KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fil-21 ta’ Ottubru 2008 1(1)
Kawżi magħquda C‑261/07 u C‑299/07
VTB-VAB NV
vs
Total Belgium NV
u
Galatea BVBA
vs
Sanoma Magazines Belgium NV
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen [il-Belġju])
“Ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari – Suġġett xieraq għal interpretazzjoni – Rilevanza tad-domanda preliminari – Offerti konġunti – Direttiva 2005/29/KE – Interpretazzjoni konformi ma’ direttiva – Interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju qabel ma jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni – Armonizzazzjoni – Protezzjoni tal-konsumatur – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi – Artikolu 28 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Metodi ta’ bejgħ – Artikolu 49 KE – Moviment liberu tas-servizzi – Preżenza ta’ libertajiet fundamentali”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
B – Id-dritt nazzjonali
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
A – Fuq l-Artikolu 49 KE
VI – L-evalwazzjoni ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari
B – L-ammissibbiltà tar-rinviji
1. Ammissibbiltà tas-suġġett għal interpretazzjoni
2. Ir-rilevanza tad-domandi preliminari
C – Il-kompatibbiltà tal-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana mad-Direttiva 2005/29
1. Il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29
2. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2005/29
3. L-analiżi tal-istruttura taż-żewġ dispożizzjonijiet
a) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29
i) L-armonizzazzjoni sħiħa u massima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bħala għan tad-Direttiva
ii) L-istruttura tad-Direttiva 2005/29
b) Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Belġjana
4. Fuq l-irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern
5. Konklużjonijiet
D – Il-kompatibbiltà tal-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana mal-libertajiet fundamentali
1. Il-libertajiet fundamentali bħala kriterji ta’ evalwazzjoni
2. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali
a) Il-moviment liberu tas-servizzi
b) Il-moviment liberu tal-merkanzija
c) Ir-relazzjoni bejn il-moviment liberu tas-servizzi u l-moviment liberu tal-merkanzija
3. Ir-restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali
a) Il-moviment liberu tal-merkanzija
i) Miżura b’effett ekwivalenti
– Il-Formula Dassonville
– Il-metodi tal-bejgħ
ii) Konklużjonijiet
b) Il-moviment liberu tas-servizzi
4. Ġustifikazzjoni
a) Il-protezzjoni tal-konsumatur bħal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali
b) L-idoneità ta’ projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti
c) Il-ħtieġa/Il-proporzjonalità
5. Konklużjonijiet
VII – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1. Dawn iż-żewġ kawżi huma bbażati fuq żewġ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari li ġew ippreżentati, skont l-Artikolu 234 KE, mir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen, li permezz tagħhom din essenzjalment issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2005/29”) (2), u l-Artikolu 49 KE għandhomx jiġu interpretati bħala li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fil-prinċipju, l-offerti konġunti.
2. Fil-qalba tal-kawżi li se jiġu analizzati iktar ’il quddiem, hemm ċerti aspetti essenzjali tal-proċedura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni leġiżlattiva fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll tal-moviment transkonfinali liberu tal-merkanzija u tal-moviment transkonfinali liberu tas-servizzi fis-suq intern.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
3. Il-11 u s-17-il premessa tad-Direttiva 2005/29 jipprovdu:
“(11) Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar prattiċi kummerċjali aggressivi, li mhumiex attwalment [ir]regolati fil-livell Komunitarju.
[…]
(17) Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”
4. L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi dan li ġej:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
(d) ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, [imġiba] jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali in[k]lużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew [mal-]bejgħ jew [mal-]fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;
[…]”
5. L-Artikolu 3(1) u (5) tad-Direttiva jipprovdi:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tran[ż]azzjoni kummerċjali fir-rigward ta' xi prodott.
[…]
5. Għal perjodu ta’ sitt snin minn 00.6.2007, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispo[ż]izzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva u li jimplementaw direttivi li jikkontjenu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li konsumaturi huma mħarsa adegwatament minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’, jekk hekk jiġi kkunsidrat xieraq, tinkludi proposta sabiex tiġi mtawla din id-deroga għal perjodu ieħor limitat.”
6. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.
7. L-Artikolu 5 tad-Direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali” jipprovdi dan li ġej:
“1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.
2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
a) hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, u
b) toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.
3. Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.
4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
a) [i]qarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7, jew
b) [i]kunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.
5. Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revisjoni tad-Direttiva.”
8. L-Artikolu 6 tad-Direttiva jipprovdi d-definizzjoni li ġejja tal-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali qarrieqa”:
“1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala [qarrieqa jekk] tikkontjeni tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra […].
2. Prattika kummerċjali għandha wkoll titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, hija tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra […]”.
9. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi d-definizzjoni li ġejja ta’ “prattiċi kummerċjali aggressivi”:
“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”
10. L-Artikolu 19 tad-Direttiva jipprovdi dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 00.6.2007. [...]”.
Għandhom japplikaw dawk il-miżuri sa 00.12.2007 […]”.
B – Id-dritt nazzjonali
11. L-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Belġjana”) (3), jipprovdi dan li ġej:
“Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm offerta konġunta meta l-akkwist, bi flus jew bla ħlas, ta’ prodotti, servizzi, jew ta’ kwalunkwe benefiċċju ieħor, jew ta’ titoli li jippermettu li jinkisbu l-imsemmija, huwa marbut mal-akkwist ta’ prodotti jew servizzi oħrajn, anki jekk ikunu identiċi.
Ħlief fil-każ tad-derogi speċifikati hawn isfel, kull offerta konġunta lil konsumatur magħmula minn bejjiegħ hija pprojbita. Hija wkoll ipprojbita kull offerta konġunta lill-konsumatur minn diversi bejjiegħa li li jkunu qed jaġixxu bi skop komuni.”
12. L-Artikoli 55 sa 57 tal-Liġi Belġjana jipprovdu ċerti derogi mill-imsemmija projbizzjoni.
13. L-Artikolu 55 tal-Liġi Belġjana jipprovdi dan li ġej:
“Jistgħu jiġu offruti b’mod konġunt u bi prezz globali:
1. prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu ħaġa sħiħa
[…];
2. prodotti jew servizzi identiċi, sakemm:
a) kull prodott u kull servizz ikun jista' jiġi akkwistat separatament, mill-istess ħanut, bi prezz normali,
b) ix-xerrej jingħata informazzjoni ċara dwar din il-possibbiltà u dwar il-prezz individwali ta’ kull prodott u ta’ kull servizz,
c) l-iskont li eventwalment jingħata lil min jakkwista l-prodotti jew is-servizzi flimkien, ma jkunx ta’ iktar minn terz tas-somma tal-prezzijiet individwali.”
14. L-Artikolu 56 tal-Liġi Belġjana jipprovdi dan li ġej:
“Jistgħu jiġu offruti bla ħlas, flimkien ma’ prodott jew ma’ servizz prinċipali:
1. l-aċċessorji ta’ prodott prinċipali, li l-produttur tal-prodott ikun adatta b’mod speċifiku għal dak il-prodott u li jiġu pprovduti flimkien mal-prodott sabiex jiġi estiż jew faċilitat l-użu tiegħu,
2. l-ippakkjar jew ir-reċipjenti wżati għall-protezzjoni jew il-preparazzjoni tas-suq tal-prodotti, fid-dawl tan-natura ta’ dawn il-prodotti,
3. prodotti u servizzi ċkejknin meqjusa normali fil-kummerċ, kif ukoll it-trasport, l-istallazzjoni, il-kontroll u l-manutenzjoni tal-prodotti mibjugħa,
4. kampjuni mill-gamma tal-prodotti mill-manifattur jew il-fornitur tal-prodott prinċipali, sakemm jiġu offruti fi kwantità jew f’dimensjonijiet strettament meħtieġa għal evalwazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott,
5. ritratti bil-kulur, stampi li jeħlu u immaġnijiet oħrajn ta’ valur kummerċjali minimu,
6. biljetti għal parteċipazzjoni f’lotteriji legalment awtorizzati,
7. affarijiet b’kitbiet pubbliċitarji li ma jistgħux jitħassru u li jidhru b’mod ċar, li mhumiex għall-kummerċ bħala tali, sakemm il-prezz ta’ produzzjoni tagħhom imħallas mill-bejjiegħ ma jkunx ta’ iktar minn 5 % mill-prezz tal-bejgħ tal-prodott jew tas-servizz prinċipali li jitqassmu miegħu.”
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
15. Is-suġġett tal-kawża prinċipali fil-Kawża C-261/07 huwa r-rikors li VTB-VAB (iktar ’il quddiem, “VTB”), kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ għajnuna meta l-vettura tieqaf jew fil-każ ta’ inċidenti, fetħet kontra Total Belgium NV (iktar ’il quddiem, “Total”), kumpannija sussidjarja tal-Grupp Total, li l-attività prinċipali tagħha hija l-bejgħ tal-karburanti f’pompi tal-petrol.
