Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2020 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-8 ta’ Lulju 2020 fil-Kawża T-110/17, Jiangsu Seraphim Solar System vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-441/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Marcos Fraile, aġent, N. Tuominen, avocat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza u intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat; u

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex tbati l-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura ta’ appell sostnuti mill-Kunsill.

Sussidjarjament:

tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li r-rikors kien ammissibbli.

Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza għandha turi li għandha locus standi taħt l-Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari inċidenza diretta, u interess ġuridiku fir-rigward tal-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat 1 . Id-dazji antidumping, dovuti bħala konsegwenza legali minħabba li invalidat il-fatturi, ma humiex dovuti lill-awtoritajiet doganali nazzjonali mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, iżda minn kumpannija oħra, Seraphim Solar System GmbH. Għalhekk, il-Kunsill iqis li r-rikorrenti fl-ewwel istanza naqset milli turi inċidenza diretta u interess ġuridiku, u li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li dan kien il-każ.

Barra minn hekk, minħabba preskrizzjoni, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma setgħetx tinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 TFUE b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea TWD Textilwerke Deggendorf u Nachi Europe.

Finalment, l-ammissibbiltà ta’ rikorsi kontra r-Regolament Nru 1238/2013 2 u r-Regolament Nru 1239/2013 3 hija wkoll ċarament ibbażata fuq il-ġurisprudenza SolarWorld, li fiha ġie deċiż li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1239/2013 ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija ta’ dawn ir-regolamenti.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-Artikoli 8 u 13 tar-Regolamenti bażiċi “jeżawrixxu” il-possibbiltà li jinġabru dazji fuq importazzjonijiet li kisru impenn u li kwalunkwe approċċ ieħor huwa kklassifikat bħala ġbir ta’ dazji “retroattiv”.

L-opinjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq fehim żbaljat tar-Regolamenti bażiċi. L-Artikoli 10(5) u 16(5) tar-Regolamenti bażiċi jirrigwardaw b’mod ġenerali l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni li twettaq ksur ta’ impenn. Dan huwa l-ekwivalenti tar-“retroattività fis-sens tar-Regolamenti bażiċi”, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping/kumpensatorji definittivi mhux iktar minn 90 jum mill-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji fuq importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni taħt l-Artikoli 14(5) u 24(5) tar-Regolamenti bażiċi.

Il-każ ineżami, jiġifieri l-ksur ta’ impenn u l-konsegwenzi ta’ dan, huwa ċarament ta’ natura differenti. L-unika limitazzjoni imposta permezz tal-Artikoli 10(5) u 16(5) tar-Regolamenti bażiċi hija li tali ġbir retroattiv ma japplikax għal importazzjonijiet li daħlu matul il-perijodu retroattiv ta’ 90 jum qabel il-ksur jew l-irtirar tal-impenn.

Barra minn hekk, ma jista’ jkun hemm l-ebda retroattività meta d-dazji jkunu imposti mill-bidu u tkun prevista biss eċċezzjoni mill-ġbir tagħhom. Fil-fatt, permezz ta’ impenn, il-produttur-esportatur jevita l-applikazzjoni tad-dazji inkwistjoni, jekk ikunu previsti l-kundizzjonijiet għall-benefiċċju ta’ tali riżultat. Madankollu, dejn doganali għandu jiġi sostnut kull meta min jagħmel id-dikjarazzjoni jkun għażel li jirrilaxxa l-merkanzija għal ċirkulazzjoni libera, jiġifieri mingħajr ma jinġabar id-dazju antidumping, u waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet ta’ dak l-impenn jinstabu li jkunu nkisru.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-Artikoli 14(1) u 24(1) tar-Regolamenti bażiċi ma kinux jawtorizzaw lill-Kunsill tistabbilixxi sistema ta’ kontroll għall-impenji li kienet tinkludi l-invalidazzjoni ta’ fatturi.

L-Artikoli 14(1) u  24(1) tar-Regolamenti bażiċi jagħtu setgħat ferm wiesgħa lill-Kunsill meta dan jadotta regolament li jimponi dazji, kif ġie ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Deichmann. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-Kunsill ma kellux is-setgħa li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll għall-impenji, li kienet tinkludi l-invalidazzjoni ta’ fatturi.

Il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur. Ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni fid-dritt tal-Unjoni għal tali protezzjoni vasta ta’ operatur ekonomiku li jikser l-obbligi tiegħu li ġew maqbula volontarjament u, bħal f’dan il-każ, lanqas ma jikkontesta li seħħ tali ksur. Din il-pożizzjoni hija wkoll iktar stretta minn dak li huwa meħtieġ taħt id-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li għaldaqstant iqiegħed lill-Unjoni fi żvantaġġ meta mqabbla mas-sieħba kummerċjali l-oħra tal-WTO.

Barra minn hekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-impenji jippreżentaw riskju sproporzjonat għall-Kummissjoni. Il-konklużjoni ta’ impenn tikkostitwixxi riskju min-naħa tal-Unjoni, li miegħu tiżdied diffikultà sabiex l-arranġament jiġi kkontrollat. Fil-fatt, huwa l-obbligu ewlieni tal-parti li taċċetta l-impenn li tikkoopera mal-Kummissjoni u b’hekk tiżgura l-kontroll mingħajr problemi tat-twettiq xieraq tal-impenn. Mingħajr din il-garanzija, il-Kummissjoni tispiċċa ġġarrab ir-riskju kollu, filwaqt li min jikser impenn jitħalla jżomm kwalunkwe vantaġġ miksub matul il-ksur. Din l-interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-iskop tal-protezzjoni effettiva tal-industrija tal-Unjoni minn dumping/sussidjar dannuż, li jiġi (alternattivament) irrimedjat permezz tal-impenn.

____________

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2146 tas-7 ta’ Diċembru 2016 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU 2016, L 333, p. 4).

2     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1).

3     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66).