Language of document : ECLI:EU:C:2006:345





SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)

30 ta' Mejju 2006 (*)

"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar – Parti XII – Protezzjoni u preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu – Sistema ta’ soluzzjoni ta' tilwim prevista minn din il-Konvenzjoni – Proċedura ta’ arbitraġġ imressqa mill-Irlanda kontra r-Renju Unit fil-kuntest ta’ din is-sistema – Tilwima dwar il-fabbrika MOX ta’ Sellafield (Renju Unit) – Il-Baħar Irlandiż – Artikoli 292 KE u 193 EA – Obbligu li tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattat ma jiġix suġġett għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fih – Ftehim imħallat – Kompetenza tal-Komunità – Artikoli 10 KE u 192 EA – Obbligu ta’ kooperazzjoni"

Fil-kawża C-459/03,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikoli 226 KE u 141 EA, imressaq fit-30 ta’ Ottubru 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P.J. Kuijper u B. Martenczuk, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Jackson u C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn R. Plender, QC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent,

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn R. Brady u D. O’Hagan, bħala aġenti, assistiti minn P. Sreenan u E. Fitzsimons, SC, P. Sands, QC, u N. Hyland, BL, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta' l-Iżvezja, irrappreżentat minn K. Wistrand, bħala aġent,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans (Relatur) u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J.N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič, J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Novembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bil-fatt li bdiet proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim kontra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-kuntest tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni"), f’dak li jirrigwarda l-fabbrika MOX stabbilita fis-sit ta’ Sellafield (ir-Renju Unit), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 10 u 292 KE u l-Artikoli 192 u 193 EA.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Il-Konvenzjoni, iffirmata f’Montego Bay (il-Ġamajka), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994.

3       Il-Konvenzjoni ġiet approvata f’isem il-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1). Hija ġiet ukoll ratifikata mill-Istati Membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea.

4       L-Irlanda għamlet id-dikjarazzjoni segwenti meta rratifikat il-Konvenzjoni fl-21 ta' Ġunju 1996:

"L-Irlanda tfakkar li, bħala Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej, hija ttrasferiet il-kompetenzi tagħha fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet regolati mill-Konvenzjoni lill-Komunità. Dikjarazzjoni dettaljata dwar in-natura u l-portata tal-kompetenzi trasferiti lill-Komunità Ewropea ssir fi żmien xieraq skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness IX tal-Konvenzjoni".

5       L-ewwel ċitazzjoni tad-Deċiżjoni 98/392 tipprovdi:

"Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikoli 43, 113, u 130s(1), f'għaqda ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 228(2) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 228(3) [li wara li ġew emendati saru l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300(2) KE u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) KE] tiegħu".

6       Il-premessi 3,5 u 6 ta’ l-imsemmija Deċiżjoni jipprovdu:

"Billi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet li jippermettu lill-Komunità li tiddepożita l-istrument tal-konferma formali msemmi fl-Artikolu 3 ta' l-Anness IX ta' mal-Konvenzjoni u rriferit fl-Artikolu 4(4) tal-Ftehim;

[…]

Billi l-Konvenzjoni […] għandh[a t]iġ[i] approvat[a] sabiex [tippermetti] lill-Komunità ssir parti [fiha] fil-limiti tal-kompetenza tagħha;

Billi meta tiddepożita l-istrument tal-konferma formali, il-Komunità trid ukoll tiddepożita dikjarazzjoni li tispeċifika l-materji rregolati mill-Konvenzjoni […] li rigward tagħhom il-kompetenza ġiet ittrasferita lilha mill-Istati Membri tagħha […]"

7       L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/392 jipprovdi:

"1. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim li għandu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha huma hawnhekk approvati f'isem il-Komunità Ewropea.

2. It-testi tal-Konvenzjoni u tal-Ftehim jidhru fl-Anness I.

3. L-istrument Komunitarju tal-konferma formali, li jidher fl-Anness II, għandu jiġi ddepożitat għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Għandu jikkomprendi dikjarazzjoni skond l-Artikolu 310 tal-Konvenzjoni u dikjarazzjoni ta' kompetenza."

8       Skond id-dikjarazzjoni ta’ kompetenza prevista fl-Artikolu 1(3) ta’ l-imsemmija Deċiżjoni (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni ta’ kompetenza tal-Komunità"):

"Dikjarazzjoni li tikkonċerna l-kompetenza tal-komunità ewropea fir-rigward ta' materji rregolati mill-konvenzjoni tan-nazzjonijiet uniti tal-liġi tal-baħar ta' l-10 ta' diċembru 1982 u tal-ftehim tat-28 ta’ lulju 1994 li jirrigwarda l-implementazzjoni tal-parti xi tagħha

(Dikjarazzjoni magħmula bis-saħħa ta' l-Artikolu 5(1) ta’ l-Anness [IX] tal-Konvenzjoni u ta’ l-Artikolu 4(4) tal-Ftehim)

L-Artikolu 5(1) ta’ l-Anness IX tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Liġi tal-Baħar jipprovdi li l-istrument[…] tal-konferma formali ta’ […] organizzazzjoni internazzjonali għandu jkun fih dikjarazzjoni li tispeċifika l-materji rregolati bil-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza tkun ġiet ittrasferita lill-organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha li huma Partijiet tal-Konvenzjoni […]

[…]

Il-Komunitajiet Ewropej kienu stabbiliti bit-Trattati ta’ Pariġi (KEFA) u ta’ Ruma (KEE u Euratom) iffirmati fit-18 ta’ April 1951 u l-25 ta’ Marzu 1957 rispettivament. […] [Dawn it-Trattati] kienu emendati bit-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, li kien iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992 […]

[…]

B'konformità mad-dispożizzjonijiet referuti hawn fuq, din id-dikjarazzjoni tindika l-kompetenza li l-Istati Membri kienu trasferew lejn il-Komunità permezz tat-Trattati fil-materji rregolati bil-Konvenzjoni […]

[…]

Il-Komunità għandha l-kompetenza esklużiva dwar ċerti materji u taqsam il-kompetenza ma’ l-Istati Membri tagħha dwar ċerti materji oħrajn.

1.      Materji li dwarhom il-Komunità għandha kompetenza esklużiva

–       Il-Komunità tindika li l-Istati Membri tagħha kienu trasferew il-kompetenza lilha f’dak li jirridwarda l-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-baħar. Għalhekk f’dan il-qasam hija għall-Komunità li tadotta r-regoli u r-regolamenti rilevanti (li huma enforzabbli mill-Istati Membri) u, fil-kompetenza tagħha, li tidħol f'impenji esterni ma' Stati terzi jew ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. […]

–       Bis-saħħa tal-istrateġija kummerċjali u doganali tagħha, il-Komunità għandha l-kompetenza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Partijiet X u XI tal-Konvenzjoni u tal-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li huma relatati mal-kummerċ internazzjonali.

2.      Materji li dwarhom il-Komunità taqsam il-kompetenza ma’ l-Istati Membri tagħha

–       F’dak li jirrigwarda s-sajd, dwar ċertu numru ta' materji li ma humiex direttament relatati mal-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-baħar, per eżempju r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-koperazzjoni fl-iżvilupp, hemm kompetenza [maqsuma].

–       F’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport [marittimu], s-sigurtà tat-tbaħħir marittimu u l-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu li jinsabu, inter alia, fil-Partijiet II, III, V, VII u XII tal-Konvenzjoni, il-Komunità għandha l-kompetenza esklużiva biss sal-limitu li tali dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jew ta' l-istrumenti legali adottati fl-implementazzjoni tagħ[ha] jaffettwaw ir-regoli komuni stabbiliti mill-Komunità. Meta r-regoli tal-Komunità jkunu jeżistu imma ma jkunux affettwati, [b’mod] partikolari [fil-każ ta’] dispożizzjonijiet tal-Komunità li jistabbilixxu biss normi minimi, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza, mingħajr preġudizzju għall-[kompetenza tal-]Komunità li taġixxi f’dan il-qasam. Altrimenti l-kompetenza hija ta' l-Istati Membri.

Il-lista […] ta’ l-atti Komunitarji [rilevanti] tidher fl-Appendiċi. Il-[portata] tal-kompetenza tal-Komunità li tirriżulta minn dawn l-atti għandha tkun assessjata b'referenza għad-dispożizzjonijiet eżatti ta' kull miżura, u partikolarment, [safejn] dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli komuni.

[…]

 Appendiċi

Atti tal-Komunità li jirreferu għall-materji rregolati bil-Konvenzjoni u bil-ftehim

–       Fi[l-qasam] tas-sigurtà [marittima] u l-prevenzjoni […] tat-tniġġis marittimu

[…]

Id-Direttiva [tal-Kunsill] 93/75/KEE tat-13 ta' Settembru 1993 li tikkonċerna l-ħtiġiet minimi għal vapuri li sejrin lejn, jew qegħdin iħallu, il-portijiet tal-Komunità u li jġorru [merkanzija] perikoluż[a jew li tniġġes] (ĠU L 247, 5.10.1993, p. 19).

[…]

Fil-qasam tal-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu (Parti XII tal-Konvenzjoni)

[…]

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40)

[…]

–       Il-Konvenzjonijiet li għalihom il-Komunità hija parti

Il-Konvenzjoni għall-prevenzjoni tat-tniġġiż marittimu minn sorsi bbażati fuq l-art, Pariġi, [14] ta’ Ġunju 1974 (Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 75/437/KEE tat-3 ta’ Marzu 1975, ippubblikata fil-ĠU L 194, 25.7.1975, p. 5).

Il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni għall-prevenzjoni tat-tniġġiż marittimu minn sorsi bbażati fuq l-art, Pariġi, 26 ta’ Marzu 1986 (Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/57/KEE tat-28 ta' Diċembru 1986, ippubblikata fil-ĠU L 24, 27.1.1987, p. 47).

[…]"

9       Il-Parti IX tal-Konvenzjoni, intitolata "Ibħra magħluqa jew parzjalment magħluqa", tikkonsisti fl-Artikoli 122 u 123 li jaqraw kif ġej:

 "Artikolu 122

Definizzjoni

Għall-iskopijiet ta' din il-Konvenzjoni, "baħar magħluq jew parzjalment magħluq" ifisser golf, baċir jew baħar imdawwar bi tnejn jew aktar Stati u konness ma baħar jew oċean ieħor bi sfog dejjaq jew li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'ibħra territorjali u żoni ekonomiċi esklussivi ta' tnejn jew aktar Stati kostali.

 Artikolu 123

Koperazzjoni bejn l-Istati bi fruntieri fuq ibħra magħluqa jew parzjalment magħluqa

L-Istati bi fruntieri fuq baħar magħluq jew parzjalment magħluq għandhom jikkoperaw bejniethom fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom u fit-twettieq tad-doveri tagħhom permezz ta' din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan huma għandhom jagħmlu sforz, direttament jew permezz ta' organizzazzjoni reġjonali xierqa:

[…]

(b)      li jikkoordinaw l-implimentazzjoni tad-drittijiet u d-doveri tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' l-ambjent marittimu;

[…]"

10     Il-parti XII tal-Konvenzjoni, intitolata "Il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu", tinkludi Sezzjoni 1, intitolata "Dispożizzjonijiet ġenerali". Din is-Sezzjoni fiha l-Artikoli 192 sa’ 194 li jipprovdu:

 "Artikolu 192

Obbligi ġenerali

L-Istati għandhom l-obbligu li jipproteġu u jippreservaw l-ambjent marittimu

Artikolu 193

Dritt sovran ta' l-Istati li jesplojtaw ir-riżorsi naturali tagħhom

L-Istati għandhom id-dritt sovran li jesplojtaw ir-riżorsi naturali tagħom permezz ta' l-istrateġiji ambjentali tagħhom u b'konformità mad-dover tagħhom li jipproteġu u jippreservaw l-ambjent marittimu.

Artikolu 194

Miżuri sabiex ikun hemm il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu

1.      L-Istati għandhom jieħdu, individwalment jew flimkien, kif xieraq, il-miżuri kollha li huma konsistenti ma' din il-Konvenzjoni li huma meħtieġa għall-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-kontroll ta' l-ambjent marittimu minn kwalunkwe sorsi, jużaw għal dan l-aħjar mezz prattikabbli fid-disposizzjoni tagħhom u b'konformità mal-kapaċitajiet tagħhom, u huma għandhom jagħmlu sforz sabiex jarmonizzaw l-istrateġiji tagħhom f'dan ir-rigward.

