Language of document : ECLI:EU:C:2006:213

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

ANTONIO TIZZANO

ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2006 (1)

Kawża C-170/04

Klas Rosengren et

vs

Riksåklagaren

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Högsta domstolen (l-Iżvezja)]

“Xorb alkoħoliku – Monopolju Żvediż fuq il-bejgħ bl-imnut – Projbizzjoni ta’ importazzjoni privata minn individwi – Separazzjoni mill-funzjonament tal-monopolju – Artikolu 31 KE – Artikolu 28 KE – Distinzjoni – Kompatibbiltà”





1.        Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Marzu 2004 il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema ta’ l-Iżvezja) ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 234 KE, erba’ domandi preliminari dwar il-kompatibbiltà, mat-Trattat, tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw prodotti li l-bejgħ bl-imnut tagħhom huwa suġġett f’dak l-Istat għal reġim ta’ monopolju.

2.        B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk projbizzjoni bħal din għandhiex tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE, li jirrigwarda l-monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali, jew fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE, li jipprojbixxi kwalunkwe restrizzjoni kwantitattiva jew xi miżura oħra li għandha effett ekwivalenti, u, skond il-każ, jekk hijiex kompatibbli ma’ waħda jew oħra mid-dispożizzjonijiet indikati.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt komunitarju

3.        L-Artikolu 31 KE jgħid:

“1.      L-Istati Membri għandhom jintroduċu fir-rigward ta’ monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali, dawk l-adattamenti li jassiguraw l-esklużjoni ta’ kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta’ provvista jew marketing ta’ prodotti.

[…]”.

B –    Id-dritt nazzjonali

Il-liġi Żvediża dwar l-alkoħol

4.        Bl-għan li jitnaqqas il-konsum ta’ xorb alkoħoliku u li jitnaqqsu l-effetti negattivi li dan il-konsum iħalli fuq is-saħħa tal-persuni, l-Iżvezja approvat l-alkohollag, tas-16 ta’ Diċembru 1994, Nru. 1738 (il-liġi Żvediża dwar l-alkoħol; iktar ‘il quddiem il-“liġi dwar l-alkoħol”).

5.        Din il-liġi tkopri l-aspetti kollha tal-produzzjoni u tal-bejgħ ta’ xorb bħal dan, b’mod partikolari l-produzzjoni, l-importazzjoni, il-bejgħ bl-imnut, il-bejgħ fil-ħwienet u r-reklamar tiegħu.

Il-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku

6.        Il-bejgħ ta’ xorb alkoħoliku huwa fdat f’idejn kumpannija waħda biss (is-Systembolaget Aktiebolag; iktar ‘il quddiem is-“Systembolaget”), li hija kkontrollata kompletament mill-Istat.

7.        In-netwerk ta’ bejgħ tas-Systembolaget għandu 411 “ħanut” mqassma madwar it-territorju kollu ta’ l-Iżvezja. Minbarra dan fiż-żoni rurali huwa juża madwar 560 “postijiet ta’ bejgħ” (ħwienet ta’ l-ikel, postijiet minn fejn isir il-bejgħ ta’ gazzetti jew ta’ tabakk, stazzjonijiet tal-petrol...), 56 mezz ta’ trasport pubbliku u 45 itinerarju ta’ tqassim tal-posta, minn fejn wieħed jista’ jordna u jiġbor ix-xorb li jixtieq.

8.        Huwa biss permezz ta’ dan in-netwerk ta’ bejgħ li dawk li għandhom iktar minn 20 sena jistgħu jakkwistaw xorb alkoħoliku magħzul f’diversi assortimenti (għażla “bażika”, “temporanja” u “bi prova”). Dawk il-prodotti li ma jkunux jinsabu fl-għażliet jistgħu jinkisbu permezz ta’ ordni speċifika. Fil-każ ta’ prodotti ta’ Stati Membri, is-Systembolaget timportahom fuq talba tal-klijent u bi spejjeż tiegħu. Is-Systembolaget tista’ tirrifjuta l-ordni speċifika u t-talba għal importazzjoni magħmula mill-klijenti għal “raġunijiet serji” (Kapitolu 5, Artikolu 5).

9.        Mill-inkartament jirriżulta li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005 daħlet fis-seħħ liġi li telimina d-dritt tas-Systembolaget li tirrifjuta għal “raġunijiet serji” l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku mitlub mill-klijenti.

L-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku

10.      Barra mill-importazzjoni li tagħmel fuq talba tal-klijenti, is-Systembolaget m’għandhiex dritt timporta xorb alkoħoliku ġewwa l-Iżvezja. Fil-fatt il-liġi Żvediża tirriżerva dan id-dritt lil dawk biss li għandhom liċenzja apposta.

11.      F’termini ġenerali d-dritt ta’ importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku huwa eskluż anki għall-individwi. Fil-fatt, kif iddikjarat fit-tieni frażi ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4, dawk li għandhom iktar minn għoxrin sena jistgħu jdaħħlu ġewwa l-Iżvezja biss ix-xorb li jkunu akkwistaw waqt vjaġġ li jkunu għamlu u li jkun intiż għall-konsum personali tagħhom jew tal-familja tagħhom jew sabiex jingħata bħala rigal lil xi qarib tagħhom.

II – Il-fatti u l-proċedura

12.      Id-deċiżjoni prinċipali toriġina mir-rikors ippreżentat minn K. Rosengren u minn individwi oħra (iktar ‘il quddiem, b’mod kollettiv, “K. Rosengren”) kontra mandat ta’ konfiska ta’ ċerti kaxex ta’ nbid provenjenti minn Spanja.

13.      Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, K. Rosengren kien ordna, parzjalment permezz ta’ korrispondenza u f’parti oħra direttament mill-produttur, inbid prodott fi Spanja li kien irreklamat fuq sit internet Daniż.

14.      L-inbid, li kien tħallas permezz ta’ żewġ pagamenti postali Żvediżi, kien iddaħħal ġewwa l-Iżvezja minn ġarrier privat li kien ġie kkuntattjat min K. Rosengren, mingħajr ma kien ġie ddikjarat fid-dwana. Għaldaqstant l-inbid kien ġie kkonfiskat f’Göteborg.

15.      Kontra l-ordni ta’ konfiska, K. Rosengren ippreżenta rikors quddiem il-Göteborgs Tingsrärtt (il-Qorti ta’ l-ewwel istanza ta’ Göteborg), li madankollu kkonfermat il-konfiska għaliex l-importazzjoni ta’ l-inbid ġewwa l-Iżvezja kienet saret kontra l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni minn individwi skond il-liġi dwar l-alkoħol.

