Language of document : ECLI:EU:C:2020:611

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis-6 ta’ Awwissu 2020 (1)

Kawża C195/20 PPU

XC

Proċedura kriminali

fil-presenza ta’

Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Artikolu 27(2) u (3) – Regola ta’ speċjalità – Portata – Prosekuzzjoni tal-persuna rikjesta għal reati differenti minn dawk li taw lok għall-konsenja tagħha – Suċċessjoni ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għal reati differenti mill-istess Stat Membru – Effetti ġuridiċi marbuta mat-tluq volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew u mar-ritorn forzat fit-territorju tiegħu abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ieħor”






I.      Introduzzjoni

1.        Skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (2), li jistabbilixxi r-regola msejħa “ta’ speċjalità”, persuna li ġiet ikkonsenjata ma tistax tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kundanna jew ċaħda tal-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra għal dak li jkun ta lok għall-konsenja tagħha.

2.        F’dan il-każ, l-akkużat ġie kkonsenjat l-ewwel darba lill-awtoritajiet Ġermaniżi mill-awtoritajiet Portugiżi b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Wara li skonta l-piena tiegħu, huwa telaq b’mod volontarju mit-territorju tal-Ġermanja. Sussegwentement huwa kien is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ieħor li permezz tiegħu l-awtoritajiet Taljani kkonsenjawh lill-awtoritajiet Ġermaniżi. L-awtoritajiet Taljani taw il-kunsens tagħhom għar-rinunzja tar-regola ta’ speċjalità għall-finijiet ta’ prosekuzzjonijiet għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-akkużat jallega li tali kunsens kellu jingħata mill-awtoritajiet Portugiżi bħala l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew.

3.        Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija essenzjalment mitluba tiddeċiedi dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità fil-kuntest speċifiku tal-ħruġ volontarju tal-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew mit-territorju tal-Istat Membru emittenti ta’ dan il-mandat, segwit mir-ritorn forzat ta’ din il-persuna abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ieħor: minkejja dan il-ħruġ volontarju, għandu jiġi kkunsidrat li tali persuna tkompli tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mir-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew? Jew pjuttost għandu jiġi kkunsidrat li, minħabba l-ħruġ volontarju mit-territorju tal-Istat emittenti tal-ewwel mandat, ir-regola ta’ speċjalità tista’, jekk ikun il-każ, tiġi evalwata biss fir-rigward tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew,  u għalhekk il-kunsens għall-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għandu jirriżulta biss mill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni mandat?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.”

5.        Mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinkludi ċertu informazzjoni, b’mod partikolari “in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat” u “deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat”.

6.        Skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas:

“Jekk il-persuna arrestata tindika li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, dak il-kunsens u, jekk adatt, rinunzja espressa għall-benefiċċju tar-‘regola ta’ l-ispeċjalità’, imsemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jingħataw quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.”

7.        L-Artikolu 27 tal-istess deċiżjoni qafas jaqa’ taħt il-Kapitolu 3 tagħha intitolat “Effetti tal-konsenja”. Huwa jirrigwarda l-prosekuzzjoni eventwali (tal-persuna kkonċernata) għal reati oħra u huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.      Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.      Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

a)      meta l-persuna wara li kellha l-opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata m’għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f’dak it-territorju wara li telqet minnu;

b)      ir-reat mhuwiex punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;

c)      il-proċedimenti kriminali ma jikkawżawx l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni għal-libertà personali;

d)      meta l-persuna setgħet tkun soġġetta għal piena jew miżura li ma tinvolvix iċ-ċaħda tal-libertà personali, b’mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflok din, ukoll jekk il-piena jew il-miżura tista’ tikkawża restrizzjoni tal-libertà personali:

e)      meta l-persuna tat il-kunsens biex tiġi konsenjata, fejn adatt fl-istess ħin li hi rrinunzjat għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 13;

f)      meta l-persuna, wara l-konsenja tagħha, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola ta’ l-ispeċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi qabel il-konsenja tagħha. Ir-rinunzja għandha tiġi mogħtija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u għandha tiġi rreġistrata skond il-liġi domestika ta’ dak l-Istat. Ir-rinunzja għandha titfassal b’tali mod li jkun magħmul ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna għandu jkollha d-dritt għal avukat;

g)      fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.      Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih”.

B.      Id-dritt Ġermaniż

8.        Skont l-Artikolu 83h tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), li ttrasponiet id-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“1)      Il-persuni kkonsenjati minn Stat Membru abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistgħux:

1.      ikunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kundanna jew ċaħda tal-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħhom minbarra għal dak li jkun ta lok għall-konsenja tagħhom, jew;

2.      jiġu kkonsenjati, ittrasferiti jew imkeċċija lejn Stat terz.

2)      Il-paragrafu 1 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

1.      meta l-persuna li kellha l-opportunità titlaq mit-territorju tal-Istat Membru li lilu ġiet ikkonsenjata ma għamlitx hekk fi żmien ħamsa u erbgħin jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f’dak it-territorju wara li telqet minnu;

2.      ir-reat ma huwiex punibbli b’piena jew miżura li tneħħi l-libertà;

3.      il-proċedura kriminali ma tagħtix lok għall-applikazzjoni ta’ ordni ta’ detenzjoni;

4.      meta l-persuna hija punibbli b’piena jew miżura li ma jneħħux il-libertà, anki jekk din il-piena jew miżura tista’ tirrestrinġi l-libertà personali tagħha;

5.      meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew il-persuna kkonsenjata tirrinunzja għall-prinċipju ta’ speċjalità.

3)      Ir-rinunzja mwettqa wara l-konsenja tal-persuna għandha ssir quddiem qorti jew prosekutur u għandha tiġi rreġistrata. Id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja hija irrevokabbli. Il-persuna kkonsenjata għandha tiġi informata b’dan.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

9.        L-akkużat kien is-suġġett ta’ prosekuzzjoni b’mod suċċessiv fi tliet fajls fil-Ġermanja fir-rigward ta’ reati differenti: traffikar ta’ droga (il-fatti A), abbuż sesswali fuq minorenni mwettaq fil-Portugall (il-fatti B), imbagħad stupru aggravat u estorsjoni, imwettaq fil-Portugall ukoll (il-fatti C).

10.      Qabel kollox, l-akkużat kien is-suġġett ta’ prosekuzzjoni għal traffikar ta’ droga fi kwantità sinjifikattiva (il-fatti A). Fis‑6 ta’ Ottubru 2011, huwa kien ġie kkundannat fir-rigward ta’ dawn il-fatti mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll, il-Ġermanja) għal piena ta’ priġunerija globali ta’ sena u disa’ xhur. L-eżekuzzjoni ta’ din il-piena kienet ġiet sospiża taħt ċerti kundizzjonijiet.

