Language of document : ECLI:EU:C:2020:1009

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fid‑9 ta’ Diċembru 2020 (1)

Kawża C414/20 PPU

MM

Proċeduri kriminali

fil-preżenza ta’

Spetsializirana prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) u Artikolu 8(1)(c) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni – Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest jew ta’ kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett’ – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (3), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li matulha ġiet ikkontestata l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ MM insostenn ta’ talba għal eżami mill-ġdid tal-miżura ta’ detenzjoni provviżorja li huwa s-suġġett tagħha.

3.        Id-domandi magħmula mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) jirrigwardaw, essenzjalment, il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest nazzjonali” bħala bażi legali ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll il-modalitajiet u l-portata tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tiġi ggarantita, fl-Istat Membru emittenti, lil persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, wara li tkun saret il-konsenja ta’ din il-persuna.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

4.        L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

[...]

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

5.        L-Artikolu 6(1) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

[...]

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

6.        L-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jiddisponi, fil-paragrafu 1(c) tiegħu:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

[...]

(c) l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom [jkollha] l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2.”

7.        L-imsemmija deċiżjoni qafas tipprevedi, fl-anness, formola speċifika li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti għandhom jimlew billi jindikaw l-informazzjoni speċifikament mitluba (4). Il-punt (b)(1) ta’ din il-formola jirreferi għad-deċiżjoni li huwa bbażat fuqha l-mandat ta’ arrest, jiġifieri “[m]andat ta’ arrest jew deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett”.

B.      Id-dritt Bulgaru

8.        Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru miż-zakon za ekstraditsiata i evropeiskata zapoved za arest (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew, iktar ’il quddiem iz-“ZEEZA”) (5), fejn l-Artikolu 37 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

9.        Skont il-punt1 tal-Artikolu 56(1) taz-ZEEZA, il-prosekutur għandu l-kompetenza, fil-fażi ta’ qabel il-proċess, li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tal-persuna akkużata. Matul din il-fażi tal-proċeduri kriminali, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tipprevedix il-possibbiltà għal qorti li tipparteċipa fil-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, u lanqas qabel jew wara l-ħruġ tiegħu (6). B’mod partikolari, din il-leġiżlazzjoni ma tidhirx li toffri possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti kontra d-deċiżjoni meħuda mill-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Skont l-Artikolu 200 tan-nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), moqri flimkien mal-Artikolu 66 taz-ZEEZA, il-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi suġġett għal rikors biss quddiem l-istanza superjuri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

10.      Il-mandat ta’ preżentazzjoni, li huwa intiż sabiex iwassal lil persuna ssuspettata li tkun wettqet reat quddiem il-korpi ta’ investigazzjoni tal-pulizija, huwa rregolat mill-Artikolu 71 tan-NPK. Dan il-mandat ta’ preżentazzjoni ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti. Dan jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors biss quddiem il-prosekutur.

11.      It-tqegħid taħt investigazzjoni ta’ persuna ssuspettata li wettqet ksur huwa rregolat b’mod partikolari mill-Artikolu 219 tan-NPK.

12.      L-Artikolu 219(1) tan-NPK jistabbilixxi li, “[m]eta jinġabru biżżejjed provi tal-ħtija ta’ persuna partikolari [...], il-korp ta’ investigazzjoni jagħmel rapport lill-prosekutur u jqiegħed lill-persuna taħt investigazzjoni billi jistabbilixxi ordni għal dan l-għan”. Din hija att maħruġ mill-korp ta’ investigazzjoni taħt it-tmexxija tal-prosekutur. Din l-ordni għandha l-għan li tinnotifika lill-persuna ssuspettata li wettqet reat bit-tqegħid tagħha taħt investigazzjoni u tagħtiha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha (Artikolu 219(4) sa (8) u Artikolu 221 tan-NPK) (7). L-imsemmija ordni ma għandhiex bħala effett legali t-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna akkużata. Għal dan l-għan, huwa possibbli li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ kategoriji oħra: id-deċiżjoni ta’ preżentazzjoni quddiem il-qorti kompetenti skont l-Artikolu 64(2) tan-NPK u l-mandat ta’ preżentazzjoni quddiem il-korpi ta’ investigazzjoni tal-pulizija skont l-Artikolu 71 tan-NPK.

13.      L-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tal-korp ta’ investigazzjoni ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti. Dan jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors biss quddiem il-prosekutur. L-Artikolu 200 tan-NPK jipprevedi fil-fatt li “[l]-ordni tal-korp ta’ investigazzjoni hija s-suġġett ta’ rikors quddiem il-prosekutur. Id-deċiżjoni tal-prosekutur, li ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju, hija s-suġġett ta’ rikors quddiem l-uffiċċju tal-prosekutur tal-qorti superjuri li d-deċiżjoni tiegħu hija definittiva”.

14.      It-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali huwa rregolat, matul il-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali, mill-Artikolu 64 tan-NPK.

15.      Skont l-Artikolu 64(1) tan-NPK, “[i]l-miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja hija adottata matul il-proċeduri preliminari mill-qorti tal-ewwel istanza kompetenti għat-talba tal-prosekutur”.

16.      Bl-għan li jressaq tali talba, il-prosekutur għandu jevalwa jekk il-kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 63(1) tan-NPK (8) humiex issodisfatti sabiex jitlob lil din il-qorti timponi fuq il-persuna akkużata, wara t-tqegħid tagħha taħt investigazzjoni, l-iktar miżura severa ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja fil-kuntest tal-proċedura preliminari.

17.      Konformement mal-Artikolu 64(2) tan-NPK, il-prosekutur jista’ jadotta miżura li tordna d-detenzjoni tal-persuna akkużata għal tul massimu ta’ 72 siegħa bl-għan li jippermetti d-dehra ta’ din il-persuna quddiem il-qorti li hija kompetenti sabiex tadotta, jekk ikun il-każ, miżura ta’ detenzjoni provviżorja.

18.      L-Artikolu 64(3) tan-NPK jipprovdi li “l-qorti għandha teżamina immedjatament il-kawża [...] bil-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata” (9).

19.      Konformement mal-Artikolu 64(4) tan-NPK, il-qorti hija l-awtorità kompetenti sabiex teżamina t-talba ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja u sabiex tevalwa jekk ikunx hemm lok li timponi din il-miżura, li tagħżel li timponi miżura inqas severa jew li tirrifjuta b’mod ġenerali li timponi miżura proċedurali vinkolanti fil-konfront tal-persuna akkużata.

20.      Skont l-Artikolu 270 tan-NPK, intitolat “Deċiżjonijiet dwar il-miżura koerċittiva u l-miżuri l-oħra ta’ stħarriġ ġudizzjarju matul il-proċedura kontenzjuża”:

“1.      Il-kwistjoni tal-bidla tal-miżura koerċittiva tista’ tiġi invokata fi kwalunkwe mument tal-proċedura kontenzjuża. Fil-każ li ċ-ċirkustanzi jinbidlu, tista’ tiġi ppreżentata talba oħra relatata mal-miżura koerċittiva quddiem il-qorti kompetenti.

2.      Il-qorti għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet f’seduta pubblika.

[...]

4.      Id-digriet imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 jista’ jiġi appellat [...]”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.      Fil-Bulgarija nbdew proċeduri kriminali kontra wieħed u erbgħin persuna akkużati li pparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ drogi. Sittax minn dawn il-persuni, fosthom MM, ħarbu.

22.      Permezz ta’ ordni tat‑8 ta’ Awwissu 2019, li tikkostitwixxi mandat ta’ preżentazzjoni maħruġ konformement mal-Artikolu 71 tan-NPK (10), il-korp ta’ investigazzjoni nieda avviż ta’ tfittxija fil-konfront ta’ MM sabiex jittieħed b’mod obbligatorju għand is-servizzi tal-pulizija. Din l-ordni kellha bħala effett legali t-tqiegħed taħt detenzjoni ta’ MM fit-territorju nazzjonali.

23.      Il-mandat ta’ preżentazzjoni jinħareġ mill-prosekutur jew minn awtorità tal-pulizija inkarigata mill-investigazzjoni, li taqa’ taħt il-kontroll tal-prosekutur. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma teħtieġx approvazzjoni minn qabel jew a posteriori mill-prosekutur jew mill-qorti sabiex tinħareġ jew tiġi implimentata l-ordni inkwistjoni. Għalhekk, il-mandat ta’ preżentazzjoni jista’ jiġi deċiż biss mis-servizz tal-pulizija li jwettaq l-investigazzjoni, minħabba r-rifjut tal-persuna mfittxija li tippreżenta ruħha quddiem dan is-servizz.

24.      Il-qorti tar-rinviju tindika li fil-kawża prinċipali, il-mandat ta’ preżentazzjoni jinħareġ minn investigatur tal-pulizija (Glavna direktsiya “Borba s organiziranata prestapnost” (id-Direttorat Ġenerali “Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata”), taħt il-Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Ministeru għall-Affarijiet Interni, il-Bulgarija)) u li dan il-mandat qatt ma ġie effettivament implimentat.

25.      Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-mandat ta’ preżentazzjoni deskritti hawnhekk, il-qorti tar-rinviju tqajjem dubji dwar il-fatt li tali att nazzjonali jista’ jiġi ddefinit bħala “mandat ta’ arrest”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Ir-raġunijiet ta’ dawn id-dubji huma li l-mandat ta’ preżentazzjoni jinħareġ sempliċement minn investigatur tal-pulizija, mingħajr l-intervent ta’ prosekutur jew ta’ qorti (minn qabel jew a posteriori) u li dan jimplika tul ta’ detenzjoni li huwa limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex il-persuna mfittxija tidher quddiem dan l-investigatur tal-pulizija.

26.      Minbarra l-ordni tat‑8 ta’ Awwissu 2019 li tikkostitwixxi mandat ta’ preżentazzjoni, il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz ta’ ordni tad‑9 ta’ Awwissu 2019 (11), il-korp ta’ investigazzjoni, bl-awtorizzazzjoni tal-prosekutur, qiegħed lil MM taħt investigazzjoni għal parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ drogi. Sa fejn MM kien ħarab, din l-ordni, li skont il-qorti tar-rinviju, ma kellhiex bħala effett legali t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni, ġiet innotifikata biss lill-avukat tiegħu maħtur mill-qorti. Din il-qorti tippreċiża li din l-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, li għandha titqies bħala li ġiet adottata mill-prosekutur pubbliku, għandha l-effett legali biss li tikkomunika lil persuna l-akkużi fil-konfront tagħha u li tagħtiha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha billi tipprovdi spjegazzjonijiet jew billi toffri provi.

