Language of document : ECLI:EU:C:2005:92

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta' Frar 2005 (*)

"Sitt Direttiva VAT – Eżenzjoni tal-logħob ta' l-azzard – Iffissar tal-kundizzjonijiet u l-limiti ta' l-eżenzjoni – Suġġettar tal-logħob organizzat barra mill-każinò pubbliċi – Osservanza tal-prinċipju ta' newtralità fiskali – Artikolu 13B(f) – Effett dirett"

Fil-kawżi magħquda C-453/02 u C-462/02

li għandhom bħala suġġett domandi għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjonijiet tas-6 ta' Novembru 2002, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit-13 u t-23 ta' Diċembru 2002, fil-proċedimenti

Finanzamt Gladbeck

vs

Edith Linneweber (C-453/02)

u

Finanzamt Herne-West

vs

Savvas Akritidis (C-462/02),

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann u R. Schintgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

 

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta' Mejju 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati

-      għal E. Linneweber, minn M. Nettesheim, Rechtsanwalt,

-      għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent, assistit minn D. Sellner, Rechtsanwalt,

-      għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u K. Gross, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, Rechtsanwalt,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Id-domandi għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Dawn id-domandi ġew ippreżentati fil-kuntest ta' kawżi bejn, minn naħa, il-Finanzamt Gladbeck u E. Linneweber, fil-kwalita' tagħha ta' eredi universali ta' żewġha li miet fl-1999, u min-naħa l-oħra, il-Finanzamt Herne-West u S. Akritidis rigward il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") fuq id-dħul mill-operazzjoni ta' logħob ta' l-azzard.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li jikkostitwixxi t-Titolu II ta' din, intitolat "Applikazzjoni", jipprovdi:

"Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]"

4       Skond l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT:

"imħatri, lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob, soġġetti għall-kundizzjonijiet u għal-limitazzjonijet [limiti] imfasslin minn kull Stat Membru".

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       L-Artikolu 1(1) ta' l-Umsatzsteuergesetz 1993 (liġi ta' l-1993 dwar it-taxxa fuq fatturat, BGBI. 1993 I, p. 565, iktar 'il quddiem l-"UStG") jissuġġetta għall-VAT l-operazzjonjiet magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn imprenditur fil-kuntest ta' l-attività tiegħu.

6       Skond l-Artikolu 4(9)(b) tal-UStG, il-fatturat li jaqa' taħt il-liġi dwar l-imħatri u l-lotteriji, kif ukoll il-fatturat tal-każinò pubbliċi li għandhom liċenzja, li jirriżulta mill-operazzjoni ta' dawn il-każinò huma eżenti mill-VAT.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-kawża C-453/02

7       E. Linneweber hija l-eredi universali ta' żewġha li miet fl-1999. Dan ta' l-aħħar kellu awtorizzazzjoni amministrattiva sabiex jipprovdi lill-pubbliku, bi ħlas, magni għal-logħob u magni għal-logħob tad-divertiment fil-kafeteriji kif ukoll fis-swali tal-logħob li huwa kellu. E. Linneweber u r-raġel tagħha ddikjaraw id-dħul mill-operazzjoni ta' l-imsemmija apparati għas-snin finanzjarji 1997 u 1998 bħala mhux suġġett għall-VAT, minħabba li d-dħul mill-operazzjoni ta' magni għal-logħob mill-każinò awtorizzati huwa eżenti minn din it-taxxa.

8       Il-Finanzamt Gladbeck qies, min-naħa l-oħra, li d-dħul in kwistjoni ma kienx eżenti taħt l-Artikolu 4(9)(b) ta' l-UStG, għaliex ma kienx suġġett għat-taxxa fuq l-imħatri, it-tiġrijiet u l-lotteriji u ma kienx ġej mill-operazzjoni ta' każinò pubbliku awtorizzat.

9       Il-Finanzgericht Münster, li quddiemu ġiet imressqa l-kawża, laqa' r-rikors imressaq minn E. Linneweber, għar-raġuni li, b'analoġija ma' dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal-11 ta' Ġunju 1998, Fischer (C-283/95, Ġabra p. I-3369), id-dħul li ġej minn magni għal-logħob għandu jkun eżenti mill-VAT skond l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, fil-punt 28 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prinċipju ta' newtralità fiskali jipprekludi, fil-qasam ta' ġbir tal-VAT, distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet leċiti u t-tranżazzjonijiet illeċiti.

