Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta' Ġunju 2006 (*)

"Drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati –Direttiva 93/83/KEE– Artikolu 9(2) – Firxa tal-poteri ta' soċjetà kollettriċi li tamministra d-drittijiet ta' proprjetarju li ma tahiex l-amministrazzjoni ta' dawn id-drittijiet – Eżerċizzju tad-dritt li jingħata jew jiġi rrifjutat il-permess lil operatur tal-cable li jirritrażmetti xandira bil-cable"

Fil-kawża C-169/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' April 2005, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' April 2005, fil-proċedura

Uradex SCRL

vs

Union Professionnelle de la Radio et de la Télédistribution (RTD),

Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (BRUTELE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), J.-P. Puissochet, S. von Bahr u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur fid-19 ta' Jannar 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Uradex SCRL, minn A. Stowel, avocat, u G. Berrisch, Rechtsanwalt,

–       għall-Union Professionnelle de la Radio et de la Télédistribution (RTD) kif ukoll għas-Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (BRUTELE), minn E. Cornu u F. de Visscher, avocats,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Żvediż, minn K. Wistrand, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 14 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 9 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet ta' l-awtur applikabbli għax-xandir bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-cable (ĠU L 248, p. 15, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Uradex SCRL (aktar 'il quddiem "Uradex") u l-Union Professionnelle de la Radio et de la Télédistribution (aktar 'il-quddiem r-"RTD"), kif ukoll is-Société Intercommunale pour la Diffusion de la Télévision (aktar 'l quddiem "BRUTELE"), li fiha Uradex talbet li jiġi ordnat lill-membri ta' r-RTD, u, b'mod partikolari lil BRUTELE, li jwaqqfu r-ritrażmissjoni bil-cable ta' prestazzjonijiet li jappartjenu lir-repertorju tagħha.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Is-sebgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva tgħid:

"[…] t[r]-ritrasmissjoni bil-cable ta’ programmi minn Stati Membri oħra hu att soġġett għad-drittijiet ta’ l-awtur u, skond il-każ, jeddijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur; […]l-operatur bil-cable għandu, għalhekk, jikseb l-awtorizzazzjoni minn kull min ikollu l-jeddijiet f’kull parti tal-programm li jkun trasmess mill-ġdid; […]bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw b’mod kuntrattwali […]".

4       Skond it-tmienja u għoxrin premessa tad-Direttiva:

"[…]sabiex ikun assigurat li t-tħaddim bla xkiel ta’ ftehim kuntrattwali ma jitpoġġiex fid-dubbju bl-intervent ta’ barranin li jkollhom jeddijiet f''partijiet individwali tal-progamm, għandhom isiru disposizzjonijiet, permezz ta’ l-obbligazzjoni li jkun hemm rikors għal soċjetà li tiġbor, għall-eżerċizzju ta’ kollezzjoni esklussiv tal-jedd ta’ awtorizzazzjoni safejn dan hu meħtieġ mill-karatteristiċi speċjali tar-ritrażmissjoni bil-cable; […]il-jedd ta’ awtorizzazzjoni bħala tali jibqa’ intatt u l-eżerċizzju ta’ dan il-jedd biss hu regolat sa ċertu punt, sabiex il-jedd li tkun awtorizzata t-ritrasmissjoni bil-cable tista’ tkun assenjata […]".

5       L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva jiddisponi :

"L-Istati Membri għandhom jassiguraw li meta programmi minn Stati Membri oħra jkunu trasmessi mill-ġdid permezz bil-cable fit-territorju tagħhom ikunu osservati d-drittijiet ta’ l-awtur applikabbli u l-jeddijiet relatati u li dik ir-ri-trasmissjoni ssir abbażi ta’ ftehim kuntrattwali individwali jew kollettiv bejn dawk li jkollhom il-drittijiet ta’ l-awtur, dawk li jkollhom il-jeddijiet relatati u operaturi tal-cable."

6       L-Artikolu 9 tad-Direttiva, imsejjaħ "Eżerċizzju tal-jedd ta' ritrasmissjoni bil-cable", huwa fformulat kif ġej :

"1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-jedd ta’ min għandu d-drittijiet ta’ l-awtur u dawk li jkollhom jeddijiet relatati li jagħtu jew jirrifjutaw awtorizzazzjoni lil operatur tal-cable għal cable retransmission jista’ jkun estiż biss permezz ta’ soċjetà kollettriċi.