2.      L-Istati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li l-attivitajiet taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħhom u li huma hekk imwettqa li ma jikkaġunawx danni bit-tniġġiż lill-Stati oħrajn u l-ambjent tagħhom, u li t-tniġġiż li jkun hemm minn inċidenti jew attivitajiet taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħhom ma jixterridx lil hinn miż-żona ta' fejn huma jeżerċitaw id-drittijiet sovrani tagħhom b'konformità ma din il-Konvenzjoni.

3.      Il-miżuri meħudha bis-saħħa ta' din il-parti għandhom jittrattaw mas-sorsi kollha tat-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu, inter alia, dawk iddisinjati li jnaqqsu sal-limitu massimu l-aktar possibbli:

a)      ir-rilaxx ta' sustanzi tossiċi, ta' ħsara jew ta' periklu, speċjalment dawk li huma persistenti, minn sorsi bbażati fuq l-art, minn jew permezz ta' l-atmosfera jew minn dumping;

b)      tniġġiż minn vapuri, partikolarment miżuri għall-prevenzjoni ta' l-inċidenti u l-ittrattar ma l-emerġenzi, jassiguraw is-sigurtà ta' l-operazzjonijiet fil-baħar, il-prevenzjoni ta' rimi intenzjonat jew mhux intenzjonat, u r-regolar tad-disinn, tal-kostruzzjoni, tat-tgħamir, ta' l-operat u ta' l-ekwipaġġ ta' vapuri;

c)      tniġġiż minn stallazzjonijiet u tagħmir użat fl-esplorazzjoni jew l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tal-qiegħ il-baħar jew is-saffa ta' taħt dak, b'miżuri partikolari għall-prevenzjoni ta' inċidenti u l-ittrattar ma emerġenzi, li jassiguraw is-sigurtà ta' operazzjonijiet fil-baħar, u r-regolament tad-disinn, tal-kostruzzjoni, ta' l-apparat, l-operazzjoni u l-ekwiġaġġ ta' stallazzjonijiet u tagħmir bħal dak.

d)      tniġġiż minn stallazzjonijiet u tagħmir użat fl-operat ta' l-ambjent marittimu, b'miżuri partikolari għall-prevenzjoni ta' l-inċidenti u l-ittrattar ma emerġenzi, li jassiguraw is-sigurtà ta' operazzjonijiet fil-baħar, u r-regolament tad-disinn, tal-kostruzzjoni, ta' l-apparat, l-operazzjoni u l-ekwiġaġġ ta' stallazzjonijiet u tagħmir bħal dak.

4.      Fit-teħid tal-miżuru għall-prevenzjoni, t-tnaqqis jew il-kontroll tat-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu, l-Istati għandhom jibqgħu lura minn interferenza mhux ġustifikata fl-attivitajiet imwettqa minn Stati oħrajn fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom u fis-segwiment tad-doveri tagħhom b'konformità ma din il-Konvenzjoni.

5.      Il-miżuri meħudha b'konformità ma din il-parti għandhom jinkludu dawk meħtieġa għall-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' ekosistemi rari u fraġili kif ukoll ta' l-abitat ta' speċje mnaqqsa, mhedda jew ipperikolati minn tipi ta' ħajja marittima oħra."

11     L-Artikoli 204 sa’ 206, li jinsabu fis-Sezzjoni 4 tal-Parti XII tagħha, intitolata "Monitoraġġ u assessjar ambjentali", jipprovdu:

"Artikolu 204

Il-monitoraġġ tar-riskji u l-effetti tat-tniġġiż

1.      L-Istati għandhom, konsistenti mad-drittijiet ta' l-Istati l-oħrajn, jagħmlu sforz, sakemm huwa prattikabbli, direttament jew permezz ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, li josservaw, jevalwaw u janalizzaw, b'metodi xjentifiċi rikonoxxuti, ir-riskji jew l-effetti tat-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu.

2.      Partikolarment, l-Istati għandhom iżommu taħt sorveljanza l-effetti ta' xi attivitajiet li huma jippermettu jew li fihom ikunu nvoluti sabiex jiddeterminaw jekk dawn l-attivitajiet li x'aktarx li jniġġżu l-ambjent marittimu.

Artikolu 205

Il-pubblikazzjoni tar-rapporti

L-Istati għandhom jippublikaw ir-rapport tar-riżultati akkwistati permezz ta' l-Artikolu 204 jew jipprovdu dawn ir-rapporti matul intervalli xierqa lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, li għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 206

Assessjar tal-potenzjal ta' l-effetti ta' l-attivitajiet

Meta l-Istati għandhom bażi raġjonevoli li jemmnu li l-attivitajiet ippjanati taħt il-ġurisdizzjoni jew tal-kontroll tagħhom jistgħu li jikkaġunaw tniġġiż jew kambjamenti sinifikanti u ta' ħsara għall-ambjent marittimu, huma għandhom, sa kemm ikun prattikabbli, jassessjaw l-effetti potenzjali ta' attivitajiet bħal dawn fuq l-ambjent marittimu u għandhom jikkomunikaw ir-rapporti tar-riżultati ta' l-assessjar bħal dak fil-manjiera li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 205."

12     Is-Sezzjoni 5 tal-Parti XII tal-Konvenzjoni, intitolata "Regoli internazzjonali u leġiżlazzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġiż ta’ l-ambjent marittimu", tinkludi, inter alia, l-Artikoli 207 u 211, li jaqraw kif ġej:

"Artikolu 207

Tniġġiż minn sorsi bbażati fuq l-art

1.      L-Istati għandhom jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti sabiex ma jħallux, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu minn sorsi bbażati fuq l-art, inklużi xmajjar, estwarji, pajpijiet u strutturi tar-rimi tal-iskart likwidu, billi jitqiesu r-regoli mifthiema internazzjonalment, in-normi u l-prattiċi u l-proċeduri rakkommandati.

2.      L-Istati għandhom jieħdu miżuri oħrajn skond ma jista' jkun meħtieġ sabiex ma jħallux, inaqqsu u jikkontrollaw tniġġiż bħal dan.

3.      L-Istati għandhom jgħamlu sforz sabiex jarmonizzaw l-istrateġiji tagħhom f'dan ir-rigward fil-livell reġjonali xieraq.

4.      L-Istati, li jaġixxu speċjalment permezz ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti jew permezz ta' konferenza diplomatika, għandhom jagħmlu sforz sabiex jistabbilixxu fuq bażi globali u reġjonali, ir-regoli, in-normi u l-prattiċi u l-proċeduri rakkommandati, ħalli jnaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu minn sorsi bbażati fuq l-art, billi jqisu l-karatteristiċi ta' fatturi reġjonali, il-kapaċità ekonomika ta' l-Istati li għadhom jiżviluppaw u l-ħtieġa tagħhom għal żvilupp ekonomiku. Regoli, normi u prattiċi u proċeduri rakommandati bħal dawn għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid minn żmien għal żmien skond ma jkun meħtieġ.

5.      Il-liġijiet, ir-regolamenti, il-miżuri, ir-regoli, in-normi u l-prattiċi u l-proċeduri rakommandati msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 għandhom jinkludu dawk iddisinjati sabiex inaqqsu, sal-limitu massimu possibbli, ir-rilaxx ta' sustanzi tossiċi, ta' hsara jew perikolużi, speċjalment dawk li huma persistenti, fl-ambjent marittimu.

[…]

"Artikolu 211

Tniġġiż minn vapuri

1.      L-Istati, li jaġixxu permezz ta' l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew ta' konferenza diplomatika ġenerali, għandhom jistabbilixxu regoli u normi internazzjonali sabiex ma jħallux, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu minn vapuri u jħeġġu l-adozzjoni, bl-istess mod, kull meta xieraq, ta' sistemi ta' rotot ġodda ddisinjati sabiex jimminimizzaw it-theddida ta' inċidenti li jistgħu joħolqu tniġġiż ta' l-ambjent marittimu, inkluża l-kosta, u l-ħsara bit-tniġġiż relatata ma l-interessi ta' l-Istati kostali. Regoli u normi bħal dawn għandhom, bl-istess mod, ikunu eżaminati mill-ġdid minn żmien għal żmien skond ma jkun meħtieġ.

2.      L-Istati għandhom jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti għall-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu minn vapuri li jtajjru l-bandiera tagħhom jew tar-registru tagħhom. Liġijiet u regolamenti bħal dawn għandhom mill-anqas ikollhom l-istess effett bħal dawk ir-regoli u n-normi internazzjonali ġeneralment aċċettati kif stabbiliti permezz ta' l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew ta' konferenza diplomatika ġenerali.

[…]"

13     L-Artikolu 213, li jinsab fis-Sezzjoni 6, intitolata "Infurzar", tal-Parti XII tagħha, jipprovdi:

"Infurzar fir-rigward tat-tniġġiż minn sorsi bbażżati fl-art

L-Istati għandhom jinfurzaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom adottati b'konformità ma l-Artikolu 207 u għandhom jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti u jieħdu l-miżuri l-oħrajn meħtieġa sabiex jimplementaw ir-regoli u normi internazzjonali applikabbli kif stabbiliti permezz ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti jew b'konferenza internazzjonali sabiex ma jħallux, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu minn sorsi bbażati fuq l-art."

14     Il-Parti XV tal-Konvenzjoni, intitolata "Soluzzjoni għal tilwim", tinkludi Sezzjoni 1, intitolata "Dispożizzjonijiet ġenerali". L-Artikolu 282, li jinsab f'din is-sezzjoni, jipprovdi:

"Obbligi permezz ta' ftehim ġenerali, reġjonali jew bilaterali

Jekk l-Istati Partijiet li huma partijiet għal tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni jkunu qabblu, permezz ta' ftehim ġenerali, reġjonali jew bilaterali, jew mod ieħor, li tali tilwim għandu, mat-talba ta' waħda mill-partijiet fit-tilwima, tkun ippreżentata għal proċedura li tinvolvi Deċisjoni li torbot, dik il-proċedura għandha tkun tapplika minflok il-proċeduri li hemm provvediment dwarhom f'din il-Parti, sakemm il-partijiet fit-tilwima ma jkunux qablu mod ieħor."

15     L-Artikoli 286 sa 288, li jinsabu fis-Sezzjoni 2, intitolata "Proċeduri obbligatorji li jinvolvu deċiżjonijiet li jorbtu", tal-Parti XV ta' din il-Konvenzjoni, jipprovdu:

"Artikolu 286

L-applikazzjoni tal-proċeduri permezz ta' din is-sezzjoni

Bla ħsara għas-Sezzjoni 3, kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni għandha, meta l-ebda soluzzjoni ma tkun instabet b'rikors lejn is-Sezzjoni 1, tkun ippreżentata fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet tal-kwistjoni lejn il-qorti jew tribunal li jkollu l-ġurisdizzjoni permezz ta' din is-sezzjoni.

Artikolu 287

L-għażla tal-proċedura

1.      Meta jiffirma, jirratifika jew jissieħeb ma din il-Konvenzjoni, jew fi kwalunkwe żmien aktar il-quddiem, Stat għandu jkun ħieles li jagħżel, permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub, wieħed jew aktar mezzi għat-twettieq ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni:

a)      it-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar stabbilit b'konformità ma' l-Anness VI;

b)      il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;

c)      tribunal ta' l-arbitra[ġġ] kostitwit b'konformità ma' l-Anness VII;

d)      tribunal speċjali ta' l-arbitra[ġġ] kostitwit b'konformità ma' l-Anness VIII għal waħda jew aktar mill-kategoriji ta' kwistjonijiet speċifikati hemmhekk.

[…]

Artikolu 288

Ġurisdizzjoni

1.      Qorti jew tribunal kif msemmija fl-Artikolu 287 għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni fuq kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni meta tkun ippreżentata b'konformità ma' din il-Parti.

2.      Qorti jew tribunal kif msemmija fl-Artikolu 287 għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni fuq kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' ftehim internazzjonali relatat mal-iskopijiet ta' din il-Konvenzjoni, meta tkun ippreżentata b'konformità ma' dak il-ftehim.

[…]"

16     Skond l-Artikolu 290, li jinsab fl-istess sezzjoni 2 tal-Parti XV ta' din il-Konvenzjoni, qorti jew tribunal li quddiemu tiġi debitament imressqa tilwima jista' jippreskrivi miżuri provviżorji.