10     Sabiex isostni r-rikors tiegħu għal "Reviżjoni", imressaq quddiem il-Bundesfinanzhof, il-Finanzamt Gladbeck sostna li l-ġugati u l-possibbiltajiet ta' rebħ huma ħafna ogħla fil-każ ta' apparati installati fil-każinò milli fil-każ ta' l-apparati operati barra minn dawn l-istabbilimenti. Għaldaqstant, bil-kontra ta' dak li ammetta l-Finanzgericht Münster, ma teżistix kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta' apparati.

11     Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva, il-Bundesfinanzhof iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat […] fis-sens li Stat Membru ma jistax jissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud l-organizzazzjoni ta' logħob ta' l-azzard jew ta' flus meta l-organizzazzjoni ta' tali logħob minn każinò pubbliku awtorizzat hija eżenti?

2)      L-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva […] jipprojbixxi lil Stat Membru milli jissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud l-operazzjoni ta' magni tal-logħob għar-raġuni biss li, f'każinò pubbliku awtorizzat, tali operazzjoni hija eżenti jew għandu wkoll jiġi stabbilit li l-magni tal-logħob operati barra mill-każinò huma komparabbli fuq punti essenzjali, bħal per eżempju l-ġugata massima u r-rebħ massimu, ma' dawk operati fil-każinò?

3)      Min jinstalla l-apparati jista' jinvoka l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3B(f) tas-Sitt Direttiva […]?"

 Il-kawża C-462/02

12     Hekk kif jirriżulta mill-inkartament mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, S. Akritidis opera, bejn l-1987 u l-1991, sala tal-logħob f'Herne-Eickel. Hemmhekk huwa kien jorganizza logħob tar-roulette kif ukoll logħob tal-karti. Skond l-awtorizzazzjoni li huwa kellu, dan il-logħob kellu jiġi pprattikat b'osservanza tar-regoli definiti skond ċertifikat ta' approvazzjoni ("Unbedenklichkeitsbescheinigung") maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti.

13     Bejn l-1989 u l-1991, S. Akritidis ma osservax ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti, kemm fir-rigward tal-logħob tar-roulette kif ukoll fir-rigward tal-logħob tal-karti. Għaldaqstant, b'mod partikolari, huma ma użax il-bord tal-logħob, ma rrispettax l-ammont massimu tal-ġugati u ma żammx reġistru tal-fatturat mill-operazzjoni tal-logħob in kwistjoni.

14     Il-Finanzamt Herne-West evalwa l-fatturat għall-imsemmi perijodu billi ħa in kunsiderazzjoni d-dħul illeċitu mill-organizzazzjoni tal-logħob tar-roulette u tal-karti. Wara oġġezzjoni ta' S. Akritidis u fid-dawl tas-sentenza Fischer, iċċitata iktar 'il fuq, il-Finanzamt Herne-West iddeċieda li ma jissuġġettax id-dħul mil-logħob tar-roulette għall-VAT. Madankollu huwa ddeċieda li jikkunsidra l-logħob tal-karti organizzat b'mod illeċitu bħala taxxabbli u stabbilixxa b'mod fiss il-fatturat li għandu x'jaqsam ma' l-organizzazzjoni ta' dan il-logħob.

15     S. Akritidis ressaq rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Münster. Din il-qorti ddeċidiet li, skond il-prinċipji indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Fischer, iċċitata iktar 'il fuq, il-logħob tal-karti in kwistjoni kellu, skond l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva, jiġi eżenti mill-VAT. Barra minn hekk hija qieset li S. Akritidis seta' jinvoka direttament l-imsemmija dispożizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali. M'hemm l-ebda raġuni għalfejn l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza għandhom jiġu limitati għal-logħob tar-roulette.

16     B'sostenn għar-rikors tiegħu għal "Reviżjoni" imressaq quddiem il-Bundesfinanzhof, il-Finanzamt Herne-West sostna li l-prinċipji li rrefera għalihom il-Finanzgericht Münster ma jistgħux jiġu trasposti għal-logħob tal-karti fil-kawża in kwistjoni. F'dan il-każ, b'differenza għal-logħob in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Fischer, iċċitata iktar 'il fuq, m'hemm ebda kompetizzjoni bejn il-logħob tal-karti organizzat minn S. Akritidis u dak organizzat mill-każinò, peress illi dan il-logħob mhux verament komparabbli. S. Akritidis, min-naħa tiegħu, isostni li l-logħob tal-karti hekk kif kien intlagħab fl-istabbilimenti tiegħu jikkorrispondi għal "black jack" li jintlagħab fil-każinò pubbliċi awtorizzati.

