Language of document : ECLI:EU:C:2007:174

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fl-20 ta’ Marzu 2007 1(1)

Kawżi magħquda C‑11/06 u C‑12/06

Rhiannon Morgan

vs

Bezirksregierung Köln

u

Iris Bucher

vs

Landrat des Kreises Düren

[Talbiet għal-deċiżjoni preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán (il-Ġermanja)]

“Moviment liberu ta’ l-istudenti – Rekwiżiti għall-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ fi Stati Membri oħra – Attendenza prevista, għal minimu ta’ sena, f’ċentru nazzjonali – Residenza permanenti fil-lokalitajiet fil-fruntieri”





I –    Introduzzjoni

1.        Skond ġurist Latinamerikan, hemm tliet kategoriji ta’ mħallfin: l-artiġjani, li b’mod mekkaniku, u bl-użu biss ta’ idejhom, jipproduċu sentenzi fi kwantitajiet kbar u fi kwantitajiet industrijali, mingħajr ma jinżlu fil-livell uman jew fil-livell ta’ l-ordni soċjali; l-awturi, li jużaw kemm l-idejn kif ukoll il-moħħ, u jikkonformaw mal-metodi tradizzjonali ta’ interpretazzjoni, li jwassluhom inevitabbilment sabiex jinkorporaw biss il-volontà tal-leġiżlatur; u l-artisti, li, bl-għajnuna ta’ l-idejn, tal-moħħ u tal-qalb, jiftħu orizzonti aqwa għaċ-ċittadini, mingħajr ma jinjoraw ir-realtà jew is-sitwazzjonijiet konkreti. (2)

2.        Għalkemm kollha huma neċessarji sabiex iwettqu x-xogħol ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-inkarigu tagħha, dejjem identifikat ruħha mal-kategorija ta’ l-aħħar, speċjalment meta l-evoluzzjoni bla waqfien ta’ ideat li taw oriġini għall-Komunità naqset mill-veloċità.

3.        Il-moviment liberu huwa wieħed minn dawn l-ideat tal-bidu, mibdula fi prinċipju fundamentali, li però fih kontenut varjabbli, peress illi huwa bbażat fuq realtà versatili, li tinbidel skond l-eżiġenzi soċjali, l-avvanzi fit-trasport, iż-żieda fil-kummerċ u ħafna fatturi oħra li jiffaċilitaw il-mobbiltà ta’ l-individwu u l-familji tiegħu. (3)

4.        F’dan il-kuntest insibu d-domandi għal deċiżjoni preliminari tal- Verwaltungsgericht (il-qorti amministrattiva) ta’ Aquisgrán, li jipprovdu l-opportunità li wieħed japprofondixxi l-implikazzjonijiet tal-moviment liberu ta’ l-istudenti Ewropej u ta’ l-għajnuna għat-taħriġ fi Stati oħra, filwaqt li jiddeskrivu xi ftit mill-elementi prinċipali ta’ din il-libertà.

5.        Fil-qosor, il-kwistjoni tirrigwarda żewġ żgħażagħ Ġermaniżi li l-applikazzjoni tagħhom sabiex imorru jistudjaw fir-Renju Unit u fl- Olanda ġiet irrifjutata; fl-ewwel każ, għax l-edukazzjoni mhijiex kontinwazzjoni ta’ dik li l-istudent kien irċieva, għal minimu ta’ sena, fil-Ġermanja; fit-tieni każ, għax mhuwiex sodisfatt ir-rekwiżit ta’ residenza permanenti f’lokalità fil-fruntiera.

6.        Ir-rilevanza ta’ dawn l-argumenti titlob li, wara li jkunu deskritti l-punti ġuridiċi prinċipali (II), il-fatti u l-kambjamenti tal-proċeduri tal-kawżi (III u IV), tingħata attenzjoni lill-mobbiltà ta’ l-istudenti (V), tiġi spjegata l-ġurisprudenza dwar iż-żewġ punti ewlenin tad-domandi magħmula (VI) u jiġu analizzati diversi aspetti sinjifikattivi ta’ l-għajnuniet għall-edukazzjoni, bħad-deskrizzjoni tagħhom jew il-konnessjonijiet tagħhom mal-libertajiet ta’ moviment u li jiġu pprovduti s-servizzi (VII). Dawn ir-riflessjonijiet jwasslu sabiex id-dubji espressi jiġu riżolti (VIII). Fl-aħħar nett, għandhom jitneħħew id-dubji dwar il-konsegwenzi tal-proposta tiegħi (IX).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlzzjoni Komunitarja

7.        Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra relevanti fil-każijiet fejn huma magħrufa l-prinċipji tat-Trattat KE dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u dwar il-moviment ħieles li (1); il-panorama normattiv ikun komplut b’referenza għat-Trattat KE nnifsu dwar l-edukazzjoni (2) u d-dispożizzjonijiet tal-liġi sekondarja li jirreferu għall-istudenti (3).

1.      Iċ-ċittadinanza Ewropea u l-moviment ħieles

8.        L-Artikolu 17(1) KE joħloq “Ċittadinanza ta’ l-Unjoni”, filwaqt li jpoġġi lill-individwu fiċ-ċentru ta’ l-attivitajiet tiegħu; (4) “Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin ta’ l-Unjoni”; u għaldaqstant, huwa f’idejn il-leġiżlazzjonijiet ta’ dawn l-Istati li jiddeterminaw dan l-attribut. (5)

9.        Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, skond l-Artikolu 17(2) KE, igawdu minn dawn id-drittijiet u huma suġġetti għad-dmirijiet tat-Trattat. F’dan il-każ, skond l-Artikolu 18 KE, dawn jagħtu d-“dritt li wieħed imur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri”, bil-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet miġbura fit-Trattat u fir-regoli relattivi.

10.      Dan jinvolvi wkoll drittijiet elettorali (Artikolu 19 KE), ta’ ħarsien barra mill-pajjiż (Artikolu 20 KE), kif ukoll li jitressqu lmenti u talbiet (Artikolu 21 KE).

11.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (6) tuża l-kunċett ta’ l-Artikolu 17 KE f’xi każijiet(7) u, fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 45, issemmi d-“dritt li wieħed imur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

2.      Il-kompetenzi Komunitarji fl-edukazzjoni

12.      L-azzjoni tal-Komunità sabiex jintlaħqu l-għanijiet li tipproponi timplika, skond l-ittra q) tas-subparagrafu 1 ta’ l-Artikolu 3 KE, “kontribuzzjoni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ ta’ kwalità u sabiex jiffjorixxu l-kulturi ta’ l-Istati Membri”.

13.      Fit-titolu XI tat-tielet parti tat-Trattat, il-kapitolu 3 huwa ddedikat għall-“Edukazzjoni, formazzjoni professjonali u żgħażagħ”, li jkopri l-Artikoli 149 KE u 150 KE, imdaħħla fl-1992 permezz tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea.

14.      L-Artikolu 149 KE jiddikjara li:

“1.   Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-resposabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

2.      L-azzjoni Komunitarja għandha tkun immirata lejn:

–        l-iżvilupp tad-dimesjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta’ l-Istati Membri ;

–        l-inkoraġġiment tal-mobbiltà fost l-istudenti u l-għalliema, partikolarment billi jkun inkoraġġut ir-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju ;

–        il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi ;

–        l-iżvilupp ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta’ edukazzjoni fl-Istati Membri ;

–        l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta’ edukaturi soċjo-edukattivi ;

–        l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ edukazzjoni mill-bogħod.

[…]

4.      Sabiex iseħħu l-għanijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, il-Kunsill:

–        waqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jadotta inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri ;

–        waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjonijiet.”

15.      L-Artikolu 150 KE juża termini simili fir-rigward ta’ l-edukazzjoni professjonali.

3.      Leġiżlazzjoni sekondarja

16.      Peress li jeżistu assoċjazzjonijiet li jgħaqqdu kwalitajiet differenti, huwa normali li l-Komunità tagħtihom attenzjoni partikolari, kif għamlet id-Direttiva 93/96/KEE tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti. (8)

17.      It-twaqqif taċ-ċittadinanza Ewropea kixfet in-neċessità li jiġi adattat ir-regolament tal-libertaijiet ta’ moviment u ta’ residenza, kif implementata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, (9) li ħassret id-Direttiva 93/96.

18.      Id-Direttiva 2004/38 tirregola d-dħul u l-ħruġ fit-territorju tal-pajjiżi Komunitarji (Artikoli 4 u 5), kif ukoll ir-residenza, u f’dan ir-rigward tistabbilixxi ċerti rekwiżiti, varjabbli skond id-dewmien: a) sabiex wieħed jibqa’ tliet xhur, hemm bżonn ta’ dokument ta’ identità jew passaport validi (Artikolu 6); b) sabiex wieħed jibqa’ bejn tliet xhur sa ħames snin, dawk li jirreġistraw f’ċentru pubbliku jew privat jeħtieġu li jkollhom assigurazzjoni tas-saħħa, li tkopri r-riskji kollha tal-pajjiż li qed jirċievi, u li jkollhom riżorsi suffiċjenti sabiex ma jaqgħux taħt responsabbiltà tas-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ l-imsemmi pajjiż [ittra ċ) tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 7]; ċ) għal żjara b’mod legali ta’ iktar minn ħames snin, japplika dritt li mhux suġġett għal ebda kundizzjoni (Artikolu 16).

B –    Il-liġi Ġermaniża

19.      L-għajnuniet mogħtija għall-istudju huma diskussi fil-Bundesgesetz über individuelle Förderung der Ausbildung (il-liġi federali għall-għajnuniet individwali għat-taħriġ; iktar il-quddiem il- “BAföG”). (10) L-Artikolu 4 jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali, u jikkonċedihom biss sabiex jistudjaw fil-pajjiż, għalkemm b’xi eċċezzjonijiet, elenkati fl-Artikoli 5 u 6.

20.      L-Artikolu 5(1) jittratta l-edukazzjoni bejn il-fruntieri:

“L-istudenti msemmija fl-Artikolu 8(1), jiksbu għajnuna meta jmorru ta’ kuljum mid-domiċilju permanenti tagħhom fit-territorju Ġermaniż għal stabbiliment barrani. B’rilevanza għal-liġi preżenti, id-domiċilju permanenti huwa l-post fejn jinsab, b’mod mhux temporanju, iċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-persuna interessata […]; il-post li joqgħod fih għal skopijiet biss ta’ taħriġ mhuwiex meqjus li huwa domiċilju permanenti.”

21.      L-Artikolu 5(2) tirreferi għall-edukazzjoni barra mill-pajjiż:

“L-istudenti b’domiċilju permanenti fit-territorju Ġermaniż li jistudjaw barra u li għandhom biżżejjed għarfien lingwistiku jirċievu għajnuna, meta:

1.      dawn l-istudji jikkontribwixxu sabiex itejbu t-taħriġ tagħhom, dejjem jekk għall-inqas parti minnhom issir fiż-żmien meħtieġ jew abitwali għat-taħriġ;

2.      fil-kwadru tal-kollaborazzjoni internazzjonali, iċ-ċikli suċċessivi ta’ taħriġ uniku jinqasmu alternattivament bejn il-Ġermanja u l-pajjiż barrani;

3.      wara li jkunu studjaw mill-anqas sena f’ċentru Ġermaniż, ikomplu jistudjaw fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea

[…]”

22.      L-Artikolu 6 jippermetti li jiġu ttrattati ipoteżi partikolari:

“Il-Ġermaniżi skond il-Liġi fundamentali, li d-domiċilju permanenti tagħhom jinsab f’pajjiż barrani li fih jassistu għall-klassijiet jew li, minn dan id-domiċilju, imorru fi Stat ġar, jistgħu jirċievu għajnuna, meta ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ jiġġustifkaw dan. […]”

23.      L-Artikolu 8(1) iqiegħed limiti fuq il-kamp suġġettiv tal-BAföG, u jindika li :

“Tingħata għajnuna lil:

1.      Ġermaniżi skond il-Liġi fundamentali;

[…]

8.      studenti li, skond l-Artikolu 3 tal-Freizügigkeitsgesetz/EU (il-liġi dwar il-moviment ħieles taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni), ikollhom, kemm jekk konjuġi jew ulied, dritt ta’ dħul u ta’ residenza fil-Ġermanja jew li ma jgawdux dan id-dritt fil-kwalità ta’ ulied, minħabba li jkunu għalqu l-wieħed u għoxrin sena u l-manteniment tagħhom ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew tal-konjuġi tagħhom;

9.      l-istudenti ta’ nazzjonalità ta’ Stat membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea li jaħdmu fil-Ġermanja qabel ma jibdew l-istudji, dejjem jekk teżisti rabta bejn l-attività pprattikata u l-iskop tat-taħriġ […]”

III – Il-fatti u l-kawżi prinċipali

A –    Kawża C-11/06

24.      R. Morgan twieldet fl-1983 fil-Ġermanja, pajjiż li tiegħu għandha n-nazzjonalità u li fih ħadet it-tagħlim sekondarju. Wara li għaddiet mill-eżami ta’ Abitur (eżami għall-ammissjoni fl-Università), marret l-Ingilterra, u impjegat ruħha għal sena bħala au pair.

