Language of document : ECLI:EU:C:2006:672

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

26 ta’ Ottubru 2006 (*)

"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/100/KEE – Drittijiet ta’ l-awtur – Dritt ta’ kiri u dritt ta’ self – Nuqqas ta’ traspożizzjoni fit-terminu preskritt"

Fil-kawża C-36/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-31 ta’ Jannar 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Vidal Puig u W. Wils, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn I. del Cuvillo Contreras, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi eżentat mill-obbligu tal-ħlas lill-awturi għas-self mogħti minn kważi l-kategoriji kollha, jekk mhux kollha, ta’ stabbilimenti li jwettqu self lill-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet ta’ l-awtur, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikoli 1 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill KEE/92/100, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, p. 61, iktar ‘il quddiem id-"direttiva").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Is-seba’ premessa tad-direttiva tipprovdi kif ġej:

"Billi x-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikolari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi; billi l-possibbiltà biex tassigura dak id-dħul u tirkupra dak l-investiment tista’ tkun biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati".

3        L-Artikolu 1 tad-direttiva jipprovdi:

"1. Skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, bla ħsara għall-Artikolu 5, dritt biex jawtorizza jew jipprevjeni l-kiri jew is-self ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, u materji oħra kif stipulat fl-Artikolu 2(1).

2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "kiri" tfisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett.

3. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, "self" ifisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta jsir permezz ta’ stabbilimenti li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

4. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu eżawriti b’ebda bejgħ jew att ieħor ta’ distribuzzjoni ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor kif stipulat fl-Artikolu 2(1)."

4        L-Artikolu 5(1) sa 5(3) tad-direttiva jipprovdi:

"1. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dritt esklużiv li hemm ipprovdut dwaru fl-Artikolu 1 dwar is-self lill-pubbliku, kemm-il darba ta’ l-inqas awturi jiksbu ħlas għal dan is-self. Stati Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu dan il-ħlas waqt li jikkunsidraw l-għanijiet ta’ promozzjoni kulturali tagħhom.

2. Meta Stati Membri ma japplikawx id-dritt esklużiv ta’ self li hemm ipprovdut dwaru fl-Artikolu 1 rigward fonogrammi, films u programmi tal-kompjuter, huma għandhom jintroduċu rimunerazzjoni, ta’ l-anqas għall-awturi.

3. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti mill-pagament tal-ħlas imsemmi fil-paragrafi 1 u 2."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        Id-direttiva ġiet trasposta fis-sistema legali Spanjola bil-liġi 43/1994, tat-30 ta’ Diċembru 1994, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 1994, p. 39504). Din il-liġi ġiet emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1996 tat-12 ta’ April 1996, li japprova t-test konsolidat tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali (BOE Nru 97, tat-22 ta’ April 1996, p. 14369, iktar ‘il quddiem id-"Digriet Leġiżlattiv").

6        Skond l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv:

" L-awtur jeżerċita b’mod esklużiv id-drittijiet ta’ sfruttament tax-xogħol tiegħu taħt kwalunkwe forma, u b’mod partikolari d-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ distribuzzjoni, ta’ komunikazzjoni pubblika u ta’ trasformazzjoni, li ma jistgħux jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, ħlief fil-każijiet li għalihom tipprovdi din il-liġi."

7        L-Artikolu 19 tad-Digriet Leġiżlattiv huwa fformulat kif ġej:

"1.      Il-kelma ‘distribuzzjoni’ tfisser it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ l-oriġinal jew tal-kopji tax-xogħol permezz tal-bejgħ, tal-kiri, tas-self jew kull mezz ieħor.

[…]

3.      Il-kelma ‘kiri’ tfisser it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ l-oriġinali jew tal-kopji tax-xogħol għall-użu tagħhom għal perijodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett.

Huma esklużi mill-kunċett ta’ kiri t-tqegħid għad-dispożizzjoni għal skop ta’ esibizzjoni, ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ fonogrammi jew reġistrazzjonjijiet awdjoviżivi, inkluż taħt il-forma ta’ silta, kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni għal konsultazzjoni in situ.

4.      Il-kelma ‘self’ tfisser it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ l-oriġinali jew tal-kopji ta’ xogħol għall-użu tagħhom għal perijodu limitat u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, bil-kundizzjoni li dan is-self isir minn stabbilimenti aċċessibbli għall-pubbliku.

