Language of document : ECLI:EU:C:2007:448

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 1(1)

Kawża C‑55/06

Arcor AG & Co. KG

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja)]

“Telekomunikazzjonijiet – Aċċess għal-linja lokali”






1.        Il-fatti li taw lok għal dan ir-rinviju tal-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: operatur li qabel kellu monopolju fuq netwerk ta’ telefonija fissa huwa obbligat, skond id-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali, li jippermetti lill-operaturi kompetituri li jużaw in-netwerk lokali tiegħu. Huwa madankollu qed jitlob prezz li operatur kompetitur benefiċjarju ta’ l-aċċess għan-netwerk qed jikkontesta billi jafferma li huwa għoli wisq. Hija din is-sitwazzjoni li tat lok biex il-Verwaltungsgericht Köln tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja għadd ta’ domandi analitiċi b’firxa wiesgħa li direttament u indirettament jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ kunċett fundamentali fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tal-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fl-Ewropa: jiġifieri, li t-tariffi mitluba għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali (fi kliem ieħor il-par wajers tar-ramm li jikkonnettjaw lill-abbonati ma’ l-eqreb distributuri prinċipali), għandhom jiġu ffissati “fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż”. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tittratta, għall-ewwel darba, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2887/2000, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali (2).

I –    Il-fatti, il-kuntest ġuridiku u d-domandi preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

2.        Deutsche Telekom AG (iktar’il quddiem “Deutsche Telekom”) huwa l-operatur notifikat fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tar-Regolament. Fil-fatt, skond dan l-Artikolu, operaturi notifikati huma “operaturi ta’ netwerks tat-telefon pubbliċi fissi li jkunu ġew notifikati mill-awtorità nazzjonali regolatorja tagħhom bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq fil-provvista ta’ networks tat-telefon pubbliċi fissi”.

3.        Arcor AG & Co. KG, (iktar’il quddiem “Arcor”) hija benefiċjarju fis-sens ta’ l-Artikolu 2(b) ta’ l-istess Regolament. Skond din id-dispożizzjoni hija meqjusa bħala benefiċjarju “terza parti debitament awtorizzata […] jew intitolata li tforni servizzi ta’ komunikazzjonijiet skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li hija intitolata għall-aċċess diżassoċjat ma’ linja lokali”. Il-kunċett ta’ “linja lokali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(ċ) ta’ l-istess Regolament bħala “iċ-ċirkuwitu fiżiku ta’ par metalliku milwi li jikkonnettja l-punt ta’ terminazzjoni tan-netwerk fil-fond ta’ l-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti fin-netwerk tat-telefon pubbliku fiss”.

4.        Arcor tipprovdi konnessjonijiet telefoniċi ISDN lil klijenti finali, iżda dawn il-konnessjonijiet jistgħu jintużaw biss jekk ikollhom aċċess għal-linja lokali korrispondenti fuq in-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet ta’ Deutsche Telekom.

5.        L-Artikolu 1 tar-Regolament, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni” jgħid hekk:

6.        “1. Dan ir-Regolament jimmira li jintensifika l-kompetizzjoni u li jistimula l-innovazzjoni teknoloġika fis-suq ta’ l-aċċess lokali, permezz tat-twaqqif ta’ kondizzjonijiet armonizzati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, biex irawwem il-forniment kompetittiv ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

7.        2. Dan ir-Regolament għandu jgħodd għall-aċċess diżassoċjat għal-linji lokali u faċilitajiet relatati ta’ operaturi notifikati kif definiti fl-Artikolu 2(a).

8.        3. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta’ operaturi notifikati li jikkonformaw mal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, meta jużaw in-netwerk tat-telefon pubbliku fiss biex ifornu aċċess u servizzi ta’ trasmissjoni b’veloċita għolja lill-partijiet terzi bl-istess mod kif ifornu għas-servizzi tagħhom stess jew għall-kumpaniji assoċjati tagħhom, skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità.

9.        4. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jżommu fis-seħħ jew jintroduċ[u] miżuri li jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità li jkun fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f’dan ir-Regolament u/jew huma barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament inter alia dwar tipi oħra ta’ aċċess għall-infrastrutturi lokali.”

10.      L-Artikolu 3 tar-Regolament, intitolat “Forniment ta’ aċċess diżassoċjat”, jgħid hekk:

11.      “1. Operaturi notifikati għandhom jippublikaw mill-31 ta’ Diċembru 2000, u jżommu aġġornata, l-offerta ta’ riferenza għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom u faċilitajiet relatati, li għandha tinkludi ta’ l-anqas l-affarijiet li hemm elenkati fl-Anness. L-offerta għandha tkun suffiċjentement disassoċjata biex il-benefiċjarju ma jkollux għalfejn iħallas għall-elementi jew faċilitajiet tan-netwerk li mhux meħtieġa għall-forniment tas-servizzi tiegħu, u għandu jkun fiha deskrizzjoni tal-komponenti ta’ l-offerta, it-termini u l-kondizzjonijiet assoċjati, inkluż il-ħlasijiet.

12.      2. Operaturi notifikati għandhom mill-31 ta’ Diċembru 2000 jilqgħu talbiet raġonevoli minn benefiċjarji għal aċċess diżassoċjat għal-linji lokali tagħhom u faċilitajiet relatati, f’kondizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji. Talbiet għandhom ikunu rifjutati biss fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, li jirrelataw mal-fattibiltà teknika jew il-ħtieġa li tinżamm l-integrità tan-netwerk. Fejn aċċess jiġi rifjutat, il-parti milquta tista’ tissottometti l-każ għall-proċedura tar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(5). Operaturi notifikati għandhom ifornu lill-benefiċjarji b’faċilitajiet ekwivalenti għal dawk fornuti għas-servizzi tagħhom stess jew għall-kumpaniji assoċjati tagħhom, u bl-istess kondizzjonijiet u termini ta’ żmien.

13.      3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(4), operaturi notifikati għandhom jitolbu prezzijiet għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali iffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż.”

14.      Skond il-liġi Ġermaniża, b’mod partikolari skond l-Artikolu 24(1) u (2) tal-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet tal-25 ta’ Lulju 1996 (Telekommunikationsgesetz) (3), it-tariffi għandhom jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti u għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2. Skond dan il-paragrafu, it-tariffi ma jistgħux, sakemm ma jintweriex li jkun hemm raġuni oġġettiva għaldaqshekk, 1) jinkludu żidiet li jistgħu jiġu imposti esklużivament minħabba l-politika dominanti ta’ fornitur fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet in kwistjoni, skond l-Artikolu 19 tal-Liġi kontra r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni; 2) jinkludu tnaqqis li jirrestrinġi l-possibiltajiet ta’ kompetizzjoni ta’ impriżi oħrajn fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet jew 3) jagħtu lil xi operaturi vantaġġi meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn li jirrikorru għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ekwivalenti jew simili fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet in kwistjoni.

15.      Fit-30 ta’ Settembru 1998, Arcor ikkonkludiet kuntratt ma’ Deutsche Telekom dwar l-aċċess għal-linji lokali ta’ din ta’ l-aħħar, kuntratt li ġie mġedded ulterjorment b’effett mill-1 ta’ April 2001. Skond dan il-kuntratt, it-tariffi awtorizzati mill-awtorità regolatorja kienu ffissati skond kif miftiehem.

16.      Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament, li jirrigwarda s-“[s]uperviżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali”:

17.      “1. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiżgura li l-prezzijiet mitluba għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali jrawwem kompetizzjoni ġusta u sostenibbli.

18.      2. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jkollha s-setgħa li:

(a)       timponi bidliet fl-offerta ta’ riferenza għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali u faċilitajiet relatati, [i]nklużi l-prezzijiet, fejn dawk il-bidliet ikunu ġustifikati; u

(b)       teħtieġ lill-operaturi notifikati li jfornu tagħrif rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

19.      3. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, meta ġustifikata, tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess biex tiġi żgurata non-diskriminazzjoni, kompetizzjoni ġusta, effiċjenza ekonomika u benefiċċju massimu għall-utenti.

4. Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tistabbilixxi li l-aċċess għas-suq lokali jkun kompettitiv biżżejjed, għandha teħles lill-operaturi notifikati mill-obbligazzjoni stipulata fl-Artikolu 3(3) li l-prezzijiet għandhom jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni mal-kost [ma’ l-ispejjeż].

[…]”

20.      Mill-perspettiva tad-dritt intern Ġermaniż, skond l-Artikolu 27(1) tat-TKG 1996, l-awtorità regolatorja tawtorizza t-tariffi jew fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti għal kull servizz mogħti, jew fuq il-bażi tal-livell, iffissat minnha, tar-rati ta’ żvilupp medju tat-tariffi għal ġabra ta’ servizzi. Il-paragrafu 4 ta’ l-istess artikolu jagħti s-setgħa lill-Gvern Federali biex jispeċifika permezz ta’ regolamenti s-sistema tat-tipi ta’ awtorizzazzjonijiet u biex jiffissa l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità regolatorja għandha tiddeċiedi liema mill-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika.

21.      Ir-Regolament dwar ir-regolamentazzjoni tat-tariffi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ta’ l-1 ta’ Ottubru 1996 (Telekommunikations‑Entgeltregulierungsverordnung) (4) jistabbilixxi fl-Artikolu 2(1) tiegħu li l-impriża li tkun ippreżentat it-talba għall-awtorizzazzjoni tat-tariffi msemmija fl-Artikolu 27(1) tat-TKG 1996 għandha tipproduċi d-dokumenti li ġejjin għas-servizz in kwistjoni f’kull każ: 1) deskrizzjoni dettaljata tas-servizz, inkluża informazzjoni dwar il-kwalità tiegħu kif ukoll abbozz tal-kundizzjonijiet ġenerali; 2) informazzjoni dwar il-fatturat magħmul matul l-aħħar ħames snin kif ukoll dak previst għas-sena tat-talba u għall-erba’ snin ta’ wara; 3) informazzjoni dwar l-ishma mis-suq u, jekk ikun possibbli, dwar l-elastiċità tal-prezzijiet tad-domanda għall-perijodu msemmi fil-punt 2; 4) informazzjoni dwar l-iżvilupp tad-diversi spejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 (rendikontijiet ta’ l-ispejjeż) u l-iżvilupp fil-marġni ta’ l-ispejjeż varjabbli għall-perijodu msemmi fil-punt 2; 5) informazzjoni dwar l-impatt finanzjarju għall-klijentela, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-istruttura tad-domanda tal-klijenti privati u kummerċjali kif ukoll għall-kompetituri li jirċievu s-servizz bħala servizz preliminari; u 6) fil-każ ta’ divrenzjar fit-tariffi, informazzjoni dwar l-effetti għall-gruppi ta’ utenti ikkonċernati mid-divrenzjar kif ukoll ġustifikazzjoni oġġettiva tad-divrenzjar previst.

22.      Skond l-Artikolu 2(2) ta’ l-istess TEntgV, “ir-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1(4) jinkludu l-ispejjeż li jistgħu jiġu imputati direttament lis-servizz (spejjeż diretti) u l-ispejjeż li mhumiex direttament imputabbli (spejjeż komuni). Fir-rigward ta’ l-ispejjeż komuni, għandu jiġi indikat u spjegat kif dawn huma imputati lid-diversi servizzi. Biex issir din l-imputazzjoni, l-impriża li tkun ressqet it-talba għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti mid-direttivi tal-Kunsill adottati taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ĠU L 192, p. 1). Ir-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż imsemmija fl-ewwel sentenza għandhom jispeċifikaw ukoll: 1) il-metodu ta’ valutazzjoni ta’ l-ispejjeż; 2) l-ammont ta’ l-ispejjeż tal-persunal, id-deprezzament, l-ispejjeż finanzjarji relatati mal-kapital investit, l-ispejjeż materjali; 3) l-użu tal-kapaċità prevista u miksuba matul il-perijodu ta’ referenza u 4) il-kwantitajiet użati bħala bażi għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż użati għas-servizz, inklużi l-prezzijiet relattivi, b’mod partikolari l-partijiet tan-netwerk pubbliku tat-telekomunikazzjonijiet […] u l-ispejjeż għall-użu ta’ dawk il-partijiet.” Skond l-Artikolu 2(3) tat-TEntgV, “[l]-awtorità regolatorja tista’ tiċħad talba għall-awtorizzazzjoni ta’ tariffi meta l-impriża ma tipproduċix id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 b’mod sħiħ.”

23.      Finalment, l-Artikolu 3(1) tat-TEntgV jipprovdi li l-awtorità regolatorja hija obbligata li teżamina r-rendikontijiet prodotti mill-impriża li tkun ressqet it-talba bil-għan li tiddetermina jekk u safejn it-tariffi mitluba huma ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti. Skond il-paragrafu 2 ta’ l-istess artikolu, dawn l-ispejjeż jirriżultaw mill-ispejjeż addizzjonali fuq medda ta’ żmien twil tas-servizz u minn ammont addizzjonali raġonevoli għall-ispejjeż komuni indipendenti mill-volum tas-servizz, inkluż, f’kull każ, rimunerazzjoni raġonevoli għall-kapital investit, safejn dawn l-ispejjeż ikunu meħtieġa għal dak is-servizz. Skond il-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu, fil-kuntest ta’ l-eżami tar-rendikontijiet, l-awtorità regolatorja għandha tuża wkoll b’mod partikolari, għall-finijiet ta’ paragun, il-prezzijiet u l-ispejjeż ta’ l-impriżi li joffru servizzi ta’ l-istess tip fi swieq simili. F’dan ir-rigward, il-karatteristiċi partikolari tas-swieq ta’ referenza għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni. Finalment, il-paragrafu 4 ta’ l-istess artikolu jipprovdi li inkwantu l-ispejjeż ġustifikati skond l-Artikolu 2(2) jaqbżu l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti, dawn għandhom jitqiesu bħala spejjeż mhux neċessarji għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti. Dan l-istess paragrafu jipprovdi wkoll li dawn l-ispejjeż, kif ukoll spejjeż newtrali oħrajn, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi biss jekk – u safejn – ikun jeżisti obbligu legali f’dan is-sens jew l-impriża li tkun ressqet it-talba tipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva oħra.

24.      L-awtorità regolatorja Ġermaniża, b’deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2001, emendata fis-17 ta’ April 2001, awtorizzat parzjalment it-tariffi ta’ Deutsche Telekom għall-aċċess għal-linja lokali (abbonament fix-xahar għall-użu tal-linja, bi ħlas ta’ darba għall-provvista tas-servizz u għat-terminazzjoni tas-servizz) mill-1 ta’ April 2001 għal għadd ta’ varjanti ta’ l-aċċess bi prezzijiet differenti. Skond il-qorti tar-rinviju, għal dak li jirrigwarda l-abbonament fix-xahar, l-awtorizzazzjoni kellha tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2003, u, għall-kumplament, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2002.