17     Peress li qies li s-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemu teħtieġ l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva, il-Bundesfinanzhof iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva […] jipprojbixxi lil Stat Membru milli jissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud l-organizzazzjoni ta' logħob tal-karti meta l-organizzazzjoni ta' logħob bħal dan minn każinò pubbliku awtorizzat hija eżenti jew għandu jiġi stabbilit ukoll li l-logħob tal-karti organizzat barra mill-każinò huwa komparabbli, fuq punti essenzjali, bħar-regoli tal-logħob, il-ġugata massima u r-rebħ massimu, ma' dak organizzat fil-każinò?

2)      L-organizzatur jista' jinvoka l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva […]?"

18     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Frar 2003, il-kawżi C-453/02 u C-462/02 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-kawża C-453/02

19     B'mod preliminari, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 4(9)(b) tal-UStG jeżenta mill-VAT il-fatturat magħmul mill-każinò pubbliċi awtorizzati permezz ta' logħob jew apparati għal-logħob ta' l-azzard mingħajr ma jispeċifika l-forma jew il-metodi ta' organizzazzjoni u ta' operazzjoni ta' l-imsemmija logħob u apparati.

20     Min-naħa l-oħra, hekk kif il-Bundesfinanzhof ippreċiża fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-każinò pubbliċi awtorizzati m'huma suġġetti għal ebda limitazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-logħob u l-apparati għal-logħob ta' l-azzard li huma jistgħu joperaw.

21     B'hekk, il-logħob u l-apparati għal-logħob ta' l-azzard bħal dawk fil-kawża prinċipali in kwistjoni jistgħu, indipendentement mill-metodi li skondhom il-logħob ġie organizzat, jiġu operati mill-każinò pubbliċi awtorizzati, mingħajr ma l-fatturat li dawn jiġġeneraw mill-operazzjoni ta' l-imsemmi logħob jiġi suġġett għall-VAT.

22     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda fil-kawża C-453/02 għandha tinftiehem bħala waħda li tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-operazzjoni tal-logħob u ta' l-apparati għal-logħob ta' l-azzard kollha hija eżenti mill-VAT meta dan isir f'każinò pubbliċi awtorizzati, filwaqt li l-eżerċizzju ta' din l-istess attività minn operaturi għajr milli l-operaturi ta' każinò ma jibbenefikax minn din l-eżenzjoni.

23     Sabiex tingħata risposta għad-domanda hekk riformulata, għandu jiġi mfakkar li mill-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li l-operazzjoni tal-logħob u ta' l-apparati għal-logħob ta' l-azzard għandha tiġi eżenti, bħala regola ġenerali, mill-VAT, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu madankollu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti ta' din l-eżenzjoni (sentenza Fischer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25)

24     Madankollu, fl-eżerċizzju ta' din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' newtralità fiskali. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jipprekludi, partikolarment, li merkanzija jew provvista ta' servizzi simili, li għaldaqstant jinsabu f'kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b'mod differenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-VAT, b'tali mod li l-imsemmija merkanzija jew l-imsemmija provvista għandhom jiġu suġġetti għal rata uniformi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Ottubru 2001, Adam, C-267/99, Ġabra p. I-7467, punt 36, u tat-23 ta' Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20).

25     Issa, minn din il-ġurisprudenza, kif ukoll mis-sentenzi tas-7 ta' Settembru 1999, Gregg (C-216/97, Ġabra p. I-4947, punt 20) u Fischer, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk prodotti jew provvista ta' servizzi humiex simili, l-identità tal-produttur jew tal-fornitur ta' servizzi u l-forma ġuridika taħt liema dawn jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom huma, bħala regola ġenerali, irrilevanti.

26     Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xebh bejn l-attivitajiet in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Fischer, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat biss il-komparabbiltà ta' l-attivitajiet in kwistjoni u ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-argument li, fir-rigward tal-prinċipju ta' newtralità fiskali, il-logħob ta' l-azzard jiddistingwi ruħu bis-sempliċi fatt li huwa organizzat minn jew fil-każinò pubbliċi awtorizzati.

27     Għaldaqstant, fil-punt 31 tas-sentenza tagħha Fischer, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva jipprekludi li Stat Membru jissuġġetta għall-VAT l-operazzjoni illegali ta' logħob ta' l-azzard organizzat barra minn każinò pubbliku awtorizzat, filwaqt li l-operazzjoni ta' l-istess logħob ta' l-azzard minn tali stabbiliment jibbenefika minn eżenzjoni.

