Language of document : ECLI:EU:C:2004:802

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta' Diċembru 2004 (*)

"Direttiva 2001/37/KE – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta' prodotti tat-tabakk – Artikolu 8 – Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti tat-tabakk għall-użu orali – Validità – Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 28 KE sa 30 KE – Kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-istess projbizzjoni"

Fil-kawża C-210/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234KE, magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' April 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Mejju 2003, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta':

Swedish Match AB,

Swedish Match UK Ltd

vs

Secretary of State for Health,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u K. Lenaerts, Presidenti ta' Awli, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur, u aktar tard M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Ġunju 2004,

wara li kkunisdrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Swedish Match AB u Swedish Match UK Ltd, minn M. G. Barling, QC u M. Lester, barrister, mandatarji ta' S. Kon u D. Roy, u S. Turnbull, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn N. Paines, QC, u T. Ward, barrister,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Irlandiż, minn D. J. O'Hagan, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn J. L. Rufas Quintana u M. Moore, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u J.-P. Hix, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martínez del Paral u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/37/KE, tal-5 ta' Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 194, p. 26), kif ukoll l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 28 KE sa 30 KE u l-kompatibbiltà, ma' dawn id-dispożizzjonijiet u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Swedish Match AB u Swedish Match UK Ltd. (aktar 'il quddiem, għaż-żewġ kumpanniji, "Swedish Match") u s-Secretary of State for Health dwar il-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni, fir-Renju Unit, ta' prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 8a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/622/KEE, tat-13 ta' Novembru 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li tikkonċerna l-ittikkettjar ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 359, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/41/KEE, tal-15 ta' Mejju 1992 (ĠU L 158, p. 30, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 89/622"), jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali li l-Artikolu 2(4) ta' din id-Direttiva jiddefinixxi bħala li huma "il-prodotti kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba li jitpejpu, magħmula kollha kemm huma jew f'parti, minn tabakk, f'forma ta' trab jew partikoli jew f'xi kombinazzjoni ta' dawn il-forom, partikolarment dawk preżentati f'porzjonijiet fi qratas jew qratas porużi jew f'forma li jixbah prodott ta' l-ikel." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 92/41 tipprovdi li "huwa ppruvat li l-prodotti tat-tabakk li ma jitpejjipx jikkostitwixxu fattur għola ta' riskju tal-kanċer u għalhekk dawn għandu jkollhom avviż speċifiku fir-rigward ta' dan ir-riskju" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond it-tnax-il premessa ta' l-istess Direttiva, "l-esperti xjentifiċi jqisu li d-dipendenza li jġib miegħu l-konsum tat-tabakk tikkostitwixxi perikolu li jiġġustifika li din tkun is-suġġett ta' avviż speċifiku fuq il-prodotti kollha tat-tabakk."[traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skond it-tlettax-il premessa tad-Direttiva 92/41:

"[…] prodotti ġodda tat-tabakk għall-użu orali li jidhru fis-suq ta' ċerti Stati membri għandhom attrazzjoni partikolari għaż-żgħażagħ u […] l-Istati Membri li l-aktar huma esposti għal din il-problema diġà pprojbew għal kollox dawn il-prodotti l-ġodda jew beħsiebhom jipprojbuhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-erbatax-il premessa ta' l-istess Direttiva tipprovdi li:

"[…] f'dak li jirrigwarda dawn il-prodotti, hemm diverġenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u […], minħabba f'hekk, hemm lok li dawn jiġu suġġetti għal regoli komuni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skond il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 92/41:

"[…] jeżisti riskju reali li dawn il-prodotti l-ġodda għall-użu orali jintużaw l-aktar miż-żgħażagħ, bil-konsegwenza li jġibu magħhom dipendenza fuq in-nikotina, sakemm ma jitteħdux miżuri restrittivi fil-ħin." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skond is-sittax-il premessa ta' l-imsemmija Direttiva:

"[…] skond il-konklużjonijiet ta' l-istudji taċ-Ċentru Internazzjonali tar-Riċerka fuq il-Kanċer, it-tabakk għall-użu orali huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta' kwantitajiet partikolarment għoljin ta' sustanzi karċinoġeni; […] dawn il-prodotti l-ġodda jikkawżaw, b'mod partikolari, il-kanċer tal-ħalq." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skond is-sbatax-il premessa ta' l-istess Direttiva:

"[…] il-projbizzjonijiet ta' tqegħid fis-suq li diġà ġew introdotti minn tliet Stati Membri f'dak li jirrigwarda dan it-tabakk għandhom effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, […] għalhekk huwa meħtieġ li l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam jiġu approssimati billi jittieħed bħala bażi livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa; […] l-unika miżura adatta hija l-projbizzjoni totali, […] madankollu, din il-projbizzjoni ma tikkonċernax il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tradizzjonalment stabbiliti li jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/622/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva, li tapplika għall-prodotti tat-tabakk li ma jitpejpux." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 151(1) ta' l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja u l-adattamenti tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU C 241, 1994, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1, aktar 'il quddiem l-"Att ta' Adeżjoni") jipprovdi li:

"L-Atti ndikati fl-Anness XV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw f’dak li għandu x’jaqsam ma' Stati Membri ġodda taħt il-kondizzjonijiet kif indikati f’dak l-Anness."