11.      Imbagħad, fl‑2016, infetħet proċedura kriminali fil-Ġermanja kontra l-akkużat għal abbuż sesswali fuq minorenni mwettaq fil-Portugall (il-fatti B). Fit‑23 ta’ Awwissu 2016, is-Staatsanwaltschaft Hannover (il-Prosekutur ta Hannover, il-Ġermanja) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għal din ir-raġuni (iktar ’il quddiem l-“ewwel mandat ta’ arrest Ewropew”). It-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora, il-Portugall) awtorizzat il-konsenja tal-akkużat lill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-imsemmi reat. F’din l-okkażjoni, l-akkużat ma rrinunzjax għar-regola ta’ speċjalità. Fit‑22 ta’ Ġunju 2017, l-akkużat ġie kkonsenjat lejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-awtoritajiet Portugiżi. Imbagħad huwa skonta f’dan il-pajjiż il-piena ta’ priġunerija kollha ta’ sena u tliet xhur li għaliha kien ġie kkundannat għal abbuż sesswali fuq minorenni. Fix-xahar ta’ Awwissu 2018, huwa tqiegħed taħt sorveljanza soċjoġudizzjarja (Führungsaufsicht) għal 5 snin. Matul dan il-perijodu huwa kellu jippreżenta ruħu darba f’xahar quddiem l-uffiċjal tal-probation tiegħu.

12.      Matul l-eżekuzzjoni tal-piena relatata mal-abbuż sesswali fuq minorenni (il-fatti B), is-sospensjoni taħt ċerti kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fl‑2011 mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) fir-rigward tat-traffikar ta’ droga (il-fatti A) kienet ġiet irrevokata. Fit‑22 ta’ Awwissu 2018, is-Staatsanwaltschaft Flensburg (il-Prosekutur ta’ Flensburg, il-Ġermanja) talab lit-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora) tirrinunzja għall-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità u tagħti l-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll).

13.      Fil‑31 ta’ Awwissu 2018, fin-nuqqas ta’ tweġiba mit-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora), l-akkużat ingħata l-libertà. Għalhekk, fit‑18 ta’ Settembru, huwa mar il-Pajjiżi l-Baxxi u mbagħad l-Italja. Fid‑19 ta’ Settembru, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tal-akkużat mis-Staatsanwaltschaft Flensburg (il-Prosekutur ta’ Flensburg) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) għall-fatti A (iktar ’il quddiem it-“tieni mandat ta’ arrest Ewropew”).

14.      Fis‑27 ta’ Settembru 2018, l-akkużat ġie arrestat fl-Italja. Fl‑10 ta’ Ottubru 2018, l-awtoritajiet Taljani taw il-kunsens tagħhom għall-konsenja tiegħu. Fit‑18 ta’ Ottubru, l-akkużat ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

15.      Finalment, fil‑5 ta’ Novembru 2018, inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali (Untersuchungshaftbefehl) mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) għall-finijiet tal-istruttorja tat-tielet kawża li timplika lill-akkużat (il-fatti C) u li l-fatti tagħha jmorru lura għat‑2 ta’ Settembru 2005, jiġifieri l-istupru u l-estorsjoni ta’ ċittadina Amerikana ta’ 72 sena fil-Portugall, ġewwa Praia da Luz. Hija din l-aħħar kawża li tat lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

16.      Fit‑12 ta’ Diċembru 2018, is-Staatsanwaltschaft Braunschweig (il-Prosekutur ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) talab lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana tagħti l-kunsens tagħha wkoll sabiex l-akkużat ikun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni għall-fatti ta’ stupru u ta’ estorsjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (il-fatti C). Il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milan, l-Italja) tat il-kunsens tagħha għal din it-talba fit‑22 ta’ Marzu 2019.

17.      L-akkużat tqiegħed taħt arrest preventiv fil-Ġermanja mit‑23 ta’ Lulju 2019 sal‑11 ta’ Frar 2020 skont il-mandat ta’ arrest nazzjonali msemmi fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Matul dan il-perijodu, permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2019, il-Landgericht Braunschweig (il-Qorti Reġjonali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) ikkundannat lill-akkużat għall-fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall fl‑2005 (il-fatti C). Hija tat, fil-konfront tiegħu, piena ta’ priġunerija globali ta’ 7 snin li tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal‑2011 tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll). It-tul kollu tal-arrest preventiv magħmul fl-Italja mill-akkużat ġie imputat fil-piena globali. Barra minn hekk, fil‑21 ta’ Jannar 2020, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża tat il-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija globali mogħtija mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) għall-fatti A.

18.      L-akkużat ilu taħt arrest mit‑12 ta’ Frar 2020 b’eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fl‑2011 mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) għall-fatti A. Huwa ppreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, kontra s-sentenza tal-Landgericht Braunschweig (il-Qorti Reġjonali ta’ Braunschweig). B’mod partikolari, huwa kkontesta l-validità tal-proċedura li waslet għall-għoti ta’ din is-sentenza fir-rigward tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Peress li l-awtoritajiet Portugiżi ma tawx il-kunsens tagħhom għall-prosekuzzjonijiet għall-fatti ta’ stupru u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall (il-fatti C), l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kellhomx dritt ta’ prosekuzzjoni fir-rigward tal-akkużat u l-atti proċedurali, bħall-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil‑5 ta’ Novembru 2018, huma għalhekk illegali.

19.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-punt dwar jekk il-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ għall-finijiet tal-istruttorja jistax jinżamm jew għall-kuntrarju għandux jiġi annullat jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhomx dritt ta’ prosekuzzjoni fir-rigward tal-akkużat għall-allegazzjonijiet ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall fl‑2005 (il-fatti C).

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ speċjalità ma jipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda minħabba reat ieħor imwettaq qabel il-konsenja li jkun differenti minn dak li fuqu tkun ibbażata l-konsenja f’sitwazzjoni fejn il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti wara l-konsenja u tkun sussegwentement ikkonsenjata mill-ġdid lejn it-territorju tal-Istat Membru emittenti minn Stat Membru ta’ eżekuzzjoni ieħor fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid u f’sitwazzjoni fejn it-tieni Stat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ta l-kunsens tiegħu li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kundanna u eżekuzzjoni tal-piena fir-rigward ta’ dan ir-reat l-ieħor?”.

IV.    Fuq il-proċedura b’urġenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, hija targumenta li d-domanda preliminari magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ deċiżjoni qafas li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Hija indikat ukoll li fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-akkużat kien jinsab taħt arrest għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) għal traffikar ta’ droga (il-fatti A). Anki jekk l-akkużat jiġi lliberat qabel, huwa madankollu jibqa’ taħt arrest abbażi tal-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) għall-finijiet tal-istruttorja tal-fatti ta’ stupru u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall (il-fatti C). Issa, il-legalità ta’ dan l-arrest hija fiha nnifisha kkundizzjonata mill-validità tal-proċedura li waslet għas-sentenza tal-Landgericht Braunschweig (il-Qorti Reġjonali ta’ Braunschweig), inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-fatti C. F’każ tal-invalidità tagħha, l-akkużat għandu jiġi lliberat.

