Language of document : ECLI:EU:C:2005:417

SENTENZA TAL-QORTI (l-Ewwel Awla)

tat-30 ta’ Ġunju 2005 (*)

«Assikurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili ta' vetturi b'mutur – Direttivi 84/5/KEE u 90/232/KEE – Sistema ta' responsabbiltà ċivili – Kontribuzzjoni tal-passiġġier għall-ħsara – Rifjut jew limitazzjoni tad-dritt għal kumpens»

Fil-kawża C-537/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ Deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2003, fil-proċedura

Katja Candolin,

Jari-Antero Viljaniemi,

Veli-Matti Paananen

vs

Vahinkovakuutusosakeyhtiö Pohjola,

Jarno Ruokoranta,

IL-QORTI (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), E. Juhász u M. Ilešič, Mħallfin

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal Paananen, minn M. Hunnakko, asianajaja,

–       għal Vahinkovakuutusosakeyhtiö Pohjola, minn M. Mäkelä, bħala aġent,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–       għall-Gvern Svediż, minn K. Norman, bħala aġent,

–       għall-Gvern Norveġiż, minn  I. Djupvik, bħala aġent, assistita minn T. Nordby, avokat,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u M. Huttunen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Generali ppreżentati fis-seduta ta' l-10 ta’ Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni Direttiva 84/5/KEE tal-Kunsill, tat-30 ta' Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' assikurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta' vetturi bil-mutur (ĠU 1984, L 8, p. 17, iktar 'il quddiem it-«tieni Direttiva»), u it-tielet Direttiva 90/232/KEE tal-Kunsill, ta' l-14 ta' Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta' vetturi bil-mutur (ĠU L 129, p. 33, iktar 'il quddiem it-«tielet Direttiva»).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn K. Candolin kif ukoll Viljaniemi u Paananen kontra l-kumpannija ta' assigurazzjoni Vahinkovakuutusosakeyhtiö Pohjola (iktar 'il quddiem «Pohjola») u Ruokoranta, rigward kumpens li trid tingħatalhom wara inċident bil-karozza.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE tal-Kunsill, ta' l-24 ta' April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma' assigurazzjoni kontra responsabbilità ċivili fir-rigward ta' l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbilità (ĠU L 103, p. 1, iktar 'il quddiem l-«ewwel Direttiva»):

«Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbilità ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbilità u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.»

4       Is-seba u d-disa' premessa tat-tieni Direttiva huma fformulati kif ġej:

«Billi huwa fl-interess ta’ vittmi li l-effetti ta’ ċerti klawsoli ta’ esklużjoni jkunu limitati għar-relazzjoni bejn l-assikuratur u l-persuna reponsabbli għall-inċident; […]

[…]

Billi l-membri tal-familja tal-persuna assikurata, tax-xufier jew ta’ xi persuna oħra responsabbli għandhom jingħataw protezzjoni paragunabbli għal dik ta’ partijiet terzi, fi kwalunkwe każ fir-rigward tal-korrimenti personali tagħhom».

5       L-Artikolu 2(1), ta' l-istess tieni Direttiva tipprevedi li:

«Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull disposizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assikurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva 72/166/KEE, li teskludi mill-assikurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

–       persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan,

jew

–       persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettihom isuqu l-vettura ikkonċernata,

jew

–       persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura ikkonċernata,

għandha, għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva 72/166/KEE, titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

Madanakollu d-disposizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista’ tiġi nvokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assikuratur jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

[…]»

6       L-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva tistipola:

«Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2 (1) tat-Direttiva 84/5/KEE, l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta' vettura.

[…]»

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Fiż-żmien tal-fatti fil-kwistjoni, l-Artikolu 7(1) u (3), tal-liġi fuq l-assigurazzjoni ta' vetturi b'mutur [liikennevakuutuslaki (279/1959)], tas-26 ta' Ġunju 1959, kif emendata bil-liġi 656/1994, kienet ifformulata kif ġej:

«1.      Jekk minn weġġa' minħabba f'inċident tat-traffiku ikkontribwixxa hu stess għat-twettiq tiegħu, il-kumpens għad-danni, minbarra dawk fuq il-persuna, li sostna, jistgħu jiġu lilu miċħuda, jew jitnaqqsu, skond it-tort li wettaq, il-mod kif il-karozza kienet misjuqa u ċ-ċirkustanzi li wasslu għat-twettiq tal-ħsara. Jekk persuna wettqet danni fuq il-persuna tagħha stess, intenzjonalment jew minħabba negliġenza gravi, hi mhux ser tkun ikkumpensata ħlief għal ċirkustanzi oħra li kkontribwew għat-twettiq tal-korriment.

