Language of document : ECLI:EU:C:2006:458

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta' Lulju 2006 (*)

"Konvenzjoni ta' Brussell – Artikolu 6(1) – Numru ta' konvenuti – Kompetenza tal-qorti ta' domiċilju ta' wieħed mill-konvenuti – Kawża dwar ksur ta' privattiva Ewropea – Konvenuti stabbiliti fi Stati Kontraenti differenti – Atti ta' ksur imwettqa f'diversi Stati Kontraenti"

Fil-kawża C-539/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond il-Protokoll tat-3 ta' Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (L-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta' Diċembru 2003, fil-proċedura

Roche Nederland BV et

vs

Frederick Primus,

Milton Goldenberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, K. Schiemann, K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Jannar 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Roche Nederland BV et, minn P. A. M. Hendrick, O. Brouwer, B. J. Berghuis u K. Schillemans, advocaten,

–       għal Frederick Primus u Milton Goldenberg, minn W. Hoyng, advocaat,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u J. G. M. van Bakel, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent, assistita minn M. Tappin, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p.32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1 et – test immodifikat – p. 77), bil-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), bil-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u bil-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Brussell").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn, minn naħa, Roche Nederland BV u tmien kumpanniji oħra tal-Grupp Roche u, min-naħa l-oħra, Frederick Primus u Milton Goldenberg dwar il-ksur, allegat minn dawn ta' l-aħħar, tad-drittijiet li huma jgawdu minn privattiva Ewropea li tagħha huma l-proprjetarji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta' Brussell

3       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jinsab fit-Titolu II, li jirrigwarda r-regoli ta' ġurisdizzjoni, u fis-Sezzjoni I, intitolata "Dispożizzjonijiet Ġenerali", jipprovdi li:

"Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta' Stat Kontraenti għandhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija quddiem il-qrati ta' dak l-Istat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 ta' din l-istess konvenzjoni:

"Il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta' Stat Kontraenti ma jistgħux jiġu mfittxija quddiem il-qrati ta' Stat Kontraenti ieħor jekk mhux skond ir-regoli stabbiliti fit-Sezzjonijiet 2 sa 6 ta' dan it-Titolu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jinsab fis-Sezzjoni 2 ta' l-imsemmi Titolu II, intitolata "Ġurisdizzjoni speċjali", jipprovdi li:

"[Il-konvenut iddomiċiljat fit-territorju ta' Stat Kontraenti] jista' jiġi mfittex ukoll:

1)      jekk ikun hemm diversi konvenuti, quddiem il-qorti tad-domiċilju ta' wieħed minnhom;

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jikkostitwixxi s-Sezzjoni 5 tat-Titolu II tagħha, intitolata "Ġurisdizzjoni esklużiva", jipprovdi li:

"Irrispettivament mid-domiċilju, għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva:

[…]

4)      fi proċedimenti li għandhom x'jaqsmu ma' reġistrazzjoni jew ma' validità ta' privattivi, trade marks, disinnji jew mudelli, jew ta' drittijiet analogi oħra li jeħtieġ li jkunu ddepożitati jew irreġistrati, il-qrati ta' l-Istat Kontraenti li fit-territorju tiegħu tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew għar-reġistrazzjoni, jew li fit-territorju tiegħu jkunu saru jew, skond it-termini ta' konvenzjoni internazzjonali, ikunu meqjusa li saru, id-depożitu jew ir-reġistrazzjoni;

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Artikolu V(d) tal-Protokoll anness mal-Konvenzjoni ta' Brussell, li, skond l-Artikolu 65 ta' din ta' l-aħħar, huwa parti integrali mill-imsemmija konvenzjoni, jippreċiża li:

"Bla ħsara għall-ġurisdizzjoni ta' l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi taħt il-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta' Privattivi Ewropej, iffirmata fi Munich fil-5 ta' Ottubru 1973, il-qrati ta' kull Stat Kontraenti għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, irrispettivament mid-domiċilju, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta' privattiva Ewropea mogħtiha għal dak l-Istat u li mhix privattiva Komunitarja fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 86 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea għas-Suq Komuni, iffirmata fil-Lussemburgu fil-15 ta' Diċembru 1975." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       L-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jinsab fis-Sezzjoni 8, intitolata "Lis alibi pendens u konnessjoni ta' kawżi" tat-Titolu II ta' din il-konvenzjoni, jipprovdi li, meta kawżi konnessi jitressqu quddiem qrati fi Stati Kontraenti differenti u jkunu pendenti fl-ewwel istanza, il-qorti li quddiemha ma tkunx tressqet l-ewwel il-kawża tista' tissospendi l-proċedimenti quddiemha jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiddikjara ruħha inkompetenti. Skond it-tielet paragrafu ta' din id-dispożizzjoni:

