chase Bank, National Association, u J.P. Morgan Services LLP (iktar ’il quddiem, flimkien, il-kumpanniji “JPMC”) talbu, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-kumpanniji HSBC.

3        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru rispettivament fit-22 u fit-30 ta’ April 2020, il-Kummissjoni Ewropea u l-kumpanniji HSBC ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar din it-talba. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit-18 ta’ Mejju 2020, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom, il-kumpanniji HSBC ikkompletaw l-osservazzjonijiet inizjali tagħhom fid-dawl tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs HSBC Holdings et (C‑806/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:364) u, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-att ġie inkluż fil-proċess.

 Fuq it-talba għal intervent

4        Insostenn tat-talba tagħhom, il-kumpanniji JPMC jesponu, essenzjalment, li huma ppreżentaw rikors, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T‑106/17, kontra d-deċiżjoni kontenzjuża li tagħha huma wkoll kienu destinatarji u li dan ir-rikors jikkonċerna l-istess kwistjoni bħal dik inkwistjoni fl-appell ineżami. Huma jenfasizzaw li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fuq il-bażi tal-Artikolu 69(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, li tissospendi l-proċedura f’din il-kawża fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-appell ineżami. Issa, huma jsostnu li minn din id-deċiżjoni tal-aħħar joħroġ manifestament li l-Kawża T‑106/17 ġiet sospiża minħabba l-eżistenza ta’ motivi komuni ma’ dawk imqajma fil-Kawża T‑105/17 u, għaldaqstant, fil-kawża ineżami. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ motivi komuni hija kkonfermata mis-sentenza appellata. Minn dan huma jikkonkludu li s-sentenza li għandha tingħata f’din il-kawża fl-istadju tal-appell ser ikollha impatt dirett fuq l-eżitu tar-rikors għal annullament tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpanniji JPMC jenfasizzaw li jkun inġust li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ kwistjonijiet li ser ikunu determinanti għar-riżoluzzjoni tar-rikors tagħhom mingħajr ma jinstemgħu dwar dawn il-kwistjonijiet.

5        Għaldaqstant, il-kumpanniji JPMC iqisu li huma għandhom interess dirett fir-riżultat tal-kawża, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6        F’dan id-dawl, minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tintervjeni f’kawża mressqa quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea, bl-esklużjoni ta’ kawżi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn Stati Membri minn naħa u istituzzjonijiet tal-Unjoni min-naħa l-oħra, jekk din il-persuna tkun tista’ turi li għandha interess fir-riżultat tal-imsemmija kawża.

7        Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “interess fir-riżultat tal-kawża”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tas-suġġett stess tal-kawża u għandu jinftiehem bħala interess dirett u attwali fl-eżitu mogħti lit-talbiet stess, u mhux bħala interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mqajma bħala tali. Fil-fatt, il-kliem “riżultat tal-kawża” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, kif tkun stabbilita fid-dispożittiv tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. B’hekk, b’mod iktar preċiż, dan huwa interess dirett u attwali li jintlaqgħu t-talbiet tal-parti li l-parti li titlob li tintervjeni tkun tixtieq issostni (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs HSBC Holdings et, C‑806/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:364, punt 7 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

8        F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi vverifikat li l-parti li titlob li tintervjeni tkun affettwata direttament mill-att ikkontestat u li l-interess tagħha fl-eżitu tal-kawża jkun ċert. Bħala prinċipju, interess fir-riżultat tal-kawża jista’ jitqies li huwa suffiċjentement dirett fil-każ biss li dan ir-riżultat ikun ta’ natura li jibdel il-pożizzjoni legali tal-parti li titlob li tintervjeni (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs HSBC Holdings et, C‑806/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:364, punt 8 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

9        Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti li, taħt l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, titħalla tintervjeni f’kawża mressqa quddiem din tal-aħħar ma tistax tibdel is-suġġett tal-kawża kif iddefinit mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan isegwi li huma biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu fil-kuntest iddefinit minn dawn it-talbiet u minn dawn il-motivi li huma ammissibbli. B’hekk, huwa billi jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża taħt appell, kif jirriżulta mit-talbiet tal-partijiet prinċipali u mill-aggravji mressqa insostenn ta’ dawn it-talbiet, li għandu jiġi evalwat l-interess tal-parti li titlob li tintervjeni fir-riżultat ta’ din il-kawża (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs HSBC Holdings et, C‑806/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:364, punt 9 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

10      F’dan il-każ, mill-punt 42 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fil-kuntest tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali u li wassal għas-sentenza appellata, il-kumpanniji HSBC ressqu, minn naħa, talbiet għall-annullament tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll, min-naħa l-oħra, talbiet għal bidla tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqhom permezz ta’ dan l-Artikolu 2(b).