27.      Fis‑16 ta’ Jannar 2020, il-prosekutur ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ MM. Fit-taqsima dwar id-“[d]eċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat”, fil-punt 1, intitolat “[m]andat ta’ arrest jew deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett”, tissemma biss l-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019 stabbilita mill-korp ta’ investigazzjoni li MM tqiegħed taħt investigazzjoni minnha. Madankollu, MM kien għadu ma jistax jinstab u, konsegwentement, ma setax jiġi arrestat.

28.      Fil‑25 ta’ Marzu 2020, il-kawża tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju bl-għan ta’ eżami tal-mertu. Fis‑16 ta’ April 2020, il-prosekutur ressaq talba għal tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tal-persuni li kienu ħarbu, fosthom MM. Matul is-seduta pubblika tal‑24 ta’ April 2020, il-qorti tar-rinviju ċaħdet din it-talba minħabba li, skont id-dritt nazzjonali, ma kienx possibbli li tiġi ordnata tali detenzjoni fl-assenza tal-persuna mfittxija. Dan ir-rifjut tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar l-imsemmija talba ma ġiex ikkontestat mill-prosekutur.

29.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sitwazzjoni ta’ MM hija differenti minn dik ta’ diversi persuni akkużati li kienu ħarbu. Fil-fatt, minbarra l-mandat ta’ preżentazzjoni li wassal għall-ordni tat‑8 ta’ Awwissu 2019, ma nħareġ l-ebda mandat ta’ arrest nazzjonali ieħor fil-konfront ta’ MM. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-ebda ordni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 64(2) tan-NPK ma ġiet adottata fil-konfront ta’ MM (12).

30.      Fil‑5 ta’ Lulju 2020, fl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, MM ġie arrestat fi Spanja. Fit‑28 ta’ Lulju 2020, MM ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari. Fl-istess ġurnata, il-prosekutur ressaq talba għal detenzjoni provviżorja ta’ MM. Fuq il-bażi ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju, fl-istess ġurnata, ħadet deċiżjoni ta’ preżentazzjoni għas-seduta fil-konfront ta’ MM.

31.      Fid‑29 ta’ Lulju 2020, fi tmiem seduta li matulha MM deher personalment u nstema’, il-qorti tar-rinviju ordnat it-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni provviżorja.

32.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta ġiet adottata din il-miżura, il-qorti tar-rinviju qieset, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (13), li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni kien inħareġ minn awtorità li ma għandhiex kompetenza, jiġifieri minn prosekutur biss, mingħajr l-intervent ta’ qorti.

33.      Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat ukoll li dan il-mandat ta’ arrest Ewropew kien inħareġ mingħajr ma jsemmi l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni valida, iżda kien isemmi biss l-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019, li ma għandhiex bħala konsegwenza detenzjoni ta’ MM.

34.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju waslet għall-konklużjoni li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni kien illegali.

35.      Madankollu, din il-qorti qajmet dubji dwar jekk, f’dan l-istadju tal-proċedura, hija setgħetx tikkonstata l-illegalità ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, sa fejn, minn naħa, il-proċedura ta’ ħruġ u ta’ eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar kienet diġà ntemmet b’mod definittiv u, min-naħa l-oħra, hija għalhekk tistħarreġ b’mod indirett id-deċiżjoni tal-prosekutur. Issa, tali stħarriġ huwa pprojbit mid-dritt Bulgaru.

36.      Il-qorti tar-rinviju qieset ukoll li tali stħarriġ iwassalha biex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità ġudizzjarja Spanjola li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u li tikkonsenja lil MM lill-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari. Il-qorti tar-rinviju, barra minn hekk, esprimiet riżervi dwar jekk u sa fejn dan il-vizzju li jaffettwa l-mandat ta’ arrest Ewropew, jekk kien stabbilit validament, jista’ jkollu effett fuq il-possibbiltà li MM jitqiegħed taħt detenzjoni provviżorja.

37.      Quddiem dawn id-diffikultajiet sabiex tevalwa l-portata tal-illegalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew fil-kuntest tal-proċedura ulterjuri mibdija bl-għan li MM jitqiegħed taħt detenzjoni provviżorja, il-qorti tar-rinviju, f’dan l-istadju tal-proċedura, kienet diġà qieset li kien meħtieġ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, fl-assenza ta’ obbligu li tagħmel tali rinviju fil-qrati tal-ewwel istanza, il-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-ewwel istanza, ħalliet lill-qorti tat-tieni istanza l-kompitu li tieħu din l-inizjattiva.

38.      Fil‑5 ta’ Awwissu 2020, MM appella d-deċiżjoni li tordna t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni provviżorja billi invoka b’mod partikolari l-illegalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew, billi rrefera għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u talab lill-qorti tat-tieni istanza tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

39.      Fl‑14 ta’ Awwissu 2020, il-qorti tat-tieni istanza kkonfermat id-detenzjoni ta’ MM mingħajr ma indirizzat il-kwistjonijiet marbuta mal-vizzji li jistgħu jivvizzjaw il-mandat ta’ arrest Ewropew u ċaħdet it-talba tad-difiża intiża għat-tressiq ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

40.      Fis‑27 ta’ Awwissu 2020, MM ippreżenta rikors ġdid quddiem il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 270 tan-NPK, intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tal-miżura ta’ detenzjoni provviżorja adottata fil-konfront tiegħu (14).

41.      Matul is-seduta pubblika li żvolġiet fit‑3 ta’ Settembru 2020, MM invoka b’mod partikolari l-illegalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi indika li din ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja Spanjola li eżegwixxietha, minħabba l-fatt li MM kien ta l-kunsens li jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Bulgari. MM invoka d-dritt li jinvoka din l-illegalità quddiem il-qorti tar-rinviju u sostna li l-imsemmija illegalità kienet tivvizzja t-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni provviżorja. Konsegwentement, MM talab it-tneħħija ta’ din id-detenzjoni. Min-naħa l-oħra, il-prosekutur sostna li l-mandat ta’ arrest Ewropew kien perfettament legali fir-rigward tad-dritt Bulgaru.

42.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tqis li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa effettivament legali konformement mad-dritt Bulgaru, hija madankollu tikkunsidra li jeżistu motivi serji biex jitqies bħala illegali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti tindika li hija għandha diffikultajiet serji sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-effett ta’ din l-illegalità fuq id-detenzjoni provviżorja li, fiha nnifisha, tidher li hija kompletament legali.

43.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-mandat ta’ arrest Ewropew u l-att nazzjonali li fuq il-bażi tiegħu jinħareġ dan il-mandat għandhom jinħarġu biss mill-prosekutur pubbliku, mingħajr ma huwa possibbli li l-qorti tipparteċipa fil-ħruġ jew teżerċita stħarriġ qabel jew wara l-ħruġ tiegħu, hija konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas 2002/584]?

2)      Mandat ta’ arrest Ewropew li jkun inħareġ fuq il-bażi ta’ att ta’ tqegħid taħt investigazzjoni fil-konfront tal-persuna mfittxija, fejn dan l-att ma jkunx jikkonċerna ż-żamma ta’ din il-persuna taħt detenzjoni, huwa konformi mal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: f’sitwazzjoni fejn, minkejja li l-qorti ma tkunx ipparteċipat fil-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u lanqas ma tkun stħarrġet il-legalità tiegħu u minkejja li dan il-mandat ikun inħareġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jipprevedix iż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna mfittxija, dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun effettivament implimentat u l-persuna mfittxija tkun ikkonsenjata, il-persuna mfittxija għandha tingħata dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest tal-istess proċedura kriminali bħal dik li matulha jkun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew? Id-dritt għal rimedju effettiv jimplika li l-persuna mfittxija għandha titqiegħed fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha li kienu ma kienx hemm ksur?”

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza.

IV.    Analiżi

45.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jidhirli li jistgħu jinqasmu fi tliet partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ MM. It-tieni parti tittratta l-punt jekk l-istħarriġ tal-validità ta’ dan il-mandat jistax isir mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ rikors relatat maż-żamma taħt detenzjoni provviżorja ta’ MM, filwaqt li, skont din il-qorti, id-dritt proċedurali nazzjonali ma jipprevedix li l-imsemmi mandat, maħruġ mill-prosekutur, jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja, iżda biss ta’ rikors quddiem l-istanza superjuri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. Finalment, it-tielet parti tirrigwarda l-konsegwenzi li l-konstatazzjoni, li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun invalidu, jista’ jkollha fuq id-detenzjoni provviżorja ta’ MM.

46.      Qabel ma nindirizza dawn it-tliet dimensjonijiet ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ser nifformula xi osservazzjonijiet preliminari bl-għan li nippreċiża li dan la jirrigwarda d-deċiżjoni li ħadet l-awtorità ġudizzjarja Spanjola sabiex teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas il-klassifikazzjoni tal-prosekutur Bulgaru bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

A.      Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

1.      Fuq ir-rwol tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni

47.      Il-portata tal-obbligi imposti fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta din għandha teżamina mandat ta’ arrest Ewropew u tiddeċiedi li teżegwixxih jew le hija kwistjoni kumplessa fejn il-limiti għadhom ma ġewx iddefiniti kompletament mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, għalkemm din diġà fiha diversi indikazzjonijiet li jistgħu jservu ta’ linji gwida għal din l-awtorità (15). Huwa ċert li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija ta’ spiss kostretta li teżerċita bilanċ, bejn ħeffa fl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u stħarriġ tar-regolarità ta’ dan tal-aħħar (16).

48.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll matul is-seduta, il-Gvern Spanjol espona argumenti differenti insostenn tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tikkonsenja lil MM lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.

49.      Huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jistednux lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, b’mod dirett jew indirett, din id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

50.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali hija pendenti quddiem qorti tal-Istat Membru emittenti u, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-garanzija tar-rispett tad-drittijiet tal-persuna li tintalab il-konsenja tagħha hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti (17), id-domandi li din il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw il-modalitajiet u l-portata ta’ din il-garanzija fil-Istat Membru emittenti.

