Language of document : ECLI:EU:C:2007:262

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Mejju 2007(*)

“Ġurisdizzjoni u rikonoxximent u twettiq ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Artikolu 5(1)(b)(i) – Qorti tal-post ta’ twettiq ta’ l-obbligu kuntrattwali li jservi bħala bażi għat-talba – Bejgħ ta’ merkanzija – Merkanzija kkunsinnata f’postijiet differenti ta’ l-istess Stat Membru”

Fil-kawża C-386/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2005, fil-proċedura

Color Drack GmbH

vs

Lexx International Vertriebs GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta’ l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta u G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lexx International Vertriebs GmbH, minn H. Weben, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Dittrich u M. Lumma, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Nwaokolo, bħala aġent, assistita minn A. Henshaw, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u twettiq ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

 Ir-Regolament Nru 44/2001

2        Skond it-tieni premessa tar-Regolament Nru 44/2001, “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex iħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-twettiq ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzjali.”

3        Skond il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001, “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti.”

4        Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 li jidhru fil-Kapitolu II tiegħu, jikkonsistu fl-Artikoli 2 sa 31.

5        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jifforma parti mill-ewwel Sezzjoni tal-Kapitolu II tiegħu, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jgħid:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jidher fl-istess Sezzjoni 1, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

7        Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jidher fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      (a)   f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

(ċ)      jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kontroversja bejn Color Drack GmbH (aktar ‘il quddiem “Color Drack”), kumpannija stabbilita fi Schwarzach (l-Awstrija), u Lexx International Vertriebs GmbH (aktar ‘il quddiem “Lexx”), kumpannija stabbilita f’Nuremberg (il-Ġermanja), rigward l-twettiq ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija li bis-saħħa tiegħu Lexx obbligat ruħa tikkunsinna merkanzija lil diversi rivendituri ta’ Color Drack fl-Awstrija, b’mod partikolari fil-post fejn hija stabbilita Color Drack, filwaqt li Color Drack obbligat ruħa li tħallas il-prezz tal-merkanzija msemmija.

9        Il-kawża prinċipali kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ Lexx li twettaq l-obbligu tagħha, skond il-kuntratt, li tieħu lura l-merkanzija li ma tinbiegħx u li tħallas lura l-prezz lil Color Drack.

10      Minħabba dan in-nuqqas ta’ twettiq, fl-10 ta’ Mejju 2004 Color Drack ippreżentat kawża għal ħlas kontra Lexx quddiem il-Bezirksgericht St Johann im Pongau (l-Awstrija) fil-post fejn hija stabbilita. Din il-qorti ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni territorjali abbażi ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001.

11      Fuq talba ppreżentata minn Lexx, il-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija) annulla din is-sentenza minħabba li l-qorti ta’ l-ewwel istanza ma kellhiex ġurisdizzjoni territorjali. Din il-qorti ta’ l-appell qieset li l-post uniku ta’ rabta, stabbilit fl-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001, għall-obbligi kollha li jirriżultaw minn kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija, ma setax jiġi stabbilit fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna.

12      L-Oberster Gerichtshof, li quddiemu tressaq appell ippreżentat minn Color Drack kontra d-deċiżjoni tal-Landesgericht Salzburg, qies li interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 hija neċessarja sabiex tinqata’ l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti Awstrijaka li kellha l-każ quddiemha fl-ewwel istanza.

13      L-Oberster Gerichtshof josserva li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi post uniku ta’ rabta fil-konfront tat-talbiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija, jiġifieri l-post tal-kunsinna, u li din l-istess dispożizzjoni, li tistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, għandha bħala prinċipju tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Fiċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof għandha dubji fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti li kellha l-każ quddiemha fl-ewwel istanza abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, f’dan il-każ, il-merkanzija ma ġietx ikkunsinnata biss fil-post fejn tinsab din il-qorti, iżda f’postijiet differenti ta’ l-Istat Membru li minnhom tifforma parti din il-qorti.

14      Għaldaqstant, l-Oberster Gerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bejjiegħ tal-merkanzija, li jkollu d-domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru, li jkun ikkunsinna l-merkanzija lix-xerrej, li jkollu d-domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, f’postijiet differenti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, skond dak li jkun ġie miftiehem, jista’ jiġi mfittex mix-xerrej quddiem il-qorti ta’ wieħed minn dawn il-postijiet (ta’ twettiq) – jekk ikun il-każ skond l-għażla tax-xerrej – fid-dawl ta’ pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt li jirrigwarda l-kunsinni kollha (parzjali)?”

 Fuq it-talba preliminari

15      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 huwiex applikabbli fil-każ ta’ bejgħ ta’ merkanzija li jinvolvi numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru u, f’kull każ, jekk meta t-talba tkun tirrigwarda l-kunsinni kollha, ir-rikorrent jistax ifittex lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna ta’ l-għażla tiegħu.

16      Preliminarjament, għandu jingħad li l-kunsiderazzjonijiet segwenti huma limitati biss għall-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi Stat Membru wieħed u ma jaffettwawx ir-risposta li għandha tingħata fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi Stati Membri differenti.