16.      Peress illi anki l-appell quddiem il-Hövrätten för Välstra Sverige (il-qorti ta’ l-appell ta’ l-Iżvezja tal-punent) kien ġie miċħud, K. Rosengren appella quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema ta’ l-Iżvezja). Peress illi kellha ċerti dubji dwar il-kompatibbiltà tal-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-Liġi dwar l-alkoħol (Artikoli 28 KE u 31 KE), din ta’ l-aħħar iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni prinċipali u tagħmel lill-Qorti d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni fuq imsemmija tista’ titqies li tagħmel parti mis-sistema tal-funzjonament tal-monopolju u tal-bejgħ bl-imnut u, għal din ir-raġuni, hija prekluża mill-Artikolu 28 KE, u l-istess projbizzjoni tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, f’dan il-każ l-imsemmija projbizzjoni fuq l-importazzjoni hija kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 31 KE, dwar il-monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola, jipprekludi l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni in kwistjoni, minkejja l-obbligu għas-Systembolaget li tikseb fuq talba tal-klijent ix-xorb alkoħoliku li ma jkunx disponibbli fl-imħażen?

4)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tielet domanda, din il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tista’ titqies li hija ġġustifikata u proporzjonata għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni?”

17.      Fil-kawża ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub K. Rosengren, il-gvernijiet ta’ l-Iżvezja, tal-Finlandja u tan-Norveġja, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni.

18.      Fit-30 ta’ Novembru 2005 nżammet seduta quddiem il-Qorti li matulha nstemgħu K. Rosengren, il-gvernijiet ta’ l-Iżvezja u tan-Norveġja, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, u l-Kummissjoni.

III - Analiżi ġuridika

Premessa: is-sentenza Franzèn

19.      Kif rajna iktar ‘il fuq, il-qorti nazzjonali tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi. Essenzjalment hija ssaqsi jekk projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn individwi, bħal dik prevista fil-liġi Żvediża dwar l-alkoħol, għandhiex tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE, dwar il-monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali, jew fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE, li jipprojbixxi restrizzjonijiet kwantitattivi jew oħrajn li għandhom effett ekwivalenti (l-ewwel domanda), u jekk l-istess projbizzjoni hijiex kompatibbli ma’ l-ewwel dispożizzjoni indikata (it-tieni domanda) jew, sussidjarjament, mat-tieni waħda (it-tielet jew ir-raba’ domanda).

20.      Meta ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domandi msemmija iktar ’l fuq, dawk kollha li intervjenew invokaw is-sentenza Franzén, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat taħt diversi aspetti l-liġi Żvediża dwar l-alkoħol, li llum qed tiġi diskussa mill-ġdid(2).

21.      Skond il-gvernijiet ta’ l-Iżvezja u tan-Norveġja, minn din is-sentenza toħroġ saħansitra t-tweġiba speċifika dwar id-dubju mqajjem mill-qorti Żvediża. Kif isostnu, fil-fatt, fis-sentenza ċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-projbizzjoni in kwistjoni trid tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE u li hija kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, f’din il-kawża ma jrid isir xejn iktar ħlief li tiġi kkonfermata din is-soluzzjoni.

22.      Qabel ma ssir ebda evalwazzjoni, għandu jiġi aċċertat jekk effettivament il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondietx għad-domandi magħmula.

23.      Fis-sentenza Franzén, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat l-iktar fuq il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 31 KE fil-konfront ta’ l-Artikolu 28 KE.

24.      F’dan ir-rigward hija stabbilixxiet kriterju ġenerali ta’ distinzjoni: “ir-regoli dwar l-eżistenza u l-funzjonament tal-monopolju” Żvediżi kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 31 KE, filwaqt illi “l-effett fuq il-kummerċ Komunitarju tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi nazzjonalili [kienu] separati mill-funzjonament tal-monopolju” kellu jiġi evalwat fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE (punti 35 u 36).

25.      Meta kienet qed tintroduċi l-analiżi ta’ l-ewwel grupp ta’ regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja preliminarjament fakkret l-għanijiet u l-kontenut ta’ l-Artikolu 31 KE:

–      din in-norma għandha l-għan li “tirrikonċilja l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jżommu ċerti monopolji ta’ natura kummerċjali, bħala strumenti sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess pubbliku ma’ l-eżiġenzi ta’ stabbiliment u funzjonament tas-suq komuni” u għalhekk, hija intiża “għall-eliminazzjoni ta’ l-iżvantaġġi għall-moviment liberu tal-merkanzija, bl-eċċezzjoni madankollu ta’ l-effetti restrittivi fuq il-kummerċ li huma inerenti fl-eżistenza tal-monopolji kkonċernati” (punt 39);

–      hija ma titlobx li jkun hemm “it-tneħħija kompleta tal-monopolji nazzjonali li huma ta’ natura kummerċjali”, imma titlob li jkun hemm riforma “b’mod li tiġi eskluża kwalunkwe diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li bihom prodotti jinġiebu u jitqegħdu fis-suq, b’mod li l-kummerċ tal-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra ma jkunx żvantaġġat, fid-dritt jew fil-fatt, meta mqabbel ma’ dak tal-merkanzija nazzjonali” (punti 38 u 40).

26.      Wara li qalet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, “biex tinkiseb il-protezzjoni tas-saħħa kontra l-ħsarat ikkawżati mill-alkoħol, monopolju nazzjonali ta’ bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku, bħal dak attribwit lis-Systembolaget huwa fl-interess pubbliku” (punt 41).

27.      Għalhekk hija eżaminat, in kwantu huma konnessi ma’ l-eżistenza u l-funzjonament tal-monopolju, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Żvediża dwar l-alkoħol relatati mas-“sistema ta’ l-għażla tal-prodotti” tas-Systembolaget (inkluż l-obbligu ta’ importazzjoni “fuq talba tal-konsumatur u bi spejjeż tiegħu” ta’ kwalunkwe xarba alkoħolika li ma tkunx preżenti fl-għażliet offruti; Artikolu 5 tal-Kapitolu 5,) “in-netwerk ta’ bejgħ” tal-kumpannija; kif ukoll “ir-reklamar tax-xorb alkoħoliku” immexxi minnha. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet ma kienu jidhru la diskriminatorji u lanqas tali li jiżvantaġġaw il-prodotti importati u għalhekk kienu kompatibbli ma’ l-Artikolu 31 KE (punti 43-66).

