Language of document : ECLI:EU:C:2007:399

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 20071(1)

Kawża C‑262/06

Deutsche Telekom AG

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Komunikazzjonijiet elettroniċi – Qafas regolatorju ġdid – Sistema tranżitorja – Żamma temporanja ta’ l-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni preċedenti – Interpretazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali – Impriża f’pożizzjoni dominanti – Tariffi applikati għall-provvista tas-servizz ta’ telefonija bil-vuċi – Obbligu ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva”





I –    Daħla

1.        Fis-27 ta’ Frar 2007 ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C-64/06, Telefónica 02 Czech Republic(2), fejn l-Obvodní soud (Qorti ta’ l-Ewwel Istanza) numru 3 ta’ Praga qajmet xi kwistjonijiet dwar is-sistema tat-telekomunikazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. F’dawn il-konklużjonijiet aċċennajt, fost l-oħrajn, għas-sistema tranżitorja ta’ l-hekk imsemmi “qafas [qafas] regolatorju ġdid”(3) approvat fis-7 ta’ Marzu 2002 u ppubblikat fl-24 ta’ April(4) ta’ wara, mingħajr madankollu ma eżaminajtha, minħabba li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma kinitx titlob din l-analiżi.

2.        Il-Bundesverwaltungsgericht (Tribunal Federali Suprem kompetenti għall-kawżi amministrattivi) (il-Ġermanja), illum jipproponi, billi jirrikorri għall-Artikolu 234 KE, dokument, fejn l-imsemmija sistema tranżitorja tassumi rwol fundamentali, minħabba li l-qorti nazzjonali titlob li tiġi ddeterminata l-portata ta’ l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali, li jżommu provviżorjament fis-seħħ l-obbligi imposti fuq xi operaturi mis-sistema preċedenti.

3.        Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk dan il-prinċipju ta’ kontinwità jirrigwardax l-obbligi stabbiliti direttament mil-liġi jew jekk bil-kontra dan jestendix biss għall-obbligi li jirriżultaw minn att individwali, u għalhekk għandha l-intenzjoni li tiċċara jekk dan jirrigwardax ukoll dispożizzjoni li tissuġġetta, għall-awtorizazzjoni preċedenti, it-tariffi applikati minn impriża f’pożizzjoni dominanti lill-utenti tagħha għas-servizzi ta’ telefonija vokali (l-ewwel domanda).

4.        F’kull każ, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li kkunsidrat li l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali ma jimponux iż-żamma fis-seħħ ta’ obbligi legali, għandha l-intenzjoni tiċċara jekk, għall-inqas, jippermettux dan ġaladarba ma jwettqux armonizzazzjoni sħiħa u jħallu lill-Istati Membri poter diskrezzjonali suffiċjenti f’dan is-sens (it-tieni domanda).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

5.        L-intervent tal-Komunità fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet huwa organizzat f’żewġ fażijiet: l-ewwel fażi, bdiet fil-bidu tas-snin disgħin tas-seklu li għadda, finalizzata sabiex is-swieq isiru iktar flessibbli u għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; u tieni fażi mibdija wara li nħolqu l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni effettiva(5), li ġiet ikkonkretizzata bl-addozzjoni ta’ l-imsemmi “qafas regolatorju ġdid”(6).

6.        Bejn iż-żewġ fażijiet, ġiet approvata d-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 1998, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-vuċi u t-twaqqif ta’ servizz universali tat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv(7). L-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva intitolat “Prinċipji sabiex jiġu stabbiliti t-tariffi”, kien jorbot lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex jassiguraw li l-impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti fuq is-suq kellhom jistabbilixxu t-tariffi abbażi ta’ l-ispejjeż (paragrafi 1 u 2)(8), indipendentement mit-tip ta’ applikazzjoni mwettqa mill-utent, ħlief meta jintalbu servizzi jew prestazzjonijiet differenti, fil-każ fejn it-tariffi addizzjonali kellhom jirriżultaw mhux amalgamati mal-bqija (paragrafi 3 u 4). Il-bidliet tariffarji kellhom jidħlu fis-seħħ biss wara perijodu xieraq ta’ preavviż lill-pubbliku (paragrafu 5). Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu xi derogi għaż-żoni ġeografiċi fejn ikun stabbilit li hemm kompetizzjoni effettiva (paragrafu 6).

7.        Sabiex “tiġi żgurata l-kontinwità ta’ ftehim eżistenti, u biex jiġi evitat vakwu [lakuna] legali” (tnax il-premessa tad-Direttiva ta’ l-Aċċess), “il-qafas ġdid regolatorju” tat-telekomunikazzjonijiet, għandu l-intenzjoni li jżomm, sar-reviżjoni tagħhom, l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni preċedenti.

8.        Għal dan il-għan, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas jipprovdi, b’mod ġenerali, li l-Istati Membri għandhom iżommu “l-obblig[i] kollha taħt il-liġi nazzjonali msemmija f’Artikolu 7 (...) (Direttiva ta’ l-Aċċess)(9) u Artikolu 16 tad-(...) (Direttiva Servizz Universali) sa dak iż-żmien li ssir determinazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-obblig[i] mill-awtorità nazzjonali regolatorja skond Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva.”

9.        Fi kliem iktar speċifiku, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Servizz Universali jżomm fis-seħħ l-obbligi ta’ l-Istati Membri tal-Komunità li jirrigwardaw:

“a)      tariffi bl-imnut għall-forniment ta’ aċċess għal u l-użu tan-network pubbliku tat-telefon, imposti taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10/KE

(…)

sakemm titwettaq reviżjoni u determinazzjoni magħmula skond il-proċedura tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”

10.      L-imsemmi paragrafu 3 jirreferi għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, li jsostni li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti (paragrafu 1) b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u jisseparaw is-swieq li huma effettivament kompetittivi minn dawk li mhumiex, bl-iskop li jirrevokaw l-obbligi imposti fil-passat fuq l-impriżi dominanti, fl-ewwel każ, u jżommuhom jew jemendawhom fit-tieni każ (paragrafi 2, 3 u 4).