22.      Fil‑25 ta’ Mejju 2020, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ din it-talba.

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-akkużat, mill-Generalbudesanwalt beim Bundesgerichtshof (il-Prosekutur Ġenerali ta’ Bundesgerichtshof, iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”), mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, kif ukoll l-Irlanda, ippreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li saret fis‑16 ta’ Lulju 2020.

V.      Analiżi

24.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda b’analiżi tar-regola ta’ speċjalità fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-kuntest u tal-portata tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Ser niffoka b’mod partikolari fuq id-determinazzjoni tal-effetti li jipproduċi l-ħruġ volontarju tal-persuna kkonċernata mit-territorju tal-Istat Membru emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fuq l-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità, u b’mod iktar wiesa’, fuq il-proċedura ta’ konsenja (A). Imbagħad, ser nispjega dak li teħtieġ ir-regola ta’ speċjalità fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun reġgħet ġiet ikkonsenjata, fl-okkażjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ieħor, lill-Istat Membru emittenti f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (B).

A.      Ir-regola ta’ speċjalità u l-effetti marbuta mal-ħruġ volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti

25.      F’dan il-każ, abbażi tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Ġermanja u eżegwit mill-Portugall, l-akkużat ġie kkonsenjat fit-territorju Ġermaniż fejn skonta l-piena mogħtija għall-fatti msemmija f’dan il-mandat ta’ arrest (abbuż sesswali fuq minorenni, il-fatti B). Wara li ħareġ mill-ħabs, huwa tqiegħed taħt sorveljanza soċjoġudizzjarja iżda ma kienx ipprojbit milli jitlaq mit-territorju Ġermaniż. L-akkużat telaq b’mod volontarju mill-Ġermanja u l-ewwel mar il-Pajjiżi l-Baxxi u mbagħad l-Italja. Abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ieħor maħruġ mill-awtoritajiet Ġermaniżi, huwa reġa’ ġie kkonsenjat lilhom mill-awtoritajiet Taljani sabiex jiskonta l-piena li għaliha kien ġie preċedentement ikkundannat għal traffikar ta’ droga (il-fatti A). Sussegwentement, l-imsemmija awtoritajiet aċċettaw ukoll ir-rinunzja tar-regola ta’ speċjalità billi ppermettew il-prosekuzzjoni tal-akkużat fil-Ġermanja għall-fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall qabel l-ewwel konsenja tiegħu (il-fatti C). Għal dawn il-fatti, l-akkużat huwa attwalment is-suġġett ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà (Untersuchungshaft) b’rabta mas-sentenza li huwa jikkontesta.

26.      Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar liema huma l-konsegwenzi legali marbuta, minn naħa, mal-ħruġ volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti ta’ persuna li ġiet ikkonsenjata lil dan l-Istat Membru abbażi tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew, u min-naħa l-oħra, mar-ritorn forzat ta’ din il-persuna abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ieħor.

27.      Ser nibda bl-ewwel punt: liema huma l-effetti tal-ħruġ volontarju mit-territorju tal-Istat emittenti ta’ persuna li ġiet ikkonsenjata lil dan l-Istat skont ir-regola ta’ speċjalità?

28.      Skont l-akkużat u l-Irlanda, tali ċirkustanza ma għandhiex effett fuq l-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità. L-akkużat ma rrinunzjax għal din ir-regola billi telaq b’mod volontarju mit-territorju Ġermaniż. Ir-regola ta’ speċjalità tibqa’ tapplika ladarba, minn naħa, l-akkużat kien għadu s-suġġett ta’ sorveljanza soċjoġudizzjarja fir-rigward tal-fatti B meta huwa telaq mit-territorju Ġermaniż, u min-naħa l-oħra, huwa ma rritornax b’mod volontarju fit-territorju Ġermaniż. Għalhekk, l-ewwel konsenja għadha tipproduċi l-effetti tagħha.

29.      Min-naħa tagħhom, il-Prosekutur Ġenerali, il-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni kif ukoll il-qorti tar-rinviju jaqblu li t-tluq volontarju tal-akkużat mit-territorju tal-Istat Membru emittenti jtemm l-ewwel proċedura ta’ konsenja, u jipprovoka għalhekk l-estinzjoni tar-regola ta’ speċjalità. L-interessi protetti mir-regola ta’ speċjalità ma jibqgħux affettwati meta l-persuna titlaq b’mod volontarju mill-Istat Membru li lilu kienet ġiet inizjalment ikkonsenjata. Il-persuna li titlaq b’mod volontarju mill-Istat Membru emittenti ma tistax tinvoka iktar il-protezzjoni mogħtija mir-regola ta’ speċjalità, inkluż f’każ ta’ ritorn peress li r-residenza ġdida fl-Istat Membru emittenti ma tkunx għadha dovuta għall-konsenja mwettqa preċedentement.

30.      Jiena naqbel mal-Prosekutur Ġenerali, mal-Gvern Ġermaniż, mal-Kummissjoni kif ukoll mal-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tiegħi, ir-regola ta’ speċjalità hija intrinsikament marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku li fil-kuntest tiegħu hija kienet ġiet “attivata” u tista’ għalhekk tiġi evalwata. Din ir-regola tapplika biss, b’rabta ma’ dan il-mandat, sakemm il-persuna kkonċernata tkun tinsab, bil-preżenza tagħha fit-territorju tal-Istat Membru emittenti, taħt il-kontroll ta’ dak l-Istat. Għaldaqstant, ladarba l-persuna kkonċernata ma tkunx għadha suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Istat emittenti ta’ dan il-mandat minħabba tluq volontarju mit-territorju tiegħu, ir-regola ta’ speċjalità ma jibqalhiex użu.

31.      Tali interpretazzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni, mill-kuntest u mill-portata tal-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

1.      Interpretazzjoni letterali

32.      Skont l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, persuna li ġiet ikkonsenjata ma tistax, bħala prinċipju, tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kundanna jew ċaħda tal-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra għal dak li jkun ta lok għall-konsenja tagħha.

33.      Il-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprovdix indikazzjonijiet dwar l-effetti li t-tluq volontarju tal-persuna li kienet is-suġġett ta’ konsenja mit-territorju tal-Istat emittenti jipproduċi fuq l-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità. Madankollu, din il-formulazzjoni tissuġġerixxi b’mod ċar li r-regola ta’ speċjalità hija strettament marbuta mal-konsenja (fis-singular), u għaldaqstant, mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku.  Il-fatt li din ir-regola hija għall-benefiċċju ta’ “persuna konsenjata”, effettivament jagħti x’jifhem li din il-persuna għandha tkun tinsab – jew tkun fil-punt li tkun ser tinsab – fit-territorju tal-Istat Membru li talab din il-konsenja b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, jew tal-inqas, taħt il-kontroll effettiv ta’ dak l-Istat.