28.      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-“dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi nazzjonali li jista’ jkollhom impatt fuq il-funzjonament tal-monopolju”, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE, ir-regoli Żvediżi li jirriżervaw id-dritt ta’ importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku lil dawk li għandhom liċenzji għall-manifattura jew għall-bejgħ bl-ingrossa. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, filwaqt li dawn ir-regoli kienu jesponu x-xorb alkoħoliku li ġej minn Stati Membri oħra għal spejjeż supplementari (“bħall-ispejjeż relatati ma’ l-intermedjazzjoni, spejjeż relatati mal-ħlas ta’ taxxi meħtieġa għall-għoti ta’ liċenzja, jew relatati ma’ l-obbligu li jkollhom il-kapaċità ta’ ħażna fit-territorju Żvediż”), dawn ir-regoli kienu xkiel għall-importazzjoni, iġġustifikat mill-eżiġenza rrikonoxxuta mill-Artikolu 30 KE li għandha tiġi mħarsa s-saħħa tal-persuni kontra l-ħsarat ikkawżati mill-alkoħol, imma sproporzjonati għal eżiġenza bħal din (punti 67-77).

29.      Issa jien jidhirli li l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA għandha raġun meta tinnota li – minkejja li hija tat il-kriterji ġenerali għall-applikazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 31 KE fir-rigward tal-monopolji tal-bejgħ u minkejja li eżaminat taħt diversi aspetti l-liġi Żvediża dwar l-alkoħol – is-sentenza Franzen, imsemmija iktar ’il fuq, ma tagħtix tweġiba speċifika għad-dubji mqajma f’din il-kawża. Effettivament, din tikkonċerna dispożizzjoni ta’ din il-liġi (il-projbizzjoni ta’ l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn individwi) li, għalkemm konnessa mad-dispożizzjonijiet li kienu ġew kkunsidrati dakinhar, hija madankollu differenti minnhom.

30.      Konsegwentement jien jidhrili li fuq din il-projbizzjoni u fuq il-kompatibbiltà tagħha ma’ l-Artikoli 28 KE jew 31 KE huwa meħtieġ li ssir analiżi ġdida u separata, skond ir-regoli ddettati mis-sentenza Franzén, li issa ser nispjega.

Fuq l-ewwel domanda

31.      Kif intqal, il-qorti tar-rinviju tistaqsi qabel kollox jekk il-projbizzjoni għandhiex tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE jew ta’ l-Artikolu 31 KE.

32.      Jiena nemmen, bħall-partijiet kollha, li sabiex jitneħħa dan id-dubju, hemm lok li wieħed jipproċedi mill-kriterju indikat fis-sentenza Franzén. Kif intwera iktar ’il fuq, fil-fatt, f’din is-sentenza, “meta titqies il-ġurisprudenza” preċedenti (3), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “jeħtieġ li jiġu eżaminati r-regoli dwar l-eżistenza u l-funzjonament tal-monopolju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-[Artikolu 31 KE], li huma speċifikament applikabbli għal dan id-dritt, minn monopolju nazzjonali ta’ natura kummerċjali, tad-drittijiet esklużivi tiegħu”; min-naħa l-oħra, “l-impatt fuq il-kummerċ fil-Komunità tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi nazzjonali, li huma separati mill-funzjonament tal-monopolju għalkemm għandhom impatt fuq dan ta’ l-aħħar, irid jiġi eżaminat fid-dawl ta’ l-[Artikolu 28 KE]” (4).

33.      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn l-indikazzjonijiet għal-leġiżlazzjoni taħt eżami sabiex din tiġi kkollegata ma’ l-Artikolu 28 KE jew l-Artikolu 31 KE m’hijiex operazzjoni faċli, kif juru l-konklużjonijiet opposti li l-partijiet, b’argumenti sostanzjali, iddeduċew minnhom.

34.      Fil-fatt, minn naħa waħda, K. Rosengren, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni jidhrilhom li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn individwi għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE. Min-naħa l-oħra, il-gvernijiet ta’ l-Iżvezja, tal-Finlandja u tan-Norveġja jsostnu teżi opposta.

35.      Ta’ l-ewwel jitilqu mill-premessa, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-Artikolu 31 KE huwa “dispożizzjoni speċifika għall-monopolji nazzjonali ta’ natura kummerċjali” (5) li topera bħala limitazzjoni għall-projbizzjoni ġenerali li hemm fl-Artikolu 28 KE. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tkun suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva.

36.      Dejjem bl-istess loġika, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA tirreferi għal ċerti sentenzi li jirrigwardaw il-monopolji ta’ bejgħ (iċċitati anki fis-sentenza Franzén) li fihom il-Qorti qieset li l-Artikolu 31 “huwa irrilevanti (…) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jirrigwardawx l-eżerċizzju, min-naħa ta’ monopolju pubbliku, tal-funzjoni speċifika tiegħu, jiġifieri tad-drittijiet esklużivi tiegħu” (6). Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza wieħed jista’ jikkonkludi – kif għamlu K. Rosengren, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni – li d-drittijiet esklużivi tas-Systembolaget ikopru l-bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku imma mhux ukoll l-importazzjoni tiegħu. Jekk inhu hekk, wieħed irid jikkonkludi li regola dwar l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku, bħal dik li tippermetti l-projbizzjoni kkontestata f’din il-kawża, ma tridx tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE, imma biss fid-dawl tar-regola ġenerali li hemm fl-Artikolu 28 KE.

37.      Madankollu r-rikostruzzjoni opposta mhijiex inqas konvinċenti. Skond kif naħsibha jiena, anzi, hija iktar konvinċenti, għar-raġunijiet li ser nipprova nesprimi hawn taħt.

38.      Nibda mill-konstatazzjoni li fil-ġurisprudenza ta’ qabel is-sentenza Franzén kienu jeżistu sentenzi li, għall-iskopijiet tad-distinzjoni kkontestata, jidhru li jagħmlu enfasi mhux l-iktar fuq l-estensjoni tad-drittijiet esklużivi tal-monopolju, imma l-iktar fuq ir-rwol speċifiku li huwa mitlub li jkollu. Minn dawn is-sentenzi jidher li jaqgħu taħt l-Artikolu 31 KE mhux l-iktar id-dispożizzjonijiet nazzjonali marbutin mad-drittijiet esklużivi tal-monopolju, iżda dawk “konnessi intrinsikament ma’ l-eżerċizzju tal-funzjoni speċifika” assenjat lilu(7).