25.      Fit-30 ta’ April 2001, Arcor ressqet rikors fejn b’mod partikolari talbet l-annullament ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni hawn fuq imsemmija. Hija sostniet essenzjalment li t-tariffi awtorizzati kienu wisq għoljin. Skond Arcor dawn ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ valutazzjoni żbaljata tal-valur ta’ l-investiment fuq il-linja lokali. L-ispejjeż finanzjarji u l-perijodu ta’ deprezzament ġew ikkalkulati esklużivament fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż kurrenti biex jiġi stabbilit netwerk lokali modern u effiċjenti, b’mod li t-tariffi jaqbżu l-ispejjeż finanzjarji reali ta’ Deutsche Telekom. Hija ssostni li fil-qofol, it-tariffi jmorru kontra l-prinċipju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż stabbilit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja serje twila ta’ domandi preliminari li jistgħu jiġu fformulati mill-ġdid bil-għan li tiġi żgurata s-sempliċità tar-risposti li għandhom jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest speċifiku ta’ din il-kawża, dawn id-domandi jkopru b’mod ferm eżawrenti u transversali għadd sħiħ ta’ problemi mqajma dwar il-kunċett ta’ tariffi ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż.

27.      Dawn id-domandi huma essenzjalment seba’. L-ewwel waħda essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni safejn l-Artikolu 1(4) tar-Regolament jawtorizza lill-Istati Membri, meta jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, li jiddevjaw, għad-detriment tal-benefiċjarji, mill-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż kif previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament.

28.      It-tieni domanda tirrigwarda jekk, skond l-Artikolu 3(3) tar-Regolament, ir-rekwiżit li t-tariffi mitluba għall-aċċess għal-linja lokali jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż jinkludix ukoll l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti kkalkulati. Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-bażi tal-kalkolu ta’ dawn id-deprezzamenti u imgħaxijiet. Din għandha tkun esklużivament il-valur attwali ta’ sostituzzjoni, espress bħala l-prezz kurrenti fid-data tal-valutazzjoni, jew għandhom jitnaqqsu minn dan il-valur ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi, id-deprezzamenti li diġà jkunu saru qabel id-data tal-valutazzjoni?

29.      Ir-raba’ domanda tirrigwarda, essenzjalment, jekk wieħed għandux dejjem jaħdem fuq il-bażi ta’ rendikontijiet kompleti ta’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat, jew jekk jistgħux jintużaw mudelli analitiċi ta’ l-ispejjeż u, jekk ikun il-każ, liema rekwiżiti għandhom jiġu rispettati.

30.      Il-ħames domanda tirrigwarda d-delimitazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-eżami ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż u d-delimitazzjoni ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju li għalih għandhom ikunu suġġetti dawn id-deċiżjonijiet.

31.      Permezz tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk il-kompetituri benefiċjarji ta’ l-aċċess għan-netwerk lokali ta’ l-operatur notifikat, għalkemm ma jkunux destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali, għandhomx ikollhom dritt ta’ appell kontra tali deċiżjoni meta huma jikkunsidraw li t-tariffi mhumiex orjentati ma’ l-ispejjeż.

32.      L-aħħar domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar min għandu jerfa’ l-oneru tal-prova ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż, kemm fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tiġi qabel id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi, kif ukoll fil-kuntest ta’ appell imressaq minn kompetitur affettwat kontra dik id-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali.

II – Analiżi

33.      Ser nibda qabel xejn b’xi kunsiderazzjonijiet introduttorji dwar ir-Regolament. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jirrigwardaw l-adozzjoni tar-Regolament fil-kuntest tal-qafas regolatorju Komunitarju tat-telekomunikazzjonijiet l-antik, il-karatteristiċi u l-għanijiet essenzjali tar-Regolament u l-kuntest li fih juża l-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż. Sussegwentement ser nanalizza d-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ir-Regolament

34.      Ir-Regolament ġie adottat, skond il-ħmistax-il premessa tiegħu, bil-għan li jikkomplementa l-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet l-antik, b’mod partikolari d-Direttivi 97/33/KE (5) u 98/10/KE (6). L-Artikolu 4(5) tar-Regolament saħansitra jirreferi espressament għall-ewwel waħda minn dawn id-Direttivi (7). Għalkemm jifforma parti mill-qafas regolatorju Komunitarju tat-telekomunikazzjonijiet l-antik, ir-Regolament baqa’ fis-seħħ wara l-25 ta’ Lulju 2003 (8).

35.      Id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija tat-30 ta’ Marzu 2001. Din awtorizzat it-tariffi ta’ Deutsche Telekom għall-aċċess għal-linja lokali tagħha għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 2001 u l-31 ta’ Marzu 2003 għal dak li jirrigwarda l-abbonament fix-xahar; u għall-kumplament, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2002. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju ġdid, skond l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva Qafas, saru applikabbli biss mill-25 ta’ Lulju 2003. (9) L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandha ssir fil-kuntest ta’ u flimkien ma’ l-istrumenti leġiżlattivi li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet l-antik. (10)

36.      Huwa faċli li wieħed jifhem l-oriġini tar-Regolament mill-kuntest tal-qafas regolatorju l-antik. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li sar f’Marzu 2000 f’Liżbona stabbilew bħala għan l-iżvilupp ta’ ekonomija diġitali msejsa fuq l-għarfien, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal infrastruttura ta’ komunikazzjonijiet ta’ kwalità fl-Ewropa, b’mod partikolari l-internet, bi prezzijiet moderati (11). Il-leġiżlatur Komunitarju kien ferm konxju li l-linja lokali kienet, dak iż-żmien, wieħed mis-setturi l-anqas kompetittivi fis-suq liberalizzat tat-telekomunikazzjonijiet (12), ħaġa li kienet qed timpedixxi l-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-ekonomija diġitali fl-Ewropa. Għaldaqstant, fil-Kunsill Ewropew li sar f’Santa Maria da Feira f’Ġunju 2000, id-diżassoċjar tal-linja lokali ġie kkunsidrat bħala prijorità immedjata. Ir-Regolament tat-18 ta’ Diċembru 2000 b’hekk huwa l-istrument ġuridiku li jimplementa d-diżassoċjar ta’ l-aċċess għal-linja lokali b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Dan id-diżassoċjar ta’ l-aċċess kellu jsaħħaħ il-kompetizzjoni, jiżgura effiċjenza ekonomika u joffri benefiċċju massimu għall-utenti (13). Dan ġie stabbilit b’ħeffa li ma setgħetx tinkiseb faċilment permezz ta’ l-adozzjoni ta’ direttiva. Ir-Regolament, li huwa datat 18 ta’ Diċembru 2000, jimponi fuq l-operaturi notifikati l-obbligu li jiffaċilitaw l-aċċess għan-netwerks lokali tagħhom lill-operaturi kompetituri tagħhom mit-2 ta’ Jannar 2001.

37.      Il-ftuħ tal-linja lokali ta’ l-operaturi li qabel kellhom monopolju għall-operaturi kompetituri tagħhom kien iktar u iktar neċessarju peress li, kif tfakkar is-sitt premessa tar-Regolament (14), ma kienx vijabbli fl-2001 għall-operaturi ġodda li jidduplikaw l-infrastruttura ta’ aċċess għal-linja lokali tal-wajers tar-ramm li għandhom l-operaturi stabbiliti, u peress li l-infrastrutturi l-oħrajn (netwerks tal-kejbil, satellita, linja lokali mingħajr fili) la joffru l-istess funzjonalità u lanqas l-istess densità ta’ kopertura. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li l-infrastrutturi tal-linja lokali fl-Ewropa nbnew l-aktar permezz tad-dħul mill-prezzijiet monopolistiċi li l-klijenti kellhom iħallsu matul is-snin li fihom l-operaturi monopolistiċi nazzjonali setgħu jibbenefikaw minn drittijiet esklużivi mogħtija mill-Istati Membri (15).

38.      Huwa f’dan il-kuntest li r-Regolament jimmira li jilħaq l-għan essenzjali tiegħu: li jobbliga lill-operaturi notifikati biex jipprovdu aċċess diżassoċjat għal-linja lokali lill-operaturi ġodda bil-għan li tiddaħħal kemm jista’ jkun malajr kompetizzjoni fuq il-livell tal-linja lokali li kienet ineżistenti jew ferm dgħajfa dak iż-żmien. Il-leġiżlatur Komunitarju madankollu ried jeskludi, ġustament, ir-riskju li l-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu jagħti lok għal speċi ta’ esproprjazzjoni mingħajr kumpens għall-operaturi notifikati. Operatur notifikat għalhekk għandu, skond l-Artikolu 3(3) tar-Regolament, id-dritt li jitlob prezzijiet li jippermettulu jkopri l-ispejjeż relatati ma’ l-għoti ta’ aċċess għal-linja lokali tiegħu, filwaqt li jikseb ukoll rimunerazzjoni raġonevoli mill-operazzjoni (16). Huwa preċiżament il-kunċett ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż li huwa l-qofol ta’ din il-kawża.

B –    Fuq l-ewwel domanda

39.      Din tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni safejn l-Artikolu 1(4) tar-Regolament jawtorizza lill-Istati Membri, meta jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż – permezz, b’mod partikolari, ta’ kunċett aktar speċifiku ta’ spejjeż tal-forniment ta’ servizzi effiċjenti – li jwarrbu, għad-detriment tal-benefiċjarji, il-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż kif previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament.

40.      Ċerti kunċetti ġuridiċi jippromettu ħafna u jagħtu l-impressjoni li għandhom utilità kbira, iżda madankollu jistgħu jispiċċaw biex ikunu biss kliem fieragħ mingħajr ebda sinjifikat jew effett. Il-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, kif previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament, jipperikola li jkun wieħed minn dawn il-kunċetti.

41.      Dan il-kunċett ma jagħmel ebda referenza għal-liġi ta’ l-Istati Membri biex jiddetermina s-sens u l-portata tiegħu (17). Jirriżulta kemm mir-rekwiżiti ta’ l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta’ l-ugwaljanza, li dan għalhekk jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi (18). Tali interpretazzjoni awtonoma u uniformi għandha tingħata filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss it-termini tal-kunċett in kwistjoni, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni li minnha jifforma parti u l-għan li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tfittex li tilħaq (19).

42.      Il-fatt li l-kunċett ta’ orjentazzjoni tal-prezzijiet ma’ l-ispejjeż huwa kunċett Komunitarju b’sinjifikat u portata speċifika għalih huwa kkonfermat, fl-ewwel lok, minn żewġ sentenzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tikkunsidra l-interpretazzjoni tiegħu, ukoll fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (20). L-ewwel waħda hija s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2004, KPN Telecom (21). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-ispejjeż marbutin mal-kisba jew ma’ l-attribuzzjoni ta’ data bażika dwar l-abbonati għandhom, f’kull każ, jiġu sostnuti mill-fornitur ta’ servizz ta’ telefonija bil-vuċi u huma diġà inklużi fl-ispejjeż u fid-dħul ta’ tali servizz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment ta’ l-ispejjeż marbutin mal-kisba jew ma’ l-attribuzzjoni tad-data lill-persuni li jitolbu l-aċċess għalihom iwassal sabiex l-ispejjeż in kwistjoni jkunu kkumpensati aktar milli hu ġġustifikat, u għalhekk huwa inkompatibbli ma’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż. Skond is-sentenza KPN Telecom, huwa inerenti fil-kunċett ta’ orjentazzjoni tal-prezzijiet ma’ l-ispejjeż li dan jipprojbixxi li parti li hija obbligata li torjenta l-prezzijiet tagħha ma’ l-ispejjeż tirċievi rimunerazzjoni diversi drabi għall-istess servizz.

43.      Is-sentenza l-oħra li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta l-kunċett ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż kienet is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Mobistar (22). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat, fir-rigward tat-tariffi mitluba biex tiġi żgurata l-portabbiltà tan-numri tat-telefon, li “id-Direttiva [2002/22/KE] ma [t]ipprekludix l-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi minn qabel u permezz ta’ mudell teoretiku ta’ l-ispejjeż, il-prezzijiet massimi li jistgħu jiġu mitluba mill-operatur li jagħti mingħand l-operatur li jirċievi, bħala spejjeż ta’ stabbiliment, peress li t-tariffi huma ffissati abbażi ta’ l-ispejjeż b’tali mod li l-konsumaturi mhumiex [dissważi] milli jużaw din il-faċilità tal-portabbiltà” (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, madankollu, li huwa importanti fi kwalunkwe każ li “l-operaturi l-ġodda jkollhom il-possibbiltà effettiva li jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ prezzijiet massimi mill-operaturi diġà preżenti fis-suq, billi juru li dawk il-prezzijiet huma għoljin wisq meta mqabbla ma’ l-istruttura ta’ l-ispejjeż ta’ dawn l-operaturi” (24).

44.      Għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tas-sinjifikat u tal-portata preċiżi tal-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, kif previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament, din ma tirriżultax li hija evidenti, kif jidher ukoll mill-kawża preżenti. Ir-Regolament isemmi l-kunċett ta’ spejjeż mingħajr ma jidħol iktar fil-fond f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tiegħu, u l-kunċett ta’ spejjeż mhuwiex univoku: hemm diversi spejjeż, metodi u mudelli ta’ kalkolu ta’ spejjeż li jistgħu jiġu prospettati.

45.      Meta l-leġiżlatur Komunitarju ma jkunx ta indikazzjonijiet preċiżi dwar l-elementi, il-metodi u l-mudelli ta’ l-ispejjeż li għandhom jintużaw, jiena tal-fehma, bħalma huma, essenzjalment, l-intervenjenti f’din il-kawża, li r-Regolament iħalli marġni ta’ manuvrar inevitabbli lill-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ dan il-kunċett. Din il-latitudni tippermetti, a priori, lil-leġiżlaturi nazzjonali li jiddeterminaw liema elementi ta’ l-ispejjeż partikolari tal-fornitur tal-linja lokali għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, li jispeċifikaw l-ispejjeż relevanti ta’ l-operatur notifikat bħala dawk li huma limitati għall-ispejjeż ta’ forniment ta’ servizzi effiċjenti, kif ukoll li jiddefinixxu l-metodu u l-mudelli li għandhom jintużaw għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż relatati mal-forniment tal-linja lokali. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament jipprovdi espressament li l-Istati Membri għandhom id-dritt li “li jżommu fis-seħħ jew jintroduċ[u] miżuri […] li jkun fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f’dan ir-Regolament”.