"Għall-iskopijiet ta' dan l-artikolu, għandhom jitqiesu bħala konnessi dawk il-kawżi li jkunu relatati tant mill-qrib illi jkun jaqbel illi jiġu ttrattati u deċiżi fl-istess ħin sabiex jiġi evitat li jingħataw sentenzi potenzjalment irrikonċiljabbli kif jista' jkun il-każ jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Skond l-Artikolu 27(3) ta' din il-konvenzjoni, li jinsab fit-Titolu III, li jikkonċerna r-regoli ta' rikonoxximent u ta' eżekuzzjoni, u fis-Sezzjoni 1, intitolata "Rikonoxximent", is-sentenzi ma jkunux rikonoxxibbli jekk "is-sentenza ma tkunx rikonċiljabbli ma' sentenza mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-konvenzjoni ta' Munich

10     Il-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta' Privattivi Ewropej, iffirmata fi Munich fil-5 ta' Ottubru 1973 (aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Munich"), tistabbilixxi, kif jingħad fl-Artikolu 1 tagħha, "dritt komuni għall-Istati Kontraenti fil-qasam ta' l-għoti ta' privattivi għal invenzjoni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11     Minbarra regoli komuni dwar l-għoti ta' privattiva, privattiva Ewropea tibqa' rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tiegħu tkun inħarġet il-privattiva. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta' Munich jipprovdi li:

"Il-privattiva Ewropea, f'kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat, għandha l-istess effetti u hija suġġetta għall-istess sistema bħal privattiva nazzjonali mogħtija f'dak l-Istat […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12     Fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetarju ta' privattiva Ewropea, l-Artikolu 64(1) u (3) ta' l-imsemmija konvenzjoni jipprovdi li:

"(1)      […] il-privattiva Ewropea tikkonferixxi lill-proprjetarju tagħha, b'effett mill-jum tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż ta' l-għoti tagħha u f'kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat, l-istess drittijiet li tikkonferixxilu privattiva nazzjonali mogħtija f'dan l-Istat.

[…]

(3)      Kull ksur tal-privattiva Ewropea għandu jiġi ttrattat skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     Frederick Primus u Miltos Goldenberg, iddomiċiljati fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, huma l-proprjetarji tal-privattiva Ewropea Nru 131 627.

14     Fl-24 ta' Marzu 1997 huma ressqu quddiem ir-Rechtbank ta' s’-Gravenhage lil Roche Nederland BV, kumpannija stabbilita fl-Olanda, kif ukoll lil tmien kumpanniji oħra tal-Grupp Roche, stabbiliti rispettivament fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fir-Renju Unit, fl-Iżvizzera, fl-Awstrija u fl-Iżvezja (aktar 'il quddiem "Roche et"). Ir-rikorrenti akkużaw lil dawn il-kumpanniji bl-istess ksur tad-drittijiet li huma jgawdu permezz tal-privattiva li tagħha huma proprjetarji. Dan l-allegat ksur jikkonsisti fit-tqegħid fis-suq, fil-pajjiżi fejn il-kumpanniji konvenuti huma stabbiliti, ta' preparazzjonijiet ta' dożaġġ immunoloġiku.

15     Il-kumpanniji tal-Grupp Roche li mhumiex stabbiliti fl-Olanda kkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża. Fir-rigward tal-mertu, huma bbażaw ruħhom fuq in-nuqqas ta' ksur u fuq in-nullità tal-privattiva in kwistjoni.