17     L-Artikolu 293, li wkoll jinsab fl-imsemmija sezzjoni tal-Parti XV ta' din il-Konvenzjoni, jaqra kif ġej:

 "Il-liġi applikabbli

1.      Qorti jew tribunal li jkollu l-ġurisdizzjoni permezz ta' din is-Sezzjoni għandu japplika din il-Konvenzjoni u r-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali li ma jkunux [in]kompatibbli ma din il-Konvenzjoni.

[…]"

18     Skond l-Artikolu 296, li jinsab fl-istess sezzjoni tal-Parti XV ta' din il-Konvenzjoni:

"Il-finalità u l-[forza vinkolanti] ta' deċiżjonijiet

1.      Kwalunkwe deċiżjoni mogħtija minn qorti jew tribunal li jkollhom ġurisdizzjoni permezz ta' din is-Sezzjoni għandha tkun finali u jrid ikun hemm konformità magħha mill-partijiet kollha tal-kwistjoni.

2.      Xi deċiżjoni tali m'għandha jkollha l-ebda [forza vinkolanti] apparti milli bejn il-partijiet u fir-rigward ta' dik il-kwistjoni partikolari."

19     L-Anness IX tal-Konvenzjoni, intitolat "Parteċipazzjoni mill-organizzazzjonijiet internazzjonali" jinkludi, inter alia, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

 "Artikolu 1

L-użu tat-termini

Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 305 u ta' dan l-Anness, 'organizzazzjoni internazzjonali' tfisser l-organizzazzjoni intergovernamentali kostitwita mill-Istati li lilha l-Istati membri tagħha jkunu ttrasferew il-kompetenza dwar materji rregolati b'din il-Konvenzjoni, inkluża l-kompetenza li jidħlu fi trattati fir-rigward ta' dawk il-materji.

 Artikolu 2

Firma

Organizzazzjoni internazzjonali tista' tiffirma din il-Konvenzjoni jekk maġġoranza ta' l-Istati membri tagħha huma firmatarji ta' din il-Konvenzjoni. Fil-waqt ta' l-iffirmar, organizzazzjoni internazzjonali għandha tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika l-meterji rregolati b'din il-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza tkun ġiet trasferita lil dik l-organizzazzjoni mill-Istati membri tagħha li huma firmatarji, u n-natura u l-limitu ta' dik il-kompetenza.

 Artikolu 3

Konferma [formali] u adeżjoni […]

1.      Organizzazzjoni internazzjonali tista' tiddepożita l-istrument tagħha ta' konferma formali jew ta' l-adeżjoni jekk il-maġġoranza ta' l-Istati Membri tagħha jiddepożitaw jew ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom tar-ratifika jew ta' l-adeżjoni.

2.      L-istrumenti depożitati mill-organizzazzjoni internazzjonali għandhom jinkludu l-impenji u d-dikjarazzjonijiet meħtieġa bl-Artikoli 4 u 5 ta' dan l-Anness.

 Artikolu 4

Il-[portata] tal-parteċipazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi

1.      L-istrument ta' konferma formali jew ta' l-adeżjoni ta' l-organizzazzjoni internazzjonali għandu jkun fih impenn li din taċċetta d-drittijiet u l-obbligi ta' l-Istati [taħt] din il-Konvenzjoni [f'dawk il-materji] li fir-rigward tagħhom
[il-]kompetenza [tkun ġiet] trasferit[a] lilha mill-Istati membri tagħha li huma Partijiet ta' din il-Konvenzjoni.

2.      Organizzazzjoni internazzjonali għandha tkun Parti ta' din il-Konvenzjoni sal-limitu li hija jkollha l-kompetenza b'konformità mad-dikjarazzjoni[jiet], il-komunikazzjoni[jiet] ta' informazzjoni jew […]notifiki referuti fl-Artikolu 5 ta' dan l-Anness.

3.      Tali organizzazzjoni internazzjonali għandha teżerċita d-drittijiet [u] twettaq l-obbligi li […] l-Istati membri tagħha [li] huma Partijiet kieku kien ikollhom permezz ta' din il-Konvenzjoni, dwar il-materji li [fir-rigward tagħhom
il-]kompetenza [tkun ġiet] trasferit[a] lilha [minn dawn l-]Istati membri […]. L-Istati membri ta' dik l-organizzazzjoni internazzjonali m'għandhomx jeżerċitaw il-kompetenza li huma jkunu ttrasferew lilha.

4.      [Il-]parteċipazzjoni [ta’] tali organizzazzjoni internazzjonali fl-ebda każ tinvolvi żieda fir-rappreżentazzjoni li għaliha l-Istati membri tagħha li huma Stati Partijiet ikunu b'mod ieħor intitolati, inklużi d-drittijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

5.      [Il-]parteċipazzjoni [ta’] tali organizzazzjoni internazzjonali m'għandha bl-ebda mod tagħti xi drittijiet [taħt] din il-Konvenzjoni lill-Istati membri ta' l-organizzazzjoni li ma humiex Stati Partijiet ta' din il-Konvenzjoni.

6.      Fil-każ ta’ kunflitt bejn l-obbligi ta' l-organizzazzjoni internazzjonali [taħt] din il-Konvenzjoni u l-obbligi tagħha [taħt il-]ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni jew ma' xi atti relatati [miegħu], l-obbligi [taħt] din il-Konvenzjoni għandhom ikollhom prevalenza.

 Artikolu 5

Dikjarazzjonijiet, notifiki u komunikazzjonijiet

1.      L-istrument ta’ konferma formali jew ta’ l-adeżjoni ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali għandu jkun fih dikjarazzjoni ta' impenn li [t]ispeċifika l-materji rregolati b'din il-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza [tkun ġiet] trasferit[a] lilha mill-Istati membri tagħha li huma Partijiet ta' din il-Konvenzjoni.

2.      Stat Membru ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali għandu, fil-waqt li fih huwa jirratifika jew jissieħeb ma' din il-Konvenzjoni jew fil-waqt meta l-organizzazzjoni tiddepożita l-istrument tagħha ta’ konferma formali jew ta’ adeżjoni, liema minnhom tkun l-aktar tard, jagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika l-materji rregolati b'din il-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom huwa jkun trasferixxa l-kompetenza lill-organizzazzjoni.

3.      L-Istati Partijiet li huma Stati membri ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali li tkun Parti ta' din il-Konvenzjoni għandhom ikunu meqjusa li jkollhom il-kompetenza dwar il-materji kollha rregolati b'din il-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom it-trasferiment tal-kompetenza lill-organizzazzjoni ma jkun[x ġie] speċifikament iddikjarat[…], notifikat[…] jew ikkomunikat[…] minn dawk l-Istati [skond] dan l-Artikolu.

4.      L-organizzazzjoni internazzjonali u l-Istati membri tagħha li huma Stati Partijiet għand[hom] minnufih [j]innotifika[w] lid-depożitarju ta' din il-Konvenzjoni b'[kull] tibdil fid-distribuzzjoni tal-kompetenza, inklużi trasferimenti ġodda ta’ kompetenza, speċifikati fid-dikjarazzjoni[jiet previsti fil-]paragrafi 1 u 2.

5.      Kwlunkwe Stat Parti jista’ jitlob lill-organizzazzjoni internazzjonali u lill-Istati membri tagħha li huma Stati Partijiet sabiex [j]ipprod[u] informazzjoni dwar [min, fost] l-organizzazzjoni u l-Istati membri tagħa, ikollu l-kompetenza dwar xi kwistjoni speċifika li tkun inqalgħet. L-organizzazzjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu din l-informazzjoni matul żmien raġonevoli. L-organizzazzjoni internazzjonali u l-Istati membri jistgħu wkoll, bl-inizjattiva tagħhom, jipprovdu din l-informazzjoni.

6.      Id-dikjarazzjonijiet, in-notifiki u l-komunikazzjonijiet ta' l-informazzjoni [magħmulin skond] dan l-Artikolu għandhom jispeċifikaw in-natura u l-[portata] tal-kompetenza trasferita.

[…]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 It-tilwima bejn l-Irlanda u r-Renju Unit dwar il-fabbrika MOX

20     Il-kumpannija British Nuclear Fuel plc (iktar 'il quddiem "BNFL") tħaddem diversi fabbriki fis-sit ta’ Sellafield, li jinsab fuq il-kosta li tmiss mal-Baħar Irlandiż. B’mod partikolari fuq dan is-sit jinsabu l-fabbriki msejħa MOX u THORP.

21     L-attivitajiet tal-fabbrika MOX jikkonsistu fir-riċiklaġġ tal-plutonju li ġej mill-kombustibbli nukleari użat permezz tat-taħlit tad-diossidu tal-plutonju mad-diossidu ta’ l-uranju impoverit. Minn dan jirriżulta kombustibbli ġdid imsejjaħ MOX, abbrevjazzjoni użata sabiex tindika l-kombustibbli ta’ ossidi mħallta ("mixed oxide fuel"), intiż sabiex jintuża bħala sors ta’ enerġija fiċ-ċentrali nukleari.

22     Parti mill-materjal użat fil-fabbrika MOX jiġi mill-fabbrika THORP, abbrevjazzjoni li tindika dan l-impjant għall-ipproċessar mill-ġdid tad-diossidu termiku ("thermal oxide reprocessing plant"), fejn kombustibbli nukleari użat, li ġej minn reatturi nukleari li jinsabu kemm fir-Renju Unit kif ukoll f’pajjiżi oħra, jiġi ttrattat sabiex minnu jinħareġ id-diossidu tal-plutonju u d-diossidu ta’ l-uranju.

23     Il-bini tal-fabbrika MOX ġie awtorizzat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit wara applikazzjoni ppreżentata minn BNFL, abbażi ta’ rapport ambjentali ppreżentat minn din il-kumpannija fl-1993 (iktar 'il quddiem ir-"rapport ambjentali ta’ l-1993").

24     Fl-1996, BNFL applikat quddiem l-awtorità tar-Renju Unit responsabbli mill-ambjent sabiex tingħata l-permess biex tħaddem din il-fabbrika.

25     Fil-11 ta’ Frar 1997, billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern tar-Renju Unit, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni dwar il-proġett ta’ rimi ta’ skart radjoattiv li ġej mill-fabbrika MOX, skond l-Artikolu 37 EA (ĠU C 68, p.4). Skond din l-opinjoni, "l-implementazzjoni tal-proġett ta’ rimi ta’ skart radjoattiv li ġej mit-tħaddim tal-fabbrika MOX ta’ Sellafield ma tipperikolax li toħloq kontaminazzjoni radjoattiva sinjifikattiva mill-aspett tas-saħħa ta’ l-ilma, ta’ l-art jew ta’ l-arja ta’ Stat Membru ieħor, u dan la meta din taħdem b’mod normali u lanqas f’każ ta’ inċident tal-kobor ikkunsidrat fid-data ġenerali" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

26     Barra minn hekk, sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet imposti mid-Direttiva tal-Kunsill 80/836/Euratom tal-15 ta’ Lulju 1980, li temenda d-Direttivi li jistabbilixxu l-istandards bażiċi għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjonijiet jonizzanti (ĠU L 246, p. 1), impriża privata tal-konsulenza ppreparat rapport ta’ stima fuq il-ġustifikazzjoni ekonomika tal-Fabbrika MOX (iktar 'il quddiem ir-"rapport PA"), li verżjoni tiegħu ġiet ippubblikata fl-1997.

27     Barra minn dan, bejn April 1997 u Awwissu 2001, l-awtoritajiet tar-Renju Unit organizzaw ħames konsultazzjonijiet pubbliċi fuq il-ġustifikazzjoni ekonomika tal-fabbrika MOX. Fit-3 ta’ Ottubru 2001, dawn l-awtoritajiet iddeċidew li l-imsemmija fabbrika kienet ekonomikament ġustifikata, fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996, li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 159, p. 1), li ħassret id-Direttiva 80/836 b'seħħ mit-13 ta’ Mejju 2000.

28     F’diversi okkażjonijiet bejn l-1994 u l-2001, l-Irlanda għamlet mistoqsijiet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar il-fabbrika MOX, fejn b’mod partikolari kkontestat kemm il-fondatezza tar-rapport ambjentali ta’ l-1993 kif ukoll tad-deċiżjoni relattiva għall-ġustifikazzjoni ekonomika ta’ din il-fabbrika. L-Irlanda kkontestat ukoll il-bażi li fuqha ġew organizzati l-konsultazzjonijiet pubbliċi u talbet informazzjoni supplimentari għal dik li tinsab fil-verżjoni ppubblikata tar-rapport PA.