11      Il-Kapitolu X, intitolat "Varji", ta' l-imsemmi Anness, li jistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni, jipprovdi li:

"a)      Il-projbizzjoni fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622/KEE, kif emendata […] li tikkonċerna l-introduzzjoni fis-suq tal-prodott definit fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva […] m’għandhiex tkun applikabbli [fir-Renju] ta' l-Isvezja […], bl-eċċezzjoni tal-projbizzjoni li jitqiegħed dan il-prodott fis-suq fil-forma li tixbaħ prodott ta’ l-ikel,

b)      [Ir-Renju] ta’ l-Isvezja għandu jieħu l-mużuri kollha meħtieġa biex jassigura li l-prodott imsemmi fil-paragrafu (a) ma jkunx imqiegħed fis-suq fl-Istati Membri li għalihom id-Direttivi 89/622/KEE u 92/41/KEE huma applikabbli bis-sħiħ.

[…]"

12      Id-Direttiva 2001/37 ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 95 KE u 133 KE u għandha bħala għan l-elaborazzjoni mill-ġdid tad-Direttiva 89/622 u tad-Direttiva tal-Kunsill 90/239/KEE, tas-17 ta' Mejju 1990, dwar l-appossimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-kontenut massimu ta' qatran fis-sigaretti (ĠU L 137, p. 36).

13      Skond it-tmienja u għoxrin premessa tad-Direttiva 2001/37:

"Id-Direttiva 89/622/KEE tipprojbixxi l-bejgħ fl-Istati Membri ta' ċerti tipi ta' tabakk għall-użu orali. L-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni […] jagħti lir-Renju ta' l-Isvezja deroga mid-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva f'dak ir-rigward."

14      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/37, intitolat "Definizzjonijiet", jipprovdi li:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

1)      'prodotti tat-tabakk' ifisser prodotti għall-għanijiet ta' tipjip, xamm, irdiegħ jew mastikar, sal-limitu li huma, wkoll jekk parzjalment, magħmula minn tabakk, sew jekk ġenetikment modifikat sew jekk le;

[…]

4)      'tabakk għall-użu orali' tfisser il-prodotti kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba li jitpejpu, magħmula kollha kemm huma jew f'parti, minn tabakk, f'forma ta' trab jew partikoli jew f'xi kombinazzjoni ta' dawn il-forom, partikolarment dawk preżentati f'porżjonijiet fi qratas jew qratas porużi jew f'forma li jixbaħ prodott ta' l-ikel;

[…]"

15      Skond l-Artikolu 5(4) ta' l-istess Direttiva:

"Il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, fejn it-tpoġġija fis-suq huwa permess skond l-Artikolu 8, u prodotti tat-tabakk li ma jitpejpux għandhom iġorru t-twissija li ġejja:

'Dan il-prodott tat-tabakk jista’ joħloq ħsara għas-saħħa tiegħek u jagħmlek dipendenti.'

[…]"

16      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, intitolat "Tabakk għall-użu orali" jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tpoġġija fis-suq ta' tabakk għall-użu orali, mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni […]."

17      Skond l-Artikolu 13(1) ta' l-imsemmija Direttiva:

"L-Istati Membri ma jistgħux, għall-konsiderazzjonijiet li jirrelataw mal-limitazzjoni tal-ħruġ tal-qatran, nikotina u carbon monoxide tas-sigarretti, għat-twissijiet tas-saħħa u indikazzjonijiet oħra jew għal ħtiġijiet oħra taħt din id-Direttiva, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-importazzjoni, il-bejgħ jew konsum ta' prodotti tat-tabakk li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, ħlief għall-miżuri meħuda għall-għanijiet ta' verifikazzjoni tat-tagħrif provdut skond l-Artikolu 4."

18      L-Artikolu 15 ta' l-istess Direttiva jipprovdi, b'mod partikolari, li d-Direttiva 89/622 hija mħassra u li r-referenzi li jsiru għaliha għandhom jiġu kkunsidrati bħala li saru għad-Direttiva 2001/37.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

19      Fir-Renju Unit, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali permezz tat-Tabacco for Oral use (Safety) Regulations 1992 [Regolamenti ta' l-1992 dwar it-tabakk għall-użu orali (sigurtà), aktar 'il quddiem ir-"Regolamenti ta' l-1992"].

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Swedish Match xtaqet tikkummerċjalizza fir-Renju Unit is-"snus", tabakk mitħun jew imqatta' fin, mibjugħ bl-użin jew f'pakketti żgħar u intiż sabiex ikun ikkunsmat billi jitpoġġa bejn il-ħanek u x-xoffa.

21      Fit-18 ta' Marzu 2002, Swedish Match kitbet lill-UK Department of Health (id-Dipartiment tas-Saħħa tar-Renju Unit), sabiex tesponilu r-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali prevista mir-Regolamenti ta' l-1992 kienet illegali. Fir-risposta tiegħu ta' l-24 ta' April 2002, dan id-Dipartiment indika li kien jikkunsidra li din il-projbizzjoni kienet legali. Fit-8 ta' Mejju 2002 Swedish Match ippreżentat rikors għar-reviżjoni ta' din id-deċiżjoni fejn sostniet li l-projbizzjoni kienet tikser diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Il-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikoli 28 KE sa 30 KE, applikati b'mod konformi mal-prinċipji ġenerali ta' proporzjonalità u ta' non-diskriminazzjoni u mad-drittijiet fundamentali (b'mod partikolari d-dritt għal proprjetà), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tista' tipprojbixxi lil persuna, tkun min tkun, milli tbigħ, toffri jew taċċetta li tbigħ, tesponi jew iżżomm bi skop ta' bejgħ prodotti magħmulin kollha kemm huma jew parzjalment, minn tabakk, f'forma ta' trab jew partikoli jew f'xi kombinazzjoni ta' dawn il-forom jew f'forma li tixbah prodott ta' l-ikel, u li huma intiżi għall-użu orali li mhuwiex dak li jitpejjpu jew li jintmgħadu?