2.      Meta dak li jkollu jedd ma jkunx trasferixxa l-immaniġġjar tal-jeddijiet tiegħu lil soċjetà kollettriċi, is-soċjetà kollettriċi li timmaniġġja jeddijiet ta’ l-istess kategorija għandha titqies li ngħatatilha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet. Meta aktar minn soċjetà kollettriċi waħda timmaniġġja jeddijiet ta’ dik il-kategorija, dak li jkollu l-jedd għandu jkun liberu li jagħżel liema minn dawk is-soċjetajiet kollettriċi tkun meqjusa li jkollha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet tiegħu. Dak li jkollu l-jedd kif imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jkollu l-istess jeddijiet u obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-ftehim bejn l-operatur tal-cable u s-soċjetà kollettriċi li tkun meqjusa li jkollha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet tiegħu daqs dak li jkollu l-jeddijiet li jkun ta mandat lil dik is-soċjetà kollettriċi u dan għandu jkun jista’ jinvoka dawk il-jeddijiet […]

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 36 tal-liġi tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar id-dritt ta' l-awtur u drittijiet relatati (Moniteur belge tas-27 ta' Lulju 1994, p. 19297, aktar 'il quddiem il-"liġi"):

"Salv ftehim kuntrarju, l-artist li jinterpreta jew li jeżegwixxi jċedi lil produttur tax-xogħol awdjoviżiv id-dritt esklużiv ta' użu awdjoviżiv tal-prestazzjoni tiegħu […]"

8       Imdaħħla fit-taqsima intitolata "Fuq ir-ritrażmissjoni bil-cable", l-Artikolu 51(d) tal-liġi jiddisponi :

"Konformement mal-kapitli preċedenti u taħt il-modi ddefiniti hemmhekk, l-awtur u l-proprjetarji ta' drittijiet relatati għandhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw ir-ritrażmissjoni bil-cable tax-xogħlijiet jew tal-prestazzjonijiet tagħhom".

9       Fl-istess taqsima, l-Artikolu 53(1) u (2) tal-liġi ttraspona fid-dritt Belġjan, f'termini analogi, rispettivament l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva.

 Il-kawża prinċipali

10     Uradex, soċjetà kollettriċi tad-drittijiet relatati ta' artisti interpreti u eżekuturi, ippreżentat, quddiem it-tribunal de première istance de Bruxelles, talba sabiex jiġi kkonstatat li, meta rritrażmettiet bil-cable, mingħajr permess u għalhekk bi ksur ta' l-Artikoli 51 u 53 tal-liġi, il-prestazzjonijiiet ta' artisti interpreti u eżekuturi li jappartjenu lir-repertorju tagħha, il-kumpanniji ta' operaturi tal-cable membri tar-RTD, u b'mod partikolari BRUTELE, kisru d-drittijiet relatati li Uradex tamministra. Hija bl-istess mod talbet li jiġi ordnat lil kull soċjetà in kwistjoni tieqaf milli tirritrażmetti bil-cable l-prestazzjonijiet tagħha.

11     Peress li t-talba tagħha ġiet miċħuda, Uradex ippreżentat appell quddiem il-cour d’appel de Bruxelles.

12     Fir-rigward tal-prestazzjonijiet kemm awdjoviżivi kif ukoll mhux awdjoviżivi, din ta' l-aħħar l-ewwel qieset li jekk is-soċjetajiet kollettriċi tad-drittijiet relatati għandhom id-dritt esklużiv li jagħtu permess jew jipprojbixxu r-ritrażmissjoni bil-cable (aktar 'il quddiem "dritt ta' ritrażmissjoni"), dan id-dritt hu, madankollu ristrett għad-drittijiet li fihom l-amministrazzjoni hija mogħtija lill-istess kumpanniji.

13     Fil-fatt, skond il-Qorti ta' l-Appell, l-Artikolu 53(2) tal-liġi, li jittrasponi l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, ma jipprevedix l-eżerċizzju minn soċjetà ta' amministrazzjoni ta' dritt ta' ritrażmissjoni ta' artisti li ma tawhiex l-amministrazzjoni tad-drittijiet tagħhom, kif inhu l-każ, fid-dawl ta' l-Artikolu 53(1) tal-liġi, għall-artisti li għamlu hekk.

14     L-Artikolu 53(2) ta' din il-liġi jiddisponi biss li din is-soċjetà "hija kkunsidrata li għandha poter li tamministra dawn id-drittijiet", ħaġa li, fir-rigward tan-natura essenzjalment ta' fiduċja ta' din l-amministrazzjoni, essenzjalment tikkonsisti, fir-realtà, f'li tieħu l-ħlas li għalih dawk il-prestazzjonijiet jagħtu lok u terġa' tagħtihom lill-proprjetarji tad-drittijiet li huma għandhom.