46.      Madankollu, huwa minnu, kif imfakkar f’din l-istess dispożizzjoni, li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni leġiżlattiva għandu jiġi eżerċitat b’mod “li jikkonforma[...] mal-liġi tal-Komunità” (25). Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jintroduċu dispożizzjonijiet aktar dettaljati bil-għan li jispeċifikaw l-elementi, il-metodi u l-mudelli ta’ l-ispejjeż li għandhom jiġu adottati huwa neċessarjament ristrett mil-limiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-kunċett Komunitarju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż.

47.      Minbarra l-limiti inerenti fil-kunċett ġenerali ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, indikati b’mod partikolari fis-sentenzi KPN Telecom u Mobistar, iċċitati iktar’il fuq, u minbarra l-limitu evidenti li skondu dan il-kunċett jipprojbixxi tariffi bbażati fuq elementi mhux relatati ma’ l-ispejjeż (26), jeżistu limiti oħrajn li jirriżultaw mill-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest speċifiku tar-Regolament. L-istruttura ġenerali u l-għanijiet tar-Regolament, li diġà ġew imfakkra, jindikaw dawn il-limiti, u juru wkoll in-natura strumentali tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż għat-twettiq ta’ l-għan ċentrali li l-leġiżlatur Komunitarju jfittex li jilħaq, jiġifieri li jiġi żgurat diżassoċjar effettiv u immedjat ta’ l-aċċess għal-linja lokali u, għaldaqstant, l-introduzzjoni u l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-aċċess lokali (27). Il-prinċipju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż huwa intiż preċiżament biex jimpedixxi tariffi eċċessivi li, fin-nuqqas ta’ strument restrittiv ta’ din ix-xorta, l-operaturi notifikati jkollhom tendenza naturali li jitolbu sabiex iżommu l-pożizzjoni privileġġata tagħhom (28). Dan il-kunċett jimpedixxi, għaldaqstant, li, permezz ta’ tariffi għoljin wisq, jiġi ppreġudikat it-twettiq ta’ l-għan ċentrali tar-Regolament, li huwa l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-livell tan-netwerk lokali (29).

48.      L-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett Komunitarju għalhekk turi li huwa jimponi kriterju sostanzjali ta’ limitazzjoni tat-tariffi mitluba mill-operatur notifikat, liema kriterju ma jistax jiġi mwarrab minn Stat Membru għad-detriment tal-kompetituri benefiċjarji ta’ l-aċċess.

49.      Għaldaqstant, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għal din l-ewwel domanda billi tiddikjara li l-Artikoli 1(4) u 3(3) tar-Regolament għandhom jiġi interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż jikkostitwixxi rekwiżit ta’ limitazzjoni tat-tariffi mitluba mill-operatur notifikat għall-aċċess għal-linja lokali tiegħu li, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħti f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni konkreta tiegħu fuq livell nazzjonali, ma jistax jiġi mwarrab għad-detriment tal-benefiċjarji ta’ l-aċċess għal-linja lokali.

C –    Fuq it-tieni domanda

50.      It-tieni domanda tirrigwarda l-kwistjoni jekk, skond l-Artikolu 3(3) tar-Regolament, ir-rekwiżit li t-tariffi mitluba għall-aċċess għal-linja lokali jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż jinkludix ukoll l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti kkalkulati. L-intervenjenti f’din il-kawża jaqblu li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż tinkludi wkoll id-deprezzamenti u l-imgħaxijiet fuq il-kapital investit li għalhekk jifformaw parti mill-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat.

51.      Dawn jikkonsistu fi spejjeż kapitali li għandhom rwol ċentrali fil-kuntest tan-netwerks telefoniċi li huma, evidentement, installazzjonijiet b’intensità qawwija ta’ kapital. Apparentement, id-deprezzament ta’ l-assi użati u l-imgħaxijiet fuq il-kapital investit jirrappreżentaw saħansitra l-aktar parti sostanzjali ta’ l-ispejjeż inerenti fil-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet.

52.      F’dak li jirrigwarda d-deprezzamenti, dawn jikkonsistu fit-tqassim ta’ l-ispejjeż kapitali ta’ l-assi immobbli suġġetti għax-xedd u kedd maż-żmien (spejjeż li jsiru, fil-prinċipju, fil-forma ta’ somma globali inizjali) fuq il-medda tal-ħajja ekonomika ta’ dawn l-assi. Dan it-tqassim, li huwa espress f’ammonti annwali msejħa “deprezzamenti”, jippermetti li jiġu paċuti kontra d-dħul miksub, naturalment, mhux fil-forma ta’ somma globali inizjali, iżda matul il-perijodu ta’ ħajja ta’ dawk l-assi immobbli użati għall-forniment tas-servizz in kwistjoni. F’dak li jirrigwarda l-imgħaxijiet, jekk il-passiv ta’ operatur notifikat ikun jinkludi finanzjament fil-forma ta’ self użat, per eżempju, biex isiru investimenti fil-linja lokali, l-imgħaxijiet li għandhom jitħallsu lill-kredituri naturalment jifformaw parti mill-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat.

53.      Mhemm ebda dubju li d-deprezzamenti u l-imgħaxijiet fuq il-kapital investit huma spejjeż li jifformaw parti mill-attività normali ta’ impriża u li għalhekk jikkostitwixxu elementi ta’ l-ispejjeż ta’ dik l-impriża (30). Għaldaqstant jistgħu jiġu ttrasferiti jew irkuprati mill-operatur notifikat permezz tat-tariffi mitluba mingħand l-operaturi kompetituri għall-aċċess għal-linja lokali tiegħu.

54.      Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju fis-sens li meta l-Artikolu 3(3) tar-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżit li t-tariffi mitluba għall-aċċess għal-linja lokali jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, dan jinkludi wkoll l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti kkalkulati.

D –    Fuq it-tielet domanda

55.      Permezz ta’ din id-domanda, nidħlu fil-qalba ta’ din il-kawża. X’għandha tkun il-bażi tal-kalkolu tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet ikkalkulati? Din għandha tkun esklużivament il-valur attwali ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi, espress bħala l-prezz kurrenti fid-data tal-valutazzjoni? Jew għandu jitnaqqas minn dan il-valur ta’ sostituzzjoni, id-deprezzamenti li diġà jkunu saru qabel id-data tal-valutazzjoni?

56.      It-test tar-Regolament ma jgħid xejn dwar il-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż li għandu jiġi adottat biex jiġi rispettat il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż. Għaldaqstant mhuwiex sorprendenti li hemm diversità kbira fl-opinjonijiet ta’ l-intervenjenti f’din il-kawża dwar ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda.

57.      Minkejja n-nuqqas ta’ indikazzjonijiet espressi fir-Regolament dwar il-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż, id-Direttiva 97/33, li tifforma parti integrali mill-qafas regolatorju li r-Regolament huwa intiż li jikkomplementa, donnha tafferma, fl-Anness V tagħha dwar is-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż ta’ l-interkonnessjoni, li għall-finijiet tal-verifika tat-tariffi jistgħu jintużaw jew l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni attwali (jiġifieri dawk li huma “ibbażati fuq stima ta’ l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni tat-tagħmir jew tas-sistemi”), jew inkella l-ispejjeż “ibbażati fuq in-nefqa effettiva li tkun saret għat-tagħmir u għas-sistemi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

58.      Barra minn hekk, it-tlettax-il premessa tar-Regolament tagħmel referenza espressa għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2000/417 u għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2000 (31) billi tindika li dawn jagħtu gwida dettaljata biex tgħin lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sabiex jirregolaw l-aċċess għal-linja lokali. Din ir-referenza tista’, ġustament, tiġi kkunsidrata bħala indikazzjoni li, għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni ta’ kunċett ċentrali bħal dak ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż, il-leġiżlatur Komunitarju kien qed jirrakkomanda li kellha tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni stabbilita f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni f’dawk iż-żewġ dokumenti. Il-punt 6 tar-Rakkomandazzjoni 2000/417, dwar il-prezzijiet, jgħid speċifikament fir-rigward ta’ l-ispejjeż kapitali li “approċċ li jħares’il quddiem ibbażat fuq spejjeż kurrenti […] joħloq kompetizzjoni ġusta u sostenibbli u jipprovdi inċentivi ta’ l-investiment alternattiv; iżda, jekk dan jirriżulta fi xkiel fil-kompetizzjoni f’terminu qasir, ngħidu aħna meta t-tariffi ta’ l-operatur notifikat […] jibqgħu sbilanċjati fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż kurrenti, b’hekk ikun irrakkomandat li l-awtorità regolatorja nazzjonali […] tispeċifika l-perjodu taż-żmien raġonevoli meħtieġ għall-aġġustament gradwali għall-ispejjeż kurrenti tal-prezz tal-linji lokali”. Din l-istess Rakkomandazzjoni tiddeskrivi l-ispejjeż kurrenti bħala l-ispejjeż “tal-bini ta’ infrastruttura moderna ekwivalenti u [effiċjenti] u li tipprovdi servizz illum” (32).

59.      Min-naħa tagħha, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2000 min-naħa l-oħra tindika, fil-punt 6, li, f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet u l-ispejjeż, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jirrispettaw għadd ta’ prinċipji. Fl-ewwel lok, ir-regoli dwar il-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż u tat-tariffi għandhom ikunu trasparenti u msejsa fuq bażi oġġettiva. Fit-tieni lok, ir-regoli dwar it-tariffi għandhom jippermettu lill-operatur stabbilit li jkopri l-ispejjeż korrispondenti li jkun għamel u li barra minn hekk jikseb rimunerazzjoni raġonevoli. Dawn għandhom ikunu wkoll kompatibbli ma’ l-għan li tinġieb’il quddiem kompetizzjoni ġusta u sostenibbli u li jinħolqu inċentivi effettivi għal investiment fl-infrastrutturi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tafferma wkoll fl-istess Komunikazzjoni li, bħala regola, dan l-għan jista’ jintlaħaq jekk tiġi adottata sistema ta’ tariffi bbażati fuq l-ispejjeż kurrenti. Din il-Komunikazzjoni ssegwi l-istess kunċett ta’ spejjeż kurrenti previst fir-Rakkomandazzjoni 2000/417. Finalment, ir-regoli dwar it-tariffi għandhom jiggarantixxu li ma jkunx hemm distorsjoni fis-suq u, b’mod partikolari, li l-marġni ma jintgħasrux bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u dawk bl-imnut tas-servizzi offruti mill-operatur stabbilit. Il-Kummissjoni tosserva, sussegwentement, li dawn il-prinċipji jistgħu jkunu kontradittorji f’ċerti każijiet. F’tali ċirkustanzi, jista’ jkun li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom jieħdu miżuri tranżitorji sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq medda ta’ żmien qasir.

60.      L-elementi li għadni kif ippreżentajt jindikaw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex jagħżlu u japplikaw, skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull Stat Membru fil-mument ta’ l-eżami tat-tariffi, il-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż rilevanti ta’ l-operatur notifikat li huma jqisu li huma l-aktar adattati. Madankollu, dawn l-istess elementi u, fl-ewwel lok, ir-Regolament ikkunsidrat fid-dawl tar-raġuni għall-adozzjoni tiegħu u ta’ l-għanijiet tiegħu, juru wkoll li jeżistu limiti inerenti fil-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, li għandhom, f’kull każ, jiġu rrispettati.

61.      Għandu jiġi osservat, essenzjalment, li deċiżjoni bħal dik fil-każ preżenti li tiffissa t-tariffi ta’ aċċess għal-linja lokali ta’ l-operatur notifikat għandha tkun ir-riżultat ta’ bilanċ milħuq bejn żewġ prinċipji konfliġġenti. Minn naħa waħda, l-għan essenzjali tar-Regolament huwa li jiġi żgurat diżassoċjar effettiv u immedjat ta’ l-aċċess għal-linja lokali u l-promozzjoni konsegwenti tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-aċċess lokali. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li t-tariffi awtorizzati ma jkunux ta’ tali livell li jimpedixxu l-investiment fl-infrastruttura. Il-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż stabbilit fir-Regolament, interpretat kif jixraq, għalhekk jimponi, bħala limitu, li deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż tirriżulta minn tweżin bilanċjat u proporzjonat ta’ dawn iż-żewġ prinċipji (33).

62.      L-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż li jirrappreżentaw id-deprezzamenti u l-imgħaxijiet, ibbażat esklużivament fuq il-valur ta’ sostituzzjoni bi prezzijiet kurrenti ta’ netwerk lokali b’netwerk ekwivalenti effiċjenti u modern – jiġifieri, fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi – tista’ tirrispetta l-bilanċ meħtieġ bejn dawn iż-żewġ prinċipji. Wieħed jista’ jaħseb, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn in-netwerk eżistenti, għalkemm ikun ġie deprezzat totalment, kien ferm qrib tat-tmiem tal-ħajja utli tiegħu fil-mument ta’ l-impożizzjoni ta’ l-obbligu ta’ diżassoċjar ta’ l-aċċess għal-linja lokali, u b’hekk kellu valur intrinsiku ferm baxx. F’tali ċirkustanzi, il-fatt li awtorità regolatorja nazzjonali tiffavorixxi mudell ibbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni jista’ jkun għal kollox ġustifikat u proporzjonat, bil-kundizzjoni li l-għan ewlieni jkun li jingħata inċentiv għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ġodda.

63.      Madankollu, meta bħalma jidher li huwa l-każ fil-kawża preżenti, ikun hemm netwerk lokali li jista’ jintuża u li tintuża fil-prattika, b’valur intrinsiku li jkun għadu sinjifikattiv u li diġà jkun ġie deprezzat (ta’ l-inqas parzjalment), l-użu tal-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni jagħti, prima facie, importanza sproporzjonata lill-għan li jingħata inċentiv għall-investiment. Il-kunċett Komunitarju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż jimplika effettivament li ż-żewġ prinċipji msemmija għandhom jiġu żgurati b’mod bilanċjat.

