Language of document : ECLI:EU:C:2006:494

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta' Lulju 2006 (*)

"Appell – Trade mark Komunitarja – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Probabbiltà ta' konfużjoni – Trade mark verbali "SISSI ROSSI" – Oppożizzjoni ta' sid it-trade mark verbali preċedenti "MISS ROSSI" – Argumenti ppreżentati għall-ewwel darba waqt is-seduta – Produzzjoni ta' provi"

Fil-kawża C-214/05 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-10 ta' Mejju 2005,

Sergio Rossi SpA, stabbilita f'San Mauro Pascoli (l-Italja), irrappreżentata minn A. Ruo, avvocato,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u P. Bullock, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Sissi Rossi Srl, stabbilita f'Castenaso di Villanova (l-Italja), irrapreżentata minn S. Verea, avvocato,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), J.-P. Puissochet, A. Borg Barthet u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bl-appell tagħha, Sergio Rossi Spa titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-1 ta' Marzu 2005, Sergio Rossi vs L-UASI (T-169/03, Ġabra p. II-685, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ("UASI") tat-28 ta' Frar 2003 (Każ R 569/2002-1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Calzaturificio Rossi SpA, li l-aventi kawża tagħha hija Sergio Rossi SpA, u Sissi Rossi Srl.

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza jipprovdi:

"Ir-rikors previst mill-Artikolu 21 ta' l-Istatut għandu jinkludi:

[…]

c)       is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa;

d)       it-talbiet tar-rikorrent;

e)       jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkun ser iressaq."

3       Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 48(2) ta' dawn l-istess Regoli ta' Proċedura:

"Ebda raġuni ġdida ma tista' tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura."

4       L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1) jipprovdi:

"Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta' ta' konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta' konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti."

5       L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi:

"Id-deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta' liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom."

6       Skond l-Artikolu 74 ta' l-istess Regolament:

"1.       Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta' fatti, ta' provi u ta' argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.        L-Uffiċċju jista' ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7       Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeskriviet il-fatti li wasslu għall-kawża kif ġej:

"1      Fl-1 ta' Ġunju 1998, [Sissi Rossi Srl (iktar 'il quddiem "Sissi Rossi")] ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-[UASI] skond ir-Regolament Nru [40/94].

2      It trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali SISSI ROSSI.

3      Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu, b'mod partikolari, fil-klassi 18 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: 'ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali; bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta' żiemel jew ta' bhima oħra w oġġetti tas-sarrâġ''.

         […]

5      Fil-21 ta' Mejju 1999, il-kumpannija Calzaturificio Rossi SpA ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti 'ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali; bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar'.

6      It-trade marks invokati sabiex jsostnu l-oppożizzjoni huma t-trade mark verbali MISS ROSSI, irreġistrata fl-Italja fil-11 ta' Novembru 1991 (Nru 553 016), u t-trade mark internazzjonali MISS ROSSI, irreġistrata fl-istess ġurnata b'effett fi Franza (Nru 577 643). Il-prodotti koperti minn dawn it-trade marks preċedenti huma 'żraben', li jaqgħu fil-klassi 25 skond il-Ftehim ta' Nizza.

         […]

8      Wara amalgamazzjoni permezz ta' akkwist tal-kumpannija Calzaturificio Rossi SpA, irreġistrata permezz ta' att notarili tat-22 ta' Novembru 2000, ir-rikorrenti, issa msejħa Sergio Rossi SpA, saret is-sid tat-trade marks preċedenti.

9      Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' April 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-prodotti kollha koperti mill-oppożizzjoni. Fis-sustanza, hija kkunsidrat li r-rikorrenti ppruvat l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti biss għall-prodotti 'żraben tan-nisa' u li dawn il-prodotti, minn naħa, u l-prodotti 'ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali; bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar', inklużi fl-applikazzjoni għal trade mark, min-naħa l-oħra, kienu simili. Barra minn hekk, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkonkludiet li, għall-konsumatur Franċiż, kien jeżisti xebh bejn is-sinjali.