Huwa intiż li ma jeżisti l-ebda vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett meta s-self magħmul minn stabbiliment aċċessibbli għall-pubbliku jwassal għall-ħlas ta’ somma ta’ flus li ma taqbiżx l-ammont neċessarju biex ikopri l-ispejjeż ta’ l-operat.

Huma esklużi mill-kunċett ta’ self it-transazzjonijiet li jaqgħu taħt it-tieni inċiż tal-paragrafu 3 preċedenti u dawk magħmula bejn l-istabbilimenti aċċessibbli għall-pubbliku."

8        Id-dritt esklużiv ta’ self mogħti lill-awtur permezz ta’ l-Artikoli 17 u 19 tad-Digriet Leġiżlattiv huma s-suġġett ta’ l-eċċezzjoni li ġejja li tinsab fl-Artikolu 37(2) tad-Digriet Leġiżlattiv:

"[…] il-mużewijiet, arkivji, bibljoteki, ċentri ta’ dokumentazzjoni, libreriji ta’ reġistrazzjoni ta’ smigħ jew vidjo jew li jiddependu minn korpi ta’ interess ġenerali ta’ natura kulturali, xjentifika jew edukattiva mingħajr għan ta’ profitt, jew stabbilimenti ta’ tagħlim integrati fis-sistema edukattiva Spanjola, ma jeżiġux l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, u lanqas jipprovdulhom rimunerazzjoni għas-self li jwettqu."

 Il-proċedura prekontenzjuża

9        Fl-24 ta’ April 2003, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jipprovdilha informazzjoni dwar it-traspożizzjoni ta’ l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-direttiva. Dan ta’ l-aħħar irrisponda b’ittra ta’ l-1 ta’ Lulju 2003.

10      Skond il-proċedura prevista fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 226 KE, fid-19 ta’ Diċembru 2003 il-Kummissjoni indirizzat lir-Renju ta’ Spanja ittra ta’ intimazzjoni fejn stiednitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-direttiva. L-imsemmi Stat Membru ppreżenta osservazzjonijiet fid-19 ta’ Marzu 2004.

11      Peress li qieset l-ispjegazzjonijiet mogħtija mhux sodisfaċenti, fid-9 ta’ Lulju 2004 il-Kummissjoni, ħarġet opinjoni motivata li biha stiednet lir-Renju ta’ Spanja jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

12      Fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, fit-13 ta’ Settembru 2004 ir-Renju ta’ Spanja, wassal lill-Kummissjoni rapport imfassal mill-Ministeru tal-Kultura li fih, minn naħa, ġew irrepetuti l-argumenti mqajma mill-awtoritajiet Spanjoli fl-ittra ta’ risposta għall-intimazzjoni u, min-naħa l-oħra, ġie invokat in-"nuqqas ta’ riżorsi tal-baġit disponibbli".

13      Peress li ma kinitx konvinta bl-argumenti li fuqhom hija bbażata l-pożizzjoni tar-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

14      Skond il-Kummissjoni, mill-Artikolu 37(2) tad-Digriet Leġiżlattiv jirriżulta li l-obbligu li titħallas rimunerazzjoni lill-awturi għas-self tax-xogħlijiet tagħhom minkejja li kien suġġett ta’ awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, huwa tant ristrett li jista’ jkun hemm dubju jekk jistax ikollu xi applikazzjoni prattika. Id-distinzjoni magħmula bejn l-"istabbiliment" li jsellef u l-"korp" li jikkontrolla dan l-istabbiliment fir-realtà huwa eċċessivament formalistiku. Fil-fatt, hija tissuġġetta r-rimunerazzjoni dovuta lill-awturi, għall-forma ġuridika magħżula mis-sellief, li jippermetti li jiġi faċilment evitat l-obbligu ta’ rimunerazzjoni.

15      Fir-realtà, dan l-obbligu ma japplikax meta l-entitajiet li jagħtu dan is-self huma parti minn korpi pubbliċi, minn stabbilimenti integrati fis-sistema edukattiva Spanjola jew inkella minn korpi privati "ta’ interess ġenerali ta’ natura kulturali, xjentifika jew edukattiva" mingħajr għan ta’ profitt.