29     Fil-komunikat għall-istampa ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, il-Ministru Irlandiż inkarigat mis-sigurtà nukleari indika li l-Irlanda kellha l-intenzjoni li tressaq ilment abbażi tal-Konvenzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ stima xierqa ta’ l-impatt tal-fabbrika MOX fuq l-ambjent.

 Il-proċeduri ta’soluzzjoni tat-tilwima dwar il-fabbrika MOX mibdija mill-Irlanda

30     Fil-15 ta’ Ġunju 2001, l-Irlanda bagħtet lir-Renju Unit talba għat-twaqqif ta’ tribunal ta' l-arbitraġġ kif ukoll talba promotorja ta' kawża skond l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni għall-ħarsien ta’ l-ambjent marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku, iffirmata f’Pariġi fit-22 Settembru 1992, konvenzjoni li ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/249/KE tas-7 ta’ Ottubru 1997 (ĠU 1998, L 104, p. 1). B’mod partikolari, din il-Konvenzjoni tissostitwixxi l-ftehim ta’ Pariġi dwar il-prevenzjoni ta' tniġġis marittimu minn sorsi bbażati fuq l-art li għalihom il-Komunità kienet diġà parti u li, bħala tali, ġew imsemmija fl-appendiċi tad-dikjarazzjoni ta’ kompetenza tal-Komunità.

31     F’din it-talba, l-Irlanda sostniet li, billi rrifjuta li jipprovdilha kopja sħiħa tar-rapport PA, ir-Renju Unit kien naqas li jwettaq l-obbligi previsti fl-Artikolu 9 ta’ l-imsemmija Konvenzjoni.

32     Fit-2 ta’ Lulju 2003, it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ imwaqqaf bis-saħħa ta’ din il-Konvenzjoni ċaħad it-talba ta’ l-Irlanda.

33     It-teħid ta’ dawn il-proċeduri mhuwiex, madankollu, kopert minn dan ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.

34     Fil-25 ta’ Ottubru 2001, l-Irlanda nnotifikat lir-Renju Unit li, skond l-Artikolu 287 tal-Konvenzjoni, hija kienet qiegħda tagħti bidu għal proċedura quddiem it-tribunal ta' l-arbitraġġ previst fl-Anness VII ta’ din il-Konvenzjoni (iktar 'il quddiem it-"Tribunal ta' l-Arbitraġġ") sabiex tinstab soluzzjoni għat-"tilwima dwar il-fabbrika MOX, il-moviment internazzjonali ta’ sustanzi radjoattivi u l-ħarsien ta’ l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż".

35     It-talba promotorja tal-kawża kienet intiża sabiex l-imsemmi Tribunal jaqta’ u jiddeċiedi:

"1)      li r-Renju Unit ma wettaqx l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 192 u 193 u/jew l-Artikolu 194 u/jew l-Artikolu 207 u/jew l-Artikoli 211 u 213 tal-Konvenzjoni f’dak li jirrigwarda l-permess għat-tħaddim tal-fabbrika MOX, b’mod partikolari peress li ma ħax il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjeni, inaqqas jew jikkontrolla t-tniġġis ta’ l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż li jirriżulta 1) mir-rimi intenzjonali ta’ materjal u/jew skart radjoattiv li ġej mill-fabbrika MOX, u/jew 2) minn emissjonijiet aċċidentali ta’ materjal u/jew skart radjoattiv li ġej mill-fabbrika MOX u/jew minn movimenti internazzjonali marbutin ma’ l-attivita tal-fabbrika MOX u/jew 3) mill-emissjonijiet ta’ materjal u/jew skart radjoattiv li ġej mill-fabbrika MOX u/jew minn movimenti internazzjonali marbutin ma’ l-attivita tal-fabbrika MOX, jew li jirriżultaw minn att terroristiku;

2)      li r-Renju Unit ma wettaqx l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 192 u 193 u/jew l-Artikolu 194 u/jew l-Artikolu 207 u/jew l-Artikoli 211 u 213 tal-Konvenzjoni f’dak li jirrigwarda l-permess għat-tħaddim tal-fabbrika MOX 1) peress li m'għamilx stima b’mod xieraq, jew peress li m'għamilx stima, tar-riskju li jista' jirriżulta minn attakk terroristiku kontra l-fabbrika MOX u kontra l-movimenti internazzjonali ta’ materjal radjoattiv marbuta ma l-attività ta’ din il-fabbrika, u/jew 2) peress li ma ppreparax b’mod xieraq, jew ma ppreparax, strateġija globali jew pjan globali sabiex jipprevjeni attakk terroristiku kontra l-fabbrika MOX jew kontra l-movimenti internazzjonali ta’ skart radjoattiv marbuta ma’ l-attività tal-fabbrika u sabiex jiffaċċja u jirreaġixxi għal attakk bħal dan;

3)      li r-Renju Unit ma wettaqx l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 123 u 197 tal-Konvenzjoni f’dak li jirrigwarda l-permess għat-tħaddim tal-fabbrika MOX u naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni ma’ l-Irlanda sabiex jipproteġi l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż, b’mod partikolari billi rrifjuta li jaqsam ċerta informazzjoni u/jew billi rrifjuta li jagħmel stima ambjentali xierqa ta’ l-effetti tal-fabbrika MOX fuq l-ambjent marittimu u ta’ l-attivitajiet marbuta ma' din il-fabbrika u/jew billi ħareġ permess għat-tħaddim tal-fabbrika MOX filwaqt li kien hemm proċedura pendenti dwar is-soluzzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna l-aċċess għall-informazzjoni;

4)      li r-Renju Unit ma wettaqx l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 206 tal-Konvenzjoni f’dak li jirrigwarda l-permess għat-tħaddim maħruġ lill-fabbrika MOX, b’mod partikolari

a)      peress li, fir-[rapport ambjentali ta’ l-1993], ma għamilx stima xierqa u sħiħa ta’ l-effetti li t-tħaddim tal-fabbrika MOX jista’ jkollu fuq l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż; u/jew

b)      peress li, wara l-pubblikazzjoni tar-[rapport ambjentali ta’ l-1993], ma għamilx stima ta’ l-effetti li t-tħaddim tal-fabbrika Mox jista’ jkollu fuq l-ambjent marittimu meta wieħed jikkunsidra l-iżviluppi ta’ fatt u ta’ dritt li seħħu wara l-1993, b’mod partikolari wara l-1998, u/jew

c)      peress li ma għamilx stima ta’ l-effetti li l-movimenti internazzjonali ta’ materjal radjoattiv li jkun sejjer lejn jew ġej mill-fabbrika MOX jista’ jkollhom fuq l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż, u/jew

d)      peress li ma għamilx stima tar-riskju ta’ l-effetti li jista’ jkun hemm fuq l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż fil-każ ta’ attakk terroristiku wieħed jew aktar fuq il-fabbrika MOX u/jew fuq il-movimenti internazzjonali ta’ materjal radjoattiv li jkun sejjer lejn jew ġej mill-fabbrika MOX;

5)      li r-Renju Unit ma jawtorizzax jew iwaqqaf a) it-tħaddim tal-fabbrika MOX, u/jew b) il-movimenti internazzjonali tal-materjal radjoattiv li jkun sejjer lejn jew ġej mir-Renju Unit, marbuta mat-tħaddim tal-fabbrika MOX jew ma' kwalunkwe attività preparatorja jew attività oħra relatata mat-tħaddim tal-fabbrika MOX sakemm 1) ma ssirx stima xierqa ta’ l-effetti fuq l-ambjent tat-tħaddim tal-fabbrika MOX u tal-movimenti internazzjonali ta’ materjal radjoattiv marbuta ma' dan it-tħaddim, 2) ma jintweriex li t-tħaddim tal-fabbrika MOX u l-movimenti internazzjonali ta' materjal radjoattiv marbuta ma' dan it-tħaddim ma jġibux magħhom, direttament jew indirettament, ir-rimi intenzjonali, fl-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż, ta' materjal radjoattiv, inkluż skart radjoattiv, u 3) ma jiġix approvat u adottat, flimkien ma' l-Irlanda, dokument jew pjan strateġiku globali sabiex jipprevjeni attakk terroristiku kontra l-fabbrika MOX u kontra l-movimenti internazzjonali ta' skart radjoattiv marbuta ma' l-attività ta' din il-fabbrika, u sabiex jiffaċċja u jirreaġixxi kontra attakk bħal dan;

6)      li r-Renju Unit jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tal-kawża ta' l-Irlanda."

36     F'dak li jirrigwarda l-liġi li t-Tribunal ta' l-Arbitraġġ għandu japplika, it-talba promotorja tal-kawża ssemmi b'mod partikolari li dan it-Tribunal "jintalab jieħu in kunsiderazzjoni, f'kull każ, id-dispożizzjonijiet ta' strumenti internazzjonali oħra, fosthom il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-leġiżlazzjoni Komunitarja […]".

37     Barra minn hekk, filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 293 tal-Konvenzjoni, l-imsemmija talba tispeċifika li "l-Irlanda tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati b'referenza għal regoli oħra internazzjonali li jorbtu lill-Irlanda u lir-Renju Unit, bħall-Konvenzjoni [għall-ħarsien ta’ l-ambjent marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku] [...], id-Direttiva 85/337/KEE u d-Direttivi 80/836/Euratom u 96/29/Euratom".

38     Fid-9 ta' Novembru 2001, l-Irlanda ressqet ukoll talba għal miżuri provviżorji quddiem it-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar, skond l-Artikolu 290(5) tal-Konvenzjoni, intiża b'mod partikolari sabiex ir-Renju Unit jiġi ordnat jissospendi immedjatament il-permess għat-tħaddim tal-fabbrika MOX.

39     Permezz ta' digriet tat-3 ta' Diċembru 2001 (kawża 10, "Kwistjoni tal-fabbrika MOX", L-Irlanda vs Ir-Renju Unit), it-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar ippreskriva l-miżuri provviżorji li ġejjin, li ma kinux dawk mitluba mill-Irlanda:

"L-Irlanda u r-Renju Unit għandhom jikkooperaw u, għal dan il-għan, għandu jkun hemm konsultazzjonijiet sabiex:

a)      ikun hemm bdil ta' informazzjoni supplimentari fir-rigward tal-konsegwenzi li jista' jkun hemm, għall-Baħar Irlandiż, minħabba d-dħul fis-servizz tal-fabbrika MOX;

b)      ikun hemm monitoraġġ tar-riskji jew ta' l-effetti fuq il-baħar ta' l-Irlanda li jistgħu jirriżultaw mit-tħaddim tal-fabbrika MOX;

c)      f'kull każ, jiġu adottati miżuri sabiex jipprevjenu t-tniġġis ta' l-ambjent marittimu li jista' jirriżulta mit-tħaddim tal-fabbrika MOX".

40     F'dan l-istess digriet, l-imsemmi Tribunal iddikjara prima facie li kellu ġurisdizzjoni u ċaħad l-eċċezzjoni ta' nuqqas ta' ġurisdizzjoni mqajma mir-Renju Unit abbażi ta' l-Artikolu 282 tal-Konvenzjoni, peress li dan l-Istat kien sostna li ċerti aspetti ta' l-ilmenti mressqa mill-Irlanda kienu jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju b'tali mod li kienet biss il-Qorti tal-Ġustizzja li kellha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-tilwima.

41     Din l-eċċezzjoni ta' nuqqas ta' ġurisdizzjoni reġgħet ġiet imqajma mir-Renju Unit fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ u ġiet ittrattata waqt is-seduti quddiem dan it-Tribunal.

42     Permezz ta' digriet ta' l-24 ta' Ġunju 2003, innotifikat lill-Kummissjoni fis-27 ta' Ġunju 2003, it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ iddeċieda li jissospendi l-proċeduri sa l-1 ta' Diċembru 2003 u talab li sa dik id-data jiġi informat iktar fid-dettall fir-rigward ta' l-implikazzjonijiet tad-dritt Komunitarju fit-tilwima li kellu quddiemu.

43     Fl-imsemmi digriet, dan l-istess Tribunal espona li kienu qamu diffikultajiet marbuta mill-qrib mad-dritt Komunitarju fir-rigward ta' kwistjonijiet importanti bħal-locus standi ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit, il-qsim tal-kompetenza bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha f'dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni, safejn l-imsemmi Tribunal seta' jiddeċiedi abbażi tad-dispożizzjonijiet invokati mill-partijiet u l-kompetenza ġurisdizzjonali esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44     F'dan ir-rigward, it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ ikkunsidra li kienet teżisti possibbiltà reali li t-tilwima titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u hija tiddeċiedi li din it-tilwima taqa' taħt id-dritt Komunitarju, u għalhekk il-ġurisdizzjoni ta' l-imsemmi Tribunal tiġi eskluża skond l-Artikolu 282 tal-Konvenzjoni.