39.      Fi kliem ieħor, jidher li dawn is-sentenzi huma motivati mill-premessa korretta li monopolju jeżisti u jaħdem sabiex iwettaq funzjoni. Ir-regoli dwar l-eżistenza tiegħu u dwar l-attività tiegħu jridu għalhekk jiġu identifikati fid-dawl ta’ din il-funzjoni.

40.      Jidher tajjeb li anki s-sentenza Franzén tista’ tingħata din it-tieni tifsira. Fil-fatt din is-sentenza, fost ir-regoli previsti fl-Artikolu 31 KE, żiedet id-dispożizzjonijiet kollha dwar l-eżistenza u l-funzjonament tal-monopolju Żvediż, u inkludiet anki dawk li mhumiex marbutin mad-drittijiet esklużivi relatati ma’ l-istess monopolju.

41.      B’mod partikolari, fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE, minbarra d-dispożizzjonijiet fuq in-netwerk ta’ bejgħ tas-Systembolaget u fuq ir-reklamar immexxi minnha, ġew eżaminati r-regoli kollha relatati mas-sistema ta’ għażla tal-prodotti, inkluża dik li l-monopolju jkollu l-inkarigu li jimporta fuq talba tal-klijenti x-xorb alkoħoliku li ma jkunx jidher fl-għażliet offruti (Artikolu 5 tal-Kapitolu 5) (8).Għalhekk, minkejja li hija regola dwar l-importazzjoni, u mhux dwar il-bejgħ bl-imnut tax-xorb alkoħoliku, il-Qorti tal-Ġustizzja tatha t-tifsira li hija tirrigwarda l-funzjonament tal-monopolju.

42.      Dan, kif naħsibha jiena, għaliex skond il-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, ix-xogħol ta’ importazzjoni tax-xorb alkoħoliku huwa konness b’mod intrinsiku mat-twettiq tal-funzjoni speċifika mogħtija lis-Systembolaget mil-liġi nazzjonali; funzjoni li, kif osservaw il-gvernijiet ta’ l-Iżvezja u tan-Norveġja, mhijiex biss dik li tbigħ ix-xorb alkoħoliku li jkun preżenti fis-suq Żvediż, imma li jinħoloq mezz uniku u kkontrollat ta’ aċċess għall-akkwist ta’ dan ix-xorb.

43.      Issa jekk din ir-rikostruzzjoni hija korretta, il-liġi dwar il-projbizzjoni ta’ xiri ta’ xorb alkoħoliku minn individwi, li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, trid ukoll titqies li hija regola li tirreferi għall-funzjonament tal-monopolju ta’ l-Iżvezja u għandha għalhekk tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE.

44.      Fil-fatt, anki din il-projbizzjoni hija maħsuba li tiggarantixxi li l-individwi li għandhom il-ħsieb jakkwistaw xorb alkoħoliku fl-Iżvezja jkunu jistgħu jakkwistawh biss mill-ħwienet u fil-postijiet ta’ bejgħ tas-Systembolaget. Minħabba din il-projbizzjoni, jekk ikunu jridu jakkwistaw u jimportaw xorb alkoħoliku minn Stati Membri oħra, dan ma jistgħux jagħmluh direttament, imma jridu jmorru fil-ħwienet u fil-postijiet ta’ bejgħ imsemmija, u jagħżlu l-prodotti li jkunu preżenti fl-għażliet jew jordnaw l-importazzjoni ta’ dawk li ma jkunux disponibbli.

45.      Kif innota l-gvern tan-Norveġja, minn din il-perspettiva r-regola dwar l-importazzjoni tax-xorb alkoħoliku mis-Systembolaget (diġà kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala konnessa mal-funzjonament tal-monopolju) u dik dwar il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni minn individwi (li qed tiġi ttrattata hawnhekk) jikkomplementaw lil xulxin u huma marbutin ma’ xulxin: it-tnejn huma fil-fatt maħsuba sabiex jidderieġu d-domanda ta’ xorb alkoħoliku tal-konsumaturi Żvediżi fis-sistema esklużiva tal-bejgħ bl-imnut ikkontrollata mis-Systembolaget.

46.      Minn din il-perspettiva, ftit li xejn jiswa li wieħed joġġezzjona – kif għamlu l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni – li fi Stat Membru ieħor (il-Finlandja) jeżisti monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku u li jaħdem anki mingħajr il-projbizzjoni kkontestata.

47.      Fil-fatt, fil-perspettiva li ddeskrivejt, ma jridx jiġi vverifikat jekk monopolju jistax jaħdem anki mingħajr il-projbizzjoni kkontestata. Lanqas ma jeħtieġ jiġi stabbilit jekk il-funzjoni li Stat Membru jagħti lil monopolju stabbilit minnu tkunx tista’ titwettaq permezz ta’ sistemi inqas restrittivi meta mqabblin ma’ dawk użati minn Stat Membru differenti. Min-naħa l-oħra f’din il-perspettiva wieħed irid jara jekk il-projbizzjoni prevista hijiex konnessa intrinsikament jew le mad-dritt tal-funzjoni speċifika li l-leġiżlatur nazzjonali jkun iddeċieda li jagħti lill-monopolju tiegħu. Issa, kif diġà għidt, jien jidhrili li f’dan il-każ din il-konnessjoni intrinsika teżisti u li dan għalhekk jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 31 KE.

48.      Għaldaqstant jidhirli li projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn individwi, bħal dik prevista fil-liġi Żvediża dwar l-alkoħol, trid tiġi kkunsidrata, fis-sistema speċifika ddefinita minn din il-liġi, bħala regola intiża għall-funzjonament ta’ monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti; bħala tali, hija trid tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE.

Fuq it-tieni domanda

49.      Permezz tat-tieni domanda l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn individwi, li fuqha qegħdin niddiskutu, hijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 31 KE.

50.      F’dan ir-rigward, infakkar qabel kollox li mingħajr l-impożizzjoni ta’ “l-abolizzjoni totali tal-monopolji nazzjonali ta’ natura kummerċjali” l-Artikolu 31(1) KE jeżiġi li jkun hemm riforma “b’mod li tiġi eskluża kwalunkwe diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (9). B’mod partikolari, “f'dak li jirrigwarda l-monopolji ta’ bejgħ”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “mhumiex ammessi monopolji li huma mmexxija b’mod li l-kummerċ tal-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra jkun żvantaġġat, fid-dritt jew fil-fatt, meta mqabbel ma’ dak tal-merkanzija nazzjonali” (10). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li monopolju ta’ bejgħ imur kontra t-Trattat mhux biss jekk, “fil-prattika, jiżvantaġġja” il-prodotti mhux nazzjonali, imma anki jekk potenzjalment “jista’ jiżvantaġġjahom” (11).