10      Fit-28 ta' Ġunju 2002, [Sissi Rossi] ressqet rikors quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

11      Permezz [tad-deċiżjoni kkontestata], l-Ewwel Bord ta' l-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni. Fis-sustanza, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li x-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni kien dgħajjef. Barra minn hekk, wara analiżi komparattiva tal-kanali ta' distribuzzjoni, tal-funzjonijiet u tan-natura tal-prodotti in kwistjoni, huwa kkonkluda li d-differenzi bejn il-prodotti kienu jipprevalu ampjament fuq il-ftit punti komuni tagħhom. B'mod partikolari, huwa eżamina u ċaħad it-teżi li l-prodotti 'żraben tan-nisa' u 'basktijiet tan-nisa' kienu simili minħabba li kienu komplimentari. Konsegwentement, skondu ma kienx probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94."

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

8       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Mejju 2003, Sergio Rossi SpA ressqet rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata fejn talbet, prinċipalment, l-annullament totali tagħha, u, sussidjarjament, l-annullament parzjali tagħha, safejn hija tikkonstata li mhemmx probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks għall-prodotti "basktijiet tan-nisa" u "żraben tan-nisa", inkluża t-trade mark verbali MISS ROSSI.

9       Fis-sentenza kkontestata, l-ewwel u qabel kollox il-Qorti tal-Prim'Istanza rrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni ċerti provi – fosthom artikoli tal-gazzetti, reklami u ritratti ġejjin b'mod partikolari minn siti ta' l-internet – ippreżentati minn Sergio Rossi SpA sabiex issostni t-teżi tagħha li ż-żraben tan-nisa u l-basktijiet tan-nisa huma prodotti simili, u dan minħabba li dawn id-dokumenti ma ġewx ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI.

10     Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li t-talba prinċipali kellha tiġi miċħuda u li kien hemm lok li tiġi eżaminata biss it-talba sussidjarja. Il-Qorti tal-Prim'Istanza l-ewwel u qabel kollox osservat li kien jirriżulta mir-rikors ippreżentat quddiemha, b'mod partikolari mill-ewwel kap tat-talbiet, kif ukoll mit-trattazzjoni tar-rikorrenti, li din ta' l-aħħar kienet qed tikkunsidra li l-prodotti kollha koperti mill-oppożizzjoni kienu jixxiebhu, jiġifieri l-prodotti "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali; bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar", min-naħa, u l-prodotti "żraben tan-nisa" koperti mit-trade marks preċedenti, min-naħa l-oħra. Madankollu, hija kkunsidrat li l-argumenti ppreżentati fl-imsemmi rikors kienu jirreferu esklużivament għall-prodotti "basktijiet tan-nisa" u "żraben tan-nisa". Fin-nuqqas ta' xi argument li jqiegħed fid-dubju l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-prodotti "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, ġlud ta' l-annimali, bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar", minn naħa, u "żraben tan-nisa", min-naħa l-oħra, mhumiex simili, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li ma kienx hemm lok li teżamina l-motiv invokat quddiemha minħabba li dan kien ibbażat fuq l-allegat xebh ta' l-imsemmija prodotti.

11     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li r-referenza ġenerali tar-rikorrenti għall-osservazzjonijiet kollha li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tal-proċeduri quddiem l-UASI ma setgħetx tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' argumenti fir-rikors. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li kien biss waqt is-seduta, u għaldaqstant tard wisq, li r-rikorrenti sostniet li dawn il-prodotti kollha kienu jużaw l-istess kanali ta' distribuzzjoni u kienu mmanifatturati mill-istess materja prima.

12     Wara dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat ix-xebh bejn il-prodotti "basktijiet tan-nisa", koperti mill-applikazzjoni għall-trade mark Komunitarja, u l-prodotti "żraben tan-nisa", koperti mit-trade marks preċedenti, kif ukoll ix-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni, u kkonkludiet li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

13     Permezz ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġuistizzja:

–       prinċipalment, li tannulla s-sentenza kkontestata kollha kemm hi;

–       sussidjarjament, li tannulla s-sentenza kkontestata safejn tikkonċerna r-reġistrazzjoni tat-trade mark "SISSI ROSSI" għall-prodotti bħall-"ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda";

–       sussidjarjament, ladarba jiġi rikonoxxut id-dritt tar-rikorrenti li tippreżenta provi, li tannulla s-sentenza kkontestata kollha kemm hi u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex hija teżamina l-provi li hija ddikjarat inammissibbli jew, alternattivament u bis-saħħa tad-dritt li tiġi mismugħa previst fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, tirrinvija l-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI sabiex jiġi ffissat terminu ħalli tiġi mismugħa, u