34.      Bl-istess mod, dejjem fuq livell testwali, il-Kapitolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taħtu jaqa’ l-Artikolu 27, huwa intitolat “Effetti tal-konsenja”. Dan it-titolu jimplika wkoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu jirregolaw l-effetti prodotti minn konsenja speċifika abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew partikolari.

2.      Interpretazzjoni kuntestwali

35.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest intern tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-paragrafu 3 tiegħu jirriżulta li r-regola ta’ speċjalità ma tapplikax f’ċerti każijiet elenkati b’mod eżawrjenti (3). Dan japplika, qabel kollox, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens għall-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet. F’dak il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li permezz tal-kunsens tagħha, il-persuna kkonċernata aċċettat b’mod liberu li tissuġġetta ruħha għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru emittenti fir-rigward ta’ fatti oħra meta ma kellha ebda obbligu li tagħmel dan. Dan huwa l-każ ukoll meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tagħti l-kunsens tagħha stess għall-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet (4). Dan it-tieni każ, magħruf sew fid-dritt tal-estradizzjoni klassika, jenfasizza kemm id-dimensjoni bilaterali kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet ta’ sovranità wara kull mandat ta’ arrest Ewropew: huwa għall-benefiċċju tal-Istat emittenti li l-Istat ta’ eżekuzzjoni jirrinunzja li jeżerċita l-ius puniendi tiegħu fir-rigward ta’ reati oħra differenti minn dawk li jkunu taw lok għall-konsenja (5).

36.      Minkejja d-differenzi evidenti tagħhom, dawn iż-żewġ tipi ta’ eċċezzjonijiet għandhom element komuni deċiżiv: l-aċċettazzjoni li fatti preċedenti għall-konsenja, mhux previsti mill-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, jiġu ssuġġettati għall-ius puniendi tal-Istat emittenti ta’ dan il-mandat. Fi kliem ieħor, ir-rinunzja għar-regola ta’ speċjalità, kemm fuq inizjattiva tal-persuna kkonċernata kif ukoll fuq dik tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandha l-effett li tagħti lill-Istat emittenti s-setgħa ta’ prosekuzzjoni u li jagħti deċiżjoni, dwar reati oħra differenti minn dawk li jkunu taw lok għall-konsenja, fir-rigward ta’ persuna li tkun tinsab fiżikament fil-ġurisdizzjoni tiegħu bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku. Minn dan isegwi li r-regola ta’ speċjalità tikkostitwixxi garanzija għall-persuna kkonsenjata sakemm din tibqa’ fit-territorju tal-Istat emittenti skont l-effetti ta’ dan il-mandat ta’ arrest stess, u għalhekk taħt l-infurzar tiegħu.

37.      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sistema li tikkostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-kontenut u mil-loġika ta’ dispożizzjonijiet oħra jirriżulta li r-regoli ta’ din id-deċiżjoni qafas huma applikabbli fil-kuntest tal-istess konsenja waħda.  Għalhekk, skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-iskop speċifiku ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa “l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni”. Bl-istess mod, mill-Artikolu 8(1) u mill-anness tal-istess deċiżjoni qafas jirriżulta li din il-konsenja tirrigwarda reati speċifiċi peress li kull mandat ta’ arrest Ewropew għandu jippreċiża n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat jew tar-reati inkwistjoni u jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi tat-twettiq tagħhom. Għalhekk, huwa fil-kuntest speċifiku ta’ konsenja – u għalhekk tal-fatt li tkun tinsab, b’mod forzat, fit-territorju tal-Istat Membru emittenti – li mandat ta’ arrest Ewropew jagħti setgħa lil dan l-Istat ta’ prosekuzzjoni tal-persuna kkonċernata għar-reati msemmija fih. Huwa f’dan l-istess kuntest li l-persuna kkonċernata tista’ tipprevalixxi ruħha mir-regola ta’ speċjalità. Minn dan jirriżulta loġikament li għalhekk din ir-regola ma tistax tapplika ħlief fil-kuntest konkret u speċifiku ta’ konsenja waħda. Hija ma tistax tapplika b’mod transversali, fir-rigward ta’ konsenja oħra, wara li l-persuna kkonċernata telqet mit-territorju li fih hija kienet ġiet inizjalment ikkonsenjata (6).

3.      Interpretazzjoni teleoloġika

38.      Minkejja li l-interpretazzjoni letterali u l-interpretazzjoni kuntestwali jenfasizzaw ir-rabta stretta li għandha r-regola ta’ speċjalità mal-preżenza tal-persuna kkonsenjata fit-territorju tal-Istat emittenti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku, l-għanijiet li jridu jintlaħqu minn din ir-regola kif ukoll mill-istrument tal-mandat ta’ arrest Ewropew juru li din ir-rabta titkisser fil-każ ta’ ħruġ volontarju tal-persuna mit-territorju tal-Istat Membru emittenti. Fin-nuqqas ta’ kontroll koersiv tal-Istat fuq il-persuna kkonċernata, ir-regola ta’ speċjalità tispiċċa loġikament estinta jew diżattivata fir-rigward ta’ din il-konsenja.  

39.      Fir-rigward tal-funzjonijiet tar-regola ta’ speċjalità stabbilita fl-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ir-regola “hija marbuta mas-sovranità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tikkonferixxi fuq il-persuna kkonsenjata d-dritt li ma tkunx suġġetta għal prosekuzzjoni, kundanna jew ċaħda tal-libertà għajr għall-ksur li jkun ta lok għall-konsenja tagħha” (7). Għalhekk, prinċipalment, ir-regola ta’ speċjalità għandha żewġ għanijiet. L-ewwel nett – u b’mod tradizzjonali peress li għandha s-sors primarju tagħha fid-dritt tal-estradizzjoni (8) – din ir-regola hija intiża għall-preżervazzjoni tas-sovranità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għaliex, billi jeżegwixxi dan il-mandat, huwa jagħżel li jillimita (jew anki jirrinunzja għal) l-eżerċizzju tas-sovranità tiegħu stess f’materji kriminali għall-benefiċċju ta’ Stat Membru ieħor. It-tieni nett – u b’mod iktar oriġinali fid-dawl tal-perċezzjoni klassika tal-estradizzjoni – ir-regola ta’ speċjalità fid-dritt tal-Unjoni hija intiża sabiex tiżgura d-drittijiet tal-persuna kkonċernata.  Din ma għandhiex tiġi rrinfaċċjata bi prosekuzzjonijiet eventwali oħra għal reati preċedenti għall-konsenja tagħha li ma kinux espressament imsemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni. Bla ħsara għar-rinunzja espliċita min-naħa tagħha għall-benefiċċju tar-regola ta’ speċjalità, din il-persuna għandha tkun tista’ tistrieħ fuq il-fatt li ma tkunx is-suġġett ta’ prosekuzzjoni għal reati oħra matul it-tul kollu tal-preżenza forzata tagħha fit-territorju tal-Istat Membru emittenti.