17      Qabel kollox, għandu jingħad li l-kliem waħdu ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jippermettix li tingħata risposta għad-domanda li saret, peress li dan ma jirreferix espressament għall-każ ikkunsidrat minn din id-domanda.

18      Konsegwentement, l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ l-oriġini, ta’ l-għanijiet u tas-sistema tar-Regolament imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C‑103/05, Ġabra p. I‑6827, punt 29, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22).

19      F’dan ir-rigward, jirriżulta mit-tieni u l-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 li dan ta’ l-aħħar għandu l-iskop li jgħaqqad ir-regoli ta’ kunflitt ta’ qrati f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ kompetenza li għandhom grad għoli ta’ prevedibbiltà.

20      F’dan il-kuntest, l-imsemmi Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni stabbiliti fil-Komunità, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista jipproċedi quddiemha u lill-konvenut jipprevedi b’mod raġjonevoli l-qorti li jista’ jiġi mfittex quddiemha (ara s-sentenza Reisch Montage, iċċitata aktar ‘il fuq, punti 24 u 25).

21      Għal dan il-għan, ir-regoli tal-ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001 huma bbażati fuq il-ġurisdizzjoni skond il-prinċipju tal-post tad-domiċilju tal-konvenut, stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u kkompletat minn ġurisdizzjonijiet speċjali (ara s-sentenza Reisch Montage, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 22).

22      Għaldaqstant, ir-regola tal-ġurisdizzjoni tal-post tad-domiċilju tal-konvenut hija kkompletata, fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, b’regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materja kuntrattwali. Din l-aħħar regola, li tissodisfa l-għan ta’ prossimità, hija motivata mill-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta mill-qrib bejn il-kuntratt u l-qorti li tintalab tisma’ l-kawża dwar dan il-kuntratt.

23      B’applikazzjoni tar-regola msemmija, il-konvenut jista’ wkoll jiġi mfittex quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba ġie jew għandu jitwettaq, liema qorti hija preżunta li għandha fattur ta’ rabta mill-qrib mal-kuntratt.

24      Sabiex isaħħaħ l-iskop oriġinali li jgħaqqad ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati bil-għan li tintlaħaq prevedibbiltà, ir-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi b’mod awtonomu dan il-kriterju ta’ rabta għall-bejgħ ta’ merkanzija.

25      Fil-fatt, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tiegħu, il-post tat-twettiq ta’ l-obbligu kuntrattwali li jservi bħala bażi għat-talba huwa l-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, il-merkanzija tkun ġiet ikkunsinnata jew suppost li tkun ġiet ikkunsinnata.

26      Għaldaqstant, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, kuntrarjament għal dak li tgħid Lexx, din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materja kuntrattwali tistabbilixxi l-post tal-kunsinna, bħala kriterju awtonomu tar-rabta, li għandu jiġi applikat fil-konfront tal-kawżi kollha bbażati fuq l-istess kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija, u mhux biss fil-konfront ta’ dawk ibbażati fuq l-obbligu ta’ kunsinna stess.

27      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoniiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru, huwiex applikabbli l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001, u jekk jagħti l-każ, jekk, meta l-kawża tkun tirrigwarda l-kunsinni kollha, ir-rikorrent jistax iħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna li jagħżel huwa stess.

28      Fl-ewwel lok, għandu jingħad li l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli kemm fil-każ ta’ uniċità kif ukoll ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna.

29      Fil-fatt, bil-kunsiderazzjoni ta’ l-uniċità kemm tal-post li għandu ġurisdizzjoni kif ukoll tal-kriterju ta’ rabta, il-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni jeskludi, b’mod ġenerali, il-każ li fih diversi postijiet jistgħu jkollhom ġurisdizzjoni u lanqas il-każ li fih l-eżistenza tal-kriterju msemmi tista’ tirriżulta f’postijiet differenti.

30      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001, li jistabbilixxi kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tgħaqqad ir-regoli ta’ kunflitt ta’ qrati u, għaldaqstant, li tistabbilixxi b’mod dirett il-post li għandu l-ġurisdizzjoni mingħajr ma jsir rikors għar-regoli interni ta’ l-Istati Membri.

31      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li risposta pożittiva għall-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni eżaminata hijiex applikabli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru ma tpoġġix f’dubju l-għanijiet imfittxija mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ l-Istati Membri li huma stabbiliti fir-Regolament Nru 44/2001.

32      Minn naħa, l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru hija konformi ma’ l-għan ta’ prevedibbiltà mfittex minn dan ir-Regolament.

33      Fil-fatt, f’dan il-każ, il-partijiet tal-kuntratt jistgħu faċilment u raġjonevolment jipprevedu quddiem il-qrati ta’ liema Stat Membru jkunu jistgħu jressqu d-diverġenzi tagħhom.

34      Minn naħa l-oħra, l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru hija wkoll konformi ma l-għan ta’ prossimità li fuqu huma bbażati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materja kuntrattwali.