15     Barra minn hekk, il-Qorti ta' l-Appell tikkunsidra li, f'dak li jikkonċerna l-prestazzjonijiet awdjoviżivi, Uradex ma tistax, fid-dawl ta' l-Artikolu 36 tal-liġi, teżerċita d-dritt ta' ritrażmissjoni bil-cable ukoll fir-rigward ta' l-artisti li taw l-amministrazzjoni tad-drittijiet tagħhom lil din is-soċjetà. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi preżunzjoni legali li l-artista tad-dritt tiegħu ta' ritrażmissjoni lill-produttur. Issa, soċjetà kollettriċi taġixxi f'isem l-artisti interpreti jew eżekuturi li tirrappreżenta, u, ma tamministrax iżjed ħlief id-drittijiet ta' dawk miżmuma minn din ta' l-aħħar. Permess ta' Uradex mhuwiex mitlub ħlief meta, skond l-Artikolu 36 tal-liġi, hija tiċħad din il-preżunzjoni billi turi l-eżistenza ta' ftehim bejn l-artisti kkonċernati u l-produtturi li eskludew din iċ-ċessjoni ta' dan id-dritt ta' ritrażmissjoni jew, fin-nuqqas, jekk hija rrappreżentat lill-produtturi ta' xogħlijiet awdjoviżivi. Dan ma ġarax f'dan il-każ.

16     Jirriżulta minn dak li ntqal preċedentement li l-cour d’appel ma ddikjaratx it-talba fondata ħlief parzjalment. Minn naħa, hija kkonstatat, b'mod partikolari, li BRUTELE, meta ttrażmettiet il-prestazzjonijiet li mhumiex awdjoviżivi, kisret id-drittijiet relatati ta' l-artisti interpreti u eżekuturi li taw l-amministrazzjoni tagħhom lill-Uradex u, għalhekk, hija ordnat il-waqfien ta' dawn ir-ritrażmissjonijiet fin-nuqqas ta' permess minn Uradex. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet ir-rikors għall-kumplament.

17     Uradex ressqet appell quddiem il-Cour de cassation, li fih sostniet, f'dak li jikkonċerna l-ewwel id-drittijiet relatati li tagħhom il-proprjetarji ma tawhiex l-amministrazzjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 53 tal-liġi, u mill-Artikolu 9 tad-Direttiva, li soċjetà kollettriċi m'hijiex biss ikkunsidrata responsabbli ta' amministrazzjoni li hija limitata għall-ġbir tal-ħlas, iżda wkoll li dawn l-Artikoli jagħtuha wkoll id-dritt ta' ritrażmissjoni. Barra minn hekk, din is-soċjetà kienet teżerċita, skond Uradex, tali dritt anki fir-rigward tal-prestazzjonijiet awdjoviżivi, peress li l-imsemmija Artikoli ma jagħmlu ebda distinzjoni skond meta d-dritt ta' ritrażmissjoni huwa ċedut jew le lil terzi.

18     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-Artikolu 9 [(]2[)], tad-[Direttiva], għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta soċjetà kollettriċi hija kkunsidrata responsabbli li tamministra d-drittijiet ta' proprjetarju ta' drittijiet ta' l-awtur jew ta' drittijiet relatati li l-amministrazzjoni tagħhom ma jkunux ġew mogħtija lil soċjetà kollettriċi, din is-soċjetà m'għandhiex il-poter li teżerċita d-dritt ta' dan il-proprjetarju jew li tiċħad il-permess lil operatur tal-cable li jirritrażmetti bil-cable xandira, peress li tkun responsabbli biss għall-amministrazzjoni ta' l-aspetti finanzjarji tad-drittijiet ta' dak il-proprjetarju?"

 Fuq id-domanda preliminari

19     Jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva, u mis-sebgħa u għoxrin premessa tagħha, li operatur tal-cable ma jistax jirritrażmetti x-xandiriet ikkonċernati ħlief meta jkollu, fuq il-bażi ta' kuntratti, il-permess tal-proprjetarji kollha ta' dawn id-drittijiet, jiġifieri kemm ta' dawk li jkunu taw l-amministrazzjoni ta' dawn id-drittijiet lil soċjetà kollettriċi u kemm ta' dawk li ma jkunux għamlu hekk. Bħala kumpens ta' dan il-permess il-proprjetarji jirċievu, bħala prinċipju, ħlas.