16     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Ottubru 1997, ir-Rechtbank te s’-Gravenhage ddikjarat ruħha kompetenti u ċaħdet it-talbiet ta' Frederick Primus u Milton Goldenberg. Fl-appell, il-Gerechtshof te s’-Gravenhage, permezz ta' sentenza tas-27 ta' Ġunju 2002, irriformat l-imsemmija deċiżjoni u, b'mod partikolari, ipprojbixxiet lil Roche et milli jiksru d-drittijiet marbutin mal-privattiva in kwistjoni fil-pajjiżi kollha koperti minn din il-privattiva.

17     Il-Hoge Raad, li quddiemha tressaq appell fuq punt ta' liġi, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Teżisti konnessjoni, kif mitlub mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, bejn il-kawżi dwar ksur ta' privattiva mressqa minn proprjetarju ta' privattiva Ewropea kontra, minn naħa, konvenut stabbilit fl-Istat ta' fejn tinsab il-qorti li quddiemu tressqu l-kawżi u, min-naħa l-oħra, diversi konvenuti stabbiliti fi Stati Kontraenti differenti mill-Istat fejn tinsab din il-qorti, li fihom il-proprjetarju tal-privattiva jallega li l-konvenuti, f'wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti, kisru din il-privattiva?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda ma tkunx fl-affermattiv jew ma tkunx kompletament fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet ikun hemm konnessjoni bħal din, u huwa ta' importanza, per eżempju, f'dan il-kuntest

–       li l-konvenuti jappartjenu lill-istess u uniku grupp?

–       li l-konvenuti adottaw pożizzjoni komuni abbażi ta' politika komuni u, jekk dan ikun il-każ, il-post fejn ġiet elaborata din il-politika komuni huwa ta' importanza?

–       li l-allegati atti ta' ksur tad-diversi konvenuti huma l-istess jew kważi l-istess?"

 Fuq id-domandi preliminari

18     Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż sabiex jiġi applikat fil-kuntest ta' kawżi dwar ksur ta' privattiva Ewropea mressqa kontra diversi kumpanniji, stabbiliti fi Stati Kontraenti differenti, fir-rigward ta' fatti li allegatament seħħew fit-territorju ta' wieħed jew aktar minn dawn l-Istati, b'mod partikolari jekk jirriżulta li l-imsemmija kumpanniji, li jappartjenu lill-istess grupp, kienu aġġixxew b'mod identiku jew simili in konformità ma' politika komuni li kienet elaborata minn kumpannija waħda fosthom.

19     B'deroga għar-regola prinċipali stabbilita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li tipprovdi li l-konvenut iddomiċiljat fi Stat Kontraenti għandu jiġi mfittex quddiem il-qrati ta' dan l-Istat, l-Artikolu 6(1) ta' l-imsemmija konvenzjoni jippermetti li, fil-każ fejn ikun hemm diversi konvenuti, konvenut iddomiċiljat fi Stat Kontraenti jiġi mfittex fi Stat Kontraenti ieħor fejn ikun iddomiċiljat wieħed mill-konvenuti.

20     Fis-sentenza tas-27 ta' Settembru 1988, Kalfelis (189/87, Ġabra p. 5565, punt 12), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, sabiex jiġi applikat l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell jeħtieġ li bejn id-diversi kawżi mressqa mill-istess rikorrenti kontra konvenuti differenti tkun teżisti konnessjoni li toħloq interess li dawn il-kawżi jiġu ttrattati u deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat li jingħataw sentenzi potenzjalment irrikonċiljabbli kif jista' jkun il-każ li kieku l-kawżi jiġu deċiżi separatament.

21     Ir-rekwiżit ta' konnessjoni ma jirriżultax mill-kliem ta' l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell. Kienet il-Qorti tal-Ġustizzja li ħarġet dan ir-rekwiżit minn dan it-test sabiex tevita li l-eċċezzjoni għall-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta' l-Istat fejn ikun iddomiċiljat il-konvenut, prevista f'din id-dispożizzjoni, ma twassalx li jinħoloq dubju dwar l-eżistenza stess ta' dan il-prinċipju (sentenza Kalfelis, iċċitata aktar 'il fuq, punt 8). Dan ir-rekwiżit kien ġie sussegwentament ikkonfermat fis-sentenza tas-27 ta' Ottubru 1998, Réunion européenne et (C-51/97, Ġabra p. I-6511, punt 48), u kien aċċettat b'mod espress fil-formulazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta' Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1), li ħa post il-Konvenzjoni ta' Brussell.

