Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta' Ottubru 2009 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-153/08) 1

(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim ŻEE - Taxxa diretta - Taxxa fuq id-dħul - Eżenzjoni fiskali limitata għar-rebħ minn lotteriji u logħob tal-ażżard organizzati minn ċerti korpi u entitajiet nazzjonali)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u L. Lozano Palacios, aġenti)

Konvenuta: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: F. Díez Moreno, aġent)

Suġġett

Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 49 KE u 36 ŻEE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-ammonti mirbuħa fl-lotteriji u logħob tal-ażżard organizzat barra mill-pajjiż huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, filwaqt li dawk organizzati fi Spanja mhumiex.

Dispożittiv

Billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li teżenta r-rebħ magħmul minn parteċipazzjoni f'lotteriji, f'logħob u f'imħatri organizzati fir-Renju ta' Spanja minn ċerti korpi pubbliċi u entitajiet stabbiliti f'dan l-Istat Membru u li jeżerċitaw attivitajiet ta' natura soċjali jew ta' assistenza mingħajr skop ta' lukru, mingħajr ma din l-istess eżenzjoni tingħata lir-rebħ li ġej minn lotteriji, logħob u mħatri organizzati mill-korpi u mill-entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jeżerċita attivitajiet tal-istess tip, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 49 KE u 36 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta' Mejju 1992.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Renju ta' Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

____________

1 - ĠU C 142, 07.06.2008