16. Mill-15 ta’ Jannar 2007, Total bdiet toffri lill-konsumaturi, li jkollhom il-karta TOTAL-CLUB, tliet ġimgħat bla ħlas ta’ servizz ta’ assistenza fit-triq (TOTAL ASSISTANCE), kull darba li konsumatur jieħu mill-inqas 25 litru ta’ karburant għall-karozza jew mill-inqas 10 litri għall-mutur.
17. Fil-5 ta’ Frar 2007, VTB ippreżentat quddiem ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen att ta’ inibizzjoni fil-konfront ta’ Total Belgium NV biex titwaqqaf din il-prattika kummerċjali, billi sostniet li din kienet tikkostitwixxi offerta konġunta projbita mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana.
18. Is-suġġett tal-kawża prinċipali fil-Kawża C-299/07 huwa r-rikors li BVBA Galatea, ditta li tmexxi negozju ta’ ħwejjeġ ta’ taħt fi Schoten (il-Belġju) kontra Sanoma Magazines Belgium NV, kumpannija sussidjarja tal-Grupp Finlandiż Sanoma (iktar ’il quddiem, “Sanoma”), li fost l-oħrajn tippubblika rivisti għan-nisa, fosthom ir-rivista ta’ kull ġimgħa “Flair”.
19. Il-ħarġa tat-13 ta’ Marzu 2007 ta’ din ir-rivista kien fiha suppliment ta’ 47 paġna li kien jinkludi vawċer, validu bejn it-13 ta’ Marzu u l-15 ta’ Mejju 2007, li kien jagħti dritt għal skont ta’ bejn il-15 % u l-25 % fuq diversi prodotti mibjugħa f’diversi ħwienet tal-ħwejjeġ ta’ taħt.
20. Fit-22 ta’ Marzu 2007, Galatea ressqet quddiem ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen att ta’ inibizzjoni biex titwaqqaf din il-prattika kummerċjali, billi sostniet li din kienet tikser, fost l-oħrajn, l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana.
21. Ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen, fid-digrieti tar-rinviju tagħha, sostniet li fil-perijodu meta seħħew il-fatti, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE kien għadu ma skadiex. Madankollu, hija wriet xi dubji rigward il-kompatibbiltà tal-projbizzjoni tal-offerti konġunti, stabbilita mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, mad-Direttiva 2005/29/KE kif ukoll, għall-inqas fir-rigward tal-Kawża C-299/07, mal-Artikolu 49 KE. Għaldaqstant, iddeċidiet, fiż-żewġ kawżi, li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Fil-Kawża C-261/07
“[I]d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 54 tal-liġi Belġjana tal-14 ta’ Lulju 1991, dwar prattiċi kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, li – b’eċċezzjoni tal-każijiet speċifikament stipulati fil-liġi – tipprojbixxi kull offerta konġunta ta’ bejjiegħ lil konsumatur, inkluża l-offerta konġunta ta’ prodott, li l-konsumatur għandu jixtri kif ukoll [ta’] servizz b’xejn, li t-tgawdija tagħha hija marbuta max-xiri tal-prodott, mingħajr kunsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi tal-każ, b’mod partikolari mingħajr kunsiderazzjoni tal-influwenza li l-offerta konkreta jista’ jkollha fuq il-konsumatur medju u [minkejja l-kwistjoni dwar jekk] fiċ-ċirkostanzi konkreti[, din l-offerta] tista[x] tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-obbligi ta’ diliġenza professjonali jew [kontra l-]prattiċi onesti kummerċjali?”
Fil-Kawża C-299/07
“L-Artikolu 49 tat-Trattat KE fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll id-[Direttiva], jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 54 tal-liġi Belġjana tal-14 ta’ Lulju 1991, dwar prattiċi kummerċjali u [dwar informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur], li – bl-eċċezzjoni tal-każijiet espliċitament indikati fil-liġi – tipprojbixxi kull offerta konġunta ta’ bejjiegħ lil konsumatur, skont liema offerta l-akkwist b’xejn jew bi ħlas ta’ prodotti, servizzi, benefiċċji jew intitolamenti sabiex dawn jinkisbu jkunu marbutin mal-akkwist ta’ prodotti oħra jew servizzi, anki identiċi, mingħajr kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi tal-każ, u b’mod partikolari mingħajr kunsiderazzjoni tal-influwenza li l-offerta konkreta jista’ jkollha fuq il-konsumatur medju kif ukoll tal-fatt jekk it-tali offerta fiċ-ċirkustanzi konkreti tistax tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-obbligi ta’ diliġenza professjonali u tal-użanzi stabbiliti ta’ lealtà kummerċjali?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22. Id-digrieti tar-rinviju, tal-24 ta’ Mejju 2007 (Kawża C-261/07) u tal-21 ta’ Ġunju 2007 (Kawża C-299/07) waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ġunju 2007 u fis-27 ta’ Ġunju 2007 rispettivament.
23. Fid-29 ta’ Awwissu 2007, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li ż-żewġ kawżi jingħaqdu.
24. VTB, Total u Sanoma, il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
25. Skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet domanda lill-partijiet li ppreżentaw sottomissjonijiet, li min-naħa tagħhom tawha r-risposta tagħhom.
26. Waqt is-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2008, ir-rappreżentanti ta’ VTB, Total u Sanoma, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju ta’ Spanja kif ukoll ir-rappreżentant tal-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom.
V – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
Fuq id-Direttiva 2005/29/KE
27. Fiż-żewġ kawżi, il-qorti nazzjonali essenzjalment qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-projbizzjoni tal-offerti konġunti, ipprovduta mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, hix konformi mad-Direttiva 2005/29.
28. Preliminarjament, VTB tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, peress li din tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ Direttiva li fil-perijodu li seħħew il-fatti kien għadu ma skadiex it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha.
29. Għall-istess raġuni, minkejja li ma jikkontestawx espliċitament l-ammissibbiltà, il-Gvernijiet ta’ Spanja u tal-Belġju jqisu li d-Direttiva mhijiex applikabbli f’każ bħal dan. B’mod partikolari, dispożizzjoni nazzjonali ma tistax tiġi ddikjarata inapplikabbli minn qorti minħabba ksur ta’ direttiva sakemm ikun għadu ma skadiex it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva.
30. Fuq il-mertu, Total, Sanoma, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni jqisu li d-Direttiva tipprekludi projbizzjoni ta’ offerti konġunti bħal dik ipprovduta mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana.
31. Sanoma, Total u l-Kummissjoni jsostnu li l-offerti konġunti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva. Peress li din id-Direttiva twettaq armonizzazzjoni sħiħa fis-settur tal-prattiki kummerċjali żleali, “f’kull ċirkostanza” l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu biss dawk il-prattiki li, skont dak li ġie pprovdut fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, jissemmew fl-Anness I tad-Direttiva. Madankollu, peress li l-offerti konġunti ma jissemmewx bħala tali fl-imsemmi Anness, dawn diġà ma jistgħux jiġu projbiti per se, imma biss jekk il-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkostanzi konkreti tal-każ, tqis li hemm ir-rekwiżiti li jissemmew fl-Artikolu 5 tad-Direttiva. Konsegwentement, projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti, bħal dik ipprovduta mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva wkoll li din il-projbizzjoni, ikun xi jkun il-każ, mhijiex meħtieġa biex il-konsumatur jiġi protett b’mod adegwat mill-prattiki kummerċjali żleali, u lanqas mhija proporzjonata fir-rigward ta’ dan l-għan.
32. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Portugiż josserva biss li l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva safejn dan jipprevedi projbizzjoni ġenerali tal-offerti konġunti u dan minkejja li, fl-Artikoli 55 u 56, il-liġi Belġjana tipprovdi ċerti derogi.
33. VTB u l-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza jsostnu interpretazzjoni opposta.
34. Skont VTB l-offerti konġunti ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva u għaldaqstant ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Ikun xi jkun il-każ, l-Artikolu 5 tad-Direttiva ma jeskludix il-possibbiltà li l-Istati Membri jidentifikaw anki prattiki kummerċjali żleali oħrajn, differenti minn dawk li jissemmew fl-Anness I.
35. Anki l-Gvern Belġjan isostni li l-offerti konġunti ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva. B’mod iktar preċiż, il-Gvern Belġjan iqis li l-offerti konġunti iktar huma relatati mal-proposta għal Regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern (4) li jqis l-offerti konġunti b’mod differenti mill-prattiki kummerċjali li huma s-suġġett tad-Direttiva. Madankollu, peress li din il-proposta ġiet irtirata biss fl-2006, l-awtoritajiet Belġjani, ġustament, qiesu li l-offerti konġunti ma kinux “prattiċi kummerċjali”. Konsegwentement, il-leġiżlatur Belġjan, mat-traspożizzjoni tad-Direttiva, ma qiesx li kellu jemenda l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana jew li kellu jinterpretah fid-dawl tal-Artikolu 5 tad-Direttiva.