64.      L-adozzjoni ta’ tali metodu hija ta’ tali natura li tnaqqas il-marġni ta’ l-operaturi kompetituri ġodda li jkunu daħlu fis-suq biex joffru lill-konsumaturi tnaqqis sinjifikattiv tal-prezzijiet li jippermettilhom jikkonvinċu lill-konsumaturi biex ibiddlu l-fornitur tagħhom ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-Deċiżjoni 2003/707/KE tagħha li t-tariffi kkontestati f’din il-kawża, stabbiliti b’deċiżjoni ta’ l-entità regolatorja Ġermaniża tat-30 ta’ Marzu 2001, irriżultaw f'tagħsir tal-marġni, bi ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, imwettaq minn Deutsche Telekom sa Mejju 2003 (34). Dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni attwalment hija s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (35). Mingħajr ma tiġi ġġudikata minn qabel il-fondatezza tagħha, dik id-deċiżjoni tista’ leġittimament tqajjem dubji dwar il-punt safejn id-deċiżjoni kkontestata dwar it-tariffi tiżgura l-investiment f’infrastrutturi b’mod bilanċjat u proporzjonat meta mqabbel ma’ l-għan ewlieni tar-Regolament, jiġifieri li jippromwovi l-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-aċċess għan-netwerk lokali metalliku.

65.      Meta, fil-kuntest ta’ l-aċċess għal netwerk lokali eżistenti u li jista’ jintuża, bħal dak ta’ Deutsche Telekom, awtorità regolatorja nazzjonali tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni biex tiddetermina l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti li t-tariffi għandhom ikopru, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi in kwistjoni ma tistax tħalli dubji dwar jekk ġiex rispettat il-bilanċ bejn il-ħolqien ta’ inċentivi għall-investiment (li l-adozzjoni ta’ tali metodu tfittex b’mod ċar li tiżgura) u l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-aċċess għal-linja lokali. In-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-livell tal-linja lokali fl-Ewropa, fl-1 ta’ Jannar 2001, kienet preċiżament ir-raġuni għalfejn ġie adottat ir-Regolament u kollox jindika li fil-Ġermanja, fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi in kwistjoni, fit-30 ta’ Marzu 2001, il-kompetizzjoni fis-suq tan-netwerk lokali kienet ferm dgħajfa.

66.      Għandu jiġi kkonstatat li l-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu bbażat esklużivament fuq l-ispejjeż kurrenti ta’ sostituzzjoni timplika li, biex ikollhom aċċess għan-netwerk eżistenti, l-operaturi kompetituri huma obbligati li jħallsu l-istess ammont li kien ikollhom iħallsu biex jibnu netwerk ġdida ekwivalenti.

67.      Jekk operatur kompetitur jiddeċiedi li jinvesti f’infrastruttura ġdida, huwa jkollu jħallas, fl-ewwel lok, l-ispejjeż inerenti f’tali kostruzzjoni, qabel ma’ l-infrastruttura tkun operattiva. Biex jibbenefika, fil-frattemp, mill-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali previst mir-Regolament, huwa jkun obbligat li jħallas ammont li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondi għall-ispiża ta’ investiment f’infrastruttura ġdida. L-operatur kompetitur għalhekk ikollu jbati l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tan-netwerk tiegħu u, fl-istess ħin, iħallas lill-operatur notifikat biex jinvesti huwa stess f’infrastruttura ġdida.

68.      Sabiex jevita dawn l-ispejjeż “doppji”, operatur kompetitur għandu żewġ alternattivi. Huwa jista’, fl-ewwel lok, jibda jibni n-netwerk tiegħu u jirrinunzja li jitlob aċċess għal-linja lokali ta’ l-operatur notifikat. Tali għażla tista’ tgħin lill-operatur notifikat biex iżomm il-pożizzjoni dominanti tiegħu fil-livell tan-netwerk ta’ aċċess lokali, li huwa preċiżament il-kuntrarju ta’ l-għan li r-Regolament ifittex li jilħaq. Alternattivament, l-operatur kompetitur ikollu l-possibbiltà li jirrinunzja li jibni n-netwerk tiegħu u jitlob l-aċċess. F’dan ix-xenarju, huwa jkun obbligat li jħallas lill-operatur notifikat tariffa li, billi hija bbażata fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni, hija intiża biex tippermetti lill-operatur notifikat li jibni netwerk ġdid. Madankollu, huwa ċar li l-operatur notifikat mhuwiex obbligat li jagħmel dan, u għalhekk huwa liberu li juża r-rikavat minn dawk it-tariffi għal kwalunkwe skop ieħor.

69.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet juru biċ-ċar li, ħlief jekk id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi tindika b’mod ċar li ż-żewġ prinċipji msemmija ttieħdu debitament in kunsiderazzjoni b’mod bilanċjat, l-adozzjoni ta’ metodu bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni, meta n-netwerk lokali ta’ l-operatur notifikat jkun għadu operattiv u jista’ jintuża, hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż u ma’ l-għanijiet tar-Regolament.

70.      Din il-konklużjoni, madankollu, hija kkontestata mill-argument imressaq minn Deutsche Telekom u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li skondu, l-awtorizzazzjoni tat-tariffi fuq il-bażi ta’ valur inferjuri għall-ispiża kurrenti ta’ sostituzzjoni, b’mod partikolari, permezz tat-tnaqqis tad-deprezzamenti li diġà jkunu saru, timplika rinunzja ta’ l-għan tar-Regolament li jingħata inċentiv għall-investiment fl-infrastrutturi.

71.      L-analiżi ta’ dan l-argument tippresupponi distinzjoni bejn l-inċentiv għall-investiment fil-kostruzzjoni ta’ netwerks lokali metalliċi ġodda paralleli għan-netwerk ta’ Deutsche Telekom, u l-inċentiv għall-investiment f’infrastrutturi alternattivi, bħat-televiżjoni bil-kejbil jew oħrajn.

72.      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel tip ta’ investiment, l-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu ta’ spejjeż finanzjarji bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni tan-netwerk lokali ta’ l-operatur notifikat hija, mingħajr dubju, ta’ natura li toħloq tali inċentiv. Madankollu, jidher li huwa ineffikaċi u mhux vijabbli, biex ma ngħidux aberrazzjoni f’termini ta’ ekonomija tar-riżorsi u mill-aspett ta’ l-għan li jiġu żgurati l-aktar prezzijiet baxxi għall-konsumaturi, li tiġi duplikata linja lokali eżistenti meta hija tkun għadha tista’ tintuża (36). Jekk dan kien il-każ fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi fil-Ġermanja, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali, l-argument li skondu huwa ġġustifikat li jiġi adottat metodu ta’ spejjeż grossi ta’ sostituzzjoni biex jingħata inċentiv għall-investiment f’infrastrutturi ġodda tal-wajers tar-ramm paralleli għan-netwerk ta’ Deutsche Telekom jitlef il-fondatezza tiegħu.

73.      Għal dak li jirrigwarda l-inċentiv għall-investiment f’infrastrutturi alternattivi, għandu jiġi osservat li l-iffissar tat-tariffi għall-aċċess għal-linja lokali eżistenti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż attwali ta’ sostituzzjoni b’netwerk lokali ekwivalenti ġdid ma jirriflettix neċessarjament l-ispejjeż inerenti fil-kostruzzjoni ta’ dawn l-infastrutturi alternattivi. Fil-fatt, deċiżjoni li jinbena netwerk tat-televiżjoni bil-kejbil, linja lokali “wireless radio”, jew oħrajn, timplika neċessarjament li jittieħdu in kunsiderazzjoni – minbarra l-fatt li t-teknoloġija in kwistjoni għandha tkun effettivament disponibbli – minn naħa, valur ta’ investiment differenti minn dak meħtieġ biex jinbena netwerk lokali ġdid tal-wajers tar-ramm, u min-naħa l-oħra, il-fatt li l-funzjonalità u l-potenzjal ekonomiku inerenti fl-infrastrutturi alternattivi huma differenti mill-funzjonalità offruta min-netwerk lokali tal-wajers tar-ramm (37). Jekk it-tariffi jiġu ffissati f’livell inferjuri għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ metodu li jeskludi l-ispejjeż attwali ta’ sostituzzjoni tal-linja lokali, dan, għalhekk, jista’ ma jkunx ta’ natura li jiddisswadi b’mod deċiżiv l-investiment f’dawn l-infrastrutturi alternattivi.

74.      Għaldaqstant hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi in kwistjoni f’din il-kawża tinkludix elementi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni u, għalhekk, jekk id-deċiżjoni in kwistjoni turix li ż-żewġ prinċipji diġà msemmija ttiħdux in kunsiderazzjoni, it-tnejn li huma, b’mod bilanċjat u proporzjonat. Fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni, jekk isir kalkolu tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet li t-tariffi għandhom ikopru fuq il-bażi ta’ metodu ta’ spejjeż grossi ta’ sostituzzjoni, dan ikun inkompatibbli mar-Regolament.

75.      Fil-qosor, jistgħu jiġu proposti żewġ possibbiltajiet ta’ ġustifikazzjoni. Fl-ewwel lok, kif fakkart aktar’il fuq (38), huwa possibbli li l-fatt li n-netwerk tkun qadima jiġġustifika l-użu ta’ metodu bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni. Fit-tieni lok, huwa possibbli li, kif enfasizzajt fil-punt preċedenti, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Ġermanja fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi, l-investiment f’teknoloġiji alternattivi disponibbli dak iż-żmien, b’funzjonalitajiet ekwivalenti għall-infrastruttura lokali tal-wajers tar-ramm ta’ Deutsche Telekom, kien jiġi skoraġġut b’mod sinjifikattiv kieku t-tariffi ġew iffissati f’livell inferjuri għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni tan-netwerk.

76.      Fin-nuqqas ta’ waħda minn dawn iż-żewġ ġustifikazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-adozzjoni tal-valur attwali ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi, espress bħala l-prezzijiet kurrenti fid-data tal-valutazzjoni, bħala l-bażi esklużiva ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż, tmur kontra l-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż.

77.      F’każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-adozzjoni mill-awtorità regolatorja ta’ metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni hija inkompatibbli ma’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, tqum sussegwentement il-kwistjoni jekk dan il-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż jeħtieġx li jitnaqqsu d-deprezzamenti li diġà jkunu saru.

78.      Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għal din il-konklużjoni, dan ikun ifisser li t-tariffi awtorizzati kien imisshom ġew iffissati f’livell inferjuri għall-valur li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ma tippermettix, madankollu, li jiġu speċifikati l-elementi speċifiċi ta’ l-ispejjeż li għandhom jiġu mnaqqsa b’mod li tiġi kkonkretizzata l-qabża minn metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi, għal metodu bbażat fuq l-ispejjeż netti ta’ sostituzzjoni. Jekk isir tnaqqis tad-deprezzamenti li diġà jkunu saru, dan mingħajr dubju jwassal għall-użu ta’ metodu leġittimu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż netti ta’ sostituzzjoni. Ma neskludix, madankollu, li kunċetti oħra ta’ spejjeż netti ta’ sostituzzjoni jistgħu wkoll ikunu aċċettabbli. Qed naħseb, per eżempju, fil-kunċett ta’ spejjeż netti ta’ sostituzzjoni ddefinit bħala l-prezz li jrid jitħallas biex jiġu sostitwiti l-assi b’assi oħra ta’ età u b’karatteristiċi simili. Il-valur f’termini ta’ spejjeż kurrenti ta’ l-assi ta’ l-operatur notifikat li jservi bħala bażi għall-kalkolu ta’ l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti b’hekk jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ tali spejjeż netti ta’ sostituzzjoni jew tal-valur intrinsiku attwali tan-netwerk, skond liema minnhom ikun l-inqas importanti (39).

79.      Fil-qosor, jiena tal-fehma li meta t-tariffi kkalkulati fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż attwali ta’ sostituzzjoni jirriżultaw li jkunu żbilanċjati fiċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi, l-iffissar tat-tariffi f’ammont inferjuri għandu jsir, jew permezz tat-tnaqqis tad-deprezzamenti li diġà jkunu saru, jew b’mezz ieħor li huwa possibbli li jiġi ddefinit fuq livell nazzjonali u li jippermetti li jiġu ffissati l-prezzijiet ta’ l-aċċess għal-linja lokali f’livell inferjuri għal dak li jirriżulta esklużivament mill-metodu ta’ l-ispejjeż attwali ta’ sostituzzjoni.

80.      Deutsche Telekom ma taqbilx ma’ l-iffissar tat-tariffi f’livell inferjuri. Hija tafferma f’dan ir-rigward li minħabba l-fatt li n-netwerk eżistenti diġà huwa deprezzat sew, jekk jitnaqqsu d-deprezzamenti preċedenti jinħoloq ir-riskju li l-operaturi kompetituri jkollhom aċċess b’xejn jew kważi b’xejn għal-linja lokali tagħha, ħaġa li timpediha illeġittimament milli tikseb kwalunkwe qligħ mill-proprjetà tagħha. Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma.

81.      Mhemm ebda dubju li r-Regolament jagħti lill-operatur notifikat id-dritt għal rimunerazzjoni raġonevoli għall-għoti ta’ aċċess għal-linja lokali lill-operaturi kompetituri (40). Anki kieku n-netwerk lokali ta’ Deutsche Telekom kellu, possibbilment, ikun deprezzat għal kollox, ir-Regolament ma jippermettix li t-tariffi jiġu ffissati għal żero jew għal livell li tali aċċess ikun kważi b’xejn.

82.      Madankollu, kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni Deutsche Telekom, ir-Regolament ma jimplikax li huma biss it-tariffi awtorizzati bl-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż attwali grossi ta’ sostituzzjoni tan-netwerk li huma adegwati biex jiżguraw li l-operatur notifikat jikseb rimunerazzjoni raġonevoli. Hemm diversi tariffi inferjuri li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi, setgħu kienu adegwati biex tinġieb’il quddiem il-kompetizzjoni fil-livell tal-linja lokali mingħajr ma jinħoloq diżinċentiv deċiżiv għall-investiment f’infrastrutturi alternattivi u li, fl-istess ħin, huma tali li jiżguraw li l-operatur notifikat jikseb rimunerazzjoni raġonevoli b’mod konformi mar-Regolament. Id-dritt ta’ Deutsche Telekom li tikseb rimunerazzjoni raġonevoli jikkostitwixxi, sempliċement, limitu iktar baxx li l-awtoritajiet regolatorji huma obbligati li jirrispettaw meta jieħdu deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi. Dan ma jippermettix li t-tariffi ffissati fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi jitqiesu bħala l-uniċi tariffi li jistgħu jiżguraw li l-operatur notifikat jikseb rimunerazzjoni raġonevoli. Fi kliem ieħor, it-tariffa li tagħti l-aktar inċentiv għall-investiment f’infrastrutturi mhijiex l-unika waħda li tagħti rimunerazzjoni raġonevoli lill-operatur notifikat. Hemm tariffi oħrajn ta’ valur inferjuri li jistgħu jiżguraw li tinkiseb tali rimunerazzjoni.