B –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

11.      L-Artikolu 25(1) tat-Telekommunikationsgesetz (liġi dwar it-telekomunikazzjoni; iktar ’il quddiem: it-“TKG”) tal-25 ta’ Lulju 1996(10), b’riferiment għall-Artikoli 24 u 27 sa 31 ta’ l-istess liġi, jissuġġetta għall-awtorizzazzjoni amministrattiva t-tariffi, li l-impriżi f’pożizzjoni dominanti kellhom l-intenzjoni li jimponu fuq il-konsumaturi aħħarin bħala ħlas għall-provvista ta’ servizzi telefoniċi, hekk bħall-elementi l-oħra inklużi fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt. L-imsemmi Artikolu 24(1) kien jorbot id-dħul tat-tariffi ma’ l-ispejjeż tal-provvisti relattivi.

12.      L-Artikolu 150(1) tat-TKG tat-22 ta’ Ġunju 2004(11) jipprovdi għaż-żamma fis-seħħ ta’ l-obbligi ta’ l-imsemmija kategorija ta’ impriżi, li joħorġu mit-TKG ta’ l-1996, sakemm ma jiġux sostitwiti minn deċiżjonijiet ġodda meħuda skond il-parti 2 ta’ l-istess liġi ta’ l-2004, li tirregola l-modalitajiet ta’ definizzjoni u ta’ analiżi tas-swieq.

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

13.      Deutsche Telekom AG hija kumpannija ta’ telekomunikazzjoni li topera fil-Ġermanja, fejn permess ta’ netwerk fiss, toffri servizzi ta’ telefonija bil-vuċi.

14.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2004, ir-Regulierungsbehörde für Telekommunikation und Post (awtorità Ġermaniża ta’ regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta)(12) iddeċidiet li t-tariffi applikati minn din l-impriża u l-klawżoli kuntrattwali ġenerali in kwistjoni kienu suġġetti għall-awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 25(1) tat-TKG ta’ l-1996.

15.      Wara d-dħul fis-seħħ tat-TKG ta’ l-2004, id-Deutsche Telekom ippreżentat rikors skond l-Artikolu 150(1) ta’ din il-liġi, fejn sostniet li l-obbligi imposti skond id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2004, f’dak iż-żmien ma kinux għadhom fis-seħħ.

16.      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, il-Verwaltungsgericht (Tribunal kompetenti għall-kawżi amministrattivi) ta’ Kolonja, laqa’ din l-istanza, fuq il-bażi tal-prinċipju li d-dispożizzjoni tranżitorja ta’ l-Artikolu 150(1) tat-TKG ta’ 2004 tinkludi biss l-obbligi li ma jitolbu l-ebda att eżekuttiv u li huma kompluti fihom innifishom, kriterji li mhumiex sodisfatti mill-obbligu msemmi fl-Artikolu 25(1) tat-TKG ta’ l-1996.

17.      L-amministrazzjoni konvenuta ppreżentat rikors fil-Kassazzjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht, fejn sostniet li l-obbligi imposti skond il-liġi preċedenti jibqgħu fis-seħħ, sa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, skond it-TGK ta’ l-2004, dwar il-ħtieġa li t-tariffi applikati għall-klijenti jkunu suġġetti għal awtorizzazzjoni.

IV – Domandi preliminari

18.      Il-qorti tar-rinviju ssostni li skond id-dritt Ġermaniż, it-talba tad-Deutsche Telekom hija infondata(13), iżda mhux ċar jekk l-eżami ta’ din id-domanda fid-dawl tad-dritt Komunitarju jwassalx jew le għall-istess riżultat. Wara li ssospendiet il-proċedura, hija ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-(...) Direttiva Qafas u l-Artikolu 16(1)(a) tad-(...) Direttiva Servizz Universali għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jinżamm provviżorjament fis-seħħ l-obbligu previst ex lege mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, li kien jissuġġetta għall-awtorizzazzjoni, it-tariffi tas-servizzi ta’ telefonija bil-vuċi pprattikati fil-konfront tal-klijenti aħħarin minn impriża b’pożizzjoni dominanti fuq is-suq in kwistjoni kif ukoll, bħala konsegwenza, l-att amministrattiv li jikkonferma n-natura obbligatorja ta’ l-awtorizzazzjoni?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

2)      Id-dritt Komunitarju jeskludi estensjoni ta’ portata hekk wiesgħa ta’ l-obbligu ex lege u ta’ l-att amministrattiv imsemmija fl-ewwel domanda?”

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id-digriet li fih il-preżenti rinviju preliminari wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2006. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub il-Gvernijiet Ġermaniż, Belġjan, Taljan u Litwan, kif ukoll il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, li intervjenew ukoll fis-seduta li saret fis-7 ta’ Ġunju li għadda.

VI – Analiżi tad-domandi preliminari

A –    L-ewwel domanda

20.      Għal darba oħra ż-żmien għandu rwol importanti f’kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja(14). L-oġġett prinċipali tar-rinviju preżenti jinkludi fih fil-verità żewġ problemi: wieħed jikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk iż-żamma fis-seħħ tranżitorja, fl-istennija ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni speċifika, ta’ l-obbligi imposti fuq impriża f’pożizzjoni dominanti fil-qasam tas-suq in kwistjoni skond leġiżlazzjoni preċedenti tirrigwardax kull tip ta’ obbligu jew jekk, bil-kontra, teskludix dawk li, minħabba li huma stabbiliti bil-liġi, jippreżentaw karattru ġenerali u astratt. Is-soluzzjoni ta’ din il-problema tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikoli 27 tad-Direttiva Qafas u 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali.