[…]

3.      Jekk persuna tkun ikkawżat id-danni fuq il-persuna tagħha, billi saqgħet vettura, waqt, fil-ħin li qed issuq jew wara, il-livell tagħha ta' alkoħol fid-demm kien ta' għallinqas 1,2 kull elf jew il-livell tiegħu ta' l-alkoħol kull litru ta' arja li nefaħ 'il barra kien ta' 0,6 milligrammi, jew li kkawża danni billi saq il-vettura taħt l-influwenza ta' l-alkoħol u/jew ta' sustanza oħra li ssakkar, tat-tip li l-kapaċità tiegħu li jaġixxi bla ma jiżbalja tiddgħajjef kunsiderevolment, il-kumpens mill-assigurazzjoni mhuwiex meħud in kunsiderazzjoni jekk ma hemmx motiv speċifiku għal dan. Id-dispożizzjonijiet ta' qabel, dwar dritt ta' kumpens għas-sewwieq, huma ukoll applikabbli għall-passiġġier li kien jinsab fil-vettura waqt it-twettiq tad-dannu, minkejja li kien jaf jew kellu jkun jaf l-istat tas-sewwieq.»

8       Wara opinjoni motivata indirizzata fl-20 ta' Marzu 2002 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej lir-Repubblika tal-Finlandja, it-tieni frażi ta' l-istess Artikolu 7(3), ġie emendat bil-liġi 548/2002. Taħt din id-dispożizzjoni l-ġdida:

«Il-kumpens tal-passiġġier, li fil-mument li jseħħ id-dannu, kien jinsab f'vettura li s-sewwieq tagħha kien juri l-karatteristiċi deskritti fil-paragrafu preżenti, jista' jitnaqqas raġjonevolment, fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni tiegħu stess għall-ħsara.»

9       Mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Frar 2003, tal-liġi 1144/2002, l-Artikolu 7(1), tal-liġi fuq l-assigurazzjoni ta' vetturi b'mutur huwa fformulat kif ġej:

«Jekk persuna kkontribwiet b'mod intenzjonali għat-twettiq tal-korriment fuq il-persuna tagħha, din tkun ikkumpensata biss fil-miżura fejn ċirkustanzi oħra kkontribwew għat-twettiq tal-ħsara. Jekk persuna, b'negliġenza gravi, ikkontribwiet għat-twettiq tal-korriment fuq il-persuna tagħha, il-kumpens jista' jiġi miċħud, jew jitnaqqas, jekk dan huwa ekwu fiċ-ċirkustanzi li jittieħdu in kunsiderazzjoni.»

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Fil-21 ta' April 1997, T. Candolin, omm ta' K. Candolin, kif ukoll Viljaniemi u Paananen għamlu vjaġġ fil-vettura ta' din ta' l-aħħar, misjuqa f'din l-okkażjoni minn Ruokoranta. Waqt dan il-vjaġġ, seħħ inċident tat-traffiku, li kkawża l-mewt ta' T. Candolin kif ukoll feriti gravi lill-passiġġieri l-oħra.

11     Jirriżulta mid-deċiżjoni għar-rinviju li s-sewwieq u l-passiġġieri kollha l-oħra kienu fi stat ta' sakra.

12     Il-Porin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Pori) ikkundannat lil Ruokoranta għal piena ta' priġunerija u l-ħlas ta' kumpens lil K. Candolin kif ukoll Viljaniemi u Paananen. F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-ħlas ta' kumpens għal Pohjola, din il-Qorti, qieset li billi l-passiġġieri kellhom ikunu jafu dwar l-istat ta' sakra s-sewwieq, iddeċidiet li l-ebda wieħed minnhom ma kellu dritt fil-prinċipju, skond l-Artikolu 7(3), tal-liġi dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi b'mutur, hekk kif emendata mill-liġi 656/1994, għal kumpens min-naħa tal-kumpannija ta' l-assigurazzjoni. Minkejja kollox, kieku kien hemm, skond din id-dispożizzjoni, «raġuni speċifika» għal ħlas ta' kumpens, Pohjola kienet tista' tkun imġiegħla tħallas dan. Meta wieħed jikkunsidra l-feriti gravi sostnuti minn Paananen u l-fatt li Ruokoranta probabbilment ma kinitx tkun tista' tikkumpensaha, minħabba fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, il-Porin käräjäoikeus iddeċieda li Pohjola kellha tipproċedi bil-ħlas ta' dan il-kumpens. Min-naħa l-oħra, ikkunsidrat li l-ebda «motiv speċifiku» ma seta jiġi invokat għal dak li jirrigwarda K. Candolin u Viljaniemi.