22     Il-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kalfelis, iċċitata aktar 'il fuq, tadotta t-termini ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Brussell li tipprovdi li huma konnessi dawk il-kawżi li jkunu relatati tant mill-qrib illi jkun jaqbel illi jiġu ttrattati u deċiżi fl-istess ħin sabiex jiġi evitat li jingħataw sentenzi potenzjalment irrikonċiljabbli kif jista' jkun il-każ jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament. L-imsemmi Artikolu 22 kien ġie interpretat fis-sentenza tas-6 ta' Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, Ġabra p. I-5439, punt 58), fis-sens li sabiex ikun hemm konnessjoni bejn żewġ kawżi huwa biżżejjed li jkun hemm ir-riskju li jinħolqu konsegwenzi ġuridiċi li jeskludu lil xulxin li kieku t-trattazzjoni u l-għoti tas-sentenza tagħhom kellhom isiru b'mod separat.

23     Il-portata mogħtija lill-kunċett ta' sentenzi "irrikonċiljabbli" fil-kuntest ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Brussell fis-sentenza Tatry, iċċitata aktar 'il fuq, hija għalhekk aktar wiesgħa minn dik li kienet ingħatat lill-istess kunċett fis-sentenza ta' l-4 ta' Frar 1988, Hoffman, (145/86, Ġabra p. 645, punt 22), fil-kuntest ta' l-Artikolu 27(3) ta' l-imsemmija konvenzjoni li tipprovdi li deċiżjoni mogħtija fi Stat Kontraenti m'għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk din tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat fejn ikun intalab ir-rikonoxximent. Fis-sentenza Hoffman, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt iddeċidiet li, sabiex jiġi stabbilit jekk żewġ deċiżjonijiet humiex irrikonċiljabbli fis-sens ta' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, huwa meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk id-deċiżjonijiet in kwistjoni jinvolvux konsegwenzi ġuridiċi li jeskludu lil xulxin.

24     Frederick Primus u Milton Goldenberg, kif ukoll il-Gvern Olandiż, isostnu li l-interpretazzjoni wiesgħa ta' l-aġġettiv "irrikonċiljabbli", fis-sens ta' sentenzi kontradittorji, mogħtija fis-sentenza Tatry, iċċitata aktar 'il fuq, fil-kuntest ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, għandha tiġi applikata fil-kuntest ta' l-Artikolu 6(1) ta' l-imsemmija konvenzjoni. Għall-kuntrarju, Roche et, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, li għall-argumenti tagħhom irrefera l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, isostnu li din it-traspożizzjoni mhijiex ammissibbli fid-dawl tad-differenzi bejn l-għan u l-pożizzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet in kwistjoni fl-iskema tal-Konvenzjoni ta' Brussell u li għandha tiġi ppreferita interpretazzjoni aktar stretta.

25     Madankollu, fil-kuntest ta' din il-kawża, ma jidhirx li huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk wieħed jippresupponi li l-kunċett ta' deċiżjonijiet "irrikonċiljabbli" għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandu jiġi inkluż fit-tifsira wiesgħa ta' deċiżjonijiet kontradittorji, ma jeżisti l-ebda riskju li deċiżjonijiet bħal dawn jingħataw fit-tmiem ta' kawżi dwar ksur ta' privattiva Ewropea mibdija fi Stati Kontraenti differenti kontra diversi konvenuti ddomiċiljati fit-territorju ta' dawn l-Istati fir-rigward ta' fatti li allegatament seħħew fit-territorju tagħhom.

26     Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex deċiżjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu bħala kontradittorji mhux biżżejjed li tkun teżisti differenza fil-mod kif tiġi konkluża l-kawża iżda huwa meħtieġ ukoll li din id-differenza tkun irriżultat mill-istess sitwazzjoni ta' fatt u ta' dritt.

27     Issa, fl-eventwalità msemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, jiġifieri fil-każ ta' kawżi dwar ksur ta' privattiva Ewropea mressqa kontra diversi kumpanniji, stabbiliti fi Stati Kontraenti differenti, fir-rigward ta' fatti li allegatament seħħew fit-territorju ta' wieħed jew aktar minn dawn l-Istati, wieħed ma jistax jikkonkludi li teżisti l-istess sitwazzjoni ta' fatti minħabba li l-konvenuti huma differenti u minħabba li l-atti ta' ksur li bihom huma akkużati, imwettqa fi Stat Kontraenti differenti, mhumiex l-istess.