45     It-Tribunal ta' l-Arbitraġġ osserva wkoll li l-kwistjonijiet imqajma fir-rigward ġurisdizzjoni tiegħu jikkonċernaw essenzjalment il-funzjonament intern ta' sistema ġuridika distinta, jiġifieri s-sistema ġuridika Komunitarja, u għandhom jiġu riżolti fil-kuntest instituzzjonali tal-Komunità, b'mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja.

46     F'dan il-kuntest, l-imsemmi Tribunal ikkunsidra li, fid-dawl tar-riskju li jkun hemm deċiżjonijiet kontradittorji u tal-kunsiderazzjonijiet relattivi għar-rispett reċiproku u għall-korteżija bejn istituzzjonijiet ġudizzjarji, ma jkunx opportun li jkompli bil-proċeduri fin-nuqqas ta' risposti għall-mistoqsijiet li jirrigwardaw id-dritt Komunitarju. It-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, għalhekk, stieden ukoll lill-partijiet sabiex jieħdu, separatament jew flimkien, il-miżuri meħtieġa sabiex mill-iktar fis possibbli jsolvu l-imsemmija kwistjonijiet fil-kuntest istituzzjonali tal-Komunitajiet Ewropej.

47     Permezz ta' l-istess digriet, it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ ikkonferma l-miżuri provviżorji li kienu ġew preċedentement preskritti mit-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar, filwaqt li ċaħad it-talba ta' l-Irlanda għal miżuri provviżorji supplimentari.

48     Wara li l-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, l-Irlanda talbet lit-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jissospendi s-seduti tiegħu sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni. L-imsemmi Tribunal laqa' din it-talba permezz ta' digriet ta' l-14 ta' Novembru 2004.

 Il-proċeduri għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu

49     Il-Kummissjoni ġiet informata bil-proċeduri li l-Irlanda kienet bdiet quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ stabbilit skond il-Konvenzjoni għall-ħarsien ta’ l-ambejnt marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku (ara punt 30 ta' din is-sentenza) permezz ta' ittra tat-18 ta' Ġunju 2001 tas-Segretarju Eżekuttiv tal-kummissjoni stabbilita skond din il-Konvenzjoni.

50     Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ottubru 2001, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-Irlanda tissospendi dawn il-proċeduri minħabba li t-tilwima kkonċernata kienet taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51     Fil-25 ta' Ottubru 2001, l-Irlanda ressqet il-proċedura tas-soluzzjoni tat-tilwim dwar il-fabbrika MOX skond il-Konvenzjoni.

52     Fl-20 ta' Ġunju 2002, saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi dwar l-elementi kollha ta' l-imsemmija tilwima.

53     Permezz ta' ittra tas-27 ta' Ġunju 2002, segwita minn ittra ta' tfakkir tat-8 ta' Ottubru 2002, is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu lill-awtoritajiet Irlandiżi jibagħtulhom ċerti dokumenti supplimentari, b'mod partikolari n-noti ppreżentati matul il-proċeduri mibdija skond il-Konvenzjoni għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu tal-Grigal ta' l-Atlantiku u skond il-Konvenzjoni.

54     Permezz ta' ittra tat-22 ta' Ottubru 2002, l-Irlanda ssodisfat din it-talba fir-rigward tan-noti li kienu ġew ippreżentati f'isimha fil-proċeduri quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ stabbilit skond il-Konvenzjoni għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu fil-Grigal ta' l-Atlantiku u quddiem it-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar. Madankollu, f'dak li jirrigwarda l-proċeduri quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, l-Irlanda indikat li ż-żewġ partijiet kellhom obbligu ta' kunfidenzjalità sakemm issir is-seduta. Hija indikat ukoll li l-ittra tagħha ma kellhiex tiġi kkunsidrata li tammonta għall-għemil ta' lment skond l-Artikolu 227 KE.

55     Sussegwentement, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu prevista fl-Artikolu 226KE. Permezz ta' ittra tal-15 ta' Mejju 2003, hija intimat lill-Irlanda sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ilment li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 10 KE u 292 KE, minn naħa, u skond l-Artikoli 192 EA u 193 EA, min-naħa l-oħra.

56     Peress li b'ittra tal-15 ta' Lulju 2003 l-Irlanda esprimiet in-nuqqas ta' qbil tagħha mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, din ta' l-aħħar, fid-19 ta' Awwissu 2003, ħarġet opinjoni motivata li biha stiednet lill-imsemmi Stat Membru jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha f'terminu ta' ġimagħtejn min-notifika ta' din l-opinjoni, li iktar tard ġie estiż b'ġimagħtejn supplimentari.

57     Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta ta' l-Irlanda għall-imsemmija opinjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

58     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' April 2004, ir-Renju ta' l-Iżvezja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet ta' l-Irlanda u r-Renju Unit ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq ir-rikors

59     Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tressaq tliet ilmenti. Bil-fatt li bdiet il-proċedura kontra r-Renju Unit skond il-Konvenzjoni, l-Irlanda, l-ewwel nett, naqset milli tirrispetta l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq kull tilwima dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 292 KE, it-tieni nett, kisret din l-istess dispożizzjoni, kif ukoll l-Artikolu 193 EA, meta ssottomettiet quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ tilwima li s-soluzzjoni tagħha tinvolvi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' strumenti li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju u, it-tielet nett, minn naħa, naqset li twettaq l-obbligu ta' kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE billi eżerċitat kompetenza li hija tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, naqset li twettaq dan l-istess obbligu kif jirriżulta mill-Artikolu 10 EA u mill-Artikolu 192 EA billi la informat u lanqas ikkonsultat minn qabel ma' l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti.

 Fuq l-ewwel ilment

60     Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, bil-fatt li bdiet il-proċedura ta' soluzzjoni ta' tilwim prevista mill-Konvenzjoni sabiex tinqata' t-tilwima li hija għandha mar-Renju Unit dwar il-fabbrika MOX, l-Irlanda ma rrispettatx il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dak li jirrigwarda t-tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, għalhekk, kisret l-Artikolu 292 KE.

 L-argumenti tal-partijiet

61     Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-Konvenzjoni hija ftehim imħallat, id-dispożizzjonijiet tagħha invokati mill-Irlanda quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jaqgħu taħt il-kompetenza esterna tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent kif prevista fl-Artikolu 175 KE u li, għaldaqstant, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta' tilwima bejn Stati Membri jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 292 KE.

62     Id-Deċiżjoni 98/392, safejn din tirreferi b'mod partikolari għall-Artikolu 175 KE, u d-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità, safejn din tiddikjara li l-protezzjoni ta' l-ambjent marittimu taqa' taħt il-kompetenzi maqsuma tal-komunità, jikkonfermaw li, bil-fatt li saret parti fil-Konvenzjoni, il-Komunità eżerċitat il-kompetenza maqsuma tagħha fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent. Għaldaqstant mhuwiex meħtieġ li tiġi stabbilita kompetenza esklużiva tal-Komunità fl-oqsma kkonċernati mit-tilwima.

63     Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta titressaq azzjoni quddiemha skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-ftehim imħallta mhux biss meta d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità, iżda wkoll meta dawn jaqgħu taħt xi waħda mill-kompetenzi maqsuma tagħha. Il-Kummissjoni tirreferi, f'dan ir-rigward, għas-sentenzi tas-16 ta' Ġunju 1998, Hermès (C-53/96, Ġabra p. I-3603, punt 33), ta' l-14 ta' Diċembru 2000, Dior et (C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I-11307, punt 33), u tad-19 ta' Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-13/00, Ġabra p. I-2943, punt 20).

64     Barra minn dan, il-kwistjonijiet kollha mqajma quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ huma fil-parti l-kbira tagħhom koperti b'qafas leġiżlattiv ta' atti Komunitarji interni li huwa kważi komplet u, barra minn hekk, uħud minn dawn l-atti jissemmew fl-appendiċi tad-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità.

65     Din id-dikjarazzjoni, li tindika li l-Komunità tista' tkun parti fil-Konvenzjoni biss fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, madankollu ma tirrestrinġix tali adeżjoni għal dawk l-oqsma li huma s-suġġett ta' kompetenza esklużiva.

66     L-Irlanda ssostni li ma kienx hemm trasferiment ta' kompetenza lill-Komunità f'dak li jirrigwarda l-oqsma regolati mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li fuqhom dan l-Istat Membru jibbaża t-talba tiegħu quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ.

67     Kif tikkonferma d-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità, sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Komunità, huwa meħtieġ li jintwera li atti ta' dritt Komunitarju huma effettwati mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni kkonċernati.

68     Il-kompetenzi maqsuma speċifikati fl-imsemmija dikjarazzjoni, safejn dawn jikkonċernaw oqsma li fihom il-Komunità stabbiliet biss regoli minimi, ma ġewx trasferiti u għalhekk għadhom ta' l-Istati Membri.

69     Dispożizzjonijiet ta' ftehim imħallta relattivi għal kompetenzi maqsuma tal-Komunità jifformaw parti integrali mid-dritt Komunitarju biss fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jeffettwaw regoli komuni tad-dritt Komunitarju.

70     Issa dan mhuwiex il-każ fil-każ in eżami, billi r-regoli Komunitarji in kwistjoni dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent jistabbilixxu biss regoli minimi.

71     Għalhekk il-Kummissjoni ma rnexxiliex turi li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni invokati mill-Irlanda quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jinvolvu l-istess obbligi bħal dawk previsti minn atti Komunitarji eżistenti u, għaldaqstant, ma ġabitx il-prova li ġew effettwati regoli Komunitarji.

72     Skond il-Gvern Irlandiż, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni in kwistjoni jinvolvu obbligi li huma iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt Komunitarju.

73     F'dak li jirrigwarda r-rimi ta' sustanzi radjoattivi fl-ambjent marittimu kif ukoll f'dak li jirrigwarda n-notifika u l-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport bil-baħar ta' dawn is-sustanzi, ma teżisti assolutament l-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja. Barra minn dan, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tinkludi l-ebda regola li tista' tiġi mqabbla ma' l-Artikolu 123 tal-Konvenzjoni.

74     Barra minn dan, billi l-Euratom mhijiex parti fil-Konvenzjoni u ebda att adottat fil-kuntest tat-Trattat KEEA ma jidher fl-appendiċi tad-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità, ebda kompetenza bbażata fuq dan it-Trattat ma tista' tiġi attribwita lill-Komunità fil-kuntest tal-Konvenzjoni.

75     Il-Gvern Żvediż isostni li, peress li l-kompetenza esterna tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali mhijiex esklużiva, huwa biss jekk u safejn hija tkun adottat, fuq livell intern, regoli komuni li jistgħu jiġu effettwati minn obbligi assunti mill-Istati Membri fuq livell internazzjonali li l-kompetenza tal-Komunità ssir esklużiva. F'dan ir-rigward, dan il-Gvern jirreferi għas-sentenza tal-31 ta' Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa "ERTA" (22/70, Ġabra p. 263, iktar, punt 17).

76     Issa, fil-każ fejn ir-regoli komuni jkunu jikkonsistu biss f'regoli minimi, l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jfittxu protezzjoni ogħla kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali.

77     Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, f'dak li jirrigwarda l-Parti XII tal-Konvenzjoni, relattiva għall-protezzjoni ta' l-ambjent marittimu, il-kompetenza tal-Komunità għandha tkun ibbażata fuq regoli komuni adottati skond l-Artikolu 175 KE u mhux fuq il-miri ambjentali elenkati fl-Artikolu 174 KE.

78     Sabiex tiġi vverifikata l-portata tat-trasferiment ta' kompetenza lill-Komunità fil-qasam li taħtu jaqgħu d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Konvenzjoni, għandha ssir referenza għall-prinċipji msemmija fil-punti 15 sa 17 tas-sentenza ERTA, iċċitata iktar 'il fuq, u għall-ġurisprudenza sussegwenti li żviluppat dawn il-prinċipji, b'mod partikolari l-opinjonijiet 1/94, tal-15 ta' Novembru 1994 (Ġabra p. I-5267, punt 77) u 2/94, tat-28 ta' Marzu 1996 (Ġabra p. I-1759, punti 24 sa 26).