2)      L-Artikolu 8a tad-Direttiva 2001/37/KE għandu jiġi kkunsidrat bħala, totalment jew parzjalment, invalidu:

a)      minħabba ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni

b)      minħabba ksur ta' l-Artikolu 28 KE u/jew ta' l-Artikolu 29 KE,

c)      minħabba ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità,

d)      minħabba li l-Artikolu 95 KE u/jew l-Artikolu 133 KE ma kinux adatti sabiex iservu ta' bażi legali,

e)      minħabba ksur ta' l-Artikolu 95(3) KE,

f)      minħabba abbuż ta' setgħa,

g)      minħabba ksur ta' l-Artikolu 253 KE u/jew ta' l-obbligu ta' motivazzjoni,

h)      minħabba ksur tad-dritt fundamentali għall-proprjetà?

3)      Fiċ-ċirkustanza fejn:

–        miżura nazzjonali li timplementa l-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622/KEE ġiet adottata fl-1992,

–        l-imsemmija miżura nazzjonali ġiet adottata bis-saħħa ta' setgħat tad-dritt intern li ma jiddependux fuq l-eżistenza ta' obbligu ta' traspożizzjoni tad-Direttiva,

–        Id-Direttiva 89/662/KEE (kif emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni […]) ġiet annullata u mibdula mid-Direttiva 2001/37/KE, li l-Artikolu 8 tagħha jirriproduċi l-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622/KEE,

–        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37/KE mhuwiex validu minħabba wieħed mill-prinċipji msemmija fid-domandi 2(a), 2(c) jew 2(h)

għandhom dawn il-prinċipji jiġu interpretati bħala li jipprojbixxu wkoll il-miżura nazzjonali in kwistjoni?"

 Fuq id-domandi li jirrigwardaw, prinċipalment, il-preżentata ta' osservazzjonijiet b'risposta għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali u, sussidjarjament, għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta' Ottubru 2004, Swedish Match talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        prinċipalment, sabiex hija tawtorizzaha tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub wara l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali;

–        sussidjarjament, sabiex hija tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

23      Swedish Match tixtieq tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-proposti ta' l-Avukat Ġenerali fir-rigward ta' l-eventwali żamma ta' l-effetti tad-Direttiva 2001/37 wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun irrikonoxxiet l-invalidità tagħha.

24      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprovdux għall-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet b'risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara d-digriet ta' l-4 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 2). Għalhekk, it-talba sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub b'risposta għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali hija miċħuda.

25      Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' biss ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tkun tikkunsidra li m'għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kwistjoni għandha tkun deċiża abbażi ta' argument li ma ġiex dibattut bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 42, u tad-29 ta' April 2004, Parlament vs Ripa di Meana et,C-470/00 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33). Madankollu, f'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula. Konsegwentement, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

26      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti ta' rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 huwiex totalment jew parzjalment invalida minħabba l-ksur ta' dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jew ta' prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jew minħabba abbuż ta' setgħa.

 F'dak li jirrigwarda l-għażla ta' l-Artikoli 95 KE u 133 KE bħala bażi legali

27      Id-domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 95 KE jikkostitwixxix bażi legali adatta għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 u, jekk dan huwa minnu, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta' l-Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali ta' dan l-aħħar Artikolu huwiex meħtieġ jew possibbli f'dan il-każ.

28      L-Artikolu 95(1) KE jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

29      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għalkemm sempliċi konstatazzjoni ta' differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li jsir rikors għall-Artikolu 95 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u L-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 84), dan ma jgħoddx fil-każ ta' differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li huma ta' natura tali li jkunu ta' xkiel għal-libertajiet fundamentali u b'hekk ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi IL-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 95, u ta' l-10 ta' Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 60].

30      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta wkoll li, għalkemm l-użu ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali huwa possibbli sabiex fil-futur ma jkunx hemm ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, il-possibbiltà li dawn l-ostakoli jseħħu għandha tkun verosimili u l-miżura in kwistjoni għandha jkollha l-iskop li tipprevenihom [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta' Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill, C-350/92, Ġabra p. I-1985, punt 35; Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 86; tad-9 ta' Ottubru 2001, L-Olanda vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-377/98, Ġabra p. I-7079, punt 15, kif ukoll British Amenrican Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 61].

31      Barra minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 95 KE jkun jista' jintuża bħala bażi legali jiġu sodisfatti, il-leġiżlatur Kommunitarju ma jistax jitwaqqaf milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-ħarsien tas-saħħa pubblika hija determinanti fl-għażliet li għandhom isiru [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 62].

32      Għandu jiġi osservat, barra minn dan, li l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li għandu jkun assigurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji u li l-Artikolu 95(3) KE espliċitament jeżiġi li, fl-armonizzazzjoni li ssir, jiġi ggarantit livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 62].

