Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Marzu 2007 - Noworyta vs Il-Parlament

(Kawża F-30/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Lidia Noworyta (Brussell, Il-Belġju) [rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u E. Marchal, avukati]

Konvenut: Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra tat-28 ta' April 2006 li tiċħad il-proposta tas-superjur dirett tar-rikorrenti ta' l-20 ta' Ottubru 2005 li tingħatalha allowance fissa għas-sigħat ta' sahra maħduma taħt kundizzjonijiet speċjali fis-sens ta' l-Artikolu 3 ta' l-Anness VI tar-Regolament tal-Persunal jew xi allowance oħra, jew taħt l-Artikolu 56a jew taħt l-Artikolu 56b tar-Regolament tal-Persunal;

tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, fl-ewwel lok, il-ksur tal-prinċipju ġenerali li kull impjegat għandu jkun suġġett għal kundizzjonijiet ta' xogħol ġusti, b'mod partikolari f'termini ta' xogħol u ta' leave ta' kumpens jew ta' remunerazzjoni għas-sigħat ta' sahra maħduma jew minħabba l-karatteristiċi partikolari ta' l-organizzazzjoni tas-sigħat ta' xogħol tiegħu.

B'mod aktar partikolari, hija ssostni li, b'differenza mill-Artikoli 56a u 56b tar-Regolament tal-Persunal, l-Artikolu 3 ta' l-Anness VI tar-Regolament tal-Persunal ma jissuġġettax il-possibbiltà li tingħata allowance fissa għas-sigħat ta' sahra maħduma taħt kundizzjonijiet speċjali ta' xogħol għall-kundizzjoni li dawn is-sigħat jinħadmu fuq bażi regolari. Skond ir-rikorrenti, l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra (l-Awtorità tal-Ħatra) wettqet żball ta' dritt meta żiedet din il-kundizzjoni fir-regoli interni dwar il-kumpens tas-sigħat ta' sahra.

L-Awtorità tal-Ħatra wettqet ukoll żball ta' dritt meta indikat li l-uffiċjali impjegati mill-1 ta' Mejju 2004 ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-allowance filwaqt li din il-possibbiltà hija espressament stipulata fl-Artikolu 1 ta' dawn ir-regoli interni.

Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li ma jingħatalha l-ebda leave ta' kumpens jew remunerazzjoni ta' sahra għall-kundizzjonijiet speċjali tax-xogħol tagħha tikser l-Artikoli 56a u 56b tar-Regolament tal-Persunal kif ukoll il-prinċipju ta' trattament ugwali.

Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti, il-pożizzjoni tal-Parlament mhijiex koerenti peress li d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Presidenza kien iddikjara li l-ebda persuna li taħdem fiċ-ċentrali telefonika ma kellha taħdem sigħat ta' sahra fuq bażi regolari filwaqt li l-Awtorità tal-Ħatra kienet ikkonkludiet, min-naħa tagħha, li kien qed isir studju sabiex jiġu eżaminati l-possibiltajiet ta' armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-servizz ikkonċernat preċiżament minħabba l-ħinijiet atipiċi tax-xogħol, li ma kinux jaqgħu fil-ħinijiet ġenerali/normali tax-xogħol.

____________