40.      B’mod determinanti għal din il-kawża, minn dawn iż-żewġ għanijiet jirriżulta li r-regola ta’ speċjalità għandha l-effett li tillimita l-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat emittenti u li tevita li dan jirfes fuq il-ġurisdizzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u jmur lil hinn mill-prerogattivi tiegħu fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, l-Istat Membru emittenti jista’ jkollu tentazzjoni, għal raġunijiet differenti, li jissuġġetta l-persuna għal prosekuzzjoni għal fatti (li jistgħu jkunu preċedenti) mhux imsemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew (9).

41.      Dawn l-għanijiet tar-regola ta’ speċjalità għandhom jiġu evalwati wkoll fid-dawl tal-iskop li jrid jintlaħaq mill-mandati ta’ arrest Ewropej. Fil-fatt, dawn huma intiżi sabiex iqiegħdu lill-persuna kkonċernata taħt il-potestas tal-Istat Membru emittenti tal-mandat, għar-reati fih imsemmija, billi titqiegħed fit-territorju ta’ dan l-istess Stat b’mod forzat (10). Sa fejn ir-regola ta’ speċjalità tipproteġi l-persuna kkonċernata kontra xewqat eventwali da parti tal-Istat Membru emittenti li jestendi indebitament il-ġurisdizzjoni tiegħu f’materji kriminali, din ir-regola tidher li hija intrinsikament marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku li l-portata tiegħu hija ben stabbilita.

42.      Għalhekk, ir-regola ta’ speċjalità tapplika biss fil-kuntest tal-konsenja, fir-rigward tal-effetti tagħha, sakemm il-persuna tkun tinsab, b’mod forzat, fit-territorju tal-Istat emittenti. Ħruġ volontarju minn dan it-territorju jikser ir-rabta bejn dan l-Istat u l-persuna li hija s-suġġett tal-konsenja. Din l-azzjoni tal-persuna kkonċernata għandha l-effett li tneħħiha mill-potestas ta’ dan l-Istat. Għalhekk, il-persuna kkonċernata ma tibqax, jekk ikun il-każ, protetta mir-regola ta’ speċjalità applikabbli fil-kuntest tal-konsenja inizjali.

43.      Fil-qosor, meta l-persuna kkonċernata titlaq liberament mit-territorju tal-Istat Membru emittenti, jerġa’ jibda kollox mill-ġdid. Dan japplika għall-proċedura speċifika kollha ta’ konsenja fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew partikolari, u mhux għar-regola ta’ speċjalità biss. Fil-fatt, l-għan tal-konsenja huwa li tqiegħed lill-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru emittenti sabiex tiġi pproċessata u/jew tiskonta l-piena tagħha f’dan l-Istat. Ladarba dan l-għan ikun intlaħaq, iċ-“ċiklu” tal-konsenja jispiċċa. Għaldaqstant, peress li hija applikabbli fil-kuntest ta’ dan iċ-ċiklu, loġikament ir-regola ta’ speċjalità tiskadi.

B.      L-effetti ta’ ritorn forzat fit-territorju tal-Istat Membru emittenti

44.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-akkużat telaq b’mod volontarju mit-territorju Ġermaniż wara li skonta l-piena li kienet ġiet imposta fuqu għall-fatti B (abbuż sesswali fuq minorenni) imsemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew li kien ta lok għall-ewwel konsenja tiegħu mill-awtoritajiet Portugiżi. B’hekk, ir-regola ta’ speċjalità applikabbli għal dan iċ-ċiklu ġiet estinta fir-rigward ta’ dan il-mandat.

45.      Madankollu, din il-kawża ma tirrigwardax biss l-effetti tal-ħruġ volontarju mit-territorju tal-Istat emittenti ta’ persuna li kienet ikkonsenjata f’dan l-Istat fuq ir-regola ta’ speċjalità. Hija tippreżenta t-tieni partikolarità fattwali li donnha hija fundamentalment l-oriġini tad-dubji tal-qorti tar-rinviju: il-persuna kkonċernata rritornat fit-territorju tal-Istat Membru emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ieħor.  Il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-konsegwenzi marbuta mal-fatt li wara t-tluq tiegħu, l-akkużat kien is-suġġett ta’ dan it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew li huwa stess ta lok għar-ritorn forzat tal-akkużat fit-territorju Ġermaniż, din id-darba mit-territorju Taljan.

46.      Dan il-fatt huwa ta’ natura, biex ngħid hekk, li “jirriattiva” ir-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew? F’każ ta’ tali “riattivazzjoni”, l-awtoritajiet emittenti Ġermaniżi għandhom jiksbu l-kunsens tal-ewwel Stat Membru ta’ eżekuzzjoni (ir-Repubblika Portugiża) għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti C inkwistjoni fil-kawża prinċipali (stupru aggravat u estorsjoni), peress li dawn ma kinux imsemmija fit-tieni mandat ta’ arrest Ewropew. Din hija l-pożizzjoni sostnuta mill-akkużat u mill-Irlanda li r-regola ta’ speċjalità tkompli tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward tar-Repubblika Portugiża.

47.      Mill-banda l-oħra, fil-każ kuntrarju, il-kunsens tal-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest (l-awtoritajiet Taljani) ikun suffiċjenti għal dan l-għan. Din hija l-pożizzjoni sostnuta mill-Prosekutur Ġenerali, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Kummissjoni kif ukoll mill-qorti tar-rinviju.

48.      Sabiex waslu għal dawn il-konklużjonijiet opposti, il-parteċipanti kollha fil-proċedura bbażaw ruħhom essenzjalment fuq l-Artikolu 27(3)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprovdi li r-regola ta’ speċjalità ma tibqax tapplika “meta l-persuna wara li kellha l-opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata m’għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f’dak it-territorju wara li telqet minnu”. Minn naħa, l-akkużat u l-Irlanda jaraw f’din id-dispożizzjoni ż-żamma għall-benefiċċju tiegħu tal-protezzjoni mogħtija mir-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew sa fejn din id-dispożizzjoni teħtieġ ir-ritorn volontarju. Min-naħa l-oħra, il-Prosekutur Ġenerali, il-Kummissjoni u l-qorti tar-rinviju donnhom jaqblu li jikkunsidraw li din l-eċċezzjoni għar-regola ta’ speċjalità hija applikabbli wkoll għar-ritorn forzat. Minkejja li l-Gvern Ġermaniż ma jeskludix tali interpretazzjoni, huwa jiddubita madankollu li l-eżami tal-Artikolu 27(3)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa neċessarju f’dan il-każ.