25.      Hija ilha mill-20 ta’ Settembru 2004 tistudja l-ġenetika applikata fil-University of the West of England, fi Bristol. L-awtoritajiet Brittaniċi rrikonoxxewlha l-kwalità ta’ ħaddiema immigrata u kkonċedewlha sussidju ta’ manteniment. (11)

26.      Qabel ma marret toqgħod fir-Renju Unit hija talbet, f’Awwissu ta’ l-2004, għajnuna, li l-Bezirksregierung (il-gvern distrettwali) ta’ Kolonja rrifjuta, b’deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2004, peress li ma kinux sodisfatti l-kundizzjoniet ta’ l-Artikolu 5(2) tal-BAföG, ikkonfermata b’oħra, tat-3 ta’ Frar 2005, li wkoll ma aċċettatx l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6, fir-rigward ta’ l-Artikolu 5(1) tal-BAföG.

27.      Din id-deċiżjoni amministrattiva ġiet appellata bi proċediment legali quddiem il-Verwaltungsgericht de Aquisgrán, l-oriġini tal-kawża C‑11/06.

B –    Kawża C-12/06

28.      I. Bucher, Ġermaniża mwielda fl-1983, għexet mal-ġenituri tagħha f’Bonn sa l-1 ta’ Lulju 2003, meta marret tgħix mas-sieħeb tagħha f’Düren. (12)

29.      Sa mill-1 ta’ Lulju 2003, hija attendiet klassijiet ta’ ergoterapija fil-Hogeschool Zuyd de Heerlen (13) (l-Olanda).

30.      Fit-28 ta’ Jannar 2004, hija talbet għajnuna, li ġiet miċħuda mil-Landrat des Kreises (il-presidenza tar-reġjun) ta’ Düren, fis-7 ta’ Lulju 2004, peress li dan kien ta’ l-opinjoni li l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1) tal-BaföG ma kinux sodisfatti, u konsegwentement li l-bdil ta’ residenza sar biss għal skopijiet ta’ taħriġ, kif ikkonferma l-Bezirksregierung ta’ Kolonja, fis-16 ta’ Novembru 2004.

31.      Ir-rifjut ġie appellat quddiem il-Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán permezz ta’ appell, il-bażi tal-kawża C‑12/06.

IV – Id-deċiżjonijiet preliminarji u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.      Il-Verwaltungsgericht de Aquisgrán, meta qieset li, għalkemm it-talbiet ta’ l-applikanti ma jaqgħux taħt l-Artikolu 5 u lanqas taħt l-Artikolu 6 tal-BAföG, jistgħu jaqgħu taħt ir-regoli Komunitarji, issospendiet iż-żewġ proċeduri u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi:

“1)      Il-libertà ta’ moviment iggarantita liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni permezz ta’ l-Artikoli 17 KE u 18 KE tipprojbixxi lil Stat Membru li jirrifjuta, f’każ bħal dan, l-għajnuniet għat-taħriġ lil ċittadina sabiex twettaq studji kompluti fi Stat Membru ieħor, għaliex dan l-imsemmi taħriġ mhuwiex konsegwenza ta’ studju f’ċentru fl-ewwel Stat Membru għal minimu ta’ sena?

2)      Din l-istess libertà ta’ moviment tipprojbixxi li Stat Membru jirrifjuta, f’każ bħal dan, l-għajnuniet lil ċittadina li twettaq l-istudji tagħha fi Stat Membru ġar fi kwalità ta’ studenta lil hinn mill-fruntieri, għaliex tirrisjedi f’lokalità fil-fruntiera Ġermaniża għal skopijiet biss ta’ taħriġ, mingħajr ma dan jinvolvi r-residenza abitwali tagħha?”

33.      L-ewwel domanda hija komuni għaż-żewġ kawżi, iżda t-tieni waħda taffettwa biss lil I. Bucher.

34.      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2006, għaqqad il-kawżi C-11/06 u C-12/06, minħabba l-konnessjoni oġġettiva tagħhom.

35.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub, skond it-terminu ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, mill-Bezirksregierung ta’ Kolonja, il-Landrat des Kreises ta’ Düren, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ l-Awstrija, tal-Finlandja, ta’ l-Italja, ta’ l-Olanda, tar-Renju Unit u ta’ l-Iżvezja, kif ukoll tal-Kummissjoni.

36.      Waqt is-seduta, li saret fit-30 ta’ Jannar 2007, dehru, sabiex jittrattaw bil-fomm l-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rappreżentanti ta’ R. Morgan, ta’ I. Bucher, tal-Ġermanja, ta’ l-Olanda, ta’ l-Awstrija, tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni.

V –    Il-mobbiltà ta’ l-istudenti

A –    Raġuni storika

37.      Għalkemm, skond Thomas Moore, it-tagħlim mogħti bil-lingwa proprja “jinterpreta s-sentimenti u l-emozzjonijiet aħjar minn kwalunkwe persuna oħra”, (14) l-għatx għall-għarfien iġiegħel li wieħed ifittex egħjun, u jitgħallem minn għand min għandu l-iktar għerf, ikun x’ikun il-post li jinsabu fih u l-lingwa li biha jgħallmu. Dan il-għatx joħloq fluss ta’ studenti u anke għalliema li jista’ jiġi kkonstatat fl-epoki kollha.

38.      Fl-antikità klassika, fost il-punti ewlenin li ġibdu l-iktar nies differenti, jaqbel infakkru l-Akkademja ta’ Platun, il-Liċeo ta’ Aristotli jew l-Iskejjel ta’ Pitagora u ta’ Alessandrija, din ta’ l-aħħar imwaqqfa minn Ptalamun Soler fis-seklu III qabel Kristu, fejn kien jispikka Ewklidi.

39.      Sa mill-bidu tas-seklu IX, bl-iżvilupp tal-ħajja monastika, beda jkun hemm klassijiet fil-kunventi u abbaziji sabiex jgħallmu lill-patrijiet, li, f’ħafna partijiet, iddedikaw kamra esterna sabiex jaċċettaw dixxipli oħra (Jarrow, Cork, Corbie, Richenau, Montecassino…). Bl-istess mod, l-isqfijiet u l-kunsilli ħolqu, fid-dell tal-kattidrali skejjel episkopali (Reims, Chartres, Kolonja, Maguncia, Vjenna, Liège …). Id-dinja Għarbija lanqas ma injorat dan il-fenomenu, u Bagdad u Córdoba, per eżempju, bnew kmamar għall-istudju mgħammra b’libreriji kbar u osservatorji astronomiċi.

40.      Sas-seklu XII kienu mgħallma ċerti persuni barra mill-iskejjel reliġjużi. Hekk bdiet l-idea ta’ l-universitajiet, miftuħin għall-istudenti u għalliema ta’ nazzjonalitajiet differenti, li, permezz ta’ l-użu tal-latin bħala lingua franca, ħadmu sabiex jikkomunikaw u jittrażmettu l-għerf. L-ewwel waħda nbniet Bolonja, iżda wara nxterrdu ma’ l-Ewropa kollha (Pariġi, Palencia, Oxford, Montpellier, Salamanca…). (15)

41.      L-università ġġenerat mobbiltà soċjali kbira. It-tfal tan-nobbli, tal-borgiżi, tal-kummerċjanti, ta’ l-artiġjani u tal-bdiewa kienu aċċettati, u għelbu d-diffikultajiet finanzjarji permezz ta’ għajnuniet u stipendji. Madankollu, id-dehra ta’ l-Istati nazzjonali u l-ġlied dwar ir-reliġjon naqsu n-natura ekumenika ta’ dan il-bidu.

42.      B’dan il-mod, Juan Luis Vives (1492-1540) wettaq l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Valencia, fis-Sorbonne ta’ Pariġi, fi Bruges, f’Leuvain u f’Oxford; Miguel Servet (1511-1553) studja l-liġi f’Toulouse, il-mediċina f’Pariġi u Montpellier, kif ukoll it-teoloġija f’Leuvain; David Hume (1711-1776) studja l-letteratura u l-filosofija f’Reims u f’Anjou sabiex, wara li għex għal sentejn f’Pariġi, irritorna lejn l-Iskozja, fejn irrifjuta l-offerta ta’ kattedra fl-Università bħala kap tad-Dipartiment; Karl Marx (1818-1883) studja fl-Università ta’ Bonn, però għex f’Pariġi, fi Brussel u f’Londra, fejn kellu influwenza intellettwali qawwija.

43.      Fost dawn il-vjaġġjaturi ta’ l-għerf Erasmu ta’ Rotterdam (1469-1536) għandu post ta’ privileġġ speċjali. Huwa studja fl-Università ta’ Pariġi, ipprattika bħala tutur tat-tifel tar-Re ta’ l-Iskozja Ġakbu II, ħa d-dottorat fit-teoloġija f’Bolonja, filwaqt li rrifjuta stedina tal-Papa Ljun X sabiex joqgħod Ruma. Ittrasferixxa ruħu l-Ingilterra, fejn kien milqugħ tajjeb minn Neriku VIII u bena ħbiberiji ma’ John Colet u Thomas Moore. Kien jgħix bħala għalliem titulari tat-teoloġija f’Cambridge. Ħadem fl-istamperija ta’ Aldus Manutius ġo Venezja. Kiseb ir-rispett ta’ l-Imperatur Karlu V, li kien ukoll Re ta’ Spanja, li nnominah kunsillier tal-Fjandri. (16) Mar joqgħod għal ftit żmien fi Friburgu u rtira lejn Basilea sabiex jieħu ħsieb il-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet tiegħu. (17) Il-ħajja tiegħu llum hija tal-ħolm, meta niftakru li, lejn l-aħħar tal-Medju Evu, l-Ewropa ma kellhiex fruntieri għall-ħajja intelletwali u ma kinitx imqassma f’differenzi lingwistiċi li, mingħajr ma jitneħħa l-valur kulturali li jippreżentaw, ixekklu l-isjambju ta’ ideat u l-progress lejn aktar għaqda bejn il-bliet ta’ dan il-kontinent. Il-mit ta’ Erasmu jġib xaqq ta’ tama sabiex jiġu megħluba dawn il-barrieri. (18)

B –    Problema ta’ llum il-ġurnata

44.      L-iżvilupp imgħaġġel tas-soċjetà attwali ġġib magħha żieda għad-domanda ta’ tagħlim ta’ livell għoli, ta’ speċjaliżazzjoni u ta’ għarfien li dejjem jikber dwar l-importanza tal-bini ta’ futur. Insibu diffikultajiet u sfidi simili kullimkien, fir-rigward tal-finanzjament, kwalità, ugwaljanza ta’ kundizzjonijiet, taħriġ tal-persunal, possibiltajiet ta’ impjieg tal-gradwati jew tqassim ta’ benefiċċji li ġġib magħha l-kooperazzjoni internazzjonali.

45.      F’dan il-kuntest insibu l-imsemmi “proċess ta’ Bolonja”, li beda permezz tad-Dikjarazzjoni ta’ erbgħin ministru fid-19 ta’ Ġunju 1999, (19) bl-iskop li jinħoloq fl-2010 spazju Ewropew ta’ edukazzjoni superjuri, (20) li permezz tagħha jsir avvanz bil-mod il-mod lejn serje ta’ għanijiet, bħall-mobbiltà ta’ l-istudenti, li għalkemm hija ta’ importanza kbira, titlob livell għoli ta’ komunikazzjoni milħuqa bin-netwerkijiet ta’ informazzjoni.