16      Konsegwentement, l-obbligu ta’ rimunerazzjoni m’għadux japplika ħlief f’żewġ każijiet. L-ewwel wieħed huwa dak meta l-istabbiliment li jagħti s-self huwa korp privat b’għan ta’ profitt. Issa, self effettwat "b’għan ta’ profitt" mhuwiex ikkunsidrat bħala "self" għall-finijiet tad-direttiva, iżda bħala "kiri". Barra minn hekk, ftit huwa probabbli, fil-prattika, li korp b’għan ta’ profitt jagħti self b’xejn. It-tieni każ huwa dak meta dan l-istabbiliment huwa korp privat, mingħajr għan ta’ profitt, iżda li mhuwiex korp "ta’ interess ġenerali ta’ natura kulturali, xjentifika jew edukattiva". Anki f’dan il-każ huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li l-mużewijiet, il-bibljoteki, il-libreriji ta’ reġistrazzjoni ta’ smigħ, il-libreriji ta’ reġistrazzjoni ta’ vidjo jew kull stabbiliment ieħor li jwettaq self lill-pubbliku mingħajr għan ta’ profitt ma jistgħux jitqiesu bħala "korpi ta’ interess ġenerali ta’ natura kulturali, xjentifika jew edukattiva".

17      B’hekk, minkejja li huwa minnu li, f’din il-kawża, id-Digriet Leġiżlattiv jippermetti li ssir distinzjoni formali bejn id-diversi kategoriji ta’ stabbilimenti, din id-distinzjoni madankollu ma tistax titqies bħala valida, għaliex hija għandha l-istess effett bħan-nuqqas ta’ kwalunkwe distinzjoni u twassal għall-eżenzjoni ta’ l-obbligu ta’ rimunerazzjoni tas-self kollu.

18      Minbarra dan, l-Artikolu 5(3) tad-direttiva, inkwantu deroga mill-obbligu ta’ rimunerazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant il-fatt li ma jingħata l-ebda sinjifikat lill-aġġettiv "ċerti" użat fl-espressjoni "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti" tasal biex tneħħi kull effett utli ta’ l-obbligu ta’ rimunerazzjoni u tagħti lill-imsemmi paragrafu 3 interpretazzjoni li tmur kontra l-għan tad-direttiva. Minbarra dan, minkejja li din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar tħalli lill-Istati Membri marġini ta’ evalwazzjoni importanti sabiex jiddefinixxu l-kategoriji ta’ stabbilimenti eżenti mill-obbligu ta’ rimunerazzjoni, "eżenzjoni" li tapplika għall-istabbilimenti kollha jew għall-biċċa l-kbira tagħhom issir ir-regola ġenerali.

19      Minbarra dan, ir-rimunerazzjoni li l-awturi jirċievu għandha tikkumpensa l-isforzi tagħhom ta’ kreazzjoni. Konsegwentement in-nuqqas ta’ ħlas jew ħlas tant imnaqqas li huwa manifestement inadegwat sabiex jikkumpensa tali sforzi ta’ kreazzjoni ma jistgħux għalhekk jitqiesu bħala "rimunerazzjoni" fis-sens ta’ din il-kelma.

20      Fid-difiża tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra l-ewwel nett li mhuwiex eżatt li l-qasam li fih huwa applikat l-obbligu ta’ rimunerazzjoni lill-awturi previst mil-liġi Spanjola jiġi deskritt bħala "estremament limitat", għaliex il-Kummissjoni inġustament qieset bħala simili "stabbilimenti" u "korpi". Fir-realtà, in-nuqqas ta’ għan ta’ profitt hija kundizzjoni li għandha tiġi applikata mhux għall-istabbiliment stess, iżda għall-korp detentur ta’ dan l-istabbiliment. Għalhekk, jekk l-istabbiliment u l-korp jitqiesu bħala simili tinħoloq konfużjoni billi tingħata l-impressjoni li l-għan ta’ profitt u l-interess ġenerali għandhom japplikaw għall-istabbiliment u mhux għall-korp detentur ta’ dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu, deskritt mill-Kummissjoni bħala estremament limitat, huwa usa’. Minbarra dan, huwa wkoll ferm frekwenti li kumpanniji privati jwettqu attivitajiet ta’ patroċinju jew ta’ sponsorjar billi jsellfu lill-pubbliku, xogħlijiet mingħajr ħlas u xejn ma jipprojbixxi lill-korpi proprjetarji ta’ dawn l-istabbilimenti milli jħallsu rimunerazzjoni lill-awturi li jitolbu dan.

