Language of document : ECLI:EU:C:2005:596

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba' Awla)

6 ta' Ottubru 2005 (*)

"Talba għal deċiżjoni preliminari – Interpretazzjoni tal-prinċipju ta' non‑diskriminazzjoni – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, taħt piena ta' prosekuzzjoni, l-użu ta' emblema li tikkonsisti fi stilla ħamra b'ħames ponot fil-preżenza ta' pubbliku numeruż – Inkompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja"

Fil-kawża C‑328/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (L-Ungerija), permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Ġunju 2004, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Lulju 2004, fil-proċedimenti kriminali kontra

Attila Vajnai

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba' Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta' l-Awla, K. Schiemann (Relatur) u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix‑Hackl,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bħala prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali mibdija kontra s-Sur Vajnai għall-ksur ta' l-Artikolu 269/B tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż (Büntető Törvénykönyv) li jipprojbixxi li wieħed juża quddiem pubbliku numeruż "emblemi tat-totalitariżmu".

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 269/B tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż, intitolat "Użu ta' emblemi tat-totalitariżmu", jiddisponi:

"(1)      Kull min

a)      iqassam,

b)      juża quddiem pubbliku numeruż,

c)      jesponi fil-pubbliku,

swastika, beġġ ta' l-SS, salib bi vleġġa, minġel u martell, stilla ħamra b'ħames ponot jew simbolu li jirrappreżentahom, fin-nuqqas ta' ksur iktar gravi, jikkommetti reat li huwa punibbli b'ammenda.

(2)      Il-persuni li jwettqu l-att indikat fil-paragrafu (1) għal finijiet ta' tixrid ta' konoxxenza, ta' edukazzjoni, ta' xjenza, ta' arti jew ta' informazzjoni fuq il-ġrajjiet storiċi jew kontemporanei mhumiex punibbli.

(3)      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli għall-emblemi uffiċjali attwali ta' l-Istati."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4       Jirriżulta mid-digiet ta' rinviju li s-Sur Vajnai, viċi president tal-Partit Laburista Ungeriż, ġie akkużat kriminalment talli kellu quddiem pubbliku numeruż, fuq ilbiesu, matul manifestazzjoni organizzata f'Budapest, fil-21 ta' Frar 2003, stilla ħamra b'ħames ponot tal-kartun, ta' dijametru ta' 5 ċentimetri. Pulizija li kien parti mis-servizz ta' l-ordni pubbliku stiednu jneħħi din l-emblema, ħaġa li huwa aċċetta li jagħmel.

5       B'sentenza tal-11 ta' Marzu 2004, il-Pesti Központi Kerületi Bíróság (Qorti ċentrali tal-kwartier ta' Pest) sabet lis-Sur Vajnai ħati li uża, bi ksur ta' l-Artikolu 269/B, (1)b, tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż, "emblema tat-totalitariżmu". Din il-qorti ddeċidiet li tqegħdu taħt probation għal perijodu ta' sena u ordnat il-konfiska ta' din l-emblema.

6       Is-Sur Vajnai appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-Rinviju.

7       Fid-deċiżjoni ta' rinviju tagħha, il-Fővárosi Bíróság (qorti ta' Budapest) irrilevat li f'diversi Stati Membri, per eżempju r-Repubblika Taljana, il-partiti tax-xellug għandhom bħala simbolu l-istilla ħamra jew il-minġel u l-martell. Jirriżulta, skond din il-qorti, li l-membri ta' l-organizzazzjonijiet tax-xellug Taljani jistgħu jħaddnu l-emblemi tal-moviment tal-ħaddiem, mingħajr ma jiltqagħu ma'xi projbizzjoni, filwaqt li l-Kodiċi Kriminali Ungeriż jipprojbixxi l-użu ta' dawn l-emblemi. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni jekk dispożizzjoni li, fi Stat Membru, tipprojbixxi l-użu ta' l-emblemi tal-moviment internazzjonali tal-ħaddiema taħt piena ta' sanzjonijiet kriminali, filwaqt li fit-territorju ta' Stat membru ieħor, li wieħed jilbes l-istess emblemi ma jwassal għal ebda sanzjoni, hijiex diskriminatorja.

8       Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Bíróság iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-Artikolu 269/B(1) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż, li jgħid li min juża jew jesponi, fil-preżenza ta' pubbliku numeruż, emblema li tikkonsisti fi stilla ħamra b'ħames ponot - fin-nuqqas ta' ksur iktar gravi – jikkommetti reat (minuri), huwa kompatibbli mal-prinċipju fundamentali Komunitarju ta' non-diskriminazzjoni? L-Artikolu 6 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipji ta' libertà, ta' demokrazija, ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43/KE, li tirreferi ukoll għal-libertajiet fundamentali, jew l-Artikoli 10, 11, u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jippermettu lil persuna li tixtieq turi l-konvinzjonijiet politiċi tagħha, permezz ta' emblema li tirrappreżentahom, li tagħmel hekk fi kwalunkwe Stat Membru?"

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

9       Il-Gvern Ungeriż u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, li ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub, jesprimu dubji fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi għad-domanda preliminari.

10     Għandu jsir, għall-verifika tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, eżami tas-suġġett tad-domanda magħmula.

11     B'din id-domanda, il-qorti nazzjonali qed issaqsi, sostanzjalment, jekk il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, l-Artikolu 6 UE, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill, 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini ta' razza jew [oriġini] etnika (ĠU L180, p. 22), jew l-Artikoli 10, 11, u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza (ĠU C364, p.1), ma jippermettux dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 269/B tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż li tippenalizza li wieħed jilbes quddiem pubbliku numeruż is-simbolu in kwistjoni fil-kawża prinċpali.

12     Hija ġurisprudenza kostanti li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi mitluba permezz ta' domanda preliminari, għandha tagħti l-elementi kollha ta' interpretazzjoni neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta' tali leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li tagħhom hija tiggarantixxi r-rispett (ara s-sentenza tad-29 ta' Mejju 1997, Kremzow, C-299/95, Ġabra. p.I-2629, punt 15).

13     Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex din il-kompetenza fir-rigward ta' leġiżlazzjoni li ma taqax taħt il-kuntest tad-dritt Komunitarju meta s-suġġett tal-kawża ma jippreżenta ebda rabta ma' xi waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati (ara s-sentenza Kremzow, iċċitata iktar 'il fuq, punti 15 u 16).

14     Għandu jiġi konkluż li l-każ tas-Sur Vajnai ma jippreżenta ebda element ta' rabta ma' xi waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati u li l-leġiżlazzjoni Ungeriża applikabbli fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kuntest tad-dritt Komunitarju.

15     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat, skond l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija manifestament inkompetenti li tirrispondi d-domanda magħmula mill-Fővárosi Bíróság.

 Fuq l-ispejjeż

16     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż tal-preżentata tas-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tordna:

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija manifestament inkompetenti li tirrispondi d-domanda magħmula mill-Fővárosi Bíróság (L-Ungerija), bid-deċiżjoni ta' l-24 ta' Ġunju 2004.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.