–       tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

14     L-UASI u Sissi Rossi jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell u tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 L-appell

15     Sabiex issostni t-talbiet tagħha għall-annullament tas-sentenza kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel u t-tieni motivi huma bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Permezz tat-tielet motiv, li huwa maqsum f'żewġ partijiet, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

16     Hemm lok li l-ewwel u qabel kollox jiġi eżaminat it-tielet motiv u wara, l-ewwel u t-tieni motivi.

 Fuq it-tielet motiv

 L-argumenti tal-partijiet

17     Fl-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim'Istanza analizzat b'mod żbaljat il-fatturi rilevanti sabiex tevalwa x-xebh bejn il-prodotti kkonċernati – u, għaldaqstant, il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni – fatturi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jinkludu, b'mod partikolari, in-natura ta' dawn il-prodotti, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll jekk humiex f'kompetizzjoni ma' xulxin jew komplementari għal xulxin. F'dan ir-rigward, hija tinvoka l-punt 23 tas-sentenza tad-29 ta' Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I‑5507).

18     Il-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod partikolari ma tatx każ il-fatt li l-konsumaturi finali tal-prodotti kkonċernati huma identiċi. Barra minn hekk, fl-eżami tal-kriterju tad-destinazzjoni ta' dawn il-prodotti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni, kif jixraq, il-funzjoni estetika tal-basktijiet għan-nisa u taż-żraben tan-nisa, funzjoni li tirrendi l-imsemmija prodotti komplementari minħabba li jridu jaqblu estetikament. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li r-rikorrenti ma ppruvatx fil-kuntest tal-proċeduri quddiem l-UASI li l-prodotti in kwistjoni kienu normalment ikkummerċjalizzati fl-istess postijiet tal-bejgħ. Issa waqt dawn il-proċeduri, ir-rikorrenti qatt ma ngħatat il-possibbiltà li tipprova dan il-fatt.

19     Fit-tieni parti tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat b'mod żbaljat ix-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni. B'mod partikolari, hija tafferma li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tidher li tirriżulta mill-fatt li l-kunjom "Rossi" huwa komuni ħafna fl-għajnejn tal-konsumaturi Franċiżi. Issa din il-konstatazzjoni mhija sostnuta bl-ebda element oġġettiv. Skond ir-rikorrenti, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija żbaljata minħabba li l-imsemmi kunjom mhuwiex mifrux hafna fit-territorju Franċiż u jfakkar f'kunjom Taljan. Barra minn hekk, anke kunjom mifrux jista' jissodisfa l-indikazzjoni ta' oriġini tat-trade mark u għaldaqstant jkun distintiv għall-prodotti kkonċernati. Konsegwentement, il-kunjom "Rossi" ma jistax jitqies anqas distintiv fit-territorju Franċiż. Huwa jrid jitqies li għandu karattru distintiv qawwi. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħatx tibbaża ruħha fuq il-fatt li "ir-rikorrenti ma sostnitx li l-kelma 'Rossi' kienet tikkostitwixxi l-element dominanti tas-sinjal", minħabba li r-rikorrenti qatt ma indikat il-kuntrarju.

20     Sissi Rossi tqis li r-rikorrenti fil-fatt tillimita ruħha sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti in kwistjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma tinvoka l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet li saru minnha, b'mod li l-preżenti motiv ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21     L-UASI u, sussidjarjament, Sissi Rossi jsostnu wkoll li l-ilmenti tar-rikorrenti huma infondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22     Fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet motiv, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Prim'Istanza biss li għandha tiddetermina l-valur li għandu jingħata lill-provi mressqa quddiemha u li hija mhijiex marbuta li tagħti motivazzjoni espressa għall-mod kif tkun iddeterminat il-valur ta' kull prova li tressqet quddiemha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija madankollu marbuta li tagħti motivazzjoni li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u dan b'mod partikolari fuq eventwali distorsjoni tal-provi li jkunu tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C-198/03 P, Ġabra p. I-6357, punt 50).