49.      Fil-fehma tiegħi, l-invokazzjoni ta’ dan l-Artikolu 27(3)(a) ma hijiex rilevanti f’din il-kawża. La huwa neċessarju u lanqas possibbli, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-imsemmi Artikolu 27(3)(a) ikun il-bażi sabiex iwassal għall-konklużjoni li r-regola ta’ speċjalità ma għadhiex applikabbli fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew.

50.      Fl-ewwel lok u prinċipalment, kif jirriżulta mis-sezzjoni preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex neċessarju, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li l-inapplikabbiltà tar-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 27(3)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sa fejn din l-inapplikabbiltà tirriżulta sempliċement mill-estinzjoni tal-ewwel proċedura ta’ konsenja inerenti għall-ħruġ volontarju tal-persuna kkonċernata mit-territorju tal-Istat Membru emittenti. Fil-fatt, dan il-ħruġ kisser ir-rabta territorjali li tippermetti lill-persuna kkonċernata tipprevalixxi b’mod effettiv mill-protezzjoni mogħtija mir-regola ta’ speċjalità matul il-perijodu kollu tal-preżenza forzata tagħha f’dan it-territorju. Għalhekk, l-inapplikabbiltà tar-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew ma tirriżultax minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 iżda mill-fatt li issa l-kawża taqa’ fil-kuntest ta’ ċiklu ġdid, fir-rigward tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew (11).

51.      Fit-tieni lok u sussidjarjament, l-Artikolu 27(3)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa fi kwalunkwe każ inapplikabbli f’każ ta’ ritorn forzat.  Fil-fatt, bl-istess mod li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss tluq volontarju tal-persuna kkonċernata, l-applikazzjoni tagħha teħtieġ ukoll, jekk ikun il-każ, ritorn volontarju fit-territorju tal-Istat Membru emittenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni turi, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza West (12),  kunsens impliċitu tal-persuna kkonċernata li tkun suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru emittenti, l-istess Stat li ssuġġettaha għal prosekuzzjoni, u jekk ikun il-każ, ikkundannaha għar-reati msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew. Dan il-kunsens impliċitu huwa manifest meta l-persuna tiddeċiedi liberament li tibqa’ fit-territorju pjuttost milli titlaq (b’mod legali) u terġa’ lura fl-Istat tan-nazzjonalità tagħha, tar-residenza tagħha jew kwalunkwe Stat ieħor tal-għażla tagħha.

52.      Huwa minnu li l-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 27(3)(a) ma ssemmix espressament in-natura volontarja ta’ ritorn eventwali tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat emittenti. Madankollu, bħall-akkużat u bħall-Irlanda, jiena tal-fehma li l-espressjoni “irritornat f’dak it-territorju wara li telqet minnu” tissuġġerixxi ritorn volontarju u mhux forzat (13), iżda wkoll li din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda loġika fid-dawl tas-sistema u tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni (14). Fil-fatt, sa fejn ir-regola ta’ speċjalità tipproteġi biss lill-persuna kkonċernata sakemm din tkun, b’mod forzat,  fit-territorju tal-Istat emittenti, loġikament din ma tibqax utli meta din il-persuna tkun, jekk nista’ nesprimi ruħi b’dan il-mod, libera fir-rigward tal-movimenti tagħha, kemm sabiex tibqa’ f’dan l-Istat kif ukoll sabiex titlaq u anki tirritorna fih. Kull interpretazzjoni oħra tkun sinonima għal impunità għaliex ikun suffiċjenti li l-persuna kkonċernata tirritorna b’mod forzat fit-territorju tal-Istat Membru emittenti sabiex, jekk ikun il-każ, ma jkollhiex inkwiet ta’ prosekuzzjonijiet eventwali għal reati preċedenti li ħadd ma kellu suspett tagħhom fil-mument tal-konsenja. Tali approċċ ma jagħmilx sens.

53.      Għalhekk, minkejja li l-akkużat u l-Irlanda għandhom raġun jikkunsidraw li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 27(3)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija suġġetta għal ritorn volontarju, mill-banda l-oħra huma żbaljati meta jaħsbu li, minkejja t-tluq volontarju tiegħu, ir-ritorn forzat kien irriattiva r-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel konsenja.

54.      Fit-tielet lok, l-invokazzjoni – superfluwa – tal-Artikolu 27(3)(a) ta’ din id-deċiżjoni qafas tidher li hija marbuta mal-fatti ta’ dan il-każ, minkejja li dawn il-fatti huma sors ta’ ċerta konfużjoni peress li jwasslu għal triq żbaljata. Fil-fatt, wieħed ma jistax jagħti ħafna importanza għaċ-ċirkustanza, purament ċiklika, li fiha l-persuna kkonċernata rritornat, b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, fit-territorju tal-Istat Membru emittenti tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew (il-Ġermanja). Fuq kollox, ikun illoġiku li wieħed jislet il-konklużjoni li b’hekk, ir-regola ta’ speċjalità kienet irriattivata fir-rigward ta’ dan l-ewwel mandat.

55.      L-eżempju li ġej juri b’mod ċar li r-regola ta’ speċjalità ma tistax tkun irriattivata fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid wara li tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti tal-ewwel mandat. Nimmaġinaw, dejjem fiċ-ċirkustanzi ta’ ħruġ volontarju mit-territorju tal-Istat emittenti tal-ewwel mandat, li l-Istat emittenti tat-tieni mandat hija r-Repubblika Ċeka minflok ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’dan il-każ, huwa diffiċli li wieħed jipperċepixxi li l-awtoritajiet emittenti Ċeki kellhom jitolbu lill-awtoritajiet Portugiżi sabiex jiksbu l-kunsens tagħhom għall-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għal fatti li ma kinux imsemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mir-Repubblika Ċeka b’destinazzjoni lejn l-Italja u li kienu preċedenti għall-konsenja tal-persuna mill-awtoritajiet Taljani lill-awtoritajiet Ċeki. F’dan il-każ, jidher ċar li l-uniċi interlokuturi huma l-awtoritajiet Ċeki u Taljani.  Minkejja li l-fatti inkwistjoni seħħew fil-Portugall u li l-ewwel konsenja twettqet mill-awtoritajiet Portugiżi (lill-awtoritajiet Ġermaniżi), peress li l-persuna kkonċernata telqet liberament mill-Ġermanja lejn l-Italja (u ma kinitx is-suġġett ta’ talba għal konsenja mill-awtoritajiet Portugiżi), hija biss l-awtorità (ta’ eżekuzzjoni) Taljana li hija kompetenti tawtorizza lill-awtoritajiet (emittenti) Ċeki jestendu l-kamp tal-prosekuzzjonijiet skont l-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Tali interpretazzjoni hija loġika u tmur lura direttament għall-funzjonijiet innifishom tar-regola ta’ speċjalità, għad-dimensjoni bilaterali tagħha u għall-kunsiderazzjonijiet ta’ sovranità warajha deskritti f’dawn il-konklużjonijiet (15): tevita li l-Istat emittenti (tal-mandat ta’ arrest speċifiku li permezz tiegħu l-persuna kkonċernata hija suġġetta għall-potestas tiegħu) jirfes fuq is-sovranità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (tal-imsemmi mandat speċifiku) (16).