28     Issa, peress li l-identità ta' l-operatur ta' logħob ta' l-azzard mhijiex rilevanti meta jrid jiġi stabbilit jekk l-organizzazzjoni illeċita ta' l-imsemmi logħob għandhiex titqies bħala f'kompetizzjoni ma' l-organizzazzjoni leċita ta' l-istess logħob, a fortiori, għandu jkun l-istess meta jrid jiġi stabbilit jekk żewġ logħbiet jew apparati għal-logħob ta' l-azzard operati legalment għandhomx jitqiesu bħala f'kompetizzjoni bejniethom.

29     Minn dan jirriżulta li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mill-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri l-iffissar tal-kundizzjonijiet u limiti li fihom l-operazzjoni ta' logħob u ta' apparati għal-logħob ta' l-azzard tista' tibbenefika minn eżenzjoni tal-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux validament jissuġġettaw il-benefiċċju ta' l-imsemmija eżenzjoni għall-identità ta' l-operatur ta' l-imsemmija logħob u apparati.

30     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa fil-kawża C-453/02 għandha tkun li l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-operazzjoni tal-logħob u ta' l-apparati għal-logħob ta' l-azzard kollha hija eżenti mill-VAT meta din issir fil-każinò pubbliċi awtorizzati, filwaqt li l-eżerċizzju ta' din l-istess attività minn operaturi għajr milli l-operaturi ta' tali każinò ma jibbenefikax minn din l-eżenzjoni.

 Fuq it-tieni domanda fil-kawża C-453/02 u l-ewwel domanda fil-kawża C-462/02

31     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda fil-kawża C-453/02, m'hemmx lok li tingħata risposta la għat-tieni domanda f'din l-istess kawża u lanqas għall-ewwel domanda fil-kawża C-462/02.

 Fuq it-tielet domanda fil-kawża C-453/02 u t-tieni domanda fil-kawża C-462/02

32     B'dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva għandux effett dirett, fis-sens li jista' jiġi invokat minn operatur ta' logħob jew ta' apparati għal-logħob ta' l-azzard quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li mhumiex kompatibbli ma' din id-dispożizzjoni.

33     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta' direttiva jidhru bħala li huma, mil-lat tal-kontenut tagħhom, bla kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta' miżuri ta' implementazzjoni adottati fit-termini previsti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li mhijiex konformi mad-Direttiva, jew ukoll safejn huma jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jsostnu, kontra l-Istat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 25; ta' l-10 ta' Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I-6833, punt 51, u ta' l-20 ta' Mejju 2003 Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I-4989, punt 98).

34     Fir-rigward, aktar preċiżament, ta' l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, minkejja li din id-dispożizzjoni mingħajr dubju tagħti marġni ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' xi wħud mill-eżenzjonijiet li hija tipprovdi, jibqa' l-fatt li Stat Membru ma jistax jipprekludi lil kontribwent li huwa kapaċi jipprova li s-sitwazzjoni fiskali tiegħu effettivament taqa' taħt waħda mill-kategoriji ta' eżenzjoni msemmija mis-Sitt Direttiva l-fatt li dan l-Istat ma adottax id-dispożizzjonijiet intiżi, preċiżament, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta' din l-istess eżenzjoni (is-sentenza Becker, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

35     Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva jafferma mill-ġdid l-eżistenza ta' din il-marġni ta' diskrezzjoni ta' l-Istati Membri, billi jispeċifika li huma għandhom il-kompetenza li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti ta' l-eżenzjoni li jibbenefikaw minnha l-logħob ta' l-azzard u tal-flus, ma jpoġġix fid-dubju din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, peress li dan il-logħob huwa, bħala regola ġenerali, eżenti mill-VAT, kull operatur ta' dan il-logħob jista' jinvoka direttament l-imsemmija eżenzjoni meta l-Istat Membru kkonċernat irrinunzja milli jeżerċita l-kompetenzi mogħtija lilu espliċitament mill-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva jew naqas milli jeżerċita tali kompetenzi.

36     Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li dak li huwa applikabbli għall-każ fejn Stat Membru ma eżerċitax il-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva għandu jgħodd a fortiori għall-każ meta fl-eżerċizzju ta' l-imsemmija kompetenzi, Stat Membru adotta dispożizzjonijiet nazzjonali li mhumiex kompatibbli ma' din id-Direttiva.