20     Madankollu, fl-interess taċ-ċertezza legali, sabiex l-operaturi tal-cable jkunu jistgħu jkunu ċerti li akkwistaw id-drittijiet kollha marbuta ma' programmi li ġew ritrażmessi u sabiex jeskludu li l-persuni barranin li għandhom drittijiet fuq ċerti elementi ta' dawn il-programmi ma jkunux jistgħu jqajmu l-kwistjoni, billi jinvokaw id-drittijiet tagħhom, it-tmexxija tajba ta' ftehim kuntrattwali li jagħti permess għar-ritrażmissjoni ta' l-imsemmija programmi, id-Direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 9(1), li dawn il-proprjetarji ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt ta' ritrażmissjoni ħlief minn soċjetà kollettriċi. B'dan il-mod, id-Direttiva tirrestrinġi n-numru ta' persuni li magħhom l-operaturi tal-cable għandhom jinnegozjaw sabiex ikollhom permess ta' ritrażmissjoni, b'mod partikolari taħt kumpens ta' ħlas, li jirrispetta għal kollox id-drittijiet ta' l-awtur u d-drittijiet relatati tal-proprjetarji kollha.

21     Huwa f'dan il-kuntest, li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva jipprovdi li meta l-proprjetarju ta' drittijiet ta' awtur jew ta' drittijiet relatati ma tax l-amministrazzjoni tad-drittijiet tiegħu lil soċjetà kollettriċi, is-soċjetà kollettriċi li tamministra d-drittijiet ta' l-istess kategorija tamministra wkoll id-drittijiet ta' dan il-proprjetarju. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx ħlief tikkonkretizza r-regola li hemm fl-Artikolu 9(1) b'relazzjoni mas-sitwazzjoni partikolari ta' proprjetarju bħal dan.

22     Barra dan, meta jiddisponi li soċjetà kollettriċi hija responsabbli li tamministra "id-drittijiet tagħha", l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva m'għandu l-ebda restrizzjoni f'dak li jikkonċerna t-tifsira ta' l-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju. B'hekk ma jirriżultax minn din il-formulazzjoni li din l-amministrazzjoni għandha tikkonċerna biss l-aspetti finanzjarji tad-drittijiet in kwistjoni, u tħalli barra d-dritt ta' ritrażmissjoni.

23     Barra minn hekk, it-titolu ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva, "Eżerċizzju tad-dritt ta' ritrażmissjoni bil-cable", ifisser li d-dispożizzjonijiet kollha flimkien ta' dan l-Artikolu jfissru preċiżament dan id-dritt.

24     Għandu madankollu jintqal ukoll, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li, kif tippreċiża s-sebgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva, dan ma jipprekludix iċ-ċessjoni tad-dritt ta' ritrażmissjoni. Issa, din iċ-ċessjoni tista' ssir kemm abbażi ta' kuntratt kif ukoll abbażi ta' preżunzjoni legali. B'hekk, id-Direttiva ma tipprekludix li awtur, artista li jinterpreta, eżekutur, jew produttur jitlef, skond dispożizzjoni nazzjonali, bħal ma huwa l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 36 tal-liġi, il-kwalità tiegħu ta' "proprjetarju" ta' dan id-dritt skond l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, li għandu l-konsegwenza tal-ksur ta' kull rabta legali li teżisti skond din id-dispożizzjoni bejnu u s-soċjetà kollettriċi.

25     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandha titwieġeb id-domanda magħmula li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta soċjeta kollettriċi hija kkunsidrata li hija responsabbli ta' l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur jew ta' drittijiet relatati li ma ngħatawx l-amministrazzjoni tad-drittijiet tagħha lil soċjetà kollettriċi, din is-soċjetà għandha l-poter li teżerċita d-dritt ta' dan il-proprjetarju jew li tiċħad il-permess lil operatur tal-cable li jirritrażmetti bil-cable xandira, u għalhekk, l-amministrazzjoni minn din l-imsemmija soċjetà tad-drittijiet ta' l-imsemmi proprjetarju mhijiex ristretta għall-aspetti finanzjarji ta' dawn id-drittijiet.

 Fuq l-ispejjeż

26     Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi :

L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet ta' l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta soċjetà kollettriċi hija kkunsidrata li hija responsabbli ta' l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur jew ta' drittijiet relatati li ma tawx l-amministrazzjoni tad-drittijiet tagħhom lil soċjetà kollettriċi, din is-soċjetà għandha l-poter li teżerċita d-dritt ta' dan il-proprjetarju jew li tiċħad il-permess lil operatur tal-cable li jirritrażmetti bil-cable xandira, u għalhekk, l-amministrazzjoni minn din l-imsemmija soċjetà ta' drittijiet ta' l-imsemmi proprjetarju mhijiex ristretta għall-aspetti finanzjarji ta' dawn id-drittijiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.