23     Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni sovrana tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li parti tkun naqset milli tibbaża ruħha fuq ċerti fatti.

24     Fil-punti 69 sa 85 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat globalment ix-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni kif ukoll il-probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, billi ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ in kwistjoni. Bl-istess mod, hija immotivat biżżejjed il-konklużjonijiet tagħha.

25     Għall-bqija, bil-fatt li tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza li analizzat b'mod żbaljat il-fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti kkonċernati u t-trade marks in kwistjoni, ir-rikorrenti tfittex li tikseb, permezz ta' l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet motiv, li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

26     Jirriżulta mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta' dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u sabiex tevalwa l-elementi ta' prova. Għalhekk, ħlief f'każ tad-distorsjoni tagħhom, l-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti u l-elementi ta' prova ma tikkostitwixxix punt ta' dritt li huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell (ara s-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs L-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 22, u tal-15 ta' Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C-37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 43).

27     Peress li r-rikorrenti ma invokat l-ebda distorsjoni tal-fatti u elementi ta' prova ppreżentati lill-Qorti tal-Prim'Istanza, l-ewwel parti u parti mit-tieni parti tat-tielet motiv, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

28     It-tielet motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

29     Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha safejn is-sentenza kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni fuq iċ-ċaħda tat-talba magħmula bħala talba prinċipali.

30     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħatx tillimita l-portata tal-kawża għax-xebh bejn il-prodotti "żraben tan-nisa" koperti mit-trade marks preċedenti u l-prodotti "basktijiet tan-nisa" koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Minn naħa, minkejja li l-argumenti mressqa sabiex isostnu r-rikors tar-rikorrenti kienu jirrigwardaw kważi esklużivament ix-xebh bejn l-imsemmija prodotti, ix-xebh bejn il-prodotti kollha koperti mit-trade mark li hija s-suġġett ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-prodotti tar-rikorrenti kien ġie invokat f'diversi siltiet tar-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Min-naħa l-oħra, l-argumenti invokati waqt is-seduta ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli bħala motivi ġodda ppreżentati matul il-kawża, fis-sens ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, dawn mhumiex motivi ġodda imma biss argumenti addizzjonali sabiex isostnu dak li kien diġà ġie mitlub fit-talbiet ta' l-imsemmi rikors.

31     Skond Sissi Rossi u l-UASI, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament illimatat l-analiżi tagħha għall-prodotti "żraben tan-nisa" u "basktijiet tan-nisa", minħabba li hija ma tistax tissostitwixxi ruħha għall-partijiet u, fin-nuqqas ta' argumenti ppreżentati minnhom, teżamina ex officio kwistjoni marbuta mal-kawża. Barra minn hekk, għalkemm waqt is-seduta r-rikorrenti effettivament irreferiet għax-xebh bejn prodotti oħra barra minn dawk li għalihom l-Qorti tal-Prim'Istanza llimitat l-eżami tagħha, dan seħħ għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċeduri, b'mod li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ikkunsidrat li dan il-motiv kien ġie ppreżentat tard wisq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti ta-Ġustizzja

32     Skond it-titolu tiegħu, l-ewwel motiv jikkonċerna nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza kkontestata fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba prinċipali li saret quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Madankollu, jirriżulta mir-rikors ta' l-appell li fil-fatt ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza ta' din iċ-ċaħda. Hija fil-fatt tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ddeċidiet li l-imsemmija talba kienet inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma ppreżentatx argumenti sabiex issostniha fir-rikors innifsu.

33     Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk, meta għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamiltx żball ta' dritt.

34     Jirriżulta mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza li r-rikors imressaq quddiemha jrid isemmi s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tal-motivi mressqa.

35     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppronunzjat ruħha fuq il-portata ta' tali rekwiżit fil-kuntest ta' l-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Hija ddeċidiet li l-indikazzjoni meħtieġa għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom joħorġu b'mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu mit-test tar-rikors stess (sentenzi tad-9 ta' Jannar 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-178/00, Ġabra p. I-303, punt 6, u tal-15 ta' Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-199/03, Ġabra p. I-8027, punt 50).