33      Minn dak kollu li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li, meta jkun hemm ostakoli għall-kummerċ, jew ikun verosimili li fil-futur jista' jkun hemm tali ostakoli, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw, fir-rigward ta' prodott jew ta' kategorija ta' prodotti, miżuri li ma jaqblux bejniethom, b'tali mod li jiġi assigurat livell differenti ta' protezzjoni u li, minħabba f'hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu mfixkla milli jiċċirkolaw liberament fil-Komunità, l-Artikolu 95 KE jawtorizza lil-leġiżlatur Komunitarju jintervjeni billi jadotta l-aktar miżuri adatti fir-rispett, minn naħa, ta' l-Artikolu 95(3), u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat jew identifikati mill-ġurisprudenza, b'mod partikolari tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

34      Skond iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri l-aktar adatti jistgħu jikkonsistu f'li l-Istati Membri kollha jiġu obbligati li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tal-prodotti kkonċernati, f'li tali obbligu ta' awtorizzazzjoni jiġi akkumpanjat minn ċerti kundizzjonijiet, jew, aktar minn hekk, f'li jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta' xi prodott jew prodotti, provviżorjament jew permanentement [ara, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE, tad-29 ta' Ġunju 1992, dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 228, p. 24), is-sentenza tad-9 ta' Awwissu 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-359/92, Ġabra p. I-3681, punti 4 u 33].

35      Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet sabiex l-Artikolu 95 KE jkun jista' jintuża bħala bażi legali humiex sodisfatti fil-każ ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37.

36      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmi Artikolu 8 kull ma jagħmel huwa li jirriproduċi l-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622, li jgħid li l-Istai Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali. Kemm id-Direttiva 2001/37 kif ukoll id-Direttiva 89/622 jiddefinixxu dan it-tabakk bħala dawk "il-prodotti kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba li jitpejpu, magħmula kollha kemm huma jew f'parti, minn tabakk, f'forma ta' trab jew partikoli jew f'xi kombinazzjoni ta' dawn il-forom, partikolarment dawk preżentati f'porzjonijiet fi qratas jew qratas porużi jew f'forma li jixbah prodott ta' l-ikel".

37      Huwa stabbilit li, kif jiġi indikat fl-erbatax-il premessa tad-Direttiva 92/41, meta ġiet adottata din l-aħħar Direttiva kien hemm, fir-rigward ta' dawn il-prodotti, differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri. Fil-fatt, tnejn fosthom kienu diġà pprojbeixxew il-kummerċjalizzazzjoni ta' tali prodotti u t-tielet wieħed kien adotta dispożizzjonijiet li, għalkemm kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ, kellhom l-istess skop. Dawn kienu intiżi, skond l-awturi tagħhom, sabiex ma jkomplix jikber il-konsum ta' prodotti ta' ħsara għas-saħħa, li kienu ġodda fis-swieq ta' l-Istati Membri u li kienu magħrufin bħala li b'mod partikolari jiġbdu l-attenzjoni taż-żgħażagħ.

38      Peress li s-suq tal-prodotti tat-tabakk huwa wieħed fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa relattivament kbir [ara s-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 64], dawn il-miżuri ta' projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni kienu jikkontribwixxu għall-iżvilupp eteroġenu ta' dan is-suq u għalhekk kienu ta' natura tali li jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

39      Minbarra dan, fid-dawl tal-konsapevolezza dejjem ikbar tal-pubbliku fir-rigward tal-ħsara li l-prodotti tat-tabakk jikkawżaw lis-saħħa, kien verosimili li kienu ser jinħolqu ostakoli għall-moviment liberu ta' dawn il-prodotti minħabba l-adozzjoni mill-Istati Membri ta' regoli ġodda, li jirriflettu dan l-iżvilupp, intiżi sabiex jiskoraġġixxu l-konsum ta' dawn il-prodotti b'mod aktar effettiv [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 67].

40      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 ġie adottat f'kuntest li, fid-dawl ta' l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li kien hemm fis-suq tal-prodotti tat-tabakk minħabba l-iżvilupp eteroġenu tal-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali fid-diversi Stati Membri, ma kienx differenti wisq minn dak li kien jeżisti meta ġie adottat l-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622. Għandu jingħad ukoll li l-att ta' adeżjoni ma jista' jkollu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni ta' dan il-kuntest. Fil-fatt, dan l-att mhux biss poġġa lir-Renju ta' l-Iżvezja 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 8a, iżda eżiġa wkoll li dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassigura li l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ma jitqegħdux fis-swieq ta' Stati Membri oħra.

41      Għalhekk, intervent tal-leġiżlatur Komunitarju bbażat fuq l-Artikolu 98 KE kien iġġustifikat f'dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

42      Minn dak kollu li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-miżura ta' projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 setgħet tiġi adottata abbażi ta' l-Artikolu 95 KE. Aktar 'il quddiem għandu jiġi eżaminat jekk l-adozzjoni ta' din il-miżura saritx fir-rispett ta' l-Artikolu 95(3) KE u tal-prinċipji legali msemmija fid-domandi magħmula mill-qorti ta' rinviju.

43      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-użu ta' l-imsemmi Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva kinitx meħtieġa jew possibbli fil-każ in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fil-punt 97 tas-sentenza tagħha British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 95 KE kien jikkostitwixxi l-unika bażi legali adatta tad-Direttiva 2001/37 u li din ta' l-aħħar kienet żbaljata li ssemmi wkoll l-Artikolu 133 KE.