2.      Fuq il-klassifikazzjoni tal-prosekutur Bulgaru bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”

51.      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-premessa li tgħid li l-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija suġġetta, b’mod partikolari, għall-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tad-deċiżjoni nazzjonali li dan tal-aħħar jibbaża fuqha.

52.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li din il-kawża tikkonċerna dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-punt 1 tal-Artikolu 56(1) taz-ZEEZA, li jipprevedi l-kompetenza esklużiva tal-prosekutur sabiex joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew fil-fażi ta’ qabel il-proċess. Bl-istess mod, l-att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni li fuq il-bażi tiegħu kien inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu, skont din il-qorti, jiġi kkunsidrat bħala li ġie adottat mill-prosekutur. L-imsemmija qorti tindika li d-dritt Bulgaru ma jipprevedix rimedju ġudizzjarju kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u tikkunsidra, konsegwentement, li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ dan id-dritt mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

53.      L-għan ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar huwa li tiddefinixxi l-awtorità ġudizzjarja emittenti bħala “l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat”.

54.      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħuda minn awtorità li ma hijiex qorti ma tikkostitwixxix kundizzjoni sabiex din l-awtorità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Tali rekwiżit ma jaqax taħt ir-regoli statutorji u organizzattivi tal-imsemmija awtorità, iżda jirrigwarda l-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat (18).

55.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn il-kompetenza għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali tingħata lil awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma tkunx hija stess qorti, ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huma ssodisfatti meta, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u tad-deċiżjoni nazzjonali li fuq il-bażi tagħha nħareġ dan tal-aħħar ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’dan l-Istat Membru, kemm qabel kif ukoll wara l-konsenja tal-persuna mfittxija.

56.      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma jidhirx li tqiegħed f’dubju l-klassifikazzjoni tal-prosekutur Bulgaru bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fir-rigward tal-elementi enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ tinżamm din il-klassifikazzjoni.

57.      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi ta’ klassifikazzjoni, nindika biss li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jista’ jinkludi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li, mingħajr ma jkunu neċessarjament imħallfin jew qrati, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru u jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fejn [din l-]indipendenza teħtieġ li jkunu jeżistu regoli statutorji u organizzattivi li jiżguraw li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal kwalunkwe riskju li tiġi suġġetta, b’mod partikolari, għal investigazzjoni individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv” (19).

58.      F’dan il-każ, il-parteċipazzjoni tal-prosekuturi Bulgari fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ma huwiex ikkontestat.

59.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-prosekuturi jaġixxux b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, mit-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Bulgaru għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar b’mod partikolari dan l-aspett, jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 117(2) tal-Konstitutsiya (il-Kostituzzjoni), il-poter ġudizzjarju huwa indipendenti u l-qrati, il-ġurija, il-prosekuturi kif ukoll il-qrati istruttorji huma suġġetti biss għal-liġi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. L-Artikolu 1a(1) taż-zakon za sadebnata vlastta (il-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju) (20) jistabbilixxi li l-poter ġudizzjarju huwa poter tal-Istat li jipproteġi d-drittijiet u l-interessi legali taċ-ċittadini, tal-persuni ġuridiċi u tal-Istat. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jistabbilixxi mill-ġdid il-prinċipju tal-indipendenza tal-poter ġudizzjarju. Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju, id-deċiżjonijiet tal-qrati, tal-prosekuturi u tal-qrati istruttorji huma bbażati fuq il-liġi, kif ukoll fuq il-provi li nġabru matul il-proċedura. Il-Gvern Bulgaru jippreċiża li, fis-sistema ġudizzjarja Bulgara, il-prosekutur huwa awtorità tal-poter ġudizzjarju li hija kostituzzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet tal-poteri leġiżlattivi u eżekuttivi (21). Konformement mal-Artikolu 14(1) tan-NPK, il-prosekutur jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu skont il-konvinzjoni personali tiegħu, fuq il-bażi ta’ investigazzjoni oġġettiva, imparzjali u kompleta taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, fl-osservanza tal-liġi.

60.      Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE tal-2020 (22), il-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi li l-prosekuturi Bulgari jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fil-Bulgarija u jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

61.      Min-naħa l-oħra, MM iqajjem dubji dwar il-punt jekk il-prosekuturi Bulgari jissodisfawx il-kriterji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, billi jenfasizzaw l-indipendenza tagħhom fil-konfront tal-Prosekutur tal-istanza superjuri u tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Bulgarija.

62.      Sa fejn, fid-dawl tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tifformula l-ebda mistoqsija dwar l-indipendenza tal-prosekuturi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni dwar dan il-punt.

63.      Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom għalhekk, fil-fehma tiegħi, iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonċentra l-eżami tagħha fuq ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità tiegħu.

B.      Fuq ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew bħala kundizzjoni tal-validità tiegħu

64.      Il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqet fl-osservanza tal-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna mfittxija li huwa meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, fi kwalunkwe każ, la l-att nazzjonali li huwa l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew u lanqas dan tal-aħħar, it-tnejn adottati mill-prosekutur, ma jistgħu jkunu suġġetti għal rikors quddiem qorti. Konsegwentement, il-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma osservatx ir-rekwiżiti marbuta ma’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u dan ikollu bħala konsegwenza l-invalidità ta’ dan il-mandat.

65.      Sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar dawn l-aspetti, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet li għandu jiġi ggarantit lill-persuni li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

66.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, “meta mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-arrest u għall-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna mfittxija għall-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali, din il-persuna għandha tkun ibbenefikat, fl-ewwel stadju tal-proċedura, mill-garanziji proċedurali u mid-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-qrati tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali” (23).

67.      Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi għalhekk “protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali” (24).

68.      B’hekk, “fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni” (25).

69.      Minn dan isegwi li, “meta l-liġi tal-Istat Membru emittenti tagħti s-setgħa li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex imħallef jew qorti, id-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha, min-naħa tagħha, tissodisfa tali rekwiżiti” (26).

70.      Barra minn hekk, “it-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata jippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-ħruġ u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk dan il-ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata” (27).

71.      Iktar minn hekk, “meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (28).

72.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[t]ali rimedju kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali meħuda minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tgawdi mill-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv, ma tikkostitwixxix qorti intiża li tiggarantixxi li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonali tagħha[,] tosserva [josserva] r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (29).

73.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat jekk il-proċedura dwar il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqitx f’konformità mal-livell doppju ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata, kif rikjest mill-Qorti tal-Ġustizzja.

74.      Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ, u dan sa mill-ewwel stadju tal-proċedura.

75.      Fil-fatt, fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-verifiki li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju, il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li għandu bħala bażi legali mandat ta’ arrest nazzjonali jew deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett, għall-kuntrarju ta’ dak meħtieġ mill-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (30). Issa, tali rekwiżit huwa marbut direttament ma’ dak li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-persuna kkonċernata.

76.      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bob-Dogi (31), l-Avukat Ġenerali Bot espona b’mod dettaljat ir-raġunijiet għalfejn huwa indispensabbli li mandat ta’ arrest Ewropew ikun ibbażat fuq deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, li tikkostitwixxi l-bażi legali tiegħu, filwaqt li tipproduċi l-effetti legali ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali. B’hekk, huwa ddeskriva l-mandat ta’ arrest Ewropew bħala “l-istrument oriġinali maħluq mid-Deċiżjoni Qafas [2002/584] li permezz tiegħu l-awtorità ġudizzjarja emittenti titlob l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni nazzjonali fl-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja”(32), il-mandat ta’ arrest Ewropew li “ma għandux jiġi mħallat mal-ordni ta’ tfittxija u ta’ arrest li għall eżekuzzjoni tagħha jkun inħareġ”, li jikkostitwixxi għalhekk “att li jippermetti l-eżekuzzjoni fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli li tordna l-arrest tal-persuna mfittxa” (33). Fil-qosor, il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-mandat ta’ arrest nazzjonali għandhom kull wieħed l-funzjoni proprja tagħhom, fejn tal-ewwel huwa “strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u mhux ordni ta’ tfittxija u ta’ arrest tal-persuna konċernata fit-territorju tal-Istat Membru emittenti” (34).

77.      Skont l-Avukat Ġenerali Bot, “l-assenza ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew ta’ kull titolu eżekuttiv ieħor li għandu l-istess effett [...] [i]ċċaħħad il-mandat ta’ arrest Ewropew minn kull bażi legali” (35), u dan għandu l-effett li jċaħħad “lill-persuna mfittxa mill-garanziji proċedurali li jakkompanjaw l-għoti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali u li jiżdiedu mall-garanziji marbuta mal-proċedura ta’ mandat ta’ arrest Ewropew” (36). Għalhekk, huwa indika r-“riskji li d-drittijiet tad-difiża jiddgħajfu bħala riżultat tal-assenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li sservi ta’ bażi għall-mandat ta’ arrest Ewropew” (37) u kkunsidra li “[t]-termini drastiċi tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jippresupponu, bħala kontroparti, l-eżistenza ta’ garanziji proċedurali konkreti u effettivi tad-drittijiet tad-difiża fl-Istat Membru emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li mingħajrhom jinkiser il-bilanċ indispensabbli, inerenti għall-istabbiliment ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew, bejn l-eżiġenzi tal-effettività tal-ġustizzja kriminali u l-imperattivi tas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali” (38). Issa, “[i]l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew mhux biss talli ma hijiex l-espressjoni sempliċi ta’ formalizmu fettuqi u inutli, imma talli hija garanzija essenzjali biex jiġi ppreservat dan il-bilanċ fis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584]” (39) u din il-kundizzjoni hija “indispensabbli għall-eżistenza tal-fiduċja reċiproka u għar-rispett tad-drittijiet tal-persuna mfittxa” (40).

78.      Għalhekk, il-kundizzjoni intiża sabiex il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun ibbażat “fuq bażi proċedurali komuni magħmula minn deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tiggarantixxi l-intervent ta’ qorti indipendenti u imparzjali sabiex tiġi ordnata miżura koerċittiva [...] tagħti kontenut sostanzjali minimu lill-prinċipju ta’ protezzjoni [ġudizzjarja] effettiva u ekwivalenti u konsegwentement tippermetti l-inkarnazzjoni ġuridika konkreta tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka” (41). Barra minn hekk, “[l]-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali li jservi ta’ bażi għall-mandat ta’ arrest Ewropew għandha [...] tinftiehem bħala l-espressjoni tal-prinċipju ta’ legalità li jimplika li l-poter ta’ koerċizzjoni li bis-saħħa tiegħu tingħata ordni ta’ riċerka, ta’ arrest u ta’ detenzjoni ma jkunx jista’ jiġi eżerċitat barra mil-limiti legali, iddeterminati mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru, li fi ħdanhom l-awtorità pubblika għandha d-dritt tfittex, tressaq proċeduri u tiġġudika lill-persuni suspettati li kisru l-liġi” (42).