21.      Il-problema l-oħra tirrigwarda l-Artikolu 25(1) tat-TKG ta’ l-1996, u tikkonsisti f’li jiġi ċċarat jekk il-fatt li t-tariffi applikati fil-konfront tal-klijenti minn kumpannija f’pożizzjoni dominanti fil-qasam tas-servizzi ta’ telefonija bil-vuċi jkunu suġġetti għal awtorizzazzjoni jikkostitwixxix obbligu li għandu jinżamm fis-seħħ fis-sistema l-ġdida skond id-dispożizzjonijiet iċċitati tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva Servizz Universali, li l-ispirtu tagħhom jinkludi wkoll l-Artikolu 150(1) tat-TKG ta’ l-2004.

22.      Qabel ma nkompli, u bl-intenzjoni li niċċara l-kuntest tad-dibattitu preliminari, jeħtieġ li jiġi mwarrab l-argument ġdid propost mid-Deutsche Telekom waqt is-seduta, fejn sostniet li l-analiżi m’għandhiex tiġi ċċentrata fuq il-forma (dispożizzjonijiet ġenerali jew att amministrattiv) li biha jiġi impost l-obbligu fuq l-operaturi f’pożizzjoni dominanti, iżda fuq il-kontenut materjali tiegħu. F’dan is-sens, hija ssostni li, billi talab awtorizzazzjoni tat-tariffi ta’ telefonija bil-vuċi, il-leġiżlatur Ġermaniż mar lil hinn mill-finalità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Dan l-approċċ jitbiegħed mill-kliem li bihom ġiet ifformulata d-domanda preliminari in eżami u jikser il-portata ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10, li abbażi tiegħu l-awtoritajiet ta’ regolamentazzjoni nazzjonali huma mitluba jassiguraw li l-impriżi b’pożizzjoni dominanti fuq is-suq jistabbilixxu tariffi abbażi ta’ l-ispejjeż, mingħajr però ma jiġi impost kontroll a posteriori, jew jiġi eskluż wieħed ex ante. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom il-fakoltà ta’ l-għażla.

23.      Barra minn hekk irrid inżid xi ideat addizzjonali li dawn ukoll irriżultaw mis-seduta: ma jirriżulta l-ebda dewmien sproporzjonat fl-analiżi tas-swieq Ġermaniżi; il-qorti tar-rinviju, li għandha tiċċara l-fatti tal-kawża prinċipali, ma kkunsidratx dan l-aspett, u l-istess leġiżlazzjoni Komunitarja (Artikolu 7(6) tad-Direttiva Qafas) tipprovdi soluzzjoni għal sitwazzjonijiet li jippreżentaw dawn il-karatteristiċi.

1.      Xi kunsiderazzjonijiet preliminarji indispensabbli

24.      Qabel kollox, jeħtieġ li jiġu enfasizzati tliet affermazzjonijiet, ċari fil-proċedura preliminari preżenti: id-Deutsche Telekom għandha pożizzjoni privileġġjata fis-suq nazzjonali; it-talba tagħha hija infondata skond id-dritt Ġermaniż, kemm ordinarju kif ukoll kostituzzjonali, u t-TKG ta’ l-2004 ġie approvat bl-iskop li jiġi traspost il-“qafas regolatorju ġdid” tal-Komunità Ewropea fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet.

25.      L-ewwel affermazzjoni turi li l-kumpannija msemmija iktar ’il fuq tinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt ikkontemplata mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-sistema kemm Komunitarja kif ukoll nazzjonali, minħabba li t-tnejn japplikaw għall-operaturi li jappartjenu għall-istess kategorija tar-rikorrenti fil-kawża preżenti(15).

26.      It-tieni tenfasizza l-korrettezza ta’ l-approċċ meħud mill-Bundesverwaltungsgericht, li, meta interpretat id-dritt nazzjonali, rat b’mod ċar il-kwistjoni mqajma fil-kawża, iżda tiddubita li d-dritt Komunitarju jaċċetta din il-konklużjoni, u għal din ir-raġuni għamlet dan ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja.

27.      Bit-tielet affermazzjoni jiġi kkonstatat li t-TKG ta’ l-2004 tittrasponi d-Direttivi ta’ l-2002, u għalhekk ir-regoli ta’ interpretazzjoni li jinsabu fl-Artikoli 27 tad-Direttiva Qafas u 16 tad-Direttiva Servizz Universali jirriżultaw trasposti fl-Artikolu 150 ta’ l-imsemmija liġi. L-istess digriet tar-rinviju jispjega din it-teżi, minħabba li, fil-punti 22 sa 53, il-qorti tar-rinviju tesponi ħafna argumenti sabiex tiċħad it-talba ta’ Deutsche Telekom, fid-dawl tad-dritt nazzjonali u wara tirrikorri (punti 63 sa 74) għall-kriterji simili sabiex tikseb riżultat simili skond is-sistema ta’ l-Unjoni Ewropea, anke jekk b’akbar diffikultajiet. Il-qorti nazzjonali hekk tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja xenarju li ġie ampjament ikkonfermat fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      F’dan il-kuntest, l-iskambju preliminari jieħu l-importanza tiegħu kollha u, il-bogħod milli jikkostitwixxi interrogatorju fejn l-imħallef jillimita ruħu biex jifformola domandi waqt li jistenna li l-imħallef l-ieħor jagħtih risposta, jippreżenta ruħu bħala djalogu awtentiku, f’liema konverżazzjoni l-parteċipanti jesprimu l-kunsiderazzjonijiet tagħhom, anke jekk, għal raġunijiet istituzzjonali u ta’ uniformità tas-sistema, huwa d-dritt ta’ wieħed biss li jimponi l-opinjoni tiegħu b’kunsidrazzjoni għall-parir ta’ l-oħrajn. Issa, fid-digriet tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht tuża metodu ta’ xogħol utli li, bħall-parteċipanti l-oħra fil-preżenti diskussjoni, ser naddotta jien fil-paragrafi li ġejjin sabiex nasal għall-konklużjoni aċċettata minn kulħadd, bl-eċċezzjoni, għal raġunijiet evidenti, ta’ Deutsche Telekom.