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għat-tielet domanda: il-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi, bħal dik fil-kawża preżenti, twieżen b’mod bilanċjat u proporzjonat, skond iċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi, bejn l-għan ċentrali tar-Regolament li jippromwovi l-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-aċċess għal-linja lokali, u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ investiment f’infrastrutturi. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jekk id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi kkontestata tinkludix ġustifikazzjoni adegwata għall-adozzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet li t-tariffi għandhom ikopru bbażat esklużivament fuq il-valur attwali ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi, espress f’termini ta’ prezzijiet kurrenti fid-data tal-valutazzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni, il-kunċett Komunitarju ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż jeħtieġ li t-tariffi ta’ aċċess jiġu ffissati f’ammont inferjuri għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tali metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż finanzjarji, b’mod partikolari, permezz tat-tnaqqis tad-deprezzamenti li diġà jkunu saru qabel id-data tal-valutazzjoni.

E –    Fuq ir-raba’ domanda

84.      Il-Verwaltungsgericht Köln essenzjalment jistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jeħtieġx li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jaħdmu fuq il-bażi ta’ rendikontijiet kompleti ta’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat jew jekk jistgħux jintużaw mudelli analitiċi ta’ l-ispejjeż u, jekk ikun il-każ, liema rekwiżiti għandhom jiġu rispettati.

85.      L-awtorità regolatorja Ġermaniża, kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, ikkunsidrat li r-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż ippreżentati minn Deutsche Telekom kienu inkompleti u ma kinux jikkostitwixxu prova suffiċjenti. Fin-nuqqas ta’ tali rendikonti kompleti, l-awtorità regolatorja għalhekk irrikorriet għal mudell analitiku “bottom up” biex tikkalkula l-ispejjeż rilevanti ta’ l-operatur notifikat u, b’mod partikolari, id-deprezzamenti u l-imgħaxijiet ikkalkulati. Dan jikkonsisti, essenzjalment, f’mudell ekonomiku teoretiku li jippermetti li jiġi ddeterminat il-valur ta’ l-investiment attwalment meħtieġ biex jinbena netwerk lokali tal-wajers tar-ramm li jkun modern, effiċjenti u ekwivalenti għal dak eżistenti. Dan il-mudell għalhekk huwa bbażat fuq l-ispejjeż li operatur effiċjenti kien jonfoq biex jakkwista u jħaddem in-netwerk (41). Tali mudell huwa differenti minn mudell “top down”, li huwa bbażat aktar fuq l-ispejjeż reali ta’ l-operatur notifikat. Għalkemm dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu vverifikati mill-perspettiva ta’ l-effiċjenza tagħhom, b’mod partikolari, permezz ta’ approċċ prospettiv bħal dak ta’ l-ispejjeż inkrimentali fuq medda ta’ żmien twil, fi kwalunkwe każ, huma l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat li jibqgħu determinanti bħala bażi.

86.      Jiena tal-fehma li la t-test tar-Regolament, la r-raġuni għall-adozzjoni tiegħu u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż mhuma ta’ natura li jimpedixxu lill-awtoritajiet regolatorji milli jużaw mudelli teoretiċi ta’ spejjeż, b’mod partikolari mudelli “bottom up”.

87.      Dawn il-mudelli jistgħu jservu, b’mod partikolari, biex jillimitaw, skond kriterju ta’ effiċjenza, it-tariffi li, abbażi ta’ l-ispejjeż reali invokati mill-operatur notifikat, ikunu aktar għoljin. Ir-Rakkomandazzjoni 98/322 (42) tindika preċiżament kif l-applikazzjoni ta’ mudell ekonomiku “bottom up” tista’ tagħti informazzjoni dwar ineffiċjenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ mudell li jinkludi assi eċċessivi meta mqabbla mal-ħtiġijiet. Tali użu ta’ mudell teoretiku “bottom up” ta’ l-ispejjeż jirrifletti preċiżament applikazzjoni koordinata jew ibrida tal-mudell analitiku “bottom up” flimkien ma’ mudell “top down” ibbażat fuq id-data relattiva għall-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat (43).

88.      Is-sentenza ċċitata iktar’il fuq Mobistar ukoll ixxaqleb lejn użu analogu ta’ mudell analitiku. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fir-rigward tat-tariffi mitluba bil-għan li tiġi żgurata l-portabbiltà ta’ numri tat-telefon, l-iffissar bil-quddiem ta’ prezzijiet massimi li setgħu jintalbu mill-operatur permezz ta’ mudell teoretiku ta’ l-ispejjeż, sakemm it-tariffi jkunu orjentati ma’ l-ispejjeż b’mod li l-konsumaturi ma jkunux dissważi milli jużaw il-faċilità tal-portabbiltà. Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet ukoll li bl-ebda mod mhuwa eskluż li dawn il-prezzijiet massimi jistgħu jkunu “għoljin wisq” meta mqabbla ma’ l-istruttura ta’ l-ispejjeż ta’ l-operaturi (44). F’dan il-każ, huwa evidentement meħtieġ li l-prezzijiet jiġu ffissati, abbażi ta’ l-ispejjeż reali ta’ l-operatur, taħt il-valur li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ mudell teoretiku “bottom up” ta’ l-ispejjeż.

89.      Madankollu, il-kwistjoni mqajma f’din il-kawża ma tirrigwardax il-punt jekk id-dritt Komunitarju jippermettix lill-awtoritajiet regolatorji li jużaw tali mudelli. Il-kwistjoni tirrigwarda l-problema jekk, meta awtorità regolatorja nazzjonali tikkonstata li r-rendikontijiet li l-operatur ikun ippreżenta, fir-rigward ta’ l-ispejjeż allegati bħala bażi ta’ kalkolu ta’ l-imgħaxijiet u tad-deprezzamenti kkalkulati, jkunu inkompleti jew ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti, din tistax tawtorizza tariffi fuq il-bażi alternattiva ta’ l-ispejjeż “effiċjenti” li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ mudell teoretiku “bottom up” ibbażat fuq il-valur ta’ l-investiment fil-kostruzzjoni ta’ netwerk lokali ġdid. Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk id-dritt Komunitarju jimponix limiti fuq is-sostituzzjoni tar-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż reali ta’ l-operatur notifikat bl-użu ta’ mudell teoretiku ta’ spejjeż ta’ operatur effiċjenti u, jekk dan ikun il-każ, x’inhuma dawn il-limiti.

90.      Jeżisti konsensus wiesa’ fost l-intervenjenti f’din il-kawża fis-sens li mhuwiex aċċettabbli li kull talba għall-awtorizzazzjoni ta’ tariffi għandha tiġi rrifjutata meta ma tkunx iġġustifikata mija fil-mija minn rendikontijiet ta’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat. Għaldaqstant, minimu ta’ provi li jiġġustifikaw l-ispejjeż reali ta’ l-operatur notifikat huwa, evidentement, indispensabbli sabiex l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun tista’ tivverifika jekk it-tariffi jirrispettawx ir-rekwiżit ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għalhekk għandhom marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddeterminaw liema rendikontijiet ta’ l-ispejjeż reali ta’ l-operatur mhumiex essenzjali u jistgħu jiġu sostitwiti bl-użu ta’ mudell analitiku ta’ l-ispejjeż “bottom-up”. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, madankollu, huwa suġġett għal-limiti li jirriżultaw mir-Regolament. Minbarra r-rekwiżiti ta’ trasparenza, non-diskriminazzjoni u oġġettività, l-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu jirrispetta wkoll il-limiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż bit-tifsira awtonoma u l-għanijiet diġà identifikati.

91.      Skond l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament, awtorità regolatorja nazzjonali għandha s-setgħa li “teħtieġ lill-operaturi notifikati li jfornu tagħrif rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament”. Dan it-tagħrif evidentement jinkludi dak li huwa meħtieġ, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi għall-aċċess għal-linja lokali, biex jagħti prova tal-konformità tat-tariffi mal-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament. Ir-Regolament ma jinkludix dispożizzjonijiet aktar preċiżi dwar ir-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż meħtieġa biex jiġu ddeterminati l-ispejjeż relatati ma’ l-għoti ta’ aċċess għal-linja lokali li lejhom għandhom ikunu orjentati t-tariffi.

92.      Madankollu, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/33 jafferma espressament li “l-oneru tal-prova li t-tariffi huma ffissati abbażi ta’ l-ispejjeż reali, inkluż qligħ raġonevoli fuq l-investimenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jaqa’ fuq l-operatur notifikat. Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 7(5) ta’ l-istess Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati wkoll li jiżguraw l-adozzjoni ta’ sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż li huma adegwati għall-implementazzjoni, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż u li huma bbażati fuq dokumenti dettaljati biżżejjed, kif indikat fl-Anness V. L-istess Anness V jispeċifika, b’mod partikolari, l-elementi li għandhom ikunu inklużi fl-informazzjoni ppubblikata, bil-għan li tiġi żgurata t-trasparenza tal-kalkolu tat-tariffi ta’ l-interkonnessjoni.

93.      Il-kontabbiltà ta’ l-ispejjeż ta’ l-operaturi għalhekk għandha rwol ċentrali fil-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet (45), inkluż, naturalment, ir-regoli ġuridiċi dwar id-diżassoċjar ta’ l-aċċess għal-linja lokali stabbiliti mir-Regolament. L-ispejjeż relatati mal-provvista tal-linja lokali mill-operatur notifikat, jiġifieri, l-ispejjeż tiegħu li jistgħu jiġu identifikati fid-dokumenti tal-kontabbiltà tiegħu, jassumu importanza ewlenija meta ssir il-verifika ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż (46). F’dan ir-rigward, jiena naqbel ma’ l-opinjoni ta’ Arcor li l-preokkupazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju biex jiżgura l-adozzjoni ta’ sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż li jistrieħu fuq dokumenti li jkunu dettaljati biżżejjed tisfa fix-xejn jekk, meta l-operatur notifikat jipprovdi biss rendikontijiet inkompleti dwar l-istruttura ta’ l-ispejjeż tiegħu u, b’mod partikolari, dwar id-deprezzamenti u l-imgħaxijiet relattivi għan-netwerk lokali, l-awtorità regolatorja nazzjonali sempliċement tuża mudell teoretiku ta’ l-ispejjeż ta’ operatur effiċjenti virtwali biex tistabbilixxi dawn id-deprezzamenti u imgħaxijiet.

94.      Il-prinċipju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż jirreferi fl-ewwel lok għall-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat, jiġifieri, għall-ispejjeż reali “[f]ir-rigward” ta’ l-għoti minnu ta’ aċċess għal linja lokali eżistenti li tkun proprjetà tiegħu (47). Sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tat-tariffi ma’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat, jistgħu jittieħdu biss bħala punt ta’ tluq id-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ l-operatur notifikat. Ikun metodoloġikament skorrett li tittieħed bħala bażi ċentrali biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat relatati ma’ l-għoti ta’ aċċess għan-netwerk tiegħu, mhux id-dokumenti li jagħtu rendikont ta’ l-ispejjeż, iżda minnflok mudell analitiku “bottom up” li jindika l-ispejjeż relatati mal-provvista ta’ linja lokali moderna u effiċjenti daqslikieku din kellha tinbena mill-ġdid minn operatur effiċjenti virtwali. Fil-fatt, l-ispejjeż reali relatati ma’ netwerk lokali eżistenti jistgħu jkunu ħafna inqas mill-ispejjeż ikkalkulati skond tali mudell teoretiku “bottom up”.

95.      Meta n-netwerk lokali eżistenti jkun diġà ġie deprezzat sew iżda jkun għad għandu valur intrinsiku għoli, it-teħid, bħala bażi essenzjali biex jiġu kkalkulati l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti kkalkulati, ta’ mudell teoretiku “bottom up” u mhux ir-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż reali jipproduċi konsegwenzi li jmorru kontra l-għanijiet li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ifittex li jilħaq. It-tariffi awtorizzati fuq il-bażi ta’ tali mudell jkunu aktar għoljin minn dawk li jirriżultaw mit-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-istruttura ta’ l-ispejjeż finanzjarji reali ta’ l-operatur notifikat.

96.      Għaldaqstant, l-użu ta’ mudell analitiku “bottom up” f’tali ċirkustanzi ma jkunx ta’ natura li jippermetti li jsiru korrezzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ effiċjenza, meta jsir il-kalkolu tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet li jirriżultaw mit-teħid in kunsiderazjoni ta’ l-istruttura ta’ l-ispejjeż reali ta’ l-operatur notifikat. L-użu ta’ tali mudell lanqas ma jservi biex jiġi stabbilit il-valur tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet attwalment sostnuti mill-operatur notifikat fir-rigward tan-netwerk eżistenti tiegħu, li diġà jkun ġie deprezzat (mill-inqas parzjalment) u jkun għadu jista’ jintuża.

97.      Nixtieq nenfasizza wkoll li, meta awtorità regolatorja nazzjonali tuża mudell teoretiku “bottom up” minflok ir-rendikontijiet tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet li l-operatur notifikat għandu jbati fir-rigward tan-netwerk lokali tiegħu li jkun deprezzat sew iżda jkun għadu jista’ jintuża, din tkun qed tagħti inċentiv lil dan ta’ l-aħħar biex jagħżel strateġikament ir-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż li jipprovdi lill-awtorità regolatorja, b’mod li t-tariffi jkunu, fl-aħħar mill-aħħar, awtorizzati abbażi ta’ l-ispejjeż reali jew abbażi ta’ l-ispejjeż effiċjenti, skond liema minn dawn it-tnejn ikunu l-aktar għoljin. L-operatur notifikat jista’ min-naħa tiegħu ma jipprovdix ċerti rendikontijiet dwar l-istruttura ta’ l-ispejjeż tiegħu meta l-applikazzjoni ta’ mudell ta’ l-ispejjeż analitiku “bottom up” tkun tista’ tindika spejjeż kapitali aktar għoljin u, konsegwentement, tariffi ta’ aċċess aktar għoljin ukoll.

98.      Huwa minnu li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha, kif diġà affermajt, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda r-rendikontijiet li hija ma tikkunsidrax li huma indispensabbli. L-eżerċizzju ta’ din il-libertà m’għandux, madankollu, jiffaċilita l-adozzjoni ta’ approċċ strateġiku mill-operaturi notifikati fil-kalkolu ta’ l-ispejjeż finanzjarji li jirrappreżentaw id-deprezzamenti u l-imgħaxijiet relatati mal-linja lokali konkreta ta’ l-operatur notifikat.