56.      Fir-raba’ u fl-aħħar lok, fid-dawl tal-għan tat-tħaffif u tas-semplifikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li trid tilħaq id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-deċiżjoni qafas, peress li jistabbilixxu regoli derogatorji fil-konfront tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jwassal sabiex jixxejjen l-għan li trid tilħaq l-istess deċiżjoni qafas (18). Għalhekk, l-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet ma tistax issir iktar diffiċli billi jiġi impost li l-awtorità emittenti tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew għandha tikseb il-kunsens tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel mandat.

57.      Huwa minnu li f’dan il-każ, id-diffikultà tidher ikbar peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħarġet iż-żewġ mandati ta’ arrest Ewropej. Madankollu, kien ikun mod ieħor li kieku l-Istati emittenti kienu differenti. Barra minn hekk, il-konsegwenzi illoġiċi tal-approċċ sostnut mill-akkużat u mill-Irlanda jidhru b’mod ċar f’dan il-każ. Nieħdu l-każ ta’ persuna b’rekord kriminali pprovdut. L-“aħħar” Stat Membru li lilu tiġi kkonsenjata jkollu, wara snin, jitlob il-kunsens tal-Istati Membri kollha li lilhom din il-persuna kienet ġiet ikkonsenjata preċedentement (mhux wieħed biss iżda potenzjalment tlieta, erba’, ħamsa jew iktar). Fid-dawl tad-diffikultà ta’ tali impriża, jidher li l-persuna tibbenefika minn impunità effettiva għar-reati kollha preċedenti li kienu għadhom mhux magħrufa fil-mument tal-ħruġ tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew.

58.      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ir-regola ta’ speċjalità ma timponix li l-Istat ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew jikseb il-kunsens għall-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet fil-kuntest tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew. Għalhekk, ir-regola ta’ speċjalità ma għandhiex konsegwenzi fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew u r-ritorn tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat emittenti ta’ dan il-mandat ma huwiex ta’ natura li jirriattiva din ir-regola.

59.      Barra minn hekk, ir-regola ta’ speċjalità tibqa’ pjenament invokabbli, madankollu fir-rigward tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew. Għalhekk, huwa fir-rigward ta’ dan li għandu jiġi evalwat sa fejn il-persuna kkonċernata għadha taħt l-influwenza tal-Istat emittenti ta’ dan it-tieni mandat. Jekk dan l-Istat Membru huwiex l-istess wieħed tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex rilevanti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-fatt li l-persuna kkonċernata hija suġġetta għall-ius puniendi ta’ dan l-Istat fir-rigward tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew.

60.      Kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, f’din il-kawża, l-eċċezzjoni rilevanti għar-regola ta’ speċjalità hija għalhekk l-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fir-rigward tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew: ir-regola ta’ speċjalità ma tapplikax “fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4”. F’dan il-każ, peress li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (il-fatti C) huma s-suġġett ta’ prosekuzzjonijiet fir-rigward ta’ estensjoni tal-kamp tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, ir-rinunzja tar-regola ta’ speċjalità teħtieġ, għalhekk, il-kunsens tal-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew (l-awtoritajiet Taljani f’dan il-każ) sabiex tippermetti lill-awtoritajiet emittenti ta’ dan il-mandat (l-awtoritajiet Ġermaniżi) iwettqu tali prosekuzzjonijiet legalment (19).

61.      Minn dan isegwi li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li r-regola ta’ speċjalità ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda minħabba fatti preċedenti għall-ewwel konsenja, differenti minn dawk li jkunu taw lok għal din il-konsenja, meta l-persuna kkonċernata mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti, sa fejn, fir-rigward tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq, l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni mandat ikunu taw il-kunsens tagħhom għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li taw lok għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62.      Nispiċċa b’żewġ osservazzjonijiet.

63.      L-ewwel nett, huwa minnu li fis-sentenza West,  il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li konsenja sussegwenti ta’ persuna b’applikazzjoni tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kienet suġġetta, bħala prinċipju, għall-kunsens tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li permezz tiegħu l-persuna kkonċernata ġiet ikkonsenjata (20). Madankollu, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li l-kunsens tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew huwa neċessarju flimkien ma’ dak tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni tat-tieni mandat. Fil-fatt, bid-differenza għal din il-kawża, il-kawża li tat lok għas-sentenza West tirrigwarda l-ħruġ forzat mit-territorju tal-Istat emittenti ta’ persuna, li peress li kienet is-suġġett ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropej, kienet ġiet ikkonsenjata suċċessivament f’diversi Stati Membri. F’din il-katina (tranżittiva) ta’ mandati ta’ arrest Ewropej, l-istess Stat Membru kien Stat emittenti u Stat ta’ eżekuzzjoni suċċessivament.

64.      F’dan il-każ, ma hemmx tali katina. L-akkużat ma kienx ikkonsenjat lir-Repubblika Taljana mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Għalhekk, l-awtoritajiet Taljani ma jżommux is-setgħa tagħhom ta’ eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtoritajiet Ġermaniżi (u a fortiori mill-awtoritajiet Portugiżi). Għandna biss suċċessjoni ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej, bl-ewwel wieħed nettament distint mit-tieni minħabba l-ħruġ volontarju tal-akkużat mit-territorju Ġermaniż.

65.      Is-sitwazzjoni kienet tkun analoga għal dik fil-kawża li tat lok għas-sentenza West (21) kieku u biss li kieku t-tieni konsenja kienet ġiet deċiża mill-awtoritajiet emittenti tal-ewwel mandat (l-awtoritajiet Ġermaniżi) għall-benefiċċju ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma sadanittant il-persuna kkonċernata kienet telqet b’mod liberu u volontarju mit-territorju Ġermaniż. Madankollu, f’dan il-każ, dan ma kienx il-każ.