28     L-eventwali differenzi bejn id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati in kwistjoni ma jirriżultawx mill-istess sitwazzjoni ta' fatti.

29     Barra minn hekk, minkejja li l-Konvenzjoni ta' Munich tipprovdi regoli komuni fir-rigward ta' l-għoti ta' privattiva Ewropea, mill-Artikolu 2(2) u mill-Artikolu 64(1) ta' din il-konvenzjoni jirriżulta b'mod ċar li privattiva bħal din tibqa' rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' kull wieħed mill-Istati Kontraenti li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat.

30     B'mod partikolari, mill-Artikolu 64(3) tal-Konvenzjoni ta' Munich jirriżulta li kull kawża dwar ksur ta' privattiva Ewropea għandha, f'kull wieħed mill-Istati li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat, tiġi ttrattata skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola dan il-qasam li tkun fis-seħħ.

31     Minn dan isegwi li, meta diversi qrati ta' Stati Kontraenti differenti jkollhom quddiemhom kawżi dwar ksur ta' privattiva Ewropea mogħtija f'kull wieħed minn dawn l-Istati, mibdija kontra konvenuti ddomiċiljati f'dawn l-Istati fir-rigward ta' fatti li allegatament seħħew fit-territorju tagħhom, l-eventwali differenzi bejn id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati in kwistjoni ma jirriżultawx mill-istess sitwazzjoni ta' dritt.

32     Għaldaqstant, deċiżjonijiet potenzjalment differenti m'għandhomx jiġu kkwalifikati bħala kontradittorji.

33     F'dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk l-interpretazzjoni l-aktar wiesgħa tal-kunċett ta' deċiżjonijiet "irrikonċiljabbli", fis-sens ta' kontradittorji, jitqies bħala l-kriterju sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-konnessjoni meħtieġa sabiex jiġi applikat l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, għandu jiġi kkonstatat li konnessjoni bħal din ma tistax tiġi stabbilita bejn kawżi dwar ksur ta' l-istess privattiva Ewropea li kull waħda minnhom tkun imressqa kontra kumpannija stabbilita fi Stat Kontraenti differenti fir-rigward ta' fatti li din tkun allegatament wettqet fit-territorju ta' dan l-Istat.

34     Din il-konklużjoni lanqas m'għandha tiġi kkontestata fl-eventwalità msemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda preliminari tagħha, jiġifieri fil-każ li jirriżulta li l-kumpanniji konvenuti, li jappartjenu lill-istess grupp, ikunu aġixxew b'mod identiku jew simili skond politika komuni li tkun ġiet elaborata minn waħda fosthom b'tali mod li wieħed isib ruħu ffaċjat bl-istess sitwazzjoni ta' fatti.

35     Fil-fatt, dan ma jibdel xejn mill-fatt li wieħed mhux ħa jkun iffaċjat bl-istess sitwazzjoni ta' dritt (ara l-punti 29 u 30 ta' din is-sentenza, aktar 'il fuq) u li, għaldaqstant, anki f'eventwalità bħal din, ma jeżistix riskju ta' deċiżjonijiet kontradittorji.

36     Barra minn hekk, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta' ekonomija ta' proċedura jistgħu, ma' l-ewwel daqqa t'għajn, jidhru li jiffavorixxu t-tlaqqigħ ta' kawżi bħal dawn quddiem qorti waħda, għandu jiġi kkonstatat li, fl-istess ħin, il-vantaġġi li tlaqqigħ bħal dan iħalli fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma limitati u jwasslu għal riskji ġodda.

37     Kompetenza bbażata sempliċement fuq il-kriterji fattwali evokati mill-qorti tar-rinviju tista' twassal għal multiplikazzjoni tar-raġunijiet potenzjali li fuqhom tista' tkun ibbażata l-kompetenza u għalhekk tkun ta' natura li tolqot in-natura prevedibbli tar-regoli ta' kompetenza stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Brussell u konsegwentament iddgħajjef il-prinċipju ta' ċertezza legali li huwa l-bażi ta' din il-konvenzjoni (ara s-sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Besix, C-256/00, Ġabra p. I-1699, punti 24 sa 26, ta' l-1 ta' Marzu 2005, Owusu, C-281/02, Ġabra p. I-1383, punt 41, u s-sentenza tal-lum, GAT, C-4/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).