46.      Hemm ammont kbir ta’ strumenti approvati mill-Istituzzjonijiet Komunitarji konnessi mal-proċess ta’ Bolonja fir-rigward tal-moviment ta’ l-istudenti, (21) peress illi t-talbiet għall-istudju barra mill-pajjiż ta’ oriġini għal perijodu varjabbli żdiedu, u ngħaqdu mal-possibbiltà ta’ xogħol u ta’ integrazzjoni fl-istrutturi ta’ kwalunkwe Stat ta’ l-Unjoni, li joffru opportunitajiet stimulanti ħafna. Dawn l-iskambji jiffavorixxu lil dawk li jsiefru, lis-soċjetà li tilqagħhom u dik li jitilqu minnha, għalkemm jinvolvu riskji, peress li jistgħu jikkompromettu d-diversità, jaċċelleraw l-kummerċjaliżmu tat-tagħlim u jżidu l-emigrazzjoni ta’ akkademiċi, xjenzjati etc., lejn pajjiżi oħra għal kundizzjonijiet aħjar.

47.      It-trasferimenti, minbarra dan, jiġġeneraw sfidi ta’ natura differenti, prinċipalment lingwistiċi jew ta’ adattament, (22) amministrattivi jew finanzjarji. (23) Il-konsegwenzi ta’ l-ispejjeż finanzjarji sabiex jitħallsu t-taxxi, il-pagi u l-manteniment jew renta huma mnaqqsa kemm jista’ jkun permezz ta’ għajnuniet għat-taħriġ, li jindikaw oriġini ta’ tliet tipi: privata, nazzjonali jew Ewropea. Dawk ta’ l-ewwel jitħallsu mill-individwi privati skond it-termini li jiddeċiedu huma; it-tieni jiġu deċiżi permezz ta’ dispożizzjonijiet lokali, reġjunali jew statali suġġetti għal ċerti prinċipji, bħal ma huma dawk ta’ oġġettività u ugwaljanza; dawk ta’ l-aħħar huma mfassla permezz ta’ azzjonijiet Komunitarji, fost dawk li jenfasizzaw il-programmi “Erasmus”, mibdi fl-1987 u inkorporat attwalment fis-“Socrates”, (24) u “Leonardo da Vinci”, mibdi fl-1994 sabiex iħajjar it-taħriġ professjonali.

48.      Fil-kawżi ta’ R. Morgan u I. Bucher jiġu diskussi s-sussidji stipulati fir-regolament nazzjonali, bla ħsara għall-kompatibbiltà tat-tliet sistemi ta’ finanzjament li jimxu mar-regoli ta’ kull wieħed, peress li mhux soltu li jħallsu l-ispejjeż kollha, (25) frekwentement hija aċċettata l-irċevuta tagħhom simultanjament.

VI – Il-ġurisprudenza dwar l-għajnuniet għall-istudju u l-moviment ħieles

49.      Ir-risposti għall-Verwaltungsgericht de Aquisgrán jitolbu li tkun irriveduta l-ġurisprudenza dwar iż-żewġ estremi bbażati fid-deċiżjonijiet preliminari li ntalbu.

A –    L-għajnuniet għall-istudju

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat drabi oħra l-għajnuniet ta’ natura differenti fil-każ tal-bidu, tal-kontinwazzjoni jew tat-tmiem ta’ taħriġ. Fis-suppożizzjonijiet magħmula sad-data t-talba kienet diretta lejn l-Istat Membru li qed jirċievi jew ta’ oriġini, iżda wara trasferiment, filwaqt li s-Sinjuri Morgan u Bucher bagħtu l-applikazzjoni lill-pajjiż ta’ oriġini, mingħajr ma ċċaqalqu mill-pajjiż. Għalkemm, bħal ma ġie enfasizzat fil-parti l-kbira ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati, din iċ-ċirkustanza timpedixxi li wieħed jinnota diżugwaljanza fit-trattament bejn il-Ġermaniżi u persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi Komunitarji oħra, u b’hekk teskludi l-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti, huwa wkoll veru li wieħed jista’ jeżamina t-teżijiet li jistgħu jkunu utli f’din l-okkażjoni.

51.      Fost is-sentenzi li jinvolvu aspetti konnessi ma’ dawk imsemmija hawnhekk, jaqbel insemmu dawk mogħtija fil-kawżi Grzelczyk, (26) D’Hoop (27) u Bidar, (28) li, barra minn hekk, huma konnessi maċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, u jagħtu kontribuzzjoniet validi.

52.      Preċedentement, is-sentenza Gravier (29) kienet sostniet li l-impożizzjoni ta’ taxxa, ta’ xi drittijiet ta’ reġistrazzjoni jew taħriġ ta’ l-istudenti ta’ Stati Membri oħra, bħala kundizzjoni għall-aċċess għal korsijiet ta’ taħriġ professjonali, hija diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità pprojbita mit-Trattat (punt 26). Fuq l-istess linja, is-sentenza Blaizot (30) sabet diżugwaljanza f’”xi drittijiet ta’ reġistrazzjoni komplementari mogħtija lill-istudenti ta’ Stati Membri oħra sabiex jinkitbu f’dan iċ-ċiklu ta’ studji”, peress illi “l-kunċett ta’ taħriġ professjonali jinvolvi l-istudji universitarji veterinarji” (punt 24).

53.      Din id-duttrina kienet ġiet ippreċiżata ftit wara fis-sentenzi Lair (31) u Brown, (32) li għamlu distinzjoni bejn l-għajnuniet sabiex “jitħallsu l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u oħrajn, speċjalment ta’ edukazzjoni, neċessarji għat-tagħlim”, u dawk iddedikati għall- “manteniment u t-taħriġ”, u kkalkulaw li dawk ta’ l-ewwel biss huma inklużi fit-Trattat (punti 14 sa 16 tas-sentenza Lair u 17 sa 19 tas-sentenza Brown). L-innovazzjonijiet imdaħħla bit-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea (33) u l-approvazzjoni tad-Direttiva 93/96 irrendew, wara s-sentenza Grzelczyk, din id-distinzjoni irrilevanti.

1.      Is-sentenza Grzelczyk

54.      Is-Sinjur Grzelczyk, Franċiż, studja l-edukazzjoni fiżika fl-Università Kattolika ta’ Leuvain-la-Neuve (Belġju), u ħallas l-ispejjeż tat-taħriġ u tar-residenza. Fil-bidu tar-raba’ u l-aħħar sena talab il- minimex –id-dħul minimu għall-għajxien–, iżda dan kien ġie rrifjutat għax ma kienx ċittadin Belġjan.

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fis-sentenza Hoeckx, (34) kienet iddikjarat il-minimex bħala “vantaġġ soċjali fis-sens tar-Regolament nru 1612/68” (35) (punt 27); kif ukoll semmiet l-emendi fir-regolament nazzjonali applikabbli (punt 28), li wasslu sabiex student ta’ nazzjonalità Belġjana, li ma kienx ħaddiem skond ir-Regolament nru 1612/68, u li kien fl-istess kundizzjonijiet tas-Sur Grzelczyk, kien jissodisfa r-rekwiżiti sabiex jikseb il-benefiċċju, raġuni li wasslitha tgħid li kient hemm “diskriminazzjoni bbażata biss fuq in-nazzjonalità” (punt 29), li tmur kontra, “fil-prinċipju”, għall-Artikolu 6 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 12 KE wara emenda), interpretat “fid-dawl tad-dispożizzjonijiet […] dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni sabiex jiġi evalwat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu” (punt 30).

56.      Wara diversi kunsiderazzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza Ewropea (punti 31 u 33) u wara li ma tneħħietx il-validità tal-ġurisprudenza Lair u Brown (punti 34 u 35), ġiet imqabbla l-projbizzjoni tat-trattat mad-”dritt ta’ moviment u residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”, skond id-Direttiva 93/96 ; fuq dawn il-limiti, il-Qorti enfasizzat is-solvibbiltà ekonomika mitluba, li biha, minħabba “id-dettalji partikolari tas-soġġorn ta’ l-istudenti”, tidħol differenza, b’rispett għad-Direttivi 90/364 u 90/365 (punti 37 sa 44), (36) li tenfasizza n-natura li tinbidel tas-sitwazzjonijiet personali li jinbidlu fiż-żmien (punt 45).

2.      Is-sentenza D’Hoop

57.      Is-Sinjura D’Hoop, ċittadina Belġjana, kisbet fi Franza d-diploma ta’ tagħlim sekondarju, li ġie rrikonoxxut lilha mill-awtoritajiet tal-pajjiż tagħha ta’ oriġini, li fih marret l-Università. Wara, hija talbet il-benefiċċju ta’ stennija, jiġifieri għajnuna għal matul iż-żmien li ma kellhiex xogħol, għajnuna finanzjarja li tagħti d-dritt li tieħu sehem fi programmi ta’ impjieg, intiża għaż-żgħażagħ li qed ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom. Dan ġie miċħud għaliex it-tagħlim sekondarju ma kinitx wettqitu f’liċeo Belġjan.

58.      Minkejja l-fatt li l-għajnuniet għal matul iż-żmien li ma jkunx għadu nstab xogħol jikkostitwixxu vantaġġ soċjali skond ir-Regolament nru 1612/68, (37) iċ-ċirkustanzi konkurrenti tal-persuna interessata żammew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u ta’ l-Artikolu 48 KE (punti 17 sa 20), u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ir-riflessjonijiet tagħha dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, billi qisithom validi ratione temporis (punti 23 sa 26), u li bis-saħħa tagħhom ma jkunx kompatibbli mad-dritt ta’ moviment ħieles li jingħata trattament lil persuna “fl-Istat Membru li tiegħu hu ċittadin inqas favorevoli minn dak li kienet tgawdi kieku ma użatx il-faċilitajiet konċessi permezz tat-Trattat f’materja ta’ moviment” (punti 30 u 31), analiżi partikolarment ta’ importanza “fl-ambitu ta’ l-edukazzjoni” (punt 32).

59.      Permezz ta’ dawn il-premessi, il-Qorti rrilevat differenza ta’ trattament “bejn iċ-ċittadini Belġjani li wettqu l-istudji sekondarji tagħhom kollha fil-Belġju u dawk li, peress li użaw il-moviment ħieles, ħadu d-diploma tagħhom […] fi Stat Membru ieħor (punt 33)”, u li lilhom affettwat negattivament (punt 34). Minkejja dan, kien ikun possibbli li tiġi ġġustifikata, għal raġunijiet oġġettivi, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni affettwati, u proporzjonata ma’ l-iskop legalment imfittex mil-liġi nazzjonali ; però, fil-każ eżaminat, għalkemm kien leġittimu “li l-leġiżlatur nazzjonali jkun irid jassigura l-eżistenza ta’ konnessjoni reali bejn min qed jitlob l-imsemmija għajnuniet u s-suq ġeografiku tax-xogħol korrispondenti”, l-unika kundizzjoni fir-rigward tal-post ta’ minn fejn jingħata ċ-ċertifikat ta’ l-iskola kellha “natura wisq ġenerali u esklużiva” (punti 36 sa 39).

3.      Is-sentenza Bidar

60.      Is-Sinjur Bidar, ċittadin Franċiż, mar joqgħod fir-Renju Unit, fejn spiċċa t-tagħlim sekondarju. Bl-iskop li jibda l-istudji superjuri, talab il-finanzjament rilevanti mil-London Borough of Ealing, li tah għajnuna għar-reġistrazzjoni, iżda mhux self għall-manteniment, għaliex il-persuna interessata ma kinitx “stabbilita” fil-pajjiż.

61.      Is-sentenza kellha tivverifika jekk l-għajnuna rrifjutata kinitx tikser it-Trattat, speċifikament, l-Artikolu 12 KE, għal dan il-għan il-Qorti fakkret id-duttrina stabbilita fuq din ir-regola u fuq l-Artikolu 18 KE, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza u tad-dritt Komunitarju (punti 28 sa 41), sabiex tiddikjara li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jgħix legalment fi Stat Membru ieħor taqa’ fl-ambitu ta’ applikazzjoni tat-Trattat fis-sens ta’ l-Artikolu 12(1) KE, fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija lill-istudenti, bħala self issussidjat jew bħala konċessjoni sabiex iħallsu l-ispejjeż tagħhom ta’ manteniment (punt 42), li kien ikkonfermat mid-Direttiva 2004/38 (punt 43).