51.      F’dan il-każ, li fil-fatt jirreferi għal monopolju ta’ bejgħ, jeħtieġ għalhekk jiġi vverifikat jekk projbizzjoni fuq l-importazzjoni minn individwi, bħal dik prevista fil-liġi Żvediża, hijiex ta’ żvantaġġ jew anki tistax biss tkun ta’ żvantaġġ, fid-dritt jew fil-fatt, għax-xorb alkoħoliku li jkun ġej mill-Istati Membri l-oħra(12).

52.      Skond il-Kummissjoni, ikun hemm żvantaġġ jekk l-imsemmi projbizzjoni ma’ tippermettix lill-konsumaturi Żvediżi jakkwistaw il-prodotti mixtieqa minnhom direttament mingħand produtturi ta’ Stati Membri oħra.

53.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-pożizzjoni tista’ tiġi milqugħa biss parzjalment.

54.      Kif fakkart iktar ’il fuq (ara l-punt 44), il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tfisser li persuni ta’ ’l fuq minn għoxrin sena li jkunu jridu jakkwistaw xorb alkoħoliku ta’ Stati Membri oħra jistgħu jagħmlu dan biss fil-ħwienet u l-postijiet ta’ bejgħ tas-Systembolaget. Is-Systembolaget tieħu ħsieb timporta l-prodotti li ma jkunux disponibbli fl-għażliet offruti “fuq talba tal-klijent u bi spejjeż tiegħu”, “ħlief jekk hemm raġunijiet tajba għall-kuntrarju” (Artikolu 5 tal-Kapitolu 5).

55.      Għaldaqstant jien jidhirli li taħt din l-iskema, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni minn individwi privati fiha nnifisha mhijiex ta’ żvantaġġ għall-merkanzija li tkun ġejja minn Stati Membri oħra. Bil-kontra, tqegħdha fuq l-istess livell ta’ dawk nazzjonali. It-tnejn li huma jistgħu fil-fatt jinkisbu minn individwi fi ħwienet u f’postijiet ta’ bejgħ tas-Systembolaget biss. Jekk ma jkunux disponibbli fl-għażla offruta minnhom, it-tnejn li huma għandhom jiġu ordnati permezz tas-Systembolaget

56.      Jekk madankollu wieħed iqis is-sistema kollha kemm hi, allura wieħed jara li fil-verità l-projbizzjoni tista’ tkun ta’ żvantaġġ, għall-inqas potenzjalment, għax-xorb alkoħoliku li jkun ġej minn Stati Membri oħra.

57.      Nispjega ruħi. Meta individwu jordna prodott (nazzjonali jew ta’ Stat Membru ieħor) li ma jkunx jinstab fl-għażla offruta, is-Systembolaget tissodisfa t-talba tal-klijent billi tiksiblu dak il-prodott b’mod differenti, “ħlief jekk hemm raġunijiet tajba għall-kuntrarju” (Artikolu 5 tal-Kapitolu 5 tal-liġi dwar l-alkoħol). Madankollu, kif enfasizzat l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, il-liġi Żvediża tagħti setgħat diskrezzjonali sħaħ lis-Systembolaget fl-għażla ta’ jekk topponix jew le “għal raġunijiet serji” it-talba li tkun ġiet ippreżentata. Għalhekk ma hemm xejn li jeskludi li din is-setgħa tista’ tintuża b’mod diskriminatorju sabiex jiġu rrifjutati ordnijiet ta’ xorb alkoħoliku minn Stati Membri oħra u li għalhekk minħabba l-monopolju jkunu inqas aċċessibbli.

58.      U jekk din is-setgħa tiġi eżerċitata b’dan il-mod, l-individwi ma jkunu jistgħu bl-ebda mod jakkwistaw ix-xarba alkoħolika ta’ l-għażla tagħhom, in kwantu l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni prevista bil-liġi dwar l-alkoħol lanqas ma tippermittilhom jimportawha direttament. Għalhekk il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ma tkunx iktar mod kif id-domanda ta’ xorb alkoħoliku titqiegħed fis-sistema tal-bejgħ bl-imnut ikkontrollata mis-Systembolaget, imma ssir barriera insormontabbli għall-akkwist ta’ xorb alkoħoliku ta’ Stati Membri oħra, bir-riżultat li dan ix-xorb jibqa’ żvantaġġat meta mqabbel ma’ dak nazzjonali.

59.      Min-naħa l-oħra, il-gvern ta’ l-Iżvezja ma invoka l-ebda bżonn oġġettiv li jista’ jiġġustifika l-iżvantaġġ li, kif għadna kemm rajna, tista’ ssofri l-merkanzija ta’ Stati Membi oħra mid-dispożizzjoni kontestwali tal-poter diskrezzjonali ta’ oppożizzjoni mis-Systembolaget u mill-projbizzjoni ta’ importazzjoni għall-individwi. Il-gvern ta’ l-Iżvezja enfasizza b’mod speċjali li fl-1 ta’ Jannar 2005 daħlet fis-seħħ liġi li neħħiet din is-setgħa ta’ oppożizzjoni, b’tali mod li bħalissa l-monopolju għandu l-obbligu li jipprovdi x-xorb alkoħoliku mitlub mill-klijenti li ma jkunx diġà jinsab fl-għażliet, anki jekk ikun hemm il-ħtieġa li jiġi importat.

60.      Għalhekk minn din id-data l-iżvantaġġ potenzjali msemmi iktar ’il fuq tneħħa; imma dan ma jaffettwax din il-kawża, in kwantu l-fatti tal-kawża prinċipali ġraw qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida.

61.      Jidhirli għalhekk li nista’ nasal għall-konklużjoni li, fil-preżenza ta’ monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku, bħal dak previst mill-alkohollag tas-16 ta’ Diċembru 1994, Nru 1738 (il-liġi Żvediża dwar l-alkoħol), li għandha poter diskrezzjonali li tirrifjuta l-ordnijiet ta’ l-individwi jekk, sabiex tiġi sodisfatta t-talba tagħhom, ikun jeħtieġ li l-prodotti relattivi jiġu importati minn Stati Membri oħra, l-impożizzjoni ta’ l-istess liġi li individwi ma jistgħux jimportaw huma stess dawn il-prodotti tmur kontra l-Artikolu 31 KE.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

62.      Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk, fil-preżenza ta’ monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku, li lilu l-liġi tagħti l-inkarigu li jimporta, fuq talba ta’ l-individwi, ix-xorb alkoħoliku ta’ Stati Membri oħra li ma jkunx jinstab fl-għażliet offruti, l-impożizzjoni, minn din il-liġi, tal-projbizzjoni fuq l-individwi li jimportaw huma stess dawn il-prodotti, tmurx kontra l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

63.      Peress illi jien ikkonkludejt li din il-projbizzjoni ma tistax titqies b’mod separat mill-funzjonament tal-monopolju u li għalhekk trid tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li nirrispondi għal dawn iż-żewġ domandi.