38     Din il-konsegwenza tkun aktar u aktar sinjifikattiva meta wieħed iqis li l-applikazzjoni tal-kriterji in kwistjoni tiftaħ għażla wiesgħa lir-rikorrenti u b'hekk tinkoraġġixxi l-prassi magħrufa bħala "forum shopping" li l-Konvenzjoni ta' Brussell hija intiża sabiex tevita u li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Kalfelis tagħha, xtaqet preċiżament tipprekludi (ara l-punt 9 ta' din is-sentenza).

39     Għandu jiġi osservat li l-verifika ta' jekk il-kriterji in kwistjoni humiex sodisfatti, li l-oneru tal-prova tagħhom taqa' fuq ir-rikorrenti, tobbliga lill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża sabiex tistħarreġ il-mertu tal-kawża qabel ma tkun tista' tistabbilixxi jekk hijiex kompetenti. Dan l-istħarriġ preliminari jista' joħloq spejjeż addizzjonali u dewmien fit-termini tal-proċedura fil-każ li l-imsemmija qorti, peress li ma ma tkunx tista' tikkonstata l-eżistenza ta' l-istess sitwazzjoni ta' fatti u, għaldaqstant, ta' konnessjoni suffiċjenti bejn il-kawżi, ikollha tikkonkludi li mhijiex kompetenti u fil-każ li jkun irid jiġi mressaq rikors ġdid quddiem qorti ta' Stat ieħor.

40     Fl-aħħar nett, jekk jiġi preżunt li l-qorti li quddiemha r-rikorrenti ressaq il-kawża tista' tikkonstata l-kompetenza tagħha abbażi tal-kriterji evokati mill-qorti tar-rinviju, it-tlaqqigħ tal-kawżi dwar ksur quddiem din il-qorti ma jistax jevita diżintegrazzjoni, ta' l-anqas parzjali, tal-proċedimenti fil-qasam ta' privattivi meta, b'mod inċidentali titqajjem, kif jiġri ta' spiss fil-prattika u kif ġara fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-validità tal-privattiva in kwistjoni. Fil-fatt, din il-kwistjoni, kemm jekk titqajjem bħala argument jew bħala eċċezzjoni, taqa' fil-kompetenza esklużiva prevista fl-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta' Brussell favur il-qrati ta' l-Istat Kontraenti li fit-territorju tiegħu jkunu saru jew ikunu meqjusa li saru d-depożitu jew ir-reġistrazzjoni (sentenza GAT, iċċitata aktar 'il fuq, punt 31). Din il-kompetenza esklużiva tal-qrati ta' l-Istat li jkun ta l-privattiva kienet ġiet ikkonfermata fil-qasam tal-privattiva Ewropea fl-Artikolu V(d) tal-Protokoll anness mal-Konvenzjoni ta' Brussell.

41     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax fil-kuntest ta' kawża dwar ksur ta' privattiva Ewropea mressqa kontra diversi kumpanniji, stabbiliti fi Stati Kontraenti differenti, fir-rigward ta' fatti li allegatament seħħew fit-territorju ta' wieħed jew aktar minn dawn l-Istati anki fl-eventwalità li jirriżulta li dawn il-kumpanniji, li jappartjenu lill-istess grupp, kienu aġixxew b'mod identiku jew simili skond politika komuni li kienet ġiet elaborata minn waħda minnhom.

 Fuq l-ispejjeż

42     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, kif l-aħħar emendata bil-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja, għandu jiġi interpretat fis-sens li mhuwiex applikabbli fil-kuntest ta' kawża dwar ksur ta' privattiva Ewropea mressqa kontra diversi kumpanniji, stabbiliti fi Stati Kontraenti differenti, fir-rigward ta' fatti li allegatament seħħew fit-territorju ta' wieħed jew aktar minn dawn l-Istati, anki fl-eventwalità li jirriżulta li dawn il-kumpanniji, li jappartjenu lill-istess grupp, kienu aġixxew b'mod identiku jew simili skond politika komuni li kienet ġiet elaborata minn waħda minnhom.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.