62.      Wara l-Qorti kkunsidrat ir-riżervi fl-Artikolu 18 KE, li jirreferu għal-limitazzjonijiet tat-Trattat u tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom, fosthom dawk fid-Direttiva 93/96, li l-Artikolu 3 tagħha jeskludi l-pagament ta’ għajnuniet għall-għajxien lil studenti li jgawdu minn dritt ta’ residenza (punt 44). Il-Qorti qieset, skond is-sentenza Grzelczyk, li l-impossibbiltà li tinvoka l-għajnuniet għall-għajxien mid-Direttiva (punt 45) ma jimpedixxux milli jiġi invokat l-Artikolu 12 KE (punt 46).

63.      La darba kkonfermat ir-rilevanza ta’ l-Artikolu 12 KE, il-Qorti eżaminat il-kwistjoni ta’ l-oġġettività tar-rekwiżiti neċessarji sabiex jingħataw l-għajnuniet. Issa, l-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni ta’ “stabbiliment” fir-Renju Unit setgħu jippreġudikaw “prinċipalment liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra” peress li jistgħu jissodisfawhom “b’ikbar faċilità ċ-ċittadini nazzjonali” (punti 50 sa 53). Madankollu, id-differenza fit-trattament setgħet tiġi ġġustifikata, bl-eżiġenza li tiffavorixxi “lill-istudenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni” (punti 54 sa 57), li tkun tista’ tiġi pprovata billi fatt li “l-interessat irrisjeda fl-Istat Membru li qed jirċievi għal ċertu perijodu” (punt 59), fil-fatt is-sitwazzjoni ta’ student mhijiex “komparabbli ma’ dik ta’ wieħed li jitlob għajnuna sakemm ikun għadu ma sabx xogħol […] jew għajnuna sakemm ikun qed ifittex xogħol” (punt 58). Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti ddeduċiet li r-regoli Brittaniċi dwar ir-residenza (punti 60 sa 63) jiksru l-Artikolu 12 KE.

B –    Il-moviment ħieles

64.      Jiġri b’iktar frekwenza li ċ-ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet li ġġib magħha jidhru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddefinixxi l-limiti tagħhom.

65.      Is-sentenza Grzelczyk ppronunzjat l-importanza ta’ din il-kwalità, hekk li ser tiddaħħal fil-“karta tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (punt 31), (38) li kisbet intensità ikbar permezz tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ta’ l-Artikolu 12 KE, invokabbli, b’riżultat tas-sentenza Martínez Sala, (39) għal kwalunkwe persuna b’passaport Komunitarju fis-sitwazzjonijiet kollha “inklużi fl-ambitu ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt ta’ l-Unjoni” (punt 63), għalkemm mingħajr ma jinvolvu dawk purament interni. (40)

66.      Fost is-sitwazzjonijiet meqjusa nsibu dawk dwar il-prattika tal-libertajiet essenzjali, bħal dik ta’ moviment u dik ta’ residenza. (41) Għal din ir-raġuni, ripetutament, it-trattament indaqs u l-moviment ħieles jiġu spiss invikati flimkien, kontra l-Istat li qed jirċievi – sentenzi Grzelczyk u Bidar – jew dak ta’ oriġini – sentenza D’Hoop –, f’dan il-każ ta’ l-aħħar minħabba l-inkompatibbiltà ta’ regola mad-dritt komunitarju li inqas favorevoli fil-konfronti ta’ persuni mwielda fil-pajjiż li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom. (42)

67.      Tali kunċett flimkien ma’ l-esklużjoni ta’ diskriminazzjoni u ta’ moviment ħieles ma jmorrux kontra s-sustanza ta’ dawn il-prinċipji, li tirriżulta minnha nfisha. (43) B’dan is-sens, is-sentenza Baumbast u R. (44) ipproponiet l-effett dirett ta’ l-Artikolu 18 KE, (45) bħala “dispożizzjoni ċara u preċiża tat-Trattat” (punt 84), (46) peress illi l-moviment ħieles –bħal dak ta’ residenza – “jikkostitwixxi d-dritt prinċipali li tagħti ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni”. (47)

68.      Is-sentencia Grzelczyk fakkret ukoll li l-imsemmija libertajiet għandhom limiti (punt 37), deduċibbli mit-Trattat stess, fl-ewwel lok, mill-istess Trattat u d-dispożizzjonijiet, li, meta jkun hemm regola speċifika, din tieħu l-post ta’ l-Artikolu 18 KE; (48) fil-każijiet l-oħra, il-leġittimità tar-restrizzjonijiet, bħal, per eżempju, jekk hemmx bżonn ta’ konnessjoni reali tal-persuna ma’ l-Istat, (49) tiddependi minn jekk ikunux kunsiderazzjonijiet oġġettivi, indipendentement min-nazzjonalità, jekk ikunux proporzjonati. (50)

VII – Aspetti prinċipali ta’ l-għajnuniet għall-istudju fi Stat Membru ieħor

69.      Wara din ir-reviżjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jaffettwaw l-iktar il-kawżi preżenti, għandna nanalizzaw aspetti oħra li huma l-bażi tad-domandi preliminari, li jiddellimitaw l-aspetti ġuridiċi tagħhom: in-natura ġuridika u l-karatteristiċi ta’ l-għajnuniet għall-istudju barra mill-pajjiż (A); l-invokabbiltà tal-moviment ħieles f’dawn il-każijiet (B); u l-effett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (C).

A –    Id-deskrizzjoni ta’ l-għajnuniet għall-istudju barra mill-pajjiż

70.      Kif diġà indikajt qabel, l-għajnuniet mogħtija għat-taħriġ ivarjaw ħafna, għaliex ipattu għal ostakli ta’ kull tip. B’dan il-mod, hemm għajnuniet direttament relatati ma’ l-edukazzjoni, li jissussidjaw l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni jew il-miżati ta’ l-iskola, u oħrajn li, b’mod indirett, inaqqsu l-ispiża tax-xiri ta’ kotba jew materjal ieħor, għat-trasport jew għajxien.

71.      F’perspettiva ġenerali, taħt il-lista ta’ “għajnuniet għall-istudju” huma inklużi l-għajnuniet kollha lil dawk li jixtiequ jibdew jew li qegħdin jirċievu taħriġ għall-promozzjoni edukattiva, kulturali, professjonali jew xjentifika tagħhom, sabiex jiksbu kwalifiki akkademiċi.

72.      Kienet is-suġġett ta’ diskussjoni n-natura ta’ l-intervent ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’dan il-kamp, jekk dan jaqax taħt il-kunċett ta’ servizz pubbliku, jiġifieri ta’ inċentivazzjoni. Fl-ewwel ipoteżi, l-awtoritajiet jagħtu assistenza lil individwi; fit-tieni, jinkoraġġixxuhom sabiex ix-xogħol tagħhom jiġi indirizzat lejn l-interess ġenerali. (51)

73.      Is-soluzzjoni tippendendi mill-konfigurazzjoni ta’ kull sussidju, li għandu jiġi evalwat mill-obbjettivi tiegħu. Fuq livell tat-tagħlim obbligatorju, il-poteri pubbliċi jiffaċilitaw liċ-ċittadini sabiex ikollhom ċertu grad ta’ kapaċità, u b’hekk din il-forma ta’ għajnuna għandha element qawwi ta’ prestazzjoni.

74.      Għal-livelli superjuri ta’ tagħlim, bil-kontra, l-organiżmi nazzjonali ma jiggarantixxux d-dritt għall-edukazzjoni, iżda l-ugwaljanza fil-prattika ta’ dan id-dritt, filwaqt li jevitaw diskriminazzjonijiet għal raġunijiet ekonomiċi; kif ukoll jippruvaw isaħħu t-tkabbir ta’ l-għarfien u jiffaċilitaw l-għażliet ta’ min qed jitlob l-għajnuna jew aħjar li jissodisfa l-eżiġenzi tas-soċjetà. Huma utilizzati għal dan l-iskop tekniki ta’ promozzjoni, permezz ta’ għajnuniet diretti – konċessjoni – u indiretti – l-estensjoni tar-reġistrazzjoni –, b’hekk l-element ta’ prestazzjoni jsir sekondarju.

75.      Jinħolqu elementi ġodda meta l-istudent jitlob lill-pajjiżu jneħħi d-diffikultajiet, speċjalment dawk ta’ natura finanzjarja, sabiex ikun jista’ jistudja barra mill-pajjiż. B’dan il-mod joħorġu kunċetti diġà espressi –il-mobbiltà u l-moviment ħieles–, f’dimensjoni transfruntaliera speċifika, dik Ewropea.

76.      Ma tistax tiġi “esportata” konċessjoni mill-Istat ta’ oriġini għal dak li qed jirċievi, lanqas ma jista’ l-ewwel Stat jissussidja, kif tfisser il-Kummissjoni, il-moviment ħieles. Kull sussidju jingħata f’kundizzjonijiet determinati, mingħajr ma jiġi ttraferit min irid jirċievi taħriġ f’ċertu territorju lejn taħriġ ieħor jew f’postijiet oħra, sakemm ma jkunx hekk imsemmi fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw dawn it-trasferimenti. Però, fl-għajnuniet għall-istudji barra mill-pajjiż, l-esportazzjoni hija fiha nnifisha, għaliex huma mitluba sabiex ikopru l-ispejjeż globali fi Stati oħra.

77.      Konsegwentement, dawn l-għajnuniet sabiex jgħinu barra mill-pajjiż jikkostitwixxu vantaġġi li fihom l-Istat għandu diskrezzjonalità ikbar meta mqabbla ma dawk li għandhom natura ta’ assistenza u dawk li fihom jippersisti jibqa’ aspett transnazzjonali.

78.      Dan l-approċċ jevita r-rikors għall-ġurisprudenza dwar is-sistema ta’ taxxi meta ħaddiem ibiddel id-domiċilju, fejn din tiddikjara li “it-Trattat ma jiggarantixxix lil ċittadin ta’ l-Unjoni li l-moviment ta’ l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru differenti minn dak li għex fih sa issa se jkun newtru f’[din] il-materja”. (52) Ma għandniex inqabblu din l-ipoteżi ma’ dawk tal-kawżi prinċipali, għaliex, minbarra li jservi għal skopijiet differenti, fl-ewwel każ teżisti r-regola ta’ l-obbligu ta’ kontribut lejn il-finanzi pubbliċi, filwaqt li fit-tieni każ jirrigwarda flus li jiġi rċevuti mill-finanzi pubbliċi.

B –    L- invokabbiltà tad-dritt tal-moviment ħieles

79.      F’xi wħud mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-Qorti tal-Ġustizzja, qed jiġi sostnut li l-Unjoni Ewropea mhijiex kompetenti f’materja ta’ għajnuniet għall-istudju mogħtija mill-Istati Membri. Peress li ma jaffettwawx materji ta’ kompetenza Komunitarja, id-drittijiet indikati fl-Artikolu 18 KE ma jaqgħux fil-kamp tal-fatti li wasslu għad-domandi preliminari preżenti; konsegwentement, ma għandhiex tingħata risposta lill-imħallef tar-rinviju, għaliex il-każijiet tas-Sinjuri Morgan u Bucher għandhom isibu soluzzjoni skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

80.      Ma naqbilx ma’ dawn l-argumenti. Sabiex nirribattihom, huwa biżżejjed li jiġu esposti żewġ linji ta’ argumentazzjoni komplementari, dwar il-moviment ħieles fis-sens strett tal-kelma u dwar il-kompetenzi fl-edukazzjoni.

1.      L-ambitu tal-moviment ħieles

81.      L-ewwel nett, il-libertà komunitarja ta’ moviment tista’ tiġi invokata kontra Stat miċ-ċittadinni tiegħu. L-Artikolu 17 KE jagħmilha ċara li ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija applikabbli għal dawk li għandhom “nazzjonalità ta’ Stat Membru”, (53) filwat li jassumu titolarità tad-drittijiet li din il-kwalità ġġib magħha. (54)

82.      Spjegajt f’konklużjonijiet preċedenti l-pożizzjoni tiegħi dwar l-awtonomija tal-moviment ħieles. Nirrepeti li “l-kreazzjoni ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni, mal-korollarju tal-moviment ħieles tat-titulari tiegħu fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha, jissupponi progress kwalitattiv kunsiderevoli, għaliex jissepara din il-libertà mill-elementi funzjonali jew strumentali tagħha (ir-relazzjoni ma’ attività finanzjarja jew mat-twettiq tas-suq intern) u tgħolliha għall-kategorija ta’ dritt proprju u indipendenti, inerenti għal status politiku taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”. (55)

83.      Is-sentenza reċenti Tas‑Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, applikat din it-teorija meta spjegat li, sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 18 KE, hemm bżonn, minbarra l-prattika tad-dritt tal-moviment ħieles, li jkun implikat kamp komunitarju.