36     L-istess konklużjoni tgħodd għal dak li jirrigwarda r-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, minħabba li l-imsemmija Artikoli 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza jużaw l-istess kliem u ma jagħmlu xejn ħlief jirrepetu r-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli indistintament għar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għal dawk ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

37     Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija għaldaqstant obbligata tiċħad bħala inammissibbli kap tat-talbiet tar-rikors li jiġi ppreżentat lilha ġaladarba l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom huwa bbażat dan il-kap tat-talbiet ma jirriżultawx, b'mod koerenti u li jinftiehem, mit-test ta' l-istess rikors. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, in-nuqqas ta' tali elementi fir-rikors ma jistax jiġi rimedjat billi dawn jiġu ppreżentati waqt is-seduta.

38     F'dan il-każ, fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet it-talba prinċipali minħabba li l-argumenti ppreżentati fir-rikors imressaq quddiemha kienu jirreferu esklużivament għall-prodotti "basktijiet tan-nisa" u "żraben tan-nisa", u minħabba li r-rikors għaldaqstant ma kien fih l-ebda argument li jqiegħed fid-dubju l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-prodotti "ġilda w imitazzjoni tal-ġilda; ġlud ta' l-annimali; bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar" u "żraben tan-nisa" mhumiex simili.

39     Issa r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument serju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huwa intiż biex juri li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikors ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kien fih elementi ta' fatti u ta' dritt sabiex isostnu l-imsemmija talba.

40     Billi din it-talba kienet inammissibbli, jidher li r-rikorrenti fil-verità invokat motiv ġdid billi waqt is-seduta, sabiex issostni t-talbiet fir-rikors tagħha, ippreżentat elementi ta' dritt u ta' fatt li għandhom l-istess suġġett bħall-imsemmija talba. Issa skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Pim'Istanza, ebda motiv ġdid ma jista' jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura. Billi r-rikorrenti ma allegatx li hekk kien il-każ f'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ċaħdet l-imsemmija elementi minħabba li ġew ippreżentati tard wisq.

41     Billi l-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlet l-ebda żball ta' dritt, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

42     Ir-rikorrenti ssostni, prinċipalment, li meta ddikjarat il-provi li hija kienet ippreżentat inammissibbli, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret 44(1)(e) tar-Regoli tal-proċedura li jawtorizza l-produzzjoni tal-provi .

43     Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza li, f'dan ir-rigward, ibbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha stess, madankollu rreferiet għal każijiet differenti minn dak tal-preżenti kawża. Fil-fatt, is-sentenzi ċċitati mill-Qorti tal-Prim'Istanza kienu jirrigwardaw każijiet fejn ir-rikorrenti kienu raw l-argumenti tagħhom jiġu inizjalment miċħuda mill-UASI – u għaldaqstant setgħu jikkontestaw quddiem il-Bord ta' l-Appell tal-UASI l-argumenti opposti mressqa sabiex jiġġustifikaw tali ċaħda –, mentri f'dan il-każ, filwaqt li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħat it-teżi tar-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell tal-UASI ressaq l-argumenti tiegħu għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, b'mod li r-rikorrenti fl-ebda mument waqt il-proċedura amministrattiva ma kellha l-possibbiltà li tikkontesta l-konklużjonijiet ta' l-UASI opposti għal tagħha.

44     Sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament 40/94, minħabba li, waqt il-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tiġi mismugħa fuq l-eżistenza jew le ta' xebh bejn il-prodotti kkonċernati.

45     Issa kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-invokazzjoni tal-ksur ta' dan l-Artikolu 73 ma tistax tiġi meqjusa bħala motiv ġdid li ġiet imsemmija għall-ewwel darba waqt is-seduta, imma tirrappreżenta biss żvilupp tal-motiv li sabiex jiġi sostnut ġew preżentati ċerti provi flimkien mar-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

46     Fil-fatt, skond l-imsemmija dispożizzjoni, ir-rikorrenti kien imissha kellha f'kull każ il-possibbiltà li tikkontesta l-argumenti ppreżentati għall-ewwel darba mill-UASI. Minħabba li dan ma kienx possibbli waqt il-proċedura amministrattiva, il-Qorti tal-Prim'Istanza, li quddiemha tressaq ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, kien imissha għażlet bejn żewġ possibilitajiet, jiġifieri jew tippermetti l-produzzjoni ta' provi quddiemha, jew inkella tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tirrinvija l-każ quddiem il-Bord ta' l-Appell sabiex tagħti lir-rikorrenti l-possibbiltà li tikkontesta l-argumenti mressqa għall-ewwel darba fl-imsemmija deċiżjoni.