79.      Minn perspettiva konkreta, l-assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett bħala bażi legali ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, għall-kuntrarju ta’ dak meħtieġ mill-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha l-konsegwenza li “[l]-persuna mfittxa tiġi b’dan il-mod imċaħħda, fin-nuqqas ta’ att li jista’ jiġi kkontestat ieħor minbarra l-mandat ta’ arrest Ewropew, mill-possibbiltà li tikkuntesta, fl-Istat Membru emittenti, il-legalità tal-arrest u tad-detenzjoni tagħha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Istat. Sa fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija kompetenti biss biex tiddeċiedi fuq il-motivi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti [f’din id-]Deċiżjoni Qafas, għalhekk, ikun hemm ir-riskju li aspett sħiħ tal-legalità tal-arrest u tad-detenzjoni ma jkunx suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju” (43). Għaldaqstant, skont l-Avukat Ġenerali Bot, “kien propju biex jiġi evitat ir-riskju ta’ ċaħda tal-garanziji relatati mal-intervent ta’ qorti, gwardjana tal-libertajiet individwali, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun imsejjes fuq l-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata konformement mar-regoli proċedurali tal-Istat Membru emittenti” (44).

80.      Billi segwiet l-analiżi żviluppata mill-Avukat Ġenerali Bot, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest’, previst f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jindika mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew” (45). Minbarra l-interpretazzjoni letterali, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni b’mod speċifiku l-fatt li, mingħajr mandat ta’ arrest nazzjonali preċedenti, il-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, jistgħu jiġu kompromessi, peress li l-persuna kkonċernata tiġi mċaħħda mill-ewwel livell ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u l-garanziji, jiġifieri l-livell ta’ protezzjoni purament nazzjonali (46).

81.      Fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (47), il-Qorti ddeċidiet li, għalkemm l-Artikoli 3, 4, 4a u 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jħallu l-ebda lok għal xi raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni minbarra dawk elenkati f’dawn l-artikoli, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija artikoli huma msejsa fuq premessa li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ regolarità ta’ dan il-mandat previsti fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas (48).

82.      Issa, skont il-Qorti tal-Ġusizzja, “l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] jinvolvi rekwiżit ta’ regolarità li l-osservanza tiegħu tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew” (49). Peress li mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex imsejjes fuq il-ħruġ minn qabel ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali li jkun distint minnu, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ regolarità previsti fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (50).

83.      B’hekk, mis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (51), jirriżulta b’mod ċar li mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex validu peress li nħareġ mingħajr ma qabel ġie adottat mandat ta’ arrest nazzjonali distint minn dan il-mandat ta’ arrest Ewropew.

84.      Fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, mill-premessa li tgħid li huwa neċessarju li jkun hemm mandat ta’ arrest nazzjonali li jkun distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew u li jiġi adottat qablu. Madankollu, din il-qorti tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar jekk mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, bħal dak li jinsab fl-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019, li jinforma uffiċjalment lill-persuna kkonċernata bl-akkużi miġjuba kontriha, huwiex konformi ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

85.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li, b’differenza mill-fatti li wasslu għas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (52), fil-kawża prinċipali teżisti deċiżjoni nazzjonali distinta mill-mandat ta’ arrest Ewropew u li hija indikata b’mod ċar f’dan il-mandat. Madankollu hija tirrileva li din id-deċiżjoni ma tipprevedix it-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna mfittxija.

86.      Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet Bob-Dogi tiegħu sabiex jispjega r-raġuni tar-rekwiżit li jgħid li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkollu bħala bażi legali mandat ta’ arrest nazzjonali jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva oħra li jkollha l-istess effett isostnu t-teżi li tgħid li tali att nazzjonali għandu, minn naħa, isemmi t-tfittxija u l-arrest ta’ persuna akkużata kriminalment u, min-naħa l-oħra, li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti meta jiġi adottat minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex qorti hija nnifisha.

87.      Il-kwistjoni dwar jekk l-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019 adottata mill-prosekutur tistax tiġi assimilata ma’ “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tirrikjedi għalhekk li tiġi ddelimitata preċiżament il-portata ta’ dan il-kunċett.

88.      Fl-ewwel lok, din għandha tkun deċiżjoni ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-interpretazzjonijiet li jsiru tad-dispożizzjonijiet differenti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-interpretazzjoni li tgħid li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tagħha, għandu jitqies li jirreferi għall-awtoritajiet li jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri tidher, bħala prinċipju, li tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Konsegwentement, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja” jkopri d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet li jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri (53).

89.      Konsegwentement, sa fejn ma huwiex ikkontestat li l-prosekutur huwa awtorità li tagħmel parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fil-Bulgarija, l-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019 li huwa adotta għandha titqies li hija “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (54).

90.      Fit-tieni lok, sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, att nazzjonali li jservi ta’ bażi għal mandat ta’ arrest Ewropew għandu, minkejja li ma jkunx indikat bl-isem ta’ “mandat ta’ arrest nazzjonali” mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, jipproduċi effetti legali ekwivalenti. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiffavorixxi dan is-sens meta tirreferi għal “kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett” (55). Konsegwentement, tali deċiżjoni għandha, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tipproduċi l-effetti legali ta’ ordni ta’ tfittxija u ta’ arrest tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali.

91.      Għaldaqstant, jien ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Spanjol li jikkunsidra, min-naħa l-oħra, wara interpretazzjoni wiesgħa li tgħid li, essenzjalment, dan il-kunċett jista’ jkopri kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva intiża għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, li att nazzjonali bħall-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019 jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew.

92.      Is-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali implimentata mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tikkostiwixxi argument favur il-fehma li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkollu bħala bażi legali att nazzjonali li permezz tiegħu jiġi ordnat l-arrest ta’ persuna fit-territorju tal-Istat Membru emittenti. Fil-fatt, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu l-għan li jestendi ’l barra mill-Istat Membru emittenti l-effetti legali ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew ta’ deċiżjoni simili tiegħu. Ladarba l-mandat ta’ arrest Ewropew jiġi eżegwit u l-persuna tiġi kkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, fejn għalhekk jiġu eżawriti l-effetti tiegħu, huwa indispensabbli li tibqa’ l-bażi legali nazzjonali inizjali li tippermetti li din il-persuna tiġi mġiegħla tidher quddiem qorti tal-Istat Membru emittenti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali. Fl-istess linja ta’ ħsieb, naqbel mal-Kummissjoni meta tqis li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tistax tuża l-mandat ta’ arrest Ewropew bl-għan tal-arrest ta’ persuna fi Stat Membru ieħor meta hija ma tistax tordna dan l-arrest fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali proprju tagħha. Fi kliem ieħor, skont il-Kummissjoni, l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tistax titlob lil Stat Membru ieħor jagħmel iktar minn dak li tista’ tordna hija nnifisha.

93.      Għalhekk, il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma huwiex intiż għall-atti li jiskattaw il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra persuna, iżda dawk li huma maħsuba sabiex jippermettu, permezz ta’ miżura koerċittiva, l-arrest ta’ din il-persuna bl-għan tal-preżentazzjoni tagħha quddiem qorti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali.

94.      Minn dan isegwi li mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, bħal dik li tinsab fl-ordni tad‑9 ta’ Awwissu 2019, li, skont il-qorti tar-rinviju, għandha bħala effett legali biss li tikkomunika lil persuna l-akkużi fil-konfront tagħha u li tagħtiha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha billi tipprovdi spjegazzjonijiet jew billi toffri provi, mingħajr ma tikkostitwixxi ordni ta’ tfittxija u ta’ arrest ta’ din il-persuna, ma huwiex konformi ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Dan in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ regolarità previst f’din id-dispożizzjoni jaffettwa l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

95.      Inżid li l-mandat ta’ preżentazzjoni maħruġ mis-servizzi tal-pulizija fit‑8 ta’ Awwissu 2019 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 71 tan-NPK lanqas ma jikkostitwixxi “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, kif tindika l-qorti tar-rinviju, dan il-mandat ta’ preżentazzjoni jinħareġ sempliċement minn investigatur tal-pulizija, mingħajr l-intervent ta’ prosekutur jew ta’ qorti (minn qabel jew a posteriori). Għalhekk, dan ma jikkostitwixxix deċiżjoni ġudizzjarja (56).

96.      Minn dawn l-elementi kollha nislet li, fil-kuntest proċedurali li fih sar il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’analoġija ma’ dak li qieset il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (57), il-protezzjoni ġudizzjarja b’żewġ livelli bħala prinċipju ma taħdimx kif meħtieġ f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn tiġi applikata l-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew mingħajr ma, qabel il-ħruġ ta’ dan tal-aħħar, awtorità ġudizzjarja nazzjonali tkun adottat deċiżjoni, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (58).

97.      Wara li ġew ippreċiżati dawn l-elementi proprji għall-kawża prinċipali, huwa possibbli, fil-fehma tiegħi, li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, min-naħa l-oħra, kien ġie ssodisfatt kieku l-att nazzjonali li kien il-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew kien ordni adottata mill-prosekutur konformement mal-Artikolu 64(2) tan-NPK. Issa, il-qorti tar-rinviju tindika li MM ma kienx is-suġġett ta’ tali miżura. Infakkar li din kienet miżura koerċittiva li tikkonsisti f’li tqiegħed taħt detenzjoni l-persuna akkużata għal tul massimu ta’ 72 siegħa bl-għan tal-preżentazzjoni tagħha quddiem il-qorti li ser tiddeċiedi dwar it-tqegħid tagħha taħt detenzjoni provviżorja eventwali. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li din il-miżura tikkostitwixxi l-bażi nazzjonali tipika, fil-Bulgarija, sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew matul il-fażi preliminari, u dan jidhirli li jirriżulta wkoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Bulgaru (59).