44      Madankollu, din ir-referenza żbaljata għall-Artikolu 133 KE bħala t-tieni bażi legali ta' l-imsemmija Direttiva, minnha nfisha, ma ġġibx magħha l-invalidità ta' din ta' l-aħħar [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 98]. Żball bħal dan fil-premessi ta' att Komunitarju fil-fatt jikkostitwixxi biss vizzju purament formali, dejjem sakemm dan l-att ma jkunx ivvizzjat minħabba irregolarità fil-proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta' dan l-att (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta' Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 165/87, Ġabra p. 5545, punt 19, tad-9 ta' Settembru 2004, Spanja u L-Finlandja vs Il-Parlament u L-Kunsill, C-184/02 u C-223/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 111 tas-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, li l-użu tal-bażi legali doppja ta' l-Artikoli 95 KE u 133 KE mhijiex ivvizzjata b'irregolarità fil-proċedura ta' adozzjoni tad-Direttiva u li din ta' l-aħħar mhijiex invalida minħabba dan il-fatt.

45      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 mhuwiex invalidu minħabba nuqqas ta' bażi legali adatta.

F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 95(3) KE u l-prinċipju ta' proporzjonalità

46      L-Artikolu 95(3) KE jipprovdi li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill għandhom jieħdu bħala bażi livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem filwaqt li, b'mod partikolari, jikkunsidraw ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi.

47      Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-mezzi implementati minn dispożizzjoni Komunitarja jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq (ara, b'mod partikolari, s-sentenzi tat-18 ta' Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15; tas-7 ta' Diċembru 1993, ADM Ölmühlen, C-339/92, Ġabra p. I-6473, punt 15, u tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 59).

48      F'dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rikonoxxut li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa wiesgħa ta' diskrezzjoni f'dak li jirrigwarda qasam bħalma huwa dak in kwistjoni, li min-naħa tagħha timplika għażliet ta' natura politika ekonomika u soċjali, u li, fil-kuntest tagħha, għandu jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Huwa biss il-karattru manifestament mhux adatt ta' miżura meħuda f'dan il-qasam, fir-rigward ta' l-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista' jaffettwa l-legalità ta' miżura bħal din [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta' Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 58; tat-13 ta' Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punti 55 u 56; tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 61, kif ukoll British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 123].

49      F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 8a, li ġie inkluż fid-Direttiva 89/662 mid-Direttiva 92/41, mill-premessi ta' din ta' l-aħħar jirriżulta li l-miżura ta' projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali kienet l-unika waħda ta' natura adatta li tilqa' għar-riskju reali li dawn il-prodotti l-ġodda jintużaw miż-żgħażagħ, bil-konsegwenza li jsiru dipendenti fuq in-nikotina, u dan meta dawn il-prodotti jikkawżaw, b'mod partikolari, il-kanċer tal-ħalq.

50      Swedish Match essenzjalment issostni li, fid-dawl ta' l-istat tad-data xjentifika li l-leġiżlatur Komunitarju kellu fl-2001, meta ġie adottat l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, u fuq liema, barra minn dan, huwa bbaża ruħu sabiex jemenda r-regoli dwar ir-reklamar imsemmija mill-Artikolu 5(4) ta' l-imsemmija Direttiva, iż-żamma tal-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali kienet sproporzjonata meta mqabbla ma' l-għanijiet mixtieqa u ma kinitx tikkunsidra l-iżvilupp ta' l-imsemmija data xjentifika.

51      F'dan ir-rigward, ir-risposta għandha tkun li, għalkemm uħud mill-esperti setgħu, sa mill-1999, jikkontestaw id-dikjarazzjoni li, kif jingħad fis-sittax-il premessa tad-Direttiva 92/41, "dawn il-prodotti l-ġodda b'mod partikolari jikkawżaw il-kanċer tal-ħalq", madankollu l-kontroversja kollha fuq dan il-punt ma kinitx spiċċat meta ġiet adottata d-Direttiva 2001/37. Barra minn dan, filwaqt li parti mill-komunità xjentifika kienet tametti li prodotti tat-tabakk għall-użu orali setgħu jintużaw bħala prodotti ta' sostituzzjoni għas-sigaretti, parti oħra kienet tikkontesta l-fondatezza ta' pożizzjoni bħal din. Għandu jiġi konkluż, minn din is-sitwazzjoni, li d-data xjentifika li l-leġiżlatur Komunitarju seta' kellu fl-2001 ma kinitx tippermetti li jiġi konkluż li l-konsum tal-prodotti in kwistjoni kien mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem.

52      Barra minn dan, bħall-prodotti l-oħra kollha tat-tabakk, dawk għall-użu orali fihom in-nikotina, li tipprovoka dipendenza u li t-tossiċità tagħha mhijiex ikkontestata.

53      Issa, minn naħa, meta ġiet adottata d-Direttiva 2001/37, ma kienx ġie ppruvat li l-effetti ħżiena ta' l-imsemmija prodotti kienu, f'dan ir-rigward, iċken minn dawk ta' prodotti oħra tat-tabakk. Min-naħa l-oħra, kien stabbilit li dawn kienu jirrappreżentaw riskji serji għas-saħħa, riskji li l-leġiżlatur Komunitarju kellu jikkunsidra.