36. Il-Gvern Franċiż isostni teżi essenzjalment simili għal dik tal-Gvern Belġjan, fejn jgħid ukoll li jekk id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri li jipprojbixxu prattiki kummerċjali żleali fil-konfront tal-konsumatur, dan xorta ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli jipprojbixxu anki prattiki kummerċjali oħrajn biex jipproteġu lill-konsumaturi, indipendentement minn jekk dawn ikunux żleali jew le fis-sens tad-Direttiva. Bejn dawn il-prattiki ulterjuri hemm anki l-offerti konġunti, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
A – Fuq l-Artikolu 49 KE
37. Fil-Kawża C-299/07, il-qorti nazzjonali qed tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix projbizzjoni tal-offerti konġunti bħal dik provduta mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana.
38. VTB kif ukoll il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Belġju u ta’ Franza jsostnu li għal din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva.
39. Skont VTB, il-projbizzjoni inkwistjoni, li tista’ tiġi applikata mingħajr distinzjoni kemm fil-konfront tan-negozjanti residenti fil-Belġju kif ukoll fil-konfront tan-negozjanti residenti fi Stati Membri oħrajn, mhija se tgħabbi lil dawn tal-aħħar bl-ebda piż ulterjuri f’termini ta’ spejjeż jew ta’ ħlasijiet amministrattivi, li jista’ jostakola l-moviment liberu tas-servizzi. Ikun xi jkun il-każ, tali projbizzjoni hija ġġustifikata wkoll minn raġunijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.
40. Il-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza jqisu li l-Artikolu 49 KE mhuwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi jisħqu fuq il-fatt li l-offerti inkwistjoni jikkonċernaw prinċipalment il-bejgħ ta’ prodotti (karburant fil-Kawża C-261/07 u ħwejjeġ ta’ taħt fil-Kawża C-299/07) u mhux l-għoti ta’ servizzi. Għaldaqstant, jekk id-Direttiva tiġi interpretata bħala li ma tipprekludix il-liġi Belġjana, il-projbizzjoni tal-offerti konġunti għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 28 KE, li jikkonċerna l-moviment liberu tal-merkanzija, li anki l-qorti nazzjonali tirreferi għalih fid-digriet tar-rinviju tagħha.
41. Il-projbizzjoni tal-offerti konġunti provduta mil-Liġi Belġjana għaldaqstant tikkonċerna metodu ta’ bejgħ fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (Kawżi magħquda C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097) u għalhekk ma tistax tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija, peress li jkunu ġew sodisfatti ż-żewġ rekwiżiti msemmija mill-ġurisprudenza ċċitata. Tabilħaqq, il-projbizzjoni hija applikabbli fil-konfront tal-operaturi kollha li jwettqu l-attività tagħhom fit-territorju Belġjan, u għandha impatt, kemm mil-lat ġuridiku kif ukoll minn dak fattwali, fuq il-bejgħ kemm ta’ prodotti nazzjonali kif ukoll ta’ prodotti minn Stati Membri oħrajn. Fl-aħħar nett, il-Gvern Franċiż iqis li, ikun xi jkun il-każ, il-projbizzjoni inkwistjoni minn naħa hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur u biex ikun hemm kompetizzjoni ġusta, u min-naħa l-oħra hija proporzjonata fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, peress li hija tipprevedi diversi eċċezzjonijiet għall-istess projbizzjoni.
42. Anki l-Gvern Spanjol jiċħad l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 KE għal sitwazzjoni, bħal din inkwistjoni, fi ħdan Stat, li l-elementi tagħha huma kollha limitati għal Stat Membru wieħed. Fil-fatt, dan il-każ jikkonċerna impriżi stabbiliti fil-Belġju, li joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju Belġjan.
43. Sanoma, il-Gvern Portugiż u, sa ċertu punt, anki l-Kummissjoni, min-naħa tagħhom iqisu li l-projbizzjoni tal-offerti konġunti, ipprovduta mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, tikser il-moviment liberu tas-servizzi, iggarantit mill-Artikolu 49 KE.
44. B’mod partikolari Sanoma ssostni li d-dritt tagħha għall-moviment liberu tas-servizzi ġie preġudikat peress li hija ma tistax tippromwovi l-attività tagħha fil-Belġju bl-istess mod kif tagħmel fi Stati Membri oħrajn li ma jipprojbixxux l-offerti konġunti (b’mod partikolari fl-Olanda u fil-Lussemburgu). Sanoma tosserva wkoll li minħabba l-projbizzjoni, il-klijenti Belġjani tagħha ma jistgħux jużaw il-vawċers tal-iskontijiet ippubblikati fir-rivisti bl-Olandiż fil-Fjandri u fl-Olanda, li però jitqassmu anki mal-Belġju kollu. Fl-aħħar nett, Sanoma tqis li, meta titwettaq l-armonizzazzjoni sħiħa permezz tad-Direttiva, il-projbizzjoni inkwistjoni lanqas ma tkun tista’ tiġi ġġustifikata. Ikun xi jkun il-każ, tali projbizzjoni la hija meħtieġa u lanqas proporzjonata biex ikun protett il-konsumatur u biex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta.
45. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tagħti risposta pjuttost ambigwa.
46. Minkejja li ssostni argumenti simili għal dawk tal-Gvern Franċiż, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ hija tabilħaqq l-Artikolu 28 KE, u li b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza Keck u Mithouard, il-projbizzjoni inkwistjoni tal-offerti konġunti ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li, rigward il-moviment liberu tas-servizzi, ma tqisx li hemm għalfejn isir eżami peress li, f’ċirkostanzi bħal dawn, din il-libertà, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għalkollox sekondarja għall-moviment liberu tal-merkanzija u tista’ tkun anki konnessa magħha (ara b’mod partikolari s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I‑607, punt 31). Skont il-Kummissjoni wkoll, l-eżami mwettaq mill-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju tagħha ma kienx jinkludi r-restrizzjonijiet eventwali għall-moviment liberu tas-servizzi.
47. Minkejja dan, il-Kummissjoni, sempliċement għal finijiet ta’ prudenza, għamlet dan l-eżami u waslet għall-konklużjoni li l-probizzjoni tal-offerti konġunti hija bla dubju restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi, li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni ġusta.
VI – L-evalwazzjoni ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari
48. L-għan tad-Direttiva 2005/29, li ġiet adottata fil-11 ta’ Mejju 2005 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, huwa li jiġi stabbilit qafas leġiżlattiv uniformi biex jiġu rregolati l-prattiki kummerċjali żleali fil-konfront tal-konsumatur. Skont il-ħames premessa tad-Direttiva, dan l-għan għandu jintlaħaq permezz tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-Istati Membri tal-Komunità sabiex jitneħħew l-ostakli fis-suq intern (5). B’hekk, l-għan tad-Direttiva huwa li jkun hemm armonizzazzjoni sħiħa f’dan is-settur fuq livell Komunitarju (6).
49. Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2005/29, din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-12 ta’ Ġunju 2005. Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħtieġa sa mhux iktar tard mit-12 ta’ Ġunju 2007, bil-possibbiltà però li, għal perijodu tranżitorju ta’ sitt snin oħra, ikomplu japplikaw ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali iktar restrittivi. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi għandhom jiġu applikati biss mit-12 ta’ Diċembru 2007.
50. Ir-Renju tal-Belġju wettaq formalment dan l-obbligu ta’ traspożizzjoni billi adotta l-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007 li temenda l-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur (7), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2007. Madankollu, il-qorti nazzjonali fid-digrieti tar-rinviju tagħha tirreferi għal dispożizzjoni nazzjonali preċedenti, l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, li kienet fis-seħħ qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2005/29, u wriet xi dubji rigward il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt Komunitarju.
B – L-ammissibbiltà tar-rinviji
1. Ammissibbiltà tas-suġġett għal interpretazzjoni
51. Fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, titqies bħala suġġett xieraq għal interpretazzjoni esklussivament dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju – kemm jekk tkun dispożizzjoni tad-dritt primarju jew dispożizzjoni tad-dritt sussidjarju. Id-domandi preliminari li tressqu quddiem ir-Rechtbank van koophandel jikkonċernaw suġġett xieraq għal interpretazzjoni, peress li bihom il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta l-Artikolu 49 KE u d-Direttiva 2005/29.
52. Fil-fehma tiegħi, għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rinviji, il-fatt li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29 ma kienx għadu skada meta l-qorti nazzjonali ddeċidiet li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta din id-dispożizzjoni Komunitarja mhux rilevanti. Fil-fatt, id-Direttiva 2005/29, kienet ilha fis-seħħ mit-12 ta’ Ġunju 2005 u, għaldaqstant, kienet diġà torbot lill-Istati Membri mil-lat ġuridiku (8).
53. Skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tieħdu deċiżjoni, b’mod preliminari, dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti maħruġa mill-istituzzjonijiet Komunitarji, indipendentement mill-fatt jekk dawn ikollhomx effett dirett jew le (9). B’hekk, direttiva li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha jkun għadu ma skadiex, hija inkluża fost l-atti ta’ dik ix-xorta, u fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab tagħti deċiżjoni preliminari meta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (10).
2. Ir-rilevanza tad-domandi preliminari
54. Fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi preliminari għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma meħtieġa għalihom sabiex tiġi riżolta l-kontroversja li huma mitluba jittrattaw (11).
55. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tidher il-kontroversja u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li tintervjeni, li tevalwa, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kawża, il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa jittrattaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tiddeċiedi dwarhom (12).
56. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija ntalbet tieħu deċiżjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-kompetenza tagħha. Tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandhiex x’taqsam bl-ebda mod mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi fattwali jew tad-dritt li huma essenzjali sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi mressqa lilha (13).
57. Issa, VTB, il-Gvernijiet ta’ Spanja u tal-Belġju ma setgħu jressqu ebda argument validu biex isostnu li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29 mhijiex rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Anzi, hemm bosta elementi li jixhdu favur ir-rilevanza għad-deċiżjoni tad-domandi preliminari.
58. Tabilħaqq, għandu jiġi kkonstatat li l-avvenimenti li wasslu għall-kawżi prinċipali seħħew biss ftit xhur qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, jiġifieri fit-12 ta’ Ġunju 2007. Dak iż-żmien, id-dritt nazzjonali ma kienx għadu ġie emendat u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Belġju lanqas ma jidher li kellu l-ħsieb li jneħħi l-projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti – ċirkostanzi li kienet taf bihom anki l-qorti nazzjonali, kif joħroġ b’mod ċar mid-digrieti tar-rinviju (14).
59. Jekk il-possibbiltà li l-liġi Belġjana hija inkompatibbli mad-Direttiva 2005/29, ma tistax tiġi eskluża, il-qorti nazzjonali, fil-kapaċità tagħha ta’ qorti Komunitarja funzjonali, kienet tkun, jekk neċessarju obbligata, ma tapplikax id-dispożizzjonijiet korrispondenti. Dan l-obbligu jirriżulta mis-surpremazija li d-dritt Komunitarju għandu fil-konfront tad-dritt nazzjonali (15), imma iktar minn hekk mill-obbligu – li ġie rikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10 KE u tat-tielet subparagafu tal-Artikolu 249 KE – li għandhom l-Istati Membri, li jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jilħqu r-riżultat stipulat mid-Direttiva inkwistjoni.
60. Marbut mal-imsemmi obbligu hemm anki l-obbligu tal-astensjoni minn kwalunkwe mġiba li tista’ ġġib fix-xejn l-isforzi biex jintlaħaq l-għan ta’ Direttiva. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10 KE u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 KE flimkien mad-Direttiva kkonċernata li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jastjenu milli jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat preskritt minn din id-Direttiva (16). Dan l-obbligu ta’ astensjoni jikkonċerna lill-korpi kollha tal-Istati Membri, fosthom anki dawk ġurisdizzjonali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom (17). Dawn tal-aħħar għandhom jivverifikaw jekk atti ġuridiċi nazzjonali eventwali, li nħarġu qabel ma skada t-terminu għat-traspożizzjoni jippreġudikawx it-twettiq tar-riżultat stipulat mid-Direttiva (18).
61. Fis-sentenza Adelener (19), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li mid-data li fiha direttiva tkun daħlet fis-seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom jastjenu safejn huwa possibbli milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jhedded li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, il-kisba tal-għan imfittex minn din id-direttiva. Għandu jitqies ukoll li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan espress tagħhom huwa li jittrasponu l-imsemmija Direttiva, iżda wkoll, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu eżistenti li jistgħu jassiguraw il-konformità tad-dritt nazzjonali ma’ din id-direttiva (20).
62. Għaldaqstant, jekk il-qorti nazzjonali jkollha xi suspett, kif ġara f’dawn il-kawżi, li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ ġġib fix-xejn, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, l-għan li għandha direttiva li dalwaqt tiġi trasposta (21), din il-qorti għandha tadotta l-miżuri meħtieġa diġà waqt il-fażi tat-traspożizzjoni. Fil-prinċipju, fost dawn il-miżuri hija inkluża anki l-possibbiltà li ma jiġix applikat id-dritt nazzjonali li jmur kontra tagħha, jekk ma tkunx prattikabbli interpretazzjoni tad-dritt fis-seħħ li tkun konformi mad-Direttiva (22).
63. Madankollu, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, wisq probabbilment kien iwassal lill-qorti nazzjonali tiċħad parzjalment l-atti ta’ inibizzjoni mressqa minn VTB u minn Galatea kontra Total u Sanoma rispettivament.
64. Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, ir-rilevanza tad-domandi preliminari għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax tiġi kkontestata.
65. Konsegwentement, id-domandi preliminari mressqa huma ammissibbli.
C – Il-kompatibbiltà tal-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana mad-Direttiva 2005/29
66. L-ewwel nett għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 234 KE, ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Madankollu, hija għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt Komunitarju li jistgħu jgħinuha tevawla din il-kompatibbiltà biex tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-kawża inkwistjoni (23).
67. Iż-żewġ domandi għandhom l-għan li jaċċertaw jekk id-Direttiva 2005/29 tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana. Għal dan il-għan, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk tali dispożizzjoni, meta titqies il-materja li tirregola, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2005/29.
1. Il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29
68. X’jirriżulta minn din il-verifika jiddependi mir-risposta għad-domanda jekk l-offerti konġunti jistgħux jitqiesu jew le “prattiċi kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. Din id-dispożizzjoni tinkludi definizzjoni legali wiesgħa dwar il-“prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur”, fejn, fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi inkluż, mingħajr diffikultà, il-kunċett ta’ offerta konġunta.
69. L-offerti konġunti jikkonsistu fir-rabta f’unità ta’ bejgħ waħda ta’ mill-inqas żewġ offerti ta’ prodotti jew ta’ servizzi differenti. Għaldaqstant ikun hemm offerta konġunta biss meta l-komponenti tar-rabta jkunu tnejn jew iktar beni distinti. Il-kriterju fundamentali biex issir distinzjoni bejn id-diversi forom li bihom isiru dawn l-arranġamenti ta’ rabta huwa t-tip u l-mod tar-rabta, jiġifieri l-kundizzjonijiet li fuqhom l-offerenti jistrutturaw l-offerti globali tagħhom u jqiegħduhom fuq is-suq (24). Mil-lat tal-immaniġjar ekonomiku, l-offerti konġunti jikkostitwixxu miżura tal-politika tal-prezzijiet u tal-politika ta’ komunikazzjoni – tnejn mill-politiki l-iktar importanti fil-kummerċjalizzazzjoni. Peress li s-swieq mingħajr kompetizzjoni huma pjuttost rari u l-bejjiegħa kważi dejjem iridu jidħlu f’kompetizzjoni ma’ offerenti oħrajn, l-operaturi ekonomiċi, sabiex jirbħu lill-kompetituri tagħhom, ikollhom joħolqu offerti li mhux biss iqanqlu interess, imma jiġbdu lill-konsumaturi. L-offerti konġunti – minħabba r-rabta partikolari ta’ prodotti jew ta’ servizzi differenti f’offerta waħda u minħabba li l-prezz tagħhom ikun jew jidher tajjeb, minħabba l-forma ta’ rabta – għandhom l-għan li jħeġġu lill-klijenti biex jixtruhom. Fi kliem ieħor, dawn għandhom l-għan li jiġbdu lill-klijenti u jżidu l-potenzjal ta’ bejgħ tal-impriżi (25).
70. Jekk titqies il-funzjoni tal-offerti konġunti li għadni kemm iddeskrivejt, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom il-konsumatur normalment jiltaqa’ magħhom, jistgħu jiġu ddefiniti bħala azzjonijiet jew komunikazzjonijiet kummerċjali, li jinkludu r-reklami u l-kummerċjalizzazzjoni, li jiġu stabbiliti minn professjonista u jkunu direttament marbuta mal-promozzjoni jew mal-bejgħ ta’ prodott. Għaldaqstant, jikkorrispondu bla ebda dubju għall-kunċett tal-prattiki kummerċjali li jissemmew fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. Konsegwentement, l-offerti konġunti rregolati mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2005/29.
2. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2005/29
71. L-istess konklużjoni tapplika anki rigward il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, anki jekk din id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi direttament lill-konsumatur, din ir-raġuni ma għandhiex twassal biex l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri li jwettqu l-attivitajiet tagħhom skont il-liġi jitqiesu bħala li jixirqilhom inqas protezzjoni.