21      Imbagħad, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-ebda Artikolu tad-direttiva ma jagħti informazzjoni jew kriterji ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-portata relattiva li jista’ jkollha r-regola ġenerali ta’ rimunerazzjoni lill-awturi kif ukoll l-eżenzjoni tal-ħlas ta’ din. B’hekk, il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova, ma wrietx li l-portata ta’ l-eżenzjoni tal-ħlas tar-rimunerazzjoni lill-awturi għas-self tax-xogħlijiet tagħhom wassal għal nuqqas fid-dħul bi ħsara għal dawn ta’ l-aħħar b’tali mod li jipprekludilhom il-possibbiltà li jwettqu kreazzjonijiet ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni la ġabet il-prova u lanqas allegat li din l-eżenzjoni affettwat l-ikkompletar tas-suq intern.

22      Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, li għandha l-intenzjoni li tillimita, mingħajr bażi legali, il-fakultà ta’ l-Istati Membri li jeżentaw ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti, saħansitra t-totalità ta’ dawn, id-direttiva tagħti lil dawn l-Istati Membri setgħa wiesa’ ta’ diskrezzjoni li tippermettilhom jillimitaw, u anki li jneħħu l-effett, ta’ l-obbligu ta’ rimunerazzjoni, safejn huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet kulturali li huma stabbilew, eżiġenza ta’ prijorità li hija prevalenti fuq il-garanzija lill-awturi ta’ dħul suffiċjenti. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, fir-rapport tagħha lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq id-drittijiet tas-self lill-pubbliku fl-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Settembru 2002 [COM (2002) 502 finali, iktar ‘il quddiem ir-"rapport ta’ l-2002 fuq id-drittijiet tas-self lill-pubbliku"], tikkonferma din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tafferma, f’dan id-dokument, li "f’ċerti ċirkustanzi, [l-Artikolu 5] jawtorizza lill-Istati Membri li jissostitwixxu d-drittijiet esklużivi bi dritt għal rimunerazzjoni jew saħansitra li ma jipprovdu għal ebda rimunerazzjoni".

23      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-espressjoni "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti" ma tirreferix għall-kwantità, għan-numru jew għall-importanza ta’ dawn, iżda tfisser ukoll kategoriji ta’ stabbilimenti distinti, differenti jew definiti. Isegwi li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(3) tad-direttiva proposta mill-Kummissjoni ma tikkorrispondix mas-sinjifikat reali ta’ din l-espressjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24      B’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, il-Kummissjoni essenzjalment tqajjem il-kwistjoni relatata mal-portata li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(3) tad-direttiva, li jgħid li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti" mill-ħlas tar-rimunerazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ l-istess Artikolu.

25      Skond ġurisprudenza kostanti, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija parti minnha (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International, C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21, u tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 50).

26      Fid-dawl ta’ l-għan prinċipali tad-direttiva, kif jirriżulta b’mod iktar preċiż mis-seba’ premessa tagħha, din hija intiża sabiex tiggarantixxi ħlas adegwat lill-awturi u lill-artisti u sabiex jiġu rkuprati l-investimenti għolja ħafna u inċerti li teħtieġ b’mod partikolari l-produzzjoni tal-fonogrammi u ta’ films (sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Metronome Musik, C‑200/96, Ġabra p. I-1953, punt 22, u tas-6 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-53/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

27      Il-fatt li jiġu eżentati l-kważi totalità, u saħansitra t-totalità, tal-kategoriji ta’ stabbilimenti li jagħmlu tali self ta’ l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-direttiva, iċaħħad lill-awturi minn rimunerazzjoni li tippermettilhom jirkupraw l-investimenti tagħhom, li jkollu wkoll riperkussjonijiet fuq l-attività ta’ kreazzjoni ta’ xogħolijiet ġodda (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq, Metronome Musik, punt 24, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 25). F’dawn iċ-ċirkustanzi, traspożizzjoni tad-direttiva li twassal, fil-prattika, għal eżenzjoni tal-kważi totalità, u saħansitra tat-totalità, tal-kategoriji ta’ stabbilimenti, tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva.