64.      Madankollu sabiex il-Qorti jkollha stampa sħiħa tal-kawża, xorta waħda ser nagħmel analiżi tagħhom. Niġbed l-attenzjoni tal-Qorti, però, li dan ser nagħmlu billi nuża metodu kompletament differenti minn dak li segwejt fl-Artikolu 31 KE.

65.      Fil-fatt, issa mhux iktar il-każ li jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni ta’ l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn individwi hijiex ta’ żvantaġġ għall-merkanzija li tkun ġejja minn Stati Membri oħra. Minflok irid jiġi evalwat i) jekk, meta wieħed iqis ukoll is-sistema ta’ importazzjoni fuq talba tal-klijent li juża s-Systembolaget, din il-projbizzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni jew miżura li għandha effett ekwivalenti, fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE; ii) jekk dan huwa l-każ, jekk il-projbizzjoni hijiex iġġustifikata mill-argumenti bbażati fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, li fis-sens ta’ l-Artikolu 30 KE l-Istati Membri jistgħu jipproteġu lilhom infushom anki b’deroga mill-prinċipju tal-moviment ħieles(13); iii) u, fl-aħħar nett, jekk din il-projbizzjoni tirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri jekk hijiex “adatta biex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan tagħha” (14).

66.      Dwar l-ewwel domanda, l-ewwel nett infakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE, it-termini li ġejjin għandhom din it-tifsira: ‘restrizzjoni kwantitattiva’ tfisser kull miżura li għandha “n-natura li tipprojbixxi, b’mod totali jew parzjali, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu skond il-każ” ta’ merkanzija speċifika(15); u “miżura li għandha effett ekwivalenti” tfisser “kull regola kummerċjali li tista’ b’xi mod tfixkel direttament jew indirettament, fil-fatt jew potenzjalment, il-kummerċ fil-Komunità” (16).

67.      Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, K. Rosengren, l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni ġustament isostnu, mingħajr ma jiġu kkontestati mill-gvern ta’ l-Iżvezja, li l-projbizzjoni għall-individwi li ma jimportawx xorb alkoħoliku hija, parzjalment, restrizzjoni kwantitattiva u, parzjalment, miżura li għandha effett ekwivalenti.

68.      Hija tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva in kwantu tipprojbixxi b’mod assolut lill-individwi li jdaħħlu ġewwa l-Iżvezja xorb alkoħoliku ta’ Stati Membri oħra li jkun diġà offrut mill-monopolju, kif ukoll ta’ dak li mhux offrut mill-monopolju iżda li l-istess monopolju jirrifjuta li jimporta. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, l-individwi ma jistgħux jimportaw ġewwa l-Iżvezja dawn il-prodotti, la direttament u lanqas bl-għajnuna tas-Systembolaget. Għaldaqstant, fir-rigward tagħhom teżisti “projbizzjoni fuq l-importazzjoni” vera u proprja.

69.      Min-naħa l-oħra l-istess projbizzjoni tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti sa fejn tobbliga lill-individwi li jitolbu lill-monopolju (u l-monopolju jaċċetta) li jimporta x-xorb alkoħoliku li ma jkunx jinstab fl-għażliet offruti. Fil-fatt, kif ammetta l-gvern ta’ l-Iżvezja, għal dan is-servizz tiegħu s-Systembolaget jerġa’ jitlob – minbarra naturalment il-ħlas tal-kumpens mitlub mill-produtturi tax-xorb alkoħoliku ordnat u r-rimbors ta’ l-ispejjeż tat-trasport – somma supplementari bħala forma ta’ kumpens xieraq għax-xogħol imwettaq. Għaldaqstant, f’dan il-każ l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku li jkun ġej minn Stati Membri oħra, għalkemm possibbli, tibqa’ suġġetta għal spejjeż supplementari (dak li jissejjaħ kumpens xieraq) meta mqabbel ma’ dawk li l-individwi jkollhom iħallsu fil-każ ta’ importazzjoni diretta.

70.      Meta ngħaddu mbagħad għall-ġustifikazzjoni eventwali tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni privata u għall-proporzjonalità tagħha, nirrileva li skond il-gvern ta’ l-Iżvezja, sostnut fuq dan il-punt minn dak Norveġiż, l-imsemmija projbizzjoni ssegwi l-għan li tħares is-saħħa pubblika tal-persuni kontra l-ħsara li jikkawża l-alkoħol, b’mod partikolari ta’ dawk ta’ taħt l-għoxrin sena; fil-fatt, skond il-leġiżlatur Żvediż, dawn m’għandhom ikollhom l-ebda aċċess għall-akkwist tax-xorb alkoħoliku.

71.      Għal din ir-raġuni, ikompli jsostni dan il-gvern, is-sistema hija organizzata b’mod li l-akkwist ta’ xorb alkoħoliku jgħaddi mis-sistema ta’ bejgħ tal-monopolju, li fil-ħwienet u l-postijiet ta’ bejgħ tiegħu jwettaq sistematikament kontrolli fuq l-età tax-xerrejja, u jirrifjuta t-talbiet tal-minorenni. Mhux biss, imma li f’dawn il-ħwienet u l-postijiet ta’ bejgħ isiru wkoll kontrolli perjodiċi sabiex jiġi vverifikat – permezz ta’ simulazzjoni ta’ talbiet ta’ xorb alkoħoliku minn persuni li huma x’aktarx minorenni – li dawk li huma inkarigati mill-bejgħ iwettqu kif suppost il-kontrolli preskritti.

72.      Min-naħa l-oħra l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni jaħsbuha b’mod kompletament differenti. It-tnejn li huma jidhrilhom fil-fatt li l-projbizzjoni in kwistjoni ma tistax tkun iġġustifikata abbażi ta’ l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u madankollu hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-istess għan.