11      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kumpanniji li kienu msemmija f’dan l-artikolu, li fosthom kien hemm il-kumpanniji JPMC kif ukoll il-kumpanniji HSBC, kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE billi ħadu sehem fi ksur “uniku u kontinwu” li kien jikkonsisti “fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma intiżi li joħolqu distorsjoni fil-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax tal-Euro” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-Artikolu 2(b) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkundannat in solidum lill-kumpanniji HSBC għal multa ta’ EUR 33 606 000 għall-ksur imsemmi f’dan l-Artikolu 1.

12      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi tal-kumpanniji HSBC intiżi, prinċipalment, għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-motiv intiż għall-annullament tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-deċiżjoni u annullat dan l-artikolu.

13      F’dan il-kuntest, permezz tal-appell tagħhom, il-kumpanniji HSBC jitolbu, minn naħa, l-annullament tal-punt 2 tad-dispożizzjoni tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom sa fejn kien intiż għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, l-annullament tal-Artikolu 1(b) ta’ din id-deċiżjoni.

14      Għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpanniji JPMC jistabbilixxux, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li għandhom interess dirett u attwali f’li jintlaqgħu t-talbiet tal-kumpanniji HSBC, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 7 ta’ dan id-digriet.

15      F’dan id-dawl, għandu jiġi rrilevat li dan l-appell jikkonċerna, b’mod partikolari, il-legalità tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-motivi li fuqhom huwa bbażat id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tiegħu l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Il-kumpanniji HSBC isostnu, f’dan il-kuntest, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ċaħdet il-motivi ta’ annullament tagħhom ibbażati fuq il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ dan il-ksur mill-Kummissjoni bħala ksur minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, u bħala ksur uniku u kontinwu. Barra minn hekk, huma jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv ta’ annullament tagħhom, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni wara deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni li fiha l-Kummissjoni kienet diġà ħadet pożizzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-kumpanniji HSBC fil-ksur inkwistjoni.

16      Huwa minnu li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni, bħalma hija d-deċiżjoni kontenzjuża, għalkemm tkun imfassla u ppubblikata fil-forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw, fir-rigward ta’ kull waħda mill-impriżi destinatarji, il-ksur wieħed jew iktar ikkonstatati fil-konfront tagħha u li jimponu fuqha, jekk ikun il-każ, multa (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, jekk jintlaqgħu t-talbiet tal-kumpanniji HSBC fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u, fil-każ li taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk tqis li r-rikors fl-ewwel istanza huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li japplika biss għal dawn il-kumpanniji.

17      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, f’dan il-każ, il-kumpanniji JPMC, bħala destinatarji konġunti tad-deċiżjoni kontenzjuża, jagħmlu parti mill-kumpanniji identifikati bħala li pparteċipaw, flimkien mal-kumpanniji HSBC, fil-ksur deskritt fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 1(c) tal-imsemmija deċiżjoni, li tiegħu l-kumpanniji JPMC qegħdin jitolbu l-annullament fil-kuntest tal-Kawża T‑106/17, effettivament japplika biss għal dawn il-kumpanniji tal-aħħar, il-motivi ta’ annullament imqajma minnhom dwar in-natura u l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-istess deċiżjoni huma analogi għal dawk imressqa mill-kumpanniji HSBC. B’hekk, minkejja l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, id-deċiżjonijiet li jikkonstataw il-parteċipazzjonijiet rispettivi tal-kumpanniji HSBC u JPMC fl-istess “ftehimiet u/jew prattiki miftiehma” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għalkemm huma distinti, huma marbuta mill-qrib ħafna ma’ xulxin, jekk mhux ukoll interdipendenti.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li, permezz tal-appell tagħhom, il-kumpanniji HSBC qegħdin jikkontestaw l-eżistenza u n-natura stess tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, is-sentenza li għandha tingħata f’din il-kawża – kemm jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tal-kumpanniji HSBC u tannulla s-sentenza appellata u kemm jekk tiċħad l-aggravji mressqa minn dawn il-kumpanniji – ser ikollha neċessarjament impatt dirett fuq l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tar-rikors ippreżentat mill-kumpanniji JPMC sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kontenzjuża.

19      B’hekk, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-aggravji mressqa insostenn ta’ dan l-appell, għandu jiġi rrilevat li, permezz tas-sentenza li għandha tingħata f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti deċiżjoni li taqta’ b’mod definittiv il-fondatezza fid-dritt tal-aggravji mressqa mill-kumpanniji HSBC dwar il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza u n-natura tal-ksur deskritt fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, aggravju dan li l-kontenut legali tiegħu jikkorrispondi parzjalment għal dak tal-motivi mressqa fl-ewwel istanza mill-kumpanniji JPMC fil-kuntest tal-Kawża T‑106/17.

20      Għaldaqstant, jekk il-kumpanniji JPMC ma jitħallewx jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-kumpanniji HSBC, huma jkunu mċaħħda mill-possibbiltà li jinstemgħu b’mod konkret dwar il-fondatezza fid-dritt tal-motivi tagħhom, minkejja li s-sentenza li għandha tingħata f’din il-kawża ser tagħti riżultat li jista’ jkun deċiżiv għall-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza ta’ dawn tal-aħħar.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “interess fir-riżultat tal-kawża”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-ammissjoni ta’ talba għal intervent bħal dik tal-kumpanniji JPMC.