72. Dan jirriżulta kemm mis-sitt, u iktar u iktar mit-tmien premessa tad-Direttiva 2005/29, jiġifieri li l-imsemmija Direttiva tipproteġi indirettament anki lill-impriżi minn kompetituri li ma jirrispettawx ir-regoli pprovduti fiha, biex b’hekk fis-settur li tikkoordina tkun iggarantita kompetizzjoni ġusta (26).
3. L-analiżi tal-istruttura taż-żewġ dispożizzjonijiet
73. Biex ikun jista’ jiġi aċċertat jekk id-Direttiva 2005/29 tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, jeħtieġ li ssir analiżi taż-żewġ dispożizzjonijiet fir-rigward tal-għanijiet u tal-istruttura tagħhom, biex imbagħad wara jsir paragun bejniethom.
a) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29
i) L-armonizzazzjoni sħiħa u massima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bħala għan tad-Direttiva
74. Kif diġà semmejt fil-bidu (27), id-Direttiva 2005/29 għandha l-għan li tarmonizza għalkollox id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fis-settur tal-prattiki kummerċjali żleali. Id-Direttiva għandha anki l-għan – b’differenza minn dak li seħħ s’issa fl-istrumenti ġuridiċi li għandhom l-għan li jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur f’setturi speċifiċi – mhux daqstant ta’ armonizzazzjoni minima, imma ta’ armonizzazzjoni massima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u dan ma jħallix li l-Istati Membri, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, iżommu jew idaħħlu dispożizzjonijiet iktar restrittivi (28). Dak li ngħad iktar ’il fuq irriżulta mill-interpretazzjoni kemm tal-preambolu kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva inkwistjoni.
75. Minn naħa, dan jirriżulta mill-11-il premessa, fejn jingħad li l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huwa l-għan tad-Direttiva, għandu jwassal għal livell għoli komuni ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, it-12-il premessa tenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi u l-imprendituri jkunu jistgħu jistrieħu fuq qafas regolatorju wieħed li jkun ibbażat fuq kunċetti ġuridiċi ddefiniti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha inerenti għall-prattiki kummerċjali żleali fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, anki l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29 jirreferi għall-metodu ta’ armonizzazzjoni leġiżlattiva, fejn jirriżulta li din l-armonizzazzjoni għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur u tipperfezzjona s-suq intern.
76. L-għan li s-settur li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiġi rregolat fuq livell Komunitarju b’mod sħiħ u komplut huwa sostnut b’mod ċar fid-dikjarazzjonijiet inklużi fl-14 u fil-15-il premessi, fejn tissemma espressament armonizzazzjoni sħiħa. Dan jirriżulta anki mill-klawżola tas-suq intern li tissemma fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29, fejn jingħad li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi u lanqas il-moviment liberu tal-merkanzija għal raġunijiet relatati mas-settur armonizzat mid-Direttiva.
77. B’deroga minn din il-klawżola, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi li għal perijodu ta’ sitt snin, li jibda mit-12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar dettaljati jew vinkolanti minn dak ipprovduti mid-Direttiva fis-settur li qed tarmonizza. Madankollu, din id-deroga hija limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew stabbiliti sabiex jiġu implementati Direttivi li jinkludu klawżoli minimi ta’ armonizzazzjoni (29). Fl-aħħar nett, deroga oħra għal armonizzazzjoni sħiħa tinsab fl-Artikolu 3(9) rigward is-servizzi finanzjarji kif iddefiniti mid-Direttiva 2002/65/KE u l-beni immobbli.
ii) L-istruttura tad-Direttiva 2005/29
78. Il-qalba tad-Direttiva 2005/29 hija magħmula mill-klawżola ġenerali tal-Artikolu 5(1) li tipprojbixxi prattiki kummerċjali żleali. X’għandu jiġi ddefinit effettivament bi “żleali” ġie ppreċiżat fl-Artikolu 5(2). Fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, prattika kummerċjali tkun żleali jekk, minn naħa, tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tad-“diliġenza professjonali” u, mill-oħra, tista’ “toħloq distorsjoni sostanzjali” fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur. Skont l-Artikolu 5(4) huma żleali b’mod partikolari l-prattiki kummerċjali qarrieqa (l-Artikoli 6 u 7) jew aggressivi (l-Artikoli 8 u 9). L-Artikolu 5(5) jirreferi għall-Anness I u għal-prattiki kummerċjali elenkati hemmhekk, li “għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali”. Din il-lista tiġi applikata b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha u tista’ tiġi emendata biss billi tiġi riveduta d-Direttiva.
79. Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni min-naħa tal-korpi ġurisdizzjonali u amministrattivi nazzjonali, l-ewwel nett għandha ssir referenza għal-lista ta’ 31 każ ta’ prattika kummerċjali żleali, inkluża fl-Anness I. Jekk prattika kummerċjali taqa’ taħt waħda minn dawn il-każijiet, din għandha tiġi pprojbita, mingħajr ma jsiru iktar verifiki, pereżempju fuq l-effetti tagħha. Jekk il-każ inkwistjoni ma jkunx inkluż f’din il-lista ta’ projbizzjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk ikunx hemm wieħed mill-każijiet deskrittivi pprovduti mill-klawżola ġenerali (prattiki kummerċjali qarrieqa jew aggressivi). Jekk dan ma jkunx il-każ, tiġi applikata direttament il-klawżola ġenerali tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29 (30).
b) Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Belġjana
80. Skont ġurisprudenza kostanti, kull Stat Membru li jkun destinatarju ta’ direttiva għandu l-obbligu li jadotta, fl-ordni ġuridiku tiegħu, dawk il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-direttiva, f’konformità mal-għan mixtieq (31). Marbut ma’ dan l-obbligu, hemm l-obbligu tal-leġiżlatur nazzjonali li għandu jittrasponi korrettament id-Direttiva kkonċernata fid-dritt nazzjonali tiegħu (32).
81. L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-Liġi Belġjana għandha struttura leġiżlattiva differenti minn dik tad-Direttiva 2005/29, peress li fl-Artikolu 54 tissemma projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti li mhijiex ipprovduta mid-Direttiva. B’differenza għal dak li tagħmel il-Liġi Belġjana, id-Direttiva tippreżumi li l-prattiki kummerċjali jkunu ġusti, għall-inqas jekk ma jkunx hemm il-kundizzjonijiet, speċifikatament ipprovduti, biex dawn jiġu pprojbiti (33). Għaldaqstant, hija ssegwi orjentazzjoni differenti minn dik tal-Liġi Belġjana, li tiffavorixxi l-libertà imprenditorjali tal-professjonista u li tikkorrispondi essenzjalment għall-kunċett ta’ “in dubio pro libertate” (34).
82. Peress li l-offerti konġunti mhumiex inklużi fost il-prattiki kummerċjali elenkati fl-Anness I, li jitqiesu bħala żleali f’kull ċirkostanza, fil-prinċipju, dawn jistgħu jiġu pprojbiti biss jekk ikunu prattiki kummerċjali żleali, nagħtu mod għaliex ikunu qarrieqa jew aggressivi skont id-definizzjonijiet tad-Direttiva. Lil hinn minn din il-possibbiltà, jista’ jkun hemm projbizzjoni fis-sens tad-Direttiva 2005/29 biss jekk prattika kummerċjali titqies żleali għaliex tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali jew għaliex toħloq jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju, fir-rigward tal-prodott.
83. Madankollu, jekk dan huwa l-każ tal-offerti konġunti, dan ma jistax jiġi stabbilit b’mod ġenerali, u għalhekk– kif jammetti l-istess Gvern Belġjan (35) – għandha ssir evalwazzjoni tal-prattika kummerċjali konkreta tal-każ individwali. Mill-bqija, anki l-leġiżlatur Komunitarju, kif jirriżulta mis-17-il premessa, iqis li f’każ li prattika kummerċjali ma tkunx inkluża mal-prattiki kummerċjali elenkati fl-Anness I, tkun meħtieġa evalwazzjoni każ b’każ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/29 (36).
84. Skont il-Gvern Belġjan anki l-leġiżlatur nazzjonali, permezz tad-derogi pprovduti fl-Artikoli 55 sa 57 tal-Liġi Belġjana, ipprovda għal tali evalwazzjoni. Madankollu, jista’ jiġi oġġezzjonat li għalkemm l-imsemmija derogi tabilħaqq jillimitaw il-projbizzjoni fil-prinċipju tal-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, xorta jibqa’ l-fatt li din hija lista speċifika ta’ prattiki kummerċjali legali, li ma tistax tiġi estiża biex tiffavorixxi l-libertà imprenditorjali. Il-leġiżlazzjoni Belġjana, meta titqies l-orjentazzjoni tagħha, hija statika, u biss b’leġiżlazzjoni ġdida tista’ tiġi emendata b’tali mod li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva.