79     Issa d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni invokati mill-Irlanda quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jistgħu jeffettwaw regoli komuni adottati mill-Komunità peress li, bil-mod kif dawn huma invokati u interpretati minn dan l-Istat Membru quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, l-imsemmija dispożizzjonijiet jirrigwardaw qasam li huwa kopert mit-Trattat KE, mhux b'mod wiesa', iżda b'mod preċiż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80     Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li, permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Irlanda ma rrispettatx il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja billi ressqet quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ tilwima li hija għandha ma' Stat Membru ieħor dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jinvolvu obbligi assunti mill-Komunità fl-eżerċizzju tal-kompetenzi esterni tagħha fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent, u li għalhekk kisret l-Artikolu 292 KE. L-Artikoli tat-Trattat KEEA li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fit-talbiet tagħha jikkonċernaw it-tieni u t-tielet ilmenti.

81     Skond l-Artikolu 300(7) KE "[k]ull akkordju li jsir taħt il-kundizzjonijiet stipulati [fl-imsemmi] Artikolu għandu jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri".

82     Il-Konvenzjoni ġiet iffirmata mill-Komunità u wara approvata permezz tad-Deċiżjoni 98/392. Minn dan isegwi li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta' din il-konvenzjoni issa jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-10 ta' Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).

83     Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha kollha kkonkludew il-Konvenzjoni abbażi ta' kompetenza maqsuma.

84     Issa l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ftehim imħallta għandhom l-istess status, fis-sistema ġuridika Komunitarja, bħall-ftehim purament Komunitarji, billi dawn huma dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14).

85     Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, bil-fatt li jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konkluż mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istati Membri jkunu qegħdin jissodisfaw, fis-sistema Komunitarja, obbligu fir-rigward tal-Komunità li assumiet ir-responsabbiltà għat-twettiq xieraq ta' dan il-ftehim (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15).

86     Peress li l-Konvenzjoni hija ftehim imħallat, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim invokati mill-Irlanda quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ fil-kuntest tat-tilwima dwar il-fabbrika MOX jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Komunità.

87     Mit-termini tat-talba promotorja tal-kawża ta' l-Irlanda (riprodotti fil-punt 35 ta' din is-sentenza) jirriżulta li dan l-Istat Membru essenzjalment jallega li r-Renju Unit ħareġ il-permess għat-tħaddim tal-fabbrika MOX mingħajr ma rrispetta ċerti obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni.

88     B'eċċezzjoni ta' l-Artikolu 123 tal-Konvenzjoni, id-dispożizzjonijiet invokati f'dan ir-rigward kollha kemm huma jinsabu fil-Parti XII ta' l-imsemmija Konvenzjoni, intitolata "Il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' l-ambjent marittimu".

89     B'mod partikolari, l-Irlanda tilmenta li r-Renju Unit, l-ewwel nett, kiser l-Artikolu 206 tal-Konvenzjoni billi naqas li jwettaq l-obbligu li jagħmel stima xierqa ta' l-effetti ambjentali ta' l-attivitajiet kollha marbuta mal-fabbrika MOX fuq l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż, it-tieni nett, li kiser l-Artikolu 123 u 197 tal-Konvenzjoni billi naqas li jwettaq l-obbligu li jikkoopera ma' l-Irlanda sabiex jiġi mħares l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż, baħar parzjalment magħluq, u fl-aħħar nett, li kiser l-Artikoli 192, 193, u/jew 194 u/jew 207, 211 u 213 tal-Konvenzjoni billi ma ħax il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjeni, inaqqas jew jikkontrolla t-tniġġis ta’ l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż.

90     Issa l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-Artikolu 175(1) KE bħala li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-konklużjoni, f'isem il-Komunità, ta' ftehim internazzjonali dwar il-ħarsien ta' l-ambjent (ara, f'dan is-sens, l-opinjoni 2/00, tas-6 ta' Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 44).

91     Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bil-qari ta' din id-dispożizzjoni flimkien ma' dik li tinsab fl-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 174(1) KE, li tinkludi espressament fost il-miri li għandhom jiġu segwiti fil-kuntest tal-politika ambjentali "il-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali li jittrattaw problemi ambjentali kemm reġjonali kif ukoll globali".

92     Huwa minnu li, kif jispeċifika l-Artikolu 176 KE, din il-kompetenza esterna tal-Komunità dwar il-ħarsien ta' l-ambjent, f'dan il-każ ta' l-ambjent marittimu, mhijiex esklużiva iżda, fil-prinċipju, hija maqsuma bejn il-Komunità u l-Istati Membri (ara, f'dan is-sens, l-opinjoni 2/00, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

93     Madankollu, il-kwistjoni jekk dispożizzjoni ta' ftehim imħallat taqax taħt il-kompetenza tal-Komunità tikkonċerna l-attribuzzjoni u, għalhekk, l-istess eżistenza ta' din il-kompetenza, u mhux in-natura esklużiva jew maqsuma tagħha.

94     Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq isegwi li l-eżistenza tal-kompetenza esterna tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent marittimu ma tiddipendix, fil-prinċipju, fuq l-adozzjoni ta' atti tad-dritt sekondarju li jkopru l-qasam ikkonċernat u li jistgħu jiġu effettwati fil-każ tal-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri fil-proċedura għall-konklużjoni tal-ftehim in kwistjoni, fis-sens tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 17 tas-sentenza ERTA, iċċitata iktar 'il fuq.

95     Fil-fatt, il-Komunità tista' tikkonkludi ftehim fil-qasam tal-ħarsien ta' l-ambjent anke jekk l-oqsma speċifiċi koperti minn dawn il-ftehim għadhom mhumiex jew huma biss parzjalment is-suġġett ta' leġiżlazzjoni fuq il-livell Komunitarju, leġiżlazzjoni li, minħabba f'hekk, ma tistax tiġi effettwata (ara, f'dan is-sens, l-opinjoni 2/00, iċċitata iktar 'il fuq, punti 44 sa 47, u s-sentenza tas-7 ta' Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-239/03, Ġabra p. I-9325, punt 30).

96     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-Komunità, meta saret parti mill-Konvenzjoni, għażlitx li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fil-qasam tal-ħarsien ta' l-ambjent, u safejn għażlet li tagħmel dan.

97     F'dan ir-rigward, ir-referenza li ssir, fl-ewwel ċitazzjoni tad-Deċiżjoni 98/392 għall-Artikolu 130s(1) tat-Trattat KE fost id-dispożizzjonijiet li jifformaw il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-Konvenzjoni tindika li dan kien effettivament il-każ.

98     Barra minn dan, il-premessa 5 ta' l-istess deċiżjoni tispeċifika li l-approvazzjoni mill-Komunità ta' l-imsemmija Konvenzjoni hija intiza sabiex tippermetti lill-Komunità ssir parti fiha fil-limiti tal-kompetenza tagħha.

99     Id-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità, prevista fl-Artikolu 1(3) ta' l-imsemmija deċiżjoni, li tagħmel parti mill-istrument tal-konferma formali tal-Komunità li jikkostitwixxi l-Anness II ta' din id-deċiżjoni, tispeċifika l-portata u n-natura tal-kompetenzi li l-Istati Membri ttrasferew lill-Komunità fil-materji rregolati mill-Konvenzjoni li għalihom l-Komunità taċċetta d-drittijiet u l-obbligi previsti minn din il-Konvenzjoni.

100   L-Irlanda ssostni li l-Artikolu 4(3) ta' l-Anness IX tal-Konvenzjoni, b'mod partikolari l-kunċett ta' "trasferiment ta' kompetenza" imsemmija fih, u d-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità għandhom jinftiehmu fis-sens li, fir-rigward ta' kompetenzi maqsuma, meta l-Komunità saret parti mill-Konvenzjoni ġew trasferiti u eżerċitati mill-Komunità biss dawk il-kompetenzi li saru esklużivi minħabba li jkunu effettwati, fis-sens tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 17 tas-sentenza ERTA, iċċitata iktar 'il fuq.

101   Dan huwa fattur partikolari tal-Konvenzjoni, billi din ta' l-aħħar tippermetti biss it-trasferiment tal-kompetenzi esklużivi lill-Komunità, filwaqt li l-kompetenzi l-oħra u r-responsabbiltajiet relatati magħhom jibqgħu ta' l-Istati Membri.

102   Issa, skond l-Irlanda, peress li d-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni, peress li jikkostitwixxu biss regoli minimi, dawn, fil-prinċipju, mhumiex effettwati; għaldaqstant, il-kompetenzi maqsuma relatati magħhom ma ġewx trasferiti fil-kuntest tal-Konvenzjoni.

103   Bil-kontra ta' dan, il-Kummissjoni ssostni li d-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità għandha tinftiehem fis-sens li l-kompetenzi maqsuma kkonċernati huma ttrasferiti u eżerċitati mill-Komunità anke jekk dawn jirrigwardaw oqsma li għalihom attwalment ma teżisti ebda leġiżlazzjoni Komunitarja.

104   F'dan ir-rigward għandu jiġi rilevat li t-tieni sentenza ta' l-ewwel paragrafu tat-tieni inċiż tal-punt 2 tad-dikjarazzjoni ta' kompetenza jipprovdi, fir-rigward, b'mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu, li "meta r-regoli tal-Komunità jkunu jeżistu imma ma jkunux effettwati, [b'mod] partikolari [fil-każ ta'] dispożizzjonijiet tal-Komunità li jistabbilixxu biss normi minimi, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza, mingħajr preġudizzju għall-[kompetenza tal-]Komunità li taġixxi f'dan il-qasam".

105   Għaldaqstant, l-imsemmija dikjarazzjoni tikkonferma li fil-kuntest tal-Konvenzjoni seħħ trasferiment ta' kompetenzi maqsuma, b'mod partikolari fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu, minkejja li r-regoli Komunitarji kkonċernati mhumiex effettwati, fis-sens tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza ERTA, iċċitata iktar 'il fuq.

106   Madankollu, din l-istess silta mid-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità tissuġġetta t-trasferiment ta' kompetenzi maqsuma għall-eżistenza ta' regoli Komunitarji, mingħajr ma jkun meħtieġ li dawn ikunu affettwati.

107   Fil-każijiet l-oħra, jiġifieri f'dawk fejn ma jeżistux regoli Komunitarji, skond it-tielet sentenza ta' l-ewwel paragrafu tat-tieni inċiż tal-punt 2 ta' l-imsemmija dikjarazzjoni, il-kompetenza hija ta' l-Istati Membri.

108   Minn dan isegwi li, fil-kuntest speċifiku tal-Konvenzjoni, it-trasferiment ta' kompetenzi maqsuma lill-Komunità huwa suġġett għall-eżistenza, fl-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Konvenzjoni, ta' regoli Komunitarji, tkun xi tkun il-portata u n-natura tagħhom.

109   F'dan ir-rigward, mingħajr mhija eżawrjenti, l-appendiċi tad-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità tikkostitwixxi bażi utli ta' referenza.

110   Issa, jidher li l-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li l-Irlanda invokat quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ huma ampjament irregolati b'atti Komunitarji, li diversi minnhom jissemmew espressament fl-imsemmi appendiċi.

111   Għalhekk, fir-rigward ta' l-ilment dwar il-ksur ta' l-obbligu li ssir stima xierqa ta' l-effetti ambjentali ta' l-attivitajiet kollha marbuta mal-fabbrika MOX fuq l-ambjent marittimu tal-Baħar Irlandiż, ibbażat fuq l-Artikolu 206 tal-Konvenzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan il-qasam huwa s-suġġett tad-Direttiva 85/337, li tissemma fl-appendiċi tad-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità.

112   L-Irlanda lanqas ma tista' tikkontesta r-rilevanza ta' din id-Direttiva peress li, fit-talba promotorja tal-kawża tagħha quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, hija stess semmietha bħala att li jista' jservi ta' referenza għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Konvenzjoni.

113   Barra minn dan, fit-trattazzjoni orali tagħha quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, l-Irlanda bbażat uħud mill-argumenti tagħha fuq din id-Direttiva sabiex issostni l-imsemmi lment.

114   L-istess osservazzjoni tgħodd ukoll għall-ilment li l-Irlanda tibbaża fuq l-Artikoli 192, 193, 194, 207, 211 u 213 tal-Konvenzjoni, safejn dan jirrigwarda l-obbligu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis tal-Baħar Irlandiż.