37     Minn dan jirriżulta li, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, meta, bħal fil-kawżi prinċipali, il-kundizzjonijiet jew il-limiti li għalihom Stat Membru jissuġġetta l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni mill-VAT għal-logħob ta' l-azzard jew tal-flus huma kuntrarji għall-prinċipju ta' newtralità fiskali, l-imsemmi Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq tali kundizzjonijiet jew limiti sabiex jiċħad lil operatur ta' tali logħob l-eżenzjoni li dan jista' leġittament jitlob taħt is-Sitt Direttiva.

38     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda fil-kawża C-453/02 u għat-tieni domanda fil-kawża C-462/02 għandha tkun li l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva għandu effett dirett, fis-sens li jista' jiġi invokat minn operatur ta' logħob jew ta' apparati għal-logħob ta' l-azzard quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli ta' dritt nazzjonali li mhumiex kompatibbli ma' din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-effett ratione temporis ta' din is-sentenza

39     Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Ġermaniż invoka l-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali hija inkompatibbli mas-Sitt Direttiva, li tillimita l-effetti ratione temporis ta' din is-sentenza.

40     Sabiex isostni t-talba tiegħu, l-imsemmi Gvern, minn naħa, ġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-konsegwenzi finanzjarji dannużi li jkollha sentenza li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' dispożizzjoni bħal dik ta' l-Artikolu 4(9) ta' l-UStG mas-Sitt Direttiva. Min-naħa l-oħra, huwa sostna li l-aġir adottat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wara s-sentenza tal-5 ta' Mejju 1994, Glawe (C-38/93, Ġabra p. I-1679) kien wassal lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li l-Artikolu 4(9) ta' l-UStG kien konformi mas-Sitt Direttiva.

41     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta' regola ta' dritt Komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta' din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-waqt tad-dħul tagħha fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista' u għandha tiġi applikata mill-qorti anke għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, sakemm minbarra dan, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq quddiem il-qrati kompetenti kawża dwar l-applikazzjoni ta' l-imsemmija regola huma sodisfatti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Awwissu 1995, Roders et, C-367/93 sa C-377/93, Ġabra p. I-2229, punt 42, u tat-3 ta' Ottubru 2002, Barreira Pérez, C-347/00, Ġabra p. I-8191, punt 44).

42     Huwa biss eċċezzjonalment li l-Qorti tal-Ġustizzja tista', skond il-prinċipju ġenerali ta' ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, tiġi mwassla li tillimita l-possibbiltà għal kull min huwa kkonċernat li jinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex jikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti bona fede (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39, u Barreira Pérez, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45).

43     Rigward il-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-aġir tal-Kummissjoni wara s-sentenza Glawe, iċċitata iktar 'il fuq, ma jistax jiġi validament invokat b'sostenn għall-argument li l-Artikolu 4(9) tal-UStG seta' raġonevolement jitqies bħala konformi mas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet ittrattat biss l-iffissar tal-bażi taxxabbli tal-fatturat mill-operazzjoni ta' magni għal-logħob u bl-ebda mod ma kienet tirrigwarda d-differenza ta' trattament stabbilita b'mod ġenerali mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tal-VAT bejn il-każinò pubbliċi awtorizzati u l-operaturi l-oħra tal-logħob ta' l-azzard.

44     Għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minn sentenza mogħtija b'mod preliminari ma jiġġustifikawx, minnhom infushom, il-limitazzjoni ta' l-effetti ratione temporis ta' din is-sentenza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Roders et, punt 48, u Buchner et, punt 41).

45     Għaldaqstant, m'hemmx lok li l-effetti tal-kawża preżenti jiġu limitati ratione temporis.

 Fuq l-ispejjeż

46     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-operazzjoni tal-logħob u ta' l-apparati għal-logħob ta' l-azzard hija eżenti mill-VAT meta din issir fil-każinò pubbliċi awtorizzati, filwaqt li l-eżerċizzju ta' din l-istess attività minn operaturi għajr milli l-operaturi ta' tali każinò ma jibbenefikax minn din l-eżenzjoni.

2)      L-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva Nru 77/388 għandu effett dirett, fis-sens li jista' jiġi invokat minn operatur ta' logħob jew ta' apparati għal-logħob ta' l-azzard quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli ta' dritt nazzjonali li mhumiex kompatibbli ma' din id-dispożizzjoni.


Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.