98.      Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk, anki f’dan il-każ, id-dritt proċedurali Bulgaru jissodisfax ir-rekwiżiti relatati ma’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan iwassalni sabiex neżamina l-ilment l-ieħor imqajjem mill-qorti tar-rinviju sabiex tqiegħed f’dubju r-regolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk is-sempliċi konstatazzjoni tal-assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali hija suffiċjenti sabiex tikkaratterizza n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ regolarità previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u għalhekk sabiex jiġi kkonstatat li dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa invalidu.

99.      Fil-fatt, sabiex tqiegħed f’dubju l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-assenza ta’ possibbiltà fid-dritt proċedurali Bulgaru li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti kontra l-atti nazzjonali adottati mill-prosekutur bħala bażi ta’ tali mandat, bl-istess mod bħal kontra d-deċiżjoni tal-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. B’hekk, mill-elementi ta’ informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm il-mandat ta’ preżentazzjoni kif ukoll l-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni jew il-miżura ta’ detenzjoni sa 72 siegħa bl-għan ta’ preżentazzjoni quddiem il-qorti kompetenti f’materja ta’ detenzjoni provviżorja, kif ukoll id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, jistgħu jkunu suġġetti għal rikors biss quddiem l-istanza superjuri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

100. Issa, inqis, b’mod parallel ma’ dak li huwa rikjest mill-Qorti tal-Ġustizzja meta jkun prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew (60), li l-att nazzjonali tal-prosekutur li jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jista’ jkun suġġett għal rimedju ġudizzjarju, fl-Istat Membru emittenti, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

101. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jidhirli li huwa diġà rikjest mill-Qorti tal-Ġustizzja meta hija tiddeċiedi, fis-sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, il-liġi tal-Istat Membru emittenti tagħti s-setgħa li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex imħallef jew qorti, li “[d]-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, għandha, min-naħa tagħha, tissodisfa [r-]rekwiżiti [inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva]” (61).

102. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti għalhekk jippermetti li jiġi ggarantit lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali hija bbażata fuq proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali bbenefikat mill-garanziji kollha meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, partikolarment dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584” (62).

103. B’hekk minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun ibbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju (63).

104. Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi kkunsidrat bħalali huwa invalidu peress li ma huwiex ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-kunċett ikopri l-miżuri nazzjonali adottati minn awtorità ġudizzjarja bl-għan tat-tfittxija u tal-arrest ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, bl-iskop li tippreżentaha quddiem qorti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, bħal dak li jibbaża fuqu l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipproduċix tali effetti legali.

C.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tistħarreġ il-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew

105. Fil-motivi li jwassluha tagħmel it-tielet domanda preliminari tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dritt proċedurali Bulgaru jostakola l-fatt li hija tkun tista’ tistħarreġ il-validità ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Huwa għal din ir-raġuni li hija tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jagħtihiex titolu ta’ ġurisdizzjoni sabiex twettaq tali stħarriġ.

106. Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti sabiex tistħarreġ il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew Ewropew.

107. Hija tirrileva li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 lanqas ma tipprevedi dritt għal rimedju effettiv fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-persuna mfittxija. Madankollu, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 47 tal-Karta, li, kif qieset il-Qorti tal-Ġustizzja, “huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux (għalfejn) jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali” (64).

108. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għalkemm hija affaċċjata bil-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-kuntest ta’ rikors intiż sabiex titneħħa d-detenzjoni provviżorja ta’ MM, hijiex ir-responsabbiltà tagħha li tagħti l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva rikjesta mill-Artikolu 47 tal-Karta jew jekk, għall-kuntrarju, għandhiex tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-problema dwar il-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi tagħti lil MM il-possibbiltà li jippreżenta rikors ġdid bl-għan li jikseb kumpens pekunjarju.

109. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-punt 69 tas-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (65) jirriżulta li jikkostitwixxi rimedju effettiv dak li jista’ jiġi ppreżentat kontra mandat ta’ arrest Ewropew wara l-konsenja tal-persuna arrestata. Din il-qorti tistaqsi dwar jekk tali rimedju effettiv jinkludix il-possibbiltà li jitressqu argumenti relatati mal-validità ta’ mandat ta’ arrest Ewropew quddiem il-qorti li tevalwa l-legalità ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja, u dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju.

110. Barra minn hekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-illegalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew tibbaża preċiżament fuq l-impossibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti sabiex tistħarreġ il-legalità tiegħu, jista’ jkun xieraq, fil-fehma tagħha, li hija twettaq stħarriġ. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-konstatazzjoni minnha nnifisha tal-illegalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew kontenzjuż tikkostitwixxix, fin-natura tagħha, rimedju ġudizzjarju quddiem qorti, kif rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li d-dritt nazzjonali ma jippermettix li din il-qorti tagħmel tali konstatazzjoni. Sa fejn id-dritt nazzjonali jipprojbixxi lill-qorti tar-rinviju milli tistħarreġ b’mod indirett id-deċiżjoni tal-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, din il-qorti tikkunsidra li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tikkostitwixxi l-bażi ta’ tali soluzzjoni.

111. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tesprimi l-opinjoni li tgħid li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tiġġustifika rifjut ta’ protezzjoni ġudizzjarja, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti l-possibbiltà ta’ rikors kontra tali mandat anki wara l-konsenja tal-persuna mfittxija.

112. Il-Gvern Bulgaru jqis li l-funzjoni mwettqa mill-qorti tar-rinviju meta titwassal, bħal f’dan il-każ, skont l-Artikolu 270 tan-NPK, sabiex tiddeċiedi dwar iż-żamma taħt detenzjoni provviżorja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, tippermetti li jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll tan-natura proporzjonata tiegħu, kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja.

113. Dan il-gvern jispjega, f’dan ir-rigward, li l-miżura meħuda mill-prosekutur bl-applikazzjoni tal-Artikolu 64(2) tan-NPK hija intiża sabiex tiġi żgurata fl-iqsar żmien possibbli d-dehra tal-persuna akkużata quddiem il-qorti kompetenti (66). Il-prosekutur jista’, fil-każ ta’ neċessità, jiddeċiedi t-tqegħid taħt detenzjoni ta’ din il-persuna għal massimu ta’ 72 siegħa sabiex titressaq quddiem il-qorti kompetenti. L-ordni mogħtija mill-prosekutur skont din id-dispożizzjoni tobbligah iħarrek quddiem din il-qorti lill-persuna akkużata fl-iqsar żmien possibbli wara l-konsenja tagħha fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, għall-finijiet tal-eżami tat-talba tiegħu intiża sabiex l-imsemmija qorti tadotta miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja.

114. Skont il-Gvern Bulgaru, l-obbligu impost hawnhekk fuq il-prosekutur li jħarrek quddiem il-qorti kompetenti fl-iqsar żmien possibbli l-persuna mfittxija u kkonsenjata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet li tiddeċiedi dwar it-talba għal tqegħid taħt detenzjoni provviżorja, jirrappreżenta stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll tan-natura proporzjonata tiegħu. Din is-sitwazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (67).

115. Il-Gvern Bulgaru jispjega, fil-fatt, li l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ motivi li jippermettu li tiġi imposta miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja skont l-Artikolu 63(1) tan-NPK inevitabbilment titwassal, b’mod parallel mal-evalwazzjoni tan-neċessità li tiġi imposta tali miżura, sabiex twettaq il-verifika tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll tan-natura proporzjonata ta’ dan tal-aħħar, fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fid-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 63(1) u (2) tan-NPK (68).

116. Il-Gvern Bulgaru jqis, konsegwentement, li d-deċiżjoni tal-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif rikjesti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

117. Jiena naqbel li għandu jiġu kkunsidrat li, fil-kuntest tas-sistema proċedurali Bulgara, fejn il-persuna akkużata għandha tiġi ppreżentata fl-iqsar żmien possibbli quddiem il-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-tqegħid eventwali tagħha taħt detenzjoni provviżorja, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jista’ jitwettaq b’din il-kompetenza jissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi, minn naħa, li dan ma huwiex rimedju ġudizzjarju separat kontra d-deċiżjoni tal-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew (69), iżda stħarriġ inċidentali fil-kuntest tar-rikors intiż sabiex titneħħa miżura ta’ detenzjoni provviżorja u, min-naħa l-oħra, li tali stħarriġ iseħħ wara l-konsenja tal-persuna mfittxija (70), ma jipprekludux tali konstatazzjoni. B’hekk, sabiex jissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jista’, fil-fehma tiegħi, jitwettaq b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ rimedju ġuridiku fejn dan ma jkunx is-suġġett prinċipali. Dan jikkorrispondi f’dan il-każ għar-riżultat li l-qorti tar-rinviju tixtieq tasal għalih, jiġifieri teżamina r-regolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kuntest ta’ talba għal ħelsien imressqa quddiemha minn MM.

118. Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ma tesprimix l-istess ċertezza bħall-Gvern Bulgaru dwar il-possibbiltà għaliha li twettaq tali stħarriġ skont id-dritt proċedurali Bulgaru. Din il-qorti tqis, fil-fatt, li l-fatt li dan id-dritt jipprevedi rikors kontra d-deċiżjoni tal-prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew biss quddiem l-istanza superjuri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u mhux quddiem qorti, jikkostitwixxi ostakolu sabiex hija tkun tista’ tirrikonoxxi li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ tali att tal-prosekutur.

119. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq l-Istat Membru emittenti obbligu ta’ riżultat ċar billi qieset li, “meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (71). L-għan ta’ tali rikors huwa li “tiggarantixxi li l-istħarriġ ġudizzjarju [tad-]deċiżjoni [li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew] u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonali tagħha tosserva r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (72). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom “jiżguraw li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jiggarantixxu b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja meħtieġ mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” (73).

120. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑30 ta’ Mejju 2013, F (74), “il-proċeduri ta’ konsenja kollha bejn l-Istati Membri li huma previsti taħt id-Deċiżjoni Qafas [2002/584] huma, b’mod konformi ma’ dan, imwettqa taħt stħarriġ ġudizzjarju” (75). Minn dan isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li “d-dispożizzjonijiet [ta’ din id-]Deċiżjoni Qafas diġà jipprovdu huma nfushom proċeduri konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta, indipendentement mill-modalitajiet ta’ implementazzjoni [tal-imsemmija] Deċiżjoni Qafas magħżula mill-Istati Membri” (76).