84.      Is-Sinjura Tas-Hagen u s-Sinjur Tas, Olandiżi, talbu lill-awtoritajiet ta’ l-Olanda għal għajnuniet għall-vittimi ċivili tal-gwerra, li ġew irrifjutati minħabba li, fil-mument li talbuhom, kienu qed jgħixu fi Spanja.

85.      L-Avukat Ġenerali Kokott, fil-punti 27 sa 43 tal-konklużjonijiet ta’ din il-kawża, tindika ġustament li, l-ambitu ta’ l-evalwazzjoni tal-każijiet individwali, iċ-ċirkustanza li s-suġġett ta’ l-istanza jkun irregolat mid-dritt komunitarju jew ikun strumentali għall-finijiet tal- Komunità jista l-iktar jitqies li hija "element ulterjuri", imma fl-ebda każ ma jista’ jikkostitwixxi għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE.

86.      Is-sentenza laqgħet din id-direzzjoni, filwaqt li rrikonoxxiet li, fl-istadju annwali ta’ l-iżvilupp tad-dritt komunitarju, il-prestazzjoni mitluba taqa’ “fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri” (punt 21), iżda fakkret illi għandhom jiġu rrispettati “d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni ta’ moviment u residenza b’mod ħieles fit-territorju” tal-Komunità (punt 22). Hija żiedet li, għalkemm iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni ma timplikax li wieħed jirrikorri għat-Trattat f’sitwazzjonijiet interni, fil-limiti li fih il-prattika ta’ dritt irrikonoxxut mill-ordinament legali Komunitarju jkollha effett fuq il-ksib ta’ prestazzjoni prevista min norma nazzjonali, ma tistax titqies li din l-eventwalità tkun purament interna u mingħajr ebda konnessjoni mad-dritt Komunitarju (punt 28).

87.      Madankollu, din id-duttrina ma għandhiex tkun limitata għall-każijiet li fihom jkun ġie eżerċitat il-moviment liberu, għaliex tinkludi wkoll l-ipoteżi li fih l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jiġi mfixkel jew skoraġġat, bħal fil-każ, per eżempju, ta’ għajnuniet intiżi għal taħriġ fi Stati Membri oħra, li fih tidher il-konnessjoni Komunitarja essenzjali għall-invokabbiltà ta’ l-Artikolu 18 KE.

88.      Id-dritt Ewropew għandu jirrispetta l-politika ta’ l-Istati membri dwar l-għajnuniet għall-istudju barra mill-pajjiż, però, fil-każ li jagħmlu dan, huwa importanti li l-kundizzjonjiet imposti sabiex igawdu dawn l-għajnuniet ma jillimitawx il-moviment ħieles indebitament.

2.      Il-kompetenzi fil-qasam edukattiv

89.      Il-Komunità tippromovi tagħlim u taħriġ ta’ kwalità [Artikolu 3(1)(q) KE], u tinkoraġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplementa l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni (Artikolu 149(1) KE); jiffavorixxi wkoll “l-mobbiltà ta’ l-istudenti” u “l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ” (Artikolu 149(2) KE). L-istrumenti ġuridiċi sabiex ikunu mwettqa l-għanijiet ta’ l-intervenzjonijiet Komunitarji huma miġbura f’“inċentivi”, li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri, u “rakkomandazzjonijiet” (Artikolu 149(4) KE). (56)

90.      Minn dawn l-indikazzjonijiet niddeduċi li l-pajjiżi Komunitarji għandhom il-poter li jirregolaw b’mod esklużiv aspetti fundamentali ta’ l-istudji, però dan ma jkoprix kull ma għandu x’jaqsam ma’ dan is-suġġett.

91.      Fl-edukazzjoni jinġabru ċerti aspetti li flimkien jikkomponu n-nukleu essenzjali, bħall-iskemi tat-tagħlim jew l-organizzazzjoni tas-sistema, li d-definizzjoni, il-preċiżjoni u d-delimitazzjoni tagħha jikkonċernaw biss lil-leġiżlaturi nazzjonali, filwaqt li l-Istituzzjonijiet jeżerċitaw biss funzjoni ta’ spinta jew orjentazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tipproklama d-dritt ta’ kull persuna “għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali” (punt 1), li jinkludi “l-possibbiltà li wieħed jirċievi edukazzjoni obbligatorja bla ħlas” (punt 2), u tħalli, f’idejn il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tagħha, il-libertà ta’ kreazzjoni ta’ ċentri ta’ tagħlim, kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom (punt 3). (57)

92.      Madankollu, hemm ukoll aspetti ta’ natura sekondarja, konnessi mal-libertajiet u l-prinċipji tal-Komunità fuq livell differenti. Dan huwa l-każ, per eżempju, ta’ l-għajnuniet għall-bidu jew it-tkomplija ta’ l-istudji, li jippermettu lill-istudent itejjeb il-konoxxenzi tekniċi tiegħu, il-kapaċità u l-kompetenzi neċessarji sabiex iwettaq ix-xogħol, mingħajr relazzjoni diretta ma’ l-imsemmi nukleu essenzjali. F’dawn il-każijiet, l-ordinament Ewropew jintervjeni b’intensità ikbar.

93.      Ma naqbilx ma’ l-argument tal-Gvern Awstrijakk meta jgħid li l-għajnuniet huma inklużi fil-kontenut tat-tagħlim, għaliex dan il-kontenut jinkludi l-iskemi ta’ studju, is-suġġetti ta’ taħriġ, l-oqsma ttrattati minn dawn is-suġġetti, l-għarfien u l-metodi sabiex jiksbuh. Dawn l-għajnuniet lanqas ma jidħlu fl-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, li ssemmi l-miżuri materjali u umani, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ funzjonijiet bejniethom, għaliex ir-responsabbilta’ tal- “il-protezzjoni u titjib” ta’ l-imsemmija sistema hija ta’ l-Istat. (58)

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet fl-ambitu ta’ applikazzjoni tat-Trattat ir-rekwiżiti ta’ aċċess għat-taħriġ professjonali, (59) li jinkludu t-tagħlim superjuri u universitarju. (60)

95.      Permezz ta’ l-għajnuniet lill-istudenti jitneħħew l-ostakli, ġeneralment finanzjarji, li jimpedixxu li titkompla l-edukazzjoni, li tkompli tiġġustifika li jkunu inklużi fir-”rekwiżiti għall-aċċess”, affermazzjoni valida anki meta l-intenzjoni ma tkunx li tinbeda, iżda li titkompla, il-preparazzjoni.

96.      Għaldaqstant, ir-regolamentazzjoni ta’ l-għajnuniet għall-istudju ma jaqax f’idejn il-leġiżlaturi nazzjonali b’mod esklużiv, iżda r-regoli Komunitarji jaffettwawh direttament. (61) Madankollu, anke jekk dan ir-regolament jaqa’ fl-isfera tal-poteri statali tat-tagħlim, hemm bżonn li jiġi rrispettat id-dritt Komunitarju, (62) u li jiġu ssalvagwardati l-prinċipji bażiċi tagħha, bħal dak tal-moviment ħieles.

C –    L-effett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

97.      Id-digriti ta’ rinviju u l-osservazzjonijiet ta’ l-intervenjenti f’din il-kawża analizzaw id-domandi preliminari mill-aspett tal-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej, billi ħadu bħala riferiment meta raw il-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. Jidhirli, madankollu, li hemm fattur ieħor li jaqbel li nikkunsidraw.

98.      Fil-fatt, fil-każijiet tas-Sinjuri Morgan u Bucher, l-ostakli għall-attendenza ta’ klassijiet barra mill-pajjiż ta’ oriġini, minbarra li jillimitaw is-sensiela ta’ għażliet ta’ l-istudenti, għandhom effett bl-istess mod fuq il-libertà ta’ stabbiliment, u jnaqqsu l-opportunitajiet li jattiraw fil-pajjiż studenti barranin.

99.      Jiġi riprodott b’dan il-mod fenomenu simili għall-pazjent li jkun jixtieq jirċievi trattament fi klinika barranija. Il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet fil-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-saħħa, minn naħa waħda, il-libertà tal-moviment tad-destinatarji fi Stat Membru, b’mod partikolari ta’ dawk li jridu jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu l-kura medika (63) u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet mediċi mħallsa. (64)

100. Għalkemm il-benefiċċji edukattivi huma differenti minn dawk tas-saħħa, m’hemm ebda diffikultà sabiex jiġu riproposti l-argumenti li jippermettu l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 49 KE et seq, mingħajr ma n-natura speċjali tagħhom tħallina naħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. (65) Peress illi l-universitajiet joffru għarfien għal ta’ remunerazzjoni, kwalunkwe ostaklu li jinvolvi l-parteċipazzjoni fil-klassijiet għandu jitqies li huwa restrizzjoni fuq l-imsemmija libertà ggarantita mill-ordinament Komunitarju.

101. Il-korrispettiv huwa element essenzjali tas-servizz skond l-Artikolu 50 KE u f’dan il-każ m’hemmx dubju fuq il-konkurrenza tiegħu, li jitqies li normalment il-persuna interessata jitħallsulha t-taxxi ta’ reġistrazzjoni jew l-istipendji, peress illi t-tagħlim bla ħlas ġenerlament jingħata biss fil-livelli bażiċi. Suppożizzjonijiet iżolati jistħoqilhom il-kunsiderazzjoni ta’ eċċezzjonijiet u ma jbiddlux is-suespost.

102. Għaldaqstant, l-Artikolu 49 KE jista’ jkun applikabbli jekk jiġu d-domandi ta’ l-imħallef ta’ rinviju jitqiesu mill-perspettiva ta’ l-iskejjel l-istudenti jridu jistudjaw, bla ħsara għad-dritt li jiġi rrikonoxxut lill-persuni interessati, in kwantu ċittadini Komunitarji, id-dritt tal-moviment ħieles li, skond il-ġurisprudenza, għandu applikazzjoni residwa b’relazzjoni għad-dispozizzjonijiet iktar speċifiċi ta’ l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 49 KE. (66)

103. Madankollu, eżami tad-domandi tal-Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán mill-aspett tal-libertà ta’ servizzi pprovduti jitlob ċerta informazzjoni dwar iċ-ċentri barranin, li bħalissa mhijiex disponibbli. (67)

VIII – Analiżi tad-domandi preliminari

A –    L-ewwel domanda

104. Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula s’issa jirriżulta li s-Sinjuri Morgan u Bucher jibbenefikaw, bħal kull ċittadin ieħor ta’ l-Unjoni, mil-libertà ta’ moviment mill-pajjiż tagħhom ta’ oriġini lejn Stati Membri oħra għal skopijiet edukattivi.

105. Bl-ewwel domanda preliminari, komuni għaż-żewġ kawżi prinċipali, qed jiġi mistoqsi jekk din il-libertà timpedixxix ir-rifjut ta’ għajnuniet sabiex isir tagħlim fi Stat Membru ieħor, għar-raġuni li l-istudji mhumiex kontinwazzzjoni ta’ l-istudent fil-pajjiż ta’ oriġini għal żmien ta’, mill-inqas, sena (Artikolu 5(2) parti 3, tal-BAföG). Għandu jiġi stabbilit jekk kienx hemm ostaklu ta’ l-imsemmija libertà fundamentali, filwaqt li jiġi analizzat sussegwentement, kif indikat, jekk huwiex ġustifikat u jekk huwiex proporzjonat ma’ l-iskop propost.

1.      L-eżistenza ta’ restrizzjoni

106. Il-BAföG ma tipprojbixxix li dak li jkun imur fi Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni sabiex tinkiseb kwalifika, iżda tissuġġetta s-sussidju għall-kundizzjoni li t-taħriġ, li għalih jintalab is-sussidju, ikun il-kontinwazzjoni ta’ taħriġ ta’ almenu sena f’ċentru Ġermaniż. Din il-kundizzjoni tiġġenera żewġ inkonvenjenti rilevanti.