47     Sissi Rossi u l-UASI jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddikjarat il-provi in kwistjoni inammissibbli, u dan għar-raġunijiet imsemmija fis-sentenza kkontestata.

48     Fuq il-motiv invokat sussidjarjament, Sissi Rossi tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tiegħu, minħabba li r-rikorrenti tinvoka ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 mill-Bord ta' l-Appell u mhux mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

49     F'kull każ, din ta' l-aħħar ddeċidiet ġustament li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' din id-dispożizzjoni kien inammissibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellha biżżejjed possibilitajiet sabiex issostni l-opinjoni tagħha waqt il-proċedura quddiem l-UASI.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 44(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50     Minn naħa, jirriżulta mill-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 li deċiżjoni tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI tista' tiġi annullata jew riformata biss fil-każ ta' inkompetenza, ksur tal-ħtiġiet proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat KE, tar-Regolament Nru 40/94 jew ta' kull regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tagħhom, jew fil-każ ta' abbuż ta' poter. Għaldaqstant l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja fir-rigward ta' din id-deċiżjoni ma tmurx lil hinn mill-istħarriġ tal-legalità tagħha u għaldaqstant mhijiex intiża sabiex isir eżami mill-ġdid taċ-ċirkustanzi ta' fatt li ġew evalwati mill-istanzi ta' l-UASI.

51     Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 74(1) ta' dan l-istess Regolament li, fi proċedura dwar raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, bħal dawk f'dan il-każ, l-UASI għandu jillimita ruħu li jeżamina l-motivi invokati u t-talbiet ppreżentati mill-partijiet.

52     Minħabba li l-UASI ma jistax jieħu in kunsiderazzjoni fatti li ma ġewx imressqa quddiemu mill-partijiet, il-legalità tad-deċiżjonijiet tiegħu ma tistax tiġi kkontestata abbażi ta' tali fatti. Għaldaqstant, bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tieħu in konsiderazzjoni provi intiżi sabiex jippruvaw dawn il-fatti.

53     Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu fuq l-elementi ta' prova ppreżentati quddiem l-UASI sabiex jasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni huwa rrilevanti f'dan ir-rigward, minħabba li l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-imsemmi Bord setgħet, f'kull każ, tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

54     Barra minn hekk, kif kkonstatat korrettament din ta' l-aħħar, jekk ir-rikorrenti kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell, bi ksur tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, ċaħħadha mill-possibbiltà li tressaq ċerti provi rilevanti fil-ħin fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, hija kien imissha invokat tali motiv sabiex issostni t-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. L-eventwali ksur mill-Bord ta' l-Appell tad-dritt tar-rikorrenti li tiġi mismugħa ma jistax madankollu jimplika li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tagħmel evalwazzjoni ta' fatti u ta' provi li ma ġewx ippreżentati qabel quddiem l-istanzi ta' l-UASI.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq żball ta' dritt tal-Qorti tal-Prim'Isanza fir-rigward ta' l-allegat ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 mill-Bord ta' l-Appell

55     Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Sissi Rossi, dan l-ilment huwa ammissibbli minħabba li r-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta ma ssanzjonatx l-allegat ksur, mill-Bord ta' l-Appell, ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

56     Fir-rigward tal-fondatezza ta' dan l-ilment, għandu jiġi mfakkar li skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ebda motiv ġdid ma jista' jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura.

57     Issa r-rikorrenti ma tikkontestax li, fir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, hija ma llmentatx li l-Bord ta' l-Appell kiser it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, billi dan l-ilment tqajjem għall-ewwel darba waqt is-seduta. Hekk ukoll, hija ma tikkontestax li l-provi ppreżentati sabiex issostni dan l-ilment kienu diġà jeżistu w hija kienet taf bihom fil-mument meta ppreżentat ir-rikors tagħha fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

58     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlitx żball ta' dritt meta ma ssanzjonatx l-allegat ksur tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

59     Għaldaqstant hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

60     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u minn Sissi Rossi.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Sergio Rossi SpA għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.