121. Għaldaqstant, għalkemm ma huwiex imsemmi b’mod espliċitu fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-obbligu għall-Istat Membru emittenti li jistabbilixxi rimedju ġudizzjarju effettiv wieħed jew iktar sabiex jippermetti stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex hija nnifisha qorti, jirriżulta mis-sistema implimentata minn din id-deċiżjoni qafas konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta.

122. L-eżistenza ta’ tali possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Istat Membru emittenti hija l-kundizzjoni indispensabbli għaż-żamma tal-fiduċja u tar-rikonoxximent reċiproċi bejn l-Istati Membri. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “[l]-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa [...] ibbażat fuq il-premessa li l-qrati kriminali tal-Istati Membri l-oħra, li, wara l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ser ikollhom imexxu l-proċedura kriminali ta’ prosekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà kif ukoll il-proċeduri kriminali fuq il-mertu, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (77), li tippreżumi l-eżistenza nnifisha ta’ possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

123. Mill-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li jgħid li d-deċiżjoni meħuda minn prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jista’ jiġi suġġett fl-Istat Membru emittenti għal azzjoni ġudizzjarja li tissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jirriżulta li rimedju ġudizzjarju effettiv wieħed jew iktar għandhom ikunu miftuħa għal dan l-għan f’dan l-Istat Membru.

124. Barra minn hekk ninnota li l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li r-responsabbiltà li tiġi mistħarrġa n-natura regolari ta’ mandat ta’ arrest Ewropew taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti (78), tibqa’ mingħajr applikazzjoni konkreta jekk id-dritt tal-Unjoni ma kienx jimponi li tali stħarriġ jista’ effettivament iseħħ f’dan l-Istat Membru, ftit huwa importanti f’dan ir-rigward li dan isir qabel, fl-istess ħin jew wara l-konsenja tal-persuna mfittxija. B’hekk, id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-persuna kkonċernata, ladarba tiġi kkonsenjata, li tuża, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membri emittenti, rimedji ġudizzjarji li jippermettulha tikkontesta l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew li fuq il-bażi tiegħu din il-persuna ġiet ikkonsenjata (79).

125. Barra minn hekk, konformement mal-awtonomija proċedurali li jibbenefikaw minnha fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fis-silenzju ta’ din tal-aħħar, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (80). Meta jwaqqfu tali modalitajiet, madankollu l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jmorrux kontra l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (81).

126. Sabiex jintlaħaq ir-riżultat li jikkonsisti fil-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha, fil-fehma tiegħi, tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha sabiex tfittex f’dan tal-aħħar titolu ta’ ġurisdizzjoni li jippermettilha tistħarreġ b’mod inċidentali, fil-kuntest tal-kawża li ġiet adita biha, ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ dan il-mandat (82). F’din il-perspettiva, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi impost fuq il-qorti tar-rinviju jippermetti li jiġu tneħħi l-inkonvenzjenzi li tista’ tiġġenera l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fuq ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ konsenja.

127. Għalkemm din il-mobilizzazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali favur stħarriġ ġudizzjarju inċidentali tal-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex suffiċjenti jew tirriżulta impossibbli, minħabba li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, nikkunsidra li l-qorti tar-rinviju tista’ tislet tali titolu ta’ ġurisdizzjoni mill-Artikolu 47 tal-Karta.

128. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, “skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fl-ipoteżi fejn ikun impossibbli għaliha li twettaq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li għandha effett dirett fil-kawża li tressqet quddiemha” (83).

129. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali” (84).

130. Barra minn hekk, “għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmija drittijiet kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta” (85).

131. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li, “għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, lill-Istati Membri milli jistabbilixxu quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, bil-ħsieb li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, rimedji legali minbarra dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali [...], ikun mod ieħor biss jekk ikun jirriżulta mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni li ma jeżisti l-ebda rimedju ġudizzjarju li tippermetti [jippermetti], anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi assigurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew inkella jekk l-uniku mod sabiex l-individwi jkollhom aċċess għal qorti jkun billi jiksru l-liġi” (86).

132. Minn dan isegwi li, għalkemm il-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra li hija kienet prekluża mid-dritt proċedurali nazzjonali tagħha, anki wara interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar, milli teżamina b’mod inċidentali, fil-kuntest tal-kawża li ġiet adita biha, ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-prosekutur, hija ssib, fil-fehma tiegħi, fl-Artikolu 47 tal-Karta, titolu ta’ ġurisdizzjoni sabiex twettaq tali stħarriġ (87).

133. Konsegwentement, meta d-dritt proċedurali tal-Istat Membru emittenti ma jipprevedix rimedju ġudizzjarju li jippermetti l-istħarriġ minn qorti tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu, la qabel jew fl-istess ħin mal-adozzjoni tiegħu u lanqas ulterjorment (88), qorti li titwassal sabiex tiddeċiedi fi stadju tal-proċeduri kriminali wara l-konsenja tal-persuna mfittxija għandha tkun tista’ tistħarreġ, b’mod inċidentali, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat.

134. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju, li hija adita b’talba għal ħelsien konformement mal-Artikolu 270 tan-NPK hija awtorizzata, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, tistħarreġ il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew li ppermetta l-arrest u d-dehra tal-persuna mfittxija quddiemha kif ukoll l-adozzjoni sussegwenti ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja.

135. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti li jipprevedu rimedju ġudizzjarju għall-finijiet tal-istħarriġ tal-kundizzjonijiet li fihom mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex hija nnifisha qorti, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jimponu lill-qorti nazzjonali adita b’rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità taż-żamma taħt detenzjoni provviżorja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ konsenja skont mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u li fil-kuntest tiegħu jitqajjem motiv ibbażat fuq in-natura invalida ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex twettaq tali stħarriġ tal-validità.

D.      Fuq il-konsegwenzi tan-natura invalida tal-mandat ta’ arrest Ewropew fuq id-detenzjoni provviżorja tal-persuna akkużata

136. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi li hija għandha tislet, fil-kuntest tal-kawża li ġiet adita biha li hija relatata mad-detenzjoni provviżorja ta’ MM, mill-konstatazzjoni li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa invalidu.

137. B’mod partikolari, billi tirreferi, b’analoġija, għar-regola stabbilita fil-premessa 44 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (89), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-konstatazzjoni li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa invalidu għandux ikollha bħala konsegwenza li MM jitqiegħed fis-sitwazzjoni li kien isib ruħu fiha kieku l-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma seħħx, u dan jimplika f’dan il-każ it-tneħħija tad-detenzjoni provviżorja ta’ MM.

138. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mid-dritt nazzjonali għat-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ta’ MM kienu u għadhom issodisfatti.

139. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li, minn perspettiva purament proċedurali, it-tqegħid ta’ MM taħt detenzjoni provviżorja seta’ jiġi deċiż biss peress li dan tal-aħħar deher personalment quddiem il-qorti tar-rinviju, u din id-dehra nnifisha kienet ir-riżultat tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew invalidu. Skont din il-qorti, kieku dan tal-aħħar ma nħariġx, MM ma kienx jiġi arrestat fi Spanja, huwa ma kienx jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari u għalhekk ma kienx jitqiegħed taħt detenzjoni provviżorja mill-qorti tar-rinviju.

140. Għalkemm ġie adottat dan l-approċċ, hemm lok, skont l-imsemmija qorti, li jiġi kkunsidrat li, fil-bażi tat-tqegħid ta’ MM taħt detenzjoni provviżorja, jeżisti ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali peress li l-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ minn korp li ma għandux kompetenza (peress li l-parteċipazzjoni neċessarja ta’ qorti ma ġietx żgurata), fuq il-bażi ta’ deċiżjoni li ma hijiex mandat ta’ arrest nazzjonali. Dan għandu jwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkonkludi dwar l-illegalità tad-detenzjoni sussegwenti ta’ MM, li seħħet wara l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. MM għalhekk għandu jinħeles (90).

141. B’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-vizzji li hija kkonstatat fil-mandat ta’ arrest Ewropew u, jekk hija tikkonkludi dwar in-natura sostanzjali tagħhom, li hija għandu jkollha s-setgħa tneħħi d-detenzjoni provviżorja ta’ MM fuq il-bażi ta’ dan il-motiv proċedurali.

142. Infakkar, f’dan ir-rigward, li din id-detenzjoni provviżorja tirriżulta minn deċiżjoni meħuda mill-qorti tar-rinviju tad‑29 ta’ Lulju 2020 wara talba f’dan is-sens imressqa fil-ġurnata ta’ qabel mill-prosekutur.

143. Din id-deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja ġiet ikkonfermata mill-qorti tal-appell.

144. Il-qorti tar-rinviju bħalissa hija adita b’rikors ġdid intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni provviżorja ta’ MM. B’hekk, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ppreżentat fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 270 tan-NPK, mibdija mid-difiża ta’ MM bl-għan li titneħħa d-detenzjoni provviżorja ta’ dan tal-aħħar.

145. B’mod preliminari, jidhirli importanti li jiġi enfasizzat li d-dritt tal-Unjoni, fl-istat attwali tiegħu, għadu ma wettaqx armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tiġi deċiża detenzjoni provviżorja fil-konfront ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali (91). B’hekk huwa biss fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha li l-qorti kompetenti fil-qasam tad-detenzjoni provviżorja tista’ tiddeċiedi dwar tali miżura u li tinterrompi, jekk ikun il-każ, l-eżekuzzjoni tagħha jekk hija tikkonstata li tali kundizzjonijiet ma għadhomx issodisfatti.

146. Madankollu, ma iniex ser nasal sabiex nikkunsidra, kif jidher li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li l-proċedura kollha li hija adita biha l-qorti tar-rinviju taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, din tal-aħħar ma tkunx applikabbli. Fil-fatt, sa fejn, kif indikajt preċedentement, fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jitwettaq fil-kuntest ta’ din il-kawża dwar iż-żamma jew le tad-detenzjoni provviżorja ta’ MM, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 47 tal-Karta jibqgħu applikabbli. Sa fejn, kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti, is-sistema implimentata minn din id-deċiżjoni qafas tibbaża fuq il-garanzija ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-mandat ta’ arrest Ewropew, it-twettiq ta’ tali stħarriġ jikkostitwixxi dejjem implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u dan irrispettivament mill-istadju tal-proċeduri kriminali li jsir fih.

147. Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni li saret, nikkunsidra li, minħabba limiti inerenti għall-istrument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali li jikkostitwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew, la d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta ma jimponu lill-qorti tar-rinviju li teħles lill-persuna li hija s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja jekk hija tikkonstata li l-mandat ta’ arrest Ewropew li wassal għall-konsenja ta’ din il-persuna huwa invalidu.

148. Konformement mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, “l-għan tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta sabiex, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li jitressqu azzjonijiet kontra din il-persuna jew li din il-persuna tiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta kontriha” (92). Minn dan isegwi li, peress li l-persuna mfittxija ġiet arrestata u sussegwentement ikkonsenjata lill-Istat Membru emittenti, il-mandat ta’ arrest Ewropew, bħala prinċipju, temm l-effetti legali tiegħu, b’riżerva għall-effetti tal-konsenja previsti b’mod espliċitu fil-Kapitolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (93).

149. Fid-dawl ta’ dawn il-limiti inerenti għall-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għandu jiġi enfasizzat li dan ma jikkostitwixxix titolu ta’ detenzjoni ta’ din il-persuna fl-Istat Membru emittenti.

150. Din is-sitwazzjoni għandha tkun distinta minn dik li tipprevali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, għalkemm, skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-detenzjoni eventwali tal-persuna arrestata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi deċiża konformement mad-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, dan il-mandat jikkostitwixxi l-appoġġ neċessarju ta’ tali detenzjoni. Dan ifisser li, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni titwassal sabiex tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, il-miżura ta’ detenzjoni deċiża fl-istennija tal-konsenja titlef il-bażi legali tagħha.

151. Wara l-konsenja tal-persuna mfittxija fl-Istat Membru emittenti, att nazzjonali adottat minn awtorità ġudizzjarja ta’ dan tal-aħħar biss tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ detenzjoni (94). B’hekk, ladarba tiġi kkonsenjata, il-persuna li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali f’dan l-Istat Membru tista’ tinżamm biss fuq il-bażi ta’ titolu nazzjonali ta’ detenzjoni provviżorja, li jista’, skont il-partikolaritajiet tad-drittijiet nazzjonali, jiġi kkostitwit minn mandat ta’ arrest nazzjonali segwit, jekk ikun il-każ, minn deċiżjoni ġudizzjarja ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja ta’ din il-persuna jekk il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali għal dan l-għan ikunu ssodisfatti. Minn dan isegwi li d-detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali fl-Istat Membru emittenti ma tibbażax fuq il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, iżda tipproċedi minn titolu nazzjonali ta’ detenzjoni maħruġ b’mod regolari.

152. F’kull każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha kompetenza li għandha tivverifika jekk miżura ta’ infurzar nazzjonali li ċċaħħad il-libertà tteħditx fil-konfront tal-persuna akkużata u jekk din ġietx adottata f’konformità mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti.

153. B’mod partikolari, huwa d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti li għandu jiddetermina liema konsegwenzi jista’ jkollha l-assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali validu fuq id-deċiżjoni li persuna li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali titqiegħed, u sussegwentement tinżamm jew le taħt detenzjoni provviżorja (95).

154. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam kriminali b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (96).

155. Konsegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel minn kollox sabiex iżomm kemm jista’ jkun l-effikaċja tas-sistema ta’ konsenja implimentata mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Huwa għalhekk li deċiżjoni eventwali ta’ ħelsien tal-persuna kkonċernata għandha tiġi akkompanjata jew segwita minn miżuri xierqa sabiex jiġi evitat li din il-persuna taħrab mill-ġdid. L-assenza ta’ tali miżuri tista’ tillimita l-effikaċja tas-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas u, għaldaqstant, tostakola t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minnha (97), fosthom il-ġlieda kontra l-impunità (98). L-effettività tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jbatu ħafna jekk proċess ta’ konsenja bħal dak li twettaq f’dan il-każ ikollu l-effetti tiegħu miġjuba fix-xejn, u jwassal għall-ħarba tal-persuna kkonsenjata u jagħmel neċessarju l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid.

156. Finalment, nippreċiża li l-analiżi preċedenti hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew invalidu li tippreżenta, konformement mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, kawża għal kumpens quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti għal dan l-għan.

157. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha niddeduċi li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jimponux li l-konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju li tgħid li mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ b’mod irregolari, sa fejn ma huwiex ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għandha bħala konsegwenza l-ħelsien ta’ persuna mqiegħda taħt detenzjoni provviżorja wara li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kkonsenjaha lill-Istat Membru emittenti.

158. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, liema konsegwenzi tista’ tipproduċi l-assenza ta’ tali att nazzjonali, bħala bażi legali ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fuq id-deċiżjoni li l-persuna akkużata tinżamm jew le taħt detenzjoni provviżorja, filwaqt li tiżgura li ma tippreġudikax l-effikaċja tas-sistema ta’ konsenja implimentata mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

V.      Konklużjoni

159. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

1)      L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2020 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi kkunsidrat bħala invalidu peress li ma huwiex ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-kunċett ikopri l-miżuri nazzjonali adottati minn awtorità ġudizzjarja bl-għan tat-tfittxija u tal-arrest ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, bl-iskop li tkun preżenti quddiem qorti għall-finijiet tat-twettiq tal-atti tal-proċeduri kriminali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk att nazzjonali ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, bħal dak li jibbaża fuqu l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipproduċix tali effetti legali.

2)      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti li jipprevedu rimedju ġudizzjarju għall-finijiet tal-istħarriġ tal-kundizzjonijiet li fihom mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex hija nnifisha qorti, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jimponu lill-qorti nazzjonali adita b’rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-legalità taż-żamma taħt detenzjoni provviżorja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ konsenja skont mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fuq il-bażi ta’ att nazzjonali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, u li fil-kuntest tiegħu jitqajjem motiv ibbażat fuq in-natura invalida ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex twettaq tali stħarriġ tal-validità.

3)      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas Nru2009/29, u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jimponux li l-konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju li tgħid li mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ b’mod irregolari, sa fejn ma huwiex ibbażat fuq “mandat ta’ arrest [nazzjonali] jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas, kif emendata, għandha bħala konsegwenza l-ħelsien ta’ persuna mqiegħda taħt detenzjoni provviżorja wara li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kkonsenjaha lill-Istat Membru emittenti.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, liema konsegwenzi tista’ tipproduċi l-assenza ta’ tali att nazzjonali, bħala bażi legali ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fuq id-deċiżjoni li l-persuna akkużata tinżamm jew le taħt detenzjoni provviżorja, filwaqt li tiżgura li ma tippreġudikax l-effikaċja tas-sistema ta’ konsenja implimentata mill-imsemmija deċiżjoni qafas, kif emendata.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


3      ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”.


4      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      DV Nru 46, tat‑3 ta’ Ġunju 2005.


6      Min-naħa l-oħra, matul il-fażi tal-proċess, il-qorti kompetenti tikkostitwixxi l-“awtorità ġudizzjarja emittenti” li, waħedha, għandha s-setgħa li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Barra minn hekk, fil-fażi ta’ wara l-kundanna, meta jkun ħareġ verdett u tkun ġiet deċiża piena eżekuttiva, il-prosekutur jikkostitwixxi mill-ġdid l-“awtorità ġudizzjarja emittenti” li għandha s-setgħa toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew.


7      L-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni għandu jkun fiha espożizzjoni tal-fatti prinċipali li ġew ikkritikati lill-persuna ssuspettata li wettqet reat u klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti.


8      Skont il-kliem tal-Artikolu 63 tan-NPK, il-miżura ta’ detenzjoni provviżorja tiġi adottata meta jeżisti suspett raġonevoli li l-persuna akkużata wettqet reat li huwa punibbli b’sentenza ta’ priġunerija jew piena oħra iktar severa u l-elementi tal-proċess jindikaw li jeżisti perikolu reali li l-persuna akkużata taħrab jew twettaq reat.


9      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, f’din il-fażi tal-proċeduri kriminali, deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tal-persuna akkużata tista’ tiġi adottata biss fil-preżenza ta’ din il-persuna.


10      Fit-tweġiba tagħha għat-talba għal kjarifiki mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tindika li dan l-att jikkostitwixxi mandat ta’ arrest fid-dritt nazzjonali. Hija sussegwentement tikklassifikah bħala “mandat ta’ preżentazzjoni”.


11      Iktar ’il quddiem l-“ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2019”.


12      Mill-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-prattika segwita bl-għan tat-tfittxija u l-arrest tal-persuni akkużati li pparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ drogi ma kinitx uniformi. Din il-qorti tindika, fil-fatt, li nħarġu 18‑il mandat ta’ arrest Ewropew. Għal parti minnhom, hija indikata bħala mandat ta’ arrest nazzjonali l-ordni ta’ tqegħid taħt investigazzjoni; f’oħrajn, hija l-ordni skont l-Artikolu 64(2) tan-NPK (tqegħid taħt detenzjoni għal tul massimu ta’ 72 siegħa) li hija indikata, fejn il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li din hija l-bażi tipika, fil-Bulgarija, sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew matul il-fażi preliminari; f’oħrajn, hija indikata l-ordni skont l-Artikolu 71 tan-NPK (mandat ta’ preżentazzjoni); f’oħrajn ukoll, hija kombinazzjoni ta’ tnejn jew tlieta minn dawn l-atti nazzjonali li hija indikata.


13      Il-qorti tar-rinviju tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456); tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg et Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours)”, EU:C:2019:1077), kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (C‑625/19 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja)”, EU:C:2019:1078).


14      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Diċembru 2020, il-qorti tar-rinviju infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-modalitajiet għad-detenzjoni provviżorja ta’ MM inbidlu minħabba l-marda tiegħu. M issa huwa suġġett għal arrest fid-dar, li jinvolvi projbizzjoni li jitlaq minn daru u l-użu ta’ mezzi ta’ sorveljanza elettronika.


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Kriminalità doppja) (C‑717/18, EU:C:2020:142, punti 28, 35, 37, 38 u 41, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


16      Fuq il-limitu għall-obbligi imposti fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi magħquda Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1012, punti 99 sa 101).