2.      In-natura ta’ l-obbligi kkontemplati mis-sistema tranżitorja

29.      Indipendentement mill-formola ta’ interpretazzjoni magħżula (litterali, sistematika, storika jew teleoloġika), kull interpretazzjoni twassal għall-istess riżultat: l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali jirreferu għall-obbligi previsti mis-sistema nazzjonali preċedenti indipendentement minn jekk l-oriġini tagħhom hijiex ġenerali u astratta fil-leġiżlazzjoni jew konkreta u individwali f’att amministrattiv.

a)      Il-kontenut litterali ta’ l-artikoli li tagħhom ġiet mitluba l-interpretazzjoni

30.      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas jindika, f’termini ġenerali, li “l-Istati Membri għandhom iżommu l-obblig[i] kollha taħt il-liġi nazzjonali” imsemmija f’Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess u Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali. Din l-aħħar dispożizzjoni, fl-ittra a), tadotta formulazzjoni simili sabiex testendi b’mod provviżorju l-obbligi li jirrigwardaw it-tariffi tas-servizzi ta’ telefonija(16). L-ebda waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet tagħti lok għal tifsira differenti; għaldaqstant, fejn il-liġi ma tagħmilx distinzjoni, lanqas għandu jagħmel dan min jinterpretaha (ubi lex non distinguit, nec nos distinguere debemus). Għalhekk huwa possibbli li wieħed isostni li l-leġiżlatur Komunitarju ried iżomm provviżorjament fis-seħħ – kif jagħtu x’jifhmu l-kliem tiegħu – l-obbligi stabbiliti tul is-seħħ tal-leġiżlazzjoni preċedenti, indipendentement min-natura tagħhom.

31.      Din l-interpretazzjoni, ikkonfermata mill-kliem tat-testi in eżami, ma tiġix ikkontestata minħabba l-fatt li, suċċessivament, l-istess dispożizzjonijiet jattribwixxu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali d-dmir li jiffissaw terminu għall-imsemmija sistema tranżitorja, filwaqt li jipproċedu għall-eżami mill-ġdid ta’ l-obbligi preċedenti, wara li jagħmlu analiżi tas-swieq skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas. Id-Deutsche Telekom issostni li, jekk dawn il-korpi huma msejħa jiddeċiedu dwar l-estensjoni ta’ l-imsemmija obbligi, għandu jiġi presuppost li tali obbligi ġew imposti b’mod individwali minn dawn korpi, billi dawn ta’ l-aħħar m’għandhomx il-fakultà li jbiddlu deċiżjonijiet adottati minn korpi li għandhom setgħat leġiżlattivi,jew regolatorji.

32.      L-argument tal-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali jitlaq minn premessa żbaljata, ġaladarba jattribwixxi lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rwol li la d-Direttiva Qafas u lanqas id-Direttiva Servizz Universali ma jagħtuhom. Fl-iskema ddelinjat mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 u mill-Artikolu 16(1) u (3), rispettivament, ta’ dawn id-direttivi, l-imsemmija awtoritajiet ma jissostitwixxux ruħhom għal-leġiżlatur, iżda jwettqu fedelment id-dispożizzjonijiet tiegħu, li jikkonkretizzaw ruħhom bl-implementazzjoni ta’ proċedura (fil-paragrafu 10 tal-konklużjonijiet preżenti) fejn, abbażi tar-riżultat ta’ l-analiżi tas-suq prevista, fiha għandhom jinżammu, jiġu emendati jew revokati definittivament l-obbligi imposti skond is-sistema, li tpoġġiet f’diskussjoni mad-dħul fis-seħħ tal-“qafas regolatorju ġdid”.

33.      L-għan ta’ din il-proċedura, li tinvolvi analiżi tas-swieq, huwa dak li tirrevoka l-obbligi mogħtija fil-passat lill-impriżi b’pożizzjoni dominanti, fejn intlaħaq livell għoli ta’ kompetizzjoni, billi żżomm jew temenda dawn l-obbligi fil-każijiet l-oħra, liema miżura tibdel l-imsemmija obbligi indipendentement mis-sors tagħhom: leġiżlazzjoni jew att individwali ta’ l-awtoritajiet. Eventwalment, obbligu li joħroġ direttament ex lege huwa ssostitwit, b’konformità ma’ l-istruzzjonijiet ta’ l-awtur tiegħu, b’obbligu ieħor, adottat b’att individwali. Kif jirrileva tajjeb il-Gvern Ġermaniż (punt 14 ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub), xejn ma jwaqqaf il-leġiżlatur milli jissubordina d-dewmien ta’ l-effetti ta’ liġi għal deċiżjoni tal-poter eżekuttiv, dejjem jekk, inżid jien, dan mhux ipprojbit minn riżerva kostituzzjonali.