13     Billi ġie ppreżentat appell, it-Turun hovioikeus (il-Qorti ta' l-appell ta' Turku) iddeċiediet li l-kumpens li Ruokoranta kien obbligat jagħti lil Paananen ma kellux aktar jiġi sostnut minn Pohjola.

14     K. Candolin kif ukoll Viljaniemi u Paananen għalhekk appellaw kontra s-sentenza ta' Turun hovioikeus mal-Korkein oikeus (l-Għola Qorti). Huma talbu li l-kumpens tagħhom ikun kopert mill-kumpannija ta' assigurazzjoni, taħt l-assigurazzjoni ta' vetturi b'mutur. Pohjola jikkontesta li għandu obbligu li jagħmel tajjeb minħabba li, ladarba passiġġier tela' f'vettura meta kien jaf li kien hemm riskju għola minn dak ordinarju li jsostni ħsara, irid jirrispondi min-naħa tiegħu għall-konsegwenzi ta' l-atti tiegħu.

15     Minkejja li jqisu li d-dispożizzjonijiet leġislattivi fis-seħħ fil-mument tal-fatti jridu jiġu interpretati konformement mad-dritt Komunitarju, il-Korkein oikeus iddeċiediet li tissospendi l-proċediment u li tressaq lill-Qorti d-domandi preliminari li ġejjin:

«1)      Fejn l-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva […], li tgħid li l-assigurazzjoni għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri apparti mis-sewwieq li joriġinaw mill-użu ta' vettura, jew att ieħor jew prinċipju tad-Dritt Komunitarju, jillimita l-possibbiltà li tittieħed in kunsiderazzjoni, fil-liġi nazzjonali, li l-kontribut ta' passiġġier jinċidi fuq it-twettiq tal-ħsara li sostna, meta jiġi eżaminat id-dritt tiegħu għal kumpens mogħti mill-assigurazzjoni obbligatorja ta' vettura b'mutur?

2)      Huwa konformi mad-dritt Komunitarju, fis-sitwazzjonijiet kollha l-oħra għajr dik tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1) tat-tieni Direttiva […], li tirrifjuta jew li tillimita, fuq il-bażi ta' l-aġir tal-passiġġier fil-vettura, id-dritt tiegħu dan li jkun ikkumpensat mill-assigurazzjoni obbligatorja tad-danni li jkun sostna mill-inċident? Dan jista' ikun il-każ per eżempju fejn il-persuna li telgħat fil-vettura setgħat tinduna li r-riskju ta' inċident u ta' ħsara kien aktar importanti minn dak ordinarju?

3)      Id-dritt Komunitarju jippermetti li jittieħed in kunsiderazzjoni l-istat ta' sakra tas-sewwieq bħala element li jinfluwenza l-ħila tiegħu li jsuq vettura b'mutur bis-sigurtà kollha?

4)      Meta s-sid ta' vettura jkun ħalla persuna fi stat ta' sakra jsuq din, id-dritt Komunitarju jipprekludi li ssir evalwazzjoni aktar severa tal-kumpens għal korriment fuq il-persuna tiegħu mill-assigurazzjoni obbligatorja milli għall-passiġġieri l-oħra?

 Dwar id-domandi preliminari

16     B'dawn id-domandi, li jinħtieġ jiġu eżaminati flimkien, il-Qorti ta' l-Appell talbet, fis-sustanza, jekk it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1) tat-tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva jipprojbixxux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tirrifjuta jew tillimita, fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni ta' passiġġier għat-twettiq tal-ħsara li bata, il-kumpens sostnut mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi b'mutur u jekk it-tweġiba hijiex differenti fil-każ fejn il-passiġġier huwa s-sid tal-vettura.