73.      Skond il-Kummissjoni, xhieda ta’ dan huma d-diversi inkonsistenzi li hemm fil-politika ta’ l-Iżvezja fejn tirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. B’mod partikolari:

–      b’differenza mill-alkoħol, ma teżisti l-ebda projbizzjoni fl-Iżvezja fuq l-importazzjoni u l-kummerċ ta’ prodotti derivati mit-tabakk;

–      meta jkunu deħlin lura fil-pajjiż wara vjaġġ, il-persuni li jkollhom iktar minn għoxrin sena jistgħu jdaħħlu ġewwa l-Iżvezja kwantità kunsiderevoli ta’ xorb alkoħoliku;

–      dawn l-istess persuni, jekk ma jinsabux taħt l-influwenza ċara ta’ l-alkoħol, jistgħu jakkwistaw mingħand il-monopolju kwantitajiet mingħajr limitu ta’ xorb alkoħoliku;

–      l-istess monopolju jkun għen sabiex jiżdied il-konsum ta’ dan ix-xorb peress li jtawwal il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet tiegħu.

74.      Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni trid issostni li Stat Membru li jnaqqas il-livell tal-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini tiegħu, billi jħallihom jikkunsmaw liberament ċerti prodotti li jagħmlu ħsara lil saħħithom (il-prodotti tat-tabakk) u li jħalli li l-konsum ta’ prodotti oħra (ix-xorb alkoħoliku) ikun faċilment aċċessibbli u fi kwantitajiet bla limitu, ma jistax imbagħad jinvoka proprju l-protezzjoni tas-saħħa biex jiġġustifika dispożizzjonijiet partikolari, bħall-projbizzjoni in kwistjoni, li għandhom tifsira opposta.

75.      Fi kwalunkwe każ, tkompli ssostni l-Kummissjoni, anki jekk kellha tiġi kkunsidrata fiha nnifisha, l-imsemmija projbizzjoni kienet tkun xorta waħda illeġittima, peress li hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-għan iddikjarat tal-gvern ta’ l-Iżvezja. Fil-fatt skond l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni, bl-għan li dawk ta’ taħt l-għoxrin sena ma jikkunsmawx xorb alkoħoliku, ma jkunx meħtieġ li jiġu pprojbiti l-importazzjonijiet kollha, imma jkun biżżejjed li jingħataw istruzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana, lis-servizzi tal-posta u lit-trasportaturi indipendenti sabiex jikkontrollaw l-età ta’ dawk li jkunu ser jirċievu l-prodotti ordnati minn barra l-Iżvezja.

76.      Min-naħa tiegħi, ma nsib l-ebda diffikultà nammetti li ċerti għażliet tal-leġiżlatur Żvediż jistgħu jidhru diskutibbli. B’mod partikolari, m’hemmx dubju li l-fatt li tfal li laħqu l-età tagħhom jitħallew jakkwistaw, anki jekk fil-ħwienet u f’postijiet ta’ bejgħ tas-Systembolaget biss, kwantitajiet mingħajr limitu ta’ xorb alkoħoliku jista’ jnaqqas ħafna mill-effett ta’ l-azzjoni ta’ l-Istat favur il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

77.      Madankollu jidhirli li dawn l-għażliet jiddependu b’xi mod mil-libertà ta’ l-Istati Membri li “jiddeċiedu fuq liema livell bi ħsiebhom jiggarantixxu l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell irid jintlaħaq” (17), u li għalhekk jiffurmaw parti mill-għażliet irriżervati lill-Istati Membri għall-kisba ta’ għanijiet simili. Skond il-fehma tiegħi, madankollu, dak li jaqa’ barra mid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri u għalhekk taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa, kif rajna, il-konvenjenza u l-ħtieġa ta’ dawn l-għażliet f’relazzjoni mal-kisba ta’ l-għanijiet iddikjarati, in kwantu dawk il-kundizzjonijiet biss jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet li joħorġu minn dawk l-għażliet(18). 

78.      Għaldaqstant, dak li jeħtieġ li jiġi vverifikat mhuwiex liema miżuri jkunu possibbli u iktar effettivi f’termini astratti imma jekk il-miżuri konkreti adottati mill-Iżvezja humiex adatti għall-kisba tal-livell tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika mixtieq minn dak l-Istat u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

79.      Issa jien jidhrili li, jekk tiġi aċċettata din il-konklużjoni, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni u s-sistema konnessa ta’ bejgħ tas-Systembolaget għandhom jitqiesu proporzjonati għall-għan tal-protezzjoni tas-saħħa ta’ dawk li għandhom inqas minn għoxrin sena mfittex mil-liġi Żvediża dwar l-alkoħol.

80.      Kif ġie kkonstatat iktar ‘il fuq (ara l-punti 44 u 54), fil-fatt, din il-projbizzjoni għandha l-effett li min għandu l-ħsieb jakkwista xorb alkoħoliku minn Stati Membri oħra jrid jagħmel dan permezz ta’ sors ta’ bejgħ bl-imnut esklużiv organizzat f’dak l-Istat, jiġifieri mill-ħwienet u mill-postijiet ta’ bejgħ tas-Systembolaget. Jeħtieġ għalhekk li wieħed jgħaddi minn netwerk ta’ bejgħ fejn isiru kontrolli sistematiċi fuq l-età ta’ min jixtri u, fuq kollox, verifiki regolari maħsuba biex jiġi aċċertat li dawn il-kontrolli dejjem isiru. Dan kollu għalhekk jippermetti li b’mod effettiv jintlaħaq l-obbjettiv leġittimu mfittex mil-leġiżlatur Żvediż li jeskludi dawk ta’ inqas minn għoxrin sena mill-akkwist ta’ xorb alkoħoliku.

81.      Kontra dak li jsostnu l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u l-Kummissjoni, fin-nuqqas tal-projbizzjoni kkontestata, jiena ma naħsibx li dan l-istess obbjettiv jista’ jintlaħaq bl-istess effikaċja billi jingħataw istruzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana, lis-servizzi tal-posta u lit-trasportaturi indipendenti sabiex jikkontrollaw l-età ta’ dawk li jkunu ser jirċievu l-prodotti alkoħoliċi ordnati minn barra l-Iżvezja.

82.      Fil-fatt, jekk fil-kuntest ta’ netwerk ta’ bejgħ uniku u limitat, huwa possibbli li jiġi vverifikat li dawk li huma inkarigati jikkontrollaw dejjem l-età ta’ min jixtri, evidentement ma jistax isir l-istess meta l-operaturi li jikkunsinnaw ix-xorb alkoħoliku li jkun ġej minn Stati Membri oħra jkunu diversi u f’numru pjuttost kbir. Fi kliem ieħor, fin-nuqqas ta’ dik il-projbizzjoni ma jkunx jista’ jiġi vverifikat – kif min-naħa l-oħra qed issir illum fl-Iżvezja – li t-trasportaturi kollha jew l-operaturi l-oħra mqabbda minn individwi sabiex jimportaw ma jagħtux xorb alkoħoliku lil dawk li għadhom ma għalqux l-għoxrin sena.