107. L-ewwel nett, tinjora d-diversità fit-tagħlim, preżunt mir-riserva favur l-Istati ta’ l-Artikoli 149 KE u 150 KE, fis-sens li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, l-għarfien mogħti mhuwiex ekwivalenti fiċ-ċentri kollha. Il-kontinwità meħtieġa tillimita l-għażla, u tiskoraġġixxi l-bidu ta’ ċertu taħriġ fil-pajjiż magħżul. Fid-digrieti tar-rinviju jiġi rrilevat li mhux is-suġġetti speċjalistiċi kollha huma mgħallma fil-Ġermanja, atteġġament li permezz tiegħu l-persuna interessata jkollha tagħżel bejn tirrinunzja għall-istudji mixtieqa jew u għall-għajnuna, (68) opinjoni li jsostni wkoll il-Gvern Taljan. (69)

108. It-tieni nett, fis-sena tas-soġġorn f’istitut determinat, jinbdew relazzjonijiet personali, materjali u ta’ tip ieħor li jagħmluha diffiċli li wieħed jiċċaqlaq, għaliex huwa iktar komdu li persuna tibqa fil-post fejn hija stabbilita u ġa tkun bniet esperjenza.

109. Dawn il-fatturi, bħalma osserva l-imħallef tar-rinviju, itellfu r-reġistrazzjoni f’universitajiet ta’ nazzjonijiet Komunitarji oħra, fit-tiftixa ta’ taħriġ komplut, filwaqt li jkollu jirrinunzja għall-vantaġġi finanzjarji konċessi lil min, fl-istess kundizzjonijiet, jibqa’ fit-territorju ta’ oriġini.

110. B’dan il-mod hija pprovata l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ l-istudenti li jmorru f’ċentri apposta barra mill-pajjiż.

2.      Il-ġustifikazzjoni u proporzjonalità tar-restrizzjoni

111. L-Olanda u l-Finlandja jsostnu li, jekk tiġi kkonstatata restrizzjoni tad-drittijiet ta’ l-Artikolu 18 KE, tali restrizzjoni jkollha skop leġittimu, bħal dak ta’ evitar ta’ piż finanzjarju eċċessiv, u huwa l-imħallef nazzjonali li ghandu jiddeċiedi fuq il-porporzjonalità tal-miżura.

112. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex taċċetta din it-teżi u lanqas tirreferi l-kwistjoni lill-imħallef nazzjonali, għaliex għandha elementi suffiċjenti biex toħroġ b’soluzzjoni kompluta, li, barra minn hekk, tevita rinviji ulterjuri. (70)

113. Kienu ġew proposti żewġ argumenti essenzjali sabiex jiġġustifikaw l-ostaklu għall-finanzjament tat-taħriġ fl-Istati ta’ l-Unjoni. Minn naħa waħda, l-eżiġenza ta’ konnessjoni reali tal-persuna interessata mal-post ta’ oriġini; min-naħa l-oħra, l-insuffiċjenzi tal-baġit.

114. Jissorprendini ħafna l-mod li bih hija mibnija l-eżiġenza tal-konnessjoni bejn is-suġġett u l-pajjiż li jagħti l-għajnuna. Mhux għaliex nikkunsidra li l-prova ta’ oriġini hija inkonvenjenti, imma minħabba n-natura probatorja tagħha, għaliex jinvolvu ċ-ċittadini nazzjonali tagħhom, li lilhom huwa mitlub juru ness ma l-iskemi ta’ l-istudju nazzjonali, li huwa kompletament aljen għat-territorju. Naqbel mar-riflessjoni tal-Verwaltungsgericht de Aquisgrán meta jgħid li l-livell ta’ integrazzjoni huwa pprovat bil-fatt li l-persuna kienet stabbilment residenti fl-Istat qabel ma beda t-taħriġ fl-ieħor, u li tkun ittrasferixxiet r-residenza tagħha biss għaż-żmien ta-perijodu ta’ l-istudji. (71)

115. L-assoċjazzjoni ta’ l-individwu ma’ l-Istat permezz tar-riferiment tal-bidu ta’ studji jiġġenera konsegwenzi li jippreġudikaw il-libertà fundamentali, għaliex jagħti wisq importanza lil dik il-fażi tal-bidu u ma jirrappreżentax b’mod adegwat il-livell reali u effettiv ta’ integrazzjoni u lanqas,bil-kontra ta’ l-opinjoni tal-Gvern Żvediż, ma jsaħħu. Hemm kriterji alternattivi oħra li jirrikonċiljaw aħjar ma’ l-imsemmija libertà, bħal ma hi dik adottata mill-Finlandja, li teżiġi li wieħed ikun għex fil-pajjiż għall-inqas għal sentejn, fi spazju ta’ ħamsa, qabel is-soġġorn barra mill-pajjiż. (72)

116. In kwantu għall-ġustifikazzjonijiet ta’ natura finanzjarja, m’hemmx dubju dwar in-nuqqas ta’ fondi pubbliċi sabiex ikunu affaċċjati l-interessi kollettivi. Li l-istudenti barra mill-pajjiż għandhom ikunu segwew kors, iżda, għal inqas ta’ sena, fit-territorju tagħhom ma jidher li jsegwi l-ebda loġika ekonomika, li tindirizza, pjuttost, l-għajnuniet lejn dawk l-istudenti li juru l-ikbar mertu u kapaċità, b’mod li l-benefiċċji disponibbli jinqasmu bejn dawk l-iktar kapaċi li jgawdu mill-opportunitajiet ipprovduti. (73)

117. L-invokazzjoni tad-Direttivi 93/96 u 2004/38 ma jbiddilx dan l-argument, (74) għaliex dawn jirregolaw ir-residenza ta’ l-istudenti fil-pajjiż li qed jirċievi, suġġett li mhuwiex rilevanti għall-kawżi prinċipali, li fihom mhux diskuss id-dħul jew il-permanenza fi Stat differenti minn dak ta’ oriġini.

B –    It-tieni domanda

118. Fil-każ tas-Sinjura Bucher, il-qorti tar-rinviju żżid domanda oħra, dwar il-kompatibbiltà tal-moviment ħieles mar-rifjut ta’ għajnuniet lil studenti lil hinn mill-fruntieri minħabba li r-residenza abitwali tiegħu tkun tali għall-raġunijiet ta’ taħriġ (Artikolu 5(1) tal-BAföG).

119. Id-deroga mir-regola li timponi notifikazzjoni minn-qabel tas-sena skolastika preċedenti fiċ-ċentri nazzjonali hija limitata b’dal-mod għall-istudenti b’domiċilju permanenti viċin il-limiti territorjali Ġermaniżi, limitazzjoni li tnaqqas il-moviment ħieles bi ħsara ta’ dawk li, sabiex jipparteċipaw iktar frekwentement fil-klassijiet tal-pajjiż ġar, jittrasferixxu d-domiċilju tagħhom fil-lokalitajiet adjaċenti.

120. Nifhem li, skond ma jiddikjara l-Gvern Ġermaniż, kunsiderazzjonijiet ta’ politika reġjunali jindikaw miżuri kumpensatorji għal-ħsara kkawżata liċ-ċittadini li, kif jindika l-Gvern Taljan, xi drabi b’kumbinazzjoni, ikunu jgħixu viċin Stat ieħor u jħossu li l-fruntieri jalteraw il-kapaċità tagħhom li jagħżlu ċentri viċini għad-domiċilju. Ma tistax tiġi ammessa l-esklużjoni ta’ kwalunkwe kategorija personali oħra.

121. Fil-kawża prinċipali, il-konnessjoni ta’ residenza hija biżżejjed. Mhux ser niddiskuti l-kwalifika tad-domiċilju tas-Sinjura Bucher f’Düren, li jaqa’ f ’idejn l-imħallef nazzjonali, mingħajr l-eżiġenza li tkun “permanenti”. Naqbel mal-preokkupazzjonijiet tal-Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán quddiem il-fatt li d-domiċilju abitwali tal-persuna interessata kienet il-Ġermanja, kemm fil-bidu ta’ l-istudji, kif ukoll għal matul il-perjodu skolastiku kollu, (75) li juri l-konnessjoni mas-sistema edukattiva nazzjonali.

122. Hemm mezzi oħra iktar ġusti u, fl-istess ħin, inqas restrittivi mill-moviment ħieles, bħal dak li jkunu kkalkolati l-għajnuniet permezz tar-riżultati akkademiċi.

IX – Korollarju

123. Minn dak li ntqal niddeduċi li l-Ġermanja, bħal kwalunkwe Stat Membru ieħor, mhijiex suġġetta għall-obbligi tad-dritt Komunitarju li tagħti għajnuniet għal taħriġ barra mill-pajjiż; għaliex tgawdi minn diskrezzjonalità kbira sabiex tagħtihom u, f’dan il-każ, sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tagħha. Però, jekk il-liġi tipprevedi dan, hemm bżonn li tirrispetta d-dritt ta’ l-Unjoni.

124. L-Artikolu 5(1) u (2), punt 3, tal-BAföG jirregola l-għajnuniet, u jissuġġettahom, rispettivament, għall-kundizzjoni li t-tagħlim ikun il-kontinwazzjoni ta’ taħriġ li jkun seħħ għal minimu ta’ sena fi skola Ġermaniża u li r-residenza hi valida biss jekk permanenti fl-avviċinanzi tal-fruntiera, jiġifieri għar-rekwiżit ta’ residenza permanenti f’post ħdejn il-fruntiera, kundizzjoni li, fiż-żewġ każijiet mhux biss tostakola l-moviment ħieles ta’ l-istudenti, għax tiskoraġġixxi l-prattika ta’ din il-libertà, sa fejn jirriżultaw eċċessivi għall-għan imfittex.

125. Issa, l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn il-proċedimenti in kwistjoni juru preokkupazzjonijiet għall-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn teorija daqshekk elaborata, għaliex, kif jispjega ġustament l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tal-kawża Hartmann, (76) “kwalunkwe deċiżjoni ta’ moviment fi Stat Membru jimplika żvantaġġi u tgawdija ta’ vantaġġi ġodda bħala riżultat tal-leġiżlazzjonijiet differenti ta’ l-Istati Membri affettwati […]. Huwa ċ-ċittadin Komunitarju li jiżen dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi meta jieħu d-deċiżjoni, però mingħajr ma jestendi d-drittijiet tiegħu lejn kwalunkwe tip ta’ vantaġġ soċjali li l-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jikkonċedi skond il-politiki differenti […], filwaqt li jiddependi totalment minn natura ta’ dawn il-vantaġġi. […] Hemm bżonn li ma ninsewx li, meta tinbidel ir-residenza għal Stat Membru ieħor, jistgħu jinħolqu drittijiet oħra fl-Istat Membru li qed jirċievi u[…], peress li l-Istati Membri huma obbligati ma jimponux restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini tagħhom, meta jixtiequ jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, lanqas ma jistgħu jeżiġu li jistgħu jinkoraġġixxuhom jitilqu” (punt 86).

126. Madankollu, minkejja l-konfigurazzjoni partikolari ta’ l-għajnuniet statali għat-taħriġ fil-pajjiżi Komunitarji, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-kompitu ta’ imħallef artista li rreferejt għalih fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet u, skond ir-riflessjonijiet approprijati, tirrikonoxxi d-dimensjoni Ewropea ta’ dawn l-għajnuniet, ma jkunux nieqsa elementi sabiex tikkoreġi u timpedixxi eventwali konsegwenzi ta’ ħsara li jistgħu jinqalgħu.

127. L-ewwel nett, ir-regoli nazzjonali dwar l-għajnuniet għandhom limitazzjonijiet validi u proporzjonali, ispirati minn aspetti ekonomiċi jew ta’ riżultati akkademiċi, jidderskrivu sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbilità (77) u jevitaw l-arrikkament indebitu. (78)

128. It-tieni nett, id-duttrina tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jinbidlu leġittimament il-miżuri ta’ inkoraġġiment tal-moviment ħieles ta’ l-istudenti, filwaqt li l-ordinament ġuridiku Komunitarju ma jikkontemplax l-abbużi f’dan is-suġġett. (79)

X –    Konklużjoni

129. Minħabba l-kunsiderazzjonjiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lid-domandi preliminari tal- Verwaltungsgericht ta’ Aquisgrán, billi tiddikjara li:

“Il-prinċipju tal-moviment ħieles fl-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lir-regoli nazzjonali dwar għajnuniet għat-taħriġ fi Stati oħra ta l-Komunità Ewropea li: a) jissuġġettaw il-ħruġ ta’ l-għajnuniet għall-istudji li jridu jitwettqu jkunu kontinwazzjoni ta’ studji mwettqa f’minimu ta’ sena f’ċentru ta’ tagħlim tal-pajjiż li jagħti dawn l-għajnuniet, u b) jirrifjutawhom meta l-istudenti jgħixu fil-lokalitajiet fil-fruntieri ta’ l-imsemmi pajjiż biss għal-skopijiet ta’ taħriġ.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Nanclares Arango, A., Los jueces de mármol, La Pisca Tabaca Editores, Medellín, 2001, p. 14.