66.      It-tieni nett, l-akkużat argumenta li huwa ma setax jitlef il-benefiċċju tar-regola ta’ speċjalità peress li huwa baqa’ dejjem suġġett għal sorveljanza soċjoġudizzjarja li timponilu li darba f’xahar iżur lill-uffiċjal tal-probation tiegħu. Fil-fatt, huwa kien għadu mhux is-suġġett ta’ ħelsien finali fis-sens tal-Artikolu 27(3)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

67.      Dan l-argument huwa ineffettiv f’dan il-każ peress li l-imsemmi Artikolu 27(3)(a) ma huwiex applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ. Għalhekk, ftit huwa importanti jekk il-persuna li baqgħet suġġetta għal sorveljanza soċjoġudizzjarja kinitx inħelset definittivament fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-persuna li titlaq b’mod volontarju mill-Istat Membru emittenti ma għandhiex bżonn il-protezzjoni mogħtija mir-regola ta’ speċjalità peress li, f’dan il-każ, hija ma tkunx għadha taħt il-kontroll tal-Istat emittenti tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew (22).

68.      Il-kwistjoni tal-effetti tas-sorveljanza soċjoġudizzjarja jqumu biss fix-xenarju, differenti ħafna, li fih l-akkużat “kell[u] l-opportunità biex [j]itlaq mit-territorju [tal-Ġermanja] fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali [tiegħu iżda ma telaqx]” (23). F’tali każ, fin-nuqqas ta’ kunsens tal-awtoritajiet Portugiżi, ikun possibbli li jiġi diskuss il-punt dwar jekk l-akkużat jistax jibqa’ jipprevalixxi, minħabba l-miżura ta’ probation li jkun għadu suġġett għaliha, mill-protezzjoni mogħtija mir-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 27(3)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kunċett ta’ “ħelsien finali”. Madankollu, tali diskussjoni, li s-seduta wriet kemm tista’ tkun passjonata, ma hijiex neċessarja fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, peress li l-akkużat telaq b’mod volontarju mill-Ġermanja fl-aħħar tal-eżekuzzjoni tal-piena tiegħu għall-fatti B (abbuż sesswali fuq minorenni). Għalhekk, ser nastjeni milli nibda din id-diskussjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża.

VI.    Konklużjoni

69.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

Ir-regola ta’ speċjalità, prevista fl-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda minħabba fatti preċedenti għall-ewwel konsenja, differenti minn dawk li jkunu taw lok għal din il-konsenja, meta l-persuna kkonċernata mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti, sa fejn, fir-rigward tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq, l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni mandat ikunu taw il-kunsens tagħhom għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li taw lok għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).


3      Fuq il-kategoriji differenti ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ta’ speċjalità, ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov (C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punti 67 sa 73).


4      Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Ara wkoll, f’loġika bbażata wkoll fuq il-kunsens tal-prinċipju li l-Istati jirrinunzjaw għal parti mis-sovranità tagħhom f’materji kriminali, l-Artikolu 27(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jipprevedi eċċezzjoni iktar ġenerali li permezz tagħha kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-kunsens għall-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet huwa kkunsidrat li ngħata mingħajr intervent min-naħa tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni jew tal-persuna kkonċernata. Kif indikat il-Kummissjoni, din l-eċċezzjoni ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża, fin-nuqqas ta’ notifika f’dan is-sens mill-Istati Membri kkonċernati.


5      Fuq il-kunċett ta’ “reat differenti” minn dak li jkun ta lok għall-konsenja, fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov (C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punt 57), kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punti 58 sa 61).


6      Madankollu, nirriżerva s-sitwazzjoni, li hija differenti, prevista mhux fl-Artikolu 27 iżda fl-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (konsenji sussegwenti), kif interpretata b’mod partikolari mis-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012, West (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 80). Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 62 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov (C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punt 44) kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 53).


8      Dwar din ir-regola u l-funzjonijiet differenti tagħha fid-dritt internazzjonali klassiku, ara, b’mod partikolari, Morvillo, C.J., “Individual Rights and the Doctrine of Speciality: The Deteriorations of the United States v. Rauscher”, Fordham International Law Journal, 1990, vol. 14, p. 987; Bouloc, B., “Le principe de la spécialité en droit pénal international”, Mélanges dédiés à Dominique Holleaux, Litec, Pariġi, 1990, p. 7, kif ukoll Zaïri, A., Le principe de la spécialité de l’extradition au regard des droits de l’homme, LGDJ, Pariġi, 1992. Ara wkoll, fil-kuntest stess tal-mandat ta’ arrest Ewropew, Lagodny, O., Rosbaud, C., “Speciality rule”, f’Keijzer, N., van Sliedregt, E. (edituri), The European Arrest Warrant in Practice, T.M.C. Asser, The Hague, 2009, p. 265.


9      Wieħed faċilment jaqbel li tali approċċ juri iktar l-isfiduċja reċiproka milli l-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri li suppost hija bbażata fuqha d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara l-premessa 10).


10      Mandat ta’ arrest Ewropew jibqa’ strument ta’ restrizzjoni minkejja l-kunsens possibbli tal-persuna kkonċernata għall-konsenja.


11      Ara l-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012 (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 78) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjoni mera li tinsab fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li tirrigwarda l-konsenji sussegwenti.


13      Minbarra l-verżjoni bil-lingwa Franċiża, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jindikaw b’mod ċar in-natura volontarju tar-ritorn tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari fil-verżjonijiet bl-Ingliż “has returned to that territory after leaving it” u mhux “has been returned”; bil-Ġermaniż “nach Verlassen dieses Gebiets dorthin zurückgekehrt ist”; bit-Taljan “ha fatto ritorno dopo averlo lasciato”; bl-Ispanjol “haya vuelto a dicho territorio después de haber salido del mismo”, jew biċ-Ċek “vrátila-li se na území tohoto státu poté, co ho opustila”. Dawn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti jimplikaw deċiżjoni attiva ta’ ritorn da parti tal-persuna kkonċernata.


14      Ara l-punti 39 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara l-punti 35 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Xenarju iktar assurd ikun dak li fih ir-Repubblika Portugiża kellha toħroġ it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-“irkupru” tal-persuna kkonċernata sabiex tiġi pproċessata fil-Portugall għall-fatti C. L-awtoritajiet emittenti Portugiżi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew għandhom għalhekk jitolbu lill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni Portugiżi tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew sabiex jiksbu d-dritt li jestendu l-kamp tal-prosekuzzjonijiet?


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov (C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punt 42); tat‑28 ta’ Ġunju 2012, West (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 56), kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 38).


18      Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012, West (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 77).


19      Ladarba ebda eċċezzjoni oħra prevista fl-Artikolu 27(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma kienet invokata b’mod utli.


20      Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012, West (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 80).


21      Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012 (C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404).


22      F’din il-kawża, ma ġiex ipprovat it-trasferiment tad-deċiżjoni ta’ probation mill-awtoritajiet Ġermaniżi lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor għall-finijiet tar-rikonoxximent u tas-sorveljanza ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, m’iniex ser nidħol fl-eventwali effett, jekk ikun il-każ, tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102).


23      Artikolu 27(3)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.