28      Madankollu, f’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-għanijiet ta’ promozzjoni kulturali jipprevalu fuq dawk li jiggarantixxu lill-awturi dħul adegwat. Il-libertà li d-direttiva tirrikonoxxi lill-Istati Membri li tippermettilhom b’dan il-mod li jirrikonoxxu lill-awturi biss rimunerazzjoni limitata ħafna, simbolika, saħansitra ineżistenti. Barra minn hekk, ir-rapport ta’ l-2002 fuq id-dritt tas-self lill-pubbliku jikkonferma din l-interpretazzjoni.

29      Huwa minnu, li l-promozzjoni kulturali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jippermetti, skond l-Artikolu 5(3) tad-direttiva, l-eżenzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti mill-obbligu ta’ rimunerazzjoni. Madankollu, il-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, sabiex dawn ta’ l-aħħar jiġu ggarantiti l-qligħ ta’ dħul adegwat, hija wkoll għan speċifiku ta’ din l-istess direttiva kif tippreċiża b’mod espliċitu s-seba’ premessa ta’ dan. Huwa preċiżament sabiex jinżamm dan id-dritt għal rimunerazzjoni li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jillimita l-portata ta’ l-eżenzjoni, billi jeżiġi mill-awtoritajiet nazzjonali li jeżentaw biss ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti mill-imsemmi obbligu.

30      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tad-direttiva bbażata fuq l-għan prinċipali tagħha, kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, hija korroborata mill-formulazzjoni nfisha ta’ l-imsemmi Artikolu 5(3), dispożizzjoni li tirrigwarda biss "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti". Għaldaqstant il-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw il-kważi totalità, u saħansitra t-totalità, tal-kategoriji ta’ stabbilimenti mill-ħlas tar-rimunerazzjoni prevista fl-ewwel paragrafu ta’ l-istess Artikolu (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 21).

31      Barra minn dan, skond l-Artikolu 5(3) tagħha, fil-fatt id-direttiva tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw, f’dak li għandu x’jaqsam mas-self lill-pubbliku, mill-obbligu ġenerali ta’ rimunerazzjoni lill-awturi msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu. Issa, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jidderogaw minn prinċipju ġenerali stabbilit minn din l-istess direttiva għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Kapper, C‑476/01, Ġabra p. I-5205, punt 72, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22).

32      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja u hekk kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-espressjoni "ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti", li tinsab fl-Artikolu 5(3) għandha tkun intiża fis-sens li tirreferi għal kunċett ta’ natura kwantitattiva. B’hekk, huwa biss numru limitat ta’ kategoriji ta’ stabbilimenti li huma potenzjalment mistennija jħallsu rimunerazzjoni skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li jista’ jiġi eżentat minn dan l-obbligu.

33      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar, li fin-nuqqas ta’ kriterji Kommunitarji suffiċjentement preċiżi f’direttiva sabiex jiddefinixxu l-obbligi li jirriżultaw minnha, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, fit-territorju tagħhom, il-kriterji l-iktar rilevanti sabiex jiżguraw, fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari mid-Direttiva kkonċernata, ir-rispett ta’ din ta’ l-aħħar (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, C-245/00, Ġabra p. I-1251, punt 34, u tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-433/02, Ġabra p. I‑12191, punt 19).

34      F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li l-Artikolu 5(3) tad-direttiva jawtorizza, iżda ma jobbligax lil Stat Membru li jipprovdi għall-eżenzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti. Konsegwentement, jekk iċ-ċirkustanzi prevalenti fl-Istat Membru in kwistjoni ma jippermettux li jiġu stabbiliti l-kriterji rilevanti sabiex issir distinzjoni valida bejn kategoriji ta’ stabbilmenti, hemm lok li jiġi impost fuq l-istabbilimenti kkonċernati kollha l-obbligu ta’ ħlas tar-rimunerazzjoni previst fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 20).

35      Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka l-argument li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 37(2) tad-Digriet Leġiżlattiv ma japplikax għall-"istabbiliment" li jwettaq is-self, iżda għall-"korp" li jikkontrolla dan l-istabbiliment.