83.      Wara li ntqal dan, irrid madankollu nżid li r-restrizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija minn Stati Membri oħra li ġejja mid- dispożizzjoni kontestwali, fil-liġi Żvediża, tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn individwi u tal-poter diskrezzjonali tas-Systembolaget li topponi “għal raġunijiet serji” għat-talbiet magħmulin minnhom, tmur kontra l-loġika ta’ l-evalwazzjonijiet li jien għadni kemm ifformulajt.

84.      Kif ġie kkonstatat iktar ‘il fuq (ara l-punti 57 - 58), fil-fatt, fil-każ li jkun hemm oppożizzjoni għat-talba ta’ l-individwi, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ma tkunx iktar mezz ta’ kif id-domanda tax-xorb alkoħoliku tkun iddireġuta fis-sistema kkontrollata mis-Systembolaget, imma ssir għal kulħadd (minorenni u mhux) barriera insormontabbli sabiex jinkiseb xorb alkoħoliku minn Stati Membri oħra. Għalhekk, għal din il-projbizzjoni, ma tgħoddx il-kunsiderazzjoni li ġiet ittrattata iktar ’il fuq li teskludi lil dawk ta’ inqas minn għoxrin sena mill-akkwist ta’ xorb alkoħoliku.

85.      Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li, sa fejn qed jiġi indikat issa, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni li dwarha tittratta din il-kawża trid tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

III – Konklużjonijiet

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Högsta domstolen kif ġej:

“1)      Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn individwi, bħal dik stabbilita mill-alkohollag tas-16 ta’ Diċembru 1994, Nru 1738 (il-liġi Żvediża dwar l-alkoħol), trid tiġi kkunsidrata, fis-sistema speċifika ddefinita minn din il-liġi, bħala regola intiża għall-funzjonament tal-monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti; bħala tali, hija trid tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE.

2)      Fil-preżenza ta’ monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku bħal dak previst fil-liġi msemmija aktar ’il fuq, li għandu l-poter diskrezzjonali li jirrifjuta l-ordnijiet ta’ l-individwi, jekk sabiex tiġi sodisfatta t-talba tagħhom jeħtieġ li l-prodotti relattivi jiġu importati minn Stati Membri oħra, l-impożizzjoni ta’ l-istess liġi li individwi ma jistgħux jimportaw huma stess dawn il-prodotti tmur kontra l-Artikolu 31 KE”.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan


2 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, C-189/95, Franzén (Ġabra p. I-5909).


3 – F’dan ir-rigward is-sentenza Franzén tirreferi għas-sentenzi tas-17 ta’ Frar 1976, 91/75, Miritz (Ġabra p. 217, punt 5); ta’ l-20 ta’ Frar 1979, 120/78, Rewe-Zentral, magħrufa bħala “Cassis de Dijon” (Ġabra p. 649, punt 7), u tat-13 ta’ Marzu 1979, 91/78, Hansen (Ġabra p. 935, punti 9 u 10).


4 – Sentenza Franzén, iċċitata aktar ’il fuq, punti 35 u 36.


5 – Ara s-sentenza Cassis de Dijon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7.


6 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Cassis de Dijon, punt 7, u Hansen, punt 8.


7 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 1979, Peureux, 86/78 (Ġabra p. 897, punti 35). F’dan il-kuntest jistgħu jinqraw ukoll is-sentenza Miritz, iċċitata iktar ’il fuq, u l-istess sentenza Cassis de Dijon imsemmija mill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA: dak li jgħodd mhuwiex id-drittijiet esklużivi fihom infushom, imma l-funzjonament tal-monopolju li għalih jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet esklużivi.


8 – Ara s-sentenza Franzén, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49.


9 – Ara s-sentenza Franzén iċċitata iktar ’il fuq, punt 38. Ara anki s-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1976, 59/75, Manghera et (Ġabra p. 91, punti 4 u 5); Hansen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8; tas-7 ta’ Ġunju 1983, 78/82, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Ġabra p. 1955, punt 11); ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, C-387/93, Banchero (Ġabra p. I-4663, punt 27), u tal-31 ta’ Mejju 2005, C-438/02, Hanner (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).


10 – Is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Franzén, punt 40, u Hanner, punt 36.


11 – Ara s-sentenza Hanner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38.


12 – Infakkar illi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-monopolji ta’ l-importazzjoni hija differenti u b’saħħitha iktar. Fil-fatt, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ jeħtieġ jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali “jistgħux jaffettwaw direttament il-kundizzjonijiet tal-bejgħ biss ta’ l-operaturi jew tal-bejjiegħa ta’ l-Istati Membri l-oħra” (ara s-sentenzi Tanghera et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 12; tat-13 ta’ Diċembru 1990, C-347/88, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Ġabra p. I-4747, punt 44), u tat-23 ta’ Ottubru 1997, C‑158/94, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Ġabra p. I‑5789, punt 23).


13 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1989, 215/87, Schumacher (Ġabra p. 617, punt 18); tal-25 ta’ Lulju 1991, C-1/90 u C-176/90, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía (Ġabra p. I-4151, punt 13); Franzén, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76, u tat-8 ta’ Marzu 2001, C-405/98, Gourmet International Products (Ġabra p. I-1795, punt 26).


14 – Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, C‑76/90, Säger (Ġabra p. I‑4221, punt 15); tat-23 ta’ Novembru 1999, C‑369/96 u C‑376/96, Arblade et (Ġabra p. I‑8453, punt 35); tat-3 ta’ Ottubru 2000, C‑58/98, Corsten (Ġabra p. I‑7919, punt 39), u tat-22 ta’ Jannar 2002, C‑390/99, Canal Satélite Digital (Ġabra p. I‑607, punt 33).


15 – Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, 2/73, Geddo (Ġabra p. 865, punt 7), u ta’ l-14 ta’ Diċembru 1979, 34/79, Henn u Darby (Ġabra p. 3795).


16 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, 8/74, Dassonville (Ġabra p. 837, punt 5).


17 – Sentenzi Aragonesa, iċċitati iktar ’il fuq, punt 16, u tat-13 ta’ Lulju 2004, C-262/02, Il-Kummissjoni vs Franza (Ġabra p. I-6569, punt 24).


18 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitati iktar ’il fuq, punti 24 u wara, u C-429/02, Bacardi France (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 33 u wara), u l-konklużjonijiet tiegħi tal-11 ta’ Marzu 2004 (punti 78-80).