34.      Fi kliem ieħor, awtoritajiet regolatorji nazzjonali jtemmu, kif mitlub mid-Direttivi Qafas u Servizz Universali u billi jibbażaw ruħhom fuq informazzjonijiet oġġettivi miksuba permezz tal-proċedura preskritta, sitwazzjoni tranżitorja, iddestinata li tiġi sostitwita mis-sistema preżenti, filwaqt li jżommu fis-seħħ l-obbligi rilevanti – anke jekk b’forma differenti – billi jittrasformahom jew iktar sempliċement iħassruhom. Huwa evidenti li l-imsemmija awtoritajiet ma jassumux kompetenza ta’ ħaddieħor, iżda jintervjenu fuq stedina ta’ min għandu l-kompetenza in kwistjoni.

b)      Viżjoni sistematika

35.      L-għan li jiġu evitati lakuni u għalhekk li jiġu integrati l-obbligi previsti mis-sistema preċedenti, b’eċċezzjoni tal-possibiltà ta’ eżami mill-ġdid immedjat tagħhom, huwa bbażat fuq il-“qafas regolatorju ġdid”, per eżempju meta, fit-tnax il-premessa u fl-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess, li għandhom l-istess spirtu bħall-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali, tiġi mħeġġa ż-żamma provviżorja ta’ l-obbligi imposti skond id-direttivi preċedenti.

36.      B’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjonijiet jirreferu għall-Artikoli 4, 6, 7, 8, 11, 12 u 14 tad-Direttiva 97/33(17), għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/10 u għall-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 92/44/KEE(18). Issa, fost dawn id-dispożizzjonijiet, xi wħud, bħall-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/33, iqajmu direttament obbligi fost l-operaturi; oħrajn bħall-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 92/44 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/10, jiddelegaw l-Istati Membri f’dan is-sens. Fi ħdan dan l-aħħar grupp, dispożizzjonijiet varji jagħmlu referenza ġenerika għall-awtoritajiet nazzjonali (Artikoli 6, 7 u 8 ta’ l-ewwel Direttiva; Artikoli 7 u 8 tat-tieni waħda(19)), filwaqt li oħrajn isemmu espressament l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (Artikoli 11, 12 u 14 tad-Direttiva 97/33 u Artikolu 16 tad-Direttiva 98/10).

37.      Jidher għaldaqstant li dawn id-dispożizzjonijiet jikkontemplaw kemm atti individwali kif ukoll preskrizzjonijiet ġenerali, minħabba li l-obbligi in kwistjoni huma rregolati abbażi ta’ proċedura waħda jew oħra in funzjoni tat-tqassim tal-poteri fi ħdan kull sistema kostituzzjonali.

38.      Din l-idea tiġi kkonfermata jekk, minflok ma wieħed iħares lejn dispożizzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mad-direttivi, nikkonċentraw fuq id-direttivi nfushom, u b’mod partikolari fuq id-Direttiva Servizz Universali, li fiha d-dispożizzjoni li hija l-iktar waħda speċifika fost iż-żewġ dispożizzjonijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-proċedura preliminari preżenti, jiġifieri l-Artikolu 16 li jirreferi għall-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas. Fil-fatt it-tmienja u għoxrin premessa tad-Direttiva Servizz Universali tirrakkomanda li jibqgħu jiġu applikati d-“dispożizzjonijiet” fil-qasam ta’ livell minimu ta’ servizzi ta’ linji mikrija sakemm l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiddeċiedu, skond ir-riżultat ta’ l-analiżi tas-suq ikkonċernat, dwar l-estenzjoni tagħhom. Min-naħa tiegħu, kif ifakkar il-Gvern Ġermaniż, l-Anness VII ta’ l-istess direttiva jistieden sabiex jinżammu xi rekwiżiti ffissati mid-Direttiva 92/44KEE għall-provvista ta’ammont minimu ta’ linji mikrija, li l-karattru ġenerali u astratt tagħhom huwa ċar, sakemm ma jiġix stabbilit jekk teżistix jew le kompetizzjoni effettiva fil-qasam tas-suq rilevanti.

39.      Fl-aħħar nett, sabiex nagħlaq iċ-ċirku u niċċentraw l-analiżi tagħna fuq l-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Istati Membri jridu jżommu proviżorjament fis-seħħ kemm l-obbligi ta’ oriġni legali kif ukoll dawk li jirriżultaw minn att ta’ eżekuzzjoni. L-Artikolu 16(1)(c) jirreferi għall-obbligi li jirrigwardaw il-linji mikrija, skond l-Artikoli 3, 4, 6, 7, 8 u 10 tad-Direttiva 92/44, li l-karattru regolatorju tagħhom huwa ċar. Japplikaw bħala eżempji l-Artikolu 8, li jsostni li l-Istati Membri jipprovdu sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rispettivi jadottaw proċedura deċiżjonali adegwata u trasparenti sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza, mill-operaturi, ta’ l-obbligi li jirrigwardaw l-użu ta’ u l-aċċess għal dawn il-linji, jew l-Artikolu 6, li jiddelega lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompitu li jindikaw ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali (“rekwiżiti fundamentali”)(20) li abbażi tagħhom jistgħu jiġu imposti limiti għall-użu ta’ dawn il-linji.

c)      Il-kriterju storiku

40.      Il-Gvern Ġermaniż jagħmel riferiment għax-xogħlijiet preparatorji tal-“qafas regolatorju ġdid” approvat fl-2002, u pprovda xi informazzjoni utli għall-fini ta’ l-analiżi preżenti.

41.      Huwa veru li l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2000(21), dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ma kienx fiha indikazzjonijiet, fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ratione temporis, li jestendu, taħt il-leġiżlazzjoni preżenti, l-obbligi imposti mill-leġiżlazzjoni preċedenti. Il-Kumitat ekonomiku u soċjali, fl-opinjoni dwar din il-proposta(22), ippropona sistema tranżitorja sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni tal-“leġiżlazzjoni eżistenti (dak iż-żmien)” sal-konklużjoni ta’ l-ewwel analiżi tas-swieq (punt 4.4). Dan il-preċedent jagħti sens lill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas, ġaladarba jġiegħel lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ l-obbligi imposti mill-“liġi nazzjonali” sa meta awtorità nazzjonali regolatorja tippronunzja ruħha skond l-Artikolu 16 ta’ l-istess Direttiva, jiġifieri, wara li ssir l-iċċitata analiżi tas-suq. Fid-dawl ta’ dan id-dokument preparatorju, jirriżulta ċar li l-iċċitat Artikolu 27 jirreferi għat-tipi ta’ obbligi kollha, kemm dawk li jirriżultaw direttament minn dispożizzjoni kif ukoll dawk imposti permezz ta’ att amministrattiv.