54      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 95(3) KE, il-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 kienet ġiet adottata mingħajr ma ġie kkunsidrat l-iżvilupp tad-data xjentifika.

55      Barra minn dan, ebda mill-elementi ta' evalwazzjoni ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ma kinux prodotti ġodda fis-suq ta' l-Istati Membri kif dan kien meta ġiet adottata d-Direttiva 92/41.

56      Sabiex jissodisfa l-obbligu li huwa kellu li jieħu bħala bażi livell għoli ta' ħarsien f'dak li jirrigwarda s-saħħa, skond l-Artikolu 95(3) KE, il-leġiżlatur Komunitarju seta' għalhekk jikkunsidra, mingħajr ma jmur lil hinn mis-setgħa ta' diskrezzjoni li huwa għandu f'dan il-qasam, li miżura ta' projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali kienet neċessarja u li, b'mod partikolari, ma kienx hemm miżuri alternattivi li jippermettu li dan l-għan jintlaħaq b'mod daqstant effettiv.

57      Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 116 sa 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-miżuri l-oħra kollha intiżi sabiex il-produtturi jiġu suġġetti għal regoli tekniċi li jobbligawhom inaqqsu l-effetti dannużi tal-prodott, jew sabiex l-ittikkettjar ta' l-imballaġġi ta' dan il-prodott u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ tiegħu jiġu rregolati, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-minuri, ma jkollhomx l-istess effett preventiv f'dak li jirrigwarda l-ħarsien tas-saħħa peress li dawn jippermettu li prodott li, f'kull każ, ikun ta' ħsara għas-saħħa jiġi stabbilit fis-suq.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li, kemm f'dak li jirrigwarda l-għan li l-leġiżlatur Komunitarju ngħata mill-Artikolu 95(3) KE, li jassigura livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll fir-rigward ta' l-obbligu li huwa għandu li jirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, il-miżura ta' projbizzjoni kkontestata ma tistax tiġi meqjusa bħala manifestament mhux adatta.

 F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 28 KE u/jew l-Artikolu 29 KE

59      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi kif ukoll ta' kull miżura b'effett ekwivalenti prevista mill-Artikolu 28 KE, ma tapplikax biss għall-miżuri nazzjonali iżda wkoll għall-miżuri li jkunu ġejjin mill-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, b'mod partikolari, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta' Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 15; tad-9 ta' Awwissu 1994, Meyhui, C-51/93, Ġabra p. I-3879, punt 11, u tal-25 ta' Ġunju 1997, Kieffer u Thill, C-114/96, Ġabra p. I-3629, punt 27).

60      Madankollu, kif jipprovdi l-Artikolu 30 KE, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28 u 29 KE ma jipprekludux il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu meta dawn ikunu, b'mod partikolari, iġġustifikati minn raġunijiet ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin.

61      Minkejja li l-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 tikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet previsti mill-Artikoli 28 KE u 29 KE, din hija ġġustifikata, kif inhu indikat fil-punt 58 ta' din is-sentenza, minn raġunijiet ta' ħarsien tas-saħħa tal-bnedmin. Hija, għalhekk, ma tistax, f'kull każ, tiġi kkunsidrata bħala li ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 28 KE u 29 KE.

62      Barra minn dan, il-projbizzjoni, imposta fuq ir-Renju ta' l-Iżvezja, ta' tqegħid fis-suq ta' l-Istati Membri l-oħra ta' prodotti tat-tabakk għall-użu orali tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-punt b) tal-Kapitolu X ta' l-Anness XV ta' l-Att ta' Adeżjoni u mhux minn dawk tad-Direttiva 2001/37.

F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 253 KE

63      Għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tesponi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-awtorità Komunitarja, li tkun adottat l-att in kwistjoni, b'tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħmel l-istħarriġ tagħha, madankollu mhuwiex meħtieġ li din tispeċifika l-elementi kollha ta' dritt jew ta' fatt rilevanti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta' Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 29).

64      Ir-rispett ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu, barra minn dan, jiġi evalwat mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fl-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll f'dak tar-regoli legali kollha tal-qasam ikkonċernat. Jekk mill-att ikkontestat jirriżulta l-essenzjal ta' l-għan mixtieq mill-istituzzjoni, ikun inutli li tiġi meħtieġa motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li tkun għamlet (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Lulju 2001, L-Italja vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, C-100/99, Ġabra p. I-5217, punt 64, kif ukoll, f'dan is-sens, Spanja u L-Finlandja vs Il-Parlament u L-Kunsill, C-184/02 u C-223/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 79).

65      Il-premessi tad-Direttiva 92/41 jesponu b'mod ċar ir-raġunijiet li għalihom kellha, fid-Direttiva 89/622, tiġi adottata miżura li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali. B'mod partikolari, wara li fakkru li l-esperti xjentifiċi kienu ta' l-opinjoni li l-prodotti kollha tat-tabakk iġibu magħhom riskji għas-saħħa u li kien ġie ppruvat li l-prodotti tat-tabakk li ma jitpejjpux jikkostitwixxu fattur ewlieni ta' riskju ta' kanċer, dawn l-awturi kkonstataw, barra minn dan, li prodotti ġodda tat-tabakk għal użu orali li jidhru fis-swieq ta' wħud mill-Istati Membri jiġbdu, b'mod partikolari, l-attenzjoni taż-żgħażagħ, bir-riskju li dawn ta' l-aħħar isiru dipendenti fuq in-nikotina sakemm ma jitteħdux miżuri restrittivi fil-ħin. Ġie osservat ukoll li l-aktar Stati Membri esposti għal din il-problema kienu diġà pprojbew għal kollox dawn il-prodotti l-ġodda jew kellhom l-intenzjoni li jipprojbixxuhom.