85. Din il-projbizzjoni fil-prinċipju, fl-aħħar mill-aħħar, twassal biex l-orjentazzjoni liberali tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni żleali, li għandha d-Direttiva 2005/29, titbiddel fl-oppost tagħha, peress li l-projbizzjoni ssir prinċipju u l-libertà imprenditorjali tispiċċa bħala eċċezzjoni. Mil-lat ġuridiku, il-projbizzjoni tal-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, irrispettivament mill-eċċezzjonijiet inklużi fih, tinvolvi estensjoni mhux ikkontrollata tal-lista tal-prattiki kummerċjali pprojbiti, inkluża fl-Anness I, filwaqt li proprju din l-estensjoni ġiet prekluża lill-Istati Membri għal finijiet ta’ armonizzazzjoni sħiħa u massima li hija l-għan tad-Direttiva 2005/29 (37).
86. Għaldaqstant, l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, minkejja li jiġu pprovduti ċerti eċċezzjonijiet fl-Artikoli 55 sa 57, huwa strutturat b’termini iktar restrittivi u inqas flessibbli mid-Direttiva 2005/29, li tistabbilixxi evalwazzjoni każ b’każ biex ikun ivverifikat jekk hemmx prattiki żleali (38).
87. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-kompitu li prattika kummerċjali tiġi evalwata biex jitqies jekk hix żleali jew le fid-dawl taċ-ċirkostanzi konkreti, fejn jitqies partikolarment l-effett tagħha fuq l-imġiba ekonomika ta’ konsumatur medju, ġie fdat mil-leġiżlatur Komunitarju f’idejn il-korpi ġurisdizzjonali u amministrattivi nazzjonali. Dan jirriżulta espressament mid-diċitura tat-18-il premessa tad-Direttiva (39). Skont l-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva, dawn għandhom il-kompitu li jiggarantixxu l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva permezz ta’ sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati fuq livell nazzjonali (40). Madankollu, jekk il-leġiżlatur Belġjan jistabbilixxi bil-liġi biss liema huma dawk il-prattiki kummerċjali legali u ma jirriserva l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni lill-korpi ġurisdizzjonali u amministrattivi nazzjonali, li anki dawn huma d-destinatarji tad-Direttiva 2005/29, l-għan ta’ traspożizzjoni effettiva tad-Direttiva fuq livell nazzjonali jispiċċa fix-xejn (41).
88. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat jekk dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, li tistabbilixxi projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti mingħajr ma tipprovdi l-possibbiltà li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ inkwistjoni, ġietx ifformulata f’termini iktar restrittivi u ibsin mid-dispożizzjonijiet inklużi fid-Direttiva 2005/29 (42).
89. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana jikkonċerna settur li huwa suġġett għal armonizzazzjoni sħiħa u li fir-rigward tiegħu ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tranżitorji li jissemmew fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29. Ikun xi jkun il-każ, ma jirriżultax u lanqas ma kien sostnut mill-Gvern Belġjan, li l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana għandu l-għan li jimplementa d-direttivi msemmija fid-dispożizzjoni ċċitata (43). Bl-istess mod lanqas id-deroga tal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2005/29 mhi applikabbli.
4. Fuq l-irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern
90. Jeħtieġ li nistaqsu x’effetti jista’ jkollu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni li ntalbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ fis-suq intern. Il-Gvern Belġjan, sostnut mill-Gvern Franċiż, tabilħaqq jisħaq fuq il-fehma tiegħu li l-materja rregolata minn dan ir-Regolament tinkludi fost l-oħrajn anki l-offerti konġunti. Fil-fehma tiegħu, mill-irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni ma jistax jiġi dedott li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2005/29 issa jista’ jkopri dan l-ambitu.
91. Fil-fehma tiegħi, il-Gvern Belġjan ma jistax jinvoka b’mod validu l-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, peress li l-aspettattivi leġittimi li huwa qed jinvoka hawnhekk mhumiex ibbażati fuq sempliċi proposta ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li, fl-aħħar mill-aħħar, qatt ma daħlet fis-seħħ. Kif josserva l-istess Gvern Belġjan, il-proċeduri leġiżlattivi relatati mar-Regolament u mad-Direttiva 2005/29 sa ċertu punt saru fl-istess perijodu. Il-Gvern Belġjan, bħala rappreżentant istituzzjonali ta’ Stat Membru preżenti fil-Kunsill, ħa sehem, b’mod determinanti, fiż-żewġ proċeduri leġiżlattivi, u għaldaqstant kien il-ħin kollu informat bl-iżviluppi li kien qed ikun hemm. Fuq il-livell ġuridiku, għaldaqstant, ma jistax isostni b’mod effettiv li ma kienx jaf xi żviluppi kien qed ikollhom iż-żewġ proċeduri leġiżlattivi (44).
92. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-responsabbiltà partikolari, fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttivi, tal-gvernijiet tal-Istati Membri preżenti fil-Kunsill. Pereżempju, mill-fatt li dawn il-gvernijiet jieħdu sehem fix-xogħlijiet ta’ tħejjija tad-Direttivi, iddeduċiet li dawn għandhom ikunu jistgħu jippreparaw fit-terminu stabbilit id-dispożizzjonijiet legali meħteġa sabiex jiġu implementati (45).
93. Għaldaqstant, il-Gvern Belġjan, mhux iktar tard minn meta ġiet irtirata l-proposta tal-Kummissjoni (46), eventwalment kellu jivverifika jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2005/29 kienx jestendi anki għas-setturi li sa dak iż-żmien kienu koperti mir-Regolament propost. Il-ħtieġa għal tali verifika kienet evidenti, iktar u iktar għaliex id-Direttiva 2005/29 kienet maħsuba, skont il-ħsieb oriġinali tagħha, minn naħa li ddaħħal dispożizzjonijiet ġenerali sussidjarji fis-settur tad-dritt Komunitarju rigward il-protezzjoni tal-konsumatur, u min-naħa l-oħra, li twettaq armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-prattiki kummerċjali żleali (47). Meta jitqies li l-irtirar seħħ f’waqt meta t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29 kien għadu ma skadiex, il-leġiżlatur Belġjan kellu l-obbligu li jqis dawn l-elementi li kien jaf bihom sabiex jadatta d-dritt nazzjonali.
94. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
5. Konklużjonijiet
95. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, nikkonkludi li d-Direttiva 2005/29 tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana.
D – Il-kompatibbiltà tal-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana mal-libertajiet fundamentali
96. Bid-digriet tar-rinviju relatat mal-Kawża C-299/07 qed tintalab anki verifika dwar jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana.
97. Minkejja li fid-domanda preliminari li tikkonċerna l-Kawża C-261/07 ma tissemma l-ebda talba korrispondenti biex jiġi interpretat l-Artikolu 49 KE, madankollu l-qorti nazzjonali qajmet espliċitament din il-kwistjoni fil-motivazzjoni tad-digriet tar-rinviju tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex il-kawża li hija jkollha quddiemha tiġi deċiża, indipendentement minn jekk hija tagħmilx jew le referenza għal dan fid-diċitura tad-domandi preliminari (48). Meta jitqiesu l-effetti li deċiżjoni preliminari jkollha fuq l-ordni ġuridiku tar-Renju tal-Belġju, inqis li huwa essenzjali li l-Artikolu 49 KE jiġi analizzat anki meta tiġi evalwata l-Kawża C-261/07.
98. Madankollu, l-ewwel jeħtieġ jiġi ċċarat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jistgħux jitqiesu bħala parametru ta’ evalwazzjoni, u liema libertajiet fundamentali eventwalment huma rilevanti għal dan il-każ.
1. Il-libertajiet fundamentali bħala kriterji ta’ evalwazzjoni
99. Skont il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta kwistjoni hija rregolata b’mod armonizzat fuq livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali li għandha x’taqsam magħha trid tkun evalwata fid-dawl ta’ din il-miżura ta’ armonizazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE (49). Minkejja dan, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, għandna nżommu quddiem għajnejna li l-Istati Membri kienu obbligati jittrasponu d-Direttiva 2005/29 sa mhux iktar tard mit-12 ta’ Diċembru 2007 (50). Kif ingħad iktar ’il fuq, kellha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika, saħansitra qabel ma skada t-terminu għat-traspożizzjoni, jekk kinitx meħtieġa interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-Direttiva biex ikun żgurat li jintlaħqu l-għanijiet tal-istess Direttiva. Madankollu, din il-problema ma kinitx tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE relatati mal-libertajiet fundamentali, li huma applikabbli direttament, li l-applikabbiltà tagħhom mhijiex inkwistjoni. Għal din ir-raġuni, inqis li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, għall-inqas għal dak li jikkonċerna l-kawżi prinċipali preżenti, jistgħu jitqiesu bħala kriterji ta’ evalwazzjoni flimkien mad-Direttiva 2005/29.
2. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali
100. Ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen, fid-digriet tar-rinviju tagħha fil-Kawża C-299/07, eżaminat il-konformità mad-dritt Komunitarju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tas-servizzi u dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, fejn ibbażat l-eżami tagħha fuq l-Artikolu 28 KE. Il-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza flimkien mal-Kummissjoni josservaw, b’sostenn tat-teżi tagħhom, li fil-qalba taż-żewġ kawżi hemm il-libertà fundamentali tal-moviment tal-merkanzija u mhux dik tal-provvista tas-servizzi.
a) Il-moviment liberu tas-servizzi
101. Skont l-Artikolu 50 KE, is-servizzi huma definiti bħala tali meta normalment jingħataw bi ħlas. Sanoma, skont l-informazzjoni li hi stess tat, tipprovdi servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar, bi ħlas, permezz tad-distribuzzjoni ta’ għadd ta’ rivisti, inkluża r-rivista “Flair”, f’uħud mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-Olanda, il-Belġju u l-Lusemburgu. Fost dawn is-servizzi hija inkluża anki l-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ skont fl-imsemmija rivista, li tat bidu għall-kawża prinċipali. Għaldaqstant, jista’ jitqies li kien hemm servizz fis-sens tal-Artikolu 50 KE.
102. Skont id-digriet tar-rinviju fil-Kawża C-261/07, Total toffri lill-klijenti tagħha servizz bla ħlas ta’ tiswija tal-karozzi, fejn is-servizzi korrispondenti jingħataw minn parti terza, jiġifieri l-impriża Touring. Minkejja li mhumiex magħrufa d-dettalji tar-relazzjoni kuntrattwali bejn iż-żewġ impriżi, madankollu nistgħu nippreżumu li b’dan il-mod Touring tipprovdi servizzi bi ħlas lil Total.
b) Il-moviment liberu tal-merkanzija
103. Madankollu, mill-perspettiva ta’ konsumatur – u fil-fehma tiegħi hija din il-perspettiva li jeħtieġ li nqisu – ix-xiri ta’ rivista flimkien mal-offerta ta’ skont, bħas-sitwazzjoni fil-Kawża C-299/07, fl-aħħar mill-aħħar, tissarraf fl-akkwist ta’ prodott u mhux ta’ servizz, bir-riżultat li dan jista’ jitqies bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-moviment liberu tal-merkanzija.
104. L-istess jista’ jingħad għall-fatti tal-Kawża C-261/07, li jikkonċernaw primarjament ix-xiri ta’ karburant, u għalhekk ta’ prodott. Minkejja li l-konsumatur jibbenefika minn servizzi bla ħlas tal-assistenza fit-triq provduti mill-impriża (Touring) assoċjata ma’ Total, madankollu l-konsumatur ma jixtrix il-prodott biss biex jikseb is-servizzi marbuta miegħu. Anzi, dawn, skont il-funzjoni tal-offerti konġunti, għandhom jinkoraġġixxu x-xiri tal-prodott (51).
105. Għaldaqstant, dawn il-każijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ libertajiet fundamentali.
c) Ir-relazzjoni bejn il-moviment liberu tas-servizzi u l-moviment liberu tal-merkanzija
106. Jeħtieġ li nistaqsu x’relazzjoni hemm bejn dawn il-libertajiet fundamentali. Mis-sottomissjonijiet tal-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza jirriżulta li fil-fehma tagħhom il-moviment liberu tal-merkanzija jipprevali fuq il-moviment liberu tas-servizzi.
107. Meta miżura nazzjonali tirrestrinġi kemm il-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll il-moviment liberu tas-servizzi, effettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel l-istħarriġ tagħha fil-prinċipju biss fir-rigward ta’ waħda biss miż-żewġ libertajiet fundamentali msemmija jekk jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, waħda minnhom hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal-oħra u tista’ tkun konnessa magħha (52). Barra minn hekk, jeħtieġ jitqies li, taħt l-Artikolu 50 KE, il-moviment liberu tas-servizzi huwa sekondarju għall-moviment liberu tal-merkanzija.
108. F’dawn il-każijiet, madankollu, il-moviment liberu tas-servizzi ma jistax ikun marbut mal-moviment liberu tal-merkanzija. Tiġi osservata distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-merkanzija u l-moviment liberu tas-servizzi, kif ġiet proposta mill-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza, biss fil-każ ta’ “provvisti mħallta” fi ħdan l-istess relazzjoni ta’ provvista (53).
109. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni (54), kull waħda minn dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali tikkonċerna relazzjonijiet ġuridiċi differenti – waħda r-relazzjoni bejn l-impriżi, l-oħra r-relazzjoni bejn l-impriża u l-konsumatur – biex b’hekk l-ebda waħda ma tista’ titqies bħala sussidjarja għall-oħra. Konsegwentement, il-kompatibbiltà tal-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana mad-dritt Komunitarju għandha tiġi vverifikata fid-dawl taż-żewġ libertajiet fundamentali.
3. Ir-restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali
a) Il-moviment liberu tal-merkanzija
i) Miżura b’effett ekwivalenti
– Il-Formula Dassonville
110. Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa ggarantit b’mod partikolari permezz tal-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi għall-importazzjoni kif ukoll kwalunkwe miżura b’effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 28 KE.
111. Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 28 KE tkopri l-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ kollha tal-Istati Membri li tista’ tostakola, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju (55). B’hekk, għalkemm miżura nazzjonali ma jkollhiex l-għan li tirregola l-kummerċ bejn l-Istati Membri, dak li huwa determinanti huwa l-effett tagħha fuq il-kummerċ intrakomunitarju, irrispettivament minn jekk ikunx reali jew potenzjali (56). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza huwa suffiċjenti li jkun hemm effetti potenzjali fuq il-kummerċ intrakomunitarju biex jitqies li fil-każ inkwistjoni teżisti sitwazzjoni transkonfinali (57).
112. Fis-sentenza Oosthoek’s Uitgeversmaatschappij (58), il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ projbizzjoni Olandiża li jingħataw rigali, iddikjarat li kien hemm restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija. F’dak iż-żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li leġiżlazzjoni li tirrestinġi jew tipprojbixxi forom partikolari ta’ reklamar u mezzi partikolari ta’ promozzjoni tal-bejgħ, anki jekk ma tinfluwenzax direttament l-importazzjonijiet, tista’ tillimita l-volum tagħhom billi jkollha impatt fuq il-possibbiltà li l-prodotti importati jiġu ddistribwiti. Ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li l-operatur ikkonċernat ikun imġiegħel jadotta diversi skemi ta’ reklamar jew ta’ promozzjoni tal-bejgħ skont l-Istati Membri li fihom ikun qed iwettaq ħidmietu, jiġifieri li jirrinunzja għal skema li huwa jqis li partikolarment effettiva, jista’ jkun ostaklu għall-importazzjonijiet, anki jekk l-imsemmija dispożizzjoni tiġi applikata kemm għall-prodotti nazzjonali kif ukoll għal dawk importati.
113. Jien nara ċertu xebh bejn dawn il-fatti u l-fatti tal-kawża C‑299/07. Fil-fatt, projbizzjoni ta’ offerti konġunti, bħal dik ipprovduta mil-Liġi Belġjana, anki jekk ma tinfluwenzax direttament l-importazzjonijiet, tista’ tagħmilha iktar diffiċli biex l-impriżi jbiegħu prodotti partikolari fil-Belġju milli fi Stati Membri oħra fejn l-offerti konġunti huma permessi. F’dan il-każ, dan japplika għal Sanoma, impriża stabbilita fil-Finlandja, li, skont l-informazzjoni li hi stess tat, permezz tar-rivisti tagħha tirreklama offerti konġunti ta’ diversi offerenti, b’mod partikolari fil-Finlandja, fl-Olanda u fil-Lussemburgu, pajjiżi li fihom m’hemmx projbizzjoni ta’ din ix-xorta. Ikun xi jkun il-każ, tali projbizzjoni twassal biex Sanoma tkun tista’ tbiegħ ir-rivisti tagħha fil-Belġju biss wara li tkun aċċertat ruħha li hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ipprovduti mil-Liġi Belġjana.
114. Għaldaqstant, għall-inqas fuq il-bażi tad-definizzjoni wiesgħa ta’ miżura b’effett ekwivalenti skont l-Artikolu 28 KE, jidher li jeżisti limitu għall-moviment liberu tal-merkanzija.
– Il-metodi tal-bejgħ
115. Madankollu, fis-sentenza Keck u Mithouard (59), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, ma jistgħux jikkostitwixxu ostaklu dirett jew indirett, fil-fatt jew potenzjalment, għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra.
116. Il-projbizzjoni nazzjonali ta’ offerti konġunti mhijiex dispożizzjoni li tikkonċerna l-karatteristiċi tal-prodott peress li ma tikkonċernax l-isem, il-forma, id-daqs, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikettar jew l-ippakkjar ta’ prodott (60). Minflok, din hija dispożizzjoni li tikkonċerna d-distribuzzjoni tal-prodott, li tipprojbixxi ċerti strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni maħsuba għall-promozzjoni tal-bejgħ (61) u, għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, ta’ metodu ta’ bejgħ fis-sens tal-ġurisprudenza.