35      Fil-fatt, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru, dan il-għan ta’ prossimità huwa assigurat peress li f’kull każ, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni taħt eżami, huma l-qrati ta’ dan l-Istat Membru li jkollhom ġurisdizzjoni jieħdu konjizzjoni tal-kawża.

36      Konsegwentement, l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru.

37      Madankollu, fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi dedott li din id-dispożizzjoni neċessarjament tikkonferixxi ġurisdizzjoni konkurrenti lil kull qorti fejn il-merkanzija ġiet jew suppost kellha tiġi kkunsinnata.

38      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru, u meta l-kawża tkun tirrigwarda l-kunsinni kollha, ir-rikorrent jistax iħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna ta’ l-għażla tiegħu abbażi ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu fil-fatt jiġi enfasizzat li qorti waħda għandha jkollha ġurisdizzjoni li tisma’ t-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt.

39      F’dan ir-rigward, għandha tiġi kkunsidrata l-oriġini tad-dispożizzjoni eżaminata. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju xtaq, għall-kuntratti ta’ bejgħ, jitbiegħed b’mod espliċitu mis-soluzzjoni preċedenti li kienet tipprevedi li l-post ta’ twettiq jiġi stabbilit, għal kull obbligu kkontestat, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali privat tal-qorti li għandha l-kawża quddiemha. Meta b’mod awtonomu stabbilixxa bħala l-“post tat-twettiq” dak il-post li fih għandu jitwettaq l-obbligu li jikkaratterizza l-kuntratt, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jiċċentralizza l-ġurisdizzjoni legali fil-post tat-twettiq fil-konfront tal-kawżi relattivi għall-obbligi kuntrattwali kollha u li jistabbilixxi ġurisdizzjoni legali unika fil-konfront tat-talbiet ibbażati fuq il-kuntratt.

40      Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 hija bħala prinċipju ġġustifikata mill-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta partikolarment mill-qrib bejn il-kuntratt u l-qorti li hija mitluba tieħu konjizzjoni tiegħu, fid-dawl tat-tmexxija utli tal-proċedura. Isegwi li, fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna ta’ merkanzija, bħala prinċipju għandu jinftiehem, bħala post tat-twettiq, għall-finijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni eżaminata, dak il-post li jassigura l-fattur ta’ rabta l-aktar mill-qrib bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni. F’dan il-każ, il-fattur ta’ rabta l-aktar mill-qrib jirriżulta, bħala regola ġenerali, fil-post tal-kunsinna prinċipali, liema post għandu jiġi stabbilit skond kriterji ekonomiċi.

41      Għal dan il-għan, hija l-qorti nazzjonali li għandha l-kawża quddiemha, li għandha tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-elementi ta’ prova li ġew ippreżentati liha.

42      Fin-nuqqas tal-kapaċità li jiġi stabbilit il-post tal-kunsinna prinċipali, kull wieħed mill-postijiet tal-kunsinna għandu rabta suffiċjenti ta’ prossimità ma’ l-elementi materjali tal-kawża, u għaldaqstant, rabta sinjifikattiva fuq livell ta’ ġurisdizzjoni ġudizzjarja. F’każ bħal dan, ir-rikorrent jista jħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna ta’ l-għażla tiegħu abbażi ta’ l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001.

43      Għażla bħal dik irrikonoxxuta lir-rikorrent fl-istess ħin tippermettilu jidentifika faċilment il-qrati li jista’ jipproċedi quddiemhom, u tippermetti lill-konvenut jipprevedi raġonevolment dawk il-qrati li jista’ jiġi mħarrek quddiemhom.

44      Din il-konklużjoni ma tistax terġa titpoġġa fid-diskussjoni minħabba l-fatt li l-konvenut ma jistax jipprevedi quddiem liema qorti partikolari ta’ dan l-Istat Membru jista’ jiġi mħarrek, peress li fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ twettiq fl-istess Stat Membru, dan huwa protett biżżejjed minħabba li bl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni eżaminata, jista’ jiġi mħarrek biss quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru fejn ġiet magħmula kunsinna.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija aktar ‘il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru. F’każ bħal dan, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni li tisma’ l-kawżi kollha bbażati fuq il-kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija hija dik fejn jinsab il-post tal-kunsinna prinċipali, li għandu jiġi stabbilit skond kriterji ekonomiċi. Fin-nuqqas ta’ fatturi determinanti li bihom jiġi stabbilit il-post tal-kunsinna prinċipali, ir-rikorrent jista’ jħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna ta’ l-għażla tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(1)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u twettiq ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li dan huwa applikabbli fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fl-istess Stat Membru. F’każ bħal dan, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni li tisma’ l-kawżi kollha bbażati fuq il-kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija hija dik fejn jinsab il-post tal-kunsinna prinċipali, li għandu jiġi stabbilit skond kriterji ekonomiċi. Fin-nuqqas ta’ fatturi determinanti li bihom jiġi stabbilit il-post tal-kunsinna prinċipali, ir-rikorrent jista’ jħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna ta’ l-għażla tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.