115   Fil-fatt, fit-trattazzjoni orali tagħha quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, l-Irlanda bbażat diversi argumenti fuq id-Direttiva 85/337 sabiex issostni dan l-ilment f'dak li jirrigwarda l-obbligu ta' prevenzjoni tat-tniġġis. Għalhekk, ir-rilevanza ta' din id-Direttiva f'dan il-qasam hija evidenti.

116   Min-naħa l-oħra, l-istess ilment, safejn jirrigwarda l-movimenti internazzjonali ta' sustanzi radjoattivi marbuta ma' l-attivitajiet tal-fabbrika MOX, għandu rabta stretta mad-Direttiva 93/75, li wkoll tissemma fl-appendiċi tad-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità, li tirregola l-ħtiġijiet minimi għal vapuri li sejrin lejn, jew qegħdin iħallu, il-portijiet tal-Komunità u li jġorru merkanzija perikoluża jew li tniġġes.

117   Barra minn dan, fir-rigward ta' l-ilment ibbażat fuq l-Artikoli 123 u 197 tal-Konvenzjoni, dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni tar-Renju Unit u, b'mod partikolari, ir-rifjut li taqsam ċerta informazzjoni ma' l-Irlanda, bħalma hija l-verżjoni sħiħa tar-rapport PA, għandu jiġi kkonstatat li d-disponibbiltà ta' informazzjoni ta' din in-natura taqa' taħt id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE tas-7 ta' Ġunju 1990 dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ĠU L 158, p. 56).

118   Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punt 31 ta' din is-sentenza, l-Irlanda għamlet dan l-istess ilment quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ stabbilit skond il-Konvenzjoni għall-ħarsien ta’ l-ambjent marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku, abbażi ta' l-Artikolu 9 ta' din il-Konvenzjoni, liema Konvenzjoni hija invokat mill-ġdid fit-talba promotorja tal-kawża tagħha quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ bħala bażi ta' referenza għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Konvenzjoni. Issa l-Konvenzjoni għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu tal-Grigal ta' l-Atlantiku ġiet konkluża mill-Komunità u, barra minn hekk, issostitwiet il-ftehim ta' Pariġi dwar il-prevenzjoni ta' tniġġis marittimu minn sorsi bbażati fuq l-art, li huma stess jissemmew fl-appendiċi tad-dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Komunità.

119   Huwa wkoll paċifiku li, fit-trattazzjoni orali tagħha quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, l-Irlanda, sabiex issostni l-ilment tagħha in kwistjoni, ibbażat l-argumenti tagħha fuq id-Direttiva 85/337, fuq id-Direttiva 90/313 u fuq il-Konvenzjoni għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu tal-Grigal ta' l-Atlantiku simultanjament.

120   Dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jistabbilixxu li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu invokati mill-Irlanda, li jkopru b'mod ċar parti sinjifikattiva tat-tilwima dwar il-fabbrika MOX, jaqgħu taħt kompetenza li l-Komunità għażlet li teżerċita billi saret parti mill-Konvenzjoni.

121   Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni invokati mill-Irlanda fil-kuntest tat-tilwima dwar il-fabbrika MOX imressqa quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jikkostitwixxu regoli li jagħmlu parti mis-sistema ġuridika Komunitarja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwimiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet u sabiex tikkunsidra jekk dawn ġewx rispettati minn Stat Membru (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 20, u Il-Kummissjoni vs Franza, punt 31).

122   Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hijiex esklużiva, b'mod li tipprekludi lil Stat Membru milli jressaq tilwima bħal dik dwar il-fabbrika MOX quddiem Tribunal ta' l-Arbitraġġ stabbilit skond l-Anness VII tal-Konvenzjoni.

123   Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li ftehim internazzjonali ma jistax jippreġudika l-ordni tal-kompetenzi stabbilit mit-Trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema ġuridika Komunitarja li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura li tiġi rispettata, skond l-Artikolu 220 KE. Din il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonfermata mill-Artikolu 292 KE li jgħid li l-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jissottomettux kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattat KE għal xi metodu ta' soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fih (ara, f'dan is-sens, l-opinjoni 1/91, ta' l-14 ta' Diċembru 1991, Ġabra p. I-6079, punt 35, u 1/00, tat-18 ta' April 2002, Ġabra p. I-3493, punti 11 u 12).

124   Għandu mill-ewwel jiġi kkonstatat li l-Konvenzjoni tippermetti preċiżament li jiġi evitat tali preġudizzju għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja b'mod li tiġi mħarsa l-awtonomija tas-sistema ġuridika Komunitarja.

125   Fil-fatt, mill-Artikolu 282 tal-Konvenzjoni jirriżulta li, billi s-sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim prevista mit-Trattat KE tipprovdi għal proċeduri li jwasslu għal deċiżjonijiet li jorbtu fir-rigward tas-soluzzjoni ta' tilwim bejn Stati Membri, din is-sistema għandha, fil-prinċipju, tieħu preċedenza fuq is-sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim stabbilita fil-Parti XV tal-Konvenzjoni.

126   Ġie stabbilit li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni involuti fit-tilwima dwar il-fabbrika MOX jaqgħu taħt il-kompetenza li l-Komunita eżerċitat meta saret parti fil-Konvenzjoni, b'mod li l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja.

127   Għaldaqstant, dan il-każ jirrigwarda tabilħaqq tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattat KE fis-sens ta' l-Artikolu 292 KE.

128   Barra minn dan, peress li t-tilwima hija bejn żewġ Stati Membri dwar l-allegat nuqqas ta' rispett ta' obbligi tad-dritt Komunitarju li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, din it-tilwima evidentement taqa' taħt wieħed mill-metodi ta' soluzzjoni ta' tilwim stabbiliti mit-Trattat KE, fis-sens ta' l-Artikolu 292 KE, jiġifieri l-proċedura prevista fl-Artikolu 227 KE.

129   Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkuntestat li proċedura bħal dik li l-Irlanda ressqet quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ għandha tiġi kkwalifikata bħala metodu ta' soluzzjoni ta' tilwima fis-sens ta' l-Artikolu 292 KE, peress li skond l-Artikolu 296 tal-Konvenzjoni, id-deċiżjonijiet mogħtija minn tali tribunal huma finali u għandhom forza vinkolanti għall-partijiet fit-tilwima.

130   Madankollu l-Irlanda ssostni sussidjarjament li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni invokati quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jagħmlu parti integrali mid-dritt Komunitarju, l-istess konklużjoni tkun tapplika wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim. Għaldaqstant, it-tressiq ta' tilwima quddiem tribunal ta' l-arbitraġġ previst fl-Artikolu 287(1)(c) tal-Konvenzjoni jikkostitwixxi metodu ta' soluzzjoni ta' tilwim previst mit-Trattat KE fis-sens ta' l-Artikolu 292 KE.

131   Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

132   Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 123 ta' din is-sentenza, konvenzjoni internazzjonali bħalma hija l-Konvenzjoni ma tistax tkun tippreġudika l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dak li jirrigwarda s-soluzzjoni ta' tilwim bejn Stati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, kif ġie rilevat fil-punti 124 u 125 ta' din is-sentenza, l-Artikolu 282 tal-Konvenzjoni jippermetti preċiżament li jiġi assigurat li tali preġudizzju ma jseħħx u, għaldaqstant, li l-awtonomija tas-sistema ġuridika Komunitarja tiġi effettivament imħarsa.

133   Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Artikoli 220 KE u 292 KE jipprekludu lill-Irlanda milli tressaq proċeduri quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ bil-għan li tiġi riżolta t-tilwima dwar il-fabbrika MOX.

134   Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju bil-fatt li t-talba promotorja tal-kawża ta' l-Irlanda quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ tirrigwarda wkoll ċerti obbligi tar-Renju Unit fil-qasam tar-riskji marbuta mat-terroriżmu.

135   Fil-fatt, mingħajr mhemm bżonn li tiġi deċiża l-kwistjoni jekk din il-parti tat-tilwima taqax taħt id-dritt Komunitarju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 120 ta' din is-sentenza, f'dan il-każ, parti sinjifikattiva mit-tilwima bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. F'kull każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tidentifika liema huma dawk l-elementi tat-tilwima relatati ma' dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali kkonċernat li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

136   Peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija waħda esklużiva u vinkolanti fuq l-Istati Membri, l-argumenti ta' l-Irlanda dwar il-vantaġġi li ġġib magħha proċedura ta' arbitraġġ skond l-Anness VII tal-Konvenzjoni meta mqabbla ma' rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 227 KE ma jistax jiġi aċċettat.

137   Fil-fatt, vantaġġi bħal dawn, anke jekk jitqiesu ppruvati, fl-ebda każ ma jistgħu jiġġustifikaw li Stat Membru jeżonera ruħu mill-obbligi previsti mit-Trattat KE f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ġudizzjarji intiżi sabiex jirrimedjaw allegat ksur tad-dritt Komunitarju minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 1979, Il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra p. 2729, punt 9).

138   Fl-aħħar nett, dwar l-argumenti ta’ l-Irlanda li jirrigwardaw l-urġenza u l-possibbiltà li jinkisbu miżuri provviżorji skond l-Artikolu 290 tal-Konvenzjoni, ikun biżżejjed li jiġi rilevat li, skond l-Artikolu 243 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna kull miżura provviżorja fil-kawżi miġjuba quddiemha. Huwa evidenti, għalhekk, li tali miżuri jistgħu jiġu ordnati fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skond l-Artikolu 227 KE.

139   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq, hemm lok li l-ewwel ilment jiġi milqugħ.

 Fuq it-tieni lment

140   Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-Irlanda ssottomettiet strumenti tad-dritt Komunitarju għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni mit-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 292 KE u, f’dak li jirrigwarda l-istrumenti invokati li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, ksur ta' l-Artikolu 193 EA.

 L-argumenti tal-partijiet

141   Il-Kummissjoni tallega li l-Irlanda ma rrispettatx il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif prevista fl-Artikoli 292 KE u 193 EA, peress li dan l-Istat Membru invoka quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, b’mod partikolari fit-talba promotorja tal-kawża tiegħu, ċerti strumenti tad-dritt Komunitarju li skond l-Artikolu 293 tal-Konvenzjoni jaqgħu taħt it-Trattat KE jew taħt it-Trattat KEEA u, għalhekk, bħala liġi biex tiġi applikata minn dan it-Tribunal.

142   Il-Gvern tar-Renju Unit li jikkondividi din l-opinjoni, jippreċiża li, fin-noti ta’ osservazzjonijiet li hija ppreżentat quddiem l-imsemmi Tribunal, l-Irlanda invokat, skond l-Artikolu 293 tal-Konvenzjoni, diversi atti tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 85/337, 90/331 u 92/3/Euratom tat-3 ta’ Frar 1992 dwar is-sorveljanza u l-kontroll ta’ spedizzjonijiet ta’ skart radjoattiv bejn l-Istati Membri u għal ġewwa l-Komunità u barra minnha (ĠU L 35, p. 24), kif ukoll ftehim internazzjonali, bħall-Konvenzjoni għall-ħarsien ta’ l-ambjent marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku.

143   L-imsemmi Gvern jirrileva wkoll li, quddiem dan it-Tribunal, l-Irlanda sostniet argumenti li jirrigwardaw l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dawn l-atti jew ta’ dawn il-ftehim u allegat li l-imġieba tar-Renju Unit hija inkompatibbli ma' ċerti obbligi tad-dritt Komunitarju li joħorġu minnhom.

144   L-Irlanda ssostni li hija rreferiet għal strumenti tad-dritt Komunitarju bħala elementi ta’ fatt li ma jorbtux, bl-iskop waħdieni li tiffaċilita l-interpretazzjoni ta’ ċerti termini tal-Konvenzjoni billi tindika l-mod kif dawn huma mifhuma fil-prattika ta' qrati ta’ sistemi ġuridiċi oħra apparti dik tat-Tribunal ta' l-Arbitraġġ.

145   Skond dan l-Istat Membru, elementi ta’ sistema ġuridika distinta minn dik tal-Konvenzjoni jistgħu jintużaw ukoll bħala "renvoi", teknika ġuridika kurrenti li hija intiża sabiex tiggarantixxi l-koeżistenza armonjuża ta’ regoli li joħorġu minn sistemi ġuridiċi differenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

146   Huwa paċifiku li fit-talba promotorja tal-kawża tagħha u fin-noti li ressqet quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ, l-Irlanda invokat numru ta’ atti Komunitarji.