66      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, hija limitata, fil-kuntest tal-kitba mill-ġdid tat-testi preċedenti, li tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ta' l-imsemmija Direttiva, sabiex tikkonferma l-miżura identika adottata fl-1992. It-trattament differenti li, fl-1992, ġie riżervat għal dawn il-prodotti fir-rispett tal-prodotti l-oħra tat-tabakk li ma jitpejjipx, kien ir-riżultat taċ-ċirkustanzi relatati kemm man-novità li l-prodotti kkonċernati mill-projbizzjoni kellhom fis-suq intern ta' dak iż-żmien, kemm man-natura tagħhom li tiġbed l-attenzjoni taż-żgħażagħ, kif ukoll ma' l-eżistenza ta' miżuri nazzjonali ta' projbizzjoni f'uħud mill-Istati Membri.

67      Issa, dawn iċ-ċirkustanzi kienu għadhom l-istess fl-2001. Huwa ċertament stabbilit li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tgawdi minn tradizzjoni twila fl-Iżvezja u li dawn il-prodotti ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala ġodda fis-suq li jikkorrispondi mat-territorju ta' dan l-Istat Membru meta seħħet l-adeżjoni tiegħu fl-1995. Madankollu, peress li l-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni speċifikatament eskluda lir-Renju ta' l-Iżvezja mill-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni adottata fl-1992, it-territorju ta' dan l-Istat ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex ikun stabbilit is-suq kopert mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 u, konsegwentement, għall-evalwazzjoni, f'dak li jirrigwarda dan is-suq, tal-karattru ġdid tal-prodotti li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija pprojbita skond l-imsemmi Artikolu.

68      Peress li, fit-tmienja u għoxrin premessa tagħha, id-Direttiva 2001/37, tippreċiża li d-Direttiva 89/622 ipprojbiet il-bejgħ fl-Istati Membri ta' ċerti tipi ta' tabakk għall-użu orali u li l-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni kkonċeda lir-Renju ta' l-Iżvezja deroga mid-dispożizzjonijiet ta' din l-aħħar Direttiva, ma jidhirx li l-konferma ta' l-imsemmija projbizzjoni fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 kienet teħtieġ li din tispeċifika elementi oħra ta' dritt u ta' fatt rilevanti sabiex tissodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE.

69      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 jissodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

 F'dak li jirrigwarda l-prinċipju ta' non diskriminazzjoni

70      Skond ġurisprudenza stabbilita, l-prinċipju ta' trattament indaqs jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

71      Issa, għalkemm il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/37, mhumiex fundamentalment differenti, la fil-kompożizzjoni tagħhom u lanqas fl-użu li għandu jsir minnhom, mill-prodotti tat-tabakk li għandhom jiġu mimgħuda, dawn xorta waħda jinsabu f'sitwazzjoni differenti minn dik ta' dawn l-aħħar prodotti. Fil-fatt, il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali li huma s-suġġett tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622 u kkonfermata fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 kienu ġodda fis-suq ta' l-Istati Membri kkonċernati minn din il-miżura. Din is-sitwazzjoni partikolari kienet għalhekk tawtorizza trattament differenti mingħajr ma jista' jiġi effettivament invokat ksur tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni.

 F'dak li jirrigwarda l-prinċipju ta' l-eżerċizzju liberu ta' attività professjonali u d-dritt tal-proprjetà

72      Għandu jiġi mfakkar li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju ħieles ta' l-attivitajiet professjonali jagħmel parti, l-istess bħad-dritt għal proprjetà, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Dawn id-drittijiet madankollu ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti iżda għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Konsegwentement, jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' l-eżerċizzju ħieles ta' attività professjonali, kif ukoll fuq l-użu tad-dritt għal proprjetà, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jikkorrispondu ma l-għanijiet ta' interess ġenerali mixtieqa u ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta' l-iskop mixtieq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jkun ta' ħsara għall-istess sustanza tad-drittijiet hekk assigurati (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1989, Schräder, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 15; tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 78, tad-29 ta' April 1999, Standley et, C-293/97, Ġabra p. I-2603, punt 54; tal-15 ta' Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C-37/02 u C-38/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 82, kif ukoll Spanja u L-Finlandja vs Il-Parlament u L-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 52).

73      Huwa minnu li l-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 tista' tfixkel l-eżerċizzju ħieles ta' l-attività professjonali tal-produtturi ta' dawn il-prodotti, jekk dawn kellhom l-intenzjoni li jagħmlu tali kummerċjalizzazzjoni fl-arja ġeografika kkonċernata mill-imsemmija projbizzjoni. Minkejja dan, id-dritt għal proprjetà ta' l-operaturi ekonomiċi mhuwiex qiegħed jiġi kkontestat bl- adozzjoni ta' tali miżura. Fil-fatt, l-ebda operatur ekonomiku ma jista' jsostni li għandu dritt għal proprjetà fuq sehem tas-suq, anke jekk huwa kellu dan is-sehem qabel ma ġiet adottata miżura li taffettwa l-imsemmi suq, peress li tali sehem tas-suq jikkostitwixxi biss pożizzjoni ekonomika momentarja esposta għar-riskju ta' bdil fiċ-ċirkustanzi (sentenza tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 79). Operatur ekonomiku lanqas ma jista' jallega dritt miksub jew inkella aspettattiva leġġittima rigward iż-żamma ta' sitwazzjoni eżistenti li tista' tiġi mibdula permezz ta' deċiżjonijiet meħudin mill-istituzzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tas-setgħa ta' diskrezzjoni tagħhom (ara s-sentenza tat-28 ta' Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni, 52/81, Ġabra p. 3745, punt 27).