42.      Dawn ir-riflessjonijiet jgħinu sabiex tinftiehem il-parti introduttiva tad-Direttiva Servizz Universali li f’dan ir-rigward hija anqas informattiva. Il-proposta tal-Kummissjoni adottata fit-12 ta’ Lulju 2000(23), kien fiha l-Artikolu 16(1) li abbażi tiegħu l-Istati Membri kellhom iżommu “fis-seħħ” l-obbligi li jirrigwardaw it-tariffi bl-imnut, skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10, sakemm ma jsirx eżami mill-ġdid u tiġi adottata deċiżjoni bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-swieq. Il-kelma “fis-seħħ” ġiet imħassra fit-test definittiv ta’ din id-dispożizzjoni u, għalkemm mhuwiex deċiżiv, l-użu tiegħu juri l-voluntas legislatoris peress li l-kelma “fis-seħħ” tiġi attribwita ġeneralment lill-atti ta’ karattru leġiżlattiv, bħal-liġijiet, ir-regolamenti, id-digrieti jew il-konswetudini. Wieħed jista’ jikkonkludi li l-omissjoni ta’ din il-kelma mit-test approvat mid-direttiva tindika r-rieda li jsir riferiment biss għall-obbligi preskritti permezz ta’ att individwali, madankollu din l-inċertezza tiġi eliminata mill-qari ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10 li jiddeskrivi proċedura fejn jiġu imposti obbligi u limitazzjonijiet għall-operaturi f’pożizzjoni dominanti (jiġu orjentati t-tariffi b’relazzjoni ma’ l-ispejjeż; jiġu ffissati t-tariffi indipendentement mit-tip ta’ konnessjoni mwettqa; jiġi stabbilit perijodu ta’ preavviż għad-dħul fis-seħħ ta’ l-emendi tariffarji).

d)      L-interpretazzjoni teleoloġika

43.      Il-“qafas regolatorju l-ġdid” fil-qasam tat-telekomunijazzjonijiet juri l-preokkupazzjoni li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali u l-kontinwità mingħajr skossi, bejn l-passat u l-futur. Jagħtu xhieda ta’ dan l-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali, l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess u l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas. Din l-aħħar dispożizzjoni, filwaqt li tagħmel riferiment għall-ewwel tnejn u minħabba li tinsab wara l-Artikolu 26, li jħassar il-qafas regolatorju l-antik, jestendi l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema preċedenti, sakemm ma ssirx magħrufa s-sitwazzjoni tas-swieq. Ir-raġuni għal din ir-regola hija li t-tħaddim sħiħ tas-sistema ġdida jeħtieġ l-elaborazzjoni u l-iżvilupp ta’ proċeduri kumplessi, li fihom għandhom jieħdu sehem atturi differenti, debitament ikkoordinati, minħabba li hemm il-bżonn li jiddisponu minn perjodu ta’ żmien neċessarju sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà tas-sistema(24).

44.      Dan l-approċċ ma jerġax jinsab expressis verbis fid-Direttivi Qafas u Servizz Universali, li fuqhom hija bbażata l-preżenti domanda preliminari, iżda jirriżulta espliċitament mid-Direttiva ta’ l-Aċċess, li t-tnax-il premessa tagħha, li tantiċipa l-kontenut ta’ l-Artikolu 7 ta’ l-istess Direttiva, tesprimi n-neċessità li tiġi evitata lakuna legali. Diġà kelli mod nippreċiża li dan il-bżonn jitlob iż-żamma ta’ l-obbligi kollha eżistenti, indipendentement mill-oriġni tagħhom. Issa, jekk huwa veru, kif tirrikonoxxi l-ħames premessa tad-Direttiva Qafas, li l-konverġenza tas-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-medja u tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni timplika l-bżonn ta’ leġiżlazzjoni waħda, allura jkun inkoerenti li tiġi attribwita lis-sistema tranżitorja fil-qasam ta’ aċċess u interkonnessjoni (Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess) portata differenti mis-sistema tariffarja (Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali). Din l-interpretazzjoni tiċċara għal liema raġuni l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas, meta jsemmi ż-żamma fis-seħħ ta’ l-obbligi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jagħmel riferiment għall-obbligi li ġejjin kemm mill-imsemmi Artikolu 7 kif ukoll mill-Artikolu 16.

45.      Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż għandu perfettament raġun meta jsostni li, bil-ħsieb li jħejji t-triq għall-espansjoni mingħajr ostakli ta’ “qafas regolatorju ġdid”, il-prinċipju ta’ effettività jitlob li jinżammu fis-seħħ il-miżuri preċedenti kollha mingħajr ebda tip ta’ distinzjoni.