99.      Jiena naħseb, finalment, li r-risposta għal din id-domanda tiddependi neċessarjament fuq l-analiżi li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tad-domanda preċedenti. Jekk, fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi tiġġustifika b’mod adegwat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li esponejt fir-risposta għad-domanda preċedenti, l-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet ibbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi, fil-fehma tiegħi, l-użu, mill-istess awtorità regolatorja, ta’ mudell analitiku ta’ spejjeż “bottom up” huwa wkoll, bħala regola, ġustifikat (48).

100. Min-naħa l-oħra, meta l-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet ibbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi tirriżulta li mhijiex ġustifikata, is-sostituzzjoni, mill-awtorità regolatorja nazzjonali, tar-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż inkompleti ta’ l-operatur notifikat bl-użu ta’ mudell teoretiku “bottom up” ta’ l-ispejjeż biex jiġu kkalkulati d-deprezzamenti u l-imgħaxijiet ta’ l-operatur notifikat għandha titqies li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat meta n-netwerk lokali tiegħu jkun għadu operattiv u jkun diġà ġie deprezzat sew. Din hija essenzjalment ir-risposta li nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għar-raba’ domanda.

F –    Fuq il-ħames domanda

101. Din id-domanda tirrigwarda d-delimitazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-eżami ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż u d-delimitazzjoni ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju li għalih għandhom ikunu suġġetti dawn id-deċiżjonijiet.

102. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament jgħid li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li t-tariffi mitluba għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali jrawmu kompetizzjoni ġusta u sostenibbli. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(2) jipprovdi li huma għandhom ikollhom is-setgħa li jimponu modifiki, b’mod partikolari, għall-prezzijiet mitluba mill-operaturi notifikati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali. (49) Tali modifika tat-tariffi ta’ aċċess mitluba mill-operatur notifikat tista’ naturalment tkun iġġustifikata meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonstata li t-tariffi mhumiex konformi mal-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż impost mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament.

103. Ir-risposta għal din id-domanda hija marbuta mill-qrib ma’ l-analiżi li saret fir-rigward tad-domandi preċedenti. Dik l-analiżi wriet li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mingħajr dubju għandhom latitudni inkontestabbli fl-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, kemm fil-livell tad-determinazzjoni ta’ l-elementi ta’ l-ispejjeż partikolari tal-fornitur tal-linja lokali li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, kif ukoll fil-livell tad-definizzjoni tal-metodu li għandu jiġi segwit biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż relatati mal-forniment tal-linja lokali. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li diġà saru fil-kuntest ta’ l-analiżi tad-domandi preċedenti, ma narax għalfejn din il-latitudni m’għandhiex testendi wkoll għad-determinazzjoni ta’ l-imgħaxijiet ikkalkulati u l-iffissar ta’ perijodi ta’ deprezzament raġonevoli. Kif tafferma Arcor fl-osservazzjonijiet tagħha, fir-rigward ta’ dawn ta’ l-aħħar, il-fatt li perijodu ta’ deprezzament ikun ibbażat fuq stima tat-tul ta’ żmien ta’ użu futur ta’ l-assi, jinvolvi minnu nnifsu element ta’ tbassir u, għaldaqstant, l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni.

104. Tali setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandha, fi kwalunkwe każ, tirrispetta r-rekwiżiti, diġà msemmija, ta’ trasparenza, ta’ non-diskriminazzjoni, u ta’ trattament ugwali, u l-limiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-kunċett Komunitarju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż bit-tifsira u l-portata li huma speċifiċi għalih fil-kuntest tar-Regolament. B’mod partikolari, jeħtieġ li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi twieżen b’mod bilanċjat bejn l-għan essenzjali ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-aċċess għal-linja lokali u l-għan li jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ investiment f’infrastrutturi.

105. Issa jeħtieġ li nindirizzaw il-kwistjoni dwar x’għandu jkun l-istħarriġ ġudizzjarju tal-qrati nazzjonali fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali adottati fl-eżerċizzju ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni.

106. La r-Regolament u lanqas id-Direttivi rilevanti tal-qafas regolatorju l-antik ma jipprovdu għal armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali dwar il-proċeduri ġudizzjarji u, aktar preċiżament, għad-determinazzjoni tal-portata u ta’ l-intensità ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, b’mod partikolari meta dawn jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni. Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda taqa’, fl-ewwel lok, fl-ambitu ta’ kompetenza tas-sistemi proċedurali nazzjonali.

107. B’mod ġenerali, ir-regoli proċedurali nazzjonali li jiddefinixxu l-intensità u l-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. Dawn ir-regoli ma jistgħux, meta jiggarantixxu drittijiet li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, ikunu inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal rimedji simili ta’ natura interna. Dawn lanqas ma jistgħu jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja (50).

108. B’mod aktar speċifiku, id-dritt Komunitarju jipprovdi espressament li l-Istati Membri huma obbligati jipprovdu rimedji kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Dan l-obbligu diġà kien ġie impost mill-qafas regolatorju l-antik. Fil-fatt, l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387, kif emendata mid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997 (51), kien jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-eżistenza, fuq livell nazzjonali, ta’ mekkaniżmi adegwati li jippermettu li parti affettwata b’deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali jkollha dritt ta’ appell quddiem entità indipendenti mill-partijiet involuti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (52). Din id-dispożizzjoni hija manifestazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li skondu l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li joħorġu mis-sistema ġuridika Komunitarja (53).

109. Mhuwiex meħtieġ, madankollu, li l-istħarriġ ġudizzjarju li d-dritt Komunitarju jeżiġi li jwettqu l-qrati nazzjonali bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet Komunitarji jkun aktar wiesa’ mill-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-qrati Komunitarji f’każijiet simili. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, f’dan ir-rigward, li meta jkun in kwistjoni l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet Komunitarji li jagħmlu evalwazzjonijiet kumplessi, dawn l-awtoritajiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha huwa normalment suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju limitat (54). Tali stħarriġ ġudizzjarju limitat huwa ġġustifikat għal raġunijiet ta’ natura prattika relatati mal-kumplessità ekonomika u teknika ta’ l-evalwazzjonijiet imwettqa f’ċerti oqsma li, barra minn hekk, jistgħu spiss ikunu suġġetti għal bidla mgħaġġla (55). Fi kwalunkwe każ, il-fatt li d-dritt proċedurali nazzjonali applkabbli jirrestrinġi l-intensità ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju ma jistax ikollu bħala effett li d-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji jevitaw stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja temfasizza, f’dan ir-rigward, li kull proċedura nazzjonali ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja għandha, fi kwalunkwe każ, tippermetti lill-qorti li quddiemha jitressqu l-proċeduri biex “tapplika effettivament, fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-prinċipji u r-regoli rilevanti tad-dritt Komunitarju” (56).

110. Fl-analiżi ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi, bħal dik in kwistjoni f’din il-kawża, il-korpi ġudizzjarji nazzjonali kompetenti għandhom għalhekk ikollhom il-possibbiltà li jistħarrġu jekk l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-awtorità regolatorja nazzjonali rrispettax il-limiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-kunċett Komunitarju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż u jekk id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi rrispettatx il-kriterji u l-għanijiet tar-Regolament. Huwa importanti li ssir distinzjoni, f’dan ir-rigward, bejn l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni u l-interpretazzjoni tal-kriterji ġuridiċi rilevanti li jiddeterminaw preċiżament il-limiti ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni. Il-korpi ġudizzjarji nazzjonali kompetenti għandhom, għalhekk, iwettqu stħarriġ ġudizzjarju li jippermettilhom jivverifikaw jekk deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi mogħtija minn awtorità regolatorja nazzjonali wettqitx tweżin ibbilanċjat, skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi nazzjonali eżistenti fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni, bejn l-għan essenzjali ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni fin-netwerk lokali u l-għan li jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ investiment f’infrastrutturi.

111. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-qorti tar-rinviju fis-sens li, fl-eżami ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha marġni ta’ diskrezzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż kif ukoll fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni ta’ l-imgħaxijiet ikkalkulati u ta’ perijodi ta’ deprezzament raġonevoli. Stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi għandu jippermetti li jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi in kwistjoni tiksirx l-għanijiet li r-Regolament ifittex li jilħaq u l-kriterji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali. Għandu jippermetti wkoll li jiġi vverifikat jekk il-limiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-kunċett Komunitarju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ġewx irrispettati u, b’mod partikolari, jekk mid-deċiżjoni jirriżultax li twettaq tweżin ibbilanċjat bejn l-għan essenzjali ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni fin-netwerk lokali u l-għan li jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ investiment f’infrastrutturi.

G –    Fuq is-sitt domanda

112. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk il-kompetituri benefiċjarji ta’ l-aċċess għan-netwerk lokali ta’ l-operatur notifikat, għalkemm ma jkunux destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali, għandhomx ikollhom dritt ta’ appell kontra tali deċiżjoni meta huma jkunu jikkunsidraw li t-tariffi mhumiex orjentati ma’ l-ispejjeż.

113. Fil-konklużjonijiet tiegħi, tal-15 ta’ Frar 2007, ippreżentati fil-kawża Tele2 UTA Telecommunication (57), indirizzajt problema, fil-kuntest tal-proċedura ta’ analiżi tas-suq fil-qafas regolatorju l-ġdid, li hija fil-biċċa l-kbira ekwivalenti għall-problema li hija s-suġġett ta’ din id-domanda. Għal analiżi aktar dettaljata, nirreferi għalhekk għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Tele2 UTA Telecommunication, iċċitata iktar’il fuq. (58)

114. Diġà rrimarkajt f’dawn il-konklużjonijiet li, skond l-Artikolu 5a tad-Direttiva 90/387, li tappartjeni lill-qafas regolatorju l-qadim tat-telekomunikazzjonijiet li r-Regolament huwa intiż li jikkomplementa, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu “l-eżistenza, fuq livell nazzjonali, ta’ mekkaniżmi adegwati li jippermettu li parti affettwata b’deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali jkollha dritt ta’ appell quddiem entità indipendenti mill-partijiet involuti” (59) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta kienet qed tittratta din l-aħħar dispożizzjoni, fakkret li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva “tad-drittijiet individwali, li joħorġu mis-sistema ġuridika Komunitarja” (60) u li l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387 jobbliga lill-“Istati Membri biex jiggarantixxu l-eżistenza, fuq livell nazzjonali, ta’ mekkaniżmi adegwati li jippermettu li parti affettwata b’deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali jkollha dritt ta’ appell quddiem entità indipendenti”. Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonkludiet li “il-ħtiġijiet ta’ interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali b’mod konformi mad-Direttiva 90/837 u ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet ta’ l-individwi jobbligaw lill-qrati nazzjonali li jivverifikaw jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali tagħhom jippermettux li l-individwi jingħataw dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali li jissodisfa l-kriterji ta’ l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387” (61).

115. L-Artikolu 5a, bħall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li skondu l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mis-sistema ġuridika Komunitarja (62). Deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali li tiffissa t-tariffi li l-operatur notifikat għandu d-dritt li jirċievi mingħand l-operaturi kompetituri benefiċarji, hija deċiżjoni li, skond id-dritt Komunitarju, għandha tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem entità ġudizzjarja indipendenti. Id-domanda mressqa f’din il-kawża, madankollu, hija aktar speċifika u tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-kompetituri benefiċjarji ta’ l-aċċess, bħal Arcor, għalkemm mhumiex id-destinatarji ta’ dik id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi, għandhomx ikollhom tali dritt li jressqu proċeduri ġudizzjarji biex jikkontestaw it-tariffi ta’ aċċess iffissati fuq il-bażi li dawn mhumiex orjentati ma’ l-ispejjeż bi ksur ta’ l-Artikolu 3(3) tar-Regolament.

116. Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li Deutsche Telekom u Arcor kienu marbuta b’kuntratt fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi tat-30 ta’ Marzu 2001. Skond il-qorti tar-rinviju, it-tariffi awtorizzati mill-awtorità regolatorja nazzjonali f’din il-kawża ġew iffissati bi ftehim bejn Deutsche Telekom u Arcor permezz tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom. Konsegwentement, meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali tiffissa t-tariffi b’mod konformi mar-Regolament, din tistabbilixxi effettivament il-prezz li Arcor hija obbligata tħallas biex ikollha aċċess għal-linja lokali ta’ Deutsche Telekom. Il-prezz iktar jew inqas għoli li jrid jitħallas minn Arcor lil Deutsche Telekom huwa r-riżultat mhux tan-negozjati bejn Deutsche Telekom u Arcor, iżda tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali li titqies li rrispettat ir-rekwiżit ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż impost mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament.

117. Kuntrarjament għal dak li jaffermaw Deutsche Telekom, il-Gvern Ġermaniż u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala parti fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li d-dritt Komunitarju jagħti lill-kompetituri benefiċjarji ta’ l-aċċess għal-linja lokali, bħal Arcor f’dan il-każ, id-dritt li jressqu proċeduri ġudizzjarji biex jikkontestaw tariffi mhux orjentati ma’ l-ispejjeż.

118. Meta l-Artikolu 3(3) tar-Regolament jeħtieġ li t-tariffi ta’ aċċess jkunu orjentati ma’ l-ispejjeż, huwa jipproteġi mhux biss l-interessi ta’ l-operatur notifikat, billi jiżgura li l-ispejjeż tiegħu jkunu koperti, iżda wkoll l-interessi tal-kompetituri benefiċjarji ta’ l-aċċess għal-linja lokali ta’ l-operatur notifikat (63).

119. Kemm Deutsche Telekom kif ukoll Arcor huma partijiet kontraenti li r-relazzjoni kuntrattwali tagħhom hija affettwata bid-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja li tiffissa t-tariffi (64). It-tnejn li huma għandu jkollhom id-dritt li jressqu proċeduri ġudizzjarji biex jikkontestaw din id-deċiżjoni fuq il-bażi li hija tawtorizza tariffi li ma jirrispettawx ir-rekwiżit ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż impost mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament. 

120. Ir-Regolament ifittex li jilħaq l-għan li jippromwovi l-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-aċċess lokali. Ir-rekwiżit ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż huwa strumentali għall-kisba ta’ dan il-għan u, kif ifakkar espressament l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma obbligati jiżguraw li l-prezzijiet għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali jrawmu kompetizzjoni ġusta u sostenibbli. Ma jkunx sostenibbli, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, li l-operatur notifikat jingħata d-dritt li jressaq proċeduri ġudizzjarji biex jikkontesta t-tariffi fuq il-bażi li mhumiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż filwaqt li, għall-kuntrarju, l-operaturi kompetituri li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq u li huma obbligati li jħallsu t-tariffi ffissati mill-awtorità regolatorja, ma jkollhomx l-istess dritt (65). Minn dan isegwi li, meta operatur kompetitur jkollu relazzjonijiet kuntrattwali ma’ operatur notifikat għall-aċċess għal-linja lokali ta’ dan ta’ l-aħħar b’tariffi ffissati b’deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali, l-operatur benefiċjarju ta’ l-aċċess għandu jkollu dritt ta’ appell kontra dik id-deċiżjoni bil-għan li jikkontesta n-nuqqas ta’ konformità tat-tariffi ffissati mar-rekwiżit ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż impost mir-Regolament.