36      Issa, kif ġustament qieset il-Kummissjoni, li tissuġġetta l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas tal-forma ġuridika magħżula mis-sellief huwa formaliżmu legali eċċessiv li għandu mnejn jippermetti lil dan ta’ l-aħħar li jevita faċilment l-obbligu ta’ rimunerazzjoni. Minbarra dan, ir-Renju ta’ Spanja ma ta l-ebda ġustifikazzjoni tali li tistabilixxi r-rilevanza tad-distinzjoni hekk effettwata bejn l-istabbiliment u l-korp ta’ kontroll, peress li dawn iż-żewġ entitajiet jinsabu f’sitwazzjoni essenzjalment identika fir-rigward tat-transazzjoni ta’ self. 

37      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll li l-Kummissjoni ma wrietx li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 37(2) tad-Digriet Leġiżlattiv iċċaħħad l-awturi minn dħul adegwat u tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

38      Madankollu, dan l-argument għandu jiġi rrifjutat fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu natura oġġettiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑73/92, Ġabra p. I-5997, punt 19), b’tali mod li n-nuqqas ta’ ħarsien ta’ obbligu impost b’regola ta’ dritt Komunitarju minnu nnifsu jikkostitwixxi nuqqas u li l-kunsiderazzjoni li dan in-nuqqas ta’ ħarsien ma kellux konsegwenzi negattivi ma tkunx rilevanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑392/96, Ġabra p. I-5901, punti 60 u 61, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 62). Peress li qies li jista’ jinterpreta d-direttiva mill-eżami tal-konsegwenzi ta’ l-implementazzjoni tagħha, bħal ħlas mhux suffiċjenti lill-awturi, ir-Renju ta’ Spanja jissuġġetta l-interpretazzjoni tad-direttiva għall-effetti ta’ l-applikazzjoni tagħha, fatt li ma jirrispettax l-ordni loġiku ta’ dawn iż-żewġ fażijiet tar-raġunament legali.

39      Minbarra dan, jekk huwa minnu li, fir-rapport ta’ l-2002 fuq id-drittijiet tas-self lill-pubbliku, il-Kummissjoni tikkonstata li l-Artikolu 5 tad-direttiva jipprovdi, f’ċerti kundizzjonijiet, li ma tingħata l-ebda rimunerazzjoni, din il-possibbiltà li ma tipprovdi għall-ebda rimunerazzjoni madankollu tirrigwarda biss il-kategoriji ta’ stabbilimenti li, skond l-Artikolu 5(3) tad-direttiva, huma eżenti mill-obbligu ta’ rimunerazzjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta.

40      F’kull każ, anki jekk jiġi presuppost li dan ir-rapport jista’ jiġi invokat in sostenn ta’ l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, dan ir-rapport huwa biss, kif ġustament qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, element ta’ interpretazzjoni fost oħrajn u għaldaqstant ma jorbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja.

41      Għaldaqstant ir-Renju ta’ Spanja, billi inkluda fil-lista ta’ stabbilimenti eżenti mill-obbligu ta’ rimunerazzjoni fl-Artikolu 37(2) tad-Digriet Leġiżlattiv, il-kważi totalità, u saħansitra t-totalità, tal-kategoriji ta’ stabbilimenti normalment suġġetti għall-obbligu ta’ rimunerazzjoni, huwa għamel interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(3) tad-direttiva li mhijiex konformi ma’ l-għan prinċipali ta’ din u lanqas ma’ l-interpretazzjoni stretta li titlob din id-dispożizzjoni inkwantu hija tidderoga mill-obbligu ġenerali ta’ rimunerazzjoni lill-awturi.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat.

43      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi eżentat mill-obbligu tal-ħlas lill-awturi għas-self mogħti minn kważi l-kategoriji kollha, jekk mhux kollha, ta’ stabbilimenti li jwettqu self lill-pubbliku ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 1 u 5 tad-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi eżentat mill-obbligu tal-ħlas lill-awturi għas-self mogħti minn kważi l-kategoriji kollha, jekk mhux kollha, ta’ stabbilimenti li jwettqu self lill-pubbliku ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 1 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill KEE/92/100 tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.