46.      Bħala konklużjoni, indipendentement mill-metodu magħżul, kull interpretazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u ta’ l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali tinkludi l-obbligi kollha imposti fuq l-operaturi mil-leġiżlazzjoni preċedenti, irrispettivament mis-sors tagħhom jew, fi kliem ieħor, mill-istrument magħżul minn kull Stat Membru għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ l-armonizzazzjoni Komunitarja(25). L-ammissibbiltà ta’ l-argument sostnut mid-Deutsche Telekom tkun tinvolvi li l-impriżi li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ fatt identiċi jkunu suġġetti għal sistemi differenti skond l-Istat Membru li fih joperaw, liema konsegwenza tkun kuntrarja għad-direttivi dwar it-telekomunikazzjonijiet u, b’mod ġenerali, għall-prinċipji fundamentali tad-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.      Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva għat-tariffi

47.      Għad irid jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 25(1) tat-TKG ta’ l-1996, li tissuġġetta t-tariffi imposti mill-impriżi dominanti lill-konsumaturi aħħarin għall-għoti ta’ servizzi ta’ telefonija bil-vuċi, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni preċedenti, hijiex konformi ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u għall-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali.

48.      Din l-aħħar dispożizzjoni tirrikjedi ż-żamma fis-seħħ ta’ l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10, li jissuġġetta l-korpi li għandhom poter sostanzjali fis-suq, bil-kontroll ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, għall-prinċipji stabbiliti hemm (paragrafu 1) u, b’mod partikolari, għall-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż (paragrafu 2).

49.      Issa, l-Artikolu 25 tat-TKG ta’ l-1996 kien jagħmel riferiment għall-Artikolu 24 ta’ l-istess liġi, li kien jorbot l-ammont tat-tariffi ma’ l-ispejjeż tal-provvista ta’ servizz. Għaldaqstant, m’hemmx raġuni għalfejn din id-dispożizzjoni m’għandhiex tingħata l-karattru ta’ dispożizzjoni ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10, raġuni l-għala jrid jiġi meqjus li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali jipprovdu għal estensjoni ta’ l-applikazzjoni tagħha, sakemm tiġi konkluża l-analiżi pertinenti tas-suq Ġermaniż rilevanti u jiġi evalwat il-livell ta’ kompetizzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, sabiex imbagħad wieħed jaġixxi b’konsegwenza ta’ dan, u jżomm, jemenda jew jirrevoka l-obbligi fuq l-impriżi dominanti.

50.      Fil-fatt, il-bżonn li t-tariffi ta’ kumpannija ta’ din in-natura, li tissodisfa r-rekwiżiti indikati mill-Artikolu 24 u li tkun konkordanti mat-TKG ta’ l-1996, jkunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-korp kompetenti, tiggarantixxi l-osservanza ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10 (paragrafu 1), b’mod partikolari permezz ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż (paragrafu 2).

51.      Il-Kummissjoni hija korretta meta tiċċara li, fil-każ li, matul il-perjodu tranżitorju, dawn it-tariffi ma kinux suġġetti għall-kontroll amministrattiv, ikun diffiċli li jiġi vverifikat l-orjentazzjoni tagħhom ma’ l-ispejjeż, u b’hekk jiġi evitat l-għan li tiġi ggarantita kontinwità, mingħajr interruzzjonijiet mhux mixtieqa, sakemm titwettaq l-analiżi meħtieġa tas-suq rilevanti.

52.      Għaldaqstant, l-obbligu msemmi fl-Artikolu 25 tat-TKG ta’ l-1996 joħroġ mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10, u għal din ir-raġuni, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikoli 27 tad-Direttiva Qafas u 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali, għandu jinżamm fis-seħħ b’mod provviżorju.

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għall-ewwel domanda preliminari hija fis-sens li d-dispożizzjonijiet imsemmija jimponu li tiġi estiża b’mod provviżorju l-validità ta’ rekwiżit legali previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, kif ukoll ta’ l-att amministrativ ta’ eżekuzzjoni korrispondenti, li jissuġġetta għall-awtorizzazzjoni amministrattiva t-tariffi mitluba minn impriża dominanti fil-konfront tal-konsumaturi aħħarin bħala korrispettivi għall-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija.

B –    It-tieni domanda preliminari: domanda superfluwa

54.      B’din id-domanda, magħmula sussidjarjament, il-qorti Ġermaniża tistaqsi jekk, fil-każ fejn l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali ma jikkontemplawx l-ipoteżi ta’ estensjoni temporanja tal-validità ta’ obbligu ex lege bħal dak deskritt, id-dritt Komunitarju jħalli f’idejn l-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru marġni diskrezzjonali wiesgħa biżżejjed sabiex jipprovdi għal din l-estensjoni.

55.      Dan id-dubju jidher riżolt mis-soluzzjoni mogħtija lill-ewwel domanda. Id-“dritt Komunitarju” li għalih hija tirreferi jista’ jindika biss il-“qafas regolatorju ġdid” fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi. Is-sistema ġenerali maħluqa b’dawn id-dispożizzjonijiet, kif jirriżulta permezz ta’ l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ interpretazzjoni sistematiku u teleoloġiku li użajt fil-konklużjonijiet preżenti, mhux biss tirrakomanda iżda wkoll timponi l-estensjoni tal-miżuri preċedenti sa meta tiġi stabbilita s-sitwazzjoni tas-swieq permezz ta’ l-analiżi opportuni. Għaldaqstant, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jridu jippromwovu l-implementazzjoni tal-qafas leġiżlattiv preżenti, billi jżommu, jemendaw jew jneħħu l-obbligi previsti qabel.

VII – Konklużjoni

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht bil-mod li ġej:

“L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Nru 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas), u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Nru 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu ż-żamma provviżorja, sa meta ssir l-analiżi rilevanti tas-swieq, ta’ rekwiżit legali previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, kif ukoll ta’ l-att amministrattiv ta’ eżekuzzjoni korrispondenti, li jissuġġetta għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni amministrativa t-tariffi mitluba minn impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti fil-konfront tal-konsumaturi aħħarin bħala korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija bil-vuċi.”


1 – Lingwa oriġinali l-Ispanjol.


2  – Sentenza ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007 (C-64/06, Ġabra p. I-4887).