3 – Lirola Delgado, I., Libre circulación de personas y Unión Europea, Ed. Civitas, Madrid, 1994, p. 61, issostni li, fl-avvanz ta’ l-integrazzjoni Ewropea, minħabba d-dinamika tiegħu stess u l-iżvilupp tad-dimensjoni politika tiegħu, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni twessa’ permezz ta’ l-inkorporazzjoni ta’ suppożizzjonijiet ġodda fl-ambitu ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-dritt Komunitarju. Din l-applikazzjoni evolviet bil-mod, b’ħafna diffikultajiet u, xi kultant, b’kontradizzjonijiet, li tibda bl-interpretazzjoni estensiva tal-kontenut prinċipali li trid tkun inkluża fil-kwadru tal-libertajiet ekonomiċi.


4 – Ir-raba’ rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni (1 ta’ Mejju 2001 – 30 ta’ April 2004) [KUMM(2004) 695 finali], punt 4.


5 – Dikjarazzjoni nº 2, dwar in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, annessa ma’ l-Att finali tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU C 191, 1992, p. 98).


6 – ĠU C 364, 2000, p. 1.


7 – Artikoli 12(2) u 15(2), kif, fil-kapitolu V, imsemmi “Ċittadinanza”, fl-Artikolu 39(1), 40, 42, 43, 44, 45(1), u 46.


8 – ĠU L 317, p. 59. Din id-Direttiva, flimkien mad-Direttivi 90/364/KEE u 90/365/KEE, it-tnejn li huma tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1990, jirreferu, rispettivament, għad-dritt ta’ residenza u għad-dritt ta’ residenza tal-ħaddiema f’isem ħaddieħor jew f’isimhom stess li m’għadhomx jipprattikaw l-attività professjonali tagħhom (ĠU L 180, p. 26 u p. 28), kienet ir-risposta tal-leġiżlatur Ewropew għat-tkabbir tal-kunċett tal-moviment ħieles propost mill-Qorti tal-Ġustizzja, “instituzzjoni li turi karattru akar inklużiv u li l-interpretazzjonijiet tagħha tat-Trattat ta’ Ruma jagħtu frekwentement spinta kunsiderevoli sabiex jingħeleb l-ekonomiżmu komunitarju” (Abellán Honrubia, V., y Vilá Costa, B., Lecciones de Derecho comunitario europeo, Ed. Ariel, Barċelona, 1993, p. 191).


9 – Din id-Direttiva temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77; Corrigendum fil-ĠU L 229, p. 35).


10 – Verżjoni ġdida ppubblikata fis-6 ta’ Ġunju 1983, BGBl I, p. 645; emendata għall-aħħar darba mil-Liġi tat-22 ta’ Settembru 2005, BGBl I, p. 2809.


11 – Punti 12 u 44 ta’ l-osservazzjonijiet bil-mitkub ta’ l-Ingilterra. Fis-seduta ġew deskritti l-benefiċċji mogħtija mill-pajjiż li jirċievi: l-eżenzjoni ta’ konċessjonijiet għal reġistrazzjoni, self issussidjat ekwivalenti għal 4,400 liri sterlini fis-sena, bħala fondi għal kotba u spejjeż oħrajn.


12 – Belt li tinsab bejn Bonn – madwar 70 km ‘l bogħod minnha– u Aquisgrán – madwar 35 km ‘l bogħod–.


13 – Popolazzjoni li tinsab, bejn wieħed u ieħor, 9 km mill-fruntiera mal-Ġermanja u 47 km ma’ Düren.


14 – Thomas Moore., Utopía, 4ª ed., Ed. Espasa Calpe, Madrid, 1999, kapitolu ddedikat għall- “L-istudji”.


15 – Il-gradwat Sansón Carrasco, li, taħt l-ismijiet ta’ “kavallier tal-mirja” u ta’ “kavallier tal-qamar abjad”, kellhu varji ġlidiet ma’ Don Kixott, studja f’Salamanca, belt li fiha tgħallem l-ewwel parti ta’ l-avventuri tal-famuż nobbli u ta’ dawk li, meta rritorna fil-post ta’ La Mancha fejn it-tnejn li huma kienu jgħixu, ta storja kompluta mill-bidu tat-tieni (Cervantes Saavedra, M., El ingenioso hidalgo Don Quijote de la Mancha, it-tieni parti, it-tieni kapitolu).


16 – Fl-1516 ddedika lill-Carlos de Gante dak iż-żmien l- Institutio Principis Christiani tiegħu.


17 – Stefan Zweig kiteb biografija meraviljuża, Erasmo de Rotterdam: triunfo y tragedia de un humanista, Ed. Paidos Ibérica, Barċelona, 2005.


18 – Flory, M., “Le mythe d’Erasme”, f’ L’Europe et le droit, Mélanges en hommage à Jean Boulouis, Ed. Dalloz, 1991, p. 258.


19 – Insibuh f’http://ec.europa.eu/education/policies/educ/bologna/bologna_en.html. Ippreċedietu d-Dikjarazzjoni ta’ Sorbonne, iffirmata fil-25 ta’ Mejju 1998 mill-Ministri ta’ l-Edukazzjoni ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit.


20 – L-edukazzjoni superjuri tinkludi “kull tip ta’ studji, ta’ taħriġ jew ta’ taħriġ għal riċerka fil-livell postsekondarju, mogħtija minn università u stabbilimenti oħra awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat bħala ċentri ta’ tagħlim superjuri”, Declaración mundial sobre la educación superior en el siglo XXI: visión y acción, approvata fid-9 ta’ Ottubru 1998 permezz ta’ konferenza dinjija sponsorizzata mill-UNESCO, aċċessibbli fil-paġna elettronika http://www.unesco.org/education/educprog/wche/declaration_spa.htm.


21 – Bħala eżempju d-Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri miġbura fil-Kunsill, ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, rigward il-pjan ta’ azzjoni għall-mobbiltà (ĠU C 371, p. 4); kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ Lulju 2001, fir-rigward tal-mobbiltà ta’ l-istudenti, ta’ min ikun qed jitħarreġ, iż-żgħażagħ voluntarji, l-għalliema u min jagħti t-taħriġ (ĠU L 215, p. 30); id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2002, dwar il-kapaċitajiet u l-mobbiltà (ĠU C 162, p. 1); jew il-Karta ta’ kwalità tal-mobbiltà Ewropea, annessa mal-Proposta tal-Kummissjoni ta’ Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-mobbiltà transnazzjonali fil-Komunità għal skopijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ [COM(2005) 450 finali]; barra minn hekk, dawn l-argumenti jissemmew bħala wieħed mit-tliet għanijiet tal-programm tax-xogħol “Edukazzjoni u taħriġ 2010”, approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċelona fl-2002.


22 – “Mur għix f’pajjiż li qiegħed ’il bogħod, mhux fid-distanza, iżda fl-ideat u fit-tradizzjonijiet”. Hekk beda André Maurois il-”Pariri lil żagħżugħ Franċiż li jmur l-Ingilterra” (Maurois, A., Obras completas, volum IV, Ed. Plaza y Janés, Barċelona, 1967, p. 1035).


23 – Il-karta l-ħadra tal-Kummissjoni “Edukazzjoni-Taħriġ-Riċerka: l-ostakli tal-mobbiltà transnazzjonali” [COM(1996) 462 finali] analizzat dawn l-ostakli.


24 – Wara bidu umli ħafna, li affettwa biss 3,244 persuna fl-ewwel sena, fl-2005 n-numru żdied għal 144,032, wara l-għoti ta’ konċessjonijiet tul l-għoxrin sena ta’ xogħol lil aktar minn miljun u nofs ta’ studenti (oriġini: http://ec.europa.eu/education/news/erasmus20_en.html)


25 – Calvo Pérez, B., “Perspettiva ewropea dwar l-edukazzjoni superjuri. Karatteristika trasversali u netwerks universitarji (internazjonalizzazzjoni, mobbiltà u netwerkijiet)”, f’ El carácter transversal en la educación universitaria, Michavila, F., y Martínez, J., edituri, Madrid, 2002, p. 33, iniżżel il-kritiki tal-programm Socrate-Eramus, fosthom jenfasizza li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ valur ekonomiku, u jżid li “huma konċessjonijiet għas-sinjuri” u “jikkostitwixxu l-għoti ta’ fondi b’lura”.


26 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001 (C-184/99, Ġabra p. I-6193).


27 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002 (C-224/98, Ġabra p. I-6191).


28 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005 (C-209/03, Ġabra p. I-2119).


29 – Sentenza tat-13 ta’ Frar 1985 (293/83, Ġabra p. 593).


30 – Sentenza tat-2 ta’ Frar 1988 (24/86, Ġabra p. 379).


31 – Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1988 (39/86, Ġabra p. 3161).


32 – Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1988 (197/86, Ġabra p. 3205).


33 – Il-Kapitolu 3, filwaqt li introduċa ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni fit-Trattat KE, żied ukoll, fit-Titolu VIII tat-tielet parti, dwar l-Edukazzjoni, t-taħriġ professjonali u ż-żgħożija (Artikoli 149 u 150).


34 – Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1985 (249/83, Ġabra p. 973).


35 – Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, fir-rigward tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fil-Komunità (ĠU L 257, p. 2; EE 05/01, p. 77).


36 – Il-punt 40 tas-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-424/98, Ġabra p. I‑4001), ta d-dettalji tar-raġunijiet ta’ dawn id-differenza.


37 – Sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 1985, Deak (94/84, Ġabra p. 1873), punt 27; u tat-12 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-278/94, Ġabra p. I-4307), punt 25.


38 – Għal Borja, J., Dourthe, G., y Peugeot, V., La Ciudadanía Europea, Ed. Península, Barċelona, 2001, p. 37, l-attwalità tal-kunċett huwa spjegat min-neċessità li jiġi ġġenerat bejn il-membri ta’ ċerti soċjetajiet “tip ta’ “identità” li hija rrikonoxxuta lilhom infushom fiha u li ġġiegħelhom iħossuhom parti mill-ispirtu tagħha, għaliex dawn it-tip ta’ soċjetajiet juru biċ-ċar sintomi ta’ defiċit ta’ adeżjoni[…] mal-bqija tal-Komunità, u mingħajr din l-adeżjoni jirriżulta impossibbli li l-isfidi li jippreżentaw ruħhom ikunu megħluba flimkien”.


39 – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998 (C-85/96, Ġabra p. I-2691).


40 – Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet (C-64/96 y C-65/96, Ġabra p. I‑3171), punt 23; tat-2 ta’ Ottubru 2003, García Avello (C-148/02, Ġabra p. I‑11613), punt 26; u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C-192/05, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), punt 23.


41 – Sentenzi ta’ l-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C-274/96, Ġabra p. I-7637), punti 15 u 16; u Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; D’Hoop, punt 29; u Bidar, punt 33.


42 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Pusa (C-224/02, Ġabra p. I-5763), punti 19 u 20; tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper (C-406/04, Ġabra p. I-6947), punt 39; u D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; u Tas-Hagen u Tas, punti 27, 30 u 31.


43 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, Ġabra p. I-7573), li l-punti 30 sa 36 tagħhom jirrigwardaw l-Artikolu 18 KE u l-punti 39 sa 44 dwar l-Artikolu 12 KE. L-avukat ġenerali Geelhoed, fil-konklużjonijiet tal-kawża dwar is-sentenza jallega, b’ċerta kapaċità, li sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 18 KE m’hemmx bżonn li jkun hemm diskriminazzjoni (punt 104), dak li huwa importanti huwa li jkun magħruf jekk hemmx restrizzjoni fuq il-moviment ħieles u jekk dan ikunx iġġustifikat (punt 108). Fil-fatt, fis-sentenzi De Cuyper u Tas-Hegen u Tas issemma biss l-Artikolu 18 KE.