17      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punti 30 u 31), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punti 48 u 49). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi magħquda Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1012, punt 70), li fihom huwa jirrileva li l-eżistenza ta’ tali rikors tikkostitwixxi “kundizzjoni li tikkonċerna r-regolarità tal-ħruġ tal-[mandat ta’ arrest Ewropew] min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u, għaldaqstant, l-effikaċja tiegħu”.


19      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      DV Nru 64, tas‑7 ta’ Awwissu 2007, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (DV Nru 11, tas‑7 ta’ Frar 2020).


21      Il-Gvern Bulgaru jirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 50).


22      Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020 (COM(2020) 306 final, illustrazzjoni 55, p. 62).


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punti 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punti 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punti 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punti 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 69).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punti 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punti 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punti 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punti 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punt 42). Ara wkoll, is-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 63).


30      C‑241/15, EU:C:2016:385.


31      C‑241/15, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet Bob-Dogi”, EU:C:2016:131.


32      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 50).


33      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 51).


34      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 72).


35      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 51).


36      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 52).


37      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 54).


38      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 55).


39      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 56).


40      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 57).


41      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 62).


42      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 66).


43      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 73).


44      Ara l-konklużjonijiet Bob-Dogi (punt 75).


45      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 58).


46      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 55).


47      C‑241/15, EU:C:2016:385.


48      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punti 62 u 63). Ara wkoll, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punti 42 u 43).


49      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 64). Korsiv miżjud minni. Ara wkoll, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 43).


50      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 66).


51      C‑241/15, EU:C:2016:385.


52      C‑241/15, EU:C:2016:385.


53      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punti 32 u 33).


54      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 34).


55      Korsiv miżjud minni. Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni (“an arrest warrant or any other enforceable judicial decision having the same effect”, korsiv miżjud minni).


56      Ara, għall-kuntrarju, meta mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn servizz tal-pulizija jkun iddikjarat validu mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860).


57      C‑241/15, EU:C:2016:385.


58      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 57).


59      Ara wkoll, f’dan is-sens, l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rayonna prokuratura Ruse (il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Ruse, il-Bulgarija) fil-kuntest tal-kawża Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C‑206/20), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: “Meta l-persuna akkużata ġiet suġġetta għal proċeduri kriminali meta kienet assenti u ma setgħetx tinstab u titressaq quddiem il-qorti sabiex tiġi eżaminata fiha t-talba għal tqegħid f’detenzjoni, l-unika bażi possibbli [(mandat ta’ arrest nazzjonali]) tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew taħt il-leġiżlazzjoni kurrenti hija l-ordni tal-prosekutur għal detenzjoni sa massimu ta’ 72 siegħa skont l-Artikolu 64(2) tal-[NPK]. Abbażi ta’ dan it-tip ta’ [mandat ta’ arrest nazzjonali], hemm lok, sa issa, ta’ mijiet ta’ mandati ta’ arrest Ewropej li ġew adottati (u implimentati)” (punt 7, korsiv miżjud minni). Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fl-istess kawża, il-Gvern Bulgaru jindika li, “[f]in-natura tagħha, id-deċiżjoni tal-prosekutur li fuq il-bażi tagħha l-persuna kkonċernata tinżamm għal tul ta’ 72 siegħa sabiex tittieħed quddiem qorti tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Din tikkostitwixxi mandat ta’ arrest nazzjonali li jservi ta’ bażi legali għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew” (punt 78).


60      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punt 41), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 69). Korsiv miżjud minni.


62      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 70). Korsiv miżjud minni.


63      Il-kwistjoni dwar jekk tali stħarriġ għandux neċessarjament isir qabel il-konsenja ta’ persuna mfittxija fl-Istat Membru emittenti hija mqajma fil-kuntest tal-kawża Prosecutor of the regional prosecutor’s office in Ruse, Bulgaria (C-206/20), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


64      Il-qorti tar-rinviju tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Staatsanwaltschaft Offenburg (C‑615/18, EU:C:2020:376, punt 72).


65      Għandu jissemma wkoll, f’dan ir-rigward, il-punt 70 tal-istess sentenza.


66      Infakkar, madankollu, li MM ma kienx is-suġġett ta’ tali miżura qabel id-dehra tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju.


67      Il-Gvern Bulgaru jiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 74).


68      Konformement mal-Artikolu 63(2) tan-NPK, jekk il-provi tal-kawża ma jistabbilixxux il-kuntrarju, waqt l-adozzjoni tal-ewwel miżura ta’ tqegħid taħt detenzjoni provviżorja, ir-riskju reali li l-persuna akkużata taħrab jew twettaq reat, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jeżisti, meta: il-persuna mqiegħda taħt investigazzjoni tkun reċidiva għal diversi drabi jew reċediva speċjali; il-persuna titqiegħed taħt investigazzjoni għal reat serju u ppremeditat u li tkun ġiet ikkundannata għal reat serju u ppremeditat ieħor imħarrek ex officio mill-Uffiċċju tal-Prosekutur (indipendentement mir-rieda tal-vittma) għal piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena jew għal piena iktar ħarxa oħra li l-eżekuzzjoni tagħha ma tiġix posposta skont l-Artikolu 66 tan-nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali); il-persuna titqiegħed taħt investigazzjoni għal reat issanzjonat b’piena li ma tkunx inqas minn piena ta’ priġunerija ta’ għaxar snin jew minn sanzjoni oħra iktar evera; jew li l-persuna titqiegħed taħt investigazzjoni fil-kundizzjonijiet tal-Artikolu 269(3) tan-NPK.


69      Ara s-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punt 44), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 65). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istabbiliment ta’ dritt ta’ rimedju separat kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħud minn awtorità ġudizzjarja li ma hijiex qorti jikkostitwixxi biss soluzzjonijiet possibbli sabiex tiggarantixxi b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja rikjest mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.


70      Ara s-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punti 52 u 53), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punti 70 u 71).


71      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punti 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punti 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


72      Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punt 42). Ara wkoll, is-sentenza Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 63).


73      Ara s-sentenzi Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punt 43), kif ukoll Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (punt 64).


74      C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358.


75      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 46). Ara wkoll, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 47).


77      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 58).


78      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50).


79      Ara, b’analoġija, fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


80      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 52).


81      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 53).


82      Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi magħquda Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1012, punt 97).


83      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).


84      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).


85      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).


86      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).


87      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).


88      Ara, għall-kuntrarju, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja) (punt 52).


89      ĠU 2016, L 65, p. 1. Skont il-premessa 44 ta’ din id-direttiva, “[i]l-prinċipju tal-effettività tal-liġi tal-Unjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu rimedji xierqa u effettivi fil-każ li jkun hemm ksur ta’ dritt mogħti lill-individwi bil-liġi tal-Unjoni. Rimedju effettiv disponibbli fil-każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet stabbiliti [fl-imsemmija] Direttiva għandu, sa fejn hu possibbli, ikollu l-effett li jpoġġi lill-persuni suspettati jew akkużati fl-istess pożizzjoni li kienu jsibu ruħhom fiha li kieku ma kienx seħħ il-ksur, bil-ħsieb li jkunu protetti d-dritt ta’ proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża”.


90      Il-qorti tar-rinviju tagħmel l-assimilazzjoni mal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30), sa fejn din il-kawża kienet tikkonċerna, fil-fehma tagħha, il-konsegwenzi ta’ deċiżjoni mogħtija minn awtorità li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha (użu ta’ provi miġbura wara interċettazzjonijiet telefoniċi awtorizzati minn awtorità ġudizzjarja li eventwalment tilfet il-kompetenza tagħha li tagħti tali awtorizzazzjoni).


91      Ara, għal illustrazzjoni tal-limiti għall-applikabbiltà fil-qasam tad-detenzjoni provviżorja tad-Direttiva 2016/343, kif ukoll għall-applikabbiltà tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta f’dan il-qasam, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura (C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Spetsializirana prokuratura (C‑653/19 PPU, EU:C:2019:983, punti 15 et seq.).


92      Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 39). Korsiv miżjud minni.


93      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:890, punti 81 u 82). Din tal-aħħar tiddeskrivi l-proċedura miftuħa mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 bħala “‘ħolqa’ li tibda bil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew [...] [u ]mbagħad [...] tingħalaq bl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li titwettaq bil-konsenja” (punt 83). Hija tiddeduċi li “l-effetti ta’ din il-proċedura ma jistgħux imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni u mill-għan [ta’ din id-]Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-konsenja tal-persuna rikjesta. Il-ftit effetti ta’ din il-proċedura li jkomplu wara l-konsenja huma stabbiliti b’mod ċar fil-Kapitolu 3 [tal-imsemmija] Deċiżjoni Qafas” (punt 84).


94      Is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 56), fiha indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward, anki jekk għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li din tikkonċerna mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ bl-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà u, min-naħa l-oħra, li din tirrigwarda ipoteżi li fiha l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ piena addizzjonali f’dan il-mandat ma kinitx taffettwa l-validità tiegħu. Fil-fatt, meta hija kellha twieġeb għall-argument li jgħid li, essenzjalment, id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkostitwixxi t-titolu li fuqu huwa bbażat it-tiċħid tal-libertà fl-Istat Membru emittenti, bil-konsegwenza li ma jistax ikun hemm eżekuzzjoni ta’ piena li ma kinitx is-suġġett tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u li għaliha ma ġietx awtorizzata l-konsenja, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “[s]-suġġett tad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma huwiex li tawtorizza, f’dan il-każ, l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru emittenti [...]. [D]in id-deċiżjoni hija limitata li tippermetti l-konsenja tal-persuna kkonċernata, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sabiex ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig. Il-bażi għall-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà tinsab fis-sentenza eżekutorja mogħtija fl-Istat Membru emittenti u li l-indikazzjoni tagħha hija rikjesta mill-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas” (punt 58, korsiv miżjud minni).


95      Infakkar, f’dan ir-rigward, li MM ma kienx is-suġġett ta’ ordni tal-prosekutur adottata konformement mal-Artikolu 64(2) tan-NPK, fejn tali att jikkostitwixxi, milli jidher, il-mezz użat normalment fil-Bulgarija sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali fil-konfront ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali.


96      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C‑274/96, EU:C:1998:563, punt 17). Ara wkoll, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


97      Ara, b’analoġija, fil-kuntest tal-iskadenza tat-termini ffissati fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 50).


98      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali) (C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 39).