17     L-ewwel nett, jinħtieġ li jitfakkar li l-ewwel, it-tieni u t-tielet Direttivi, min-naħa, jiżguraw ċ-ċirkolazzjoni libera kemm tal-vetturi li solitament jinsabu fuq it-territorju tal-Komunità kif tal-persuni li jkunu fuqhom, u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi ta' l-inċidenti kkawżati minn vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun liema jkun il-punt fuq it-territorju tal-Komunità fejn seħħ l-inċident (sentenza tat-28 ta' Marzu 1996, Ruiz Bernáldez, C-129/94, Ġabra p. I-1829, punt 13).

18     Huwa fid-dawl ta' l-għan tal-protezzjoni tal-vittimi li l-Qorti qatgħat li l-Artikolu 3(1), ta' l-ewwel Direttiva tipprojbixxi l-fatt li l-assiguratur jista' jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet legali jew klawżoli konvenzjonali biex jirrifjuta li jikkumpensa lil partijiet terzi f'inċident ikkawżat mill-vettura assikurata (sentenza Ruiz Bernáldez, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).

19     Il-Qorti bl-istess mod qatgħat li l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1), tat-tieni Direttiva ma jagħmilx għajr li jfakkar din l-obbligazzjoni f'dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet jew il-klawżoli ta' polza li jeskludu mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta' vetturi f'każijiet partikulari (persuni mhux awtorizzati li jsuqu l-vettura, persuni li m'għandhomx liċenzja tas-sewqan jew persuni li mhumiex konformi ma' l-obbligi legali ta' natura teknika dwar l-istat u s-sigurtà tal-vettura) (sentenza Ruiz Bernaldez, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

20     B'deroga għal din l-obbligazzjoni, it-tieni subparagrafu ta' dan l-Artikolu 2(1), jipprevedi li ċerti vittmi jistgħu ma jkunux ikkumpensati mill-assiguratur, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li huma stess ħolqu (persuni li ħadu posthom fi karozza li kienu jafu li kienet misruqa) (sentenza Ruiz Bernaldez, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

21     Minkejja dan, billi jirrigwarda dispożizzjoni li tistabbilixxi deroga għal regola ġenerali, it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1), tat-tieni Direttiva trid tkun interpretata b'mod strett.

22     Kif irrilevat ġustament mill-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull interpretazzjoni oħra tippermetti lill-Istati membri li jillimitaw il-kumpens għal partijiet terzi f'inċident tat-traffiku minħabba f'ċerti ċirkustanzi, dak li l-imsemmija Direttivi għandhom l-għan preċiż li jevitaw.

23     Jirriżulta li t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1), tat-tieni Direttiva jrid jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni legali jew klawżola kuntrattwali li tinsab f'polza ta' l-assigurazzjoni, li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta' vetturi, ma tistax tiġi opposta lil partijiet terzi, vittmi ta' inċident tat-traffiku, ħlief meta l-assiguratur jista' jipprova li l-persuni ħadu posthom fil-vettura misruqa li kkawżat il-ħsara bir-rieda kollha tagħhom.

24     F'dak li jirrigwarda ċ-ċaħda jew il-limitazzjoni tad-dritt għal kumpens sostnut mill-assigurazzjoni obbligatorja ta' vettura b'mutur minħabba fil-kontribut għall-ħsara tal-passiġġier vittma ta' inċident, jirriżulta mis-suġġett ta' l-ewwel, it-tieni u t-tielet Direttiva, kif ukoll mill-mod kif ġew ifformulati, li ma jfittxux li jarmonizzaw is-sistemi ta' responsabbiltà ċivili ta' l-Istati membri u li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, dawn ta' l-aħħar jibqgħu fil-libertà li jiddeterminaw is-sistema ta' responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li seħħew mill-użu ta' vetturi (sentenza ta' l-14 ta' Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, C‑348/98, Ġabra p. I-6711, punti 23 u 29).

25     F'dan ir-rigward, Pohjola kif ukoll il-Gvernijiet Finlandiżi, Ġermaniżi, Awstrijaċi u Norveġiżi ppretendew li d-dritt Komunitarju ma jistabbilixxi l-ebda limitu għall-evalwazzjoni, skond id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, tal-grad tal-kontribuzzjoni tal-passiġġier għat-twettiq tal-ħsara li sostna.

26     Tali argument ma jistax jintlaqgħa.

27     L-Istati membri jridu jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fir-rispett tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikulari, l-Artikolu 3(1), ta' l-ewwel Direttiva, l-Artikolu 2(1), tat-tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva, fejn l-għan huwa li jiggarantixxu li l-assigurazzjoni obbligatorja ta' vettura b'mutur trid tippermetti lill-passiġġieri kollha vittmi ta' inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura li jkunu kkumpensati għall-ħsara li sostnew.