121. Jiena naħseb, barra minn hekk, li fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni li r-Regolament ifittex li jilħaq u tar-rwol strumentali eżerċitat, f’dawn ir-rigward, mir-rekwiżit ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess ma’ l-ispejjeż, anki l-operaturi kompetituri ta’ l-operatur notifikat li ma jkollhomx relazzjonijiet kuntrattwali ma’ dan ta’ l-aħħar għandhom ikollhom il-possibbiltà effettiva li jressqu proċeduri ġudizzjarji biex jikkontestaw it-tariffi ta’ aċċess mhux orjentati ma’ l-ispejjeż. Tali operaturi kompetituri, li jkun għad m’għandhomx relazzjonijiet kuntrattwali ma’ l-operatur notifikat ukoll huma benefiċjarji diretti tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament li huma intiżi biex jippromwovu l-kompetizzjoni f’dan is-settur tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet li jikkonsisti fin-netwerk ta’ aċċess lokali (66). Fi kliem ieħor, biex operatur jitqies li huwa “benefiċjarju” ta’ l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali stabbilit permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, mhuwiex meħtieġ li jkollu xi relazzjoni kuntrattwali ta’ aċċess ma’ l-operatur notifikat (67).

122. Meta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi timponi tariffi li ma jkunux orjentati ma’ l-ispejjeż, din id-deċiżjoni taffettwa wkoll b’mod negattiv lil dawk l-operaturi kompetituri li jistgħu jkunu jridu jaċċedu għal-linja lokali ta’ l-operatur notifikat. Fil-fatt, f’każ fejn kompetitur ikun ikkonfrontat b’deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi li tagħmilhielu aktar diffiċli biex jistabbilixxi relazzjoni kuntrattwali ma’ l-operatur notifikat, huwa wkoll għandu jkun jista’ jibbenefika mill-possibbiltà li jressaq proċeduri ġudizzjarji biex jikkontesta eventwali nuqqas ta’ orjentazzjoni tat-tariffi in kwistjoni ma’ l-ispejjeż. B’hekk, dawn l-operaturi kompetituri wkoll għandu jkollhom dritt ta’ appell, bl-istess mod bħal dawk li diġà jkollhom relazzjonijiet kuntrattwali ma’ l-operatur notifikat.

123. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-qorti tar-rinviju fis-sens li d-dritt Komunitarju jimponi li l-kompetituri benefiċjarji ta’ dritt ta’ aċċess għal-linja lokali ta’ l-operatur notifikat għandhom dritt li jressqu proċeduri ġudizzjarji biex jikkontestaw tariffi ta’ aċċess awtorizzati b’deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali fuq il-bażi li dawn mhumiex orjentati ma’ l-ispejjeż.

H –    Fuq is-seba’ domanda

124. Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, min għandu jerfa’ l-oneru tal-prova ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż, kemm fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tiġi qabel id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi, kif ukoll fil-kuntest ta’ appell imressaq minn kompetitur affettwat kontra dik id-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali.

125. Ir-Regolament ma fih ebda dispożizzjoni li tispeċifika min għandu jerfa’ l-oneru tal-prova ta’ l-ispejjeż li fuq il-bażi tagħhom għandhom ikunu orjentati t-tariffi. Huwa l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/33, li tagħmel parti mill-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet li r-Regolament huwa intiż li jikkomplementa, li jistabbilixxi espressament li “l-oneru tal-prova li t-tariffi huma stabbiliti abbażi ta’ l-ispejjeż reali, inkluż qligħ raġonevoli fuq l-investimenti, għandu jkun fuq l-organizzazzjoni li tipprovdi l-interkonnessjoni ma’ l-installazzjonijiet tagħha” (68) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

126. Fid-dawl tal-fatt li l-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż jirrigwarda l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat, jiġifieri l-ispejjeż “[f]ir-rigward” ta’ l-għoti minnu ta’ aċċess għal linja lokali eżistenti li tkun proprjetà tiegħu, huwa evidenti li huwa l-operatur notifikat li jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tiegħu. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni tat-tariffi li għandha ssir, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament, mill-awtorità regolatorja nazzjonali, huwa l-operatur notifikat li għandu jġib il-prova ta’ l-ispejjeż relatati ma’ l-għoti minnu ta’ aċċess għal-linja lokali tiegħu, li fuq il-bażi tagħhom għandhom ikunu orjentati t-tariffi li huwa jitlob mingħand il-kompetituri tiegħu.

127. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar min għandu jerfa’ l-oneru tal-prova ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji miftuħa permezz ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi, la r-Regolament u lanqas l-istrumenti ġuridiċi l-oħra tal-qafas regolatorju l-antik ma jagħtu xi indikazzjoni f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, id-dritt Komunitarju ma jeħtieġx li r-regola li timponi fuq l-operatur notifikat l-oneru tal-prova ta’ l-ispejjeż li fuq il-bażi tagħhom għandhom ikunu orjentati t-tariffi ta’ aċċess mitluba minnu, matul il-fażi amministrattiva li tiġi qabel id-deċiżjoni dwar it-tariffi ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali, għandha tapplika wkoll matul il-fażi ġudizzjarja li tista’ sseħħ sussegwentement. Huma d-dispożizzjonijiet tal-liġi proċedurali nazzjonali rilevanti li għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-provi applikabbli, inkluż it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova bejn l-awtorità regolatorja nazzjonali li tkun ħarġet id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi u l-parti affettwata b’dik id-deċiżjoni li tressaq proċeduri ġudizzjarji biex tikkontesta l-orjentazzjoni tat-tariffi awtorizzati ma’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat.

128. Meta tiddeċiedi min għandu jerfa’ l-onus probandi, il-liġi nazzjonali għandha, fi kwalunkwe każ, tirrispetta l-prinċipji Komunitarji ta’ effettività u ekwivalenza. L-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw li r-regoli dwar il-provi, u b’mod partikolari r-regoli dwar it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova, li jkunu applikabbli għal proċeduri ġudizzjarji dwar kawżi relatati ma’ ksur tad-dritt Komunitarju, fl-ewwel lok ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal proċeduri ġudizzjarji simili ta’ natura interna u, fit-tieni lok ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-individwu tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja (69).

129. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-seba’ domanda li r-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ superviżjoni ta’ tariffi mwettqa minn awtorità regolatorja nazzjonali skond l-Artikolu 4 tar-Regolament, huwa l-operatur notifikat li għandu jġib il-prova ta’ l-ispejjeż tiegħu relatati ma’ l-għoti ta’ aċċess għal-linja lokali tiegħu, li fuq il-bażi tagħhom għandhom ikunu orjentati t-tariffi li huwa jitlob mingħand il-kompetituri tiegħu. Hija l-liġi proċedurali nazzjonali li għandha tistabbilixxi, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji Komunitarji ta’ l-effettività u l-ekwivalenza tal-protezzjoni ġudizzjarja, ir-regoli dwar it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li jikkontestaw l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż tat-tariffi ta’ aċċess iffissati b’deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali.

III – Konklużjoni

130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln kif ġej:

1)         L-Artikoli 1(4) u 3(3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2887/2000 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali għandhom jiġi interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż jikkostitwixxi rekwiżit ta’ limitazzjoni tat-tariffi mitluba mill-operatur notifikat għall-aċċess għal-linja lokali tiegħu li, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħti f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni konkreta tiegħu fuq livell nazzjonali, ma jistax jiġi mwarrab għad-detriment tal-benefiċjarji ta’ l-aċċess għal-linja lokali.

2)         Meta l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000 jistabbilixxi r-rekwiżit li t-tariffi mitluba għall-aċċess għal-linja lokali jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ spejjeż jinkludi wkoll l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti kkalkulati.

3)         Il-kunċett ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi, bħal dik fil-kawża preżenti, twieżen b’mod bilanċjat u proporzjonat, skond iċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi, bejn l-għan ċentrali tar-Regolament li jippromwovi l-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-aċċess għal-linja lokali, u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ investiment f’infrastrutturi. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, f’dan id-dawl, jekk id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi kkontestata tinkludix ġustifikazzjoni adegwata għall-adozzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet li t-tariffi għandhom ikopru bbażat esklużivament fuq il-valur attwali ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi, espress f’termini ta’ prezzijiet kurrenti fid-data tal-valutazzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni, il-kunċett Komunitarju ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż jeħtieġ li t-tariffi ta’ aċċess jiġu ffissati f’ammont inferjuri għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tali metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż finanzjarji, b’mod partikolari, permezz tat-tnaqqis tad-deprezzamenti li diġà jkunu saru qabel id-data tal-valutazzjoni.

4)         Jekk il-qorti nazzjonali tikkonkludi, fid-dawl tar-risposta għad-domanda preċedenti, li l-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu tad-deprezzamenti u ta’ l-imgħaxijiet ibbażat fuq l-ispejjeż grossi ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi tirriżulta li mhijiex ġustifikata, is-sostituzzjoni, mill-awtorità regolatorja nazzjonali, tar-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż inkompleti ta’ l-operatur notifikat bl-użu ta’ mudell teoretiku “bottom up” ta’ l-ispejjeż biex jiġu kkalkulati d-deprezzamenti u l-imgħaxijiet ta’ l-operatur notifikat għandha titqies li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat meta n-netwerk lokali tiegħu jkun għadu operattiv u jkun diġà ġie deprezzat sew.

5)         Fl-eżami ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha marġni ta’ diskrezzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż kif ukoll fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni ta’ l-imgħaxijiet ikkalkulati u ta’ perijodi ta’ deprezzament raġonevoli. Stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi għandu jippermetti li jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi in kwistjoni tiksirx l-għanijiet li r-Regolament Nru 2887/2000 ifittex li jilħaq u l-kriterji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali. Għandu jippermetti wkoll li jiġi vverifikat jekk il-limiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-kunċett Komunitarju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ġewx irrispettati u, b’mod partikolari, jekk mid-deċiżjoni jirriżultax li twettaq tweżin ibbilanċjat bejn l-għan essenzjali ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni fin-netwerk lokali u l-għan li jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ investiment f’infrastrutturi.

6)         Il-kompetituri benefiċjarji ta’ dritt ta’ aċċess għal-linja lokali ta’ l-operatur notifikat għandhom id-dritt li jressqu proċeduri ġudizzjarji biex jikkontestaw tariffi ta’ aċċess awtorizzati b’deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali fuq il-bażi li dawn mhumiex orjentati ma’ l-ispejjeż.

7)         Ir-Regolament Nru 2887/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ superviżjoni ta’ tariffi mwettqa minn awtorità regolatorja nazzjonali skond l-Artikolu 4 tar-Regolament, huwa l-operatur notifikat li għandu jġib il-prova ta’ l-ispejjeż tiegħu relatati ma’ l-għoti ta’ aċċess għal-linja lokali tiegħu, li fuq il-bażi tagħhom għandhom ikunu orjentati t-tariffi li huwa jitlob mingħand il-kompetituri tiegħu. Hija l-liġi proċedurali nazzjonali li għandha tistabbilixxi, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji Komunitarji ta’ l-effettività u l-ekwivalenza tal-protezzjoni ġudizzjarja, ir-regoli dwar it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li jikkontestaw l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż tat-tariffi ta’ aċċess iffissati b’deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali.


1 – Lingwa oriġinali: il-Portugiż.


2 – ĠU L 336, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”.


3 – BGBl. 1996 I, p. 1120, iktar ’il quddiem it-“TKG 1996”.


4 – BGBl. 1996 I, p. 1492, iktar ’il quddiem it-“TEntgV”.


5 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, dwar interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni ta’ servizz universali u interoperabilità permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) (ĠU L 199, p. 32).


6 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 1998, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-leħen u servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p. 24).


7 – Dan l-artikolu effettivament jgħid li “[t]ilwim bejn intrapriżi li jikkonċernaw kwistjonijiet inklużi f’dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri nazzjonali tar-riżoluzzjoni tat-tilwim imwaqqfa f’konformità mad-Direttiva 97/33 u għandhom jiġu ttrattati malajr, b’mod ġust u trasparenti”.


8 – Skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru [Qafas]”) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas” ĠU L 108, p. 33) “[l]-operaturi ta’ netwerks fissi pubbliċi tat-telefon li kienu identifikati mill-awtorità nazzjonali regolatorja tagħhom bħala li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq fil-provista ta’ netwerks fissi tat-telefon u servizzi […] għandhom jibqgħu jitqiesu bħala ‘operaturi notifikati’ għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 2887/2000 sa dak iż-żmien li l-proċedura ta’ analiżi tas-suq imsemmija f’Artikolu 16 tkun tlestiet. Wara dan għandhom jieqfu milli jkunu kkunsidrati bħala ‘operaturi notifikati’ għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.” Barra minn hekk, it-tlieta u erbgħin premessa tad-Direttiva Qafas tispeċifika li l-Kummissjoni tista’ fi żmien adattat iġġib ’il quddiem proposta biex tħassar ir-Regolament. L-obbligi previsti fir-Regolament għandhom għalhekk jinżammu fis-seħħ matul il-perijodu meħtieġ biex tiġi evalwata l-kompetizzjoni u biex jiġi deċiż fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni jekk l-obbligi in kwistjoni għandhomx jinżammu jew le. Ara wkoll it-tnax-il premessa tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7).


9 – Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i‑21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559, punt 24), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-Direttiva Qafas ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet li nħolqu mill-25 ta’ Lulju 2003 ’il quddiem.


10 – Ara r-raġunament simili tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑33/04, Ġabra p. I‑10629, punti 81 u 82).


11 – Ara l-ewwel premessa tar-Regolament.


12 – Ara t-tielet premessa tar-Regolament u l-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali [COM (2000) 394 finali, ĠU C 365 E, p. 212].


13 – Ara t-tieni premessa tar-Regolament.


14 – Li tirriproduċi ferm mill-qrib it-tmien premessa tar-Rakkomandazzjoni 2000/417/KE tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2000 fuq l-aċċess diżassoċjat mal-linja lokali: li jippermetti l-forniment kompettitiv ta’ firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi inkluż servizzi multimedjali broadband u l-Internet ta’ veloċità għolja (ĠU L 156, p. 44).