44 – Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002 (C-413/99, Ġabra p. I-7091).


45 – Id-duttrina kienet tinvolvi din il-karatteristika: Dorrego de Carlos, A., “Il-moviment ħieles tal-persuni: mit-Trattat ta’ Ruma sat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea”, fix-xogħol ikkoordinat minn Gil-Robles, J.M., Los derechos del europeo, Incipit editores, Madrid, 1993, p. 30; kif ukoll Mattera, A., “La liberté de circulation et de séjour des citoyens européens et l’applicabilité directe de l’article 8 A du traité CE”, fil-Mélanges en hommage à Fernand Schockweiler, redatt minn Gil Carlos Rodríguez Iglesias, Ole Due, Romain Schintgen u Charles Elsen, Baden-Baden, 1999, pp. 413 et seq.


46 – Teorija mtennija fis-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, Ġabra p. I-9925), punt 26; tat-23 ta’ Marzu 2006, Kummissjoni vs il-Belġju (C‑408/03, Ġabra p. I‑2647), punt 34; u Trojani, imsemmija, punt 31. Kif imsemmija fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2004/38.


47 – Komunikazzjoni tal-Kunsill “Il-programm tal-: konsolidazzjoni tal-libertà, s-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea”, taqsima III, punt 1.1 (ĠU C 53, 2005, p. 1). Adrián Arnáiz, A.J., “Xi kunsiderazzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Konferenza Interparastatali ta’ 1996 dwar ir-riforma tat-Trattat ta’ Maastrich”, Revista de Estudios Europeos, nru 11, Settembru-Diċembru 1995, Madrid, p. 59, li tiddeskrivi l-moviment ħieles ta’ “dritt ta’ naturalezza komposta, ekonomika u politika, u timxi, minn naħa waħda, ma’ l-eżekuzzjoni tas-suq interjuri, u, min-naħa l-oħra, żżid l-idea ta’ konvenjenza ta’ l-Unjoni Ewropea”.


48 – Sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C-193/94, Ġabra p. I-929), punt 22, dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment; u, għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazábal (C-100/01, p. I-10981), punt 26; tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, Ġabra p. I-2703), punt 55); u tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis (C‑258/04, Ġabra p. I-8275), punt 37.


49 – Sentenzi D’Hoop, punt 38; u Collins, punt 67, it-tnejn li huma diġà ċċitati.


50 – Sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Bickel u Franz, punt 27; D’Hoop, punt 36; Collins, punt 66; Bidar, punt 54; De Cuyper, punt 40; u Tas-Hagen u Tas, punt 33.


51 – Gil Ibáñez, J.L., “Is-sistema tal-konċessjonijiet u għajnuniet għall-istudju”, fix-xogħol kollettiv Aspectos administrativos del derecho a la educación. Especial consideración de las universidades públicas, Manwali dwar Taħriġ Kontinwat, nru 16, Kunsill Ġenerali tal-Poter Ġudizzjarju, Madrid, 2001, pp. 221 sa 226.


52 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981), punt 55; tal-15 ta’ Lulju 2004, Lindfors (C-365/02, Ġabra p. I-7183), punt 34; u tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C-403/03, Ġabra p. I-6421), punt 45.


53 – Bhabha, J., jikkritika r-riżerva tal-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati, u jisħaq l-ineżistenza ta’ proċediment sabiex tinkiseb iċ-ċittadinanza ta’ l-UE, għal dik li hi din il-kategorija, f’ċertu sens, inkoerenti u mimlija diskrepanzi: ma tibbażax ruħha fuq pedestall komuni ta’ kriterji ta’ pertinenza (Pertenecer a Europa: ciudadanía y derechos posnacionales, fil-paġna elettronika http://www.unesco.org/issj/rics159/bhabhaspa.html). Id-duttrina tispjega d-differenza bejn nazzjonalità u ċittadinanza u tattribwixxi lil din ta’ l-aħħar sentiment ta’ pertinenza ta’ Komunità ikbar minn dik ta’ l-Istat, b’poter politiku differenti u tirriżerva l-ewwel wieħed għall-kundizzjoni li qed tinħoloq tal-konnessjoni bejn il-persuna u l-Istat (Jiménez Piernas, C., “La protección diplomática y consular del ciudadano de la Unión Europea”, Revista de Instituciones Europeas, volum 20, 1993, pp. 9 sa 49; Jiménez de Parga Maseda, P., El derecho a la libre circulación de las personas físicas en la Europa comunitaria - Desde el Acta Única Europea al Tratado de la Unión Europea, Tecnos, Madrid, 1994, pp. 184 u 185).


54 – Fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tal-kawża li tinkopora s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C-18/95, Ġabra p. I-345), nirrileva li l-invokazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni fil-konfront ma’ l-Istat proprju kienet ammessa fis-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Knoors (115/78, Ġabra p. 399), punt 24; tat-3 ta’ Ottubru 1990, Bouchoucha (C-61/89, Ġabra p. I‑3551), punt 13; tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663), punti 15 u 16; tat-23 ta’ Frar 1994, Scholz (C-419/92, Ġabra p. I-505), punt 9; u tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C‑107/94, Ġabra p. I-3089). Fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet ninkludi li s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen (246/80, Ġabra p. 2311), punt 20, interpretat li “l-moviment ħieles tal-persuni, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi […] ma jkunux milħuqa totlament jekk l-Istati Membri jistgħu jopponu sabiex jibbenefikaw mid-dritt Komunitarju dawk iċ-ċittadini tagħhom li jkunu użaw il-faċilitajiet f’materja ta’ moviment u stabbiliment”.


55 – Konklużjonijiet tal-kawżi li jinkorporaw is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1997, Shingara u Radiom (C-65/95 u C-111/95, Ġabra p. I-3343), punt 34; u tas-16 ta’ Settembru 2004, Baldinger (C-386/02, Ġabra p. I-8411), punt 25, li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx opinjoni rigward l-Artikolu 18 KE.


56 – F’termini simili l-Artikolu 150 KE jiddeskrivi t-taħriġ professjonali.


57 – Artikolu II-74 tat-Trattat li jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa.


58 – Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Lyyski (C-40/05, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), punt 39.


59 – Sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-295/90, Ġabra p. I-4193), punt 15; ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-65/03, Ġabra p. I-6427), punt 25; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-147/03, Ġabra p. I-5969), punt 32; kif ukoll dawk iċċitati iktar ’il fuq, Gravier, punt 25; Blaizot, punt 11; u Lyyski, punt 28.


60 – Sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (42/87, Ġabra p. 5445), punti 7 u 8; is-sentenza ċċitata wkoll Blaizot, punti 15 sa 20; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 33; u Lyyski, punt 29.


61 – L-avukat ġenerali Geelhoed, fil-konklużjonijiet tal-kawża li fiha ssemmiet is-sentenza Bidar, wera d-dubji tiegħu li l-għajnuniet għall-manteniment ta’ l-istudenti huma esklużi mill-ambitu Komunitarju (punt 49 u et seq).


62 – Fl-ambitu tal-moviment ħieles tal-persuni, sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1998, De Castro Freitas u Escallier (C-193/97 u C-194/97, Ġabra p. I-6747), punt 23; tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C-58/98, Ġabra p. I-7919), punt 31; tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner (C-294/00, Ġabra p. I-6515), punt 26; jew l-imsemmija Tas-Hagen u Tas, punt 22.


63 – Sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377), punt 16; u tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra p. I‑4325), punt 87.


64 – Sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C‑159/90, Ġabra p. I‑4685), punt 18; u s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Watts, punt 86.


65 – Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, Ġabra p. 3305), punt 10; tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931), punt 20; u tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, Ġabra p. I‑5473), punt 54.


66 – Sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Stylianakis (C-92/01, Ġabra p.I-1291), punt 18; tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C-293/03, p. I-12013), punt 33; u l-kawżi ċċitati Skyanavi u Chryssanthakopoulos, punt 22: Oteiza Olazábal, punt 26; u Ioannidis, punt 37.


67 – Fir-risposti għall-kwistjoni dwar dan l-estrem ifformulat fis-seduta, ingħatat attenzjoni lir-regoli li jirregolaw l-eżami in kwistjoni.


68 – Il-punti 32 u 36 tal-kawżi joriġinaw mill-kawżi C-11/06 u C-12/06, rispettivament.


69 – Fis-seduta, ir-rappreżentant tal-Gvern evita b’ħafna skużi domanda dwar l-eżistenza f’pajjiżu ta’ karrieri rikjesti mir-rikorrenti.


70 – Kif ġara fil-każ ta’ l-imħatri fuq l-internet: sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C-67/98, Ġabra p. I-7289); tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli u oħrajn (C-243/01, Ġabra p. I-13031); u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica u oħrajn (C‑338/04, C-359/04 u C-360/04, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra). F’Zenatti, Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikkjarat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi ma tmurx kontra leġiżlazzjoni bħal dik Taljana, li tirriżerva għal ċerti organiżmi d-dritt li jirregolaw imħatri rigward l-isport, dejjem sakemm huma protetti skond l-għanijiet ta’ politika soċjali li jillimitaw l-effetti ta’ ħsara ta’ dawn l-attivitajiet u li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw ikunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. F’Gambelli u oħrajn ġie ċċarat il-każ ta’ qablu, li jindika li “regola nazzjonali li tipprojbixxi–taħt sanzjoni penali– il-prattika ta’ attivitajiet ta’ aċċettazzjoni, reġistrazzjoni u trażmissjoni ta’ imħatri, b’mod partikolari, fuq avvenimenti sportivi, meta ma jkollhiex konċessjoni jew awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat Membru involut, tissupponi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u tal-liberta’ ta’ provvista ta’ servizzi, previsti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE”, u titfa’ r-responsabbilità fuq l-organu ġudizzjarju tar-rinviju sabiex jivverfika jekk regola ta’ dan it-tip, skond il-mod ta’ applikazzjoni tagħha, hijiex iġġustifikata u jekk ir-restrizzjonijiet li ġġib magħha humiex eċċessivi għal dawn l-għanijiet. Il-problemi li jinħolqu meta jsir dan ix-xogħol issupponew li, fi Placanica u oħrajn, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha twettaqhom hija stess.


71 – Punt 37 tal-kawża ta’ bażi tal-kawża C-11/06.


72 – Punt 18 ta’ l-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, li jikkwota l-Artikolu 1(2) u (4), ta’ l-Opintotukilaki (il-Liġi dwar is-sostenn għall-istudji).


73 – Ma naqbilx mal-Bezirksregierung de Colonia fuq il-fatt li meta jkun inbeda t-taħriġ għandek iktar ċertezza dwar l-użu tajjeb tal-flus; l-istess motiv jiggarantixxi li jkunu mogħtija fl-aħħar tal-karriera.


74 – Skond l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, “waqt l-ewwel tliet xhur tar-residenza […] l-Istat Membru li qed jirċievi ma jkunx obbligat jikkonċedi d-dritt ta’ provvista ta’ assistenza soċjali, lanqas ma jkun obbligat, qabel il-kisba tad-dritt tar-residenza permanenti, li jikkonċedi għajnuniet ta’ manteniment, bħal konċessjonijiet jew self għall-istudji, inkluż dawk ta’ taħriġ professjonali […]”.


75 – Punt 41 tal-każ dwar il-bażi tal-kawża C-12/06.


76 – C-212/05, li fiha, għall-mument, għadu ma hemmx sentenza.


77 – Skond kif kien evidenti fis-seduta, fir-Renju Unit, il-konċessjonijiet mhumiex effettivi ħafna, però fil-Ġermanja, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(3) tal-BAföG, kulħadd huwa kkumpensat, ikunu fejn ikun l-oriġini tiegħu.


78 – Ir-riskju ta’ akkumulu ta’ drittijiet ma jidhirx biss fl-għajnuniet konċessi mill-Istat ta’ oriġini u minn dak li qed jirċievi, iżda wkoll f’livelli oħra, li jaffermaw ammont ta’ possibbiltajiet ta’ kumbinazzjoni skond is-sorsi ta’ finanzjament, diġà msemmija (b’mod partikolari, nazzjonali jew Ewropej).


79 – Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Ninni-Orasche (C-413/01, Ġabra p. I-13187), punt 36; u Lair, iċċitati iktar ’il fuq, punt 43.