28     Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-inċidenti li seħħew mill-użu ta' vetturi għalhekk ma jistgħux jipprivaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-effett utli tagħhom.

29     Tali jkun b'mod partikulari l-każ jekk, biss fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni tal-passaġġieri għat-twettiq tal-ħsara, leġiżlazzjoni nazzjonali, definita fuq il-bażi ta' kriterji ġenerali u astratti, ikun imċaħħad lill-passiġġier id-dritt li jkun ikkumpensat mill-assigurazzjoni obbligatorja ta' vettura b'mutur, ikun limitat tali dritt b'mod sproporzjonat.

30     Huwa biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali li, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni indiviwali, l-ammont tal-kumpens tal-vittma jista' jkun limitat.

31     Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' dawn iċ-ċirkustanzi u tal-karattru proporzjonat tal-limitazzjoni tal-kumpens, liema kompetenza hija tal-Qorti nazzjonali, il-fatt li l-passiġġier ikkonċernat huwa s-sid tal-vettura li s-sewwieq tagħha jkun ikkawża l-inċident ma jagħmel ebda effett.

32     Fil-fatt, billi kien previst li l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu tal-vetturi tkopri r-responsabbiltà għal korriment fuq il-persuna tal-passiġġieri kollha l-oħra għajr is-sewwieq, l-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva stabbiliet biss distinzjoni bejn dan is-sewwieq u l-passiġġieri l-oħra.

33     Minbarra dan, l-għanjiet ta' protezzjoni mfakkra fil-punti 18 sa 20 ta' din is-sentenza jimponu li s-sitwazzjoni ġuridika tas-sid tal-vettura li kienet tinsab fiha fil-mument ta' l-inċident, mhux bħala sewwieq, iżda bħala passiġġier, tkun ikkunsidrata l-istess ta' dik ta' kull passiġġier ieħor vittma ta' l-inċident.

34     Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Is-seba' premessa tat-tieni Direttiva tistabbilixxi li huwa fl-interess ta’ vittmi li l-effetti ta’ ċerti klawsoli ta’ esklużjoni jkunu limitati għar-relazzjoni bejn l-assikuratur u l-persuna reponsabbli għall-inċident. Bil-għan li tagħti protezzjoni paragunabbli għal dik ta' partijiet terzi, kif jirriżulta ukoll mid-disa' premessa ta' l-istess Direttiva, l-Artikolu 3 ta' din ta' l-aħħar huwa intiż li jkopri l-assigurazzjoni għal korriment fuq il-persuna tal-membri tal-familja ta' min għamel l-assigurazzjoni, tas-sewwieq u ta' kull persuna oħra responsabbli. L-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva tagħmel użu minn formula aktar wiesa', billi tipprevedi l-kumpens għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri kollha l-oħra għajr għas-sewwieq. Għalhekk, is-sid tal-vettura, meta passiġġier, mhuwiex eskluż mill-benefiċċju ta' kumpens.

35     Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta' qabel, hemm lok li jitwieġeb għad-domandi mqiegħda li, f'ċirkustanzi tali bħal dawn fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 2(1), tat-tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tirrifjuta jew tillimita b'mod sproporzjonat, fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni ta' passiġġier għat-twettiq tal-ħsara li bata, il-kumpens sostnut mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi b'mutur. Il-fatt li l-passiġġier ikkonċernat huwa s-sid tal-vettura li s-sewwieq tagħha jkun ikkawża l-inċident ma jagħmel ebda effett.

 Dwar l-ispejjeż

36     Peress li l-proċedura, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, għandha n-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra minn dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' ħlas lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

F'ċirkustanzi tali bħal dawn fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 2(1), tat-tieni Direttiva 84/5/KEE tal-Kunsill, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' assikurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta' vetturi bil-mutur, u l-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva 90/232/KEE tal-Kunsill, ta' l-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta' vetturi bil-mutur, jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tirrifjuta jew tillimita b'mod sproporzjonat, fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni ta' passiġġier għat-twettiq tal-ħsara li bata, il-kumpens sostnut mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi b'mutur. Il-fatt li l-passiġġier ikkonċernat huwa s-sid tal-vettura li s-sewwieq tagħha jkun ikkawża l-inċident ma jagħmel ebda effett.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.