15 – Issir referenza espressa għal din is-sitwazzjoni fit-tielet premessa tar-Regolament li tenfasizza li n-nuqqas notevoli ta’ kompetizzjoni fuq il-livell tal-linja lokali huwa dovut għall-fatt li l-operaturi qiegħdu n-netwerks ta’ aċċess lokali tagħhom matul perijodi sinjifikanti ta’ żmien protetti minn drittijiet esklużivi u kienu jistgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż ta’ l-investiment permezz ta’ qligħ ta’ monopolju.


16 – Ara l-ħdax-il premessa tar-Regolament. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/33, fis-seħħ fid-data tal-fatti rilevanti ta’ din il-kawża, jadotta approċċ simili. Dan jipprovdi li l-ħlasijiet ta’ interkonnessjoni għandhom ikunu determinati skond l-ispejjeż reali, inkluż qligħ raġonevoli mill-investimenti.


17 – Dan il-kunċett deher għall-ewwel darba fil-qafas leġiżlattiv Komunitarju tat-telekomunikazzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ l-Anness II, tad-Direttiva 90/387, fejn huwa stabbilit li “it-tariffi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u […] jkunu fil-prinċipju orjentati ma’ l-ispejjeż” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


18 – Ara, f’dan is-sens, dwar il-kunċett analogu ta’ “rimunerazzjoni ġusta”, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA (C‑245/00, Ġabra p. I‑1251, punti 23 u 24). Ara wkoll, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali A.Tizzano, f’dik il-kawża, fil-punti 32 u 45 sa 48.


19 – Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza SENA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata. Aktar reċentement, ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 50); tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, Ġabra p. I‑1931, punt 35); tas-27 Novembru 2003, Zita Modes (C‑497/01, Ġabra p. I‑14393, punt 34); tas-6 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑53/05, Ġabra p. I‑6215, punt 20); u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I-11519, punt 34).


20 – Apparti s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑146/00, Ġabra p. I‑9767, punt 60).


21 – C‑109/03, Ġabra p. I‑11273.


22 – C‑438/04, Ġabra p. I‑6675.


23Idem, punt 37.


24 – Idem, punt 35.


25 – Il-korsiv miżjud minni.


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, dwar il-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispiża netta tas-servizz universali fil-kuntest tad-Direttiva 97/33. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ispiża netta tas-servizz universali, id-Direttiva 97/33 tipprojbixxi li jiġu stabbiliti l-ispejjeż “b’rati fissi jew mhux preċiżi, mingħajr ma jsir kalkolu speċifiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


27 – Il-konnessjoni bejn dan l-għan ċentrali tar-Regolament, li huwa l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fuq medda ta’ żmien qasir, u l-ħtieġa ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż tidher biċ-ċar fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament, li jipprovdi espressament li l-obbligu impost fuq l-operaturi notifikati li jiffissaw it-tariffi fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż għandu jitneħħa meta l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonstata li s-suq ta’ aċċess lokali huwa kompetittiv biżżejjed.


28 – L-għaxar premessa tar-Regolament tafferma, fil-fatt, li għalkemm in-negozjar kummerċjali huwa l-metodu preferit biex jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjonijiet […] tal-prezz għal aċċess għal-linja lokali, l-esperjenza turi li minħabba l-iżbilanċ fis-saħħa tan-negozjar bejn l-operatur il-ġdid u l-operatur notifikat, tali soluzzjoni tas-suq ma tistax tintuża.


29 – Ara P. Nihoul, u P. Rodford, EU electronic communications law: competition and regulation in the European telecommunications market, Oxford, 2004, p. 396, u p. 417, li jfakkru l-importanza strateġika tat-tariffi. L-operaturi notifikati fil-fatt jippruvaw, permezz ta’ tariffi għoljin, iżommu l-vantaġġi tagħhom mingħajr ma formalment jiċħdu l-aċċess għan-netwerk.


30 – Il-paragrafu 4 ta’ l-Anness V tad-Direttiva 97/33 juri kif id-deprezzamenti u l-ispejjeż finanzjarji huma inklużi fis-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż.


31 – L-aċċess diżassoċjat mal-linja lokali: li jippermetti l-forniment kompettitiv ta’ firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi inkluż servizzi multimedjali broadband u l-Internet ta’ veloċità għolja (ĠU C 272, p. 55).


32 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 tar-Rakkomandazzjoni (il-korsiv miżjud minni). Fl-appendiċi ta’ Rakkomandazzjoni preċedenti – ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/322/KE tat-8 ta’ April 1998 (ĠU L 141, p. 6), li ġiet adottata fuq il-bażi tad-Direttiva 97/33 –, wieħed isib kunċett differenti ta’ l-ispiża kurrenti. L-ispiża kurrenti hija deskritta jew bħala l-valur intrinsiku ta’ l-assi, jew inkella bħala l-ispiża netta ta’ sostituzzjoni, skond liema minn dawn it-tnejn ikun l-inqas. L-ispiża kurrenti ta’ l-assi hija limitata bl-ammont ta’ l-ispiża netta ta’ sostituzzjoni u din ta’ l-aħħar hija deskritta bħala “il-prezz li jrid jitħallas biex jiġu sostitwiti l-assi b’assi oħra ta’ età u b’karatteristiċi simili” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (il-korsiv miżjud minni). Hija fuq din ir-Rakkomandazzjoni ta’ l-1998 li Arcor essenzjalment tibbaża l-pożizzjoni tagħha.


33 – Ara, f’sens analogu, il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SENA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u, aktar reċenti, ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast (C‑192/04, Ġabra p. I‑7199, punt 49).


34 – Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (Każijiet COMP/C-1/37.578, 37.579 – Deutsche Telekom AG) (ĠU L 263, p. 9). Ara b’mod partikolari l-premessi 24, 199, 207 u 211 u l-Artikoli 1, 2, u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.


35 – Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T-271/03).


36 – Huwa r-Regolament innifsu li jikkonstata dan, meta jafferma, fis-sitt premessa tiegħu, li “ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jidduplikaw l-infrastruttura ta’ l-aċċess metalliku kollha kemm hi ta’ l-operatur li diġà jeżisti fi żmien raġonevoli.”. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) jindika espressament in-natura ċentrali ta’ l-għan li tiġi żgurata l-“effiċjenza ekonomika u benefiċċju massimu għall-utenti”.


37 – Is-sitt premessa tar-Regolament tafferma preċiżament li “infrastrutturi alternattivi bħal televiżjoni bil-cable, satellita, linji lokali mingħajr fili ma joffrux ġeneralment l-istess funzjonalità jew ubikwità għalissa, għalkemm is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri jistgħu jkunu differenti”.


38 – Ara iktar ’il fuq, punt 52.


39 – Ara, b’mod partikolari, il-metodu ta’ kalkolu tal-valur ta’ l-assi f’termini ta’ spejjeż kurrenti previst fl-ewwel punt ta’ l-appendiċi tar-Rakkomandazzjoni 98/322.


40 – Ara espressament il-ħdax-il premessa tar-Regolament.


41 – Ara l-ħames premessa tar-Rakkomandazzjoni 98/322, li ssemmi speċifikament il-mudelli ekonomiċi/tekniċi “bottom up” li qed jiġu pperfezzjonati ħafna iżda għadhom imperfetti. Il-punt 5 ta’ din l-istess Rakkomandazzjoni ssemmi espressament ukoll li dawn il-mudelli “bottom up” jagħtu indikazzjoni ta’ spejjeż effiċjenti.


42 – Ara l-punt 5, nota ta’ qiegħ il-paġna 1.


43 – Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/698/KE, tad-19 ta’ Settembru 2005, dwar is-separazzjoni tal-kontabbiltà u s-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż fuq il-bażi tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 266, p. 64) – it-tmien premessa, il-paragrafu 3 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 – tiffavorixxi kjarament tali koordinazzjoni. Il-Pożizzjoni Komuni ERG (05) 29 ta’ l-2005 tal-Grupp tar-Regolaturi Ewropej “Guidelines for implementing the Commission recommendation C (2005) 3480 on Accounting Separation & Cost Accounting Systems under the regulatory framework for electronic communications” tidher li tagħti preferenza lil tali approċċ ibridu.


44 – Ara s-sentenza Mobistar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35.


45 – Ara, per eżempju, ir-Rakkomandazzjoni 98/322 dwar is-separazzjoni tal-kontabbiltà u l-kontabbiltà ta’ l-ispejjeż. Ara wkoll P. Nihoul, u P. Rodford, EU electronic communications law, op. cit., p. 240 u 241, li jindikaw li qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet fl-Ewropa, l-operaturi monopolistiċi, bħala operaturi Statali, ma kinux obbligati josservaw sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż, preċiżament minħabba li l-iskop tagħhom ma kienx li jagħmlu qligħ iżda li joffru servizz.


46 – Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU L 108, p. 51), turi sew din ir-relazzjoni bejn l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż u s-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-operatur notifikat, meta fil-paragrafu 2 ta’ l-Anness VII, tgħid: “L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom […] jassiguraw li t-tariffi għal-linji mikrija msemmija […] jsegwu l-prinċipji bażiċi ta’ l-orjentazzjoni [m]a’ l-ispejjeż. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-impriżi identifikati bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-impriżi identifikati bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq […] jifformulaw u jwettqu fil-prattika sistema adatta tal-kontabilità ta’ l-ispejjeż.”


47 – Kif jispjega t-test tal-ħdax-il premessa tar-Regolament. Evidentement, dan jirriżulta wkoll mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/33 meta jipprovdi li hija l-impriża rregolata li għandha terfa’ l-oneru tal-prova li t-tariffi huma ffissati abbażi ta’ l-ispejjeż reali. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/195/KE, tat-8 ta’ Jannar 1998, dwar l-interkonnessjoni f’suq tat-telekomunikazzjonijiet liberalizzat (Parti 1 – Tariffi għall-interkonnessjoni) (ĠU L 73, p. 42), li ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 tipprovdi, fil-punt 2 tagħha, li “meta jiġi applikat għall-interkonnessjoni, il-prinċipju ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ifisser li t-tariffi għal interkonnessjoni għandhom jirriflettu l-mod kif jiġu realment inkorsi l-ispejjeż ta’ l-interkonnessjoni.”


48 – F’tali kuntest, fejn l-għoti ta’ inċentivi għall-investiment f’infrastrutturi alternattivi jgawdi preċedenza ġustifikata fuq l-għan tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni fuq medda ta’ żmien qasir fis-suq ta’ l-aċċess għan-netwerk lokali, il-prijorità mogħtija lill-valur ta’ investiment f’netwerk ġdid, modern u effiċjenti, għad-detriment ta’ l-ispejjeż finanzjarji reali ta’ l-operatur notifikat, għandha titqies li hija kompatibbli mal-prinċipu ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż.


49 – L-Artikolu 4(3) tar-Regolament jagħti lill-awtorità regolatorja nazzjonali dritt pjuttost ġenerali biex tintervjeni, fuq l-inizjattiva tagħha stess, bil-għan li tiżgura non-diskriminazzjoni, kompetizzjoni ġusta, effiċjenza ekonomika u benefiċċju massimu għall-utenti.


50 – Ara, b’mod ġenerali, fuq dawn il-prinċipji, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, Ġabra 1995 p. I 4599, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punti 19 u 34); ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C‑326/96, Ġabra p. I‑7835, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata); ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 29); ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana (C‑255/00, Ġabra p. I‑8003, punt 33); ta’ l-10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, Ġabra p. I‑3735, punt 60); ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, Evans (C‑63/01, Ġabra p. I‑14447, punt 45); u tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry (C‑30/02, Ġabra p. I‑6051, punt 17).


51 – ĠU L 295, p. 23. L-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387 tħassar permezz ta’ l-Artikolu 26 tad-Direttiva Qafas meta din ta’ l-aħħar daħlet fis-seħħ, u ġie ssostitwit bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.


52 – Similment, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li ssostitwih, jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-ħila adattata disponibbli biex tippermettilu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jingħata kont debitu tagħhom u li jkun hemm mekkaniżmu effettiv ta’ appell. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità għandha tibqa’ sakemm il-bord ta’ l-appell ma jiddeċidix xort’oħra.”


53 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C‑462/99, Ġabra p. I‑5197, punt 35).


54 – Sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Upjohn (C‑120/97, Ġabra p. I‑223, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata u l-punt 35).


55 – Ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali P. Léger fil-kawża Upjohn, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51.


56 – Sentenza Upjohn, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36.


57 – C-426/05, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


58 – Aktar preċiżament, il-punti 14 sa 40.


59 – Garanzija identika hija prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li bejn wieħed u ieħor jieħu post, fil-qafas regolatorju l-ġdid tat-telekomunikazzjonijiet, l-Artikolu 5a(1) tad-Direttiva 97/387.


60 – Punt 35.


61 – Ibidem, punt 42.


62 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Tele2 UTA Telecommunication, iċċitata iktar ’il fuq.


63 – Fil-fatt, dan ir-rekwiżit, kif rajna aktar ’il fuq fil-punt 37, joffri kriterju ta’ limitazzjoni tat-tariffi eċċessivi.


64 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207, punti 19 u 31).


65 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Connect Austria (iċċitata iktar ’il fuq, punt 48) fejn huwa afferma li “huwa inkonċepibbli li terzi persuni interessati li jkunu affettwati mid-deċiżjonijiet ma jkollhomx dritt ta’ appell kontrihom. Tabilħaqq, l-Artikolu 5a(3) [tad-Direttiva 90/387] huwa intiż preċiżament biex jipproteġi wkoll l-interessi ta’ l-operaturi l-ġodda fis-suq bħal Connect Austria”.


66 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Tele2 UTA Telecommunication, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 sa 40.


67 – Huwa biżżejjed li jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament, li jiddefinixxih bħala “terza parti debitament awtorizzata […] jew intitolata li tforni servizzi ta’ komunikazzjonijiet […] u li hija intitolata għall-aċċess diżassoċjat ma’ linja lokali”.


68 – Fil-qafas regolatorju l-ġdid, l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/19 jistabbilixxi li “[f]ejn operatur ikollu obbligu li jorjenta l-prezzijiet tiegħu ma’ l-ispejjeż, l-oneru tal-prova li l-prezzijiet huma bażati fuq l-ispejjeż inkluża rata raġonevoli ta’ qliegħ fuq l-investiment għandu jkun fuq l-operatur konċernat”.


69 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, Ġabra p. 3595, punt 14); tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport (C‑343/96, Ġabra p. I‑579, punti 48 et 54); u tat-3 ta’ Frar 2000, Dounias (C‑228/98, Ġabra p. I‑577, punt 69).