Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija) fil-15 ta’ Settembru 2020 – Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH vs Strato AG

(Kawża C-433/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH

Konvenuta: Strato AG

Domandi preliminari

1.    Il-kunċett ta’ “[fuq] kull mezz” skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll servers li jappartjenu lil terzi persuni, li jipprovdu spazju għall-ħażna lil individwi (klijenti) għal użu privat (u mhux għal skopijiet kummerċjali diretti jew indiretti), li l-klijenti jużaw biex joħolqu kopji permezz tal-ħażna (“cloud computing”)?

2.    Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv: id-dispożizzjoni ċċitata fl-ewwel domanda għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-awtur għandu dritt għal kumpens xieraq (kumpens għall-mezz tal-ħażna),

-    jekk xogħol (imxandar, magħmul disponibbli għall-pubbliku jew maħżun fuq mezz ta’ ħażna prodott għal skopijiet kummerċjali) huwa min-natura tiegħu mistenni li jiġi riprodott għal użu personali jew privat billi jinħażen fuq “mezz ta’ ħażna ta’ kull tip li huwa xieraq għal tali riproduzzjoni u li huwa kummerċjalment disponibbli fit-territorju nazzjonali”,

-    u jekk jintuża l-metodu ta’ ħażna deskritt fl-ewwel domanda?

____________

1     Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).