Language of document :

Rikors imressaq fit-23 ta' Lulju 2007 - Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-70/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), irrispettivament mill-forma tagħha, li permezz tagħha il-Kummissjoni ċaħdet it-talba mressqa fit-22 ta' Ġunju 2006, li permezz tagħha r-rikorrent talab lill-Kummissjoni tħallsu lura l-parti ta' l-ispejjeż sostnuti minnu fil-kawża T-176/041, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li fiha l-konvenuta kienet ġiet ikkundannata b'digriet tas-6 ta' Marzu 2006;

tannulla d-deċiżjoni, safejn ikun meħtieġ, irrispettivament mill-forma tagħha, li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 6 347.67, flimkien ma' l-imgħax għad-dewmien u ta' l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' 10% fis-sena b'kapitalizzazzjoni annwali, minn meta saret it-talba tat-22 ta' Ġunju 2006 sa llum , bħala kumpens għad-dannu materjali subit mir-rikorrent minħabba d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 1 000, bħala kumpens tat-telf ta' possibbiltajiet li huwa seta' jutilizza jekk kien ingħata fil-ħin stipulat is-somma mhux imħallsa;

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, pro bono et ex aequo, is-somma ta' EUR 3 000, jiġifieri s-somma li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li hija ġusta u ekwa, bħala kumpens għad-dannu morali u eżistenzjali subit mir-rikorrent minħabba d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, għal kull ġurnata bejn illum u dik li fiha kull deċiżjoni inerenti mat-talba milqugħa, in toto u mingħajr eċċezzjoni tat-22 ta' Ġunju 2006 titwettaq mill-konvenuta, is-somma ta' EUR 2, jiġifieri s-somma li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li hija ġusta u ekwa, li għandha titħallas mill-ewwel ġurnata ta' kull xahar fir-rigward tad-drittijiet tiegħu fix-xahar ta' qabel, bħala kumpens għad-dannu subit minħabba dewmien fit-twettiq tad-deċiżjoni li tilqa' t-talba;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent iressaq, in sostenn ta' l-argumenti tiegħu, tliet motivi: 1) in-nuqqas assolut ta' motivazzjoni; 2) ksur tad-dritt; 3) il-ksur ta' l-obbligu ta' premura u dak ta' l-amministrazzjoni tajba.

____________

1 - ĠU C 121, 20.05.2006, p. 12. minħabba żball materjali r-rikorrenti tagħmel riferenza għall-kawża T-176/03 minflok il-kawża T-176/04.