3 – Dan huwa magħmul minn erba’ direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill: id-Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta‘ l-Aċċess); id-Direttiva 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni); id-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas); id-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali).


4 – ĠU L 108, p. 7, 21, 33 u 51.


5 – Il-liberalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi u ta’ l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni fil-Komunità nkisbet fl-1 ta’ Jannar 1998, bi perijodi tranżitorji għal xi Stati Membri.


6 – Dħalt fid-dettall ta’ dan il-proċess evoluttiv fil-konklużjonijiet Nuova società di telecomunicazioni (punti 3 sa 6), liema kawża wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006 (C-339/04, Ġabra p. I-6917), kif ukoll fil-konklużjonijiet Telefónica 02 Czech Republic, iċċitati iktar ’il fuq (punti 4 sa 7).


7 – ĠU L 101, p. 24.


8 – L-Artikolu 17(2) jagħmel riferiment għall-kriterji armonizzati deskritti fl-Anness II, punt 4, tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet bl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tan-netwerk miftuħ (ĠU L 192, p.1).


9 – B’mod partikolari, l-obbligi fil-qasam ta’ aċċess u interkonnessjoni mill-impriżi li jmexxu netwerks jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni.


10 – BGBl I, p. 1120.


11 – BGBl I, p. 1190.


12 – Actual Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Teñekommunikation, Post und Eisenbahnen (aġenzija federali tan-netwerks tad-dawl, gas, telekomunikazzjonijiet, posta u ferroviji).


13 – Fid-dawl tal-kriterji ta’ interpretazzjoni tradizzjonali (litterali, sistematika u teleoloġika) l-awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 25(1) tat-TGK ta’ l-1996, mitluba mid-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2004, taqa’ taħt is-sistema tranżitorja msemmija fl-Artikolu 150(1) tat-TGK ta’ l-2004.


14 – “Li wieħed jaħseb li f’din il-ħajja l-affarijiet għandhom dejjem jibqgħu fl-istess stat huwa ħsieb impossibbli; (…) il-ħajja tal-bniedem timxi lejn l-għan tagħha, b’iktar ħeffa miż-żmien” (M. de Cervantes, Don Quijote de la Mancha, it-tieni parti, kapitolu LIII, edizzjoni, daħla u noti ta’ Martín de Riquer, Ed. RBA, Barcelona, 1994, p. 1017) (Traduzzjoni mhux uffiċjali).


15 – L-ewwel subparagrafu ta‘ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas jirreferi għall-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali li jsemmi t-tariffi bl-imnut awtorizzati skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10, fejn hemm imsemmija l-prinċipji li għalihom għandhom jiġu suġġetta l-korpi li għandhom setgħa sinjifikattiva fis-suq.


16 – Toutes les obligations jew l´ensemble des obligations, fil-verżjoni Franċiża taż-żewġ dispożizzjonijiet; all obligations, fil-verżjoni Ingliża; alle Verpflichtungen, fil-verżjoni Ġermaniża u tutti gli obblighi, f’dik Taljana.


17 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 dwar l-interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward li jiġi żgurat servizz universali u interoperabbli permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ open network provision (ONP) (ĠU L 199, p. 32)


18 – Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 1992 dwar l-applikazzjoni tal-provista ta’ network miftuħ għal linji mikrija (ĠU L 165, p. 27).


19 – Bl-użu ta’ l-espressjonijiet “l-Istati Membri jipprovdu” jew “l-Istati Membri jippreskrivu”.


20 – L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 90/387 jiddefinixxi r-rekwiżiti fundamentali bħala “r-raġunijiet ta’ interess ġenerali u ta’ natura mhux ekonomika, li jistgħu jwasslu Stat Membru biex jillimita l-aċċess għan-netwerk pubblika jew għas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet. Dawn ir-raġunijiet huma s-sigurtà tal-funzjonament tan-netwerk, il-manteniment ta’ l-integrità tiegħu u, fil-każijiet fejn huma ġustifikati, l-interoperabiltà tas-servizzi u tal-protezzjoni ta’ l-informazzjoni. Il-protezzjoni ta’ l-informazzjoni tista’ tinkludi l-ħarsien ta’ l-informazzjoni personali, ir-riservatezza ta’ l-informazzjoni trażmess jew immemorizzata, kif ukoll il-ħarsien ta’ l-isfera privata”.


21 – COM(2000) 393 finali (ĠU C 365, p. 198).


22 – ĠU C 123, 2001, p. 56.


23 – Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz universali u d-drittijiet tal-klijenti fil-qasam ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi [COM(2000) 392 finali (ĠU C 365, p. 238)].


24 – L-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, li jirreferi għall-Artikolu 27 ta’ l-istess Direttiva, l-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali u l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta‘ l-Aċċess, jistabbilixxi proċedura suġġetta għal-linji gwida li, skond l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva Qafas, għadhom jiġu approvati mill-Kummissjoni bil-kollaborazzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kompetizzjoni (Artikolu 16(1)), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet li l-awtorità regolamentarja kompetenti għandha tippubblika sabiex tiggarantixxi l-kriterji ta’ trasparenza u ta’ konsultazzjoni (Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas) bl-assistenza tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ l-awtoritajiet ta’ regolarizzazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra (Artikolu 7(3), (4) u (5) tad-Direttiva Qafas). Din il-komplessità wasslitni sabiex nissuġġerixxi, fil-konklużjonijiet fil-kawża Telefonica 02 Czech Republic, li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma difettużi fil-karatteristiċi neċċessarji sabiex ikollhom effett dirett (paragrafu 45).


25 – Interpretazzjoni estiża tas-sistema tranżitorja tirriżulta wkoll mis-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-33/04, Ġabra p. I-10629, punti 54 sa 60).