117. Fl-aħħar nett, għandu jiġi dedott mid-digriet tar-rinviju (62) li l-projbizzjoni, fil-Belġju tapplika kemm għall-operaturi nazzjonali kif ukoll għal dawk barranin.
ii) Konklużjonijiet
118. Minn dawn l-elementi, nixtieq nagħlaq billi nosserva li l-projbizzjoni tal-offerti konġunti skont l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana ma tistax titqies bħala miżura b’effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28 KE.
119. Konsegwentement, l-Artikolu 28 KE ma jipprekludix tali dispożizzjoni ta’ Stat Membru.
b) Il-moviment liberu tas-servizzi
120. L-Artikolu 49 KE, jimponi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li fih dan jipprovdi servizzi simili legalment (63).
121. Skont l-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, il-projbizzjoni inkwistjoni tagħmilha iktar diffiċli li impriża bħal Sanoma tipprovdi servizzi ta’ reklamar lil impriżi oħrajn li, skont id-definizzjoni legali inkluża fid-dispożizzjoni tal-liġi msemmija, għandhom ikunu ddefiniti bħala offerti konġunti. Kif ingħad iktar ’il fuq (64), prattikament Sanoma tkun qed tiġi mġiegħla tikkontrolla kull reklam sabiex tivverifika jekk dan huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni Belġjana, filwaqt li tali kundizzjoni mhijiex meħtieġa f’pajjiżi oħra fejn hija tqassam ir-rivisti tagħha u fejn m’hemmx projbizzjoni simili. Din il-kundizzjoni definittivament tista’ tagħmel inqas interessanti l-introduzzjoni ta’ offerti konġunti partikolari min-naħa ta’ Sanoma u tal-imsieħba kummerċjali tagħha, offerti li huma indirizzati, fost l-oħrajn, anki lill-qarrejja residenti fil-Belġju. Għalhekk, hemm restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi.
122. Skont ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 49 KE ma japplikax fir-rigward ta’ attivitajiet li huma limitati f’kull aspett fi Stat Membru wieħed (65). Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi kkonstatat, għall-kuntrarju tal-Kawża C-299/07, li m’hemmx sitwazzjoni transkonfinali fil-C‑261/07, iktar u iktar għaliex kemm Total kif ukoll Touring għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fil-Belġju. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan il-fatt ma jeskludix l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 KE, ladarba l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 KE għandom japplikaw f’kull każ fejn fornitur ta’ servizzi joffri s-servizzi tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun stabbilit, indipendentement minn fejn ikun stabbilit id-destinatarju ta’ dawn is-servizzi (66). Kif spjegat Total fis-sottomissjonijiet tagħha, l-offerta ta’ Total Assistance hija applikata f’iktar minn 35 pajjiż Ewropew. Peress li Touring tagħti servizzi ta’ assistenza fit-triq lill-klijenti ta’ Total anki barra mill-Belġju hija tagħtiha, bħala l-imsieħba kummerċjali tagħha, servizz li jista’ jiġi definit bħala transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 49 KE.
123. Projbizzjoni ġenerali ta’ offerti konġunti li permezz tagħha tiġi pprojbita l-provvista ta’ servizz ta’ assistenza fit-triq marbut max-xiri ta’ karburant mingħajr ma jkun hemm il-possibbiltà li jiġu mistħarrġa ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ partikolari, hija definittivament ta’ natura li timpedixxi b’mod sinjifikanti l-għoti ta’ servizzi ta’ din ix-xorta. B’hekk, tkun qed twettaq restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi (67).
4. Ġustifikazzjoni
124. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, peress li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tikkostitwixxi waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità (68), restrizzjoni ta’ din il-libertà tista’ tiġi ammessa biss jekk l-għan imfittex minnha jkun leġittimu u kompattibbli mat-Trattat u jkun ġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, safejn, fl-istess każ, din tkun tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan jinkiseb (69).
a) Il-protezzjoni tal-konsumatur bħal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali
125. L-għan tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkonsisti, kif jirriżulta mill-istess titolu tal-liġi, fil-protezzjoni tal-konsumatur. Il-ġurisprudenza tammetti li l-protezzjoni tal-konsumatur hija raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fil-moviment liberu tas-servizzi (70).
b) L-idoneità ta’ projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti
126. Fis-sentenza ċċitata Oosthoek’s Uitgeversmaatschappij (71), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li l-offerta ta’ rigali bħala mezz ta’ promozzjoni tal-bejgħ tista’ twassal biex il-konsumaturi jieħdu żball rigward il-prezzijiet reali tal-prodotti u tista’ tgħawweġ il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bbażata fuq il-kompetittività. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni li, li għall-imsemmija raġuni tillimita jew saħansitra tipprojbixxi tali prattiki kummerċjali, tista’ tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumatur u għal kummerċ ġust.
127. Għalkemm minn perspettiva kunċettwali, offerta konġunta ma tistax tiġi pparagunata ma’ rigal (72), madankollu anki offerta konġunta li mhijiex trasparenti tista’ twassal biex il-konsumaturi jieħdu żball rigward il-kontenut reali u l-kwalitajiet effettivi tal-prodotti jew tas-servizzi offruti b’mod konġunt. Ikun hemm livell għoli ta’ riskju li jitwettaq żball b’mod partikolari meta min jirreklama l-prodott jaħbi ċerta informazzjoni fundamentali jew jipprovdiha b’mod mhux ċar, li ma tinftiehemx jew ambigwu. Jekk minħabba f’hekk il-konsumatur jagħmel żball dwar kemm ikun jaqbillu l-prezz tal-offerta konġunta, dwar il-karatteristiċi jew anki dwar il-valur tal-offerti konġunti, fl-istess ħin tkun qed titnaqqaslu l-possibbiltà li jipparaguna l-prezz u l-kwalità ta’ din l-offerta ma’ offerti simili offruti minn operaturi oħrajn (73). Għaldaqstant, projbizzjoni fil-prinċipju ta’ offerti konġunti tista’ tipprevjeni dan ir-riskju għall-konsumatur.
c) Il-ħtieġa/Il-proporzjonalità
128. Fil-fehma tiegħi, madankollu, projbizzjoni fil-prinċipju ta’ offerti konġunti tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur.
129. Naqbel mal-Kummissjoni meta tgħid li din il-protezzjoni tista’ tkun iggarantita wkoll permezz ta’ arranġamenti iktar flessibbli u differenzjati, jiġifieri billi jiġu pprojbiti biss dawk l-offerti konġunti li, skont il-karatteristiċi konkreti tal-każ inkwistjoni, għandhom jitqiesu qarrieqa jew aggressivi jew inkella li jbiddlu jew li jistgħu jbiddlu b’mod anki sostanzjali l-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju. Id-Direttiva 2005/29 toffri mudell ta’ arranġamenti ta’ din ix-xorta.
130. Arranġamenti differenzjati jkunu iktar meħtieġa meta, kif ingħad iktar ’il fuq, mhux kull offerta konġunta tista’ tiġi definita bħala prattika kummerċjali żleali (74). Għaldaqstant, jista’ jkun hemm konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità biss minn dispożizzjoni li tipproteġi kemm jista’ jkun il-moviment liberu tas-servizzi u tipprojbixxi biss il-prattiki kummerċjali li jagħmlu ħsara lill-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, dispożizzjoni bħal dik ipprovduta mill-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana, li tistabbilixxi projbizzjoni fil-prinċipju tal-offerti konġunti u tammetti biss ċerti każijiet ta’ offerti ta’ dik ix-xorta li ġew elenkati speċifikatament, tmur kontra din l-orjentazzjoni liberali (75).
131. Għaldaqstant, hemm restrizzjoni sproporzjonata għall-moviment liberu tas-servizzi.
5. Konklużjonijiet
132. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 49 KE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana.
VII – Konklużjoni
133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen fit-termini li ġejjin:
Id-Direttiva 2005/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju, kif ukoll l-Artikolu 49 KE dwar il-moviment liberu tas-servizzi jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 54 tal-Liġi Belġjana tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur li – ħlief il-każijiet speċifikatament elenkati fil-liġi – tipprojbixxi kull offerta konġunta ta’ bejjiegħ lil konsumatur, biex b’hekk l-akkwist, bi flus jew bla ħlas, ta’ prodotti, ta’ servizzi, ta’ benefiċċji oħra, jew ta’ vawċers li jippermettu biex jinkisbu l-imsemmija, huwa marbut max-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi oħrajn, anki jekk ikunu identiċi, u dan indipendentement miċ-ċirkostanzi tal-każ, b’mod partikolari indipendentement mill-impatt li l-offerta speċifika jista’ jkollha fuq il-konsumatur medju, u indipendentement minn jekk l-imsemmija offerta fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tistax titqies bħala li tmur kontra l-obbligi ta’ diliġenza professjonali jew ta’ prattiki kummerċjali onesti.