22      Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jagħmel parti integrali mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn huwa korollarju, bħalma huwa b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, jimplika l-obbligu għall-qorti li toffri lil kull parti possibbiltà raġonevoli sabiex tippreżenta l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-avversarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 54, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 61).

23      Minn dan jirriżulta li għandha ssir distinzjoni skont jekk id-destinatarji ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kontenzjuża li jkunu ppreżentaw rikors fl-ewwel istanza – li jkun is-suġġett ta’ sospensjoni – jitolbux li jintervjenu fil-kuntest ta’ kawża dwar l-eżistenza stess ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, li tiegħu jkunu ġew identifikati bħala awturi konġunti, jew jekk jitolbux li jintervjenu fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna biss il-legalità jew l-ammont tal-multa imposta fuq awtur ieħor minn dawn l-awturi konġunti minħabba dan il-ksur.

24      Fil-fatt, fl-ewwel każ, il-fatt li l-partijiet li jitolbu li jintervjenu huma impriżi identifikati bħala parteċipanti fi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jippermettilhom jistabbilixxu li għandhom interess dirett fl-eżitu tat-talbiet imressqa minn parteċipant ieħor f’dan il-ksur fil-kuntest ta’ kawża intiża li tiġi kkontestata r-realtà tal-imsemmi ksur, bil-kundizzjoni li jkunu ppreżentaw huma stess rikors għall-annullament tad-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħhom stess fl-istess ksur, ibbażat fuq motivi ta’ annullament sostanzjalment identiċi jew analogi għal dawk imressqa fil-kuntest tal-imsemmija kawża. Għall-kuntrarju, fir-rigward tat-tieni każ, fid-dawl tan-natura individwali tal-multi imposti taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, il-partijiet li jitolbu li jintervjenu jistabbilixxu li għandhom biss interess indirett fir-riżultat tal-kawża li fiha jkunu jixtiequ jintervjenu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs HSBC Holdings et, C‑806/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:364 punt 13 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, din it-talba għal intervent, b’differenza mit-talba mressqa mill-kumpanniji JPMC fil-Kawża C‑806/19 P, Il-Kummissjoni vs HSBC Holdings et, taqa’ taħt l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet.

26      Għaldaqstant, il-kumpanniji JPMC jistabbilixxu li għandhom interess fir-riżultat tal-kawża, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

27      Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 9 ta’ dan id-digriet, parti li titħalla tintervjeni ma tistax tibdel is-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit permezz tat-talbiet u tal-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan isegwi li huma ammissibbli biss l-argumenti tal-intervenjenti li jaqgħu fil-kuntest iddefinit permezz ta’ dawn it-talbiet u ta’ dawn il-motivi.

28      Fir-rigward tad-drittijiet proċedurali tal-kumpanniji JPMC, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal intervent tressqet fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, b’tali mod li, bħala prinċipju, huma intitolati li jirċievu komunikazzjoni tal-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 131(4) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) tal-imsemmija regoli.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpanniji HSBC u l-Kummissjoni għandhom jingħataw terminu qasir sabiex iressqu, jekk ikun il-każ, talba għat-trattament kunfidenzjali tal-atti fil-proċess ta’ din il-kawża.

30      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-kumpanniji JPMC għandhom jitħallew jintervjenu fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-kumpanniji HSBC.

 Fuq l-ispejjeż

31      Skont l-Artikolu 137(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza.

32      F’dan il-każ, peress li t-talba għal intervent tal-kumpanniji JPMC intlaqgħet, hemm lok li d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħhom tiġi rriżervata.

Għal dawn il-motivi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna li:

1)      JPMorgan Chase & Co., JPMorgan Chase Bank, National Association, u J.P. Morgan Services LLP huma ammessi jintervjenu fil-Kawża C883/19 P insostenn tat-talbiet ta’ HSBC Holdings plc, ta’ HSBC Bank plc u ta’ HSBC France.

2)      Bla ħsara għall-punt 3, ir-Reġistratur għandu jinnotifika kopja tal-atti proċedurali kollha lil JPMorgan Chase & Co., lil JPMorgan Chase Bank, National Association, u lil J.P. Morgan Services LLP.

3)      HSBC Holdings plc, HSBC Bank plc u HSBC France kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom jingħataw terminu sabiex iressqu, jekk ikun il-każ, talba għat-trattament kunfidenzjali tal-atti fil-proċess ta’ din il-kawża fil-konfront ta’ JPMorgan Chase & Co., ta’ JPMorgan Chase Bank, National Association, u ta’ J.P. Morgan Services LLP.

4)      JPMorgan Chase & Co., JPMorgan Chase Bank, National Association, u J.P. Morgan Services LLP għandhom jingħataw terminu sabiex jesponu, bil-miktub, il-motivi invokati insostenn tat-talbiet tagħhom.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.