74      Kif ingħad aktar 'il fuq, id-Direttiva 2001/37 għandha għan ta' interess ġenerali li tfittex li tilħaq billi tiggarantixxi livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fil-kuntest ta' l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk. Issa, kif ġie indikat fil-punt 58 ta' din is-sentenza, ma jidhirx li l-miżura ta' projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8 ta' l-imsemmija Direttiva hija ta' natura li mhijiex adatta sabiex jintlaħaq dan il-għan. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ostakolu għall-eżerċizzju ħieles ta' attività ekonomika li miżura bħal din tikkostitwixxi ma jistax jiġi analizzat fid-dawl ta' l-iskop mixtieq, bħala li huwa ta' ħsara sproporzjonata għad-dritt li tiġi eżerċitata' din il-libertà jew tad-dritt għal proprjetà.

 F'dak li jirrigwarda l-allegat abbuż ta' setgħa

75      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet, att biss ikun ivvizzjat minn abbuż ta' setgħa jekk, fuq il-bażi ta' evidenza oġġettiva, rilevanti u konsistenti, ikun jidher li ġie adottat bl-iskop esklużiv, jew minn ta' l-inqas, determinanti, li jintlaħqu finijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura li t-Trattat jippreskrivi speċifikament sabiex jiġu trattati ċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami (ara s-sentenzi tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 24, u tat-22 ta' Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I-8763, punt 137).

76      Fid-dawl, b'mod partikolari, ta' l-esklużjoni espressa ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri intiżi sabiex iħarsu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem, imsemmija fl-Artikolu 129(4)(a) tat-Trattat KE (li, aktar tard, wara l-emendi, sar l-Artikolu 152(4)(a) KE), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistgħux jintużaw artikoli oħra tat-Trattat bħala bażi legali sabiex tiġi evitata din l-esklużjoni (sentenza L-Ġermanja vs Il-Parlament u IL-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 79). Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-użu ta' l-Artikolu 95(1) KE bħala bażi legali, il-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jiġi prekluż milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-ħarsien tas-saħħa pubblika hija determinanti fl-għażla li għandha ssir [sentenzi tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 88, kif ukoll British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 190].

77      Issa, minn naħa, il-kundizzjonijiet sabiex isir użu mill-Artikolu 95 KE kienu sodisfatti fil-każ ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 u, min-naħa l-oħra, ma ġie stabbilit bl-ebda mod li din id-dispożizzjoni kienet ġiet adottata bl-iskop esklużiv, jew, minn ta' l-anqas, determinanti, li jintlaħaq skop differenti minn dak intiż għat-tneħħija tax-xkiel għall-kummerċ marbut ma' l-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f'dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 mhuwiex invalidu minħabba abbuż ta' setgħa.

Fuq ir-risposta għat-tieni domanda meħuda fl-intier tagħha

79      Ir-risposta għat-tieni domanda meħuda fl-intier tagħha għandha tkun li, mill-eżami ta' din id-domanda, ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jista' jaffettwa l-validita ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37.

 Fuq l-ewwel domanda

80      Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 28 KE u 29 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

81      Għandu jiġi mfakkar li miżura nazzjonali li tittieħed f'qasam li kien is-suġġett ta' armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' din il-miżura ta' armonizzazzjoni mhux tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (ara s-sentenzi tat-12 ta' Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, Ġabra, p. I-4947, punt 9, u tat-13 ta' Diċembru 2001, DaimlerChrysler, Ġabra p. I-9897, punt 32).

82      Peress li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali hija kwistjoni rregolata b'mod armonizzat fil-livell Komunitarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni li, billi tittrasponi validament il-leġiżlazzjoni Komunitarja, tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-prodotti, tista', għaldaqstant, tiġi evalwata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni Komunitarja u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 28 KE u 29 KE.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, meta miżura nazzjonali tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, mhuwiex meħtieġ li jiġi vverifikat, separatament, jekk din il-miżura hijiex konformi ma' l-Artikoli 28 KE u 29 KE.

 Fuq it-tielet domanda

84      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, mhuwiex validu, il-prinċipji ta' non diskriminazzjoni, ta' proporzjonalità u ta' protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà għandhomx ikunu interpretati bħala li jipprekludu miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

85      Peress li, kif ġie indikat fil-punt 79 ta' din is-sentenza, mill-eżami tat-tieni domanda ma rriżulta ebda element ta' natura tali li jista' jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, m'hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

 Fuq l-ispejjeż

86      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Mill-eżami tad-domanda magħmula, ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jista' jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/37/KE, tal-5 ta' Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk.

2)      Meta miżura nazzjonali tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, mhuwiex meħtieġ li jiġi vverfikat, separatament, jekk din il-miżura nazzjonali hijiex konformi ma' l-Artikoli 28 KE u 29 KE.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.