147   Apparti l-Konvenzjoni għall-ħarsien ta’ l-ambjent marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku, dawn l-atti essenzjalment huma, f’dak li jirrigwarda t-Trattat KE, id-Direttivi 85/337 u 90/313 u, f’dak li jirrigwarda t-Trattat KEEA, id-Direttivi 92/3, 80/836 u 96/29.

148   Huwa wkoll paċifiku li l-Irlanda invokat dawn l-atti Komunitarji abbażi ta' l-Artikolu 293(1) tal-Konvenzjoni li jipprovdi li tribunal bħat-Tribunal ta' l-Arbitraġġ "għandu japplika din il-Konvenzjoni u r-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali li ma jkunux [in]kompatibbli ma din il-Konvenzjoni".

149   Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn diversi siltiet tan-noti ppreżentati mill-Irlanda quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jirriżulta li dan l-Istat Membru ressaq l-imsemmija atti Komunitarji mhux biss bħala elementi rilevanti sabiex jiġi ċċarat is-sens tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Konvenzjoni in kwistjoni fit-tilwima, iżda wkoll bħala regoli tad-dritt internazzjonali sabiex jiġu applikati mill-imsemmi Tribunal skond l-Artikolu 293 tal-Konvenzjoni.

150   Għaldaqstant, kif sostna l-Gvern tar-Renju Unit mingħajr ma ġie kkontradett fuq dan il-punt, l-Irlanda b’mod partikolari sostniet quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ li r-rapport ambjentali ta’ l-1993 ma kienx konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337 u li r-rifjut tar-Renju Unit li jikkomunika l-pjan ta’ tħaddim tal-fabbrika MOX ma ppermettiex li tiġi evalwata l-ġustifikazzjoni ta’ din il-fabbrika kif meħtieġ mid-Direttiva 96/29, apparti li dan ir-rifjut kien jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 80/836 u ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 96/29.

151   Għalhekk jidher li l-Irlanda ssottomettiet strumenti tad-dritt Komunitarju quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ bil-għan li dawn jiġu interpretati u applikati fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat li r-Renju Unit kiser id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija strumenti.

152   Issa dan imur kontra l-obbligu impost fuq l-Istati Membri skond l-Artikoli 292 KE u 193 EA rispettivament, li jirrispettaw in-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta' tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari billi jużaw il-proċeduri previsti fl-Artikoli 227 KE u 142 EA bil-għan li jiġi kkonstatat ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet minn Stat Membru ieħor.

153   Għaldaqstant, peress li wħud mill-istrumenti kkonċernati jaqgħu taħt it-Trattat KE u oħrajn taħt it-Trattat KEEA, għandu jiġi kkonstatat ksur ta’ l-Artikoli 292 KE u 193 EA.

154   Barra minn dan għandu jiġi rilevat li l-bidu u t-tkomplija ta’ proċeduri quddiem it-Tribunal ta' Arbitraġġ, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 146 sa 150 ta’ din is-sentenza, iġibu magħhom riskju ċar ta’ preġudizzju għall-ordni tal-kompetenzi stabbilit mit-Trattati u, għaldaqstant, għall-awtonomija tas-sistema ġuridika Komunitarja.

155   Issa dan ir-riskju jeżisti minkejja li, kif tafferma l-Irlanda, hija tat garanzija formali li ma stidnitx u mhijiex se tistieden lit-Tribunal ta' l-Arbitraġġ jeżamina jew jevalwa, abbażi ta’ l-Artikolu 293 tal-Konvenzjoni jew ta' kull dispożizzjoni oħra, jekk ir-Renju Unit kisirx regola tad-dritt Komunitarju.

156   Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ l-imsemmi riskju jirrendi kompletament irrilevanti l-fatt li l-Irlanda setgħet stiednet lill-imsemmi Tribunal japplika d-dritt Komunitarju permezz ta’ renvoi jew billi jagħmel użu minn kull teknika oħra.

157   Konsegwentement, it-tieni lment għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

 Fuq it-tielet ilment

158   Permezz tat-tielet ilment tagħha, l-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-Irlanda ma rrispettatx l-obbligu ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE peress li, bil-fatt li bdiet proċeduri fil-kuntest tal-Konvenzjoni abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità, l-Irlanda eżerċitat kompetenza li hija tal-Komunità. It-tieni nett, l-Irlanda naqset ukoll mill-obbligu ta’ kooperazzjoni li jirriżulta kemm mill-Artikolu 10 KE kif ukoll mill-Artikolu 192 EA billi unilateralment bdiet dawn il-proċeduri mingħajr ma informat jew ikkonsultat minn qabel ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti.

 L-argumenti tal-partijiet

159   Il-Kummissjoni ssostni li, bil-fatt li bdiet proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fil-kuntest tal-Konvenzjoni abbażi ta' dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità, l-Irlanda eżerċitat kompetenza li hija tal-Komunità.

160   Issa azzjoni bħal din tista’ toħloq konfużjoni għal Stati terzi, li huma partijiet fil-Konvenzjoni, f’dak li jirrigwarda r-rappreżentanza esterna u l-koeżjoni interna tal-Komunità bħala parti kuntrattwali u hija ta’ preġudizzju kbir għall-effikaċja u għall-koeżjoni ta’ l-azzjoni esterna tal-Komunità.

161   Barra minn hekk, kien hemm ksur ta’ l-Artikoli 10 KE u 192 EA minħabba li Stat Membru ma jistax unilateralment jibda proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fil-kuntest ta’ ftehim imħallat mingħajr ma l-ewwel jinforma jew jikkonsulta ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti.

162   Issa l-kuntatti kollha bejn il-Kummissjoni u l-Irlanda seħħu wara li nbdew il-proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fil-kuntest tal-Konvenzjoni għall-ħarsien ta’ l-ambjent marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku u tal-Konvenzjoni.

163   L-Irlanda ssostni li, peress li huwa prinċipju ġenerali, l-Artikolu 10 KE joħloq obbligu residwu. Għaldaqstant, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li kien hemm ksur ta’ l-Artikolu 292 KE, ma jistax ikun hemm ukoll ksur ta’ l-Artikolu 10 KE.

164   Il-Gvern Żvediż huwa essenzjalment ta’ l-istess opinjoni.

165   L-Irlanda żżid li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, konsultazzjoni minn qabel ma kinitx twassal għal qbil bejn l-opinjonijiet rispettivi peress li l-Kummissjoni kienet evidentement ta’ l-opinjoni li dan l-Istat Membru ma setax juża l-proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim prevista mill-Konvenzjoni.

166   Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-Irlanda kellha, għall-inqas, tikkunsidra li kienu jeżistu raġunijiet oġġettivi sabiex ikun hemm dubji serji dwar kemm l-intenzjoni tagħha kienet konformi ma’ l-Artikoli 292 KE u 193 EA.

167   F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-Istat Membru kellu l-obbligu li jikkonsulta ma’ l-imsieħba tiegħu u, fin-nuqqas ta' soluzzjoni tat-tilwima b'dan il-mod, kien ikun imiss lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-kompetenza tal-Komunità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

168   L-ewwel nett, il-Kummissjoni tallega li l-Irlanda kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE peress li, bil-fatt li beda proċedura ta' arbitraġġ skond il-Konvenzjoni, l-imsemmi Stat Membru eżerċita kompetenza li hija tal-Komunità.

169   Issa l-obbligu ta’ l-Istati Membri, previst fl-Artikolu 292 KE, li jirrikorru għas-sistema ġudizzjarja Komunitarja u li jirrispettaw il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkostitwixxi fattur fundamentali ta’ din is-sistema, għandu jiġi mifhum bħala manifestazzjoni speċifika ta’ l-obbligu ġenerali tagħhom ta’ lealtà li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE.

170   Għandu wkoll jiġi kkonstatat li din l-ewwel parti tat-tielet ilment għandha l-istess suġġett bħall-ewwel ilment peress li tirrigwarda l-istess imġieba ta’ l-Irlanda, jiġifieri l-fatt li dan l-Istat Membru beda l-proċedura quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ bi ksur ta’ l-Artikolu 292 KE.

171   Għaldaqstant, mhemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi ġenerali previsti fl-Artikolu 10 KE li huwa distint min-nuqqas, li diġà ġie kkonstatat, ta' twettiq ta’ l-obbligi Komunitarji iktar speċifiċi li huma imposti fuq l-Irlanda skond l-Artikolu 292 KE.

172   It-tieni nett, il-Kummissjoni tilmenta li l-Irlanda kisret l-Artikoli 10 KE u 192 EA peress li dan l-Istat Membru beda l-proċedura quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ mingħajr ma l-ewwel informa jew ikkonsulta ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti.

173   Din it-tieni parti tat-tielet ilment tirrigwarda allegata ommissjoni ta’ l-Irlanda li hija distinta mill-imġieba li hija s-suġġett ta’ l-ewwel ilment. Għaldaqstant, din għandha tiġi eżaminata.

174   Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fl-oqsma kollha li jikkorrispondu għall-għanijiet tat-Trattat KE, l-Artikolu 10 KE jitlob lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità u ma jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet ta' l-imsemmi Trattat (ara, b’mod partikolari, l-opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 119). L-Istati Membri għandhom obbligi ta’ l-istess natura fil-kuntest tat-Trattat KEEA skond l-Artikolu 192 EA.

175   Barra minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom obbligu ta’ kooperazzjoni stretta fit-twettiq ta’ l-obbligi assunti minnhom taħt kompetenza maqsuma meta jikkonkludu ftehim imħallat (ara s-sentenza Dior et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

176   Din hija partikolarment is-sitwazzjoni fil-każ ta’ tilwima li, bħal dik ta’ dan il-każ, tirrigwarda essenzjalment obbligi li jirriżultaw minn ftehim imħallat li jaqa’ taħt qasam, jiġifieri l-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu, li fih il-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri jistgħu jkunu strettament interkonnessi, kif jidher, barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni ta’ kompetenzi tal-Komunità u mill-appendiċi tagħha.

177   Il-fatt li tilwima ta’ din in-natura tiġi mressqa quddiem qorti bħalma huwa t-Tribunal ta' l-Arbitraġġ iġib miegħu r-riskju li qorti oħra li ma tkunx il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-portata ta’ l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skond id-dritt Komunitarju.

178   Barra minn hekk, fl-ittra tagħhom tat-8 ta’ Ottubru 2001, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu diġà sostnew li t-tilwima dwar il-fabbrika MOX, kif imressqa mill-Irlanda quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ stabbilit skond il-Konvenzjoni għall-ħarsien ta’ l-ambjent marittimu tal-Grigal ta’ l-Atlantiku, kienet taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

179   F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu ta’ kooperazzjoni stretta fil-kuntest ta’ ftehim imħallat jimplika, min-naħa ta’ l-Irlanda, l-obbligu li, qabel ma tibda proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwima dwar il-fabbrika MOX fil-kuntest tal-Konvenzjoni, din l-ewwel tinforma u tikkonsulta ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti.

180   L-Irlanda għandha wkoll l-istess obbligu ta’ informazzjoni u ta' konsultazzjoni skond it-Trattat KEEA safejn dan l-Istat Membru kien biħsiebu jinvoka dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Trattat u atti adottati bi twettiq ta' dan it-Trattat, fil-kuntest tal-proċedura li huwa kien biħsiebu jibda quddiem it-Tribunal ta' l-Arbitraġġ.

181   Issa huwa paċifiku li, fid-data meta l-Irlanda ressqet din il-proċedura, hija ma rrispettatx dan l-obbligu ta’ informazzjoni u ta' konsultazzjoni minn qabel.

182   Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tielet ilment għandhu jiġi milqugħ safejn huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bil-fatt li bdiet proċedura fil-kuntest tas-sistema ta’ soluzzjoni ta’ tilwim prevista mill-Konvenzjoni mingħajr ma l-ewwel informat jew ikkonsultat ma’ l-awtoritajiet Komunitarji kompetenti, l-Irlanda ma rrispettatx l-obbligu ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikoli 10 KE u 192 EA.

183   Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi milqugħ.

 Fuq l-ispejjeż

184   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, ir-Renju Unit u r-Renju ta’ l-Iżvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Bil-fatt li bdiet proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim kontra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-kuntest tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, f'dak li jirrigwarda l-fabbrika MOX stabbilita fis-sit ta’ Sellafield (ir-Renju Unit), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 10 u 292 KE u l-Artikoli 192 u 193 EA.

2)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Renju ta’ l-Iżvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.